This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62022CJ0714
Judgment of the Court (Ninth Chamber) of 21 March 2024.#S.R.G. v Profi Credit Bulgaria EOOD.#Request for a preliminary ruling from the Sofiyski rayonen sad.#Reference for a preliminary ruling – Consumer protection – Consumer credit agreements – Directive 2008/48/EC – Article 3(g), Article 10(2)(g) and Article 23 – Total cost of the credit to the consumer – No indication of the relevant costs – Penalty – Directive 93/13/EEC – Unfair terms in consumer contracts – Article 3(1), Article 4(2), Article 6(1) and Article 7(1) – Point 1(o) of the annex to Directive 93/13/EEC – Services ancillary to a credit agreement – Terms giving priority to the examination of the credit application of a consumer purchasing those services and to the making available of the sum borrowed as well as providing that consumer with the option of deferring or rescheduling the monthly loan instalments, in return for payment of additional costs.#Case C-714/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tal-21 ta’ Marzu 2024.
S.R.G. vs Profi Credit Bulgaria EOOD.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa mis-Sofiyski rayonen sad.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Kuntratti ta’ kreditu għall-konsum – Direttiva 2008/48/KE – Artikolu 3(g), Artikolu 10(2)(g) u Artikolu 23 – Spiża totali tal-kreditu għall-konsumatur – Assenza ta’ indikazzjoni tal-ispejjeż rilevanti – Sanzjoni – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Artikolu 3(1), Artikolu 4(2), Artikolu 6(1) u Artikolu 7(1) – Il-punt 1(o) tal-Anness tad-Direttiva 93/13 – Servizzi anċillari għal kuntratt ta’ kreditu – Klawżoli li jagħtu lil konsumatur li jixtri dawn is-servizzi prijorità fl-eżami tal-applikazzjoni għal kreditu tiegħu u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tas-somma mislufa kif ukoll il-possibbiltà ta’ differiment jew ta’ bidla fil-pagamenti mensili tal-kreditu permezz tal-ħlas ta’ spejjeż addizzjonali.
Kawża C-714/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tal-21 ta’ Marzu 2024.
S.R.G. vs Profi Credit Bulgaria EOOD.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa mis-Sofiyski rayonen sad.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Kuntratti ta’ kreditu għall-konsum – Direttiva 2008/48/KE – Artikolu 3(g), Artikolu 10(2)(g) u Artikolu 23 – Spiża totali tal-kreditu għall-konsumatur – Assenza ta’ indikazzjoni tal-ispejjeż rilevanti – Sanzjoni – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Artikolu 3(1), Artikolu 4(2), Artikolu 6(1) u Artikolu 7(1) – Il-punt 1(o) tal-Anness tad-Direttiva 93/13 – Servizzi anċillari għal kuntratt ta’ kreditu – Klawżoli li jagħtu lil konsumatur li jixtri dawn is-servizzi prijorità fl-eżami tal-applikazzjoni għal kreditu tiegħu u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tas-somma mislufa kif ukoll il-possibbiltà ta’ differiment jew ta’ bidla fil-pagamenti mensili tal-kreditu permezz tal-ħlas ta’ spejjeż addizzjonali.
Kawża C-714/22.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:263
Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)
21 ta’ Marzu 2024 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Kuntratti ta’ kreditu għall-konsum – Direttiva 2008/48/KE – Artikolu 3(g), Artikolu 10(2)(g) u Artikolu 23 – Spiża totali tal-kreditu għall-konsumatur – Assenza ta’ indikazzjoni tal-ispejjeż rilevanti – Sanzjoni – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Artikolu 3(1), Artikolu 4(2), Artikolu 6(1) u Artikolu 7(1) – Il-punt 1(o) tal-Anness tad-Direttiva 93/13 – Servizzi anċillari għal kuntratt ta’ kreditu – Klawżoli li jagħtu lil konsumatur li jixtri dawn is-servizzi prijorità fl-eżami tal-applikazzjoni għal kreditu tiegħu u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tas-somma mislufa kif ukoll il-possibbiltà ta’ differiment jew ta’ bidla fil-pagamenti mensili tal-kreditu permezz tal-ħlas ta’ spejjeż addizzjonali”
Fil-Kawża C‑714/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Novembru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Novembru 2022, fil-proċedura
S.R.G.
vs
Profi Credit Bulgaria EOOD,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),
komposta minn O. Spineanu-Matei (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, S. Rodin u L. S. Rossi, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,
Reġistratur: R. Stefanova-Kamisheva, amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑15 ta’ Novembru 2023,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Profi Credit Bulgaria EOOD, minn H. Hinov, M. Voynova, advokati, u K. Vonidova-Milcheva,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Nikolova, I. Rubene u N. Ruiz García, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1), tal-Artikolu 4(1) u (2), tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100), tal-punt 1(o) tal-Anness tad-Direttiva 93/13 kif ukoll tal-Artikolu 3(g) tal-Artikolu 10(2)(g) u tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66, rettifiki fil-ĠU 2009, L 207, p. 14, fil-ĠU 2010, L 199, p. 40 u fil-ĠU 2011, L 234, p. 46).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, S.R.G., iddomiċiljata fil-Bulgarija u, min-naħa l-oħra, Profi Credit Bulgaria EOOD, istituzzjoni ta’ kreditu rregolata mid-dritt Bulgaru, dwar l-invalidità ta’ kuntratt ta’ kreditu u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnu dwar il-ħlas lura ta’ somom dovuti bħala interessi u spejjeż imħallsa skont dan il-kuntratt.
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Id‑Direttiva 93/13
3 Skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/13:
“1. Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.
2. Klawżola għandha dejjem tiġi kkunsidrata li ma tkunx ġiet innegozjat individwalment meta din tkun ġiet abbozzata minn qabel u l-konsumatur b’hekk ma jkunx seta’ jinfluwenza s-sustanza tal-klawżola, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kuntratt standard imfassal minn qabel.
Il-fatt li ċerti aspetti ta’ klawżola jew klawżola speċifika waħda tkun ġiet innegozjata individwalment m’għandux jeskludi l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għall-bqija ta’ kuntratt jekk stima globali tal-kuntratt tindika li dan ikun madankollu kuntratt standard ippreparat minn qabel.
Meta xi bejjiegħ jew fornitur jippretendi li klawżola standard ikun ġie nnegozjat b’mod individwali, il-piż tal-prova f’dan ir-rigward għandu jaqa’ fuqu.
3. L-Anness għandu jkun fih lista indikattiva u mhux eżawrjenti tal-klawżoli li jistgħu jiġu kkunsidrati inġusti.”
4 L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jipprevedi:
“1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu,
2. L-istima tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tal-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt u lanqas mas-suffiċjenza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra, safejn dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar.”
5 L-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:
“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”
6 L-Artikolu 7(1) tal-istess direttiva jipprovdi:
“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”
7 L-Anness tad-Direttiva 93/13 huwa intitolat “Klawżoli Msemmija fl-Artikolu 3(3)”. Il-punt 1(o) ta’ dan l-anness huwa fformulat kif ġej:
“1. Klawżoli li għandhom l-għan jew l-effett li:
[...]
o) jobbligaw lill-konsumatur li jaqdi l-obbligi tiegħu kollha fejn il-bejjiegħ jew il-fornitur ma jaqdix tiegħu stess”.
Id‑Direttiva 2008/48
8 Il-premessi 19, 20, 43 u 47 tad-Direttiva 2008/48 jipprovdu:
“(19) Sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu d-deċiżjonijiet tagħhom b’għarfien sħiħ tal-fatti, huma għandhom jirċievu informazzjoni adegwata, li l-konsumatur jista’ jieħu miegħu biex jikkunsidraha, qabel il-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu, dwar il-kondizzjonijiet u l-ispiża tal-kreditu u l-obbligi tagħhom. Biex ikunu żgurati trasparenza u komparabbiltà ta’ offerti bl-aktar mod sħiħ possibbli, tali informazzjoni għandha, b’mod partikolari, tinkludi r-rata ta’ imposta perċentwali fis-sena [(RPAI)] applikabbli għall-kreditu, u maħduma madwar il-Komunità kollha bl-istess mod. [...]
(20) L-ispiża totali tal-kreditu għall-konsumatur għandha tinkludi l-ispejjeż kollha, inkluż interessi, kummissjonijiet, taxxi, onorarji għall-intermedjarji ta’ kreditu u kwalunkwe onorarju ieħor li l-konsumatur għandu jħallas b’konnessjoni mal-ftehim ta’ kreditu, minbarra l-ispejjeż notarili. [...]
[...]
