This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62023CJ0109
Judgment of the Court (Second Chamber) of 5 September 2024.#GM and ON v PR.#Request for a preliminary ruling from the Landgericht Berlin.#Reference for a preliminary ruling – Common foreign and security policy – Restrictive measures taken in view of Russia’s actions destabilising the situation in Ukraine – Regulation (EU) No 833/2014 – Article 5n(2) and (6) – Prohibition on the direct or indirect provision of legal advisory services to the Russian Government or to legal persons, entities or bodies established in Russia – Exemption concerning the provision of services which are strictly necessary to ensure access to judicial, administrative or arbitration proceedings in a Member State – Authentication and execution, by a notary, of a contract for the sale of immovable property – Assistance provided by an interpreter during such authentication.#Case C-109/23.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-5 ta’ Settembru 2024.
GM u ON vs PR.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Landgericht Berlin.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina – Regolament (UE) Nru 833/2014 – Artikolu 5n(2) u (6) – Projbizzjoni li jingħataw, direttament jew indirettament, servizzi ta’ konsulenza legali lill-Gvern Russu jew lil persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi stabbiliti fir-Russja – Eżenzjoni li tikkonċerna l-għoti ta’ servizzi li jkunu strettament meħtieġa biex jiġi żgurat l-aċċess għal proċeduri ġudizzjarji, amministrattivi jew ta’ arbitraġġ fi Stat Membru – Awtentifikazzjoni u eżekuzzjoni, minn nutar, ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli – Assistenza minn interpretu waqt tali awtentifikazzjoni.
Kawża C-109/23.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-5 ta’ Settembru 2024.
GM u ON vs PR.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Landgericht Berlin.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina – Regolament (UE) Nru 833/2014 – Artikolu 5n(2) u (6) – Projbizzjoni li jingħataw, direttament jew indirettament, servizzi ta’ konsulenza legali lill-Gvern Russu jew lil persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi stabbiliti fir-Russja – Eżenzjoni li tikkonċerna l-għoti ta’ servizzi li jkunu strettament meħtieġa biex jiġi żgurat l-aċċess għal proċeduri ġudizzjarji, amministrattivi jew ta’ arbitraġġ fi Stat Membru – Awtentifikazzjoni u eżekuzzjoni, minn nutar, ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli – Assistenza minn interpretu waqt tali awtentifikazzjoni.
Kawża C-109/23.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:681
Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
5 ta’ Settembru 2024 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina – Regolament (UE) Nru 833/2014 – Artikolu 5n(2) u (6) – Projbizzjoni li jingħataw, direttament jew indirettament, servizzi ta’ konsulenza legali lill-Gvern Russu jew lil persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi stabbiliti fir-Russja – Eżenzjoni li tikkonċerna l-għoti ta’ servizzi li jkunu strettament meħtieġa biex jiġi żgurat l-aċċess għal proċeduri ġudizzjarji, amministrattivi jew ta’ arbitraġġ fi Stat Membru – Awtentifikazzjoni u eżekuzzjoni, minn nutar, ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli – Assistenza minn interpretu waqt tali awtentifikazzjoni”
Fil-Kawża C‑109/23 [Jemerak] (i),
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Jannar 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Frar 2023, fil-proċedura
GM,
ON
vs
PR,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn A. Prechal, Presidenta tal-Awla, F. Biltgen (Relatur), N. Wahl, J. Passer u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,
Avukata Ġenerali: L. Medina,
Reġistratur: A. Juhász-Tóth, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑25 ta’ Jannar 2024,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal PR, minn U. Karpenstein u R. Sangi, Rechtsanwälte,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u N. Scheffel, bħala aġenti,
– għall-Gvern Estonjan, minn M. Kriisa, bħala aġent,
– għall-Gvern Olandiż, minn K. Bulterman u H.S. Gijzen, bħala aġenti,
– għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,
– għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent,
– għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn M. Bishop u T. Haas, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Carpus Carcea, C. Georgieva u M. Kellerbauer, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tal‑11 ta’ April 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 5n(2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal‑31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 229, p. 1, rettifika fil-ĠU 2014, L 246, p. 59), kif emendat bir-Regolament tal‑Kunsill (UE) 2022/1904 tas‑6 ta’ Ottubru 2022 (ĠU 2022, L 259 I, p. 3) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 833/2014”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn GM u ON, xerrejja ta’ appartament li jinsab f’Berlin (il-Ġermanja) u li huwa proprjetà lil persuna ġuridika stabbilita fir-Russja, u PR, nutar li jeżerċita fil‑Ġermanja, dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jawtentifika u jeżegwixxi l-kuntratt ta’ bejgħ ta’ dan l-appartament, minħabba li ma setax jiġi eskluż li din l‑awtentifikazzjoni tmur kontra l-Artikolu 5n(2) tar‑Regolament Nru 833/2014, li jipprojbixxi l-għoti ta’ servizzi ta’ konsulenza legali lil persuni ġuridiċi stabbiliti fir-Russja.
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Ir-Regolament (UE) Nru 269/2014
3 L-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 269/2014 tal-Kunsill, tas‑17 ta’ Marzu 2014, dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal‑Ukraina (ĠU 2014, L 78, rettifika fil-ĠU L 249 p. 6), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 476/2014 tal-Kunsill, tat‑12 ta’ Mejju 2014 (ĠU 2014, L 137, p. 1), jipprevedi:
“1. Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, li huma l-proprjetà, li huma fil-pussess jew taħt il-kontroll ta' kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp, jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness I, għandhom jiġu ffriżati.
2. Ebda fond jew riżorsa ekonomika ma għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni, direttament jew indirettament, għall-benefiċċju ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi, jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness I.”
Ir-Regolament Nru 833/2014
4 Il-premessi 1 u 2 tar-Regolament Nru 833/2014 jistipulaw:
“(1) Ir-Regolament [Nru 269/2014] jagħti effett lil ċerti miżuri previsti fid-[Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK [tas‑17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir‑rigward ta' azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 16)]. Dawk il-miżuri jinkludu l-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi ta’ ċerti persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi u restrizzjonijiet fuq ċerti investimenti, bħala reazzjoni għall‑annessjoni illegali tal-Krimea u Sevastopol.
(2) Fit‑22 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea] ikkonkluda li jekk ir-Russja ma tweġibx għat-talbiet ifformulati fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas‑27 ta’ Ġunju 2014 u l-konklużjonijiet tiegħu tat‑22 ta’ Lulju, huwa jkun lest biex mingħajr dewmien jintroduċi pakkett ta' miżuri restrittivi ulterjuri sinifikanti. Huwa għalhekk meqjus xieraq li jiġu applikati miżuri restrittivi addizzjonali bil‑għan li jikber il-kost tal-azzjonijiet tar-Russja biex iddgħajjef l‑integrità territorjali, s-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina u li titmexxa ‘l quddiem soluzzjoni paċifika għall-kriżi. [...]”
