Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CN0006

    Kawża C-6/22: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Woli w Warszawie (il-Polonja) fl-4 ta’ Jannar 2022 – M.B., U.B., M.B. vs X S.A.

    ĠU C 158, 11.4.2022, p. 4–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
    ĠU C 158, 11.4.2022, p. 2–3 (GA)

    11.4.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 158/4


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Woli w Warszawie (il-Polonja) fl-4 ta’ Jannar 2022 – M.B., U.B., M.B. vs X S.A.

    (Kawża C-6/22)

    (2022/C 158/05)

    Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

    Qorti tar-rinviju

    Sąd Rejonowy dla Warszawy-Woli w Warszawie

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: M.B., U.B., M.B.

    Konvenut: X S.A.

    Domandi preliminari

    1)

    Fid-dawl tal-għan tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (1), li huwa l-protezzjoni tal-konsumatur fil-konfront ta’ klawżoli inġusti ta’ kuntratti ma’ imprendituri, hija leġittima l-interpretazzjoni li flimkien mal-annullament ta’ kuntratt, mill-qorti, permezz tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva, tintemm l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva, u magħha tintemm il-protezzjoni tal-konsumatur, u b’hekk ir-regoli dwar is-saldu tal-kontijiet għall-konsumatur u l-imprenditur għandhom jiġu mfittxija fid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar il-kuntratti applikabbli għas-saldu tal-kontijiet tal-kuntratt annullat?

    2)

    Fid-dawl tal-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 93/13/KEE, jekk qorti tiddeċiedi li klawżola partikolari ta’ kuntratt hija illegali, u l-kuntratt ma jistax jibqa’ fis-seħħ wara l-eliminazzjoni ta’ dik il-klawżola, fl-assenza ta’ qbil bejn il-partijiet sabiex timtela l-lakuna permezz ta’ dispożizzjonijiet skont ir-rieda tagħhom u fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet supplenti, il-qorti għandha tannulla l-kuntratt u b’hekk tilqa’ r-rieda tal-konsumatur li jitlob sabiex il-qorti tannulla l-kuntratt jew inkella l-qorti għandha teżamina ex officio, u b’hekk tmur lil hinn mit-talbiet tal-partijiet, is-sitwazzjoni patrimonjali tal-konsumatur, sabiex jiġi deċiż jekk l-annullament tal-kuntratt huwiex ser jesponi lill-konsumatur għal konsegwenzi partikolarment sfavorevoli?

    3)

    L-Artikolu 6 tad-Direttiva 1993/13/KEE jippermetti interpretazzjoni li, skontha, jekk il-qorti tasal għall-konklużjoni li l-annullament tal-kuntratt se jkun partikolarment sfavorevoli għall-konsumatur, u minkejja l-inċitament sabiex jagħmlu dan, il-partjiet ma jaslux sabiex jaqblu dwar it-twettiq tal-kuntratt, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-interess oġġettiv tal-konsumatur il-qorti tista’ timla l-lakuna li tibqa’ fil-kuntratt wara “t-tneħħija”, minnha, tat-termini inġusti, permezz ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li ma humiex supplenti fis-sens tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-260/18, jiġifieri li għandhom applikazzjoni diretta għal-lakuna fil-kuntratt, iżda permezz ta’ dispożizzjonijiet konkreti tad-dritt nazzjonali li jistgħu japplikaw għall-kuntratt inkwistjoni biss mutatis mutandis jew b’analoġija u li jirriflettu r-regola fis-seħħ fid-dritt nazzjonali tal-kuntratti?


    (1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288.


    Top