Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022TN0271

    Kawża T-271/22: Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Mejju 2022 – Melnichenko vs Il-Kunsill

    ĠU C 257, 4.7.2022, p. 42–43 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
    ĠU C 257, 4.7.2022, p. 38–39 (GA)

    4.7.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 257/42


    Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Mejju 2022 – Melnichenko vs Il-Kunsill

    (Kawża T-271/22)

    (2022/C 257/55)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrent: Andrey Melnichenko (St. Moritz, l-Isvizzera) (rappreżentanti: G. Lansky, P. Goeth, A. Egger, avukati)

    Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    bis-saħħa tal-Artikolu 263 TFUE tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/397 tad-9 ta’ Marzu 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (1), kif ukoll ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/396 tad-9 ta’ Marzu 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (2) (iktar ’il quddiem l-“atti kkontestati”), sa fejn huma jikkonċernaw lir-rikorrent; u

    tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż skont l-Artikolu 134 tar-Regoli tal-Proċedura.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv, ibbażat fuq allegat ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrent, inkluż id-dritt għal ħajja privata u tal-familja, tad-dar u tal-komunikazzjonijiet, kif ukoll id-dritt għal proprjetà.

    Bl-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-lista fl-atti kkontestati, il-Kunsill kiser il-prinċipju ta’ proporzjonalità u bbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq liġi li ma hijiex konformi mar-rekwiżit ta’ prevedibbiltà taħt l-Artikolu 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

    2.

    It-tieni motiv, ibbażat fuq allegat żball ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kunsill meta inkluda isem ir-rikorrent fl-annessi tal-atti kkontestati.

    Ir-raġunijiet tal-Kunsill għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-lista huma materjalment ivvizzjati bi żbalji.

    Il-Kunsill jonqos milli jidentifika r-raġunijiet individwali, speċifiċi u konkreti għalfejn miżuri restrittivi ġew imposti fuq ir-rikorrent u r-raġunijiet invokati ma humiex biżżejjed iddettaljati, kuntrarjament għall-obbligi tal-Kunsill.

    Il-provi prodotti huma insuffiċjenti sabiex jissostanzjaw l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-lista permezz tal-atti kkontestati.


    (1)  ĠU 2022, L 80, p. 31, rettifika fil-ĠU 2022, L 117, p. 118.

    (2)  ĠU 2022, L 80, p. 1, rettifika fil-ĠU 2022, L 117, p. 117.


    Top