Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0422

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-16 ta’ Novembru 2023.
    Zakład Ubezpieczeń Społecznych Oddział w Toruniu vs TE.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ħaddiema migranti – Sigurtà soċjali – Leġiżlazzjoni applikabbli – Regolament (KE) Nru 987/2009 – Artikoli 5, 6 u 16 – Ċertifikat A 1 – Ineżattezza tad-dettalji – Irtirar ex officio – Obbligu tal-istituzzjoni tal-ħruġ li tagħti bidu għal proċedura ta’ djalogu u ta’ konċiljazzjoni mal-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru ospitanti – Assenza.
    Kawża C-422/22.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:869

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    16 ta’ Novembru 2023 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ħaddiema migranti – Sigurtà soċjali – Leġiżlazzjoni applikabbli – Regolament (KE) Nru 987/2009 – Artikoli 5, 6 u 16 – Ċertifikat A 1 – Ineżattezza tad-dettalji – Irtirar ex officio – Obbligu tal-istituzzjoni tal-ħruġ li tagħti bidu għal proċedura ta’ djalogu u ta’ konċiljazzjoni mal-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru ospitanti – Assenza”

    Fil-Kawża C‑422/22,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ April 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Ġunju 2022, fil-proċedura

    Zakład Ubezpieczeń Społecznych Oddział w Toruniu

    vs

    TE,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn A. Prechal, Presidenta tal-Awla, F. Biltgen, N. Wahl, J. Passer u L. Arastey Sahún (Relatriċi), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Zakład Ubezpieczeń Społecznych Oddział w Toruniu, minn J. Jaźwiec-Blecharczyk, radca prawny,

    għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

    għall-Gvern Belġjan, minn S. Baeyens u L. Van den Broeck, bħala aġenti,

    għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

    għall-Gvern Franċiż, minn R. Bénard u A. Daniel, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Brauhoff u D. Martin, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑22 ta’ Ġunju 2023,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 6 u 16 tar-Regolament (KE) Nru 987/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU 2009, L 284, p. 1), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 465/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 (ĠU 2012, L 149, p. 4) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 987/2009”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn iż-Zakład Ubezpieczeń Społecznych Oddział w Toruniu (l-Organu tal-Assigurazzjonijiet Soċjali, uffiċċju ta’ Toruń, il-Polonja) (iktar ’il quddiem iż-“ZUS”) u TE dwar id-deċiżjoni taż-ZUS li jirtira lil TE ċ-ċertifikat A1 li jagħti prova li dan tal-aħħar huwa suġġett għal-leġiżlazzjoni Pollakka fil-qasam tas-sigurtà soċjali matul il-perijodu ta’ bejn it‑22 ta’ Awwissu 2016 u l‑21 ta’ Awwissu 2017.

    Il‑kuntest ġuridiku

    Id‑dritt tal‑Unjoni

    Ir‑Regolament Nru 883/2004

    3

    It-Titolu II tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72, bir-rettifika fil-ĠU 2004, L 200, p. 1), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 465/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 (ĠU 2012, L 149, p. 4) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 883/2004”), intitolat “Determinazzjoni ta’ Liema Leġiżlazzjoni Tapplika”, jinkludi l-Artikoli 11 sa 16 ta’ dan ir-regolament.

    4

    L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 883/2004 jipprovdi:

    “1.   Il-persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss. Din il-leġislazzjoni għandha tkun determinata skond dan it-Titolu.

    […]

    3. Bla ħsara għall-Artikolu 12 sa 16:

    a)

    persuna li twettaq attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha fi Stat Membru għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat Membru;

    […]”

    5

    L-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Twettiq ta’ attivitajiet f’żewġ Stati Membri jew aktar”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

    “Persuna li normalment twettaq attività bħala persuna li taħdem għal rasha f’żewġ Stati Membri jew aktar għandha tkun suġġetta għal:

    a)

    il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru fejn għandha r-residenza tagħha jekk hija twettaq parti sostanzjali mill-attività tagħha f’dak l-Istat Membru;

    jew

    b)

    il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru fejn jinstab il-qofol ta’ l-interess tagħha, jekk din il-persuna ma għandhiex il-post tar-residenza tagħha f’wieħed mill-Istati Membri fejn hija twettaq parti sostanzjali mill-attività tagħha.”

    6

    Skont l-Artikolu 72(a) tal-imsemmi regolament, il-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni ta’ Sistemi ta’ Sigurtà Soċjali (iktar ’il quddiem il-“Kummissjoni Amministrattiva”) hija inkarigata tittratta kull kwistjoni amministrattiva jew ta’ interpretazzjoni li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament jew minn dawk tar-Regolament Nru 987/2009.

    7

    Skont kliem l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Koperazzjoni”:

    “[…]

    4.   L-istituzzjonijiet u l-persuni koperti minn dan ir-Regolament għandu jkollhom l-obbligu li jinfurmaw lil xulxin u li jikkoperaw sabiex jassiguraw li dan ir-Regolament ikun implimentat kif suppost.