(43) Sabiex jiġu promossi t-twaqqif u l-funzjonament tas-suq intern u jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi fil-Komunità kollha, huwa meħtieġ li tiġi żgurata l-komparabbiltà ta’ l-informazzjoni relatata mar-[RPAI] [fl-Unjoni] kollha. [...] Din id-Direttiva għalhekk għandha tiddefinixxi b’mod ċar u komprensiv l-ispiża totali ta’ kreditu lill-konsumatur.”
[...]
(47) L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjoniali adottati f’konformità ma’ din id-Direttiva u jiżguraw li jiġu implimentati. Filwaqt li l-għażla tal-penali tibqa’ fid-diskrezzjoni ta’ l-Istati Membri, il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.”
9 L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:
“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:
[...]
g) ‘l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur’ tfisser l-ispejjeż kollha, inklużi interessi, kummissjonijiet, taxxi, u kwalunkwe tip ta’ onorarji oħrajn li l-konsumatur għandu jħallas b’konnessjoni mal-ftehim ta’ kreditu u li huma magħrufin mal-kreditur ħlief spejjeż notarili; l-ispejjeż relatati ma’ servizzi anċillari fir-rigward tal-ftehim ta’ kreditu, b’mod partikolari ħlasijiet obbligatorji ta’ assigurazzjoni, huma inklużi wkoll jekk, barra minn hekk, il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ servizz huwa obbligatorju biex jinkiseb il-kreditu jew biex jinkiseb il-kreditu skond it-termini u l-kondizzjonijiet kummerċjalizzati;
[...]
(i) ‘[RPAI]’: tfisser l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur espressa bħala perċentwali annwali ta’ l-ammont totali ta’ kreditu, fejn applikabbli inklużi l-ispejjeż msemmija fl-Artikolu 19(2);
[...]”
10 L-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Informazzjoni li għandha tiġi inkluża fi ftehim ta’ kreditu”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu:
“Il-ftehim ta’ kreditu għandu jispeċifika b’mod ċar u konċiż:
[...]
g) ir-[RPAI] u l-ammont totali pagabbli mill-konsumatur, ikkalkolati fil-ħin tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu; l-assunzjonijiet kollha użati għall-kalkolu ta’ dik ir-rata għandhom jissemmew;
[...]”
11 L-Artikolu 19 tal-istess direttiva, intitolat “Kalkolu tar-[RPAI]”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 2 tiegħu:
“Għall-fini tal-kalkolu tar-[RPAI], l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur għandha tiġi determinata, bl-eċċezzjoni ta’ kwalunkwe imposta pagabbli mill-konsumatur għal nuqqas ta’ konformità ma’ kwalunkwe impenn min-naħa tiegħu stabbilit fil-ftehim ta’ kreditu u imposti barra mill-prezz tax-xiri li, għal xiri ta’ merkanzija u servizzi, hu obbligat iħallas irrispettivament minn jekk it-transazzjoni issirx permezz ta’ flus kontanti jew permezz ta’ kreditu.
L-ispejjeż biex jinżamm kont li jirreġistra kemm transazzjonijiet ta’ ħlas u kif ukoll ta’ ġbid ta’ kreditu, l-ispejjeż ta’ l-użu ta’ mezz ta’ ħlas kemm għal transazzjonijiet ta’ ħlas u kif ukoll għal ġbid ta’ kreditu, u spejjeż oħrajn relatati ma’ transazzjonijiet ta’ ħlas għandhom jiġu inklużi fl-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur sakemm il-ftuħ tal-kont ma jkunx obbligatorju u l-ispejjeż tal-kont ikunu ntwerew b’mod ċar u separatament fil-ftehim ta’ kreditu jew fi kwalunkwe ftehim ieħor konkluż mal-konsumatur.”
12 L-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/48, intitolat “Armonizzazzjoni u n-natura imperattiva tad-Direttiva”, huwa fformulat kif ġej:
“[...]
3. L-Istati Membri għandhom, barra minn hekk, jiżguraw li d-dispożizzjonijiet li jadottaw fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva ma jagħtux lok għal evitar li jirriżulta mill-mod li bih jiġu fformulati ftehim, b’mod partikolari billi jiġu integrati ġbid ta’ kreditu jew ftehim ta’ kreditu li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva fi ftehim ta’ kreditu li n-natura u l-iskop tagħhom jagħmluha possibbli li tiġi evitata l-applikazzjoni tagħha.
4. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-konsumaturi ma jitilfux il-protezzjoni mogħtija minn din id-Direttiva minħabba li tintgħażel il-liġi ta’ pajjiz terz bħala l-liġi applikabbli għall-ftehim ta’ kreditu, jekk il-ftehim ta’ kreditu jkollu rabta mill-qrib mat-territorju ta’ Stat Membru wieħed jew aktar.”
13 L-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva, intitolat “Penali”, jipprovdi:
“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u disswassivi.”
Id‑dritt Bulgaru
Il‑Liġi dwar l‑Obbligi u l‑Kuntratti
14 Iż-Zakon za zadalzhenyata i dogovorite (il-Liġi dwar l-Obbligi u l-Kuntratti, DV Nru 275, tat‑22 ta’ Novembru 1950) jipprovdi fl-Artikolu 26(1) tiegħu:
“Il-kuntratti li jiksru l-liġi jew li jevadu l-liġi u l-kuntratti li jmorru kontra l-moralità, inklużi l-ftehimiet dwar suċċessjonijiet futuri, huma nulli.”
Iż‑ZPK
15 Iż-Zakon za potrebitelskia kredit (il-Liġi dwar il-Kreditu għall-Konsum, DV Nru 18, tal‑5 ta’ Marzu 2010, iktar ’il quddiem iż-“ZPK”) tipprevedi, fl-Artikolu 10bis tagħha:
“(1) Il-persuna li ssellef tista’ tiffattura lill-konsumatur spejjeż u kummissjonijiet għal servizzi anċillari marbuta mal-kuntratt ta’ kreditu għall-konsumaturi.
(2) Il-persuna li ssellef ma tistax teżiġi l-ħlas ta’ spejjeż u ta’ kummissjonijiet għal attivitajiet relatati mal-ġbir jew mal-ġestjoni tal-kreditu.
(3) Il-persuna li ssellef tista’ tiġbor darba waħda biss l-ispejjeż u/jew kummissjoni għall-istess tranżazzjoni.
(4) Il-kuntratt ta’ kreditu għall-konsumaturi għandu jiddetermina b’mod ċar u/jew preċiż it-tip u l-ammont tal-ispejjeż jew tal-kummissjonijiet, kif ukoll l-attività li għaliha dawn jiġu ffatturati.”
16 Skont l-Artikolu 11 taż-ZPK:
“1. Il-kuntratt ta’ kreditu għall-konsumaturi għandu jitfassal b’lingwaġġ li jinftiehem u għandu jinkludi:
[...]
10. ir-[RPAI] u l-ammont totali dovut mill-konsumatur, ikkalkolati fil-ħin tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu; għandhom jissemmew is-suppożizzjonijiet kollha użati għall-kalkolu ta’ din ir-rata;
[...]”
17 L-Artikolu 19 taż-ZPK huwa fformulat b’dan il-mod:
“(1) Ir-[RPAI] tal-kreditu tikkorrispondi għas-somma tal-ispejjeż tal-kreditu attwali u futuri (interessi, spejjeż diretti jew indiretti oħrajn, kummissjonijiet jew ħlasijiet ta’ kwalunkwe tip, [...]) espressa bħala perċentwali annwali tal-ammont totali ta’ kreditu.
(2) Ir-[RPAI] tal-kreditu għandha tiġi kkalkolata permezz ta’ formula [...]
(3) Il-kalkolu tar-[RPAI] tal-kreditu ma għandux jinkludi l-ispejjeż:
1. li l-konsumatur iħallas f’każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi tiegħu skont il-kuntratt ta’ kreditu għall-konsumaturi;
2. minbarra l-prezz tax-xiri tal-oġġett jew tas-servizz dovut minnu matul xiri ta’ oġġett jew ta’ provvista ta’ servizz, irrispettivament minn jekk dan isirx fi flus kontanti jew b’kreditu.
3. taż-żamma ta’ kont b’rabta mal-kuntratt ta’ kreditu għall-konsumaturi, peress li l-ispejjeż [...] jiġu indikati b’mod ċar u separat fil-kuntratt ta’ kreditu jew fi kwalunkwe kuntratt ieħor konkluż mal-konsumatur.
(4) [...] Ir-[RPAI] ma tistax taqbeż il-ħames darbiet tal-interessi moratorji bir-rata legali f’leva Bulgari (BGN) u f’muniti barranin, iddeterminati b’digriet tal-Kunsill tal-Ministri tar-Repubblika tal-Bulgarija.
(5) [...] Il-klawżoli tal-kuntratt li jaqbżu l-ispejjeż iddeterminati fil-paragrafu 4 għandhom jitqiesu li huma nulli.
