Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0425

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-4 ta’ Lulju 2024.
    MOL Magyar Olaj- és Gázipari Nyrt. vs Mercedes-Benz Group AG.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali – Ġurisdizzjoni tal-qrati, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Il-punt 2 tal-Artikolu 7 – Ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ delitt jew kważi‑delitt – Post fejn immaterjalizza d-dannu – Akkordju ddikjarat li jmur kontra l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea – Kumpanniji sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri differenti – Dannu dirett imġarrab esklużivament mill-kumpanniji sussidjarji – Azzjoni għad-danni tal-kumpannija omm – Kunċett ta’ ‘unità ekonomika’.
    Kawża C-425/22.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:578

     SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Il‑Ħames Awla)

    4 ta’ Lulju 2024 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali – Ġurisdizzjoni tal-qrati, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Il-punt 2 tal-Artikolu 7 – Ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ delitt jew kważi‑delitt – Post fejn immaterjalizza d-dannu – Akkordju ddikjarat li jmur kontra l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea – Kumpanniji sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri differenti – Dannu dirett imġarrab esklużivament mill-kumpanniji sussidjarji – Azzjoni għad-danni tal-kumpannija omm – Kunċett ta’ ‘unità ekonomika’”

    Fil-Kawża C‑425/22,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Ġunju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Ġunju 2022, fil-proċedura

    MOL Magyar Olaj- és Gázipari Nyrt.

    vs

    Mercedes-Benz Group AG,

    IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Il‑Ħames Awla),

    komposta minn E. Regan, President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tal-Ħames Awla, M. Ilešič (Relatur), I. Jarukaitis u D. Gratsias, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal MOL Magyar Olaj- és Gázipari Nyrt., minn G. Kutai, D. Petrányi u M. Sz. Szendrő, ügyvédek,

    għal Mercedes‑Benz Group AG, minn K. Hetényi, M. Kovács u A. Turi, ügyvédek, M. Kocí u C. von Köckritz, Rechtsanwälte,

    għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, A. Edelmannová u J. Vláčil, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Bottka, G. Meessen u S. Noë, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑8 ta’ Frar 2024,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn MOL Magyar Olaj‑ és Gázipari Nyrt. (iktar ’il quddiem “MOL”) u Mercedes‑Benz Group AG, dwar talba għal kumpens imressqa minn MOL għad-dannu li hija tqis li ġarrbet minħabba prattiki antikompetittivi ta’ Mercedes‑Benz Group imwettqa bi ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea tat‑2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”).

    Il‑kuntest ġuridiku

    Ir‑Regolament (KE) Nru 864/2007

    3

    Il-premessa 7 tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (“Ruma II”) (ĠU 2007, L 199, p. 40) hija fformulata bil-mod kif ġej:

    “Il-kamp sostantiv u d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu konsistenti mar-[Regolament 1215/2012] u l-istrumenti relattivi għal-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali.”

    4

    L-Artikolu 6(3)(a) ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kompetizzjoni żleali u atti li jirrestrinġu l-kompetizzjoni libera”, jipprovdi:

    “Il-liġi applikabbli għal obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn restrizzjoni ta’ kompetizzjoni għandha tkun il-liġi tal-pajjiż fejn is-suq ikun, jew probabbilment ikun, milqut.”

    Ir‑Regolament (KE) Nru 1215/2012

    5

    Il-premessi 15 u 16 tar-Regolament Nru 1215/2012 jiddikjaraw:

    “(15)

    Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom ikunu prevedibbli ħafna u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut. Il-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq il-bażi ta’ din ir-raġuni ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tat-tilwima jew ta’ awtonomija tal-partijiet ikunu jeħtieġu fattur ta’ konnessjoni differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

    (16)

    Barra d-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm raġunijiet alternattivi ta’ ġurisdizzjoni bbażati fuq konnessjoni mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. L-eżistenza ta’ konnessjoni mill-qrib għandha tiżgura ċ-ċertezza legali u tevita l-possibbiltà li l-konvenut jiġi mħarrek f’qorti ta’ Stat Membru li dan il-konvenut ma setax raġonevolment jipprevedi. Dan hu importanti b’mod partikolari fir-rigward ta’ tilwim li jirriżulta minn obbligi mhux kuntrattwali li jirriżultaw minn ksur tal-privatezza u tad-drittijiet relatati mal-personalità, inkluża l-malafama.”