5 Skont l-Artikolu 5aa(1) tar-Regolament Nru 833/2014:
“Għandu jkun ipprojbit li wieħed jidħol direttament jew indirettament fi kwalunkwe tranżazzjoni ma’:
(a) persuna ġuridika, entità jew korp stabbiliti fir-Russja, li huma kkontrollati pubblikament jew b’aktar minn 50 % sjieda pubblika jew li fihom ir-Russja, il-Gvern tagħha jew il-Bank Ċentrali għandhom id-dritt li jipparteċipaw fi profitti jew li magħhom ir‑Russja, il-Gvern jew il-Bank Ċentrali tagħha għandhom relazzjoni ekonomika sostanzjali oħra, kif elenkat fl-Anness XIX;
(b) persuna ġuridika, entità jew korp stabbiliti barra l-Unjoni li iktar minn 50 % tad-drittijiet proprjetarji tagħhom ikunu b’mod dirett jew indirett proprjetà ta’ entità elenkata fl-Anness XIX; jew
(c) persuna ġuridika, entità jew korp li jaġixxu f'isem jew taħt id‑direzzjoni ta' entità msemmija fil-punt (a) jew (b) ta' dan il‑paragrafu.”
6 L-Artikolu 5n(1), (2) u (6) ta’ dan ir-regolament jiddisponi:
“1. Għandu jkun ipprojbit il-forniment, dirett jew indirett, ta’ kontabilità, awditjar, inkluż l-awditjar statutorju, iż-żamma tal-kotba u servizzi ta’ konsulenza dwar it-taxxa, jew servizzi ta’ konsulenza maniġerjali u dwar in-negozju jew servizzi ta’ relazzjonijiet pubbliċi lil:
a) il-Gvern tar-Russja; jew
b) persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi stabbiliti fir-Russja.
2. Għandu jkun ipprojbit l-għoti, dirett jew indirett, ta’ servizzi arkitettoniċi u ta’ inġinerija, servizzi ta’ konsulenza legali u servizzi ta’ konsulenza tal-IT lil:
a) il-Gvern tar-Russja; jew
b) persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi stabbiliti fir-Russja.
[...]
6. Il-paragrafu 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għall-forniment ta’ servizzi li huma strettament meħtieġa biex jiġi żgurat aċċess għal proċedimenti ġudizzjarji, amministrattivi jew ta’ arbitraġġ fi Stat Membru, jew għar-rikonoxximent jew l-infurzar ta’ sentenza jew deċiżjoni ta’ arbitraġġ mogħtija fi Stat Membru, dment li tali forniment ta’ servizzi jkun konsistenti mal-objettivi ta’ dan ir-Regolament u r‑[Regolament Nru 269/2014.]”
Id-Deċiżjoni (PESK) 2022/1909
7 Il-premessi (5) u (8) sa (10) tad-Deċiżjoni (PESK) 2022/1909 tal‑Kunsill tas‑6 ta’ Ottubru 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar‑Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2022 L 259I, p. 122).
“(5) Fil-konklużjonijiet tiegħu tat‑23 u l‑24 ta’ Ġunju 2022, il-Kunsill Ewropew iddikjara li ser tkompli l-ħidma fuq is-sanzjonijiet, inkluż biex tissaħħaħ l-implimentazzjoni u tiġi evitata ċ‑ċirkomvenzjoni.
[...]
(8) Fit‑30 ta’ Settembru 2022, il-membri tal-Kunsill Ewropew adottaw dikjarazzjoni li fiha rrifjutaw bil-qawwa u kkundannaw b’mod inekwivoku l-annessjoni illegali tar-Russja tar-reġjuni tal‑Ukrajna ta’ Donetsk, Kherson, Luhansk u Zaporijjia. [...] Il‑Membri tal-Kunsill Ewropew ddikjaraw li ser isaħħu l-miżuri restrittivi tal-Unjoni kontra l-azzjonijiet illegali tar-Russja u jkomplu jżidu l-pressjoni fuq ir-Russja biex ittemm il-gwerra ta’ aggressjoni tagħha.
(9) Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, huwa xieraq li jiġu adottati miżuri restrittivi ulterjuri.
(10) B’mod partikolari, huwa xieraq li tiġi estiża l-projbizzjoni ta’ involviment fi kwalunkwe tranżazzjoni ma’ ċerti persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi tal-Istat Russu, jew ikkontrollati mill-Istat Russu, billi tiġi inkluża wkoll projbizzjoni fuq iċ-ċittadini tal‑Unjoni li jokkupaw kwalunkwe kariga fil-korpi governattivi ta’ dawk il-persuni ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi. Huwa wkoll xieraq li mal-lista ta’ entitajiet tal-Istat Russu, jew ikkontrollati mill-Istat Russu, li huma soġġetti għal dik il-projbizzjoni fuq it‑tranżazzjonijiet tiżdied ir-Russian Maritime Register of Shipping (ir-Reġistru Marittimu Russu tat-Tbaħħir), entità 100 % tal-Istat li twettaq attivitajiet relatati mal-klassifikazzjoni u l‑ispezzjoni, inkluż fil-qasam tas-sigurtà, ta’ bastimenti u inġenji Russi u mhux Russi. [...]
[...] ”
Ir‑Regolament 2022/1904
8 Il-premessi 2, 19 u 22 tar-Regolament Nru 2022/1904 jgħidu:
“(2) Ir-Regolament [Nru 833/2014] jimplimenta ċerti miżuri previsti fid-Deċiżjoni [2014/512] [...].
[...]
(19) [...] id-[Deċiżjoni 2022/1909] testendi l-projbizzjoni eżistenti fuq il-forniment ta’ ċerti servizzi lill-Federazzjoni Russa billi tipprojbixxi l-forniment ta’ servizzi arkitettoniċi u ta’ inġinerija kif ukoll ta’ servizzi ta’ konsulenza tal-IT u servizzi ta’ konsulenza legali. [...] ‘Servizzi konsultattivi legali’ tkopri: l-għoti ta’ pariri legali lill-klijenti fi kwistjonijiet mhux kontenzjużi, inkluż tranżazzjonijiet kummerċjali, li jinvolvu l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tal-liġi; il-parteċipazzjoni ma’ jew f’isem klijenti fi tranżazzjonijiet kummerċjali, negozjati kummerċjali u negozjati oħra ma’ partijiet terzi; u t-tħejjija, l-eżekuzzjoni u l‑verifika ta’ dokumenti legali. ‘Servizzi konsultattivi legali’ ma tinkludi l-ebda rappreżentazzjoni, parir, tħejjija ta’ dokumenti u jew verifika ta’ dokumenti fil-kuntest ta’ servizzi ta’ rappreżentanza legali, jiġifieri fi kwistjonijiet jew proċedimenti quddiem aġenziji amministrattivi, qrati jew tribunali uffiċjali oħra debitament kostitwiti, jew fi proċedimenti ta’ arbitraġġ jew ta’ medjazzjoni.