(6) [...] Meta jkunu saru ħlasijiet skont kuntratti li fihom klawżoli li ġew iddikjarati nulli skont il-paragrafu 5, l-ammont żejjed iffatturat lil hinn mil-limitu previst fil-paragrafu 4 għandu jitnaqqas mill-ħlasijiet futuri mwettqa fir-rigward tal-kreditu.”
18 L-Artikolu 21 taż-ZPK jipprovdi:
“1. Kull klawżola ta’ kuntratt ta’ kreditu għall-konsumaturi li għandha l-għan jew ir-riżultat li tevita r-rekwiżiti ta’ din il-liġi hija nulla.
2. Kwalunkwe klawżola f’kuntratt ta’ kreditu għall-konsumaturi b’rata fissa li tipprevedi kumpens għall-persuna li ssellef ogħla minn dik prevista fl-Artikolu 32(4) hija nulla.”
19 L-Artikolu 22 taż-ZPK jipprovdi:
“[...] Fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 10(1), fil-punti 7 sa 12 tal-Artikolu 11(1) u fl-Artikolu 20(2), kif ukoll fil-punti 7 sa 9 tal-Artikolu 12(1), il-kuntratt ta’ kreditu għall-konsumaturi ma huwiex validu.”
20 L-Artikolu 23 taż-ZPK jipprevedi:
“Meta l-kuntratt ta’ kreditu għall-konsumaturi jiġi ddikjarat invalidu, il-konsumatur għandu jħallas biss il-valur nett (il-kapital) tas-self; ma huwiex responsabbli għall-ħlas tal-interessi, u lanqas għal spejjeż oħra tal-kreditu.”
21 Skont il-punt 1 tal-Artikolu 1 tad-dispożizzjonijiet komplementari taż-ZPK:
“Għall-finijiet ta’ din il-liġi:
‘l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur’ tfisser l-ispejjeż kollha tal-kreditu, inklużi interessi, kummissjonijiet, infiq, ir-remunerazzjoni tal-intermedjarji ta’ kreditu u t-tipi kollha ta’ spejjeż oħrajn direttament marbuta mal-kuntratt ta’ kreditu għall-konsumaturi li l-konsumatur għandu jħallas u li huma magħrufin mill-persuna li ssellef, inklużi l-ispejjeż relatati mas-servizzi anċillari marbuta mal-kuntratt ta’ kreditu, b’mod partikolari l-primjums ta’ assigurazzjoni, jekk, barra minn hekk, il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ servizz ikun obbligatorju biex jinkiseb l-istess kreditu, jew b’applikazzjoni tal-klawżoli u tal-kundizzjonijiet kummerċjali. L-ispiża totali tal-kreditu għall-konsumaturi ma għandhiex tinkludi spejjeż notarili.
[...]”
Il‑GPK
22 Il-Grazhdanski protsesualen kodeks (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, DV Nru 59 tal‑20 ta’ Lulju 2007, iktar ’il quddiem il-“GPK”) jipprovdi, fl-Artikolu 7(3) tiegħu:
“[...] Il-qorti għandha tistħarreġ ex officio l-preżenza ta’ klawżoli inġusti li jinsabu f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur. Hija tagħti lill-partijiet l-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet dwar dawn il-kwistjonijiet.”
23 Skont l-Artikolu 78 tal-GPK:
“(1) It-tariffi mħallsa mir-rikorrent, l-ispejjeż u l-onorarji ta’ avukat, jekk ikun tqabbad wieħed, għandhom jiġu sostnuti mill-konvenut b’mod proporzjonali mal-parti tar-rikors li tkun intlaqgħet.
(2) Meta l-konvenut ma jkunx, bl-aġir tiegħu, ta bidu għall-proċedura u jirrikonoxxi l-fondatezza tat-talba, l-ispejjeż għandhom jiġu aġġudikati lir-rikorrent.
(3) Il-konvenut għandu wkoll id-dritt li jitlob ir-rimbors tal-ispejjeż sostnuti minnu, pro rata għall-parti tat-talba li tkun ġiet miċħuda.
(4) Il-konvenut għandu wkoll dritt għall-ispejjeż fil-każ li l-kawża tiġi miċħuda.
[...]”
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
24 Fl‑10 ta’ Ottubru 2019, il-partijiet fil-kawża prinċipali kkonkludew kuntratt ta’ kreditu għall-konsum li kellu bħala suġġett is-self tas-somma ta’ BGN 5 000 (madwar EUR 2 500) għal perijodu ta’ 36 xahar, suġġett għal rata ta’ interessi annwali ta’ 41 % u għal RPAI ta’ 49.02 %. L-ammont totali li għandu jitħallas lura skont dan il-kuntratt kien jammonta għal BGN 8 765.02 (madwar EUR 4 400).
25 L-imsemmi kuntratt kien jipprevedi li l-klijent kellu l-possibbiltà li jakkwista servizz anċillari wieħed jew iktar li r-regoli tal-użu tagħhom kienu ddettaljati fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-istess kuntratt. Għalhekk, skont il-punt 15 ta’ dawn tal-aħħar, il-klijent seta’ jagħżel li ma jixtrix servizz anċillari jew li jixtri servizz anċillari wieħed jew iktar. Il-punt 15.1 ta’ dawn il-kundizzjonijiet kien jiddeskrivi s-servizz “Fast” bħala li jagħti lill-klijent li jixtri dan is-servizz prijorità fl-eżami tal-applikazzjoni tiegħu għal kreditu u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-fondi, li kellu jsir fi żmien 24 siegħa minn meta l-persuna li ssellef tirċievi l-kuntratt ta’ kreditu ffirmat. Fil-punt 15.2 tal-imsemmija kundizzjonijiet, is-servizz “Flexi” kien deskritt bħala li jippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-bidla tal-pjan ta’ rimbors inizjali. Dan l-aħħar servizz kien jagħti l-possibbiltà li l-ħlas ta’ pagamenti mensili jiġi ttrasferit ’il quddiem fil-każ, b’mod partikolari, ta’ inkapaċità għax-xogħol, ta’ xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol, ta’ leave mingħajr ħlas, ta’ telf jew ta’ deterjorament ta’ beni wara katastrofi jew ta’ mewt tal-persuna li tikkontribwixxi għad-dħul tal-familja. Skont il-punt 15.2.2.1 tal-istess kundizzjonijiet, sabiex wieħed jibbenefika minn dan is-servizz “Flexi”, kellu jiġi ffirmat ftehim addizzjonali għall-kuntratt.
26 S.R.G. għażlet li tixtri s-servizzi anċillari “Fast” u “Flexi” rispettivament bil-prezzijiet ta’ BGN 1 250 (madwar EUR 625) u ta’ BGN 2 500 (madwar EUR 1 250). Peress li dawn il-prezzijiet ġew inklużi fil-pjan ta’ rimbors bħala komponenti tal-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni, huma żiedu l-ammont totali li għandu jitħallas lura fuq il-bażi ta’ dan tal-aħħar għal BGN 12 515.02 (madwar EUR 6 257).
27 Skont il-qorti tar-rinviju, fil-kawża prinċipali, huwa paċifiku li dawn is-servizzi anċillari ntalbu liberament waqt il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni, mingħajr ma ġie allegat li S.R.G. kienet ġiet żgwidata dwar in-natura ta’ dan il-kuntratt u li Profi Credit Bulgaria ma kinitx tagħti l-kunsens tagħha għall-għoti tal-imsemmi kreditu li kieku l-imsemmija servizzi ma kinux inxtraw.
28 S.R.G. adixxiet lill-qorti tar-rinviju b’azzjoni għal konstatazzjoni negattiva intiża sabiex jiġi ddikjarat li hija ma hijiex responsabbli għall-ħlas fil-konfront ta’ Profi Credit Bulgaria ta’ ammont totali ta’ BGN 7 515.02 (madwar EUR 3 775), li minnu BGN 3 765.02 (madwar EUR 1 900) jikkorrispondu għall-ammont akkumulat tal-interessi kuntrattwali, inkluża r-rata ta’ interessi annwali u r-RPAI għat-tul kollu tal-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni, u BGN 3 750 (madwar EUR 1 875) għas-somom kollha dovuti għas-servizzi anċillari “Fast” u “Flexi”.
