Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0645

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tat-12 ta’ Ottubru 2023.
    R. A. et vs "Luminor Bank AS".
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Effetti tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawsola – Rieda tal-konsumatur li l-kuntratt jinżamm billi jiġu emendati l-klawżoli ddikjarati inġusti – Setgħat tal-qorti nazzjonali.
    Kawża C-645/22.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:774

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

    12 ta’ Ottubru 2023 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Effetti tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawsola – Rieda tal-konsumatur li l-kuntratt jinżamm billi jiġu emendati l-klawżoli ddikjarati inġusti – Setgħat tal-qorti nazzjonali”

    Fil-Kawża C‑645/22,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema, il-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Ottubru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ Ottubru 2022, fil-proċedura

    R. A. et

    vs

    Luminor Bank AS“, li topera permezz tal-fergħa Litwana, „Luminor Bank AS“,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

    komposta minn O. Spineanu-Matei (Relatriċi), Presidenta ta’ Awla, S. Rodin u L. S. Rossi, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal „Luminor Bank AS“, li topera permezz tal-fergħa Litwana, „Luminor Bank AS“, minn K. Karpickis, A. Klezys, avukati, u A. Sovaitė,

    għall-Gvern Litwan, minn K. Dieninis, S. Grigonis u V. Kazlauskaitė-Švenčionienė, bħala aġenti,

    għall-Gvern Portugiż, minn P. Barros da Costa, A. Cunha, I. Gameiro u L. Medeiros, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Jokubauskaitė u N. Ruiz García, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1), u tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU L 17, 19.1.2023, p. 100).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn R. A. et u Luminor Bank AS, li topera permezz tal-fergħa Litwana, “Luminor Bank AS”, dwar in-natura inġusta ta’ klawżoli li jinsabu f’diversi kuntratti ta’ self konklużi bejn dawn il-partijiet u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnhom.

    Il‑kuntest ġuridiku

    Id‑dritt tal‑Unjoni

    3

    Il-wieħed u għoxrin u l-erbgħa u għoxrin premessa tad-Direttiva 93/13 huma fformulati kif ġej:

    “Billi l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jintużawx klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi ma’ konsumaturi minn bejjiegħ jew fornitur […] […]

    […]

    Billi l-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri għandu jkollhom għad-disposizzjoni tagħhom mezz adegwat u effettiv biex jipprevenu li jkomplu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti tal-konsumaturi”.

    4

    Skont l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva:

    “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

    5

    L-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

    “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

    Id‑dritt Litwan

    6

    L-Artikolu 6.2284(8) tal-Lietuvos Respublikos civilinis kodeksas (il-Kodiċi Ċivili tar-Repubblika tal-Litwanja) jipprovdi:

    “Meta l-qorti tiddikjara klawżola (klawżoli) kuntrattwali inġusta (inġusti), din il-klawżola (dawn il-klawżoli) hija nulla sa mill-konklużjoni tal-kuntratt, iżda l-klawżoli li jifdal tal-kuntratt jibqgħu obbligatorji għall-partijiet, jekk ikun possibbli li titkompla l-eżekuzzjoni tal-kuntratt wara l-annullament tal-klawżoli inġusti.”

    7

    L-Artikolu 353(1) u (2) tal-Lietuvos Respublikos civilinio proceso kodeksas (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili tar-Repubblika tal-Litwanja) jipprevedi:

    “1.   Il-Qorti ta’ kassazzjoni għandha tistħarreġ, fil-limiti tal-appell ta’ kassazzjoni, is-sentenza, id-deċiżjoni jew id-digriet ikkontestat mill-perspettiva tal-applikazzjoni tad-dritt. Il-Qorti ta’ kassazzjoni hija marbuta bil-konstatazzjonijiet ta’ fatt magħmula mill-qrati tal-ewwel u tat-tieni istanza.

