This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62023CO0639(01)
Order of the Vice-President of the Court of 27 March 2024.#European Commission v Amazon Services Europe Sàrl.#Appeal – Interim relief – Approximation of laws – Regulation (EU) 2022/2065 – Single market for digital services – Additional online advertising transparency – Decision to designate a very large online platform – Action for annulment.#Case C-639/23 P(R).
Digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Marzu 2024.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Amazon Services Europe Sàrl.
Appell – Proċeduri għal miżuri provviżorji – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Regolament (UE) 2022/2065 – Suq uniku tas-servizzi diġitali – Trasparenza addizzjonali fir-reklamar online – Deċiżjoni li tindika pjattaforma online kbira ħafna – Rikors għal annullament.
Kawża C-639/23 P(R).
Digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Marzu 2024.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Amazon Services Europe Sàrl.
Appell – Proċeduri għal miżuri provviżorji – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Regolament (UE) 2022/2065 – Suq uniku tas-servizzi diġitali – Trasparenza addizzjonali fir-reklamar online – Deċiżjoni li tindika pjattaforma online kbira ħafna – Rikors għal annullament.
Kawża C-639/23 P(R).
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:277
DIGRIET TAL-VIĊI PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA
27 ta’ Marzu 2024 (*)
“Appell – Proċeduri għal miżuri provviżorji – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Regolament (UE) 2022/2065 – Suq uniku tas-servizzi diġitali – Trasparenza addizzjonali fir-reklamar online – Deċiżjoni li tindika pjattaforma online kbira ħafna – Rikors għal annullament”
Fil-Kawża C‑639/23 P(R),
li għandha bħala suġġett appell taħt it-tieni paragrafu tal-Artikolu 57 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fl‑24 ta’ Ottubru 2023,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Armati, A. de Gregorio Merino u P.‑J. Loewenthal, bħala aġenti,
rikorrenti,
sostnuta minn:
Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn M. Menegatti, E. Ni Chaoimh u L. Taïeb, bħala aġenti,
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn N. Brzezinski, M. Moore u E. Sitbon, bħala aġenti,
intervenjenti fl-appell,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Amazon Services Europe Sàrl, stabbilita fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu), irrappreżentata minn A. Conrad u M. Frank, Rechtsanwälte, I. Ioannidis, dikigoros, u R. Spanó, avocat,
rikorrenti fl-ewwel istanza,
IL-VIĊI PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,
wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, M. Szpunar,
jagħti l-preżenti
Digriet
1 Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tad-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑27 ta’ Settembru 2023, Amazon Services Europe vs Il‑Kummissjoni (T‑367/23 R, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”, EU:T:2023:589), li permezz tiegħu dan, minn naħa, ordna li tiġi sospiża l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2023) 2746 final tal‑25 ta’ April 2023 li tindika li Amazon Store hija pjattaforma online kbira ħafna (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”) konformement mal-Artikolu 33(4) tar-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) (ĠU 2022, L 277, p. 1), sa fejn, bis-saħħa ta’ din id-deċiżjoni, Amazon Services Europe Sàrl (iktar ’il quddiem “Amazon”) għandha obbligu tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku r-repożitorju rikjest mill-Artikolu 39 ta’ dan ir-regolament, bla ħsara għall-obbligu, għal Amazon, li tikkompila dan ir-repożitorju, u, min-naħa l-oħra, ċaħad, għall-kumplament, it-talba għal miżuri provviżorji mressqa minn Amazon.
Il-kuntest ġuridiku
Id-Direttiva 2000/31/KE
2 Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13 Vol. 25, p. 399), tiddikjara fl-Artikolu 6(b) tagħha:
“Minbarra l-ħtiġijiet oħra għall-informazzjoni stabbiliti b’liġi tal-Komunità, Stati Membri għandhom jassiguraw li komunikazzjonijiet kummerċjali li huma parti minn, jew jikkostitwixxu, servizz għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni, li jkunu konformi mill-anqas ma’ dawn il-kundizzjonijiet:
[…]
(b) il-persuna naturali jew [ġ]uridika li f’isimha l-komunikazzjoni kummerċjali ssir għandha tkun identifikabbli b’mod ċar”.
Id-Direttiva 2005/29/KE
3 Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU 2005, L 149, p. 22, rettifika fil-ĠU 2006 L 114, p. 86), tipprovdi, fl‑Artikolu 5(1), (2) u (5) tagħha:
“1. Il-prattiċi kummerċjali żleali għandhom ikunu projbiti.
2. Prattika kummerċjali tkun żleali jekk:
a) hija kuntrarja għar-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali,
u
b) toħloq distorsjoni sostanzjali jew tista’ toħloq distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika, fir-rigward tal-prodott, tal-konsumatur medju li tilħaq jew li lilu tkun indirizzata, jew tal-membru medju tal-grupp meta xi prattika kummerċjali tkun diretta lejn grupp partikolari ta’ konsumaturi. […]
5. Fl-Anness I tinsab lista ta’ dawk il-prattiċi kummerċjali li għandhom f’kull ċirkostanza jitqiesu bħala żleali. L-istess lista waħdanija għandha tapplika fl-Istati Membri kollha u tista tiġi modifikata biss permezz ta’ revizjoni tad-Direttiva.”
4 Skont l-Anness I ta’ din id-direttiva fost il-prattiki kummerċjali li f’kull ċirkustanza huma kkunsidrati żleali hemm il-prattiki kummerċjali qarrieqa. Bis-saħħa tal-punt 11 ta’ dan l-anness, il-fatt li “kummerċjant juża kontenut editorjali fil-medja sabiex jippromwovi prodott fejn huwa jkun ħallas għall-promozzjoni tiegħu mingħajr ma jagħmel dan ċar fil-kontenut jew permezz ta’ immaġini u ħsejjes identifikabbli b’mod ċar mill-konsumatur (advertorial)”, jikkostitwixxi prattika kummerċjali qarrieqa.
Ir-Regolament (UE) 2016/679
5 Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2), jipprevedi, fl-Artikolu 15(1)(b) u (h) tiegħu:
“Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur konferma dwar jekk id-data personali li tikkonċerna lilu hijiex qiegħda tiġi proċessata jew le, u, fejn dan ikun il-każ, l-aċċess għad-data personali u l-informazzjoni li ġejja:
[…]
(b) il-kategoriji ta’ data personali inkwistjoni;
[…]
(h) l-eżistenza ta’ teħid awtomatizzat ta’ deċiżjonijiet, inkluż it-tfassil ta’ profili, imsemmi fl-Artikolu 22(1) u (4) u, għall-inqas f’dawk il-każijiet, l-informazzjoni importanti dwar il-loġika involuta, kif ukoll is-sinifikat u l-konsegwenzi previsti ta’ tali pproċessar għas-suġġett tad-data.”
Ir-Regolament (UE) 2019/1150
6 L-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) 2019/1150 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-promozzjoni tal-korrettezza u tat-trasparenza għall-utenti kummerċjali tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online (ĠU 2019, L 186, p. 57), huwa fformulat kif ġej:
“Fit-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom, il-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online għandhom jistabbilixxu l-parametri prinċipali li jiddeterminaw l-ikklassifikar u r-raġunijiet għall-importanza relattiva ta dawk il-parametri prinċipali meta mqabbla ma parametri oħra.”
Ir‑Regolament 2022/2065
7 Il-premessi 75, 76, 95 u 155 tar-Regolament 2022/2065 huma fformulati kif ġej:
“(75) Minħabba l-importanza tal-pjattaformi online kbar ħafna, dovuta għall-ilħuq tagħhom, b’mod partikolari espress fl-għadd ta’ riċevituri tas-servizz, fil-faċilitazzjoni tad-dibattitu pubbliku, tat-tranżazzjonijiet ekonomiċi u tad-disseminazzjoni lill-pubbliku ta’ informazzjoni, opinjonijiet u ideat u minħabba li jinfluwenzaw il-mod ta’ kif ir-riċevituri jiksbu u jikkomunikaw l-informazzjoni online, huwa meħtieġ li jiġu imposti obbligi speċifiċi fuq il-fornituri ta’ dawk il-pjattaformi, minbarra l-obbligi applikabbli għall-pjattaformi online kollha. […]
(76) Il-pjattaformi online kbar ħafna u l-magni tat-tiftix online kbar ħafna jistgħu jikkawżaw riskji soċjetali, differenti fl-ambitu u fl-impatt tagħhom minn dawk ikkawżati minn pjattaformi iżgħar. Għalhekk, il-fornituri ta’ tali pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna jenħtieġ li jkollhom l-ogħla standard ta’ obbligi ta’ diliġenza dovuta, b’mod proporzjonat għall-impatt soċjetali tagħhom. […]
[…]
(95) Is-sistemi tar-reklamar użati mill-pjattaformi online kbar ħafna u mill-magni tat-tiftix online kbar ħafna joħolqu riskji partikolari u jirrikjedu superviżjoni pubblika u regolatorja ulterjuri minħabba l-iskala tagħhom u l-kapaċità tagħhom li jimmiraw u jilħqu r-riċevituri tas-servizz abbażi tal-imġiba tagħhom fi ħdan u barra mill-interfaċċa online ta’ dik il-pjattaforma jew magna tat-tiftix. […]
[…]
(155) Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-funzjonament tajjeb tas-suq intern u l-iżgurar ta’ ambjent online sikur, prevedibbli u affidabbli li fih id-drittijiet fundamentali mnaqqxa fil-[Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”)] jkunu protetti kif dovut, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba li ma jistgħux jiksbu l-armonizzazzjoni u l-kooperazzjoni meħtieġa jekk jaġixxu waħedhom, iżda, minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali u personali tiegħu, jista’ jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni [Ewropea], l-Unjoni tista’ tadotta miżuri […]”.
8 L-Artikolu 26(1)(b) sa (d) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:
“Il-fornituri ta’ pjattaformi online li jippreżentaw reklami fuq l-interfaċċi online tagħhom għandhom jiżguraw li, għal kull reklam speċifiku ppreżentat lil kull riċevitur individwali, ir-riċevituri tas-servizz ikunu jistgħu jidentifikaw, b’mod ċar, konċiż u mhux ambigwu u f’ħin reali, dawn li ġejjin:
[…]
(b) il-persuna fiżika jew ġuridika li f’isimha jkun qed jiġi ppreżentat ir-reklam;
(c) il-persuna fiżika jew ġuridika li tkun ħallset għar-reklam jekk dik il-persuna tkun differenti mill-persuna fiżika jew ġuridika msemmija fil-punt (b);
(d) informazzjoni sinifikanti aċċessibbli direttament u faċilment mir-reklam dwar il-parametri ewlenin użati biex jiġi ddeterminat ir-riċevitur li lilu qed jiġi ppreżentat ir-reklam u, fejn applikabbli, kif jistgħu jinbidlu dawk il-parametri.”
9 Skont l-Artikolu 33(1) u (4) tal-imsemmi regolament:
“1. Din it-Taqsima għandha tapplika għall-pjattaformi online u magni tat-tiftix online li jilħqu għadd ta’ riċevituri attivi medji fix-xahar tas-servizz fl-Unjoni li jilħaq il-45 miljun jew iżjed, […]
[…]
4. Il-Kummissjoni għandha, wara li tkun ikkonsultat l-Istat Membru tal-istabbiliment […], tadotta deċiżjoni li tiddeżinja bħala pjattaforma online kbira ħafna jew magna tat-tiftix online kbira ħafna għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament il-pjattaforma online jew il-magna tat-tiftix online li jkollha għadd ta’ riċevituri attivi medji fix-xahar tas-servizz daqs jew iżjed mill-għadd imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. […]”
10 L-Artikolu 38 tal-istess regolament jipprevedi:
“ […] il-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna li jużaw sistemi ta’ rakkomandazzjoni għandhom jipprovdu mill-inqas għażla waħda għal kull waħda mis-sistemi ta’ rakkomandazzjoni tagħhom li mhix ibbażata fuq it-tfassil ta’ profili […]”
11 L-Artikolu 39(1) u (2) tar-Regolament 2022/2065 jipprevedi:
“1. Il-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna li jippreżentaw reklamar fuq l-interfaċċi online tagħhom għandhom jikkompilaw u jagħmlu disponibbli għall-pubbliku f’taqsima speċifika tal-interfaċċa online tagħhom, permezz ta’ għodda konsultabbli u affidabbli li tippermetti tfittxijiet b’diversi kriterji, u permezz tal-interfaċċi tal-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet, repożitorju li jkun fih l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, għall-perjodu sħiħ li fih jippreżentaw reklam u sa sena wara li r-reklam ikun ġie ppreżentat għall-aħħar darba fuq l-interfaċċi online tagħhom. Għandhom jiżguraw li r-repożitorju ma jkun fih l-ebda data personali tar-riċevituri tas-servizz li lilhom ikun ġie ppreżentat jew seta’ ġie ppreżentat ir-reklam, u għandhom jagħmlu sforzi raġonevoli biex jiżguraw li l-informazzjoni tkun eżatta u kompluta.