29 Skont S.G.R., il-klawżoli kuntrattwali li jistabbilixxu l-obbligu li jitħallsu dawn l-interessi u dawn is-servizzi huma nulli peress li jmorru kontra l-moralità. Minn naħa, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni li l-imsemmija servizzi, li fir-rigward tagħhom qiegħed jintalab bħala remunerazzjoni ammont li jaqbeż in-nofs tal-ammont misluf, jaqgħu fir-realtà taħt l-attività ta’ ġestjoni ta’ kreditu. Issa, skont l-Artikolu 10bis(2) taż-ZPK, il-persuna li ssellef ma tistax teżiġi l-ħlas ta’ spejjeż u ta’ kummissjonijiet għal din l-attività. Min-naħa l-oħra, hija tallega li l-prezz tal-istess servizzi kellu jiġi inkluż fir-RPAI, peress li jirrappreżenta spiża inkluża fil-kuntratt ta’ kreditu u fil-pjan ta’ rimbors inkwistjoni. Issa, il-persuna li ssellef deliberatament naqset milli tinkludi dan il-prezz fir-RPAI sabiex tevita l-Artikolu 19(4) taż-ZPK, li jipprovdi li r-RPAI ma tistax teċċedi l-ħames darbiet tal-interessi moratorji bir-rata legali f’BGN u f’muniti barranin.
30 Għall-kuntrarju, Profi Credit Bulgaria tafferma li S.R.G. għażlet li tixtri s-servizzi anċillari “Fast” u “Flexi” b’għarfien tal-informazzjoni li hija kienet ipprovditilha qabel il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni u li S.R.G. kienet aċċettat dawn is-servizzi. F’dak li jirrigwarda r-rati ta’ interessi u l-kalkolu tar-RPAI, il-konvenuta fil-kawża prinċipali ssostni li dan il-kuntratt ta’ kreditu kien jistipula li dan il-kalkolu kellu jsir abbażi tal-ammonti inizjali tal-interessi u tal-ispejjeż l-oħra u li dan kien ġie applikat sa tmiem it-tul tal-imsemmi kuntratt.
31 F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2008/48, b’mod partikolari dwar id-determinazzjoni tar-RPAI, dwar il-konsegwenzi ta’ indikazzjoni ineżatta ta’ din ir-rata f’kuntratt ta’ kreditu kif ukoll dwar in-natura proporzjonali tas-sanzjoni prevista mil-leġiżlazzjoni Bulgara fil-każ ta’ indikazzjoni ineżatta tal-imsemmija rata.
32 F’dan ir-rigward, din il-qorti ssostni li, konformement mal-Artikolu 22 taż-ZPK, moqri flimkien mal-punt 10 tal-Artikolu 11(1) u mal-Artikolu 23 taż-ZPK, kuntratt ta’ kreditu għall-konsum li ma jindikax ir-RPAI huwa null u bla effett, peress li l-konsumatur huwa responsabbli biss għall-valur nett tas-self, mingħajr interessi jew spejjeż. Għaldaqstant, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk, f’dan il-każ, ir-remunerazzjoni miftiehma għas-servizzi anċillari “Fast” u “Flexi” tikkostitwixxix spiża li kellha tiġi inkluża fil-formula ta’ kalkolu tar-RPAI, konformement mal-Artikolu 3(g) tad-Direttiva 2008/48, u jekk l-indikazzjoni ineżatta ta’ din ir-rata fil-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni setgħetx tiġi assimilata ma’ assenza ta’ indikazzjoni tal-imsemmija rata. Hija tistaqsi, barra minn hekk, dwar in-natura proporzjonata, fis-sens ta’ din id-direttiva, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tissanzjona b’nullità kuntratt li jindika RPAI żbaljata u, minħabba f’hekk, iċaħħad lill-persuna li ssellef mid-dritt tagħha għall-interessi u għall-ispejjeż previsti minn dan il-kuntratt.
33 Fit-tieni lok, billi ssemmi l-obbligu tagħha li tistħarreġ in-natura inġusta tal-klawżoli fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 93/13, b’mod partikolari dwar il-kwistjoni ta’ jekk klawżoli ta’ kuntratt ta’ kreditu li jirrigwardaw servizzi anċillari bħal dawk inkwistjoni fil-kawża li biha hija adita jaqgħux taħt is-suġġett prinċipali ta’ dan il-kuntratt ta’ kreditu u, jekk ikun il-każ, jekk dawn humiex ta’ natura inġusta.
34 Fit-tielet u fl-aħħar lok, dejjem fid-dawl tad-Direttiva 93/13, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria (C‑224/19 u C‑259/19, EU:C:2020:578), il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar it-tqassim tal-ispejjeż, b’mod partikolari dwar il-kwistjoni ta’ jekk obbligu eventwali, għal S.R.G., li tbati parti mill-ispejjeż jekk tintlaqa’ parzjalment it-talba tagħha jippreġudikax l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva.
35 F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sofiyski Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) L-Artikolu 3(g) tad-Direttiva [2008/48] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ispejjeż relatati ma’ servizzi anċillari, miftiehma fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ kreditu għall-konsumaturi, bħalma huma t-tariffi li jippermettu d-differiment u t-tnaqqis tal-ħlasijiet, jikkostitwixxu parti mir-[RPAI]?
(2) L-Artikolu 10(2)(g) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-indikazzjoni żbaljata tar-[RPAI] f’kuntratt ta’ kreditu, konkluż bejn negozjant u konsumatur debitur, għandha titqies daqslikieku ma ġietx indikata r-[RPAI] fil-kuntratt ta’ kreditu u l-qorti nazzjonali għandha tapplika l-konsegwenzi previsti fid-dritt nazzjonali tagħha fil-każ li ma tkunx ġiet indikata r-[RPAI] fil-kuntratt ta’ kreditu għall-konsumaturi?
(3) L-Artikolu [22(4)] tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sanzjoni ta’ nullità tal-kuntratt ta’ kreditu għall-konsumaturi, prevista fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li twassal sabiex ikollu jitħallas lura l-kapital imsellef biss, hija sanzjoni proporzjonata f’dawk il-każijiet fejn il-kuntratt ta’ kreditu għall-konsumaturi ma jkunx fih indikazzjoni preċiża tar-[RPAI]?
(4) L-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva [93/13] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ispejjeż marbuta ma’ sett ta’ servizzi anċillari, li jkunu previsti f’kuntratt addizzjonali għall-kuntratt ta’ kreditu għall-konsumaturi, li jkun ġie konkluż separatament minn u addizzjonalment għall-kuntratt prinċipali, għandhom jitqiesu li jagħmlu parti mis-suġġett prinċipali tal-kuntratt u għalhekk ma jkunux jistgħu jiġu suġġetti għal evalwazzjoni dwar in-natura inġusta?
(5) L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, ikkunsidrat flimkien mal-punt 1(o) tal-Anness tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li hija inġusta klawżola, f’kuntratt dwar servizzi anċillari għall-kreditu għall-konsumaturi, li tipprevedi l-possibbiltà astratta għall-konsumatur li jiddiferixxi jew jibdel il-ħlasijiet, possibbiltà li għaliha jħallas imposta, u dan anki jekk ma jużax tali possibbiltà?
(6) L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, kif ukoll il-prinċipju ta’ effettività, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni legali li tippermetti li parti mill-ispejjeż proċedurali taqa’ fuq il-konsumatur fil-każ ta’ [, l-ewwel,] sodisfazzjon parzjali ta’ pretensjoni li somma ma hijiex dovuta minħabba li l-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali […] [, it-tieni,] impossibbiltà prattika jew diffikultà eċċessiva fir-rigward tal-eżerċizzju tad-dritt tal-konsumaturi li jkunu jafu l-ammont preċiż tal-pretensjoni[, it-tielet,] fil-każijiet kollha fejn ikun hemm klawżola inġusta, inkluż fil-każ li l-eżistenza tal-klawżola inġusta ma jkollhiex impatt dirett fuq l-ammont kollu tal-pretensjoni tal-kreditur, jew fuq parti minnu, jew fil-każ li ma jkollhiex rabta diretta mas-suġġett tat-tilwima?”
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
36 Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, għalkemm fil-formulazzjoni tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju sempliċement issemmi s-servizz, anċillari għall-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum, li jippermetti d-differiment tal-ħlas lura tal-pagamenti mensili jew it-tnaqqis tal-ammont tagħhom, xorta jibqa’ l-fatt li mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-problema mqajma minn din id-domanda tirrigwarda ż-żewġ servizzi anċillari inkwistjoni fil-kawża prinċipali, imsemmija fil-punt 25 ta’ din is-sentenza.
37 Għaldaqstant, sabiex tingħata risposta utli u kompleta lil din il-qorti, għandu jitqies li l-imsemmija domanda tirrigwarda dawn iż-żewġ servizzi anċillari u li, permezz tagħha, l-imsemmija qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(g) tad-Direttiva 2008/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-ispejjeż relatati ma’ servizzi anċillari għal kuntratt ta’ kreditu għall-konsum, li jagħtu lill-konsumatur li jixtri dawn is-servizzi prijorità fl-eżami tal-applikazzjoni tiegħu għal kreditu u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tas-somma mislufa kif ukoll il-possibbiltà ta’ differiment tal-ħlas lura tal-pagamenti mensili jew ta’ tnaqqis tal-ammont tagħhom, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “spiża totali tal-kreditu għall-konsumatur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u, konsegwentement, taħt dak ta’ “RPAI”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 3(i).