    2.   Il-Qorti tista’ toħroġ mil-limiti tal-appell ta’ kassazzjoni meta l-interess pubbliku jeżiġi dan u meta, jekk ma jagħmilx hekk, jiġu ppreġudikati d-drittijiet u l-interessi leġittimi ta’ persuna, tas-soċjetà jew tal-Istat. […]”

    Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

    8

    Matul is-sena 2008, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkonkludew diversi kuntratti ta’ self iddenominati fi franki Svizzeri (iktar ’il quddiem il-“kuntratti kontenzjużi”) mal-konvenuta fil-kawża prinċipali, li permezz tagħhom huma ssellfu mingħand din tal-aħħar somma ta’ flus fi franki Svizzeri, ikkonvertew fi franki Svizzeri self eżistenti, iddenominat f’euro jew f’litas Litwani, jew iffinanzjaw mill-ġdid self li huma kellhom, f’munita li ma hijiex franki Svizzeri, mingħand istituzzjonijiet ta’ kreditu oħrajn. Is-self hekk mogħti kellu jiġi rrimborsat fi franki Svizzeri. Minħabba deprezzament sinjifikattiv tal-litas Litwani meta mqabbel mal-franki Svizzeri, l-ammont li kellu jiġi rrimborsat kważi rdoppja mill-konklużjoni ta’ dawn il-kuntratti.

    9

    Matul is-sena 2017, peress li qiesu li ċerti klawżoli tal-imsemmija kuntratti kienu inġusti, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali adixxew lill-Vilniaus apygardos teismas (il-Qorti Reġjonali ta’ Vilnjus, il-Litwanja) b’talba intiża, b’mod partikolari, biex il-franki Svizzeri jiġi ssostitwit bl-euro, billi tittieħed inkunsiderazzjoni r-rata tal-kambju applikabbli fid-data tal-għoti tas-self ikkonċernat, kif ukoll biex jiġu kkalkolati mill-ġdid f’euro l-ħlasijiet magħmula fi franki Svizzeri bħala rimbors tal-kreditu (kapital u interessi), filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni r-rata tal-kambju applikabbli fid-data ta’ dawn il-ħlasijiet.

    10

    Permezz ta’ sentenza ta’ din il-qorti tal‑20 ta’ Novembru 2018, ikkonfermata fl-appell fil‑5 ta’ Mejju 2020 permezz ta’ sentenza tal-Lietuvos apeliacinis teismas (il-Qorti tal-Appell tal-Litwanja), it-talba tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ġiet miċħuda.

    11

    Dawn appellaw fil-kassazzjoni quddiem il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja). Permezz ta’ sentenza tal‑14 ta’ April 2021, din il-qorti rrinvijat il-kawża quddiem il-Lietuvos apeliacinis teismas (il-Qorti tal-Appell tal-Litwanja) sabiex isir eżami ġdid tan-natura inġusta tal-klawżoli kkonċernati tal-kuntratti kontenzjużi. Skont il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja), il-fatt li l-konvenuta fil-kawża prinċipali ssodisfat l-obbligu tagħha ta’ informazzjoni dwar ir-riskju tal-evoluzzjoni tar-rata tal-kambju tal-frank Svizzeru ma kienx ifisser li l-qorti ma kellhiex l-obbligu li teżamina jekk dawn il-klawżoli kinux ta’ natura inġusta.

    12

    Permezz ta’ digriet tal‑4 ta’ Mejju 2021, il-Lietuvos apeliacinis teismas (il-Qorti tal-Appell tal-Litwanja) ordnat lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jesprimu ruħhom dwar il-mod kif il-klawżoli kkonċernati tal-kuntratti kontenzjużi għandhom, fil-fehma tagħhom, jiġu emendati fil-każ ta’ konstatazzjoni tan-natura inġusta tagħhom. Dawn indikaw li kienu qegħdin jitolbu l-emenda ta’ dawn il-klawżoli skont l-att promotur, jiġifieri, essenzjalment, permezz tas-sostituzzjoni tal-franki Svizzeri bl-Euro, bir-rata tal-kambju applikabbli fid-data tal-għoti tas-self ikkonċernat. Min-naħa l-oħra, il-konvenuta fil-kawża prinċipali opponiet il-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-imsemmija klawżoli kif ukoll l-emenda tagħhom, fl-assenza ta’ regoli supplimentari fl-ordinament ġuridiku Litwan.