    […]

    6.   F’każ ta’ diffikultajiet fl-interpretazzjoni jew fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament li jistgħu jipperikolaw id-drittijiet ta’ persuna koperta minnu, l-istituzzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti jew ta’ l-Istat Membru ta’ residenza tal-persuna konċernata għandha tikkuntattja lill-istituzzjoni (jew istituzzjonijiet) ta’ l-Istat Membru (jew Stati Membri) konċernat (jew konċernati). Jekk ma tkunx tista’ tinstab soluzzjoni f’perjodu raġjonevoli, l-awtoritajiet konċernati jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni Amministrattiva biex tindaħal.

    […]”

    Ir‑Regolament Nru 987/2009

    8

    Il-premessi 2 u 22 tar-Regolament Nru 987/2009 jistipulaw:

    “(2)

    L-organizzazzjoni ta’ kooperazzjoni aktar effikaċi u aktar stretta bejn l-istituzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali hija fattur essenzjali biex tippermetti lill-persuni koperti mir-Regolament [Nru 883/2004] li jibbenefikaw mid-drittijiet tagħhom fl-aħjar żmien u kondizzjonijiet possibbli.

    […]

    (22)

    L-informazzjoni lill-persuni kkonċernati dwar id-drittijiet tagħhom u l-obbligi tagħhom hija element essenzjali ta’ relazzjoni ta’ fiduċja mal-awtoritajiet kompetenti u l-istituzzjonijiet tal-Istati Membri. […]”

    9

    Skont kliem l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 987/2009:

    “L-istituzzjonijiet għandhom mingħajr dewmien jipprovdu jew jiskambjaw id-data kollha meħtieġa biex jiġu stabbiliti u ddeterminati d-drittijiet u l-obbligi ta’ persuni koperti mir-[Regolament Nru 883/2004]. Data bħal din għandha tiġi trasferita bejn l-Istati Membri direttament mill-istituzzjonijiet infishom jew indirettament permezz tal-korpi ta’ kollegament.”

    10

    L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 987/2009 huwa fformulat kif ġej:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni meħtieġa tkun disponibbli għall-persuni konċernati sabiex tinfurmahom dwar il-bidliet introdotti b’dan ir-[Regolament Nru 883/2004] u [minn dan ir-regolament] biex tippermettilhom jaffermaw drittijiethom. Għandhom ukoll jipprovdu għal servizzi faċli għall-utent.

    2.   Il-persuni li għalihom japplika [ir-Regolament Nru 883/2004] għandhom ikunu meħtieġa jibagħtu lill-istituzzjoni relevanti l-informazzjoni, id-dokumenti jew l-evidenza ta’ sostenn meħtieġa biex tiġi stabbilita s-sitwazzjoni tagħhom jew dik tal-familji tagħhom, biex jiġu stabbiliti jew jinżammu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom u biex jiġu ddeterminati l-leġislazzjoni applikabbli u l-obbligi tagħhom taħtha.

    […]

    4.   Sa fejn ikun meħtieġ għall-applikazzjoni tar-[Regolament Nru 883/2004] u [ta’ dan ir-regolament], l-istituzzjonijiet relevanti għandhom jibagħtu l-informazzjoni u joħorġu d-dokumenti lill-persuni kkonċernati mingħajr dewmien u fi kwalunkwe każ fil-limitu ta’ żmien stabbilit mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat.

    […]”

    11

    L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 987/2009, intitolat “Valur legali tad-dokumenti u l-evidenza ta’ sostenn maħruġa fi Stat Membru ieħor”, jipprovdi:

    “1.   Id-dokumenti maħruġa mill-istituzzjoni ta’ Stat Membru u li juru l-pożizzjoni ta’ persuna għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-[Regolament Nru 883/2004] u [ta’ dan ir-regolament], u l-evidenza ta’ sostenn li abbażi tagħha nħarġu d-dokumenti, għandhom jiġu aċċettati mill-istituzzjonijiet tal-Istati Membri l-oħrajn sakemm dawn ma jkunux ġew irtirati jew iddikjarati li huma invalidi mill-Istat Membru li fih inħarġu.

    2.   F’każ ta’ dubju dwar il-leġittimità tad-dokument jew l-eżattezza tal-fatti li huma l-bażi tad-dettalji li jidhru fih, l-istituzzjoni tal-Istat Membru li tirċievi d-dokument għandha titlob mill-istituzzjoni li ħarġitu l-kjarifiki meħtieġa u, jekk ikun l-każ, l-irtirar ta’ dak id-dokument. L-istituzzjoni li ħarġitu għandha tikkunsidra mill-ġdid ir-raġunijiet għall-ħruġ tad-dokument u, jekk meħtieġ, li tirtirah.

    3.   Konformement mal-paragrafu 2, f’każ ta’ dubju dwar l-informazzjoni pprovduta mill-persuni kkonċernati, dwar il-validità ta’ dokument jew il-prova ta’ sostenn jew l-eżattezza tal-fatti li huma l-bażi tad-dettalji li jidhru fih, l-istituzzjoni tal-post taż-żjara jew ta’ residenza għandha, sa fejn dan ikun possibli, fuq talba mill-istituzzjoni kompetenti, twettaq il-verifika meħtieġa ta’ din l-informazzjoni jew ta’ dan id-dokument.