[...]
(22) Għalhekk ir-Regolament (UE) Nru 833/2014 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan[.] ”
Id‑dritt Ġermaniż
Il‑BGB
9 L-ewwel frażi tal-Artikolu 311b(1) tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il‑Kodiċi Ċivili), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“BGB”), tipprevedi li kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli għandu jiġi awtentifikat minn nutar.
10 Konformement mal-Artikolu 873(1) tal-BGB, it-trasferiment tal‑proprjetà ta’ beni immobbli jirrikjedi l-ftehim taż-żewġ partijiet fuq dan it‑trasferiment u l-iskrizzjoni tiegħu fir‑reġistru tal-artijiet.
11 Mill-Artikolu 925(1) tal-BGB jirriżulta li tali ftehim għandu, bħala prinċipju, jiġi ddikjarat quddiem nutar.
12 Skont l-Artikolu 925a tal-BGB, in-nutar jista’ jikkonstata l-ftehim dwar it-trasferiment tal-proprjetà biss jekk l-att tal-bejgħ jiġi ppreżentat lilu.
Il-Liġi dwar l-awtentifikazzjoni tad-dokumenti
13 Konformement mal-Artikolu 4 tal-Beurkundungsgesetz (il-Liġi dwar l‑Awtentifikazzjoni tad-Dokumenti), tat‑28 ta’ Awwissu 1969 (BGBl. 1969 I, p. 1513), kif emendat bil-liġi tal‑15 ta’ Lulju 2022 (BGBl. 2022 I, p. 1146), in-nutar għandu jirrifjuta l-awtentifikazzjoni ta’ att meta din ma tkunx konċiljabbli mad-dmirijiet marbuta mal-funzjoni tiegħu, b’mod partikolari meta jintalab jipparteċipa f’atti li jfittxu manifestament għan illeċitu jew diżonest.
14 Bis-saħħa tal-Artikolu 17(1) tal-liġi dwar l-awtentifikazzjoni tad‑dokumenti, kif emendata bil-liġi tal‑15 ta’ Lulju 2022, in-nutar għandu d-dmir li jinforma lill-partijiet dwar il-portata ġuridika tal-att.
Il-BNotO
15 Skont l-Artikolu 1 tal-Bundesnotarordnung (il-Kodiċi Federali tan‑Nutara), tal‑24 ta’ Frar 1961 (BGBl. 1961 I, p. 97), kif emendat bil‑liġi tal‑15 ta’ Lulju 2022 (BGBl. 2022 I, p. 1146) (iktar ’il quddiem il-“BNotO”), in-nutar jinħatar bħala uffiċjal pubbliku indipendenti inkarigat għall-awtentifikazzjoni ta’ atti ġuridiċi u ta’ kompiti oħra fil‑qasam tal-amministrazzjoni preventiva tal-ġustizzja.
16 L-Artikolu 14 tal-BNotO jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li n-nutar ma huwiex ir-rappreżentant ta’ parti waħda jew l-oħra, iżda l-konsulent indipendenti u imparzjali tal-partijiet kollha. Konformement mal‑Artikolu 14(2) tiegħu, in-nutar għandu jirrinunzja milli jeżerċita l‑funzjonijiet tiegħu meta dawn ma jkunux konċiljabbli mad-dmirijiet li jirriżultaw minnhom.
17 L-Artikolu 15 tal-BNotO jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li n-nutar ma jistax jirrifjuta li jipproċedi għall-awtentifikazzjoni ta’ att mingħajr raġuni suffiċjenti, u, fil-paragrafu 2 tiegħu, li jista’ jiġi ppreżentat rikors kontra r-rifjut tan-nutar li jawtentifika att.
Il-liġi dwar ir-reġistru tal-artijiet
18 Konformement mal-Artikolu 29(1) tal-Grundbuchordnung (il-Liġi dwar iż-Żamma tar-Reġistru tal-Artijiet), tas‑26 ta’ Mejju 1994 (BGB1, 1994, p.1114) fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, l-iskrizzjoni fir-reġistru tal-artijiet tista’ ssir biss jekk it-tranżazzjonijiet legali neċessarji għall-iskrizzjoni jiġu ċċertifikati permezz ta’ dokumenti uffiċjali jew atti awtentiċi.
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
19 GM u ON, ċittadini Ġermaniżi, kienu ser jixtru appartament f’koproprjetà li jinsab f’Berlin. Dan l-appartament huwa rreġistrat fir‑Reġistru tal-Artijiet ta’ Berlin-Schöneberg, miżmum mill‑Amtsgericht Schöneberg (il-Qorti Distrettwali ta’ Schöneberg, il‑Ġermanja). Skont dan ir-reġistru, il-proprjetarja ta’ dan l-appartament hija, sa mis-sena 2013, Visit-Moscow Ltd, kumpannija rreġistrata fir‑Russja u li għandha s-sede tagħha f’Moska (ir-Russja).
20 Għall-finijiet ta’ din it-tranżazzjoni, GM, ON u Visit-Moscow marru għand PR, nutar li jipprattika f’Berlin, u talbuh jirrediġi kuntratt ta’ bejgħ fil-forma awtentika, konformement mal-indikazzjonijiet tagħhom relatati mal-oġġett mibjugħ, mal-prezz tal-bejgħ u ma’ stipulazzjonijiet kuntrattwali oħra. Huma talbuh ukoll jeżegwixxi l-kuntratt hekk awtentifikat, ħaġa li kienet tirrikjedi, b’mod partikolari, it-traskrizzjoni tat‑trasferiment tal-proprjetà tal-appartament inkwistjoni fir-reġistru tal‑artijiet favur GM u ON, il-kisba tat-tneħħija tal-piżijiet fuq dan l‑appartament u d‑depożitu tal-fondi tal-bejgħ f’kont fiduċjarju għat‑trasferiment lil Visit-Moscow.
21 Permezz ta’ ittra tal‑15 ta’ Diċembru 2022, PR informa lil GM, ON u Visit-Moscow li huwa kien irrifjuta provviżorjament li jawtentifika l‑imsemmi kuntratt, għar-raġuni li ma setax jeskludi li l‑awtentifikazzjoni tiegħu tmur kontra l-projbizzjoni, stabbilita fl‑Artikolu 5n(2) tar-Regolament Nru 833/2014, ta’ għoti ta’ servizzi ta’ konsulenza legali lil persuni ġuridiċi stabbiliti fir-Russja.
22 PR ma qabilx mat-talba li jikkunsidra mill-ġdid dan ir-rifjut ippreżentata minn GM, ON u Visit-Moscow, ifformulata fir-rikors tagħhom ippreżentat kontra l-imsemmi rifjut, u, konformement mar-regoli applikabbli, huwa ttrażmetta dan ir-rikors lil-Landgericht Berlin (il‑Qorti Reġjonali ta’ Berlin, il-Ġermanja), il-qorti tar-rinviju.