    13

    Permezz ta’ sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, il-Lietuvos apeliacinis teismas (il-Qorti tal-Appell tal-Litwanja) iddikjarat inġusti l-klawżoli tal-kuntratti kontenzjużi dwar il-munita li fiha kien ifformulat is-self ikkonċernat, minħabba li dawn ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ trasparenza, u emendat dawn il-kuntratti bħala li huma ddenominati f’euro, bir-rata tal-kambju applikabbli fid-data tal-għoti ta’ dan is-self, billi ssostitwixxiet l-indiċi ta’ riferiment li jinsab fl-imsemmija kuntratti, jiġifieri l-LIBOR CHF, mill-Euribor. Skont din il-qorti, tali soluzzjoni kienet konformi mal-prinċipji ta’ ekwità, ta’ bona fide u ta’ raġuni kif ukoll mal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 93/13.

    14

    Il-konvenuta fil-kawża prinċipali ppreżentat quddiem il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja), il-qorti tar-rinviju, appell fil-kassazzjoni kontra din is-sentenza, fejn sostniet li l-Lietuvos apeliacinis teismas (il-Qorti tal-Appell tal-Litwanja) kienet ikklassifikat b’mod żbaljat il-klawżoli kkonċernati tal-kuntratti kontenzjużi bħala “inġusti” u li din l-aħħar qorti ma kellhiex raġun temenda dawn il-klawżoli peress li fid-dritt Litwan ma kinux jeżistu dispożizzjonijiet ta’ natura supplimentari li jistgħu jissostitwixxu l-imsemmija klawżoli u li l-emenda ta’ dawn tal-aħħar abbażi tal-prinċipji ta’ ekwità, ta’ bona fide u ta’ raġuni kienet ipprojbita mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13.

    15

    Permezz ta’ sentenza parzjali tal‑25 ta’ Awwissu 2022, il-qorti tar-rinviju żammet is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021 tal-Lietuvos apeliacinis teismas (il-Qorti tal-Appell tal-Litwanja) sa fejn din kienet tikklassifika l-klawżoli kkonċernati tal-kuntratti inkwistjoni bħala “inġusti” u fetħet mill-ġdid il-proċedura fir-rigward tal-emenda ta’ dawn il-kuntratti magħmula minn din l-aħħar qorti.

    16

    Quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li, minħabba l-passività tal-konvenuta fil-kawża prinċipali, ma seta’ jintlaħaq ebda ftehim dwar emenda eventwali tal-klawżoli ddikjarati inġusti. Huma jsostnu wkoll li ma jaċċettawx iż-żamma ta’ dawn il-klawżoli u jitolbu, prinċipalment, l-emenda tal-kuntratti kontenzjużi bil-mod indikat fl-att promotur. Madankollu, għalkemm tqies li ma teżistix bażi legali biex issir tali emenda, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jitolbu l-annullament ta’ dawn il-kuntratti u r-restituzzjoni tas-servizzi mwettqa abbażi tagħhom. Il-konvenuta fil-kawża prinċipali titlob li l-imsemmija kuntratti jiġu ddikjarati nulli ex nunc.

