This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62022CJ0505
Judgment of the Court (Seventh Chamber) of 5 October 2023.#Deco Proteste - Editores Lda v Autoridade Tributária e Aduaneira.#Request for a preliminary ruling from the Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa - CAAD).#Reference for a preliminary ruling – Taxation – Value added tax (VAT) – Directive 2006/112/EC – Taxable transactions – Article 2(1)(a) – Supply of goods for consideration – Free supply of a tablet or smartphone in exchange for a new subscription to a magazine – Concept of ‘single supply’ – Criteria – Second paragraph of Article 16 – Application of goods for business use as gifts of small value.#Case C-505/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tal-5 ta’ Ottubru 2023.
Deco Proteste - Editores Lda vs Autoridade Tributária e Aduaneira.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Tranżazzjonijiet taxxabbli – Artikolu 2(1)(a) – Kunsinna ta’ oġġetti bi ħlas – Kunsinna mingħajr ħlas ta’ tablet jew ta’ smartphone bħala korrispettiv għal abbonament ġdid f’rivista – Kunċett ta’ ‘provvista unika’ – Kriterji – It‑tieni paragrafu tal‑Artikolu 16 – Użu ta’ oġġetti għall‑bżonnijiet tal‑impriża bil-għan li jingħataw rigali ta’ valur żgħir.
Kawża C-505/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tal-5 ta’ Ottubru 2023.
Deco Proteste - Editores Lda vs Autoridade Tributária e Aduaneira.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Tranżazzjonijiet taxxabbli – Artikolu 2(1)(a) – Kunsinna ta’ oġġetti bi ħlas – Kunsinna mingħajr ħlas ta’ tablet jew ta’ smartphone bħala korrispettiv għal abbonament ġdid f’rivista – Kunċett ta’ ‘provvista unika’ – Kriterji – It‑tieni paragrafu tal‑Artikolu 16 – Użu ta’ oġġetti għall‑bżonnijiet tal‑impriża bil-għan li jingħataw rigali ta’ valur żgħir.
Kawża C-505/22.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:731
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)
5 ta’ Ottubru 2023 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Tranżazzjonijiet taxxabbli – Artikolu 2(1)(a) – Kunsinna ta’ oġġetti bi ħlas – Kunsinna mingħajr ħlas ta’ tablet jew ta’ smartphone bħala korrispettiv għal abbonament ġdid f’rivista – Kunċett ta’ ‘provvista unika’ – Kriterji – It‑tieni paragrafu tal‑Artikolu 16 – Użu ta’ oġġetti għall‑bżonnijiet tal‑impriża bil-għan li jingħataw rigali ta’ valur żgħir
Fil-Kawża C‑505/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit‑Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa – CAAD) (il-Qorti tal-Arbitraġġ Fiskali (Ċentru ta’ Arbitraġġ Amministrattiv – CAAD), Il‑Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Lulju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Lulju 2022, fil-kawża
Deco Proteste – Editores Lda
vs
Autoridade Tributária e Aduaneira,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),
komposta minn M. L. Arastey Sahún, Presidenta tal-Awla, N. Wahl (Relatur) u J. Passer, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal Deco Proteste – Editores Lda, minn J. Espanha, advogado, |
– |
għall-Gvern Portugiż, minn P. Barros da Costa, C. Bento u A. Rodrigues, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Armenia u L. Santiago de Albuquerque, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, essenzjalment, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1)(a) u tal-Artikolu 16 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil‑ĠU 2007, L 335, p. 60), kif ukoll tal-prinċipji ta’ newtralità, ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità. |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Deco Proteste – Editores Lda u l-Autoridade Tributária e Aduaneira (l-Awtorità Fiskali u Doganali, il-Portugall) dwar jekk il-kunsinna, minn Deco Proteste – Editores, ta’ tablets jew smartphones, bħala rigali ta’ abbonament, lill-abbonati l-ġodda fir-rivisti li din tal-aħħar tikkummerċjalizza, hijiex suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT). |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