2. Ir-repożitorju għandu jinkludi mill-inqas l-informazzjoni kollha li ġejja:
(a) il-kontenut tar-reklam, inkluż l-isem tal-prodott, is-servizz jew il-marka u s-suġġett tar-reklam;
(b) il-persuna fiżika jew ġuridika li f’isimha jkun qed jiġi ppreżentat ir-reklam;
(c) il-persuna fiżika jew ġuridika li tkun ħallset għar-reklam, jekk dik il-persuna tkun differenti mill-persuna msemmija fil-punt (b);
(d) il-perjodu li matulu jkun ġie ppreżentat ir-reklam;
(e) jekk ir-reklam kienx maħsub biex jiġi ppreżentat speċifikament lil grupp wieħed jew aktar ta’ riċevituri tas-servizz u, jekk iva, il-parametri ewlenin użati għal dak il-għan, fosthom, fejn applikabbli, il-parametri ewlenin użati għall-esklużjoni ta’ wieħed jew aktar minn dawn il-gruppi partikolari;
(f) il-komunikazzjonijiet kummerċjali ppubblikati fuq il-pjattaformi online kbar ħafna […];
(g) l-għadd totali ta’ riċevituri tas-servizz milħuq u, meta applikabbli, numri aggregati mqassmin għal kull Stat Membru għall-grupp jew għall-gruppi ta’ riċevituri li għalihom kien immirat speċifikament ir-reklam.”
12 L-Artikolu 92 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:
“Dan ir-Regolament għandu japplika għall-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna ddeżinjati fis-sens tal-Artikolu 33(4) minn erba’ xhur wara n-notifika lill-fornitur ikkonċernat […] fejn dik id-data tkun qabel is-17 ta’ Frar 2024.”
13 L-Artikolu 93(2) tal-imsemmi regolament jipprevedi:
“Dan ir-Regolament għandu japplika mis-17 ta’ Frar 2024.
Madankollu, […] l-Artikolu 33(3) sa (6), […] [għandu japplika] mis‑16 ta’ Novembru 2022.”
Il-fatti li wasslu għall-kawża
14 Il-fatti li wasslu għall-kawża huma esposti fil-punti 2 sa 6 tad-digriet appellat. Għall-finijiet ta’ din il-proċedura, dawn jistgħu jiġu deskritti fil-qosor kif ġej.
15 Amazon tappartjeni għall-Grupp Amazon, li huwa grupp multinazzjonali ta’ kumpanniji. L-attivitajiet kummerċjali tagħha jinkludu l-bejgħ bl-imnut online u servizzi oħra, bħall-cloud informatiku u l-istreaming diġitali. Hija tipprovdi lill-bejjiegħa terzi servizzi ta’ marketplace li jippermettulhom jipproponu prodotti għall-bejgħ permezz tal-Amazon Store. Hija ssostni wkoll lill-bejjiegħa terzi, fost oħrajn billi tipproponilhom għodda biex tgħinhom jamministraw u jiżviluppaw l-attivitajiet tagħhom, b’mod partikolari fuq l-Amazon Store.
16 Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni, fuq il-bażi tal-Artikolu 33(4) tar-Regolament 2022/2065 indikat lil Amazon Store bħala pjattaforma online kbira ħafna.
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet appellat
17 Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑5 ta’ Lulju 2023, Amazon ippreżentat appell intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.
18 Permezz ta’ att separat, sottomess fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ Lulju 2023, Amazon ressqet talba għal miżuri provviżorji intiż, b’mod partikolari, għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni, sakemm il-Qorti Ġenerali tkun tat deċiżjoni definittiva fil-kawża prinċipali, sa fejn din timponi fuq Amazon, minn naħa, l-obbligu li tipproponi lill-utenti opzjoni għal kull waħda mis-sistemi ta’ rakkomandazzjoni li ma tkunx ibbażata fuq it-tfassil ta’ profil, konformement mal-Artikolu 38 tar-Regolament 2022/2065, kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-obbligu li tikkompila u li tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku r-repożitorju rikjest mill-Artikolu 39 ta’ dan ir-regolament.
19 Permezz tad-digriet tat‑28 ta’ Lulju 2023, Amazon Services Europe vs Il‑Kummissjoni (T‑367/23 R), adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 157(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-President tal-Qorti Ġenerali ordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża sad-data ta’ għoti tad-digriet li jtemm il-proċeduri għal miżuri provviżorji mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali.
20 Permezz tad-digriet appellat, il-President tal-Qorti Ġenerali, minn naħa, ordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, sa fejn din id-deċiżjoni timponi lil Amazon tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku r-repożitorju rikjest mill-Artikolu 39 tar-Regolament 2022/2065, bla ħsara għall-obbligu ta’ Amazon li tikkompila dan ir-repożitorju, u, min-naħa l-oħra, ċaħad, għall-kumplament, it-talba għal miżuri provviżorji mressqa minn Amazon.
21 Qabel kollox, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-urġenza, eżaminata fil-punti 26 sa 69 ta’ dan id-digriet, il-President tal-Qorti Ġenerali kkunsidra, fil-punt 55 tiegħu, li Amazon ma kinitx stabbilixxiet l-eżistenza ta’ dannu gravi u irreparabbli li jirriżulta mit-tqegħid f’konformità ta’ Amazon Store mal-Artikolu 38 tar-Regolament 2022/2065. Min-naħa l-oħra, fil-punti 65 sa 69 tal-imsemmi digriet, il-President tal-Qorti Ġenerali qies li ġie stabbilit suffiċjentement kif meħtieġ mil-liġi li t-tqegħid f’konformità ta’ Amazon Store mal-Artikolu 39 ta’ dan ir-regolament probabbilment jagħti lok, għal Amazon, għal dannu gravi u irreparabbli.
22 Sussegwentement, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar il-fumus boni juris, il-President tal-Qorti Ġenerali ddeċieda, fil-punt 79 tal-istess digriet, li t-tielet motiv invokat minn Amazon insostenn tar-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, ibbażat fuq in-natura illegali tal-Artikolu 39 tal-imsemmi regolament, kien jidher, prima facie, li ma huwiex nieqes minn bażi serja u għaldaqstant jixirqilha eżami ddettaljata li ma tistax tiġi effettwata mill-imħallef għal miżuri provviżorji.
23 Fl-aħħar nett, il-President tal-Qorti Ġenerali kkunsidra, fil-punt 83 tad-digriet appellat, “li l-interess għal ċaħda tat-talba għal miżuri provviżorji għandu jaqa’ quddiem l-interess difiż minn [Amazon]”.
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet
24 Permezz ta’ digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑13 ta’ Diċembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Amazon Services Europe (C‑639/23 P(R), EU:C:2023:1006), il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tħallew jintervjenu f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.
25 Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tannulla d-digriet appellat;
– tiddeċiedi definittivament hija stess it-tilwima billi tiċħad it-talba għal miżuri provviżorji u t-talba għal miżuri provviżorji interlokutorji;
– sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;
– b’mod ulterjorment sussidjarju, tbiddel id-digriet appellat b’mod li l-obbligu ta’ Amazon li tqiegħed ir-repożitorju rikjest mill-Artikolu 39 tar-Regolament 2022/2065 għad-dispożizzjoni tal-pubbliku jiġi sospiż biss fir-rigward tal-informazzjoni elenkata fl-Artikolu 39(2)(d) u (g) ta’ dan ir-regolament, u
– tikkundanna lil Amazon għall-ispejjeż tal-istanza.
26 Amazon titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tiċħad l-appell;
– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż marbuta maż-żewġ appell, u,
– fl-ipoteżi fejn l-appell jintlaqa’, tagħtiha terminu ta’ 28 jum biex tikkonforma ruħha mal-obbligu li tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku r-repożitorju rikjest mill-Artikolu 39 tal-imsemmi regolament.
27 Il-Parlament u l-Kunsill jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ t-talbiet tal-Kummissjoni.
Fuq l-appell
28 Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tqajjem erba’ aggravji, ibbażati, essenzjalment, l-ewwel, fuq żball ta’ liġi u fuq applikazzjoni manifestament żbaljata tal-kundizzjoni dwar il-fumus boni juris, it-tieni, fuq difetti proċedurali kif ukoll fuq żball ta’ liġi u fuq applikazzjoni manifestament żbaljata tal-kundizzjoni dwar l-urġenza, it-tielet, fuq żball ta’ liġi u fuq applikazzjoni manifestament żbaljata tal-kundizzjoni dwar l-ibbilanċjar tal-interessi u, ir-raba’, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
29 Jeħtieġ li qabel kollox tiġi eżaminata t-tieni parti tat-tieni aggravju.
Argumenti
30 Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-President tal-Qorti Ġenerali, billi qies, fil-punt 24 tad-digriet appellat, li kellu għad-dispożizzjoni tiegħu “l-elementi kollha neċessarji biex jiddeċiedi” dwar it-talba għal miżuri provviżorji, meta ma kienx iddeċieda dwar it-talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mressqa mill-Kummissjoni, kiser il-prinċipju tal-kontradittorju, fejn b’hekk kiser ukoll l-Artikoli 88 u 90 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali kif ukoll il-prinċipju ta’ audi alteram partem.
31 F’dan ir-rigward, hija tfakkar li, fit‑28 ta’ Lulju 2023, il-President tal-Qorti Ġenerali adotta miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li b’konsegwenza tagħha Amazon issottomettiet nota twila intiża li tissostanzja l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li l-informazzjoni li l-Artikolu 39 tar-Regolament 2022/2065 jimponilha li tiżvela hija ta’ natura kunfidenzjali. Il-Kummissjoni tesponi li l-President tal-Qorti Ġenerali, min-naħa l-oħra, irrifjuta li jilqa’ t-talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura sussegwenti li hija ressqet sabiex tkun tista’ twieġeb għall-argumenti l-ġodda mressqa minn Amazon f’din in-nota.
32 Issa, il-President tal-Qorti Ġenerali għandu obbligu josserva n-natura kontradittorja tal-proċedura u l-prinċipju ta’ audi alteram partem meta jevalwa l-ħtieġa li jadotta miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura. Konsegwentement, il-Kummissjoni missha kellha l-possibbiltà li twieġeb għall-argumenti ta’ Amazon imressqa fin-nota msemmija fil-punt preċedenti, speċjalment ladarba l-għoti tas-sospensjoni mill-eżekuzzjoni kontenzjuża hija esklużivament ibbażata, f’dan il-każ, fuq l-allegazzjoni li l-osservanza tal-Artikolu 39 tar-Regolament 2022/2065 jobbliga lil Amazon tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku informazzjoni kunfidenzjali – liema allegazzjoni hija esposta biss f’din in-nota. Il-kunsiderazzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni inkwistjoni magħmula fil-punti 76 sa 78 tad-digriet appellat jistrieħu, barra minn hekk, fil-parti l-kbira tagħhom, fuq dawn l-argumenti.
33 In-natura urġenti tal-proċeduri għal miżuri provviżorji ma tiġġustifikax li l-Kummissjoni tiġi miċħuda mid-dritt tagħha li tiddefendi lilha nnifisha u, f’dan is-sens, hija kienet tkun tista’ tressaq l-osservazzjonijiet tagħha f’terminu qasir ħafna.
34 Amazon tqis li l-President tal-Qorti Ġenerali ma kellux obbligu jilqa’ t-talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mressqa mill-Kummissjoni. Fil-fatt, il-prinċipju ta’ kontradittorju jipprojbixxi biss lill-Qorti tal-Unjoni milli tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq fatti u dokumenti li fuqhom il-partijiet, jew waħda mill-partijiet, ma kinux f’qagħda li jieħdu pożizzjoni. Issa, peress li Amazon ġiet mistiedna tikkummenta ċerti punti ta’ dan id-dritt, dan il-prinċipju ma nkisirx. Ebda prinċipju ma jimponi lill-President tal-Qorti Ġenerali jippermetti li kull waħda mill-partijiet tressaq l-istess numru ta’ sottomissjonijiet bil-miktub dwar kwistjoni ta’ liġi.
35 Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma tistabbilixxix li l-President tal-Qorti Ġenerali kien jasal għal riżultat differenti li kieku kellu joffri lill-Kummissjoni possibbiltà li twieġeb lil Amazon.
Evalwazzjoni
36 Talba għal miżuri provviżorji għandha, fiha nnifisha, tippermetti lill-konvenut jipprepara l-osservazzjonijiet tiegħu u lill-imħallef għal miżuri provviżorji jiddeċiedi dwar din it-talba, jekk ikun il-każ, mingħajr informazzjoni oħra ta’ sostenn, billi l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom din tibbaża ruħha għandhom jirriżultaw mit-test innifsu tal-imsemmija talba (digriet tad‑19 ta’ Lulju 2012, Akhras vs Il‑Kunsill, C‑110/12 P(R), EU:C:2012:507, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).