    17

    Din il-qorti tistaqsi dwar il-konsegwenzi tal-klassifikazzjoni tal-klawżoli kkonċernati tal-kuntratti kontenzjużi bħala “inġusti”, peress li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbu li dawn il-kuntratti jinżammu fis-seħħ u li dawn il-klawżoli jiġu emendati. F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tindika li, f’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li l-imsemmija kuntratti ma jistgħux jibqgħu jeżistu mingħajr l-imsemmija klawżoli. L-imsemmija qorti tosserva li l-Lietuvos apeliacinis teismas (il-Qorti tal-Appell tal-Litwanja) ma eżaminatx il-kwistjoni dwar jekk annullament eventwali tal-kuntratti kontenzjużi kienx ser iwassal għal konsegwenzi partikolarment dannużi għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Skont il-qorti tar-rinviju, in-nuqqas ta’ tali eżami huwa spjegat mill-fatt li l-att promotur ma kienx intiż għall-annullament ta’ dawn il-kuntratti, iżda biss għall-emenda tagħhom, u li l-Artikolu 265(2) u l-Artikolu 320(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili tar-Repubblika tal-Litwanja jipprojbixxu rispettivament lill-qorti tal-ewwel istanza u lill-qorti tal-appell milli jaqbżu l-limiti tat-talbiet li jitressqu quddiemhom.

    18

    Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, dwar jekk il-qorti tal-appell setgħetx tipproċedi għall-emenda tal-kuntratti kontenzjużi mingħajr ma teżamina minn qabel jekk l-annullament ta’ dawn il-kuntratti kienx iwassal għal konsegwenzi partikolarment dannużi għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Skont din il-qorti, ir-risposta għal din id-domanda tiddependi mill-valur li għandu jingħata lir-rieda tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li l-imsemmija kuntratti jinżammu billi jiġu emendati l-klawżoli inġusti tagħhom.

    19

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fit-tieni lok, jekk ir-risposta għad-domanda msemmija tiddependix fuq dik dwar jekk il-qorti nazzjonali għandhiex il-possibbiltà li tissostitwixxi klawżola inġusta b’dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali ta’ natura supplimentari jew b’dispożizzjoni li tkun applikabbli fil-każ ta’ ftehim tal-partijiet fil-kuntratt ikkonċernat.

    20

    Din il-qorti tqis li r-risposti għal dawn iż-żewġ domandi jistgħu jkunu fl-affermattiv. Għalhekk, minn naħa, risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda tkun konformi mal-għan tad-Direttiva 93/13, li huwa intiż b’mod partikolari biex jistabbilixxi mill-ġdid il-bilanċ bejn il-partijiet, filwaqt li tinżamm, bħala prinċipju, il-validità tal-kuntratt kollu, u mhux li jiġu annullati l-kuntratti kollha li jkun fihom klawżoli inġusti (sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2012, Pereničová u Perenič, C‑453/10, EU:C:2012:144, punt 31). Min-naħa l-oħra, it-tieni domanda tista’ wkoll tingħata risposta fl-affermattiv, peress li, jekk teżisti l-possibbiltà li klawżola inġusta tiġi ssostitwita b’dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ta’ natura supplimentari jew b’dispożizzjoni applikabbli fil-każ ta’ kunsens tal-partijiet fil-kuntratt ikkonċernat, u jekk il-konsumatur jitlob li dan il-kuntratt jinżamm billi jemenda din il-klawżola inġusta, il-qorti nazzjonali għandha tkun tista’ tiddeċiedi l-kwistjoni ta’ emenda tal-imsemmija klawżola mingħajr ma teżamina minn qabel il-konsegwenzi tal-annullament tal-imsemmi kuntratt fl-intier tiegħu.

    21

    Min-naħa l-oħra, l-imsemmija qorti tqis li, meta d-dritt nazzjonali ma jinkludix dispożizzjoni ta’ natura supplimentari xierqa u meta l-partijiet ma jaslux għal tali ftehim, il-qorti għandha, indipendentement mir-rieda espressa mill-konsumatur, tiddeċiedi dwar l-annullament tal-kuntratt ikkonċernat kollu kemm hu, ħlief fil-każ fejn il-konsumatur ikun esprima x-xewqa li jinżammu l-klawżoli inġusti. B’dan il-mod, il-qorti għandha tieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex tipproteġi lill-konsumatur mill-konsegwenzi partikolarment dannużi li jirriżultaw minn dan l-annullament.