23 Fl-ewwel lok, din il-qorti tqis neċessarju li jiġi ddeterminat jekk l‑awtentifikazzjoni, minn nutar, ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli tmurx kontra l-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 5n(2) tar‑Regolament Nru 833/2014, meta l-bejjiegħ ikun persuna ġuridika stabbilita fir-Russja.
24 F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tosserva, l-ewwel nett, li diversi kunsiderazzjonijiet jipprekludu li tali awtentifikazzjoni taqa’ taħt l‑imsemmija projbizzjoni.
25 B’mod partikolari, nutar ma jagħtix servizz, iżda jeżerċita funzjonijiet uffiċjali. Huwa għandu l-kwalità ta’ uffiċjal pubbliku inkarigat għall‑awtentifikazzjoni ta’ atti ġuridiċi u minn kompiti oħra fil‑qasam tal‑amministrazzjoni preventiva tal-ġustizzja. Fl-eżerċizzju tal‑funzjonijiet tiegħu, in-nutar ma huwiex ir-rappreżentant ta’ parti waħda jew oħra, iżda l-konsulent indipendenti u imparzjali tal-partijiet kollha. Huwa jwettaq missjonijiet ta’ servizz pubbliku li l-Istat jafda lilu u li l-Istat ikollu, mingħajr din id-delega, iwettaq permezz tal-korpi tiegħu. Konsegwentement, in-nutar ma huwiex fornitur ta’ servizzi li jipprovdi s-servizzi tiegħu fuq bażi kuntrattwali rregolata mid-dritt ċivili, iżda uffiċjal pubbliku li jeżerċita, fuq talba tal-partijiet, kompiti, bħal dawk li jinforma lill‑partijiet kontraenti b’mod imparzjali dwar il‑portata ġuridika tal‑att ikkonċernat, li huma bbażati fuq id-dritt pubbliku. Il‑prerogattivi ta’ awtorità pubblika li tinvolvi l-funzjoni notarili jimmanifestaw ruħhom meta n-nutar jirrifjuta li jawtentifika kuntratt għal raġuni prevista mil‑liġi.
26 It-tieni nett, anki jekk l-attivitajiet notarili kellhom jiġu kklassifikati bħala “servizzi”, fis-sens tal-Artikolu 5n(2) tar-Regolament Nru 833/2014, dawk fost dawn l-attivitajiet li huma neċessarji għall‑finijiet tal-iskrizzjoni fir-reġistru tal-artijiet għandhom jiġu eżentati mill-projbizzjoni li jingħataw servizzi ta’ konsulenza legali lil persuni ġuridiċi stabbiliti fir-Russja bis-saħħa tal-Artikolu 5n(6) ta’ dan ir‑regolament, li japplika għall-għoti ta’ servizzi strettament neċessarji sabiex jiġi ggarantit l-aċċess għall-proċeduri ġudizzjarji, amministrattivi jew ta’ arbitraġġ fi Stat Membru. Fil-fatt, fid-dritt Ġermaniż, l‑iskrizzjoni fir-reġistru tal-artijiet hija kundizzjoni essenzjali għall‑istabbiliment u l-akkwist ta’ dritt fuq proprjetà immobbli. Iż‑żamma tar-reġistru tal-artijiet, fdata f’idejn sezzjonijiet speċifiċi tal‑qrati distrettwali u rregolata minn regoli dwar il-proċedura ġudizzjarja, hija proċedura ġudizzjarja jew, tal-inqas, proċedura amministrattiva, li fil-kuntest tagħha n-nutara għandhom rwol ċentrali. Talba għal iskrizzjoni f’dan ir-reġistru tkun, fil-fatt, valida biss jekk l‑operazzjoni ġuridika kkonċernata tiġi ċċertifikata minn dokumenti uffiċjali jew atti awtentiċi. Dan ifisser li, bħala regola ġenerali, l‑intervent ta’ nutar huwa neċessarju sabiex jipproċedi għall-iskrizzjoni fir-reġistru tal-artijiet.
27 Barra minn hekk, peress li ma huwiex ipprojbit għall-persuni msemmija fl-Artikolu 5n(2) tar-Regolament Nru 833/2014 li jiddisponu minn proprjetà immobbli jew li jużawha ekonomikament, ma jmurx kontra l‑għan imfittex minn din id-dispożizzjoni li jitkompla li jingħata permess lil dawn il-persuni sabiex jingħataw aċċess għall-proċedura ta’ iskrizzjoni fir-reġistru tal-artijiet.
28 It-tielet nett, anki jekk l-attività notarili kellha titqies li tinvolvi servizz ta’ konsulenza legali, li taqa’ taħt il-projbizzjoni li tinsab fl‑Artikolu 5n(2), mingħajr ma tkun tista’ tiġi eżentata minn din il‑projbizzjoni skont l-imsemmi Artikolu 5n(6), jeżistu indizji importanti li l-imsemmija projbizzjoni ma testendix għall‑parteċipazzjoni ta’ nutar fl-istabbiliment ta’ kuntratti ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli.
29 Skont din il-qorti, għall-finijiet tat-trasferiment tal-proprjetà ta’ beni immobbli fil-Ġermanja, il-liġi Ġermaniża tirrikjedi, barra l-iskrizzjoni tal‑identità tax-xerrej fir-reġistru tal-artijiet, il-ftehim taż-żewġ partijiet għat-trasferiment tat-titolu, li għandu jiġi ddikjarat, bħala regola, quddiem nutar. Kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli għandu, fih innifsu, jiġi awtentifikat minn nutar. Konsegwentement, fl-ipoteżi fejn il‑projbizzjoni prevista fl-Artikolu 5n(2) tar-Regolament Nru 833/2014 kellha tapplika għall-awtentifikazzjoni ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli, il-persuni ġuridiċi stabbiliti fir-Russja jiġu mċaħħda legalment u fattwalment minn kull possibbiltà li jiddisponu mill-patrimonju tagħhom, peress li l-parteċipazzjoni ta’ nutar fil-bejgħ ta’ proprjetà immobbli hija neċessarja għat-trasferiment ta’ beni immobbli. Issa, dan jikkostitwixxi ksur serju tad-dritt fundamentali għall-proprjetà ta’ dawn il-persuni.
30 B’dan, id-dipartimenti tal-Kummissjoni Ewropea ppubblikaw dokument intitolat “Provision of Services – Frequently asked questions concerning sanctions adopted following Russia’s military aggression against Ukraine and Belarus’ involvement in it” (“Għoti ta’ servizzi –Mistoqsijiet li jsiru ta’ spiss fir-rigward tas-sanzjonijiet adottati wara l‑aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukraina u l-involviment tal‑Bjelorussja fiha”), fil-verżjoni tiegħu tal‑21 ta’ Diċembru 2022. F’dan id-dokument, dawn id-dipartimenti qiesu li l-projbizzjoni taħt l‑Artikolu 5n(2) tar-Regolament Nru 833/2014 hija applikabbli għall‑attività notarili f’isem il-persuni ġuridiċi stabbiliti fir-Russja. Għalkemm mhux vinkolanti, l-imsemmi dokument joħloq stat ta’ inċertezza fir-rigward tal-interpretazzjoni korretta ta’ din id‑dispożizzjoni.