    6

    Skont l-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament:

    “Soġġetti għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

    7

    L-Artikolu 5(1) tal-imsemmi regolament jipprevedi:

    “Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jitressqu quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla fit-Taqsimiet 2 sa 7 [tal-Kapitolu 2].”

    8

    Il-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012, intitolat “Ġurisdizzjoni”, jinkludi, b’mod partikolari, it-Taqsima 2, intitolata “Ġurisdizzjoni speċjali”. Il-punt 2 tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, li jinsab f’din it-Taqsima 2, huwa fformulat kif ġej:

    “Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor:

    [...]

    (2)

    fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq jew jista’ jitwettaq”.

    Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

    9

    MOL, impriża stabbilita fl-Ungerija, għandha ishma ta’ kontroll f’diversi kumpanniji sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri differenti, jiġifieri Moltrans Kft., stabbilita fl-Ungerija, INA d.d., stabbilita fil-Kroazja, Panta Distribuzione SpA u Nelsa Srl, stabbiliti fl-Italja, Roth Energie GmbH, stabbilita fl-Awstrija, kif ukoll Slovnaft a.s., stabbilita fis-Slovakkja.

    10

    Fid‑19 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni Ewropea adottat id-Deċiżjoni C(2016) 4673 final li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39824 – Trakkijiet) (ĠU 2017, C 108, p. 6).

    11

    Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ akkordju li fih ipparteċipaw Mercedes‑Benz Group u ħmistax‑il kostruttur internazzjonali tat-trakkijiet. Hija qieset li dan l-akkordju, li l-għan tiegħu kien li jiġu kkoordinati l-prezzijiet gross (gross list pricing) tat-trakkijiet medji u tqal, kien jikkostitwixxi ksur kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, li jipprojbixxu l-akkordji u l-prattiki kummerċjali restrittivi l-oħra. Il-Kummissjoni qieset li dan il-ksur kien dam mis‑17 ta’ Jannar 1997 sat‑18 ta’ Jannar 2011 u kien jestendi għaż-Żona Ekonomika Ewropea kollha.

    12

    Il-kumpanniji sussidjarji ta’ MOL indirettament xtraw, jew ħadu b’leasing, total ta’ 71 trakk mingħand Mercedes‑Benz Group matul il-perijodu tal-imsemmi ksur.

    13

    Fl‑14 ta’ Ottubru 2019, MOL ressqet azzjoni għad-danni kontra Mercedes‑Benz Group quddiem il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), li insostenn tagħha hija allegat li hija ġarrbet dannu li huwa ugwali għall-ispiża addizzjonali li l-kumpanniji sussidjarji tagħha ħallsu indebitament minħabba l-aġir antikompetittiv issanzjonat mill-Kummissjoni.

    14

    Fil-kuntest ta’ din it-talba, MOL ibbażat ruħha fuq il-kunċett ta’ “unità ekonomika”. Hija invokat għalhekk il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Ungeriżi abbażi tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, billi sostniet li s-sede tagħha, bħala ċ-ċentru tal-interessi ekonomiċi u finanzjarji tal-grupp, li hija tifforma flimkien mal-kumpanniji sussidjarji tagħha, kien il-post li fih seħħ l-“avveniment dannuż”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    15

    Mercedes‑Benz Group qajmet eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni, billi sostniet li l-qorti li quddiemha tressqet il-kawża ma setax ikollha ġurisdizzjoni abbażi tad-dispożizzjoni invokata.

    16

    Il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest) laqgħet din l-eċċezzjoni u qieset li r-regola dwar il-ġurisdizzjoni speċjali prevista fil-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 kellha tiġi interpretata b’mod strett u setgħet tapplika biss kemm‑il darba jkun hemm rabta partikolarment mill-qrib bejn il-qorti li quddiemha titressaq il-kawża u s-suġġett tat-tilwima. F’dan ir-rigward, hija kkonstatat li ma kinitx MOL li kienet ħallset il-prezzijiet miżjuda artifiċjalment iżda l-kumpanniji sussidjarji tagħha stabbiliti fi Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea, liema kumpanniji sussidjarji ġarrbu ħsara minħabba d-distorsjoni ta’ kompetizzjoni inkwistjoni. Id-dannu mġarrab minn MOL kien, min-naħa tiegħu, ta’ natura purament finanzjarja, ħaġa li ma kinitx tippermetti li s-sede tagħha titqies li tinsab fil-post li fih seħħ il-fatt dannuż, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, u ma kinitx biżżejjed sabiex tiġi rrikonoxxuta l-ġurisdizzjoni tal-qorti Ungeriża.