38 Skont l-Artikolu 3(g) tad-Direttiva 2008/48, il-kunċett ta’ “spiża totali tal-kreditu għall-konsumatur” jinkludi l-ispejjeż kollha, inklużi interessi, kummissjonijiet, taxxi, u kwalunkwe tip ta’ spejjeż oħrajn li l-konsumatur għandu jħallas b’rabta mal-kuntratt ta’ kreditu u li huma magħrufin mill-persuna li ssellef, ħlief spejjeż notarili. B’mod konformi ma’ din id-dispożizzjoni, dawn l-ispejjeż jinkludu wkoll l-ispejjeż relatati mas-servizzi anċillari relatati mal-kuntratt ta’ kreditu, sakemm il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ servizz huwa obbligatorju biex jinkiseb il-kreditu jew b’applikazzjoni tal-klawżoli u l-kundizzjonijiet kummerċjali.
39 Skont l-Artikolu 3(i) tad-Direttiva 2008/48, ir-RPAI tikkorrispondi mal-ispiża totali tal-kreditu għall-konsumatur, espressa bħala perċentwali annwali tal-ammont totali tal-kreditu, b’teħid inkunsiderazzjoni, skont il-każ, tal-ispejjeż imsemmija fl-Artikolu 19(2) ta’ din id-direttiva.
40 Sabiex tiġi żgurata protezzjoni wiesgħa tal-konsumaturi, il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea adotta definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “spiża totali tal-kreditu għall-konsumatur” (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Soho Group, C‑686/19, EU:C:2020:582, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata), li tindika l-ispejjeż kollha li l-konsumatur għandu jħallas għall-kuntratt ta’ kreditu u li huma magħrufin mill-persuna li ssellef (sentenza tal‑21 ta’ April 2016, Radlinger u Radlingerová, C‑377/14, EU:C:2016:283, punt 84).
41 Barra minn hekk, sabiex jiggarantixxi din il-protezzjoni, l-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2008/48 jimponi fuq l-Istati Membri li jiżguraw li d-dispożizzjonijiet li jadottaw għall-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva ma jkunux jistgħu jiġu evitati minħabba l-formulazzjoni tal-kuntratti (sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2019, Lexitor, C‑383/18, EU:C:2019:702, punt 30).
42 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda, għandu jiġi eżaminat, minn naħa, jekk l-akkwist tas-servizzi anċillari kkonċernati jikkostitwixxix kundizzjoni għall-kisba stess tal-kreditu jew huwiex obbligatorju skont il-klawżoli kuntrattwali u l-kundizzjonijiet kummerċjali u, min-naħa l-oħra, jekk dawn humiex realment servizzi anċillari għall-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali u mhux skema intiża sabiex taħbi l-ispiża reali ta’ dan il-kreditu, kif essenzjalment tafferma S.R.G..
43 F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat, qabel kollox, li hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha twettaq tali eżami billi tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni kollha li hija għandha. Waqt dan l-eżami, din il-qorti ma tistax tibbaża ruħha biss fuq il-fatt li s-servizzi anċillari inkwistjoni fil-kawża prinċipali ntalbu liberament waqt il-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt ta’ kreditu jew li, kif sostniet Profi Credit Bulgaria waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, l-ammonti dovuti skont l-imsemmi kuntratt u l-ispejjeż relatati ma’ dawn is-servizzi kienu indikati separatament fil-pjan ta’ rimbors inizjali.
44 L-imsemmija qorti għandha wkoll tirreferi għad-dispożizzjonijiet kollha tal- kuntratt ta’ kreditu fil-kawża prinċipali u tal-kundizzjonijiet ġenerali tiegħu kif ukoll għall-kuntest ġuridiku u għaċ-ċirkustanzi fattwali li jagħmel parti minnhom dan il-kuntratt sabiex jiġi stabbilit jekk il-konklużjoni ta’ dan tal-aħħar kinitx ikkundizzjonata mill-akkwist tas-servizzi anċillari kkonċernati jew magħmula obbligatorja minn dawn id-dispożizzjonijiet u minn dawn il-kundizzjonijiet ġenerali jew minn kundizzjonijiet kummerċjali u jekk arranġament kuntrattwali, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kienx intiż, fir-realtà, sabiex ir-remunerazzjoni tas-somma mislufa tkun parzjalment esternalizzata permezz ta’ dispożizzjonijiet relatati ma’ dawn is-servizzi anċillari, b’tali mod li ma tidhirx kompletament fl-imsemmi kuntratt u, konsegwentement, la taqa’ taħt il-kunċett ta’ “spiża totali tal-kreditu għall-konsumatur” u lanqas taħt dak ta’ “RPAI”, fis-sens tad-Direttiva 2008/48.
45 B’mod partikolari, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk in-nuqqas ta’ inklużjoni tal-prezz tal-imsemmija servizzi anċillari fir-RPAI kienx intiż, fir-realtà, sabiex tiġi evitata l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 19(4) taż-ZPK, li jipprevedi li din ir-rata ma tistax teċċedi l-ħames darbiet l-interessi moratorji bir-rata legali f’BGN u f’muniti barranin iddeterminati permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri tar-Repubblika tal-Bulgarija.
46 Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(g) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ispejjeż relatati ma’ servizzi anċillari għal kuntratt ta’ kreditu għall-konsum, li jagħtu lill-konsumatur li jixtri dawn is-servizzi prijorità fl-eżami tal-applikazzjoni tiegħu għal kreditu u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tas-somma mislufa kif ukoll il-possibbiltà ta’ differiment tal-ħlas lura tal-pagamenti mensili jew ta’ tnaqqis tal-ammont tagħhom, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “spiża totali tal-kreditu għall-konsumatur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u, konsegwentement, taħt dak ta’ “RPAI”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 3(i), meta l-akkwist tal-imsemmija servizzi jkun obbligatorju għall-kisba tal-kreditu kkonċernat jew meta dawn jikkostitwixxu skema intiża sabiex taħbi l-ispiża reali ta’ dan il-kreditu.
Fuq it‑tieni u t‑tielet domanda
47 Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk il-qorti tar-rinviju rreferiet, fit-tielet domanda tagħha, għall-Artikolu 22(4) tad-Direttiva 2008/48, mit-talba għal deċiżjoni preliminari, kif ippreċiżata minn din il-qorti, jirriżulta li d-dubji tagħha jirrigwardaw l-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva.
48 Barra minn hekk, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tipprovdi lil din il-qorti l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża prinċipali, billi tislet mill-elementi kollha pprovduti mill-imsemmija qorti, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Profi Credit Slovakia, C‑485/19, EU:C:2021:313, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata), ir-risposta għat-tielet domanda għandha tingħata fid-dawl ta’ dan l-Artikolu 23.
49 Konsegwentement, għandu jitqies li, permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10(2)(g) u l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li, meta kuntratt ta’ kreditu għall-konsum ma jsemmix RPAI li tinkludi l-ispejjeż kollha previsti fl-Artikolu 3(g) ta’ din id-direttiva, dan il-kuntratt jitqies eżenti mill-interessi u mill-ispejjeż, b’tali mod li l-annullament tiegħu jwassal biss għall-ħlas lura, mill-konsumatur ikkonċernat, tal-kapital misluf.
50 Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu jitfakkar li, minn naħa, l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 iwettaq armonizzazzjoni totali fir-rigward tal-elementi li għandhom jiġu inklużi b’mod obbligatorju f’kuntratt ta’ kreditu (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2016, Home Credit Slovakia, C‑42/15, EU:C:2016:842, punt 56). Għal dan l-għan, l-Artikolu 10(2)(g) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-kuntratt ta’ kreditu għandu jindika, b’mod ċar u konċiż, ir-RPAI u l-ammont totali dovut mill-konsumatur, ikkalkolati fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu.
51 Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-riferiment għar-RPAI fil-kuntratt ta’ kreditu huwa ta’ importanza essenzjali, b’mod partikolari sa fejn jippermetti lill-konsumatur jevalwa l-portata tal-impenn tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2016, Home Credit Slovakia, C‑42/15, EU:C:2016:842, punti 67 u 70).