37 Barra minn hekk, fid-dawl tal-ħeffa li tikkaratterizza, min-natura tagħha stess, il-proċedura għal miżuri provviżorji, wieħed jista’ jeżiġi raġonevolment mill-parti li titlob miżuri provviżorji li tipproduċi, ħlief f’każijiet eċċezzjonali, mill-istadju tat-tressiq tat-talba tagħha, il-provi kollha disponibbli insostenn ta’ din it-talba, sabiex l-imħallef għal miżuri provviżorji jkun jista’ jevalwa, fuq din il-bażi, il-fondatezza tal-imsemmija talba (digriet tad‑19 ta’ Lulju 2012, Akhras vs Il‑Kunsill, C‑110/12 P(R), EU:C:2012:507, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata)
38 Il-President tal-Qorti Ġenerali, fil-kapaċità tiegħu bħala mħallef għal miżuri provviżorji, madankollu għandu, bis-saħħa tal-Artikolu 157(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, is-setgħa li jadotta, jekk ikun il-każ, miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u miżuri istruttorji.
39 Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li, f’dan ir-rigward, il-President tal-Qorti Ġenerali għandu jgawdi minn marġni ta’ evalwazzjoni wiesgħa bil-għan li jevalwa jekk tali miżuri humiex xierqa (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑1 ta’ Diċembru 2021, Inivos u Inivos vs Il‑Kummissjoni, C‑471/21 P(R), EU:C:2021:984, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).
40 Is-setgħa diskrezzjonali, għad-dispożizzjoni tiegħu b’dan il-mod, għandha madankollu tiġi eżerċitata suġġetta għal ċerti limiti billi l-imħallef għal miżuri provviżorji għandu b’mod partikolari l-obbligu li josserva l-prinċipju ta’ kontradittorju. Fil-fatt, dan il-prinċipju japplika għal kull proċedura li tista’ twassal għal deċiżjoni ta’ istituzzjoni tal-Unjoni li taffettwa l-interessi ta’ persuna b’mod sensittiv u, b’mod partikolari, għall-proċeduri mressqa quddiem il-qrati tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑22 ta’ Novembru 2018, Hércules Club de Fútbol vs Il‑Kummissjoni, C‑334/18 P(R), EU:C:2018:952, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).
41 F’dan ir-rigward, għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 157(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jippermetti lill-President tal-Qorti Ġenerali jordna miżuri provviżorji anki qabel ma l-parti l-oħra tkun issottomettiet l-osservazzjonijiet tagħha, din id-dispożizzjoni ma tistax tinftiehem fis-sens li tawtorizza, b’mod ġenerali, lill-President tal-Qorti Ġenerali jiddeċiedi mingħajr ma josserva l-prinċipju ta’ kontradittorju. Fil-fatt, l-imsemmija dispożizzjoni tipprevedi biss proċedura ta’ deroga li tippermetti lill-President tal-Qorti Ġenerali jadotta tali miżuri bħala miżuri interim, fl-istennija tad-deċiżjoni li għandha tingħata fuq it-talba għal miżuri provviżorji fi tmiem il-proċedura kontradittorja rikjesta mill-Artikolu 157(1) ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑28 ta’ Settembru 2023, Il‑Kunsill vs Mazepin, C‑564/23 P(R), EU:C:2023:727, punti 60 u 61).
42 Issa, il-prinċipju ta’ kontradittorju jagħti b’mod partikolari lil kull parti f’kawża, tkun liema tkun il-klassifikazzjoni legali tagħha, id-dritt li tieħu konjizzjoni tad-dokumenti u tal-osservazzjonijiet sottomessi lill-qorti mill-parti avversarja u li tiddiskutihom. Sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti dwar id-dritt għal smigħ xieraq, huwa fil-fatt meħtieġ li l-partijiet ikunu jafu u jkunu jistgħu jiddibattu b’mod kontradittorju kemm il-punti ta’ fatt u kif ukoll ta’ liġi li jkunu deċiżivi għall-eżitu tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, sentenzi tas‑27 ta’ Marzu 2014, UASI vs National Lottery Commission, C‑530/12 P, EU:C:2014:186, punt 54; tal‑4 ta’ Diċembru 2019, H vs Il‑Kunsill, C‑413/18 P, EU:C:2019:1044, punti 103 u 104, kif ukoll tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u CRU, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punti 58 u 59).
43 B’mod partikolari l-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet, f’kawżi li ma jaqgħux taħt il-proċedura għal miżuri provviżorji, li, għalkemm il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi liberament li tagħmel domanda lil parti fil-qafas iddefinit mir-Regoli tal-Proċedura tagħha, hija għandha l-obbligu li tagħti lill-partijiet l-oħra l-possibbiltà li jieħdu pożizzjoni dwar it-tweġiba mogħtija għal tali mistoqsija, mill-inqas meta din tkun tirrigwarda elementi deċiżivi għall-eżitu tal-kawża inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Diċembru 2019, H vs Il‑Kunsill, C‑413/18 P, EU:C:2019:1044, punti 105 sa 116, kif ukoll tal‑10 ta’ Settembru 2020, Ir‑Rumanija vs Il‑Kummissjoni, C‑498/19 P, EU:C:2020:686, punti 75 u 76).
44 Din ir-regola hija applikabbli wkoll meta l-President tal-Qorti Ġenerali jagħmel domanda lil parti skont l-Artikolu 157(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.
45 Huwa minnu li, minn naħa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fid-dawl tal-ħeffa li tikkaratterizza, min-natura tagħha, il-proċeduri għal miżuri provviżorji, l-Imħallef għal miżuri provviżorji ma huwiex obbligat li jisma’ sistematikament lill-appellant dwar kull element ta’ informazzjoni pprovdut mill-appellat li huwa għandu l-intenzjoni li jieħu inkunsiderazzjoni sabiex jiddeċiedi dwar it-talba għal miżuri provviżorji (digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑1 ta’ Diċembru 2021, Inivos u Inivos vs Il‑Kummissjoni, C‑471/21 P(R), EU:C:2021:984, punt 47).
46 Madankollu, din is-soluzzjoni tirriżulta mill-assenza ta’ regola li tipprevedi s-sottomissjoni, bħala prinċipju, ta’ replika u ta’ kontroreplika fil-proċeduri għal miżuri provviżorji. Għalhekk, minn dan ma jistax jiġi dedott li meta l-President tal-Qorti Ġenerali jawtorizza lir-rikorrent jipproduċi elementi supplimentari insostenn tat-talba tiegħu għal miżuri provviżorji, il-konvenut ma jistax jiddibatti dawn l-elementi, meta mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu il-punti 36 u 37 ta’ dan id-digriet jirriżulta li din it-talba għandha tinkludi l-elementi kollha neċessarji biex tiddeċiedi u li l-Artikolu 157(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jiggarantixxi d-dritt lill-konvenut iressaq l-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-imsemmija talba.
47 Min-naħa l-oħra, għalkemm, fid-digriet tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Anglo Austrian AAB u Belegging‑Maatschappij “Far‑East” vs Il‑BĊE (C‑207/20 P(R), EU:C:2020:1057), il-Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-ilment tar-rikorrenti f’din il-kawża, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ li jirriżulta mill-impossibbiltà li tittieħed pożizzjoni dwar prova li ma kinitx disponibbli fil-jum tas-sottomissjoni tat-talba għal miżuri provviżorji, għandu jiġi kkonstatat li l-assenza ta’ kontradittorju inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal dan id-digriet ma kinitx toriġina mill-adozzjoni ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mill-President tal-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, il-Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha esklużivament, biex tiċħad dan l-ilment, fuq iċ-ċirkustanza li r-rikorrenti f’din il-kawża kienu rrinunzjaw milli jużaw garanzija proċedurali għad-dispożizzjoni tagħhom, billi ma talbux lill-President tal-Qorti Ġenerali, bis-saħħa tal-Artikolu 88 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, jordna miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura.
48 F’dan il-każ, mill-proċess jirriżulta li l-President tal-Qorti Ġenerali, permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata fit‑28 ta’ Lulju 2023, stieden lil Amazon tifformula kummentarji dwar il-punti 109 sa 118 tal-osservazzjonijiet bil-miktub sottomessi mill-Kummissjoni fl-ewwel istanza.
49 Fir-risposta tagħha għal din il-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, Amazon esponiet sensiela ta’ argumenti intiżi li jistabbilixxu li l-informazzjoni li l-Artikolu 39 tar-Regolament 2022/2065 jimponilha tiżvela hija kunfidenzjali, li l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni jikkawżalha preġudizzju kunsiderevoli u li l-interessi li jiġu leżi minn tali żvelar jixirqilhom li jiġu protetti.
50 Kif tenfasizza l-Kummissjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-kundizzjoni dwar il-fumus boni juris, il-President tal-Qorti Ġenerali bbaża ruħu, fil-punti 76 sa 78 tad-digriet appellat, fuq argumenti li fihom hemm miġbura, essenzjalment, l-elementi mressqa minn Amazon fir-risposta tagħha għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tat‑28 ta’ Lulju 2023.
51 Għaldaqstant jidher li din ir-risposta kien fiha elementi deċiżivi għall-eżitu tal-kawża.
52 Issa, il-Kummissjoni ġiet imċaħħda minn kull possibbiltà li tieħu pożizzjoni dwar l-argumenti mressqa minn Amazon fl-imsemmija risposta.
53 B’hekk, fl-ewwel lok, ir-risposta ta’ Amazon għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tat‑28 ta’ Lulju 2023 ġiet innotifikata, fit‑30 ta’ Awwissu 2023, lill-Kummissjoni, mingħajr ma din ġiet mistiedna tieħu pożizzjoni dwar din ir-risposta.
54 Fit-tieni lok, il-President tal-Qorti Ġenerali ma laqax talba għall-adozzjoni ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, introdotta mill-Kummissjoni fil‑15 ta’ Settembru 2023 skont l-Artikolu 88 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, intiża sabiex hija tiġi awtorizzata twieġeb għar-risposta ta’ Amazon imsemmija fil-punt 49 ta’ dan id-digriet, bil-għan li jiġu ppreżervati l-opportunitajiet ugwali għall-partijiet u sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ tiddeċiedi dwar it-talba għal miżuri provviżorji b’għarfien sħiħ tal-fatti.
55 Fit-tielet lok, il-President tal-Qorti Ġenerali kkunsidra, fil-punt 24 tad-digriet appellat, li huwa kellu l-elementi kollha neċessarji għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex jiddeċiedi dwar it-talba għal miżuri provviżorji mingħajr ma jkun utli li qabel jinstemgħu l-osservazzjonijiet orali tal-partijiet.
56 Barra minn hekk, peress li mill-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni jirriżulta li, kieku kienet ġiet mistiedna mill-President tal-Qorti Ġenerali tieħu pożizzjoni dwar ir-risposta ta’ Amazon imsemmija fil-punt 49 ta’ dan id-digriet, hija kienet tressaq argumenti supplimentari intiżi li juru li l-informazzjoni li l-Artikolu 39 tar-Regolament 2022/2065 jimponi lil Amazon tiżvela hija nieqsa minn kunfidenzjalità, ma jistax jiġi eskluż a priori li l-eżami ta’ dawn l-argumenti setgħet twassal lill-President tal-Qorti Ġenerali jiċħad it-talba għal miżuri provviżorji fl-intier tagħha.
57 Mill-punti preċedenti jirriżulta li l-President tal-Qorti Ġenerali kiser il-prinċipju ta’ kontradittorju, fejn għalhekk it-tieni parti tat-tieni aggravju għandu jiġi miċħud.
58 Peress li l-evalwazzjoni magħmula mill-President tal-Qorti Ġenerali fuq il-kundizzjoni dwar il-fumus boni juris hija bbażata b’mod determinanti fuq elementi li ma ġewx issuġġettati għall-prinċipju ta’ kuntradittorju, il-ksur ta’ dan il-prinċipju huwa biżżejjed, waħdu, biex jiġi ġġustifikat l-annullament tal-punt 1 tad-dispożittiv tad-digriet appellat, li permezz tiegħu l-President tal-Qorti Ġenerali ordna li tiġi sospiża l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, sa fejn, bis-saħħa ta’ din id-deċiżjoni, Amazon ikollha obbligu tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku r-repożitorju rikjest mill-Artikolu 39 tar-Regolament 2022/2065, bla ħsara għall-obbligu, għal Amazon, li tikkompila dan ir-repożitorju.
59 Min-naħa l-oħra, dan il-ksur tal-imsemmi prinċipju ma jistax iwassal biex jiġi annullat il-punt 2 tad-dispożittiv ta’ dan id-digriet, li permezz tiegħu l-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad għall-kumplament it-talba għal miżuri provviżorji.
60 Fil-fatt, dan il-punt 2 huwa bbażat fuq l-evalwazzjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali, li jinsab fil-punt 55 tal-imsemmi digriet, li skontu Amazon ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ dannu gravi u irreparabbli li jirriżulta mit-tqegħid f’konformità ta’ Amazon Store mal-Artikolu 38 tar-Regolament 2022/2065.