    17

    Id-deċiżjoni ta’ dik il-qorti ġiet ikkonfermata fi stadju ta’ appell mill-Fővárosi Ítélőtábla (il-Qorti tal-Appell Reġjonali tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), liema qorti ddikjarat li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-teorija tal-unità ekonomika tapplika biss sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni u li, essenzjalment, il-parti li tkun ġarrbet ħsara ma tistax tinvokaha għall-finijiet tal-allokazzjoni tal-ġurisdizzjoni. Hija tirrileva li, konformement mas-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide, (C‑352/13, EU:C:2015:335), il-ġurisdizzjoni taħt il-punt 2 tal-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament kellha tiġi ddeterminata skont is-sede tal-impriża li tkun ġarrbet ħsara u mhux skont dik tal-kumpannija omm tagħha.

    18

    MOL ippreżentat appell ta’ kassazzjoni quddiem il-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija), li fih talbet lil dik il-qorti tannulla d-digriet mogħti mill-Fővárosi Ítélőtábla (il-Qorti tal-Appell Reġjonali tal-Belt ta’ Budapest) u tkompli l-proċedura quddiem il-qrati preċedentement aditi.

    19

    MOL sostniet, essenzjalment, li t-teorija tal-unità ekonomika hija rilevanti għall-evalwazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati Ungeriżi fil-kawża prinċipali u li, bħala l-unika impriża li teżerċita kontroll fuq il-grupp ta’ impriżi li hija tifforma flimkien mal-kumpanniji sussidjarji tagħha, hija direttament involuta fl-operazzjoni, bi qligħ jew b’telf, ta’ dawn tal-aħħar.

    20

    Mercedes‑Benz Group irrispondiet li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kienet xtrat ebda wieħed mit-trakkijiet ikkonċernati mill-akkordju inkwistjoni u li għaldaqstant hija ma kienet sofriet ebda dannu. Barra minn hekk, hija sostniet li t-teorija tal-unità ekonomika ma tapplikax sabiex tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni tal-qrati Ungeriżi u li tali approċċ ma huwiex ikkorroborat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    21

    F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tippermetti lill-vittma ta’ prattika antikompetittiva tressaq azzjoni għad-danni kontra waħda jew l-oħra mill-entitajiet ġuridiċi li jifformaw unità ekonomika. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, dwar jekk it-teorija tal-unità ekonomika tistax tiġi invokata b’mod validu meta din l-unità tkun il-vittma u mhux l-awtur tal-ksur antikompetittiv.

    22

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kúria (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “(1)

    Meta kumpannija omm tippreżenta azzjoni għal kumpens għad-danni għal aġir antikompetittiv ta’ kumpannija oħra bl-għan li tikseb kumpens għad-dannu li rriżulta minn dan l-aġir esklużivament lis-sussidjarji tagħha, il-ġurisdizzjoni tal-qorti għandha tiġi stabbilita fis-sede tal-kumpannija omm, bħala l-post fejn seħħ l-avveniment dannuż fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-[Regolament 1215/2012]?

    (2)

    Il-fatt li, fil-mument tal-akkwisti differenti li huma s-suġġett tat-tilwima, mhux is-sussidjarji kollha kienu jappartjenu lill-grupp ta’ impriżi tal-kumpannija omm huwa rilevanti fir-rigward tal-applikazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament [Nru 1215/2012]?”

    Fuq id‑domandi preliminari

    Fuq l‑ewwel domanda

    23

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk il-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “post fejn l-avveniment dannuż ikun twettaq” ikopri s-sede tal-kumpannija omm li tressaq azzjoni għall-kumpens għad-danni mġarrba esklużivament mill-kumpanniji sussidjarji tagħha minħabba l-aġir antikompetittiv ta’ terz, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, jekk jiġi allegat li din il-kumpannija omm u dawn il-kumpanniji sussidjarji jagħmlu parti mill-istess unità ekonomika.