52 Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48, moqri fid-dawl tal-premessa 47 tagħha, jirriżulta li, għalkemm l-għażla tas-sistema ta’ sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati konformement ma’ din id-direttiva titħalla għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri, is-sanzjonijiet hekk previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Dan jimplika li l-ħruxija tal-imsemmija sanzjonijiet għandha tkun proporzjonata mal-gravità tal-ksur li jissanzjonaw, b’mod partikolari, billi jiżguraw effett realment dissważiv, filwaqt li josservaw il-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2016, Home Credit Slovakia, C‑42/15, EU:C:2016:842, punti 61 sa 63, u l-ġurisprudenza ċċitata).
53 Fid-dawl tal-importanza essenzjali li l-indikazzjoni tar-RPAI f’tali kuntratt għandha għall-konsumatur, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li qorti nazzjonali tista’ tapplika ex officio leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-assenza ta’ din l-indikazzjoni għandha bħala konsegwenza li l-kreditu mogħti jitqies eżenti mill-interessi u mill-ispejjeż (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑16 ta’ Novembru 2010, Pohotovosť, C‑76/10, EU:C:2010:685, punt 77).
54 Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, f’sitwazzjoni fejn kuntratt ta’ kreditu kien isemmi RPAI stmata, fejn l-ammont eżatt tiegħu kellu jiġi speċifikat wara l-għoti tal-kreditu, tali sanzjoni ta’ dekadenza tal-persuna li ssellef tad-dritt tagħha għall-interessi u għall-ispejjeż kellha titqies li hija proporzjonata, fis-sens tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2016, Home Credit Slovakia, C‑42/15, EU:C:2016:842, punti 18 u 69 sa 71).
55 F’dan il-każ, fid-dawl tan-natura essenzjali tal-informazzjoni tar-RPAI f’kuntratt ta’ kreditu għall-konsum sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jsiru jafu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom kif ukoll fid-dawl tar-rekwiżit li jiġu inklużi fil-kalkolu ta’ din ir-rata l-ispejjeż kollha msemmija fl-Artikolu 3(g) tad-Direttiva 2008/48, għandu jitqies li l-indikazzjoni ta’ RPAI li ma tirriflettix b’mod fidil dawn l-ispejjeż kollha ċċaħħad lill-konsumatur mill-possibbiltà li jiddetermina l-portata tal-impenn tiegħu, bl-istess mod bħall-assenza ta’ indikazzjoni ta’ din ir-rata. Konsegwentement, sanzjoni ta’ dekadenza tal-persuna li ssellef tad-dritt tagħha għall-interessi u għall-ispejjeż, fil-każ ta’ indikazzjoni ta’ RPAI li ma tinkludix l-imsemmija spejjeż kollha, tirrifletti l-gravità ta’ tali ksur u għandha natura dissważiva u proporzjonata.
56 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 10(2)(g) u l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li, meta kuntratt ta’ kreditu għall-konsum ma jsemmix RPAI li tinkludi l-ispejjeż kollha previsti fl-Artikolu 3(g) ta’ din id-direttiva, dan il-kuntratt jitqies eżenti mill-interessi u mill-ispejjeż, b’tali mod li l-annullament tiegħu jwassal biss għall-ħlas lura, mill-konsumatur ikkonċernat, tal-kapital misluf.
Fuq ir‑raba’ domanda
57 Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li klawżoli li jirrigwardaw servizzi anċillari għal kuntratt ta’ kreditu għall-konsum, li jagħtu lill-konsumatur li jixtri dawn is-servizzi prijorità fl-eżami tal-applikazzjoni tiegħu għal kreditu u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tas-somma mislufa kif ukoll il-possibbiltà ta’ differiment tal-ħlas lura tal-pagamenti mensili jew ta’ tnaqqis tal-ammont tagħhom, jaqgħu taħt is-suġġett prinċipali ta’ dan il-kuntratt, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u għalhekk ma jistgħux jiġu suġġetti għal evalwazzjoni dwar in-natura inġusta tagħhom.
58 Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, għalkemm, skont il-formulazzjoni ta’ din id-domanda, is-servizzi anċillari inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu previsti fi ftehim anċillari għall-kuntratt ta’ kreditu kkonċernat, tali indikazzjoni ma tirriżultax ċar mit-talba għal deċiżjoni preliminari. Madankollu, peress li l-klawżoli li jirrigwardaw dawn is-servizzi huma intrinsikament marbuta ma’ dan il-kuntratt, huma ma jistgħux jeżistu b’mod awtonomu, fl-assenza ta’ dan il-kuntratt, u l-ispejjeż relatati mal-imsemmija servizzi huma inklużi fil-pjan ta’ rimbors tas-self. Dawn il-klawżoli għandhom, għalhekk, jiġu analizzati fil-kuntest tal-imsemmi kuntratt u fid-dawl tas-suġġett tiegħu, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk humiex inklużi fil-kuntratt stess jew fi ftehim aċċessorju għal dan tal-aħħar.
59 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 jistabbilixxi eċċezzjoni għall-mekkaniżmu ta’ stħarriġ fil-mertu tal-klawżoli inġusti, kif previst fil-kuntest tas-sistema ta’ protezzjoni tal-konsumaturi implimentata minn din id-direttiva, u li, għalhekk, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod strett (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
60 Fir-rigward tal-kategorija tal-klawżoli kuntrattwali li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “suġġett prinċipali tal-kuntratt”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dawn il-klawżoli għandhom jinftiehmu bħala li huma dawk li jistabbilixxu l-provvisti essenzjali ta’ dan il-kuntratt u li, bħala tali, jikkaratterizzawh. Għall-kuntrarju, il-klawżoli li għandhom natura aċċessorja meta mqabbla ma’ dawk li jiddefinixxu l-essenza stess tar-rapport kuntrattwali ma jistgħux jaqgħu taħt dan il-kunċett (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punti 35 u 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
61 L-obbligi essenzjali ta’ kuntratt ta’ kreditu huma li l-persuna li ssellef tobbliga ruħha, prinċipalment, li tqiegħed għad-dispożizzjoni lill-persuna li tissellef ċertu ammont ta’ flus, u din tal-aħħar tobbliga ruħha, min-naħa tagħha, prinċipalment li tħallas lura, bħala regola ġenerali bl-interessi, dan l-ammont fl-iskadenzi previsti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, Caixabank (Kummissjoni għall-ftuħ tas-self), C‑565/21, EU:C:2023:212, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).
62 Fid-dawl tal-obbligu ta’ interpretazzjoni stretta tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-obbligu ta’ remunerazzjoni għas-servizzi marbuta mal-eżami, mal-għoti u mal-ipproċessar tas-self jew ta’ servizzi simili oħra inerenti għall-attività tal-persuna li ssellef ikkawżat mill-għoti tas-self ma jistax jitqies li jaqa’ taħt is-servizzi essenzjali li jirriżultaw minn kuntratt ta’ kreditu kif identifikati fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza (sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, Caixabank (Kummissjoni għall-ftuħ tas-self ), C‑565/21, EU:C:2023:212, punti 22 u 23).
63 Għandu jitfakkar ukoll li l-klawżoli indikati f’din id-dispożizzjoni jaħarbu mill-evalwazzjoni tan-natura inġusta tagħhom fil-każ biss li l-qorti nazzjonali kompetenti tqis, wara eżami individwali ta’ kull każ, li dawn tfasslu mill-bejjiegħ jew fornitur b’mod ċar u li jinftiehem (sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2019, GT, C‑38/17, EU:C:2019:461, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).
64 F’dan il-każ, fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-klawżoli dwar l-ispejjeż relatati mas-servizzi anċillari inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dawn is-servizzi jirrigwardaw il-prijorità mogħtija lill-konsumatur li jixtri dawn tal-aħħar fl-eżami tal-applikazzjoni tiegħu għal kreditu u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tas-somma mislufa kif ukoll il-possibbiltà ta’ differiment tal-ħlas lura tal-pagamenti mensili jew ta’ tnaqqis tal-ammont tagħhom.
65 Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 61 u 62 ta’ din is-sentenza, ma jidhirx għalhekk li l-imsemmija servizzi jirrigwardaw l-essenza stess tar-relazzjoni kuntrattwali kkonċernata, jiġifieri, minn naħa, it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ somma flus mill-persuna li ssellef u, min-naħa l-oħra, il-ħlas lura ta’ din is-somma, bħala regola ġenerali bl-interessi, skont l-iskadenzi previsti, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.
66 Barra minn hekk, jekk, wara l-eżami li hija għandha twettaq fil-kuntest tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li l-ispejjeż relatati mas-servizzi anċillari inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellhom jiġu inklużi fl-“ispiża totali tal-kreditu għall-konsumatur”, fis-sens tal-Artikolu 3(g) tad-Direttiva 2008/48, u, għaldaqstant, fir-RPAI, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 3(i), dan ma jfissirx li l-klawżoli li jirrigwardaw dawn l-ispejjeż jaqgħu awtomatikament taħt l-esklużjoni prevista fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13.