61 Issa, minn naħa, din l-evalwazzjoni tipproċedi minn raġunament, espost fil-punti 35 sa 54 tal-istess digriet, li fil-kuntest tiegħu l-President tal-Qorti Ġenerali b’ebda mod ma jistrieħ fuq l-elementi prodotti fir-risposta ta’ Amazon imsemmija fil-punt 49 ta’ dan id-digriet.
62 Min-naħa l-oħra, il-partijiet l-oħra tat-tieni aggravju u l-aggravji l-oħra mressqa mill-Kummissjoni insostenn tal-appell tagħha ma humiex diretti kontra dawn il-punti 35 sa 54.
63 Għaldaqstant, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati dawn il-partijiet u dawn l-aggravji l-oħra, hemm lok li jiġi miċħud l-appell sa fejn jirrigwarda l-annullament tal-punt 2 tad-dispożittiv tad-digriet appellat.
Fuq it-talba għal miżuri provviżorji ppreżentata quddiem il-Qorti Ġenerali
64 Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ jew taqta’ l-kawża definittivament hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tista’ tibgħatha lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha. Din id-dispożizzjoni tapplika wkoll għall-appelli ppreżentati konformement mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 57 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑2 ta’ Frar 2024, Mylan Ireland vs Il‑Kummissjoni, C‑604/23 P(R), EU:C:2024:117, punt 38).
65 F’dan il-każ, peress li, minn naħa, il-Kummissjoni ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-argumenti li hija kellha l-intenzjoni li tuża kontra l-elementi prodotti fir-risposta ta’ Amazon imsemmija fil-punt 49 ta’ dan id-digriet u, min-naħa l-oħra, li, fit-talbiet tal-appell tagħha, hija talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi t-tilwima b’mod definittiv, hemm lok, fid-dawl tal-ħeffa li tikkaratterizza l-proċeduri għal miżuri provviżorji, li tiddeċiedi dwar it-talba għal miżuri provviżorji, imressqa minn Amazon, sa fejn din tirrigwarda s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn din id-deċiżjoni timponi lil Amazon tikkompila u tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku r-repożitorju rikjest mill-Artikolu 39 tar-Regolament 2022/2065.
66 Għal dan il-għan, għandu jitfakkar li l-Artikolu 156(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jipprovdi li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jispeċifikaw is-suġġett tal-kawża, iċ-ċirkustanzi li jistabbilixxu l-urġenza, kif ukoll il-motivi ta’ fatt u ta’ liġi li jiġġustifikaw prima facie l-adozzjoni tal-miżura provviżorja mitluba. B’hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni u l-miżuri provviżorji l-oħra jistgħu jingħataw mill-Imħallef għal miżuri provviżorji jekk jiġi stabbilit li l-għoti tagħhom ikun prima facie ġġustifikat fil-fatt u fil-liġi (fumus boni juris) u li dawn ikunu urġenti, fis-sens li jkun neċessarju, sabiex jiġi evitat dannu gravi u irreparabbli għall-interessi tal-parti li titlobhom, li jiġu deċiżi u li jipproduċu l-effetti tagħhom sa minn qabel id-deċiżjoni tar-rikors fuq il-mertu. Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi, b’tali mod li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jiġu miċħuda jekk waħda minnhom ma tiġix issodisfatta. L-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu jipproċedi wkoll, jekk ikun il-każ, għall-ibbilanċjar tal-interessi involuti (digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑2 ta’ Frar 2024, Mylan Ireland vs Il‑Kummissjoni, C‑604/23 P(R), EU:C:2024:117, punt 40).
Fuq il-fumus boni juris
Argumenti
67 Sabiex tistabbilixxi l-fumus boni juris, Amazon tinvoka tliet motivi ppreżentati insostenn tar-rikors fil-kawża prinċipali.
68 Fl-argumenti tagħha dwar it-tielet minn dawn il-motivi, li jeħtieġ li jiġi eżaminat qabel l-oħrajn, Amazon tqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 39 tar-Regolament 2022/2065, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kif ukoll tal-Artikoli 7, 16 u 17 tal-Karta.
69 F’dan ir-rigward, Amazon issostni li l-obbligu, previst f’dan l-Artikolu 39, li tippubblika, f’repożitorju aċċessibbli għal kulħadd, sensiela ta’ informazzjoni ddettaljata dwar ir-reklami ppreżentati fuq Amazon Store jippreġudika gravement l-Artikolu 7 tal-Karta u l-prinċipju ġenerali ta’ protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali. Barra minn hekk, fid-dawl tan-natura strateġika ta’ din l-informazzjoni, l-obbligu li tiġi żvelata jostakola l-attività kummerċjali ta’ Amazon u b’hekk jippreġudika l-Artikoli 16 u 17 tal-Karta.
70 Amazon tispjega li, minkejja li wħud mill-imsemmija informazzjoni għandhom jiġu żvelati b’applikazzjoni ta’ diversi atti tad-dritt tal-Unjoni, dan ma huwiex il-każ, b’mod partikolari, tal-informazzjoni dwar il-perijodu li matulu ġie ppreżentat reklam partikolari jew dwar in-numru ta’ destinatarji tas-servizz milħuq. Barra minn hekk, dawn l-atti tal-Unjoni jobbligaw li informazzjoni ma tiġix żvelata lill-pubbliku kollu iżda li tiġi żvelata biss lid-destinatarji tar-reklami.
71 Issa, minn naħa, l-applikazzjoni tal-Artikolu 39 tar-Regolament 2022/2065 ma hijiex xierqa fir-rigward tad-differenzi bejn is-servizzi ta’ marketplace online u l-pjattaformi kbar ħafna l-oħra online. Min-naħa l-oħra, il-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ jikseb l-għanijiet ta’ prevenzjoni tar-riskju ta’ reklami illegali jew ta’ tekniki ta’ manipulazzjoni u ta’ diżinformazzjoni li għandhom effett negattiv reali u prevedibbli fuq is-saħħa pubblika, is-sigurtà pubblika, id-diskors ċivili, il-parteċipazzjoni politika u l-ugwaljanza, permezz ta’ soluzzjoni alternattiva li tippreġudika inqas id-drittijiet ta’ Amazon, billi jobbligaha biss tqiegħed repożitorju raġonevolment strutturat għad-dispożizzjoni esklużiva tar-regolaturi u tar-riċerkaturi awtorizzati.
72 Il-Kummissjoni tqis li t-tielet aggravju invokat minn Amazon ma jistax raġonevolment jintlaqa’.
73 Fl-ewwel lok, dan l-aggravju huwa manifestament inammissibbli. Fil-fatt, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, eċċezzjoni ta’ illegalità, imqajma skont l-Artikolu 277 TFUE, tal-Artikolu 39 tar-Regolament 2022/2065, hija ammissibbli biss sa fejn dan l-Artikolu 39 jikkostitwixxi l-bażi legali tad-deċiżjoni kontenzjuża jew ikollu rabta legali diretta ma’ din id-deċiżjoni. Madankollu, dan ma huwiex il-każ. B’mod partikolari, il-fatt li d-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5 tal-Kapitolu III tar-Regolament 2022/2065 huma applikabbli għal Amazon biss wara li l-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni, bħad-deċiżjoni kontenzjuża, li tindikaha bħala pjattaforma kbira ħafna online għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, ma huwiex suffiċjenti biex tiġi kkostitwita rabta legali diretta bejn dawn id-dispożizzjonijiet u din id-deċiżjoni. Barra minn hekk soluzzjoni opposta ċċaħħad lill-imsemmija dispożizzjonijiet min-natura direttament eżekutorja tagħhom. Ulterjorment, fir-rigward tan-natura tar-rabta li teżisti bejn id-deċiżjoni kontenzjuża u l-Artikolu 39 tal-imsemmi regolament, in-natura illegali ta’ dan l-artikolu ma huwiex tali li jagħti lok għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni.
74 Fit-tieni lok, Amazon b’ebda mod ma ssostanzjat l-allegazzjoni li l-Artikolu 39 tar-Regolament 2022/2065 jippreġudika d-drittijiet fundamentali tagħha. B’hekk, it-talba għal miżuri provviżorji ma fiha ebda argument li jistabbilixxi n-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni li l-Artikolu 39 tar-Regolament 2022/2065 jimponi lil Amazon tiżvela. B’mod partikolari, Amazon ma pprovatx li din l-informazzjoni hija magħrufa biss minn numru ristrett ta’ persuni, li l-iżvelar tagħha jista’ jikkawżalha dannu serju u li l-interessi li jistgħu jiġu leżi bl-iżvelar oġġettivament jixirqilhom li jiġu protetti.
75 Fi kwalunkwe każ, din l-informazzjoni hija nieqsa minn kunfidenzjalità, sa fejn Amazon diġà għandha obbligu, bis-saħa ta’ atti oħra tad-dritt tal-Unjoni, li tqiegħed il-parti l-kbira minnha għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma tirreferix biss għar-Regolament 2022/2065, iżda wkoll għad-Direttivi 2000/31 u 2005/29 kif ukoll għar-Regolamenti 2016/679 u 2019/1150. Uħud mill-imsemmija informazzjoni jistgħu, barra minn hekk, jinkisbu minn offerti kummerċjali jew metriċi pubbliċitarji u minn analiżi ta’ data proposti fis-suq.
76 Fit-tielet lok, id-distinzjoni mwettqa minn Amazon bejn is-servizzi ta’ marketplace online u l-pjattaformi kbar ħafna l-oħra online ma hijiex iġġustifikata fir-rigward tal-għanijiet tar-Regolament 2022/2065.
Evalwazzjoni
77 Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kundizzjoni dwar il-fumus boni juris hija ssodisfatta meta mill-inqas wieħed mill-motivi invokati mill-parti li titlob il-miżuri provviżorji insostenn tar-rikors fuq il-mertu jidher, prima facie, li ma huwiex nieqes minn bażi serja. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta wieħed minn dawn il-motivi jiżvela l-eżistenza ta’ kwistjonijiet ta’ liġi kumplessi li s-soluzzjoni tagħhom ma hijiex ovvja u għalhekk timmerita eżami fil-fond, li ma jistax jitwettaq mill-Imħallef għal miżuri provviżorji, iżda għandu jkun is-suġġett tal-proċedura fuq il-mertu, jew meta d-diskussjoni bejn il-partijiet tiżvela l-eżistenza ta’ kontroversja legali importanti li s-soluzzjoni tagħha ovvjament ma tkunx evidenti (digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑24 ta’ Mejju 2022, Puigdemont i Casamajó et vs Il‑Parlament u Spanja, C‑629/21 P(R), EU:C:2022:413, punt 188 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
78 Il-partijiet ma jaqblux, fl-ewwel lok, dwar l-ammissibbiltà tat-tielet aggravju invokat minn Amazon, ibbażat fuq l-illegalità tal-Artikolu 39 tar-Regolament 2022/2065.
79 Skont l-Artikolu 277 TFUE, “kwalunkwe parti tista’, fi proċedimenti li fihom ikun hemm involut att ta’ applikazzjoni ġenerali adottat minn istituzzjoni, korp jew organu ta’ l-Unjoni, tinvoka l-eċċezzjonijiet tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 263 sabiex tinvoka l-inapplikabbiltà ta’ dak l-att quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea”.
80 Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-artikolu jikkostitwixxi l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali li jiżgura lil kull parti d-dritt li tikkontesta, b’mod inċidentali, sabiex tikseb l-annullament ta’ deċiżjoni indirizzata lilha, il-validità tal-atti ta’ portata ġenerali li jifformaw il-bażi ta’ tali deċiżjoni (sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, Il‑Kummissjoni vs Calhau Correia de Paiva, C‑511/21 P, EU:C:2023:208, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
81 Peress li l-għan tal-Artikolu 277 TFUE ma huwiex li jippermetti lil parti tikkontesta l-applikabbiltà ta’ kwalunkwe att ta’ portata ġenerali insostenn ta’ kwalunkwe rikors, l-att li tiegħu titqajjem l-illegalità għandu jkun jista’ jiġi applikat, b’mod dirett jew indirett, għall-każ li jkun is-suġġett tar-rikors (sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, Il‑Kummissjoni vs Calhau Correia de Paiva, C‑511/21 P, EU:C:2023:208, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
82 Huwa għalhekk li, fil-kuntest ta’ rikorsi għal annullament ippreżentati kontra deċiżjonijiet individwali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jistgħu validament ikunu s-suġġett ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità d-dispożizzjonijiet ta’ att ta’ portata ġenerali li jikkostitwixxu l-bażi tal-imsemmija deċiżjonijiet jew li għandhom rabta legali diretta ma’ tali deċiżjonijiet (sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, Il‑Kummissjoni vs Calhau Correia de Paiva, C‑511/21 P, EU:C:2023:208, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
83 Rabta legali diretta tista’ tirriżulta b’mod partikolari mill-fatt li d-dispożizzjoni li tagħha titqajjem l-illegalità permezz ta’ eċċezzjoni tittieħed inkunsiderazzjoni fil-motivazzjoni ta’ deċiżjoni kkontestata, inkluż jekk din ma tkunx tissemma fil-motivazzjoni formali ta’ din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, Il‑Kummissjoni vs Calhau Correia de Paiva, C‑511/21 P, EU:C:2023:208, punt 52).