3 |
L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi: “1. It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-VAT:
[…]” |
4 |
L-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva jipprevedi: “L-applikazzjoni minn persuna taxxabbli ta’ merkanzija li tifforma parti mill-assi tan-negozju tagħha għall-użu privat tagħha jew tal-persunal tagħha, jew biex issir it-tneħħija tagħhom mingħajr ħlas jew, b’mod iktar ġenerali, l-applikazzjoni tagħhom għal skopijiet barra dawk tan-negozju tagħha għandhom jitqiesu bħala provvista bi ħlas, fejn il-VAT fuq dik il-merkanzija jew il-partijiet komponenti tagħhom kienet deduċibbli kollha jew parti minnha. Iżda, l-applikazzjonijet ta’ merkanzija għall-użu tan-negożju bħala kampjuni jew rigali ta’ valur żgħir m’għandhomx ikunu meqjusa bħala provvista ta’ merkanzija bi ħlas.” |
Id‑dritt Portugiż
5 |
Il-Código do Imposto sobre o Valor Acrescentado (il-Kodiċi tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mid-Decreto‑Lei n.°102/2008 (id-Digriet‑Liġi Nru 102/2008), tal‑20 ta’ Ġunju 2008 (Diário da República, Serje 1, Nru 118, tal‑20 ta’ Ġunju 2008) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-VAT”), jipprevedi, fl-Artikolu 3 tiegħu, intitolat “Kunċett ta’ kunsinna ta’ oġġetti”: “1. Il-kunsinna bi ħlas ta’ oġġetti materjali fil-kuntest tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ proprjetà għandu, b’mod ġenerali, jitqies bħala kunsinna ta’ oġġetti. […] 3. Dawn li ġejjin għandhom jitqiesu wkoll bħala kunsinni ta’ oġġetti fis-sens tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu: […]
[…] 7. Huma esklużi mis-sistema stabbilita fil-paragrafu 3(f), kif iddefinita mid-Digriet Ministerjali tal-Ministeru għall-Finanzi, dawk l-oġġetti mhux intiżi li jerġgħu jinbiegħu li, minħabba l-karatteristiċi tagħhom, jew minħabba d-daqs jew il-format differenti tal-prodott li jikkostitwixxi l-unità tal-bejgħ, huma maħsuba, f’forma ta’ kampjun, li jippreżentaw jew li jippromwovu oġġetti magħmula jew mibjugħa mill-persuna taxxabbli nnifisha, kif ukoll ir-rigali ta’ valur unitarju ta’ EUR 50 jew inqas u li l-valur globali annwali tagħhom ma jaqbiżx 0.5 % tad-dħul mill-bejgħ li tkun għamlet il-persuna taxxabbli matul is-sena kalendarja ta’ qabel, skont il-prassi kummerċjali.” |
6 |
L-Artikolu 18 tal-Kodiċi tal-VAT, intitolat “Rata tal-VAT”, jipprevedi li l-kunsinni ta’ oġġetti li jinsabu fil-Listi I u II annessi ma’ dan il-kodiċi jgawdu minn rata mnaqqsa ta’ VAT, stabbilita għal 6 % u għal 13 % rispettivament. Il-kunsinni l-oħra ta’ oġġetti huma suġġetti għar-rata standard ta’ VAT ta’ 23 %. Il-kunsinna ta’ tablets u ta’ smartphones taqa’ taħt din ir-rata tal-aħħar. |
7 |
Il-Lista I annessa mal-Kodiċi tal-VAT, intitolata “Oġġetti u servizzi intaxxati bir-rata mnaqqsa”, tinkludi punt 2.1 li huwa fformulat kif ġej: “Gazzetti, rivisti u perijodiċi oħra bħala tali, kif imfissra mil-liġi li tirregola l-qasam kulturali, edukattiv, rikreattiv jew sportiv […]” |
8 |
Il-Portaria n. 497/2008 (id-Digriet Ministerjali Nru 497/2008) tal‑24 ta’ Ġunju 2008 (id-Diário da República, Serje 1, Nru 120, tal‑24 ta’ Ġunju 2008), jiddefinixxi l-kunċett ta’ “rigal” u jiddetermina l-proċeduri u l-obbligi ta’ kontabbiltà li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 3(7) tal-Kodiċi tal-VAT, għandhom jiġu osservati mill-persuni suġġetti għall-VAT. L-Artikolu 3 ta’ dan id-digriet, intitolat “Definizzjoni tal-kunċett ta’ rigal”, jipprovdi: “1. Ir-rigal jista’ jikkonsisti fi prodotti mibjugħa jew immanifatturati mill-persuna taxxabbli jew f’oġġetti mixtrija mingħand terzi. 2. Fejn ir-rigal jikkonsisti f’ġabra ta’ oġġetti, il-valur ta’ EUR 50, imsemmi fl-Artikolu 3(7) tal-Kodiċi tal-VAT, japplika għal dawn l-oġġetti kollha. 3. Il-primjums ta’ kwantità li l-persuna taxxabbli tagħti lill-klijenti tagħha huma esklużi mill-kunċett ta’ rigal.” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