    22

    Peress li, f’dan il-każ, id-dritt Litwan ma jinkludix dispożizzjoni ta’ natura supplimentari li tista’ tissostitwixxi l-klawżoli tal-kuntratti kontenzjużi ddikjarati inġusti u peress li l-partijiet ma waslux għal ftehim dwar dispożizzjoni applikabbli, ir-rieda espressa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali li dawn il-kuntratti jinżammu u li dawn il-klawżoli jiġu emendati ma tistax tipprekludi lill-qorti milli tiddeċiedi dwar l-annullament tal-imsemmija kuntratti.

    23

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “1.

    L-Artikoli 6(1) u 7(1) tad-Direttiva [93/13] jistgħu jiġu interpretati fis-sens li, f’każijiet fejn il-konsumatur jesprimi r-rieda tiegħu li jżomm il-kuntratt fis-seħħ billi jissostitwixxi klawżola inġusta li tinsab fih, il-qorti, li tiddeċiedi li l-kuntratt ma jistax jibqa’ validu wara t-tneħħija tal-klawżola inġusta, tista’ tiddeċiedi dwar il-kwistjoni li tiġi ssostitwita l-klawżola inġusta mingħajr ma l-ewwel tevalwa l-possibbiltà li tannulla l-kuntratt fl-intier tiegħu?

    2.

    Ir-risposta għall-ewwel domanda tiddependi fuq jekk il-qorti nazzjonali għandhiex il-possibbiltà li tissostitwixxi l-klawżola inġusta li tinsab fil-kuntratt b’dispożizzjoni addizzjonali jew b’dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali applikata bi ftehim reċiproku bejn il-partijiet fil-kuntratt inkwistjoni?”

    Fuq id‑domandi preliminari

    24

    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, għalkemm il-qorti tar-rinviju titlob l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, hija tistaqsi dwar il-konsegwenzi tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali. Konsegwentement, fid-dawl tal-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju, id-domandi magħmula għandhom jinftiehmu bħala li jirreferu biss għal dan l-Artikolu 6(1).

    25

    Għalhekk, għandu jitqies li, permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li, meta qorti nazzjonali tkun ikkonstatat l-impossibbiltà li jinżamm kuntratt wara t-tneħħija ta’ klawżola inġusta u meta l-konsumatur ikkonċernat jesprimi r-rieda li dan il-kuntratt jinżamm billi tiġi emendata din il-klawżola, din il-qorti tkun tista’ tiddeċiedi dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu sabiex il-bilanċ reali bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fl-imsemmi kuntratt jerġa’ jiġi stabbilit, mingħajr ma jiġu eżaminati minn qabel il-konsegwenzi ta’ annullament tal-istess kuntratt fl-intier tiegħu. Barra minn hekk, din il-qorti tistaqsi jekk il-fatt li l-imsemmija qorti għandha l-possibbiltà li tissostitwixxi l-imsemmija klawżola b’dispożizzjoni ta’ dritt intern ta’ natura supplimentari jew b’dispożizzjoni applikabbli fil-każ ta’ ftehim ta’ dawn il-partijiet għandux effett f’dan ir-rigward.

    26

    Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola li tinsab f’kuntratt għandha tippermetti li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni fid-dritt u fil-fatt li kienet tkun dik tal-konsumatur fl-assenza ta’ din il-klawżola inġusta (sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, D.V. (Onorarji ta’ avukat – Prinċipju ta’ rata fis-siegħa), C‑395/21, EU:C:2023:14, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    27

    Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, hija l-qorti nazzjonali li għandha teskludi l-applikazzjoni tal-klawżoli inġusti, sabiex dawn ma jipproduċux effetti vinkolanti fil-konfront tal-konsumatur, sakemm il-konsumatur ma jopponix dan. Madankollu, il-kuntratt għandu jibqa’ japplika, bħala prinċipju, mingħajr ebda bidla oħra ħlief dik li tirriżulta mit-tneħħija tal-klawżoli inġusti, sa fejn, skont ir-regoli tad-dritt intern, tali tkomplija tal-kuntratt tkun legalment possibbli (sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, D.V. (Onorarji ta’ avukat – Prinċipju ta’ rata fis-siegħa), C‑395/21, EU:C:2023:14, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    28