84 Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija inammissibbli eċċezzjoni ta’ illegalità diretta kontra att ta’ portata ġenerali li d-deċiżjoni individwali kkontestata tiegħu ma tikkostitwixxix miżura ta’ applikazzjoni (sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, Il‑Kummissjoni vs Calhau Correia de Paiva, C‑511/21 P, EU:C:2023:208, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
85 F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-Artikolu 39 tar-Regolament 2022/2065 ma jikkostitwixxix il-bażi legali tad-deċiżjoni kontenzjuża.
86 Madankollu, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 82 ta’ dan id-digriet jirriżulta li eċċezzjoni ta’ illegalità tista’ titqajjem kontra kull dispożizzjoni ta’ att ta’ portata ġenerali li għandha rabta legali diretta mad-deċiżjoni kontenzjuża, anki jekk din id-dispożizzjoni ma tikkostitwixxix il-bażi legali ta’ din id-deċiżjoni.
87 F’din il-kawża, Amazon issostni li teżisti rabta legali suffiċjentement diretta bejn l-Artikolu 39 tar-Regolament 2022/2065 u d-deċiżjoni kontenzjuża għar-raġuni li dan l-artikolu japplika għal Amazon Store minħabba l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni – ċirkustanza li minnha hija tiddeduċi, essenzjalment, li l-imsemmi artikolu u l-imsemmija deċiżjoni jagħmlu parti minn sistema legali unika li l-legalità tagħha Amazon għandha l-intenzjoni li tqiegħed inkwistjoni.
88 Ma jistax jiġi eskluż a priori li rabta ta’ din in-natura tista’ titqies, kif issostni l-Kummissjoni, li ma hijiex suffiċjentement diretta biex tiġġustifika l-ammissibbiltà tal-eċċezzjoni ta’ illegalità invokata minn Amazon, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li la huwa allegat u lanqas ma jintwera li din timplika li l-Artikolu 39 tar-Regolament 2022/2065 jista’ jkun konness mar-raġunijiet sottostanti għad-deċiżjoni kontenzjuża jew mal-espożizzjoni tal-motivi nnifisha ta’ din id-deċiżjoni.
89 B’danakollu, ma jidhirx li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeterminat diġà jekk tali rabta tistax tiġi kklassifikata bħala “rabta legali diretta” fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 82 ta’ dan id-digriet.
90 Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għall-finijiet ta’ garanzija ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, l-Artikolu 277 TFUE għandu jiġi interpretat b’mod li jiġi evitat li jiġu maqsuma individwalment l-aspetti differenti tal-istess sistema legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2020, Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Carreras Sequeros et, C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676, punt 76).
91 F’dan il-kuntest, l-evalwazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 277 TFUE, tan-natura tar-rabta legali eżistenti bejn l-Artikolu 39 tar-Regolament 2022/2065 u d-deċiżjoni kontenzjuża tidher li tikkostitwixxi kwistjoni ta’ liġi kumplessa li s-soluzzjoni tagħha ma hijiex immedjatament evidenti u għaldaqstant jixirqilha eżami fil-fond.
92 Fit-tieni lok, kieku kellha tintlaqa’ l-ammissibbiltà tat-tielet aggravju, l-eżami ta’ dan l-aggravju jkun jimplika li l-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu tiddetermina jekk l-Artikolu 39 tar-Regolament 2022/2065 huwiex konformi mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kif ukoll mal-Artikoli 7, 16 u 17 tal-Karta.
93 Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-argumenti mressqa minn Amazon fir-rigward tal-kundizzjoni dwar il-fumus boni juris, qabel kollox jeħtieġ li dan l-aggravju jiġi eżaminat fil-kuntest fejn jirrelata ma’ ksur allegat tal-Artikoli 7 u 16 tal-Karta.
94 L-Artikolu 7 tal-Karta jipprevedi li kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-komunikazzjonijiet tagħha.
95 Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 16 tal-Karta jipprevedi li l-libertà tal-intrapriża għandha tiġi rrikonoxxuta konformement mad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mal-liġijiet u mal-prattiki nazzjonali.
96 Mill-Artikolu 39(1) u (2) tar-Regolament 2022/2065 jirriżulta li l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għal Amazon tkun tobbligaha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku repożitorju li jinkludi informazzjoni differenti dwar ir-reklami ppreżentati fuq pjattaformi online kbar ħafna. Fost din l-informazzjoni hemm, b’mod partikolari, il-kontenut tar-reklam, il-persuna li għaliha huwa ppreżentat ir-reklam, il-perijodu li matulu r-reklam ġie ppreżentat, il-parametri prinċipali użati biex jiġu identifikati ċerti destinatarji, il-komunikazzjonijiet kummerċjali ppubblikati fuq il-pjattaformi online kbar ħafna jew ukoll in-numru totali ta’ destinatarji tas-servizz milħuq.
97 Ikkunsidrata flimkien, peress li din l-informazzjoni tipprovdi indikazzjonijiet fid-dettall dwar l-attivitajiet kollha ta’ Amazon fil-qasam tar-reklamar online, inkluż dwar ir-relazzjonijiet tagħha mal-klijenti tagħha jew il-modalitajiet preċiżi tal-kampanji ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali mwettqa, ma jistax jiġi eskluż a priori li l-obbligi imposti mill-Artikolu 39 tar-Regolament 2022/2065 jistgħu jitqiesu, kif issostni Amazon, li jillimitaw id-drittijiet li Amazon tislet mill-Artikoli 7 u 16 tal-Karta, mingħajr ma jkun neċessarju, bil-għan li tasal għal tali konklużjoni preliminari, li Amazon tressaq argumenti supplimentari intiżi li jistabbilixxu n-natura kunfidenzjali tal-imsemmija informazzjoni.
98 Huwa minnu li jkun mod ieħor li kieku kellu jiġi kkunsidrat li, kif issostni l-Kummissjoni, l-informazzjoni li l-Artikolu 39 tar-Regolament 2022/2065 jimponi lil Amazon tiżvela diġà hija, fil-verità, għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, indipendentement mill-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu.
99 F’dan ir-rigward, effettivament jidher li parti minn din l-informazzjoni għandha tiġi żvelata bis-saħħa ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni.
100 B’mod partikolari, qabel kollox, l-iżvelar tal-identità tal-persuna li għaliha qed jiġi ppreżentat ir-reklam jidher li huwa rikjest bis-saħħa tal-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2000/31 u tal-Artikolu 26(1)(b) tar-Regolament 2022/2065. Sussegwentement, il-Kummissjoni tidher li a priori għandha raġun meta tiddikjara li l-parametri prinċipali użati għall-identifikazzjoni ta’ ċerti destinatarji għandhom jiġu żvelati bis-saħħa tal-Artikolu 15(1)(b) u (h) tar-Regolament 2016/679 u tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament 2019/1150 kif ukoll tal-Artikolu 26(1)(d) tar-Regolament 2022/2065. Fl-aħħar nett, ma jistax jiġi eskluż li l-pubblikazzjoni ta’ komunikazzjoni kummerċjali dwar pjattaforma online kbira ħafna mingħajr ma l-konsumatur ikkonċernat jiġi informat dwar dan jista’ jiġi kklassifikat bħala prattika kummerċjali żleali bis-saħħa tal-Artikolu 5(5) u tal-punt 11 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29.
101 Madankollu, mill-argumenti tal-Kummissjoni jew, b’mod usa’, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-informazzjoni kollha msemmija fl-Artikolu 39(2) tar-Regolament 2022/2065, u b’mod partikolari l-perijodu li matulu jixxandar ir-reklam jew in-numru totali ta’ destinatarji tas-servizz milħuq, għandhom jiġu żvelati indipendentement mill-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 39. Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ssostni biss li l-parti l-kbira ta’ din l-informazzjoni hija koperta b’tali obbligi ta’ żvelar u li għaldaqstant hija ma ssostnix li dan japplika għall-imsemmija informazzjoni kollha.
102 Barra minn hekk, in-natura ekwivalenti, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikoli 7 u 16 tal-Karta, ta’ żvelar ta’ informazzjoni lis-sempliċi utent ikkonċernat jew lill-pubbliku kollu tikkostitwixxi kwistjoni li fil-parti l-kbira hija ġdida u li fiha ċerta kumplessità.
103 Barra minn hekk, għalkemm il-Kummissjoni ssostni li informazzjoni analoga għal dik imsemmija fl-Artikolu 39(2) tar-Regolament 2022/2065 tista’ tinkiseb, għal dak li jikkonċerna Amazon, minn offerti kummerċjali, hija ma tipproduċi ebda prova insostenn ta’ din l-affermazzjoni.
104 Fir-rigward tal-allegazzjoni li tali informazzjoni tista’ tinġabar fuq il-bażi ta’ metrika ta’ reklamar u ta’ analiżi ta’ data proposta fuq is-suq, ma huwiex biżżejjed, fl-assenza ta’ preċiżazzjonijiet supplimentari dwar l-informazzjoni kkonċernata, li jintwera li Amazon ma għandhiex obbligu, bis-saħħa tal-Artikolu 39 ta’ dan ir-regolament, li tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku informazzjoni li attwalment tkun kunfidenzjali.
105 Barra minn hekk, l-argument tal-Kummissjoni li Amazon kellha obbligu li turi li l-iżvelar tal-informazzjoni inkwistjoni jista’ jikkawżalha preġudizzju serju u li l-interessi li jistgħu jiġu leżi minn dan l-iżvelar oġġettivament jixirqilhom protezzjoni jikkostitwixxi interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Karta li, prima facie, la jirriżulta mit-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u lanqas mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-fondatezza ta’ tali argument għandha, konsegwentement, tiġi evalwata mill-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu.
106 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Imħallef għal miżuri provviżorji ma jistax jikkonstata li huwa paċifiku, bi provi suffiċjenti, li l-informazzjoni li l-Artikolu 39 tar-Regolament 2022/2065 jimponi lil Amazon tiżvela hija nieqsa minn natura kunfidenzjali u, konsegwentement, li l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 39 għal Amazon ma twassalx biex jiġu limitati d-drittijiet li hija tista’ tislet mill-Artikoli 7 u 16 tal-Karta.
107 Madankollu tali limitazzjoni ta’ dawn id-drittijiet hija ta’ natura li tistabbilixxi l-illegalità tal-Artikolu 39 tar-Regolament 2022/2065 biss kieku din il-limitazzjoni ma kinitx konformi mal-kundizzjonijiet iddikjarati fl-Artikolu 52(1) tal-Karta.
108 Din id-dispożizzjoni tipprevedi li jistgħu jiġu introdotti limitazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ drittijiet, bħal dawk stabbiliti fl-Artikoli 7 u 16 tal-Karta, sa fejn dawn il-limitazzjonijiet huma previsti mil-liġi, jirrispettaw il-kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet u libertajiet u, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, huma neċessarji u jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor.
109 Issa, l-evalwazzjoni li għandha ssir biex jiġi ddeterminat jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti f’dan il-każ jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi fatturi, bħal-livell ta’ kontribuzzjoni tal-pubblikazzjoni tal-informazzjoni kollha msemmija fl-Artikolu 39(2) tar-Regolament 2022/2065 għat-twettiq tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni, il-livell ta’ serjetà tal-limitazzjoni tad-drittijiet previsti fl-Artikoli 7 u 16 tal-Karta jew ukoll l-eżistenza ta’ soluzzjonijiet alternattivi possibbli li inqas jippreġudikaw dawn id-drittijiet.
110 Għalhekk, anki li kieku kellha tiġi rrikonoxxuta marġni ta’ evalwazzjoni wiesgħa f’dan ir-rigward lil-leġiżlatur tal-Unjoni, il-kwistjoni dwar jekk huwa marx lil hinn mil-limiti ta’ din il-marġni ta’ evalwazzjoni billi adotta l-Artikolu 39 tar-Regolament 2022/2065 tikkostitwixxi, fl-assenza ta’ preċedenti ċari, kontroversja ġuridika importanti li s-soluzzjoni tagħha mhijiex evidenti.
111 Fid-dawl tal-punti preċedenti, ma jistax jiġi kkonstatat, wara l-eżami sommarja li għandha ssir mill-Imħallef għal miżuri provviżorji u mingħajr ma jiddeċiedi dwar il-fondatezza tat-tielet aggravju invokat minn Amazon, liema deċiżjoni hija kompetenza esklużiva tal-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu, li dan l-aggravju għandu jitqies, prima facie, li huwa nieqes minn kull serjetà.
112 Għaldaqstant il-kundizzjoni dwar il-fumus boni juris hija ssodisfatta fir-rigward tal-argumenti bbażati fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 39 tar-Regolament 2022/2065.