    24

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni teħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss kliemha, iżda wkoll il-kuntest tagħha, kif ukoll l-objettivi u l-għan li l-att li tagħmel parti minnu jfittex li jilħaq (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑8 ta’ Frar 2024, Inkreal,C‑566/22, EU:C:2024:123, punt 15).

    25

    Fir-rigward tal-kliem tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li, f’materji ta’ delitt jew kważi delitt, persuna ddomiċiljata fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor, quddiem il-qrati tal-“post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq”.

    26

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li l-kunċett ta’ “post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq”, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), li jikkorrispondi għall-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, ikopri kemm il-post li fih ikun immaterjalizza d-dannu, kif ukoll dak li fih ikun seħħ l-avveniment li jikkawża dan id-dannu, b’tali mod li l-konvenut jista’ jiġi mħarrek, fuq għażla tar-rikorrent, quddiem il-qorti ta’ wieħed jew l-ieħor minn dawn iż-żewġ postijiet (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Volvo et, C‑30/20, EU:C:2021:604, punt 29, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    27

    Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tippreċiża fis-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Tibor‑Trans (C‑451/18, EU:C:2019:635, punt 33), liema sentenza kienet tirrigwarda l-istess ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, f’sitwazzjoni fejn is-suq affettwat mill-aġir antikompetittiv ikun jinsab fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun allegatament seħħ l-allegat dannu, għandu jitqies, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, li dak l-Istat Membru huwa l-post li fih ikun immaterjalizza d-dannu (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Volvo et, C‑30/20, EU:C:2021:604, punt 31).

    28

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq ” ma jistax jiġi interpretat b’mod wiesa’ tant li jinkludi kull post li fih jistgħu jinħassu l-konsegwenzi dannużi ta’ fatt li jkun diġà kkawża dannu li jkun effettivament seħħ f’post ieħor. Konsegwentement, hija speċifikat li dan il-kunċett ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jinkludi l-post li fih il-vittma tallega li sofriet dannu finanzjarju kaġun ta’ dannu inizjali li jkun seħħ, u li hija tkun ġarrbet, fi Stat ieħor (sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Tibor‑Trans, C‑451/18, EU:C:2019:635, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    29

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li dannu li ma jkunx ħlief il-konsegwenza indiretta tad-dannu mġarrab inizjalment minn persuni oħra li kienu vittmi diretti tad-dannu li jkun seħħ f’post differenti minn dak li fih il-vittma indiretta sussegwentement tkun ġarrbet id-dannu ma jistax jistabbilixxi ġurisdizzjoni taħt l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Tibor‑Trans, C‑451/18, EU:C:2019:635, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    30

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, f’dan il-każ, huma biss il-kumpanniji sussidjarji, stabbiliti fi Stati Membri differenti, li ġarrbu direttament id-dannu allegat minn MOL, jiġifieri l-ispiża addizzjonali mħallsa minħabba l-prezzijiet artifiċjalment għolja applikati għax-xiri jew il-leasing tal‑71 trakk inkwistjoni fil-kawża prinċipali taħt arranġamenti kollużivi li jikkostitwixxu ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE.

    31

    B’hekk, għandu jiġi kkonstatat li għandha ġurisdizzjoni internazzjonali u territorjali, skont il-post li fih ikun seħħ id-dannu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti li fil-ġurisdizzjoni tagħha l-kumpannija sussidjarja li tallega li ġarrbet ħsara tkun xtrat jew ħadet b’leasing l-oġġetti affettwati mill-imsemmija arranġamenti, jew, fil-każ ta’ xiri jew ta’ leasing minn din il-kumpannija sussidjarja f’diversi postijiet, il-qorti li fil-ġurisdizzjoni tagħha din tal-aħħar ikollha s-sede tagħha.

    32

    Minkejja li MOL ma akkwistatx hija stess tali trakkijiet u lanqas, għaldaqstant, ġarrbet dannu dirett minħabba l-imsemmi ksur, hija qiegħda ssostni li l-kunċett ta’ “post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq” għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-kunċett ta’ “unità ekonomika” użat fid-dritt tal-kompetizzjoni.