9 |
DECO Proteste – Editores hija kumpannija stabbilita fil-Portugall li tippubblika u tbigħ rivisti u testi oħra ta’ informazzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi. Dawn il-prodotti jinbiegħu biss permezz ta’ abbonament. Fil-kuntest ta’ kampanji promozzjonali maħsuba sabiex jattiraw klijenti ġodda, il-kumpannija toffri lill-abbonati l-ġodda rigal ta’ abbonament, li jista’ jikkonsisti f’tablet jew smartphone, ta’ valur unitarju dejjem inqas minn EUR 50. |
10 |
Wara li jsir il-ħlas tal-ewwel xahar tal-abbonament, li l-ammont tiegħu jibqa’ dejjem l-istess, ir-rigal ta’ abbonament jintbagħat bil-posta lil dawn l-abbonati flimkien mar-rivista tagħhom. Peress li ma ġie stabbilit ebda perijodu minimu ta’ abbonament, l-abbonati, wara li jsir il-ħlas tal-ewwel xahar tal-abbonament, iżommu r-rigal ta’ abbonament mingħajr penali, anki f’każ li l-abbonament jitwaqqaf. |
11 |
Ir-rigali ta’ abbonament jinxtraw mingħand kumpanniji stabbiliti fl-Unjoni Ewropea, fil-kuntest tas-sistema ta’ reverse charge tal-VAT. |
12 |
Fl‑2019, wara li sar kontroll fiskali dwar, b’mod partikolari, il-VAT għas-snin 2015 sa 2018, l-Awtorità Fiskali u Doganali kkonstatat li l-fatturi maħruġa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fir-rigward tal-abbonamenti l-ġodda kienu jsemmu l-ammont tal-abbonament li għalih ġiet applikata rata mnaqqsa ta’ VAT ta’ 6 %. Mill-banda l-oħra, dawn il-fatturi ma kienu jinkludu ebda riferiment għar-rigali ta’ abbonament. |
13 |
L-Awtorità Fiskali u Doganali qieset li r-rigali ta’ abbonament kienu jikkostitwixxu rigali fis-sens tal-Artikolu 3(7) tal-Kodiċi tal-VAT, iżda kkonstatat li l-ammont tagħhom kien jaqbeż il-limitu ta’ 0.5 % tad-dħul mill-bejgħ tas-sena kalendarja ta’ qabel previst f’din id-dispożizzjoni. Għalhekk, hija ssuġġettat għall-VAT il-kunsinna ta’ dawn ir-rigali, billi użat il-prezz tax-xiri tagħhom bħala bażi taxxabbli u r-rata normali ta’ 23 % bħala rata ta’ VAT. Hija evalwat l-ammont tal-VAT dovut mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali f’dan ir-rigward għas-snin 2015 sa 2018 għal EUR 3 472 125.38. Din tal-aħħar aċċettat, fil-kuntest tal-kontroll fiskali, li, minn naħa, taġġusta l-VAT fir-rigward tas-sena 2015 u, min-naħa l-oħra, tapplika, abbażi ta’ dikjarazzjonijiet fiskali rettifikattivi, is-sistema ta’ reverse charge tal-VAT għas-snin 2016 sa 2018, wara li jitnaqqsu l-krediti tat-taxxa favur tagħha. Għalhekk, hija ħallset total ta’ EUR 2 851 551.41, li minnhom EUR 270 936.70 kienu interessi. |
14 |
Madankollu, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat, sussegwentement, appell amministrattiv intiż għar-rimbors ta’ din is-somma, liema appell ġie miċħud fil‑11 ta’ Mejju 2021. Wara din iċ-ċaħda, hija talbet, fis‑6 ta’ Awwissu 2021, li titlaqqa’ t-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa – CAAD) (il-Qorti tal-Arbitraġġ Fiskali (Ċentru ta’ Arbitraġġ Amministrattiv – CAAD), il-Portugall), il-qorti tar-rinviju. |
