Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023CN0011

    Kawża C-11/23, Eventmedia Soluciones: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Mercantil n° 1 de Palma de Mallorca (Spanja) fit-12 ta’ Jannar 2023 – Eventmedia Soluciones SL vs Air Europa Líneas Aéreas SAU

    ĠU C 155, 2.5.2023, p. 27–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    2.5.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 155/27


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Mercantil no 1 de Palma de Mallorca (Spanja) fit-12 ta’ Jannar 2023 – Eventmedia Soluciones SL vs Air Europa Líneas Aéreas SAU

    (Kawża C-11/23, Eventmedia Soluciones)

    (2023/C 155/33)

    Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

    Qorti tar-rinviju

    Juzgado de lo Mercantil no 1 de Palma de Mallorca

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrent: Eventmedia Soluciones SL

    Konvenut: Air Europa Líneas Aéreas SAU

    Domandi preliminari

    1)

    L-inklużjoni, f’kuntratt ta’ trasport bl-ajru, ta’ klawżola bħal dik esposta, tista’ titqies bħala eċċezzjoni inammissibbli fis-sens tal-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 261/04 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (1), minħabba li tillimita l-obbligi tat-trasportatur, billi tillimita l-possibbiltà li d-dritt tal-passiġġieri għal kumpens minħabba kanċellazzjoni ta’ titjira jiġi ssodisfatt permezz ta’ trasferiment ta’ kreditu?

    2)

    L-Artikolu 7(1), moqri flimkien mal-Artikolu 5(1)(ċ) u mal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/04, jista’ jiġi interpretat fis-sens li l-ħlas ta’ kumpens minħabba kanċellazzjoni ta’ titjira, dovut mit-trasportatur inkarigat mit-twettiq tat-titjira, huwa obbligu impost mir-Regolament irrispettivament mill-eżistenza ta’ kuntratt ta’ trasport mal-passiġġier u min-nuqqas, kolpuż, ta’ twettiq ta’ obbligi kuntrattwali tat-trasportatur tal-ajru?

    Sussidjarjament, fil-każ li jitqies li l-imsemmija klawżola ma tikkostitwixxix eċċezzjoni inammissibbli konformement mal-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 261/04 jew jekk jiġi kkunsidrat li d-dritt għal kumpens huwa ta’ natura kuntrattwali, qiegħdha ssir is-segwenti domanda preliminari:

    3)

    L-Artikoli 6(1) u 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (2), għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq talba abbażi tad-dritt għall-kumpens minħabba kanċellazzjoni ta’ titjira previst fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 261/04, għandha tistħarreġ ex officio l-eventwali natura inġusta ta’ klawżola, inkluża fil-kuntratt ta’ trasport, li ma tippermettix li l-passiġġier jittrasferixxi d-drittijiet tiegħu, meta t-talba titressaq mill-persuna li favuriha sar t-trasferiment li, b’kuntrast mal-persuna li titrasferixxi, ma hijiex konsumatur jew utent?

    4)

    Fil-każ li jkun hemm lok li jitwettaq l-istħarriġ ex officio, id-dmir li l-konsumatur jiġi informat u li jiġi kkonstatat jekk jinvokax in-natura inġusta tal-klawżola jew inkella jekk jaċċettahiex, jista’ jiġi injorat fid-dawl tal-intenzjoni li huwa wera meta ttrasferixxa l-kreditu tiegħu, bi ksur tal-klawżola eventwalment inġusta li ma kinitx tippermetti t-trasferiment tal-kreditu?


    (1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10.

    (2)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288 bir-Rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100.


    Top