67 Fil-fatt, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punt 47 tas-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2015, Matei (C‑143/13, EU:C:2015:127), il-portata eżatta tal-kunċett ta’ “suġġett prinċipali” fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, ma tistax tiġi ddeterminata permezz tal-kunċett ta’ “spiża totali tal-kreditu għall-konsumatur”, fis-sens tal-Artikolu 3(g) tad-Direttiva 2008/48. Għalhekk, il-fatt li tipi differenti ta’ spejjeż huma inklużi fl-ispiża totali ta’ kreditu għall-konsum ma huwiex determinanti sabiex jiġi stabbilit li dawn l-ispejjeż jaqgħu taħt l-obbligi essenzjali tal-kuntratt ta’ kreditu kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, Profi Credit Polska, C‑84/19, C‑222/19 u C‑252/19, EU:C:2020:631, punt 69).
68 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżoli li jirrigwardaw servizzi anċillari għal kuntratt ta’ kreditu għall-konsum, li jagħtu lill-konsumatur li jixtri dawn is-servizzi prijorità fl-eżami tal-applikazzjoni tiegħu għal kreditu u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tas-somma mislufa kif ukoll il-possibbiltà ta’ differiment tal-ħlas lura tal-pagamenti mensili jew ta’ tnaqqis tal-ammont tagħhom, ma jaqgħux, bħala prinċipju, taħt is-suġġett prinċipali ta’ dan il-kuntratt, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u għalhekk għandhom ikunu suġġetti għall-evalwazzjoni dwar in-natura inġusta tagħhom.
Fuq il‑ħames domanda
69 Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-punt 1(o) tal-Anness ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li klawżola ta’ kuntratt ta’ kreditu għall-konsum li tippermetti lill-konsumatur ikkonċernat jiddiferixxi jew jagħmel bidla fil-pagamenti mensili tal-kreditu permezz tal-ħlas ta’ spejjeż addizzjonali, minkejja li ma huwiex ċert li dan il-konsumatur ser jagħmel użu minn din il-possibbiltà, hija ta’ natura inġusta.
70 L-Anness tad-Direttiva 93/13, li għalih jagħmel riferiment l-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva, jinkludi lista indikattiva u mhux eżawrjenti ta’ klawżoli li jistgħu jiġu ddikjarati bħala inġusti, li fosthom hemm, fil-punt 1(o) ta’ dan l-anness, dawk li għandhom bħala suġġett u bħala effett li jeħtieġu lill-konsumatur iwettaq l-obbligi tiegħu minkejja li l-bejjiegħ jew fornitur ma jeżegwix l-obbligi tiegħu.
71 Mill-formulazzjoni ta’ dan il-punt 1(o) jirriżulta li dan ma jkoprix klawżola ta’ kuntratt ta’ kreditu li tippermetti lill-konsumatur ikkonċernat jiddiferixxi jew jagħmel bidla fil-pagamenti mensili tal-kreditu permezz tal-ħlas ta’ spejjeż addizzjonali, sa fejn tali klawżola tipprevedi obbligu eventwali li l-bejjiegħ jew fornitur huwa, bħala prinċipju, obbligat jeżegwixxi, bħala korrispettiv għall-ispejjeż li jikkorrispondu għal flessibbiltà ikbar mogħtija lill-konsumatur fl-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt.
72 Madankollu, dan ma jfissirx li tali klawżola ma tistax titqies li hija inġusta, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, jekk din ma tkunx ġiet innegozjata individwalment u jekk, minkejja r-rekwiżit ta’ bona fide, tkun toħloq għad-detriment tal-konsumatur żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt.
73 Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk klawżola kuntrattwali partikolari hijiex inġusta jew le, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13 jipprevedi li n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali għandha tiġi evalwata b’teħid inkunsiderazzjoni tan-natura tal-oġġetti jew servizzi li huma s-suġġett tal-kuntratt u b’riferiment, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, għaċ-ċirkustanzi kollha eżistenti mal-konklużjoni tiegħu, kif ukoll tal-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu.
74 Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li, fl-evalwazzjoni tan-natura possibbilment inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi dwar il-klassifikazzjoni ta’ din il-klawżola skont iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni, u l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tislet mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 il-kriterji li l-qorti nazzjonali tista’ jew għandha tapplika matul l-eżami ta’ klawżoli kuntrattwali fir-rigward ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2020, A (Sullokazzjoni ta’ akkomodazzjoni soċjali), C‑738/19, EU:C:2020:687, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).
75 Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk il-klawżola li tippermetti lill-konsumatur ikkonċernat jiddiferixxi jew jagħmel bidla fil-pagamenti mensili tal-kreditu permezz tal-ħlas ta’ spejjeż addizzjonali, indipendentement mill-fatt jekk dan il-konsumatur ikunx effettivament għamel użu minn tali servizzi, għandhiex titqies li hija inġusta fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha eżistenti mal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu.
76 Għal dan l-għan, kemm in-natura trasparenti ta’ din il-klawżola, kif meħtieġ mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance, C‑609/19, EU:C:2021:469, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll il-marġni ta’ evalwazzjoni li għandha l-persuna li ssellef fil-kuntest ta’ talba għal bidla tal-pjan ta’ ħlas lura tal-kreditu jikkostitwixxu kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-imsemmija klawżola, u b’mod partikolari tal-eventwali żbilanċ kuntrattwali maħluq minnha.
77 F’dan l-aħħar rigward, hija wkoll il-qorti tar-rinviju li għandha tibbilanċja l-ammont tal-ispejjeż addizzjonali ġġenerati mill-akkwist tas-servizz ikkonċernat u l-ammont tas-self mogħti, billi tieħu inkunsiderazzjoni wkoll l-ispejjeż kollha marbuta mal-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, meta evalwazzjoni ekonomika ta’ natura kwantitattiva turi żbilanċ sinjifikattiv, dan jista’ jiġi kkonstatat mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu eżaminati elementi oħra. Fil-każ ta’ kuntratt ta’ kreditu, tali konstatazzjoni tista’ b’mod partikolari ssir jekk is-servizzi pprovduti bħala korrispettiv tal-ispejjeż esklużi l-interessi ma jaqgħux b’mod raġonevoli taħt is-servizzi mwettqa fil-kuntest tal-konklużjoni jew tal-ġestjoni ta’ dan il-kuntratt, jew jekk l-ammonti imposti fuq il-konsumatur bħala spejjeż ta’ għoti u ta’ ġestjoni ta’ self jidhru manifestament sproporzjonati meta mqabbla mal-ammont misluf (sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2023, Provident Polska, C‑321/22, EU:C:2023:911, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).
78 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola ta’ kuntratt ta’ kreditu għall-konsum li tippermetti lill-konsumatur ikkonċernat jiddiferixxi jew jagħmel bidla fil-pagamenti mensili tal-kreditu permezz tal-ħlas ta’ spejjeż addizzjonali, minkejja li ma jkunx ċert li dan il-konsumatur ser jagħmel użu minn din il-possibbiltà, tista’ tkun ta’ natura inġusta meta, b’mod partikolari, dawn l-ispejjeż ikunu manifestament sproporzjonati meta mqabbla mal-ammont tas-self mogħti.
Fuq is‑sitt domanda
79 Permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li konsumatur jiġi obbligat ibati parti mill-ispejjeż tal-proċedura meta, wara l-konstatazzjoni tan-nullità ta’ klawżola kuntrattwali minħabba n-natura inġusta tagħha, it-talba tiegħu għall-ħlas lura tal-ammonti li jkun ħallas indebitament skont din il-klawżola tintlaqa’ biss parzjalment.
80 B’mod partikolari, din il-qorti tistaqsi jekk l-interpretazzjoni li waslet għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 99 tas-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria (C‑224/19 u C‑259/19, EU:C:2020:578), tapplikax biss meta jkun impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli li tiġi ddeterminata l-portata tad-dritt ta’ konsumatur għall-ħlas lura ta’ somom li huwa jkun ħallas abbażi ta’ klawżola ddikjarata inġusta jew jekk din l-interpretazzjoni tapplikax ukoll fis-sitwazzjonijiet kollha li fihom it-talba tiegħu għall-ħlas lura ta’ dawn is-somom tintlaqa’ biss parzjalment.
81 Skont l-imsemmija qorti, jekk hija ma tilqax kompletament it-talba ta’ S.R.G., billi tiddeċiedi jew li l-klawżoli li jirrigwardaw is-servizzi anċillari inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu taħt is-suġġett prinċipali tal-kuntratt, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, jew li l-ispejjeż relatati ma’ dawn is-servizzi ma għandhomx jiġu inklużi fir-RPAI skont id-Direttiva 2008/48, jew li t-talba dwar id-dekadenza tal-persuna li ssellef tad-dritt tagħha għall-interessi u għall-ispejjeż għandha tintlaqa’ biss parzjalment, hija għandha wkoll tiddeċiedi dwar it-tqassim tal-ispejjeż, skont l-Artikolu 78 tal-GPK.
