Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CN0673

    Kawża C-673/22: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Social n° 1 de Sevilla (Spanja) fis-27 ta’ Ottubru 2022 – CCC vs Tesorería General de la Seguridad Social (TGSS), Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS)

    ĠU C 112, 27.3.2023, p. 14–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    27.3.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 112/14


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Social no 1 de Sevilla (Spanja) fis-27 ta’ Ottubru 2022 – CCC vs Tesorería General de la Seguridad Social (TGSS), Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS)

    (Kawża C-673/22)

    (2023/C 112/19)

    Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

    Qorti tar-rinviju

    Juzgado de lo Social no1 de Sevilla

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Appellant: CCC

    Konvenuti: Tesorería General de la Seguridad Social (TGSS), Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS)

    Domandi preliminari

    Il-Juzgado de lo Social no1 de Sevilla jiddeċiedi li:

    Jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fl-ambitu tal-Artikolu 267 TFUE, bid-domandi preliminari li ġejjin, dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5 u tal-premessa 37 tad-Direttiva (UE) 2019/1158 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE (1):

    1)

    L-ommissjoni mil-leġiżlatur Spanjol fl-Artikolu 48(2) tat-Texto Refundido de la Ley del Estatuto de los Trabajadores [(Tfassil mill-Ġdid tal-Liġi dwar l-Istatut tal-Ħaddiema)] u fl-Artikoli 177, 178 u 179 tat-Texto Refundido de la Ley General de la Seguridad Social [(Tfassil mil-Ġdid tal-Liġi Ġenerali għas-Sigurtà Soċjali)], ta’ leġiżlazzjoni li tinvolvi evalwazzjoni tal-ħtiġijiet speċifiċi tal-familja b’ġenitur wieħed, fil-kuntest tal-konċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol u tal-familja, li għandha effett fuq il-perijodu intiż sabiex persuna tieħu ħsieb tarbija tat-twelid, meta mqabbel ma’ minuri mwieled fi ħdan familja b’żewġ ġenituri li fiha ż-żewġ ġenituri jistgħu jgawdu minn leave mħallas, fil-każ li dawn jissodisfaw, it-tnejn li huma, il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-provvista tas-sigurtà soċjali, hija konformi mad-Direttiva 2019/1158, li timponi evalwazzjoni speċifika, b’mod partikolari, tat-twelid tal-wild fi ħdan familja b’ġenitur wieħed, sabiex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għal-leave parentali u l-modalitajiet preċiżi ta’ dan tal-aħħar?

    2)

    Ir-rekwiżiti dwar it-teħid tal-leave minħabba t-twelid ta’ wild, il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-provvista finanzjarja tas-sigurtà soċjali u s-sistema tat-teħid tal-leave parentali u, b’mod partikolari, l-estensjoni possibbli tat-tul ta’ dan tal-aħħar jekk ma jkun hemm ebda ġenitur ieħor ħlief l-omm bijoloġika sabiex tieħu ħsieb il-wild, għandhom jiġu interpretati, fl-assenza ta’ regola speċifika prevista mil-leġiżlatur Spanjol, b’mod flessibbli konformement mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni?


    (1)  ĠU 2019, L 188, p. 79.


    Top