15 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sostniet, b’mod partikolari, li, fin-nuqqas ta’ intenzjoni li wieħed jaġixxi b’mod gratuwitu, l-għoti ta’ rigali ta’ abbonament lill-abbonati l-ġodda ma kienx jikkostitwixxi liberalità. Fir-realtà, din hija offerta kummerċjali kkostitwita minn provvista ta’ servizzi, jiġifieri l-abbonament, marbuta ma’ kunsinna ta’ oġġetti, dik tar-rigali ta’ abbonament, li tinkludi korrispettiv pekunjarju inkluż fil-valur tal-abbonament fir-rivista. Fi kwalunkwe każ, anki jekk l-offerta ta’ rigal ta’ abbonament titqies bħala liberalità, billi l-valur unitarju tagħha huwa inqas minn EUR 50, hija taqa’ taħt il-kunċett ta’ “rigal ta’ valur żgħir”, fis-sens tal-Artikolu 3(7) tal-Kodiċi tal-VAT. Hija ssostni, f’dan ir-rigward, li l-limitu ta’ 0.5 % tad-dħul mill-bejgħ tas-sena ta’ qabel, previst f’din id-dispożizzjoni, ma għandu ebda rabta ma’ dan il-kunċett. Dan il-limitu ma huwiex konformi mal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/112 u jikser ukoll il-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ newtralità u ta’ ugwaljanza fit-trattament. |
16 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, jistax jiġi kkunsidrat li r-rigal ta’ abbonament, jiġifieri t-tablet jew l-ismartphone, ġie mogħti bħala korrispettiv għal xi valur partikolari, anki jekk dan tal-aħħar ma jkunx ġie identifikat jew individwalizzat. Hija tistaqsi wkoll dwar il-possibbiltà li tingħata definizzjoni tal-kunċett ta’ “rigal ta’ valur żgħir”, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/112, billi jsir użu, fl-istess ħin, mill-valur unitarju ta’ kull rigal u minn proporzjon tal-valur globali tar-rigali mogħtija mill-persuna taxxabbli, ikkalkolat fid-dawl tad-dħul mill-bejgħ tas-sena ta’ qabel. Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, hija tistaqsi jekk il-limitu ta’ 0.5 % tad-dħul mill-bejgħ previst fl-Artikolu 3(7) tal-Kodiċi tal-VAT huwiex tant baxx li jċaħħad lit-tieni paragrafu tal-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva mill-effett utli tiegħu. |
17 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa, CAAD) (il-Qorti tal-Arbitraġġ Fiskali (Ċentru ta’ Arbitraġġ Amministrattiv) – CAAD)), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
18 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(1)(a) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/112 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-għoti ta’ rigal ta’ abbonament bħala korrispettiv għal abbonament f’perijodiċi jaqax taħt il-kunċett ta’ “provvista ta’ merkanzija magħmula bi ħlas”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jew jekk l-ewwel paragrafu tal-imsemmi Artikolu 16 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-għoti ta’ tali rigal, li jikkostitwixxi tranżazzjoni distinta mit-tranżazzjoni ta’ abbonament, għandu jitqies bħala trasferiment ta’ oġġetti mingħajr ħlas, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar. |
19 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, għall-finijiet tal-VAT, kull tranżazzjoni għandha normalment titqies bħala waħda distinta u indipendenti. Madankollu, fejn tranżazzjoni tkun tinkludi diversi elementi, tqum il-kwistjoni dwar jekk dik it-tranżazzjoni għandhiex titqies li hija kkostitwita minn provvista unika jew inkella minn diversi provvisti distinti u indipendenti li għandhom jitqiesu b’mod separat mil-lat tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2012, Field Fisher Waterhouse,C‑392/11, EU:C:2012:597, punti 14 u 15, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
20 |
B’hekk, l-ewwel, sabiex ma tinbidilx il-funzjonalità tas-sistema tal-VAT, it-tranżazzjoni kkostitwita minn provvista waħda fil-livell ekonomiku ma għandhiex tinfired b’mod artifiċjali. Għandu jitqies li teżisti provvista unika fejn id-diversi elementi jew atti li l-persuna taxxabbli tipprovdi lill-klijent ikunu tant marbuta mill-qrib li jifformaw, oġġettivament, provvista ekonomika waħda inseparabbli u li t-tifrid tagħha jkun artifiċjali (sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2021, Frenetikexito,C‑581/19, EU:C:2021:167, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