82 Għandu jitfakkar li t-tqassim tal-ispejjeż ta’ proċedura ġudizzjarja quddiem il-qrati nazzjonali jaqa’ taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Servicios prescriptor y medios de pagos EFC, C‑215/21, EU:C:2022:723, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).
83 Għalkemm il-prinċipju ta’ effettività ma jipprekludix, b’mod ġenerali, li l-konsumatur ibati ċerti spejjeż legali meta jippreżenta rikors intiż sabiex tiġi kkonstatata n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali (sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Caixabank, C‑385/20, EU:C:2022:278, punt 51), għandu jiġi osservat ukoll li d-Direttiva 93/13 tagħti lill-konsumatur dritt li jadixxi qorti sabiex tiġi kkonstatata n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali u sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tagħha, dritt li n-natura effettiva tiegħu għandha tiġi ppreżervata. Għaldaqstant, is-sistema ta’ tqassim tal-ispejjeż ta’ tali proċedura ma għandhiex tiddisswadi lill-konsumatur milli jeżerċita dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Servicios prescriptor y medios de pagos EFC, C‑215/21, EU:C:2022:723, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).
84 Fil-punt 99 tas-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria (C‑224/19 u C‑259/19, EU:C:2020:578), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 kif ukoll il-prinċipju ta’ effettività għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu sistema li tippermetti li parti mill-ispejjeż proċedurali tiġi imposta fuq il-konsumatur skont l-ammont tas-somom imħallsa indebitament li jitħallsu lura lilu wara l-konstatazzjoni tan-nullità ta’ klawżola kuntrattwali minħabba n-natura inġusta tagħha, peress li tali sistema toħloq ostakolu sostanzjali li jista’ jiskoraġġixxi lill-konsumaturi milli jeżerċitaw id-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli kuntrattwali kif stabbilit mid-Direttiva 93/13.
85 Is-sistema proċedurali tal-intaxxar tal-ispejjeż ikkonċernata mill-kawża li tat lok għal din is-sentenza, kienet tippermetti, kif jirriżulta mill-punt 94 ta’ din tal-aħħar, li ma jiġix ikkundannat il-bejjiegħ jew fornitur għall-ispejjeż kollha meta tintlaqa’ kompletament l-azzjoni għal nullità ta’ klawżola kuntrattwali inġusta mressqa minn konsumatur, iżda meta tintlaqa’ biss parzjalment l-azzjoni għall-ħlas lura tas-somom imħallsa skont din il-klawżola.
86 Mill-ġurisprudenza li tirriżulta mill-imsemmija sentenza jirriżulta li, fis-sitwazzjoni li fiha t-talbiet li jirrigwardaw l-annullament ta’ klawżola kuntrattwali minħabba n-natura inġusta tagħha huma kompletament ammessi, is-sempliċi fatt li l-ħlas lura tas-somom imħallsa b’applikazzjoni ta’ din il-klawżola huwa biss parzjali, minħabba l-eżistenza ta’ prattika kontradittorja ta’ natura li tipprekludi lill-konsumatur milli jikkwantifika korrettament it-talba tiegħu għall-ħlas lura ta’ dawn is-somom, ma jippermettix li parti mill-ispejjeż proċedurali tiġi imposta fuqu, skont l-ammont tas-somom imħallsa indebitament li jitħallsu lura lilu.
87 Konsegwentement, ma jistax jiġi eskluż li konsumatur jista’ jkollu jbati parti mill-ispejjeż li huwa jkun sostna sabiex jippreżenta azzjoni intiża sabiex tiġi kkonstatata n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali fil-każ ta’ ammissjoni parzjali, wara l-konstatazzjoni tan-nullità ta’ din il-klawżola, tat-talba tiegħu għall-ħlas lura tas-somom li jkun ħallas indebitament bis-saħħa ta’ din tal-aħħar, b’mod partikolari, meta dan il-konsumatur jeżerċita d-drittijiet tiegħu għal ħlas lura b’mala fide. Madankollu, jekk, wara li tintlaqa’ l-azzjoni għal nullità, tintlaqa’ biss parzjalment it-talba għal ħlas lura, minħabba li fil-prattika huwa impossibbli jew eċċessivament diffiċli, għall-imsemmi konsumatur, li tiġi ddeterminata l-portata tad-dritt tiegħu għall-ħlas lura ta’ dawn is-somom, sistema proċedurali li permezz tagħha l-istess konsumatur għandu jbati parti mill-ispejjeż relatati ma’ tali proċedura tista’ tiddisswadih milli jeżerċita d-drittijiet mogħtija lilu mid-Direttiva 93/13.
88 Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għas-sitt domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li konsumatur jiġi obbligat ibati parti mill-ispejjeż proċedurali meta, wara l-konstatazzjoni tan-nullità ta’ klawżola kuntrattwali minħabba n-natura inġusta tagħha, tintlaqa’ biss parzjalment it-talba tiegħu għall-ħlas lura ta’ somom li huwa ħallas indebitament skont din il-klawżola, minħabba li fil-prattika huwa impossibbli jew eċċessivament diffiċli li tiġi ddeterminata l-portata tad-dritt ta’ dan il-konsumatur għall-ħlas lura ta’ dawn is-somom.
Fuq l‑ispejjeż
89 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikolu 3(g) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
l-ispejjeż relatati ma’ servizzi anċillari għal kuntratt ta’ kreditu għall-konsum, li jagħtu lill-konsumatur li jixtri dawn is-servizzi prijorità fl-eżami tal-applikazzjoni tiegħu għal kreditu u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tas-somma mislufa kif ukoll il-possibbiltà ta’ differiment tal-ħlas lura tal-pagamenti mensili jew ta’ tnaqqis tal-ammont tagħhom, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “spiża totali tal-kreditu għall-konsumatur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u, konsegwentement, taħt dak ta’ “RPAI”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 3(i), meta l-akkwist tal-imsemmija servizzi jkun obbligatorju għall-kisba tal-kreditu kkonċernat jew meta dawn jikkostitwixxu skema intiża sabiex taħbi l-ispiża reali ta’ dan il-kreditu.
2) L-Artikolu 10(2)(g) u l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48
għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
ma jipprekludux li, meta kuntratt ta’ kreditu għall-konsum ma jsemmix rata ta’ imposta perċentwali fis-sena li tinkludi l-ispejjeż kollha previsti fl-Artikolu 3(g) ta’ din id-direttiva, dan il-kuntratt jitqies eżenti mill-interessi u mill-ispejjeż, b’tali mod li l-annullament tiegħu jwassal biss għar-restituzzjoni, mill-konsumatur ikkonċernat, tal-kapital misluf.
3) L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
klawżoli li jirrigwardaw servizzi anċillari għal kuntratt ta’ kreditu għall-konsum, li jagħtu lill-konsumatur li jixtri dawn is-servizzi prijorità fl-eżami tal-applikazzjoni tiegħu għal kreditu u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tas-somma mislufa kif ukoll il-possibbiltà ta’ differiment tal-ħlas lura tal-pagamenti mensili jew ta’ tnaqqis tal-ammont tagħhom, ma jaqgħux, bħala prinċipju, taħt is-suġġett prinċipali ta’ dan il-kuntratt, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u għalhekk għandhom ikunu suġġetti għall-evalwazzjoni dwar in-natura inġusta tagħhom.
4) L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
klawżola ta’ kuntratt ta’ kreditu għall-konsum li tippermetti lill-konsumatur ikkonċernat jiddiferixxi jew jagħmel bidla fil-pagamenti mensili tal-kreditu permezz tal-ħlas ta’ spejjeż addizzjonali, minkejja li ma jkunx ċert li dan il-konsumatur ser jagħmel użu minn din il-possibbiltà, tista’ tkun ta’ natura inġusta, meta, b’mod partikolari, dawn l-ispejjeż ikunu manifestament sproporzjonati meta mqabbla mal-ammont tas-self mogħti.
5) L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività,
għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li konsumatur jiġi obbligat ibati parti mill-ispejjeż proċedurali, meta, wara l-konstatazzjoni tan-nullità ta’ klawżola kuntrattwali minħabba n-natura inġusta tagħha, tintlaqa’ biss parzjalment it-talba tiegħu għall-ħlas lura ta’ somom li huwa ħallas indebitament skont din il-klawżola, minħabba li fil-prattika huwa impossibbli jew eċċessivament diffiċli li tiġi ddeterminata l-portata tad-dritt ta’ dan il-konsumatur għall-ħlas lura ta’ dawn is-somom.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.