31 Fit-tieni lok, fl-ipoteżi fejn titqies li l-awtentifikazzjoni, minn nutar, ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli ta’ persuna ġuridika stabbilita fir-Russja ma tmurx kontra l-projbizzjoni tal-Artikolu 5n(2)(b) tar‑Regolament Nru 833/2014, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk is‑servizzi mogħtija minn interpretu, li, skont il-liġi, għandu jiżgura t‑traduzzjoni lejn il-lingwa Ġermaniża għal parti li ma tkunx tafx din il‑lingwa, waqt din l‑awtentifikazzjoni jmorrux kontra l‑projbizzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni meta dawn is-servizzi jingħataw lir‑rappreżentanti ta’ tali persuna ġuridika.
32 Fit-tielet u l-aħħar lok, fl-ipoteżi msemmija fil-punt preċedenti, din il-qorti għandha dubji dwar jekk kompiti anċillari normalment imwettqa min‑nutar biex jiżgura l-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratt ta’ bejgħ wara l‑awtentifikazzjoni tiegħu jmorrux kontra l-projbizzjoni prevista fl‑Artikolu 5n(2)(b) tar-Regolament Nru 833/2014, meta l-bejjiegħ ikun persuna ġuridika stabbilita fir-Russja.
33 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill‑Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“(1) Nutar Ġermaniż jikser il-projbizzjoni li jipprovdi, direttament jew indirettament, servizzi ta’ konsulenza legali lil persuna ġuridika stabbilita fir-Russja meta huwa jawtentifika kuntratt ta’ bejgħ ta’ appartament li jagħmel parti minn koproprjetà konkluż bejn l‑imsemmija persuna bħala bejjiegħ u ċittadin ta’ Stat Membru tal‑[Unjoni]?
(2) Interpretu jikser il-projbizzjoni li jipprovdi, direttament jew indirettament, servizzi ta’ konsulenza legali meta, għall-finijiet tal‑awtentifikazzjoni tal-kuntratt ta’ bejgħ, jaċċetta li n-nutar jirrikorri għas-servizzi tiegħu sabiex huwa jittraduċi l-kontenut tal‑proċess ta’ awtentifikazzjoni lir-rappreżentant tal-persuna ġuridika stabbilita fir-Russja li ma għandux konoxxenza suffiċjenti tal-lingwa Ġermaniża?
(3) In-nutar jikser il-projbizzjoni li jipprovdi, direttament jew indirettament, servizzi ta’ konsulenza legali meta jinkariga ruħu u jwettaq attivitajiet notarili previsti mil-liġi għall-finijiet tal‑eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ bejgħ (pereżempju, ipproċessar tal‑ħlas tal-prezz tal-bejgħ permezz ta’ kont fiduċjarju amministrat min-nutar, preżentazzjoni ta’ talba għal dokumenti għall-finijiet tal-kanċellazzjoni ta’ ipoteki u titoli oħra imposti fuq is-suġġett tal-bejgħ, preżentazzjoni ta’ dokumenti neċessarji għat‑trasferiment tat-titolu quddiem l-awtorità responsabbli mir‑reġistru tal‑artijiet)?”
Fuq id‑domandi preliminari
34 Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5n(2)(b) tar‑Regolament Nru 833/2014 għandux jiġi interpretat fis-sens li,
– l-awtentifikazzjoni, minn nutar ta’ Stat Membru, ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli li tinsab fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru u li tappartjeni lil persuna ġuridika stabbilita fir-Russja;
– l-atti ta’ eżekuzzjoni ta’ tali kuntratt awtentifikat imwettqa minn dan in-nutar għall-finijiet tat-tneħħija tal-piżijiet fuq dan l-immobbli, tal‑ħlas tal-prezz tal-bejgħ lix-xerrej u tat-traskrizzjoni tat‑trasferiment tal-proprjetà fir-reġistru tal-artijiet; u/jew
– is-servizzi ta’ traduzzjoni mogħtija minn interpretu waqt it-tali awtentifikazzjoni, sabiex jassisti lir-rappreżentant ta’ din il-persuna ġuridika li ma tkunx taf il-lingwa tal-proċedura ta’ awtentifikazzjoni
jaqgħu taħt il-projbizzjoni li jingħataw servizzi ta’ konsulenza legali lil tali persuna ġuridika, prevista f’din id-dispożizzjoni.
35 Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-awtentifikazzjoni, minn nutar ta’ Stat Membru, ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli li tinsab fit‑territorju ta’ dan l-Istat Membru u li tappartjeni lil persuna ġuridika stabbilita fir-Russja, skont il-kliem tal‑Artikolu 5n(2)(b) tar-Regolament Nru 833/2014 jirriżulta li “[għ]andu jkun ipprojbit l‑għoti, dirett jew indirett, ta’ [...] servizzi ta’ konsulenza legali [...] lil persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi stabbiliti fir-Russja”.
36 L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, il-kunċett ta’ “servizzi ta’ konsulenza legali” msemmi f’din id-dispożizzjoni, dan la huwa ddefinit f’din id-dispożizzjoni u lanqas f’xi dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament Nru 833/2014.
37 Hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, id-determinazzjoni tat‑tifsira u tal-portata tal-kliem li fir-rigward tagħhom id-dritt tal‑Unjoni ma jipprovdi ebda definizzjoni għandha ssir konformement mas-sens normali tagħhom fil-lingwa kurrenti, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet imfittxija mil‑leġiżlazzjoni li jagħmlu parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2024 ta’ Marzu 2024, Trade Express-L u DEVNIA TSIMENT, C-395/22 u C‑428/22, EU:C:2024:374, punt 65 kif ukoll il‑ġurisprudenza ċċitata).
38 Issa, skont is-sens abitwali tagħhom fil-lingwaġġ ta’ kuljum, il-kliem “konsulenza legali” jirreferu, b’mod ġenerali, għal parir dwar kwistjoni ta’ liġi. Il-kliem “konsulenza legali”, użati, fl‑Artikolu 5n(2) tar‑Regolament Nru 833/2014, flimkien mal-kelma “servizzi”, jirreferu għall-eżerċizzju ta’ attività ta’ natura ekonomika, ibbażata fuq relazzjoni bejn fornitur u l-klijent tiegħu, li jkollha bħala għan l‑għoti ta’ pariri legali, li permezz tagħha fornitur jagħti pariri dwar kwistjonijiet ta’ liġi lil persuni li jitolbuhom.