21 |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-persuna taxxabbli twettaqx diversi provvisti prinċipali distinti jew provvista unika, għandhom jiġu identifikati l-elementi karatteristiċi tat-tranżazzjoni inkwistjoni, b’enfasi fuq il-perspettiva tal-konsumatur medju. Is-sensiela ta’ indizji li jsir riferiment għalihom għal dan il-għan tinkludi elementi differenti, tal-ewwel, ta’ natura intellettwali u ta’ importanza deċiżiva, intiżi sabiex tiġi stabbilita n-natura inseparabbli jew le tal-elementi tat-tranżazzjoni inkwistjoni u l-għan ekonomiku tagħha, uniku jew le, tat-tieni, ta’ natura materjali u li ma għandhomx importanza deċiżiva, li, jekk ikun il-każ, isostnu l-analiżi tal-elementi tal-ewwel, bħall-aċċess separat jew konġunt għas-servizzi inkwistjoni jew l-eżistenza ta’ fatturazzjoni unika jew distinta (sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2021, Frenetikexito,C‑581/19, EU:C:2021:167, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
22 |
It-tieni, tranżazzjoni ekonomika tikkostitwixxi provvista unika fejn element wieħed jew diversi elementi jkollhom jitqiesu li jikkostitwixxu l-provvista prinċipali, filwaqt li, għall-kuntrarju, elementi oħra jkollhom jitqiesu bħala provvista jew provvisti anċillari li għalihom japplika l-istess trattament fiskali li japplika għall-provvista prinċipali (sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2021, Frenetikexito,C‑581/19, EU:C:2021:167, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
23 |
Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ewwel kriterju li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward huwa n-nuqqas ta’ għan awtonomu tal-provvista mill-perspettiva tal-konsumatur medju. B’hekk, provvista għandha titqies li hija anċillari għall-provvista prinċipali fejn hija ma tikkostitwixxix, għall-klijenti, għan fiha nnifisha, iżda mezz sabiex is-servizz prinċipali tal-fornitur jitgawda bl-aħjar mod (sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2021, Frenetikexito,C‑581/19, EU:C:2021:167, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
24 |
It-tieni kriterju, li, fir-realtà, jikkostitwixxi indizju tal-ewwel wieħed, jieħu inkunsiderazzjoni l-valur rispettiv ta’ kull waħda mill-provvisti li jikkostitwixxu t-tranżazzjoni ekonomika, il-wieħed minimu, jekk mhux saħansitra marġinali, meta mqabbel mal-ieħor (sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2021, Frenetikexito,C‑581/19, EU:C:2021:167, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
25 |
F’dan il-każ, mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, miġbura fil-qosor fil-punti 9 sa 11 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li l-għoti ta’ rigali ta’ abbonament għal kull abbonament ġdid jagħmel parti integrali mill-istrateġija kummerċjali tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, fil-fehma ta’ dik il-qorti, l-abbonamenti huma kunsiderevolment ogħla meta jkunu akkumpanjati minn rigali ta’ abbonament. |
26 |
Għalhekk teżisti rabta ċara bejn l-għoti ta’ rigal u l-abbonament fir-rivisti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Madankollu, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, din ir-rabta ma tidhirx, minn naħa, waħda sistematika u, min-naħa l-oħra, waħda suffiċjentement stretta sabiex dawn is-servizzi jitqiesu li huma marbuta b’mod inseparabbli, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 20 u 21 ta’ din is-sentenza. F’dan ir-rigward, il-fatt li t-tiġdid ta’ abbonament ma jagħtix lok għall-għoti ta’ rigal ġdid u li, barra minn hekk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali mexxiet kampanji promozzjonali mingħajr ma offriet rigali ta’ abbonament, juri li l-imsemmija servizzi ma humiex inseparabbli. |
27 |