    33

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li huwa ġeneralment meqjus li kumpannija omm u l-kumpannija sussidjarja tagħha jifformaw unità ekonomika fejn, essenzjalment, din tal-aħħar tkun suġġetta għal influwenza determinanti eżerċitata mill-kumpannija omm u ma taġixxix b’mod awtonomu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ April 2017, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, C‑516/15 P, EU:C:2017:314, punti 5253, kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal,C‑882/19, EU:C:2021:800, punt 43).

    34

    F’sitwazzjoni bħal din, il-grupp jitqies kollu kemm hu bħala “impriża” li għaliha japplikaw ir-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni li l-membri tal-grupp għandhom, ilkoll kemm huma, josservaw, f’qafas ta’ responsabbiltà in solidum (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal,C‑882/19, EU:C:2021:800, punti 39 sa 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    35

    F’dan il-każ, MOL qiegħda ssostni li, inkwantu l-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni jiskatta r-responsabbiltà in solidum tal-unità ekonomika kollha kemm hi, l-invers tal-istess prinċipju għandu japplika għal talba għal kumpens għad-dannu li jirriżulta minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni li jaffettwa lil membru tal-unità ekonomika.

    36

    Fil-fehma tal-MOL, il-kunċett ta’ “unità ekonomika” ma jistax ikollu tifsira differenti skont jekk l-impriża kkonċernata għandhiex il-kwalità ta’ rikorrent jew ta’ konvenut. Konsegwentement, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, il-post tas-sede tal-kumpannija omm għandu jitqies bħala l-“post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq” anki jekk id-dannu dirett ikun ġie esklużivament imġarrab mill-kumpanniji sussidjarji ta’ din il-kumpannija.

    37

    Kif jindika l-Avukat Ġenerali fil-punti 71 sa 73 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li l-argument invokat minn MOL ma huwiex ikkorroborat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Sussegwentement, dan imur kontra l-prinċipji li fuqhom hija bbażata r-regola ta’ ġurisdizzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, jiġifieri l-għanijiet ta’ prossimità u ta’ prevedibbiltà tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni, u ta’ koerenza bejn il-forum u l-liġi applikabbli. Fl-aħħar nett, il-possibbiltà li jintalab kumpens għad-dannu kkawżat minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni ma għandhiex tiġi ostakolata mill-inapplikabbiltà tat-teorija tal-unità ekonomika għad-determinazzjoni tal-“post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq” għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, f’kundizzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    38

    Fir-rigward tal-għanijiet ta’ prossimità u ta’ prevedibbiltà tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, minn naħa, li l-qrati tal-Istat Membru li fih ikun jinsab is-suq affettwat huma fl-aħjar pożizzjoni sabiex jistħarrġu tali kawżi għad-danni u, min-naħa l-oħra, operatur ekonomiku li jwettaq aġir antikompetittiv jista’ raġonevolment jistenna li jitressaq quddiem il-qrati tal-post li fih l-aġir tiegħu jkun wettaq distorsjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni b’saħħitha (sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Tibor‑Trans, C‑451/18, EU:C:2019:635, punt 34).

    39

    Barra minn hekk, skont il-premessa 15 tar-Regolament Nru 1215/2012, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom ikunu stabbiliti fuq il-prinċipju li, bis-saħħa tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, il-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut.

    40

    Fir-rigward tal-għan ta’ koerenza bejn il-forum u l-liġi applikabbli, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jkun ukoll konformi mar-rekwiżiti ta’ koerenza previsti fil-premessa 7 tar-Regolament Nru 864/2007 li kellu wieħed jiddetermina li l-post li fih ikun immaterjalizza d-dannu jinsab fis-suq affettwat, inkwantu, skont l-Artikolu 6(3)(a) ta’ dan ir-regolament, il-liġi applikabbli fil-każ ta’ kawżi għad-danni b’rabta ma’ att li jirrestrinġi l-kompetizzjoni hija dik tal-pajjiż li fih is-suq ikun jew jista’ jkun affettwat (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Volvo et, C‑30/20, EU:C:2021:604, punti 3132, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    41

    Fir-rigward, barra minn hekk, tal-argument dwar l-ostakolu għall-possibbiltà li jintalab kumpens għad-dannu li jirriżulta minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, liema ksur jirriżulta mill-inapplikabbiltà tal-kunċett ta’ “unità ekonomika” għad-determinazzjoni tal-“post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq” għall-finijiet tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, għandu jiġi kkonstatat, bħalma proprju għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 97 tal-konklużjonijiet tiegħu, li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni ma jżommux lill-allegati vittmi ta’ aġir antikompetittiv milli jinvokaw id-drittijiet tagħhom għal kumpens.