39 Din it-tifsira tal-kliem “servizzi ta’ konsulenza legali” hija kkonfermata mill-premessa 19 tar-Regolament 2022/1904 li tindika li dawn is‑servizzi jinkludu “l-għoti ta’ pariri legali lill-klijenti fi kwistjonijiet mhux kontenzjużi, inkluż tranżazzjonijiet kummerċjali, li jinvolvu l‑applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tal-liġi”, “il-parteċipazzjoni ma’ jew f’isem klijenti fi tranżazzjonijiet kummerċjali, negozjati kummerċjali u negozjati oħra ma’ partijiet terzi”, kif ukoll “[i]t-tħejjija, l-eżekuzzjoni u l-verifika ta’ dokumenti legali”.
40 L-ewwel żewġ tipi ta’ attivitajiet imsemmija f’din il-premessa jirreferu fil-fatt għal relazzjoni bejn fornitur u l-“klijent” tiegħu u jinvokaw ir‑rwol ta’ dan il‑fornitur sa fejn jassisti u jagħti pariri lil dan il-klijent, fl-interess ta’ dan tal-aħħar, fir-rigward tal-aspetti legali ta’ tranżazzjonijiet tiegħu ma’ terzi. Min-naħa tiegħu, it-tielet tip ta’ attivitajiet imsemmija f’din il-premessa, li jikkonsistu fil‑“preparazzjoni, l-eżekuzzjoni u l-verifika ta’ dokumenti legali”, tikkonċerna attivitajiet anċillari għal dawn l-ewwel żewġ tipi ta’ attivitajiet.
41 Issa, l-attivitajiet hekk koperti mill-kunċett ta’ “servizzi ta’ konsulenza legali” fis-sens tal-Artikolu 5n(2) tar-Regolament Nru 833/2014 huma nettament distinti minn dawk li l-awtoritajiet pubbliċi jew kull entità oħra inkarigata, mill-Istat, bl-eżerċizzju, taħt il-kontroll ta’ dawn l‑awtoritajiet, ta’ missjoni ta’ interess ġenerali u li tkun ingħatat, għal dan il‑għan, ċerti setgħat vinkolanti fir-rigward taċ-ċittadini, jistgħu jkunu meħtieġa jwettqu. Fil-fatt, l-imsemmija awtoritajiet ma għandhomx bħala missjoni li jipprovdu servizzi li jikkonsistu fl-għoti ta’ pariri jew rakkomandazzjonijiet dwar kwistjonijiet ta’ dritt lil persuni sabiex jippromwovu jew jiddefendu l-interessi partikolari ta’ dawn il-persuni.
42 F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, bis-saħħa tad-dritt Ġermaniż, kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli li tinsab fil-Ġermanja jeħtieġ obbligatorjament l‑intervent ta’ nutar, fil-kwalità tiegħu ta’ uffiċjal pubbliku indipendenti, sabiex jagħti l-kwalità ta’ att awtentiku lil dan il-kuntratt. Permezz ta’ din l‑awtentifikazzjoni, in-nutar jiċċertifika l-legalità tal-imsemmi kuntratt bit‑twaħħil ta’ siġill uffiċjali fuq l-arma tal-Land li tkun innominatu. Tali intervent, li jsir fuq talba tal-partijiet kontraenti, jaqa’ taħt il-missjonijiet ta’ servizz pubbliku li l-Istat inkariga lin-nutara u li l‑Istat ikollu, mingħajr din id-delega, iwettaq permezz tal-korpi tiegħu. Fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ din il-missjoni, in-nutara jingħataw setgħat vinkolanti, peress li jistgħu jirrifjutaw li jawtentifikaw tali kuntratt ta’ bejgħ għal raġuni prevista mil-liġi.
43 Barra minn hekk, kif irrilevat ukoll l-Avukata Ġenerali fil-punti 43 u 44 tal-konklużjonijiet tagħha, l-intervent tan-nutar jidher li huwa limitat għal awtentifikazzjoni tal-kuntratt ta’ bejgħ ikkonċernat jew, jekk ikun il‑każ, għal rifjut ta’ awtentifikazzjoni ta’ dan il-kuntratt sabiex jikkonforma ruħu, b’indipendenza u imparzjalità sħiħa, ma’ obbligu legali li għandu, mingħajr ma jagħti, barra din l‑awtentifikazzjoni, pariri legali intiżi li jippromwovu l-interessi speċifiċi tal-partijiet.
44 Konsegwentement, fil-kuntest ta’ tali awtentifikazzjoni, in-nutar jidher li jaġixxi mhux bil-għan li jippromwovi l-interessi speċifiċi ta’ wieħed jew l-ieħor miż-żewġ partijiet ikkonċernati, iżda b’mod imparzjali, ekwidistanti fil-konfront ta’ dawn il-partijiet u tal-interessi rispettivi tagħhom, unikament fl-interess tal-liġi u taċ-ċertezza legali. Fid-dawl tal-modalitajiet speċifiċi tal-proċedura ta’ awtentifikazzjoni notarili tal‑atti u tal-effetti legali marbuta mal-atti awtentifikati fl‑ordinament ġuridiku nazzjonali Ġermaniż, imsemmija fil-punti 42 u 43 ta’ din is‑sentenza, din l-awtentifikazzjoni ma tidhirx li tikkorrispondi għall‑attivitajiet imsemmija fil-punt 38 ta’ din is‑sentenza.
45 Minn dan isegwi, kif l-Avukata Ġenerali enfasizzat, essenzjalment, fil‑punti 35, 37 sa 39, 41 sa 43 u 47 tal-konklużjonijiet tagħha, u bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li awtentifikazzjoni, minn nutar, ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli, bħal dik imsemmija fil-punti 42 u 43 ta’ din is-sentenza, ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli li tappartjeni lil persuna ġuridika stabbilita fir-Russja, ma taqax taħt il-kunċett ta’ “servizzi ta’ konsulenza legali” msemmi fl‑Artikolu 5n(2) tar-Regolament Nru 833/2014, u, b’daqshekk, fil‑kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni li jiġu pprovduti t-tali servizzi lil tali persuna ġuridika, prevista fil-punt (b) ta’ din id-dispożizzjoni.
46 It-tieni nett, tali interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 5n(2) tar‑Regolament Nru 833/2014 li tgħid li ma tirrigwardax l‑awtentifikazzjoni minn nutar ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli kif irregolata mid-dritt nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija kkorroborata mill‑kuntest normattiv li jagħmlu parti minnu din id-dispożizzjoni u dan ir-regolament.