Mill-banda l-oħra, iċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali jidhru li juru, fatt li għandu jiġi ddeterminat mill-qorti tar-rinviju, provvista prinċipali akkumpanjata minn provvista anċillari, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 22 sa 24 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, l-għoti ta’ rigal ta’ abbonament mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali lill-abbonati l-ġodda jikkostitwixxi inċentiv għall-abbonament. L-għan tiegħu ma huwiex ħlief li jiżdied in-numru ta’ abbonati fir-rivisti li din ir-rikorrenti tippubblika u, għaldaqstant, li jiżdiedu l-profitti li din tal-aħħar tagħmel. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, fil-kalkolu kummerċjali tagħha, tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li ċerti abbonati jtemmu l-abbonament tagħhom wara li jsir il-ħlas tal-ewwel xahar tal-abbonament, li jippermettilhom iżommu r-rigal mingħajr l-obbligu li jibqgħu abbonati. Jibqa’ l-fatt li l-għoti ta’ rigal ta’ abbonament jippermetti lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali żżid, kull sena, in-numru tal-abbonati tagħha b’mod sinjifikattiv. Għalhekk, mill-perspettiva tal-konsumatur medju, li jaċċetta li jħallas tal-inqas xahar ta’ abbonament sabiex jikseb l-imsemmi rigal, l-għoti ta’ tali rigal ma għandux għan awtonomu. |
28 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni Ewropea ġustament jenfasizzaw, fl-osservazzjonijiet tagħhom, li r-rigal ta’ abbonament li ngħata mis-snin 2015 sa 2018 ippermetta lill-abbonati l-ġodda jgawdu, bl-aħjar mod, mis-servizz prinċipali tal-fornitur, jiġifieri l-qari tar-rivisti li għalihom ikun sar l-abbonament, sa fejn it-tablet jew l-ismartphone jippermettu, pereżempju, li tiġi aċċessata verżjoni diġitali ta’ dawn ir-rivisti. |
29 |
Konsegwentement, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher li l-abbonament fl-imsemmija rivisti, minn naħa, u l-offerta ta’ tablet jew ta’ smartphone ta’ valur unitarju ta’ inqas minn EUR 50 għal kull abbonament ġdid, min-naħa l-oħra, huma marbuta flimkien, billi l-abbonament jikkostitwixxi l-provvista prinċipali u r-rigal jikkostitwixxi provvista anċillari li l-uniku għan tiegħu huwa li jħajjar abbonati ġodda. |
30 |
Għalhekk, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(1)(a) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/112 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-għoti ta’ rigal ta’ abbonament bħala korrispettiv għall-abbonament f’perijodiċi jikkostitwixxi provvista li hija anċillari għall-provvista prinċipali li tikkonsisti fil-kunsinna ta’ perijodiċi, li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “provvista ta’ merkanzija magħmula bi ħlas”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, u ma għandux jitqies bħala trasferiment ta’ oġġetti mingħajr ħlas, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-imsemmi Artikolu 16. |
Fuq it-tieni, it‑tielet u r‑raba’ domanda
31 |
Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domandi l-oħra magħmula. |
Fuq l‑ispejjeż
32 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 2(1)(a) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, |
għandhom jiġu interpretati fis-sens li: |
l-għoti ta’ rigal ta’ abbonament bħala korrispettiv għall-abbonament f’perijodiċi jikkostitwixxi provvista li hija anċillari għall-provvista prinċipali li tikkonsisti fil-kunsinna ta’ perijodiċi, li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “provvista ta’ merkanzija magħmula bi ħlas”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, u ma għandux jitqies bħala trasferiment ta’ oġġetti mingħajr ħlas, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-imsemmi Artikolu 16. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.