This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document C/2025/00596
New national side of euro coins intended for circulation
Wiċċ nazzjonali ġdid tal-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni
Wiċċ nazzjonali ġdid tal-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni
PUB/2025/15
ĠU C, C/2025/596, 22.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/596/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/596 |
22.1.2025 |
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
Wiċċ nazzjonali ġdid tal-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni
(C/2025/596)
Wiċċ nazzjonali tal-munita kommemorattiva l-ġdida ta’ EUR 2, maħsuba biex titqiegħed fiċ-ċirkolazzjoni u maħruġa mil-Litwanja
Il-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni għandhom status ta’ valuta legali fiż-żona tal-euro kollha. Bil-għan li tinforma lill-pubbliku u lill-partijiet kollha li jużaw il-muniti, il-Kummissjoni tippubblika deskrizzjoni tad-disinji tal-muniti l-ġodda kollha (1). F’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2009 (2), l-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-pajjiżi li kkonkludew ftehim monetarju mal-Unjoni Ewropea li jipprevedi l-ħruġ ta’ muniti tal-euro huma awtorizzati li joħorġu muniti kommemorattivi tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni kemm-il darba jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet, b’mod partikolari li jintużaw muniti ta’ EUR 2 biss. Dawn il-muniti għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi bħall-muniti l-oħra ta’ EUR 2, iżda n-naħa nazzjonali tagħhom fiha disinn kommemorattiv li jkun simboliku ħafna f’termini nazzjonali jew Ewropej.
Pajjiż tal-ħruġ: Il-Litwanja
Suġġett tal-kommemorazzjoni: It-tradizzjoni Litwana tal-ġonna tat-tiben (strutturi magħmulin mit-tiben) imniżżla fuq il-Lista Rappreżentattiva tal-UNESCO tal-Patrimonju Kulturali Intanġibbli tal-Umanità
Deskrizzjoni tad-disinn: Id-disinn fih ġnien tat-tiben stilizzat li jikkonsisti f’forom ġeometriċi ta’ daqsijiet li jvarjaw, li ponta minnhom hija ppuntata ’l fuq (lejn is-sema) u l-oħra ’l isfel (lejn l-art). Id-disinn għandu wkoll l-iskrizzjoni “LIETUVA” (LITWANJA), is-sena tal-ħruġ (2024) u l-marka taz-zekka taz-Zekka Litwana. Il-ġonna tat-tiben huma tradizzjoni kulturali Baltika li ġġorr sinifikat dekorattiv u ċerimonjali u hija relatata mal-benesseri u l-ispiritwalità. In-naħa nazzjonali tal-munita hija ddisinjata minn Tomas Dragūnas.
Iċ-ċirku ta’ barra tal-munita juri t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.
Għadd ta’ muniti stmat li se jinħarġu: 500 000
Data tal-ħruġ: Ir-raba’ trimestru tal-2024
(1) Ara l-ĠU C 373, 28.12.2001, p. 1 għall-uċuħ nazzjonali tal-muniti kollha li nħarġu fl-2002.
(2) Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-10 ta’ Frar 2009 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar il-linji gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/596/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)