Fuq l-urġenza
Argumenti
113 Sabiex jiġi stabbilit li l-kundizzjoni dwar l-urġenza ġiet issodisfatta, Amazon issostni li t-tqegħid għad-dispożizzjoni għall-pubbliku tar-repożitorju rikjest mill-Artikolu 39 tar-Regolament 2022/2065 jikkawżalha dannu gravi u irreparabbli.
114 Qabel kollox, it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ dan ir-repożitorju jobbliga lil Amazon tiżvela informazzjoni kunfidenzjali dwar Amazon u dwar min jirreklama magħha. B’mod partikolari, l-imsemmi repożitorju jindika l-parametri ta’ identifikazzjoni li Amazon tista’ tipprovdi u n-numru ta’ klijenti li dawn il-parametri jippermettu li jintlaħqu. Ladarba tiġi żvelata din l-informazzjoni, il-kompetituri ta’ Amazon ikollhom għarfien dwar l-iktar strateġiji u teknoloġiji effikaċi. Barra minn hekk, l-iżvelar tal-imsemmija informazzjoni toħloq ħsara lill-assoċjati ta’ Amazon fil-qasam tar-reklamar billi jiġu żvelati l-istrateġiji tagħhom. L-attivitajiet ta’ reklamar ta’ Amazon jiġu għalhekk serjament u irrimedjabbilment iddegradati.
115 Sussegwentement, it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tar-repożitorju rikjest mill-Artikolu 39 tar-Regolament 2022/2065 inaqqas irreversibbilment is-sehem mis-suq ta’ Amazon kemm għall-attivitajiet ġenerali tagħha ta’ bejgħ bl-imnut kif ukoll għall-attivitajiet tagħha ta’ reklamar. Fil-fatt, it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ dan ir-repożitorju jiżvijja lill-bejjiegħa terzi ta’ Amazon Store u jġiegħlhom ikollhom inqas rieda li jirreklamaw fuq Amazon Store. Barra minn hekk, il-kompetituri tal-operaturi li jippreżentaw reklami fuq Amazon Store ikunu f’pożizzjoni li jikkopjaw u li jirriproduċu l-iktar strateġiji ta’ reklamar effikaċi. Fit-tul, it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tal-imsemmi repożitorju jista’ jaffettwa l-esperjenza tal-konsumaturi billi jnaqqas ir-reklamar u jbiegħed lill-bejjiegħa mill-pjattaforma Amazon Store.
116 Fl-aħħar nett, id-dannu mġarrab minn Amazon Store ma huwiex biss ta’ natura finanzjarja u ma jistax jiġi kkwantifikat biss f’termini finanzjarji. Id-degrad fil-pożizzjoni kompetittiva tagħha tista’ għalhekk twassal għal ċirku vizzjuż ta’ reazzjonijiet negattivi. Barra minn hekk, huwa probabbilment impossibbli li jiġi kkalkolat bi preċiżjoni l-effett speċifiku tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tar-repożitorju rikjest mill-Artikolu 39 tar-Regolament 2022/2065, b’mod partikolari sa fejn dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni jkun jinvolvi l-iżvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali.
117 Il-Kummissjoni tqis li Amazon ma werietx li l-kundizzjoni dwar l-urġenza ġiet issodisfatta f’dan il-każ.
118 Amazon sempliċement tiddikjara, l-iktar spiss b’mod ipotetiku, allegazzjonijiet mhux issostanzjati u mingħajr relazzjoni bejniethom. Barra minn hekk, Amazon ma pprovdietx informazzjoni li tistabbilixxi li d-dannu li hija tallega huwa prevedibbli bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti. Għandu jingħad ukoll li ċ-ċirkustanza li Amazon għandha diffikultajiet tipprova l-fondatezza ta’ rikors intiż għall-kumpens għad-dannu tagħha ma hijiex ta’ natura li tistabbilixxi li dan id-dannu ma huwiex kwantifikabbli.
119 Barra minn hekk, Amazon ma stabbilixxietx li l-kundizzjoni dwar il-fumus boni juris hija ssodisfatta fir-rigward tan-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni li hija allegatament meħtieġa li turi fir-repożitorju rikjest mill-Artikolu 39 tar-Regolament 2022/2065. Issa, huwa biss meta din il-kundizzjoni tiġi ssodisfatta li l-Imħallef għal miżuri provviżorji jkollu jippreżumi, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kundizzjoni dwar l-urġenza, li ċerta informazzjoni hija ta’ natura kunfidenzjali. Fi kwalunkwe każ, din l-informazzjoni ma hijiex kunfidenzjali.
Evalwazzjoni
120 Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-għan tal-proċeduri għal miżuri provviżorji huwa li tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni definittiva futura, sabiex jiġi evitat li jkun hemm lakuna fil-protezzjoni legali żgurata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Huwa sabiex jintlaħaq dan l-għan li l-urġenza għandha tiġi evalwata b’rabta mal-ħtieġa li tingħata deċiżjoni provviżorja, sabiex jiġi evitat li jiġi kkawżat dannu gravi u irreparabbli lill-parti li titlob il-protezzjoni provviżorja. Hija din il-parti li għandha tipproduċi l-prova li hija ma tistax tistenna l-eżitu tal-proċedura fuq il-mertu mingħajr ma ġġarrab dannu ta’ din in-natura. Għalkemm, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dan id-dannu, ma huwiex neċessarju li jiġi rikjest li l-okkorrenza u l-imminenza tiegħu jiġu stabbiliti b’ċertezza assoluta u li huwa biżżejjed li l-imsemmi dannu jkun prevedibbli bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti, xorta jibqa’ l-fatt li l-parti li titlob miżura provviżorja tibqa’ obbligata tipprova l-fatti li huma meqjusa li fuqhom hija bbażata l-perspettiva ta’ tali dannu (digriet tal-Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑16 ta’ Lulju 2021, Symrise vs ECHA, C‑282/21 P(R), EU:C:2021:631, punt 40).
121 Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-allegazzjoni ta’ Amazon li t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tar-repożitorju rikjest mill-Artikolu 39 tar-Regolament 2022/2065 joħloq tnaqqis fis-sehem mis-suq tagħha u, għalhekk, joħolqilha dannu gravi u irreparabbli, jeħtieġ li jitfakkar li, meta l-parti li titlob il-miżura provviżorja tinvoka t-telf tas-sehem mis-suq tagħha, hija għandha turi li ostakoli ta’ natura strutturali jew ġuridika ser jipprekluduha milli tirbaħ lura frazzjoni kunsiderevoli ta’ dan is-sehem mis-suq fl-ipoteżi fejn ir-rikors tagħha fil-kawża prinċipali finalment jintlaqa’ (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑2 ta’ Frar 2024, Mylan Ireland vs Il‑Kummissjoni, C‑604/23 P(R), EU:C:2024:117, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).
122 Issa, minkejja li Amazon issostni effettivament li t-telf ta’ sehem mis-suq b’riżultat tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ dan ir-repożitorju huwa irreversibbli, hija ma tistabbilixxix, fit-talba tagħha għal miżuri provviżorji, ostakoli speċifiċi li jipprekluduha milli tirbaħ lura dan is-sehem mis-suq fil-każ fejn hija ma tkunx ulterjorment meħtieġa li tikkompila l-imsemmi repożitorju online minħabba l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.
123 Huwa minnu li Amazon tirreferi wkoll, f’dan ir-rigward, għal ċerti punti ta’ perizja prodotta fl-anness tat-talba tagħha għal miżuri provviżorji, li minnha jirriżulta li jista’ jkun diffiċli, għal Amazon, li tikseb ir-ritorn, fuq il-pjattaforma tagħha, tal-bejjiegħa li jkunu telqu minn magħha, peress li jista’ jkun li dawn tal-aħħar ikunu draw jużaw pjattaforma oħra u jista’ jkun li jixtiequ jżommu r-rabtiet li jkunu kisbu mal-klijenti tagħhom fuq din l-aħħar pjattaforma.
124 Madankollu, minn naħa, din il-perizja tistabbilixxi ipoteżijiet mingħajr ma tevalwa l-probabbiltà li dawn iseħħu. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija perizja ma fiha ebda prova jew ebda riferiment li jistgħu jistabbilixxu li huwa effettivament probabbli li l-imsemmija ipoteżijiet iseħħu.
125 Għalhekk ma jistax jiġi kkunsidrat li Amazon stabbilixxiet l-eżistenza ta’ ostakoli ta’ natura strutturali jew ġuridika li jipprekluduha, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, li tikseb lura frazzjoni kunsiderevoli tas-sehem mis-suq potenzjalment mitluf wara t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tar-repożitorju rikjest mill-Artikolu 39 tar-Regolament 2022/2065. Għalhekk ma ġiex ipprovat, fi kwalunkwe każ, li t-telf mis-suq li jirriżulta mit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ dan ir-repożitorju jikkawżalha dannu irreparabbli.
126 Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argumenti misluta mill-iżvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta, minn naħa, il-parti li titlob il-miżuri provviżorji tallega li l-informazzjoni li l-pubblikazzjoni tagħha hija għandha l-intenzjoni li twaqqaf provviżorjament tikkostitwixxi sigriet kummerċjali u meta, min-naħa l-oħra, din l-allegazzjoni tissodisfa l-kundizzjoni dwar il-fumus boni juris, l-Imħallef għal miżuri provviżorji, bħala prinċipju, huwa marbut, fil-kuntest tal-eżami tiegħu tal-kundizzjoni dwar l-urġenza, jippreżumi li din l-informazzjoni tikkostitwixxi sigriet kummerċjali (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Viċi President tas-12 ta’ Ġunju 2018, Nexans France u Nexans vs Il‑Kummissjoni, C‑65/18 P(R), EU:C:2018:426, punt 21).
127 Peress li mill-punti 96 sa 105 ta’ dan id-digriet jirriżulta li l-allegazzjoni ta’ Amazon li mill-inqas parti mill-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 39(2) tar-Regolament 2022/2065 hija kunfidenzjali tissodisfa l-kundizzjoni dwar il-fumus boni juris, hemm lok li jiġi preżunt, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kundizzjoni dwar l-urġenza, li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni twassal għall-iżvelar tal-informazzjoni kunfidenzjali.
128 L-argument tal-Kummissjoni li l-informazzjoni inkwistjoni ma hijiex kunfidenzjali ma jistax, konsegwentement, iwassal biex jiġi deċiż li din l-aħħar kundizzjoni ma hijiex issodisfatta.
129 F’dan il-kuntest, għalkemm Amazon issostni li d-dannu li jirriżulta mit-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tar-repożitorju rikjest mill-Artikolu 39 ta-Regolament 2022/2065 ma jistax jiġi kkwantifikat biss f’termini finanzjarji, hija madankollu ma pprovatx fejn it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ dan ir-repożitorju jikkawżalha danni mhux kwantifikabbli materjalment.
130 Min-naħa l-oħra, Amazon tinvoka b’mod ċar dannu ta’ natura finanzjarja konsekuttiv għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-imsemmi repożitorju, li jirriżulta kemm min-nuqqas ta’ rieda tal-bejjiegħa terzi li jippubblikaw reklami fuq l-Amazon Store, li maż-żmien jista’ jwassal biex parti minn dawn il-bejjiegħa jitilqu minn din il-pjattaforma, kif ukoll mill-kisba, mill-kompetituri ta’ Amazon, ta’ għarfien dwar strateġiji li jistgħu jiġu implimentati biex titjieb il-pożizzjoni kompetittiva tagħhom.
131 Fid-dawl tad-diversità tal-informazzjoni kummerċjali speċifika li tista’ titqiegħed fir-repożitorju rikjest mill-Artikolu 39 tar-Regolament 2022/2065, tal-interess tal-persuni li jirreklamaw ma’ Amazon li jkunu jistgħu jimplimentaw prattiki ta’ reklamar li ma jistgħux jiġu faċilment riprodotti mill-kompetituri tagħhom u tal-vantaġġ li jistgħu jisiltu l-kompetituri ta’ Amazon minn aċċess sħiħ għal tali informazzjoni kummerċjali, id-dannu li jirriżulta mit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ dan ir-repożitorju għall-pubbliku għandu jitqies li fih il-gravità li għaliha huwa suġġett l-għoti ta’ deċiżjoni ta’ miżuri provviżorji. (ara, b’analoġija, id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ Settembru 2013, Il-Kummissjoni vs Pilkington Group, C‑278/13 P(R), EU:C:2013:558, punt 47).
132 Fir-rigward tan-natura irreparabbli ta’ dan id-dannu, għandu jitfakkar li, filwaqt li huwa minnu li dannu ta’ natura finanzjarja ma jistax, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jitqies li huwa irreparabbli, peress li kumpens pekunjarju, bħala regola ġenerali, jista’ jerġa’ jqiegħed lill-persuna leża fis-sitwazzjoni li kienet qabel ma jkun seħħ id-dannu. Madankollu, is-sitwazzjoni hija differenti, u tali dannu jista’ għalhekk jitqies li huwa irreparabbli, jekk ma jistax jiġi kkwantifikat (digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑2 ta’ Marzu 2016 Evonik Degussa vs Il‑Kummissjoni, C‑162/15 P‑R EU:C:2016:142, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata).