    Għalhekk, il-qorti nazzjonali ma hijiex obbligata teskludi l-applikazzjoni ta’ klawżola inġusta jekk il-konsumatur, wara li jkun ġie avżat minn din il-qorti, ikollu l-intenzjoni li ma jinvokax in-natura inġusta u mhux vinkolanti tagħha, u b’hekk jagħti kunsens liberu u informat għal din il-klawżola (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Dziubak, C‑260/18, EU:C:2019:819, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    29

    Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sa fejn is-sistema ta’ protezzjoni offruta mid-Direttiva 93/13 ma tapplikax jekk il-konsumatur jopponi dan, dan għandu a fortiori jkollu d-dritt li jopponi li, b’applikazzjoni ta’ din is-sistema, ikun protett kontra l-konsegwenzi dannużi kkawżati mill-annullament tal-kuntratt kollu kemm hu meta ma jkunx jixtieq jinvoka din il-protezzjoni (sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Dziubak, C‑260/18, EU:C:2019:819, punt 55).

    30

    Min-naħa l-oħra, meta l-konsumatur jesprimi r-rieda li jinvoka l-protezzjoni offruta mid-Direttiva 93/13, il-qorti nazzjonali għandha teżamina jekk, fid-dawl tal-kriterji previsti mid-dritt nazzjonali, il-kuntratt jistax jibqa’ jeżisti mingħajr ebda emenda oħra ħlief dik li tirriżulta mit-tħassir tal-klawżola inġusta kkonċernata.

    31

    Dan l-eżami tal-possibbiltà li kuntratt jissussisti mingħajr il-klawżola inġusta kkonċernata jikkostitwixxi eżami oġġettiv li għandu jsir mill-qorti nazzjonali fid-dawl tar-regoli tad-dritt nazzjonali u indipendentement mill-fatt li l-konsumatur jesprimi r-rieda li dan il-kuntratt jinżamm (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Dziubak, C‑260/18, EU:C:2019:819, punti 39 sa 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    32

    Fil-każ fejn, skont ir-regoli rilevanti tad-dritt intern, il-kuntratt ma jkunx jista’ jibqa’ applikabbli wara t-tneħħija tal-klawżola inġusta kkonċernata, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 ma jipprekludix l-annullament tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, D.V. (Onorarji ta’ avukat – Prinċipju ta’ rata fis-siegħa), C‑395/21, EU:C:2023:14, punt 59).

    33

    Huwa biss fil-każ fejn l-annullament tal-kuntratt kollu kemm hu jesponi lill-konsumatur għal konsegwenzi partikolarment dannużi, bħal li jqiegħdu lil dan tal-aħħar f’sitwazzjoni ta’ inċertezza legali, iżda li ma jistgħux jitnaqqsu biss għal konsegwenzi ta’ natura purament pekunjarja, li l-qorti nazzjonali għandha l-possibbiltà eċċezzjonali li tissostitwixxi klawżola inġusta annullata b’dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ta’ natura supplimentari jew b’dispożizzjoni applikabbli fil-każ ta’ ftehim tal-partijiet fil-kuntratt inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, D.V. (Onorarji ta’ avukat – Prinċipju ta’ rata fis-siegħa), C‑395/21, EU:C:2023:14, punti 60 sa 62).

    34

    Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, meta ma tkun teżisti ebda dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ta’ natura supplimentari jew dispożizzjoni applikabbli fil-każ ta’ ftehim tal-partijiet fil-kuntratt li tista’ tissostitwixxi l-klawżoli inġusti kkonċernati u meta l-annullament tal-kuntratt jesponi lill-konsumatur għal konsegwenzi partikolarment dannużi, il-qorti nazzjonali għandha tieħu, billi tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu tagħha, il-miżuri kollha neċessarji sabiex tipproteġi lill-konsumatur minn dawn il-konsegwenzi u b’hekk tistabbilixxi mill-ġdid il-bilanċ reali bejn id-drittijiet u l-obbligi reċiproċi tal-partijiet kontraenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2020, Banca B., C‑269/19, EU:C:2020:954, punt 41).