47 Fil-fatt, kif l-Avukata Ġenerali enfasizzat fil-punti 53 sa 55 u 60 sa 64 tal-konklużjonijiet tagħha, minn naħa, l-Artikolu 5aa(1) tar-Regolament Nru 833/2014 jipprevedi projbizzjoni ta’ parteċipazzjoni diretta jew indiretta f’kull tranżazzjoni ma’ persuni ġuridiċi li jissodisfaw ċerti kriterji, fosthom dawk li jkunu stabbiliti fir-Russja jew barra mill‑Unjoni, milli jidhru fil-lista ta’ kumpanniji tal-Istat Russi prevista fl‑Anness XIX ta’ dan ir-regolament, li jkunu kkontrollati mill-Istat Russu jew miżmuma f’iktar minn 50 % mill-Istat Russu jew li jkollhom rabtiet mill-qrib ma’ dan l-Istat jew ma’ entitajiet li jinsabu f’dan l‑anness. Madankollu, la din id-dispożizzjoni, u lanqas xi dispożizzjoni oħra ta’ dan ir-regolament ma jipprevedu projbizzjoni ġenerali tal‑parteċipazzjoni fi tranżazzjoni ma’ persuna ġuridika minħabba s‑sempliċi fatt li din tkun stabbilita fir-Russja jew projbizzjoni ta’ trasferiment ta’ proprjetà immobbli li tinsab fit-territorju tal-Unjoni u li tappartjeni lil tali persuna.
48 Min-naħa l-oħra, għalkemm ir-Regolament Nru 269/2014 jipprevedi miżuri restrittivi fir-rigward tal-persuni responsabbli għal azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina, kif ukoll il-persuni u l-entitajiet assoċjati magħhom, l‑iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi kif ukoll il-projbizzjoni tat‑tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi li jimponi, fl-Artikolu 2(1) u (2) tiegħu, japplikaw biss għal ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati b’mod eżawrjenti fl‑Anness I ta’ dan ir-regolament.
49 Issa, jekk l-Artikolu 5n(2) tar-Regolament Nru 833/2014 kellu jiġi interpretat fis-sens li l-projbizzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni tkun applikabbli għal att ta’ awtentifikazzjoni bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dan iwassal, kif enfasizzat l-Avukat Ġenerali fil-punti 59 u 64 tal-konklużjonijiet tagħha, għal inkoerenzi, minn naħa, fl‑applikazzjoni ta’ dan ir‑regolament u, min-naħa l-oħra, bejn l‑imsemmi regolament u r‑Regolament Nru 269/2014.
50 Fil-fatt, filwaqt li t-tranżazzjonijiet li jirrigwardaw proprjetajiet immobbli li jinsabu fit-territorju tal-Unjoni u li jappartjenu lil persuni ġuridiċi stabbiliti fir-Russja jibqgħu awtorizzati bis-saħħa tar‑Regolament Nru 833/2014, dawn it-tranżazzjonijiet jistgħu jiġu, fil‑prattika, ostakolati f’ċerti Stati Membri, bħar-Repubblika Federali tal‑Ġermanja, li fihom l‑awtentifikazzjoni notarili tal-kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli tikkostitwixxi kundizzjoni essenzjali għat‑trasferiment ta’ tali proprjetà, u dan indipendentement mill‑kwistjoni dwar jekk dawn il‑persuni ġuridiċi jkunu, jew le, suġġetti għal projbizzjoni li jiddisponu mill-assi tagħhom skont ir-Regolament Nru 269/2014.
51 Issa, tali varjabbiltà fl-effetti tal-projbizzjoni prevista fl‑Artikolu 5n(2) tar-Regolament Nru 833/2014 minn Stat Membru għal ieħor, skont is‑sistema notarili applikabbli, ma setgħetx kienet ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni.
52 It-tielet nett, kuntrarjament għal dak li l-Gvern Estonjan, Olandiż u Pollakk setgħu jagħtu x’jifhmu fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom jew waqt is-seduta, l-interpretazzjoni adottata fil-punt 45 ta’ din is‑sentenza ma tmurx kontra l-għan tar-Regolament Nru 833/2014, u lanqas dak tar-Regolament Nru 269/2014.
53 Qabel kollox, kif jirriżulta mill-premessa 8 tad-Deċiżjoni 2022/1909 u mill-premessa 2 tar-Regolament Nru 833/2014, miżuri restrittivi ġodda, fosthom il-projbizzjoni li jingħataw servizzi ta’ konsulenza legali, ġew introdotti “b’reazzjoni għall-azzjonijiet illegali tar-Russja” biex tkompli “tintensifika l-pressjoni fuq ir-Russja biex ittemm il-gwerra ta’ aggressjoni tagħha” kif ukoll “bl-għan li żżid l-ispiża tal-azzjonijiet tar-Russja biex iddgħajjef l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal‑Ukraina u biex tippromwovi soluzzjoni paċifika għall-kriżi”. Madankollu, la minn din id-deċiżjoni u lanqas minn dan ir-regolament jew mir-Regolament 2022/1904 ma jirriżulta li l-konsegwenza li, bl‑istabbiliment ta’ din il-projbizzjoni, il-Kunsill, awtur ta’ dawn l-atti, kellu l-intenzjoni joħloq b’mod kienet li, wara l-imsemmija projbizzjoni, il‑persuni ġuridiċi stabbiliti fir-Russja jkunu jistgħu jsibu ruħhom, f’ċerti Stati Membri, fl‑impossibbiltà li jiddisponu mill‑proprjetajiet immobbli tagħhom.
54 Sussegwentement, waqt is-seduta, il-Kunsill mhux biss ċaħad li kellu l‑intenzjoni li jimponi projbizzjoni għall-persuni ġuridiċi stabbiliti fir‑Russja li jittrasferixxu l-proprjetà immobbli tagħhom li tinsab fit‑territorju tal-Unjoni, iżda ppreċiża, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-għan wara l-projbizzjoni li jingħataw servizzi ta’ konsulenza legali prevista fl-Artikolu 5n(2) tar‑Regolament Nru 833/2014, kien li jirrendi iktar diffiċli għall-persuni ġuridiċi Russi li joperaw fit-territorju tal-Unjoni t‑tkomplija tal‑attivitajiet kummerċjali tagħhom f’dan it-territorju, u b’dan il-mod, li jkollhom impatt fuq l-ekonomija Russa. Issa, l‑awtentifikazzjoni notarili, bħal dik irregolata mid-dritt Ġermaniż, ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli li tappartjeni lil persuna ġuridika stabbilita fir‑Russja ma tistax titqies li tmur kontra dan il-għan.
55 Fl-aħħar nett, peress li l-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 5n(2) tar‑Regolament Nru 833/2014 għandha tinftiehem bħala li tfittex l‑għan imsemmi fil-premessa 5 tad-Deċiżjoni 2022/1909 li tiġi prekluża l‑evażjoni tas-sanzjonijiet adottati dak iż-żmien, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamlet l-Avukata Ġenerali fil-punt 74 tal-konklużjonijiet tagħha, li, sa fejn it-tranżazzjonijiet kummerċjali ma’ persuni ġuridiċi stabbiliti fir-Russja ma humiex suġġetti għal projbizzjoni ġenerali bis‑saħħa ta’ dan ir-regolament, ma jidhirx kif l-awtentifikazzjoni notarili, bħal dik irregolata mid-dritt Ġermaniż, ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli li tappartjeni lil persuna ġuridika stabbilita fir-Russja tista’, a priori u b’mod ġenerali, tikkontribwixxi sabiex jiġu evitati l-miżuri restrittivi adottati.
