Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CN0161

    Kawża C-161/22 P: Appell ippreżentat fit-3 ta’ Marzu 2022 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fil-21 ta’ Diċembru 2021 fil-Kawża T-796/19, HB vs Il-Kummissjoni Ewropea

    ĠU C 244, 27.6.2022, p. 15–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
    ĠU C 244, 27.6.2022, p. 14–14 (GA)

    27.6.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 244/15


    Appell ippreżentat fit-3 ta’ Marzu 2022 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fil-21 ta’ Diċembru 2021 fil-Kawża T-796/19, HB vs Il-Kummissjoni Ewropea

    (Kawża C-161/22 P)

    (2022/C 244/18)

    Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

    Partijiet

    Appellant: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J. Baquero Cruz, J. Estrada de Solà u B. Araujo Arce, aġenti)

    Parti oħra fil-proċedura: HB

    Talbiet

    Tannulla s-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Diċembru 2021 (T-796/19), sa fejn tiċħad bħala inammissibbli r-rikors għal annullament kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2019)7318 final tal-15 ta’ Ottubru 2019 (punt 1 tad-dispożittiv), u fejn ikkundannat lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji (punt 3 tad-dispożittiv);

    Tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu;

    Tikkundanna lil HB għall-ispejjeż.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tinvoka tliet aggravji.

    L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ klassifikazzjoni ġuridika: il-Qorti Ġenerali injorat u għamlet ineffettivi d-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni li tuża l-prerogattivi tagħha ta’ saħħa pubblika fil-kuntest kuntrattwali, billi kklassifikat dawn il-miżuri bħala kuntrattwali u suġġetti għall-prerogattiva tal-qorti tal-kuntratt. Din il-klassifikazzjoni ġuridika żbaljata taffettwa l-punti tas-sentenza 62 sa 87 tas-sentenza appellata.

    It-tieni aggravju huwa bbażat fuq klassifikazzjoni ġuridika żbaljata fir-rigward tal-ewwel artikolu tad-deċiżjoni (punti 62 sa 73 tas-sentenza) u fuq żnaturament tal-fatti. Billi kklassifikat l-ewwel artikolu tad-deċiżjoni, li jistabbilixxi r-responsabbiltà ta’ HB fit-twettiq ta’ irregolarità fil-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti u kklassifikat b’mod żbaljat l-Artikolu 1 bħala li huwa ta’ natura kuntrattwali.

    It-tielet aggravju huwa bbażat fuq klassifikazzjoni ġuridika żbaljata fir-rigward tat-tieni u tat-tielet artikolu tad-deċiżjoni (punti 74 sa 83 tas-sentenza). Billi kklassifikat it-tnaqqis tal-prezz tal-kuntratt għal EUR 0 u billi rkuprat l-ammonti diġà mħallsa, il-Kummissjoni ma aġixxietx fil-kuntest kuntrattwali, iżda billi eżerċitat il-prerogattivi tagħha ta’ saħħa pubblika. Il-Qorti Ġenerali tiżbalja meta tassimila d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-artikoli għall-konsegwenzi ta’ annullament kuntrattwali permezz ta’ qerq jew permezz ta’ difett tal-kunsens.


    Top