    35

    Il-miżuri li jistgħu jiġu adottati mill-qorti nazzjonali fil-każ ta’ konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li t-tneħħija tagħha twassal għall-annullament tal-kuntratt li hija tagħmel parti minnu ma għandhomx natura eżawrjenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2020, Banca B., C‑269/19, EU:C:2020:954, punt 40), mingħajr preġudizzju għall-impossibbiltà, għall-qorti nazzjonali, li tikkompleta dan il-kuntratt billi tirrevedi l-kontenut ta’ din il-klawżola (sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 2019, Abanca Corporación Bancaria u Bankia, C‑70/17 u C‑179/17, EU:C:2019:250, punt 53, kif ukoll tat‑12 ta’ Jannar 2023, D.V. (Onorarji ta’ avukat – Prinċipju ta’ rata fis-siegħa), C‑395/21, EU:C:2023:14, punt 65).

    36

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprekludi li jiġu rrimedjati l-lakuni ta’ kuntratt, ikkawżati mit-tneħħija ta’ klawżoli inġusti li jinsabu fih, fuq il-bażi biss ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ natura ġenerali li jipprovdu li l-effetti espressi f’att legali għandhom jiġu kkompletati, b’mod partikolari, mill-effetti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ ekwità jew mill-użanzi, li ma humiex dispożizzjonijiet supplimentari u lanqas dispożizzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ ftehim tal-partijiet fil-kuntratt (sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Dziubak, C‑260/18, EU:C:2019:819, punt 62).

    37

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, minn naħa, ir-rieda espressa mill-konsumatur li jinvoka l-protezzjoni offruta mid-Direttiva 93/13 u li jinżamm kuntratt hija mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-qorti nazzjonali li teżamina, skont approċċ oġġettiv u fid-dawl tar-regoli tad-dritt nazzjonali, jekk dan il-kuntratt jistax jibqa’ fis-seħħ wara t-tneħħija tal-klawżola inġusta kkonċernata.

    38

    Min-naħa l-oħra, meta tkun ikkonstatat l-impossibbiltà li jinżamm kuntratt wara t-tneħħija ta’ tali klawżola inġusta, din il-qorti ma tistax tissostitwixxi din il-klawżola b’dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ta’ natura supplimentari jew b’dispożizzjoni applikabbli fil-każ ta’ qbil tal-partijiet f’dan il-kuntratt jew, jekk dan id-dritt ma jipprevedix tali dispożizzjonijiet, tadotta miżuri oħra sabiex jiġi stabbilit mill-ġdid il-bilanċ reali bejn id-drittijiet u l-obbligi ta’ dawn il-partijiet, mingħajr ma teżamina u tikkonstata minn qabel li l-invalidazzjoni tal-imsemmi kuntratt kollu kemm hu tesponi lill-konsumatur ikkonċernat għal konsegwenzi partikolarment dannużi.

    39

    F’dan il-każ, il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja) hija adita b’appell ta’ kassazzjoni minn sentenza tal-Lietuvos apeliacinis teismas (il-Qorti tal-Appell tal-Litwanja) li permezz tagħha din il-qorti tal-aħħar, wara li kkonstatat in-natura inġusta ta’ klawżoli li jaqgħu taħt is-suġġett prinċipali tal-kuntratti kontenzjużi, jiġifieri dawk li jirrigwardaw il-munita li fiha kien iddenominat is-self ikkonċernat, laqgħet it-talba tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u emendat dawn il-kuntratti, mingħajr ma eżaminat minn qabel il-konsegwenzi, għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ta’ eventwali annullament tal-imsemmija kuntratti. Il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja) ikkonfermat is-sentenza appellata fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ dawn il-klawżoli bħala “inġusti”. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-konsegwenzi ta’ din il-klassifikazzjoni, din l-aħħar qorti tistaqsi dwar jekk il-qorti tal-appell setgħetx tilqa’ t-talba tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li l-kuntratti kontenzjużi jinżammu billi jiġu emendati l-imsemmija klawżoli mingħajr ma jiġi eżaminat preliminarjament jekk dan l-annullament kellux konsegwenzi partikolarment dannużi għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