    4.   Fejn ma jintlaħaqx qbil bejn l-istituzzjonijiet konċernati, il-kwistjoni tista’ titressaq quddiem il-Kummissjoni Amministrattiva mill-awtoritajiet kompetenti mhux qabel xahar wara d-data li fiha l-istituzzjoni li rċeviet id-dokument tkun ippreżentat it-talba tagħha. Il-Kummissjoni Amministrattiva għandha tfittex li tirrikonċilja l-fehmiet fi żmien sitt xhur mid-data li fiha l-kwistjoni tressqet quddiemha.”

    12

    L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 987/2009, intitolat “Applikazzjoni provviżorja tal-leġislazzjoni u l-għoti provviżorju ta’ benefiċċji”, huwa fformulat kif ġej:

    “1.   Sakemm mhux previst mod ieħor [f’dan ir-regolament], fejn ikun hemm differenza ta’ fehmiet bejn l-istituzzjonijiet jew l-awtoritajiet ta’ żewġ Stati Membri jew aktar dwar id-determinazzjoni tal-leġislazzjoni applikabbli, il-persuna kkonċernata għandha tiġi suġġetta b’mod provviżorju għal-leġislazzjoni ta’ wieħed minn dawk l-Istati Membri, […]

    […]

    2.   F’każ ta’ differenza ta’ fehmiet bejn l-istituzzjonijiet jew l-awtoritajiet ta’ żewġ Stati Membri jew aktar dwar liema istituzzjoni għandha tipprovdi l-benefiċċji fi flus jew in natura, il-persuna kkonċernata li tista’ titlob benefiċċji jekk ma kienx hemm xi kontestazzjoni għandha tkun intitolata, fuq bażi provviżorja, għall-benefiċċji previsti mil-leġislazzjoni applikata mill-istituzzjoni tal-post ta’ residenza tagħha jew, jekk dik il-persuna ma tirrisjedix fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri kkonċernati, għall-benefiċċji previsti mil-leġislazzjoni li tapplika l-istituzzjoni li lilha ġiet sottomessa t-talba l-ewwel;

    3.   Fejn ma jintlaħaqx qbil bejn l-istituzzjonijiet jew l-awtoritajiet konċernati, il-kwistjoni tista’ titressaq quddiem il-Kummissjoni Amministrattiva mill-awtoritajiet kompetenti mhux qabel xahar wara d-data li fiha tqajmet id-differenza ta’ fehmiet kif imsemmi fil-paragrafi 1 jew (2) Il-Kummissjoni Amministrattiva għandha tfittex li tirrikonċilja l-fehmiet fi żmien sitt xhur mid-data li fiha l-kwistjoni tressqet quddiemha.

    […]”

    13

    L-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi l-proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 11(3)(b) u (d), tal-Artikolu 11(4) u tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 883/2004.

    14

    L-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 987/2009, intitolat “Proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament [Nru 883/2004]”, jipprovdi:

    “1.   Persuna li twettaq attivitajiet f’żewġ Stati Membri jew aktar għandha tinforma b’dan lill-istituzzjoni nominata mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn hija tirrisjedi.

    2.   L-istituzzjoni nominata tal-post ta’ residenza għandha, mingħajr dewmien, tiddetermina l-leġislazzjoni applikabbli għall-persuna kkonċernata, b’kont meħud tal-miżuri tal-Artikolu 13 tar-Regolament [Nru 883/2004] u tal-Artikolu 14 [ta’ dan ir-regolament]. Dik id-determinazzjoni iniżjali għandha tkun provviżorja. L-istituzzjoni għandha tinforma lill-istituzzjonijiet nominati ta’ kull Stat Membru li fih qed titwettaq attività tad-determinazzjoni provviżorja tagħha.

    3.   Id-determinazzjoni provviżorja tal-leġislazzjoni applikabbli, kif previst fil-paragrafu 2, għandha ssir definittiva fi żmien xahrejn minn meta l-istituzzjoni nominata mill-awtorità kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati tkun ġiet informata biha, taħt il-paragrafu 2, sakemm il-leġislazzjoni ma tkunx diġà ġiet determinata b’mod definittiv abbażi tal-paragrafu 4, jew tal-anqas waħda mill-istituzzjonijiet konċernati ma tinfurmax lill-istituzzjoni nominata mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ residenza sa tmiem dan il-perijodu ta’ xahrejn li hi għadha ma tistax taċċetta d-determinazzjoni jew li għandha fehma oħra dwar dan.

    4.   Meta xi inċertezza dwar id-determinazzjoni tal-leġislazzjoni applikabbli teħtieġ kuntatti bejn l-istituzzjonijiet jew l-awtoritajiet ta’ żewġ Stati Membri jew aktar, għat-talba ta’ istituzzjoni jew aktar nominati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati jew tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati, il-leġislazzjoni applikabbli għall-persuna kkonċernata għandha tiġi determinata minn ftehim komuni, b’kont meħud tal-Artikolu 13 tar-Regolament [Nru 883/2004] u d-dispożizzjonijiet relevanti tal-Artikolu 14 [ta’ dan ir-regolament].