133 Madankollu, l-inċertezza marbuta mat-tiswija ta’ dannu ta’ natura finanzjarja fil-kuntest ta’ rikors possibbli għad-danni ma tistax titqies, fiha nnifisha, bħala ċirkustanza li tista’ tistabbilixxi n-natura irreparabbli ta’ dan id-dannu, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, fl-istadju tal-proċeduri għal miżuri provviżorji, il-possibbiltà li sussegwentement jinkiseb il-kumpens għal dannu ta’ natura finanzjarja fil-qafas ta’ rikors possibbli għad-danni, li jista’ jiġi ppreżentat wara l-annullament tal-att ikkontestat, hija neċessarjament inċerta. Issa, il-proċeduri għal miżuri provviżorji ma għandhomx bħala għan li jissostitwixxu lilhom infushom għal tali rikors għad-danni biex jeliminaw din l-inċertezza, peress li l-għan tagħhom huwa biss li jiggarantixxu l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni definittiva futura li għandha tingħata fil-proċedura fuq il-mertu li fuqha jkunu bbażati l-miżuri provviżorji, jiġifieri, f’dan il-każ, rikors għal annullament (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑2 ta’ Marzu 2016 Evonik Degussa vs Il‑Kummissjoni, C‑162/15 P‑R EU:C:2016:142, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata).
134 Min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni hija differenti meta jkun jidher b’mod ċar, mill-evalwazzjoni magħmula mill-Imħallef għal miżuri provviżorji, li d-dannu allegat, fid-dawl tan-natura tiegħu u tal-mod prevedibbli ta’ kif dan iseħħ, ma jkunx jista’ jiġi identifikat u kkwantifikat b’mod adegwat jekk iseħħ u li, fil-prattika, rikors għad-danni ma jkunx jista’ konsegwentement jirrimedjah. Dan jista’ jkun b’mod partikolari l-każ fir-rigward tal-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni kummerċjali speċifika u kunfidenzjali (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑2 ta’ Marzu 2016 Evonik Degussa vs Il‑Kummissjoni, C‑162/15 P‑R EU:C:2016:142, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).
135 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li d-dannu li jista’ jiġi mġarrab minn Amazon minħabba l-pubblikazzjoni tal-allegati sigrieti kummerċjali tagħha huwa differenti, kemm f’dak li jirrigwarda n-natura kif ukoll il-portata tiegħu, skont jekk il-persuni li jkollhom għarfien ta’ dawn is-sigrieti kummerċjali humiex il-klijenti tagħha, il-kompetituri tagħha, analisti finanzjarji jew ukoll persuni li jagħmlu parti mill-pubbliku inġenerali. Fil-fatt, ikun impossibbli li jiġi identifikat in-numru u l-kwalità tal-persuni kollha li kellhom effettivament għarfien tal-informazzjoni ppubblikata u li jiġu evalwati għaldaqstant il-konsegwenzi li l-pubblikazzjoni ta’ din seta’ jkollha fuq l-interessi kummerċjali u ekonomiċi ta’ Amazon (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑2 ta’ Marzu 2016 Evonik Degussa vs Il‑Kummissjoni, C‑162/15 P‑R EU:C:2016:142, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).
136 Issa, din l-inċertezza, li hija wkoll preżenti f’dan il-każ, hija tali li turi n-natura irreparabbli tad-dannu finanzjarju invokat (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑2 ta’ Marzu 2016, Evonik Degussa vs Il‑Kummissjoni, C‑162/15 P‑R, EU:C:2016:142, punt 96, kif ukoll tal‑1 ta’ Marzu 2017, EMA vs MSD Animal Health Innovation u Intervet international, C‑512/16 P(R), EU:C:2017:149, punti 113 sa 118).
137 Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li Amazon uriet li d-dannu allegat fih il-karatteristiċi meħtieġa. Konsegwentement, il-kundizzjoni rigward l-urġenza ma hijiex issodisfatta.
Fuq l-ibbilanċjar tal-interessi
Argumenti
138 Amazon issostni li l-interessi tagħha li tikseb sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża jieħdu preċedenza fuq l-interessi l-oħra marbuta mal-eżekuzzjoni immedjata ta’ din id-deċiżjoni għal tliet raġunijiet.
139 Qabel kollox, ir-rifjut ta’ għoti ta’ miżuri provviżorji jippreġudika l-effikaċja ta’ deċiżjoni futura ta’ annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, peress li jkun hemm riskju li Amazon iġġarrab dannu irreparabbli qabel ma tingħata deċiżjoni ta’ annullament. L-informazzjoni żvelata mat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tar-repożitorju rikjest mill-Artikolu 39 tar-Regolament 2022/2065 tkun għalhekk tilfet, b’mod definittiv, in-natura kunfidenzjali tagħha. Taħt l-istess perspettiva, din id-deċiżjoni ta’ annullament ma tippermettix ir-ritorn, fuq Amazon Store, tal-bejjiegħa terzi li jkunu diġà telqu minn din il-pjattaforma.
140 Sussegwentement, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża jkollha bħala konsegwenza unika li żżomm l-istatus quo eżistenti sal-mument tal-għoti tad-deċiżjoni fuq il-mertu.
141 Fl-aħħar nett, il-miżuri l-oħra previsti mir-Regolament 2022/2065, li jkunu applikabbli anki fil-każ ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, huma suffiċjenti biex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni. L-Artikolu 39 ta’ dan ir-regolament b’hekk ma jkunx jista’ jitqies li jikkostitwixxi regola fundamentali tiegħu peress li l-obbligi li jiddikjara ma humiex applikabbli għall-maġġoranza l-kbira tas-servizzi intermedjarji.
142 Il-Kummissjoni tqis li r-raġunijiet proposti minn Amazon, ikkunsidrati individwalment jew flimkien, ma humiex suffiċjenti biex jiġi kkunsidrat li l-ibbilanċjar tal-interessi jxaqleb favur l-għoti tal-miżuri provviżorji mitluba. L-ewwel nett, is-seħħ ta’ dannu irreparabbli ma huwiex argument deċiżiv iżda premessa tal-ibbilanċjar tal-interessi mill-Imħallef għal miżuri provviżorji. It-tieni nett, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża ma żżommx l-istatus quo. Għall-kuntrarju, l-għoti ta’ tali sospensjoni jwassal biex, matul numru ta’ snin, tiġi applikata fil-konfront ta’ Amazon sistema distinta minn dik li tiġi imposta lill-pjattaformi online kbar ħafna oħra. It-tielet nett, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda sistema speċifika għal dawn it-tip ta’ pjattaformi preċiżament minħabba li l-obbligi ġenerali previsti mir-Regolament 2022/2065 ma humiex suffiċjenti biex jiġu mwarrba r-riskji sistemiċi tas-soċjetà maħluqa minn dawn il-pjattaformi, hekk kif juru ċertu numru ta’ eżempji reċenti. Issa, huwa urġenti li tiġi ggarantita l-applikazzjoni ta’ din is-sistema speċifika biex jiġu miġġielda dawn ir-riskji, hekk kif juri b’mod partikolari l-Artikolu 93(2) ta’ dan ir-regolament.
Kunsiderazzjonijiet
143 Jidher li, fil-parti l-kbira tal-proċeduri għal miżuri provviżorji, kemm l-għoti kif ukoll ir-rifjut li tingħata s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni mitluba jistgħu jipproduċu, sa ċertu punt, ċerti effetti definittivi u huwa l-Imħallef għal miżuri provviżorji, adit b’talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni, li għandu jibbilanċja r-riskji marbuta ma’ kull waħda mis-soluzzjonijiet possibbli. B’mod konkret, dan jimplika b’mod partikolari li jiġi eżaminat jekk l-interess tal-parti li titlob il-miżuri provviżorji li tikseb is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-att ikkontestat jipprevalix fuq l-interess li għandu l-applikazzjoni immedjata tiegħu. Waqt dan l-eżami, jeħtieġ jiġi ddeterminat jekk l-annullament possibbli ta’ dan l-att mill-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu jippermettix il-qlib tas-sitwazzjoni li tinħoloq mill-eżekuzzjoni immedjata tiegħu u, inversament, kemm is-sospensjoni tkun ta’ natura li tostakola l-għanijiet imfittxija mill-att ikkontestat fil-każ li r-rikors fuq il-mertu jiġi miċħud (digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑24 ta’ Mejju 2022, Puigdemont i Casamajó et vs Il‑Parlament u Spanja, C‑629/21 P(R), EU:C:2022:413 punt 248 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
144 Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-interess marbut mal-għoti tal-miżuri provviżorji mitluba, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li deċiżjoni potenzjali li tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża ma tkunx nieqsa minn effett kieku t-talba għal miżuri provviżorji kellha tiġi miċħuda u kieku, konsegwentement, Amazon kellha obbligu tqiegħed immedjatament għad-dispożizzjoni tal-pubbliku r-repożitorju rikjest mill-Artikolu 39 tar-Regolament 2022/2065.
145 Huwa minnu li l-informazzjoni ppubblikata f’dan ir-repożitorju fl-istennija ta’ deċiżjoni li tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża hija, fil-prattika, definittivament nieqsa min-natura kunfidenzjali tagħha ġaladarba ma tkunx tista’ tiġi mistura iżjed mill-għarfien tat-terzi.
146 Madankollu, mill-Artikolu 39(1) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-imsemmi repożitorju għandu jiġi aġġornat b’mod permanenti, sa fejn għandu jinkludi l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 39(2) tal-imsemmi regolament għall-perijodu sħiħ li matulu l-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna kkonċernata jippreżenta reklam u sa sena wara l-aħħar preżentazzjoni tar-reklam fuq l-interfaċċi online tagħha.
147 Konsegwentement, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, Amazon ma tkunx iżjed obbligata tikkompila r-repożitorju rikjest minn dan l-Artikolu 39. Għalhekk, hija ma tkunx iktar marbuta żżomm online informazzjoni dwar ir-reklami ppreżentati fuq Amazon Store u lanqas li tiżvela informazzjoni dwar l-iżviluppi tal-kampanji ta’ reklamar tagħha jew kampanji ta’ reklamar ġodda. L-imsemmi annullament ikun għalhekk tali li jiżgura lill-persuni li jirreklamaw ir-ritorn għal ambjent kummerċjali iktar attraenti u li jippermetti lil Amazon tiżviluppa strateġiji ġodda fit-tmexxija tal-attività tagħha ta’ reklamar mingħajr ma l-kompetituri tagħha jkunu jistgħu jsiru jafu dwarha permezz ta’ dan ir-repożitorju.
148 L-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża jżomm, konsegwentement, interess għal Amazon u effettività reali, anki fl-assenza tal-għoti ta’ miżuri provviżorji. Tali sitwazzjoni tiddistingwi l-kawża preżenti minn dawk li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha b’mod deċiżiv, waqt l-evalwazzjoni tagħha tal-ibbilanċjar tal-interessi preżenti, fuq iċ-ċirkustanza li l-iżvelar ta’ informazzjoni li tinsab f’deċiżjoni jew f’rapport iċċaħħad definittivament minn kull effett annullament potenzjali tad-deċiżjoni li ordnat l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑2 ta’ Marzu 2016, Evonik Degussa vs Il‑Kummissjoni, C‑162/15 P‑R, EU:C:2016:142, punt 105, u d-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑1 ta’ Marzu 2017, EMA vs PTC Therapeutics International, C‑513/16 P(R), EU:C:2017:148, punt 136).
149 B’hekk, kif issostni Amazon u kif jirriżulta mill-punti 126 sa 137 ta’ dan id-digriet, fl-assenza tal-għoti ta’ miżuri provviżorji, huwa probabbli li ġġarrab dannu gravi u irreparabbli qabel l-għoti potenzjali ta’ deċiżjoni ta’ annullament tad-deċiżjoni kontenżjuza.
150 Madankollu, din iċ-ċirkustanza ma tistax titqies li hija, waħedha, deċiżiva, peress li l-għan innifsu tal-ibbilanċjar tal-interessi preżenti huwa li jiġi evalwat jekk, minkejja l-preġudizzju għall-interessi tal-parti li titlob dawn il-miżuri kkostitwit mir-riskju għaliha li ġġarrab dannu gravi u irreparabbli, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi marbuta mal-eżekuzzjoni immedjata tad-deċiżjoni kkontestata huwa tali li jiġġustifika r-rifjut li jingħataw il-miżuri provviżorji mitluba (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑12 ta’ Lulju 1996, Ir-Renju Unit vs Il‑Kummissjoni, C‑180/96 R, EU:C:1996:308, punti 90 sa 92; digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑11 ta’ April 2001, Il‑Kummissjoni vs Cambridge Healthcare Supplies, C‑471/00 P(R), EU:C:2001:218, punt 120, u d-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑8 ta’ April 2014, Il‑Kummissjoni vs ANKO, C‑78/14 P‑R, EU:C:2014:239, punt 40).