    40

    Issa, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punti 26 sa 38 ta’ din is-sentenza, fil-każ fejn ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandhom l-intenzjoni li jinvokaw il-protezzjoni offruta mid-Direttiva 93/13 u fejn, fir-rigward tad-dritt nazzjonali, il-kuntratti kontenzjużi ma jistgħux jibqgħu jeżistu wara t-tneħħija tal-klawżoli inġusti kkonċernati, l-eżami tal-konsegwenzi li jirriżultaw mill-annullament ta’ dawn il-kuntratti jikkostitwixxi obbligu impost fuq il-qorti nazzjonali, indipendenti mir-rieda espressa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali li l-imsemmija kuntratti jinżammu billi jiġu emendati dawn il-klawżoli. Fil-fatt, huwa biss jekk dawn il-konsegwenzi jilħqu livell ta’ gravità tali li jistgħu jiġu kklassifikati bħala “partikolarment dannużi” għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li din il-qorti għandha, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet ta’ natura supplimentari jew ta’ dispożizzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ ftehim tal-partijiet fil-kuntratti kontenzjużi, tieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex tipproteġi lill-konsumatur mill-imsemmija konsegwenzi u li għandha tistabbilixxi mill-ġdid il-bilanċ reali bejn id-drittijiet u l-obbligi ta’ dawn il-partijiet, mingħajr preġudizzju għall-impossibbiltà, għall-imsemmija qorti, li tikkompleta dawn il-kuntratti billi tirrevedi l-kontenut tal-imsemmija klawżoli.

    41

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li, meta qorti nazzjonali tkun ikkonstatat l-impossibbiltà li żżomm kuntratt wara t-tneħħija ta’ klawżola inġusta u meta l-konsumatur ikkonċernat jesprimi r-rieda li dan il-kuntratt jinżamm billi tiġi emendata din il-klawżola, din il-qorti tkun tista’ tiddeċiedi dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu sabiex il-bilanċ reali bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fl-imsemmi kuntratt jerġa’ jiġi stabbilit, mingħajr ma jiġu eżaminati minn qabel il-konsegwenzi ta’ annullament tal-istess kuntratt fl-intier tiegħu, u dan anki jekk l-imsemmija qorti jkollha l-possibbiltà li tissostitwixxi l-imsemmija klawżola b’dispożizzjoni tad-dritt intern ta’ natura supplimentari jew b’dispożizzjoni applikabbli f’każ ta’ ftehim ta’ dawn il-partijiet.

    Fuq l‑ispejjeż

    42

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur,

     

    għandu jiġi interpretat fis-sens li:

     

    jipprekludi li, meta qorti nazzjonali tkun ikkonstatat l-impossibbiltà li żżomm kuntratt wara t-tneħħija ta’ klawżola inġusta u meta l-konsumatur ikkonċernat jesprimi r-rieda li dan il-kuntratt jinżamm billi tiġi emendata din il-klawżola, din il-qorti tkun tista’ tiddeċiedi dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu sabiex il-bilanċ reali bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fl-imsemmi kuntratt jerġa’ jiġi stabbilit, mingħajr ma jiġu eżaminati minn qabel il-konsegwenzi ta’ annullament tal-istess kuntratt fl-intier tiegħu, u dan anki jekk l-imsemmija qorti jkollha l-possibbiltà li tissostitwixxi l-imsemmija klawżola b’dispożizzjoni tad-dritt intern ta’ natura supplimentari jew b’dispożizzjoni applikabbli f’każ ta’ ftehim ta’ dawn il-partijiet.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Litwan.

    Top