    Fejn ikun hemm differenza fil-fehmiet bejn l-istituzzjonijiet jew l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati, dawk il-korpi għandhom ifittxu qbil taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti hawn fuq u għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 [ta’ dan ir-regolament].

    […]”

    15

    L-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 987/2009 huwa fformulat kif ġej:

    “Fuq talba tal-persuna kkonċernata jew ta’ min iħaddimha, l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li tiegħu l-leġislazzjoni hija applikabbli taħt it-Titolu II tar-Regolament [Nru 883/2004] għandha tipprovdi attestazzjoni li tali leġislazzjoni hija applikabbli u għandha tindika, fejn ikun il-każ, sa liema data u taħt liema kondizzjonijiet.”

    16

    L-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 987/2009, intitolat “Kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet”, jistipula:

    “1.   L-istituzzjonijiet relevanti għandhom jikkomunikaw lill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru, li l-leġislazzjoni tiegħu hija applikabbli għal persuna taħt it-Titolu II tar-Regolament [Nru 883/2004], l-informazzjoni meħtieġa biex tiġi stabbilita d-data li fiha din il-leġislazzjoni ssir applikabbli u l-kontribuzzjonijiet li dik il-persuna u l-prinċipal jew prinċipali tagħha jkunu obbligati jħallsu taħt din il-leġislazzjoni.

    2.   L-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li l-leġislazzjoni tiegħu ssir applikabbli għal persuna taħt it-Titolu II tar-Regolament [Nru 883/2004] għandha tagħmel disponibbli l-informazzjoni li tindika d-data li fiha l-applikazzjoni ta’ dik il-leġislazzjoni tidħol b’effett lill-istituzzjoni nominata mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li dik il-persuna kienet suġġetta l-aħħar għal-leġislazzjoni tiegħu.”

    17

    L-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 987/2009, intitolat “Proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikoli 67 u 68 tar-Regolament [Nru 883/2004]”, jipprovdi, fil-paragrafu (4) tiegħu:

    “Fejn ikun hemm differenza fil-fehmiet bejn l-istituzzjonijiet konċernati dwar liema leġislazzjoni hija applikabbli bi dritt ta’ preċedenza, għandu japplika l-Artikolu 6(2) sa (5) [ta’ dan ir-regolament]. Għal dan il-għan, l-istituzzjoni tal-post ta’ residenza msemmija fl-Artikolu 6(2) [ta’ dan ir-regolament] għandha tkun l-istituzzjoni tal-post ta’ residenza tat-tifel/tifla jew tat-tfal.”

    Id‑dritt Pollakk

    18

    L-Artikolu 83a(1) tal-ustawa o systemie ubezpieczeń społecznych (il-Liġi dwar l-Assigurazzjoni Soċjali), tat‑13 ta’ Ottubru 1998 (Dz. U. tal-1998, intestatura 887), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (Dz. U. tal-2021, intestatura 430), tipprovdi:

    “Dritt jew obbligu li jkun ġie stabbilit permezz ta’ deċiżjoni definittiva tal-Organu tal-Assigurazzjonijiet Soċjali, għandu jiġi ddeterminat mill-ġdid fuq talba tal-persuna kkonċernata jew ex officio jekk, wara li d-deċiżjoni tkun saret definittiva, jiġu ppreżentati provi ġodda jew jiġu żvelati ċirkustanzi li kienu jeżistu qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li jaffettwaw dan id-dritt jew dan l-obbligu.”

    19

    L-Artikolu 47714a tal-kodeks postępowania cywilnego (il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) jipprevedi:

    “Il-qorti tal-appell, meta tannulla sentenza u d-deċiżjoni tal-organu li jamministra l-pensjoni li ġiet qabilha, tista’ tibgħat lura l-kawża direttament lill-organu li jamministra l-pensjoni għal eżami mill-ġdid.”

    It‑tilwima fil‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

    20

    TE, imprenditur irreġistrat fir-Reġistru tal-kumpanniji Pollakk li jeżerċita attività bħala persuna li taħdem għal rasha li d-dħul tiegħu huwa intaxxat fil-Polonja, fil‑11 ta’ Awwissu 2016, iffirma kuntratt ma’ kumpannija stabbilita f’Varsavja (il-Polonja) li skontu huwa kellu jipprovdi ċerti servizzi fi Franza, fil-kuntest ta’ proġett partikolari, mit‑22 ta’ Awwissu 2016 sa tmiem dan il-proġett.

    21

    Fuq il-bażi ta’ dan il-kuntratt, inħareġ ċertifikat A 1 miż-ZUS, abbażi tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 883/2004, li jagħti prova, b’applikazzjoni tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 987/2009, li TE kien suġġett għal-leġiżlazzjoni Pollakka fil-qasam tas-sigurtà soċjali matul il-perijodu ta’ bejn it‑22 ta’ Awwissu 2016 u l‑21 ta’ Awwissu 2017 (iktar ’il quddiem il-“perijodu kontenzjuż”).