151 Għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni, jeħtieġ li jiġi osservat li, għalkemm mill-eżami tal-kundizzjoni dwar l-urġenza jirriżulta li Amazon effettivament tista’, fl-assenza ta’ għoti ta’ miżuri provviżorji, iġġarrab dannu gravi u irreparabbli ta’ natura finanzjarja, mill-elementi prodotti minnha ma jirriżultax li l-applikazzjoni tal-Artikolu 39 tar-Regolament 2022/2065 għal Amazon Store, fl-istennija tad-deċiżjoni tal-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu, ikollha bħala konsegwenza li jiġu kompromessi l-eżistenza jew l-iżvilupp ta’ Amazon fit-tul.
152 Qabel kollox, la qed jiġi allegat u lanqas ma hu qed jintwera a fortiori li Amazon hija esposta għal riskju ta’ waqfien tal-attivitajiet tagħha fl-assenza ta’ għoti ta’ miżuri provviżorji.
153 Sussegwentement, mill-punti 121 sa 125 ta’ dan id-digriet jirriżulta li Amazon ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ riskju ta’ telf ta’ ishma mis-suq sinjifikattiv u fit-tul fl-ipoteżi fejn l-Artikolu 39 tar-Regolament 2022/2065 ikun applikabbli għal Amazon Store matul il-perijodu inkluż bejn il-jum tal-eżami tat-talba tagħha għal miżuri provviżorji u dak tad-deċiżjoni fuq il-mertu.
154 Fl-aħħar nett, mit-talba għal miżuri provviżorji jirriżulta li d-dħul ta’ Amazon mill-attivitajiet tagħha ta’ reklamar jirrappreżentaw biss 7 % tad-dħul globali tagħha. Għalhekk, il-limitazzjoni tal-possibbiltajiet li jiġu żviluppati strateġiji ta’ reklamar li tista’ tirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 39 tar-Regolament 2022/2065 għandha effetti diretti biss fuq parti limitata tal-attivitajiet ta’ Amazon, fejn għandu jingħad li ma huwiex paċifiku li l-effetti indiretti ta’ tali limitazzjoni fuq l-attivitajiet l-oħra ta’ Amazon huma sinjifikattivi.
155 Fit-tieni lok, fir-rigward tal-interess marbut mal-applikazzjoni immedjata tad-deċiżjoni kontenzjuża, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li r-Regolament 2022/2065 jikkostitwixxi element ċentrali tal-politika żviluppata mil-leġiżlatur tal-Unjoni fis-settur diġitali. Fil-qafas ta’ din il-politika, dan ir-regolament ifittex li jilħaq għanijiet ta’ importanza kbira, ġaladarba għandu l-intenzjoni, kif jirriżulta mill-premessa 155 tiegħu, li jikkontribwixxi għall-funzjonament it-tajjeb tas-suq intern u li jiggarantixxi ambjent online sigur, prevedibbli u affidabbli li fih id-drittijiet fundamentali stabbiliti mill-Karta jiġu debitament protetti.
156 Huwa minnu li l-Kummissjoni ma allegatx u lanqas ma weriet a fortiori li l-għoti ta’ miżuri provviżorji li għandhom bħala effett li jeskludu l-applikazzjoni tal-Artikolu 39 tar-Regolament 2022/2065 għal Amazon Store sakemm l-appell jiġi deċiż fuq il-mertu huwa tali li jostakola b’mod definittiv it-twettiq ta’ dawn l-għanijiet.
157 Madankollu għandu jiġi osservat li n-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ ċerti obbligi previsti minn dan ir-regolament iwassal sabiex jiġi pospost, potenzjalment għal numru ta’ snin, it-twettiq komplet tal-imsemmija għanijiet. Għaldaqstant dan in-nuqqas ta’ applikazzjoni joħloq riskju li jitħalla potenzjalment jippersisti jew jiżviluppa ruħu ambjent online li jhedded id-drittijiet fundamentali previsti mill-Karta.
158 Din il-konstatazzjoni ma tistax titqiegħed inkwistjoni permezz tal-argument ta’ Amazon li tali riskju jiġi evitat bl-applikazzjoni fil-konfront ta’ Amazon Store tal-obbligi imposti mill-imsemmi regolament għas-servizzi intermedjarji kollha.
159 Fil-fatt mill-premessi 75 u 76 tar-Regolament 2022/2065 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni qies, wara evalwazzjoni li l-Imħallef għall-miżuri provviżorji ma għandux il-jedd li jqiegħed inkwistjoni, li l-pjattaformi online kbar ħafna għandhom rwol importanti fl-ambjent diġitali u li dawn jistgħu joħolqu riskji għas-soċjetà li jkunu differenti, minħabba l-kobor u l-effett tagħhom, minn dawk attribwibbli lill-pjattaformi ta’ daqs iżgħar.
160 B’mod partikolari, mill-premessa 95 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li s-sistemi ta’ reklamar użati mill-pjattaformi online kbar ħafna għandhom riskji partikolari u jeħtieġu kontroll pubbliku u leġiżlattiv iktar qawwi.
161 Għaldaqstant ma jistax jiġi kkunsidrat, mingħajr ma wieħed imur lil hinn mis-setgħat mogħtija lill-Imħallef għal miżuri provviżorji billi jitwarrbu l-evalwazzjonijiet tal-leġiżlatur tal-Unjoni li n-natura żbaljata tagħhom ma ntwerietx, li l-applikazzjoni għal Amazon Store tas-sempliċi obbligi imposti mir-Regolament 2022/2065 għas-servizzi intermedjarji kollha hija ta’ natura li tissostitwixxi b’mod sodisfaċenti l-applikazzjoni għal din il-pjattaforma tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 39 ta’ dan ir-regolament.
162 Issa, il-leġiżlatur tal-Unjoni attribwixxa importanza partikolari għall-iktar ħeffa possibbli fl-applikazzjoni tal-imsemmi regolament għall-pjattaformi online kbar ħafna. B’hekk mill-Artikolu 92 u mill-Artikolu 93(2) tal-imsemmi regolament jirriżulta li, filwaqt li dan huwa applikabbli biss mis‑17 ta’ Frar 2024, dan jista’ jiġi applikat b’mod antiċipat għall-pjattaformi online kbar ħafna.
163 Jeħtieġ ulterjorment li jiġi osservat li, kontrarjament għal dak li ssostni Amazon, l-għoti tal-miżuri provviżorji mitluba ma jwassalx biss biex jinżamm l-istatus quo. Fil-fatt, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża ma għandhiex konsegwenzi la fuq l-applikazzjoni tal-obbligi ġenerali previsti mir-Regolament 2022/2065 għas-servizzi intermedjarji kollha u lanqas fuq dik tal-obbligi speċifiċi għall-pjattaformi online kbar ħafna minbarra Amazon li ġew indikati bħala tali mill-Kummissjoni bis-saħħa tal-Artikolu 33(4) ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant tali sospensjoni mill-eżekuzzjoni hija ta’ natura li tbiddel is-sitwazzjoni kompetittiva fis-settur diġitali b’mod li ma ġiex previst mil-leġiżlatur tal-Unjoni, billi tissuġġetta lil Amazon għal sistema differenti minn dik applikabbli għall-atturi l-oħra f’dan is-settur li għandhom, fid-dawl tal-kriterji ddefiniti minn dan il-leġiżlatur, karatteristiċi paragunabbli għal din il-kumpannija.
164 Fid-dawl ta’ dawn il-punti kollha, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-interessi difiżi mil-leġiżlatur tal-Unjoni jieħdu preċedenza, f’dan il-każ, fuq l-interessi materjali ta’ Amazon, b’tali mod li l-ibbilanċjar tal-interessi jxaqleb favur iċ-ċaħda tat-talba għal miżuri provviżorji.
165 Konsegwentement, it-talba għal miżuri provviżorji hija miċħuda sa fejn hija intiża għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, inkwantu din id-deċiżjoni timponi lil Amazon tikkompila u tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku r-repożitorju rikjest mill-Artikolu 39 tar-Regolament 2022/2065.
Fuq it-talba mressqa sussidjarjament minn Amazon
Argumenti
166 Amazon titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja, fl-ipoteżi fejn l-appell jintlaqa’, tagħtiha, sabiex tikkonforma ruħha mal-obbligu li tikkompila u li tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku r-repożitorju rikjest mill-Artikolu 39 tar-Regolament 2022/2065, terminu ta’ 28 jum mid-data tas-sentenza li ttemm il-proċedura ta’ appell. Hija ssostni li tali terminu huwa neċessarju, minn perspettiva teknika, biex tikkonforma ruħha ma’ dan l-obbligu.
Evalwazzjoni
167 Qabel kollox, it-talba mressqa minn Amazon sussidjarjament ma tistax titqies li ġiet introdotta taħt l-Artikolu 174 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, sa fejn din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-konklużjonijiet tar-risposta huma intiżi sabiex l-appell jintlaqa’ jew jiġi miċħud totalment jew parzjalment.
168 Sussegwentement, peress li mill-Artikolu 170(1) ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li l-appellant ma jistax jikkompleta t-talbiet tiegħu mressqa fl-ewwel istanza, tali prerogattiva lanqas ma tista’ tingħata, fl-assenza ta’ dispożizzjoni speċifika għal dan il-għan, lill-appellat.
169 Issa, bit-talbiet tagħha fl-ewwel istanza, Amazon imkien ma kienet talbet lill-Qorti Ġenerali biex tingħata terminu fil-każ ta’ ċaħda tat-talba tagħha għal miżuri provviżorji.
170 Għalhekk, jekk jitqies li t-talba mressqa minn Amazon b’mod sussidjarju għandha tinftiehem fis-sens li tressqet bil-għan li jiġu kkompletati t-talbiet imressqa fl-ewwel istanza, din ikollha tiġi miċħuda sa fejn tikkostitwixxi talba ġdida (ara, b’analoġija, id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑20 ta’ Marzu 2023, Xpand Consortium et vs Il‑Kummissjoni, C‑739/22 P(R), EU:C:2023:228, punt 20).
171 Fl-aħħar nett, din it-talba ġdida lanqas ma tista’ titqies li tikkostitwixxi talba għal miżuri provviżorji introdotta taħt l-Artikolu 160 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ġaladarba l-Artikolu 160(4) ta’ dawn ir-regoli tal-proċedura jissuġġetta l-ammissibbiltà ta’ tali talba għal tressiq permezz ta’ att separat (ara, b’analoġija, id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑20 ta’ Marzu 2023, Xpand Consortium et vs Il‑Kummissjoni, C‑739/22 P(R), EU:C:2023:228, punt 21).
172 Għaldaqstant it-talba mressqa sussidjarjament minn Amazon għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.
Fuq l-ispejjeż
173 Konformement mal-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.
174 Fir-rigward tal-ispejjeż relatati mal-proċedura ta’ appell, għandu jitfakkar, minn naħa, li, bis-saħħa tal-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni talbet li Amazon tiġi kkundannata għall-ispejjeż relatati mal-proċedura ta’ appell u peress li din tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha relatati mal-proċedura ta’ appell, dawk sostnuti mill-Kummissjoni relatati ma’ din il-proċedura.
175 Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 140(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Konsegwentement, il-Parlament u l-Kunsill għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati mal-proċedura ta’ appell.
176 Fir-rigward tal-ispejjeż relatati mal-proċedura għal miżuri provviżorji tal-ewwel istanza, hemm lok, konformement mal-Artikolu 137 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, li l-ispejjeż tal-Kummissjoni u ta’ Amazon jiġu rriżervati.
Għal dawn il-motivi, il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja jordna:
1) Il-punt 1 tad-dispożittiv tad-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑27 ta’ Settembru 2023, Amazon Services Europe vs Il‑Kummissjoni (T‑367/23 R, EU:T:2023:589), hija annullata.
2) Il-kumplament tal-appell huwa miċħud.
3) It-talba għal miżuri provviżorji hija miċħuda sa fejn titlob is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissojni C(2023) 2746 final tal‑25 ta’ April 2023 li tindika li Amazon Store hija pjattaforma online kbira ħafna konformement mal-Artikolu 33(4) tar-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali), inkwantu din id-deċiżjoni timponi lil Amazon Store tikkompila u tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku r-repożitorju rikjest mill-Artikolu 39 ta’ dan ir-regolament.
4) It-talba ta’ Amazon Services Europe Sàrl intiża sabiex, fl-ipoteżi li l-appell jintlaqa’, tingħata terminu ta’ 28 jum biex tikkonforma ruħha mal-obbligu li tikkompila repożitorju tar-reklami hija miċħuda.
5) Amazon Services Europe Sàrl għandha tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha relatati mal-proċedura ta’ appell, l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea relatati ma’ din il-proċedura.
6) Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati mal-proċedura ta’ appell.
7) L-ispejjeż relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji fl-ewwel istanza huma rriżervati.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.