    42

    Skont ir-regola prinċipali tal-forum li tirriżulta mir-Regolament Nru 1215/2012, huwa dejjem possibbli għall-vittmi ta’ tali ksur li, konformement mal-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, jadixxu lill-qorti tal-post li fih ikun iddomiċiljat l-awtur tar-reat.

    43

    Madankollu, hekk kif tfakkar fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, il-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 jippermetti li, fi ħdan is-suq affettwat minn arranġamenti kollużivi dwar l-iffissar ta’, u ż-żieda fi, il-prezzijiet ta’ oġġetti, wieħed jadixxi jew lill-qorti li fil-ġurisdizzjoni tagħha l-impriża li tallega li ġarrbet ħsara tkun xtrat jew ħadet b’leasing l-oġġetti affettwati mill-imsemmija arranġamenti, jew, fil-każ ta’ xiri jew ta’ leasing minn din l-impriża f’diversi postijiet, lill-qorti li fil-ġurisdizzjoni tagħha din tal-aħħar ikollha s-sede tagħha (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Volvo et, C‑30/20, EU:C:2021:604, punt 43).

    44

    Għaldaqstant, l-għanijiet ta’ prossimità u ta’ prevedibbiltà tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni u ta’ koerenza bejn il-forum u l-liġi applikabbli, kif ukoll l-assenza ta’ ostakolu għall-possibbiltà li jintalab kumpens għad-dannu li jirriżulta minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni li jaffettwa lil membru tal-unità ekonomika, jipprekludu applikazzjoni inversa tal-kunċett ta’ “unità ekonomika” sabiex jiġi ddeterminat il-post li fih ikun seħħ id-dannu għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012.

    45

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għan taċ-ċertezza legali jeħtieġ li l-qorti nazzjonali tkun tista’ faċilment tiddeċiedi dwar il-ġurisdizzjoni tagħha stess, mingħajr ma tkun marbuta li teżamina l-kawża fil-mertu (sentenzi tat‑28 ta’ Jannar 2015, Kolassa,C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 61, u tat‑8 ta’ Frar 2024, Inkreal,C‑566/22, EU:C:2024:123, punt 27).

    46

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq” ma jkoprix is-sede tal-kumpannija omm li tressaq azzjoni għal kumpens għad-danni mġarrba esklużivament mill-kumpanniji sussidjarji tagħha minħabba l-aġir antikompetittiv ta’ terz, li jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 101 TFUE, anki jekk jiġi allegat li din il-kumpannija omm u dawn il-kumpanniji sussidjarji jagħmlu parti mill-istess unità ekonomika.

    Fuq it‑tieni domanda

    47

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi dwar ir-rilevanza, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, tal-fatt li, fil-mument li fih inxtrat ċerta merkanzija li kienet is-suġġett ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE, il-kumpanniji sussidjarji kkonċernati kienu għadhom ma kinux ikkontrollati mill-kumpannija omm.

    48

    Għandu jiġi rrilevat li din id-domanda titlaq mill-premessa li l-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 jista’ jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq” jista’ jkopri s-sede tal-kumpannija omm li tressaq azzjoni għal kumpens għad-danni diretti mġarrba mill-kumpanniji sussidjarji tagħha minħabba l-aġir antikompetittiv ta’ terz.

    49

    Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

    Fuq l‑ispejjeż

    50

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    Il-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali,

     

    għandu jiġi interpretat fis-sens li:

     

    il-kunċett ta’ “post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq” ma jkoprix is-sede tal-kumpannija omm li tressaq azzjoni għal kumpens għad-danni mġarrba esklużivament mill-kumpanniji sussidjarji tagħha minħabba l-aġir antikompetittiv ta’ terz, li jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 101 TFUE, anki jekk jiġi allegat li din il-kumpannija omm u dawn il-kumpanniji sussidjarji jagħmlu parti mill-istess unità ekonomika.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.

    Top