    22

    Wara eżami mill-ġdid ex officio, iż-ZUS ikkonstata li, matul il-perijodu kontenzjuż, TE kien jeżerċita l-attività tiegħu fi Stat Membru wieħed biss, jiġifieri r-Repubblika Franċiża. Għalhekk, permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Diċembru 2017 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), iż-ZUS, minn naħa, irtira l-imsemmi ċertifikat A1, u, min-naħa l-oħra, ikkonstata li, konformement mal-Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament Nru 883/2004, TE ma kienx suġġett għal-leġiżlazzjoni Pollakka matul l-imsemmi perijodu. Peress li qies li d-dispożizzjoni rilevanti sabiex tiġi ddeterminata l-leġiżlazzjoni applikabbli għal TE ma kinitx l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 883/2004, iżda l-Artikolu 11 tal-istess regolament, iż-ZUS adotta din id-deċiżjoni mingħajr ma segwa minn qabel il-proċedura prevista fl-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 987/2009 intiża għal koordinazzjoni mal-istituzzjoni Franċiża kompetenti f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli għal TE.

    23

    TE ppreżenta rikors quddiem is-Sąd Okręgowy w Toruniu (il-Qorti Reġjonali ta’ Toruń, il-Polonja) kontra d-deċiżjoni kontenzjuża. Dik il-qorti qieset li, minn naħa, matul il-perijodu kontenzjuż, TE ma kienx jaħdem fi Stat Membru wieħed, b’tali mod li kien suġġett għall-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 883/2004, u, min-naħa l-oħra, iż-ZUS ma kienx eżawrixxa l-proċedura ta’ koordinazzjoni prevista fl-Artikoli 6, 15 u 16 tar-Regolament Nru 987/2009, minkejja li din il-proċedura hija obbligatorja għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli. Għalhekk, matul il-proċedura ġudizzjarja, l-imsemmija qorti talbet liż-ZUS jibda l-imsemmija proċedura ta’ kooperazzjoni mal-istituzzjoni Franċiża kompetenti, ħaġa li ż-ZUS irrifjuta li jagħmel, billi qies li l-bidu tal-istess proċedura ma kienx iġġustifikat. Sabiex tiġi evitata sitwazzjoni li fiha TE ma jkun kopert minn ebda skema ta’ sigurtà soċjali, is-Sąd Okręgowy w Toruniu (il-Qorti Reġjonali ta’ Toruń) iddeċidiet li, matul il-perijodu kontenzjuż, TE kien suġġett għal-leġiżlazzjoni Pollakka u konsegwentement, żammet fis-seħħ iċ-ċertifikat A1 inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    24

    Permezz ta’ sentenza tal‑5 ta’ Frar 2020, is-Sąd Apelacyjny w Gdańsku (il-Qorti tal-Appell ta’ Gdansk, il-Polonja) ċaħdet l-appell ippreżentat miż-ZUS kontra s-sentenza mogħtija mis-Sąd Okręgowy w Toruniu (il-Qorti Reġjonali ta’ Toruń), u għalhekk ikkonfermat l-imsemmija sentenza.

    25

    Iż-ZUS ippreżenta appell ta’ kassazzjoni kontra dik is-sentenza quddiem is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja), li hija l-qorti tar-rinviju, fejn sostna li, peress li l-irtirar taċ-ċertifikat A1 inkwistjoni kien jeżiġi l-eżawriment minn qabel tal-proċedura ta’ koordinazzjoni prevista mir-Regolament Nru 987/2009, id-deċiżjoni kontenzjuża kienet ivvizzjata minn irregolarità li setgħet tiġi rrimedjata biss fil-kuntest tal-proċedura quddiem iż-ZUS innifsu. Għalhekk, id-deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtija mis-Sąd Okręgowy w Toruniu (il-Qorti Reġjonali ta’ Toruń) u mis-Sąd Apelacyjny w Gdańsku (il-Qorti tal-Appell ta’ Gdansk) kienu żbaljati peress li dawk il-qrati kien imisshom bagħtu l-kawża lura quddiem iż-ZUS sabiex dan tal-aħħar iwettaq eżami mill-ġdid tal-imsemmi ċertifikat A1 b’kollaborazzjoni mal-istituzzjoni Franċiża kompetenti, u mhux jiddeċiedu dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli għal TE.

    26

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    L-istituzzjoni ta’ Stat [Membru] li tkun ħarġet [iċ-ċertifikat] A1 u li ex officio – mingħajr talba mill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat – ikollha l-intenzjoni li tannulla, tirrevoka jew tinvalida [ċ-ċertifikat] maħruġ, hija obbligata twettaq proċedura ta’ konċiljazzjoni mal-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru l-ieħor abbażi tar-regoli analogi għal dawk li japplikaw skont l-Artikoli 6 u 16 tar-Regolament [Nru 987/2009]?