56 Mill-elementi kollha preċedenti jirriżulta li ma jidhirx li l‑awtentifikazzjoni, minn nutar Ġermaniż, ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli li tinsab fil-Ġermanja li tappartjeni lil persuna ġuridika stabbilita fir-Russja taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal‑projbizzjoni li jingħataw servizzi ta’ konsulenza legali, prevista fl‑Artikolu 5n(2) tar-Regolament Nru 833/2014.
57 Fit-tieni lok, id-dubji tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw il-kwistjoni dwar jekk il-kompiti, previsti mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża, li n-nutar iwettaq biex jiżgura l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ bejgħ awtentifikat ta’ proprjetà immobbli li tinsab fil-Ġermanja li tappartjeni lil persuna ġuridika stabbilita fir‑Russja, jaqgħux taħt din il-projbizzjoni.
58 Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, dawn il-kompiti jikkonsistu b’mod partikolari fiż-żamma tal-fondi tal-bejgħ f’kont fiduċjarju u fit‑trasferiment tagħhom lill-bejjiegħ, fit-tneħħija tal-piżijiet fuq din il‑proprjetà immobbli u fit-traskrizzjoni fir-reġistru tal-artijiet tat‑trasferiment tal-proprjetà tiegħu.
59 Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa għal kull waħda mill‑imsemmija kompiti, jekk dawn jimplikawx l-għoti, min-nutar, ta’ konsulenza legali lill-partijiet, fis-sens tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “servizzi ta’ konsulenza legali” mogħtija fil-punt 38 ta’ din is‑sentenza.
60 F’dan ir-rigward u bla ħsara wkoll għall-evalwazzjoni finali tal‑qorti tar-rinviju, ma jidhirx li l-kompiti inkwistjoni jimplikaw l‑għoti, min-nutar, ta’ xi parir legali lill-partijiet fil-kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli.
61 Fit-tielet u fl-aħħar lok, id-domandi tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw is‑servizzi ta’ traduzzjoni mogħtija minn interpretu waqt l‑awtentifikazzjoni ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli li tinsab fil-Ġermanja li jappartjeni lil persuna ġuridika stabbilita fir-Russja, sabiex jassisti lir-rappreżentant ta’ din il‑persuna ġuridika li ma jkollhiex l-għarfien tal-lingwa tal-proċedura ta’ awtentifikazzjoni.
62 Peress li l-professjoni ta’ interpretu ma hijiex ta’ natura ġuridika, is‑servizzi ta’ traduzzjoni pprovduti minn interpretu waqt l‑awtentifikazzjoni ta’ att ma jistgħux jippreżentaw element ta’ “konsulenza legali”, kif mifhum skont is-sens normali tal‑kliem imsemmija fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, anki meta l-għoti ta’ servizzi kkonċernata tikkonsisti fl-għoti ta’ assistenza lil professjonist legali li jaġixxi f’qasam ġuridiku. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill‑punt 56 ta’ din is-sentenza, ma jidhirx li l-awtentifikazzjoni, minn nutar Ġermaniż, ta’ att ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal‑projbizzjoni li jingħataw servizzi ta’ konsulenza legali, prevista fl-Artikolu 5n(2) tar‑Regolament Nru 833/2014. Minn dan isegwi li, billi jagħti servizzi ta’ traduzzjoni fil-kuntest tal-proċess ta’ awtentifikazzjoni notarili ta’ tali att, sabiex jassisti lir-rappreżentant ta’ tali persuna ġuridika li ma tkunx tifhem il-lingwa tal-proċedura ta’ awtentifikazzjoni, l-interpretu ma jagħtix “servizzi ta’ konsulenza legali”, fis-sens ta’ din id‑dispożizzjoni, lil din il-persuna ġuridika. Għaldaqstant, dawn l‑aħħar provvisti ma jaqgħux taħt il‑projbizzjoni prevista fl-imsemmija dispożizzjoni.
63 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad‑domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 5n(2)(b) tar‑Regolament Nru 833/2014 għandha tiġi interpretata fis-sens li:
– la l-awtentifikazzjoni, minn nutar ta’ Stat Membru, ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli li tinsab fit-territorju ta’ dan l‑Istat Membru u li tappartjeni lil persuna ġuridika stabbilita fir‑Russja,
– la l-atti ta’ eżekuzzjoni ta’ tali kuntratt awtentifikat imwettqa minn dan in-nutar għall-finijiet tat-tneħħija tal-piżijiet fuq din il-proprjetà immobbli, tal-ħlas tal-prezz tal-bejgħ lill-bejjiegħ u tat-traskrizzjoni tat-trasferiment tal-proprjetà fir-reġistru tal‑artijiet,
– la s-servizzi ta’ traduzzjoni mogħtija minn interpretu waqt tali awtentifikazzjoni sabiex jassisti lir-rappreżentant ta’ din il-persuna ġuridika li ma tkunx tifhem il-lingwa tal-proċedura ta’ awtentifikazzjoni,
ma jaqgħu taħt il-projbizzjoni li jingħataw servizzi ta’ konsulenza legali lil tali persuna ġuridika, prevista f’din id-dispożizzjoni.
Fuq l‑ispejjeż
64 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 5n(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal‑31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina, kif emendat bir-Regolament tal‑Kunsill (UE) 2022/1904 tas‑6 ta’ Ottubru 2022
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
– la l-awtentifikazzjoni, minn nutar ta’ Stat Membru, ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli li tinsab fit‑territorju ta’ dan l-Istat Membru u li tappartjeni lil persuna ġuridika stabbilita fir-Russja,
– la l-atti ta’ eżekuzzjoni ta’ tali kuntratt awtentifikat imwettqa minn dan in-nutar għall-finijiet tat-tneħħija tal-piżijiet fuq din il-proprjetà immobbli, tal-ħlas tal-prezz tal-bejgħ lill‑bejjiegħ u tat-traskrizzjoni tat-trasferiment tal‑proprjetà fir-reġistru tal-artijiet,
– la s-servizzi ta’ traduzzjoni mogħtija minn interpretu waqt tali awtentifikazzjoni sabiex jassisti lir-rappreżentant ta’ din il‑persuna ġuridika li ma tkunx tifhem il-lingwa tal-proċedura ta’ awtentifikazzjoni,
ma jaqgħu taħt il-projbizzjoni li jingħataw servizzi ta’ konsulenza legali lil tali persuna ġuridika, prevista f’din id-dispożizzjoni.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
i L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-kawża.