    2)

    Il-proċedura ta’ konċiljazzjoni għandha titwettaq qabel l-annullament, ir-revoka jew l-invalidar tal-formularju maħruġ, jew inkella dan l-annullament, revoka jew invalidar huwa [konformement mal-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 987/2009] ta’ natura preliminari u provviżorja […], li jsir finali fil-każ fejn l-istituzzjoni kkonċernata tal-Istat Membru [l-ieħor] ma tesprimix oġġezzjoni jew l-opinjoni differenti tagħha dwar din il-kwistjoni?”

    Fuq id‑domandi preliminari

    27

    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-Artikoli 6 u 16 tar-Regolament Nru 987/2009, imsemmija mill-qorti tar-rinviju fid-domandi tagħha, li jirrigwardaw, rispettivament, l-applikazzjoni provviżorja ta’ leġiżlazzjoni u l-għoti provviżorju ta’ benefiċċji kif ukoll il-proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 883/2004, jirriproduċu, essenzjalment, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 76(6) ta’ dan l-aħħar regolament li jipprevedi l-proċedura ta’ djalogu u ta’ konċiljazzjoni bejn l-istituzzjonijiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati (iktar ’il quddiem il-“proċedura ta’ djalogu u ta’ konċiljazzjoni”).

    28

    Barra minn hekk, l-unika dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tagħmel riferiment għall-irtirar taċ-ċertifikati A1 hija l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 987/2009, li huwa intitolat “Valur legali tad-dokumenti u l-evidenza ta’ sostenn imħejjija fi Stat Membru ieħor”.

    29

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li ċ-ċertifikat A 1 jikkorrispondi għal formola standard maħruġa, konformement mat-Titolu II tar-Regolament Nru 987/2009, mill-istituzzjoni indikata mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu fil-qasam tas-sigurtà soċjali hija applikabbli, sabiex, skont il-kliem, b’mod partikolari, tal-Artikolu 19(2) ta’ dan ir-regolament, tagħti prova li l-ħaddiema li jinsabu f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fit-Titolu II tar-Regolament Nru 883/2004 huma suġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru (sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2023, DRV Intertrans u Verbraeken J. en Zonen, C‑410/21 u C‑661/21, EU:C:2023:138, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    30

    Issa, l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 987/2009 jipprevedi li d-dokumenti maħruġa mill-istituzzjoni ta’ Stat Membru li jagħtu prova tas-sitwazzjoni ta’ persuna għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolamenti Nri 883/2004 u 987/2009, kif ukoll id-dokumenti ta’ sostenn relatati magħhom, għandhom jiġu aċċettati mill-istituzzjonijiet tal-Istati Membri l-oħra sakemm dawn ma jkunux ġew irtirati jew iddikjarati invalidi mill-Istat Membru fejn inħarġu.

    31

    Il-paragrafi (2) u (4) tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 987/2009 jippreċiżaw il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-proċedura ta’ djalogu u ta’ konċiljazzjoni għall-finijiet tar-riżoluzzjoni tat-tilwim bejn l-istituzzjoni tal-Istat Membru li jirċievi d-dokumenti u d-dokumenti ta’ sostenn imsemmija fil-paragrafu (1) ta’ dan l-Artikolu 5 u l-istituzzjoni li toħroġ dawn id-dokumenti. B’mod iktar partikolari, il-paragrafi (2) u (3) tal-imsemmi Artikolu 5 jippreċiżaw il-proċessi li dawn l-istituzzjonijiet huma mistiedna li jsegwu f’każ ta’ dubju dwar il-validità ta’ tali dokumenti u dokumenti ta’ sostenn jew dwar l-eżattezza tal-fatti li fuqhom huma bbażati d-dettalji li jidhru fihom, billi jimponu fuq l-istituzzjoni li toħroġhom l-obbligu li teżamina mill-ġdid il-fondatezza tal-ħruġ tal-imsemmija dokumenti u li, jekk ikun il-każ, tirtirahom. Il-paragrafu (4) tal-istess Artikolu 5, min-naħa tiegħu, jipprovdi li, fin-nuqqas ta’ ftehim bejn l-istituzzjonijiet ikkonċernati, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jressqu l-każ quddiem il-Kummissjoni Amministrattiva, li għandha tfittex li tirrikonċilja l-fehmiet fi żmien sitt xhur mid-data li fiha l-kwistjoni titressaq quddiemha.

    32

    Għalhekk, għandu jitqies li, permezz taż-żewġ domandi tagħha li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 5, 6 u 16 tar-Regolament Nru 987/2009 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-istituzzjoni li toħroġ ċertifikat A1 li, wara eżami mill-ġdid ex officio tal-elementi li fuqhom huwa bbażat il-ħruġ ta’ dan iċ-ċertifikat, tikkonstata l-ineżattezza ta’ dawn l-elementi, tista’ tirtira l-imsemmi ċertifikat mingħajr ma tibda minn qabel il-proċedura ta’ djalogu u ta’ konċiljazzjoni mal-istituzzjonijiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati bl-għan li tiġi ddeterminata l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli.

    33

    Fl-ewwel lok, għandu jiġi ppreċiżat li ċertifikat A1 jista’ jiġi rtirat ex officio mill-istituzzjoni tal-ħruġ, jiġifieri mingħajr ma tiġi adita b’talba għal eżami mill-ġdid u għal revoka indirizzata mill-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru ieħor.

    34

    Fil-fatt, minn naħa, peress li l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 987/2009 jirreferi għaċ-ċertifikati A1 “irtirati”, mingħajr ma jippreċiża jew jillimita l-każijiet ta’ tali rtirar, għandu jitqies li din id-dispożizzjoni tkopri kull każ ta’ rtirar ta’ tali ċertifikati.

    35

    Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, in-natura vinkolanti taċ-ċertifikati A1 fir-rigward tal-istituzzjonijiet tal-Istati Membri li ma humiex l-Istat Membru tal-ħruġ hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, li jimplika wkoll il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka. Skont dawn il-prinċipji, l-istituzzjoni tal-ħruġ għandha twettaq evalwazzjoni korretta tal-fatti li fuqhom huwa bbażat il-ħruġ ta’ dawn iċ-ċertifikati u eżami diliġenti tal-applikazzjoni tal-iskema tas-sigurtà soċjali rispettiva tagħha sabiex tiggarantixxi l-eżattezza tad-dettalji li jinsabu fl-imsemmija ċertifikati u, għaldaqstant, l-applikazzjoni korretta tar-Regolament Nru 883/2004, u l-istituzzjonijiet tal-Istati Membri l-oħra għandhom id-dritt li jistennew li l-istituzzjoni tal-ħruġ tikkonforma ruħha ma’ tali obbligu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta Frar 2018, Altun et, C‑359/16, EU:C:2018:63, punti 374042 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    36

    Issa, sa fejn il-modalitajiet tal-attivitajiet tal-ħaddiem ikkonċernat jistgħu jevolvu meta mqabbla mas-sitwazzjoni meħuda inkunsiderazzjoni waqt il-ħruġ ta’ ċertifikat A1, u sa fejn l-elementi li servew ta’ bażi għall-istabbiliment inizjali ta’ din is-sitwazzjoni jistgħu sussegwentement jirriżultaw ineżatti, il-prinċipji ta’ kooperazzjoni leali u ta’ fiduċja reċiproka jimplikaw li l-istituzzjoni tal-ħruġ għandha l-obbligu li tivverifika matul il-perijodu kollu tal-eżekuzzjoni tal-attività li fuqha huwa bbażat il-ħruġ ta’ tali ċertifikat l-eżattezza tad-dettalji li jinsabu fih u li tirtirah jekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni reali tal-ħaddiem ikkonċernat, hija tikkonstata li l-imsemmi ċertifikat ma huwiex konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 883/2004.

    37

    Fit-tieni lok, għalkemm, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 987/2009, id-deċiżjoni tal-istituzzjoni tal-ħruġ li tirtira ċertifikat A1, wara talba għal eżami mill-ġdid u għall-irtirar mressqa mill-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, għandha tiġi adottata fil-kuntest tal-proċedura ta’ djalogu u ta’ konċiljazzjoni bejn l-istituzzjonijiet ikkonċernati, konformement mal-modalitajiet ta’ applikazzjoni speċifikati fil-paragrafi (2) sa (4) ta’ dan l-Artikolu 5, madankollu l-imsemmi artikolu ma jinkludi ebda dispożizzjoni dwar il-modalitajiet proċedurali li għandhom jiġu osservati mill-istituzzjoni tal-ħruġ li tixtieq tirtira ċertifikat A1 ex officio.

    38

    B’mod partikolari, l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 987/2009 ma jipprevedix, f’tali każ, l-obbligu li l-istituzzjoni tal-ħruġ tadotta d-deċiżjoni ta’ rtirar fl-osservanza tal-imsemmija proċedura ta’ djalogu u ta’ konċiljazzjoni.

    39

    Fid-dawl tal-assenza ta’ previżjoni speċifika ta’ tali obbligu proċedurali fil-każ fejn l-istituzzjoni tal-ħruġ tixtieq tirtira ċertifikat A1 ex officio, għandu jitqies li l-proċedura prevista fl-Artikolu 5(2) sa (4) tar-Regolament Nru 987/2009 ma tikkostitwixxix obbligatorju minn qabel għall-finijiet tal-irtirar ex officio ta’ ċertifikat A1 mill-istituzzjoni tal-ħruġ li kkonstatat l-ineżattezza tal-elementi li fuqhom huwa bbażat il-ħruġ ta’ dan iċ-ċertifikat.

    40

    Din l-interpretazzjoni li tirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 987/2009 hija, barra minn hekk, koerenti fid-dawl tan-natura, tal-għan u tal-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ djalogu u ta’ konċiljazzjoni.

    41

    Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 76(6) tar-Regolament Nru 883/2004, moqri fid-dawl tal-Artikolu 72(a) ta’ dan ir-regolament, din il-proċedura tikkostitwixxi mezz stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex jiġu solvuti t-tilwimiet bejn l-istituzzjonijiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati dwar, b’mod partikolari, l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tal-imsemmi regolament.

    42

    Minn dan isegwi li l-użu tal-proċedura ta’ djalogu u ta’ konċiljazzjoni jirriżulta mill-eżistenza ta’ diverġenza ta’ opinjonijiet bejn l-istituzzjonijiet kompetenti ta’ żewġ Stati Membri jew iktar, fatt li huwa kkonfermat mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 987/2009 li jipprevedu l-użu ta’ tali proċedura.

    43

    Fil-fatt, l-Artikoli 5 u 6 ta’ dan ir-regolament jipprevedu li l-imsemmija proċedura għandha tintuża, rispettivament, meta l-istituzzjoni li tirċievi ċertifikat A1 tikkontesta l-validità tiegħu jew l-eżattezza tal-fatti li fuqhom huwa bbażat il-ħruġ ta’ dan iċ-ċertifikat u titlob, konsegwentement, li l-istituzzjoni tal-ħruġ tirtirah, u, meta l-istituzzjonijiet jew l-awtoritajiet ta’ diversi Stati Membri jkollhom opinjonijiet differenti dwar id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli jew tal-istituzzjoni msejħa sabiex tipprovdi l-benefiċċji kkonċernati.

    44

    Min-naħa tagħhom, l-Artikoli 16 u 60 tar-Regolament Nru 987/2009, li jiddefinixxu l-proċeduri għall-applikazzjoni tal-Artikoli 13 u 68 tar-Regolament Nru 883/2004, jipprevedu l-użu tal-istess proċedura, skont il-modalitajiet ta’ applikazzjoni speċifikati fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 987/2009, fil-każ ta’ diverġenza ta’ opinjonijiet bejn l-istituzzjonijiet ikkonċernati dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli.

    45

    Issa, l-irtirar ex officio ta’ ċertifikat A1 mill-istituzzjoni tal-ħruġ ma joriġinax mill-eżistenza ta’ tilwima bejn l-istituzzjoni tal-ħruġ u l-istituzzjoni ta’ Stat Membru ieħor li tikkontesta l-eżattezza ta’ dan iċ-ċertifikat, iżda mill-konstatazzjoni tal-istituzzjoni tal-ħruġ, wara l-verifiki li hija obbligata twettaq sabiex tosserva l-obbligi tagħha skont il-prinċipji ta’ kooperazzjoni leali u ta’ fiduċja reċiproka, kif stabbiliti fil-punti 35 u 36 ta’ din is-sentenza, li d-dettalji li jinsabu fl-imsemmi ċertifikat ma jikkorrispondux mar-realtà.

    46

    Fl-aħħar, l-interpretazzjoni msemmija fil-punt 39 ta’ din is-sentenza la tikkomprometti d-drittijiet li l-ħaddiem ikkonċernat miċ-ċertifikat A1, li huwa s-suġġett tal-irtirar, jislet mir-Regolament Nru 883/2004 u lanqas l-għan imfittex minn dan ir-regolament.

    47

    Fil-fatt, minn naħa, għandu jitfakkar li, bil-ħruġ ta’ tali ċertifikat, l-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru tillimita ruħha li tiddikjara li l-ħaddiem ikkonċernat huwa suġġett għal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ Marzu 2000, Banks et, C‑178/97, EU:C:2000:169, punt 53).

    48

    Għalhekk, peress li ċ-ċertifikat A1 ma huwiex att li joħloq drittijiet iżda att dikjaratorju, l-irtirar tiegħu ma jistax iwassal għat-telf ta’ tali drittijiet.

    49

    Min-naħa l-oħra, wara l-irtirar taċ-ċertifikat A1, il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-ħaddiem ikkonċernat għandha tiġi ddeterminata konformement mad-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament 883/2004, billi tintuża, jekk ikun il-każ, meta l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 987/2009 jkun applikabbli, l-proċedura ta’ djalogu u ta’ konċiljazzjoni.

    50

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 883/2004 jikkostitwixxu sistema sħiħa u uniformi ta’ regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet li l-għan tagħhom ma huwiex biss dak li jiġu evitati l-applikazzjoni simultanja ta’ diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali u l-komplikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw minnha, iżda wkoll dak li jiġi evitat li persuni li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament jiġu mċaħħda mill-protezzjoni tas-sigurtà soċjali, minħabba nuqqas ta’ leġiżlazzjoni applikabbli għalihom (sentenzi tat‑8 Mejju 2019, Inspecteur van de Belastingdienst, C‑631/17, EU:C:2019:381, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    51

    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 987/2009 jipprevedi l-applikazzjoni provviżorja ta’ leġiżlazzjoni u l-għoti provviżorju ta’ benefiċċji, fil-każ ta’ diverġenza ta’ opinjonijiet bejn l-istituzzjonijiet ta’ żewġ Stati Membri jew iktar dwar id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli jew tal-istituzzjoni li għandha tagħti l-benefiċċji.

    52

    Konsegwentement, l-applikazzjoni tas-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 883/2004, sabiex tiġi ddeterminata l-leġiżlazzjoni applikabbli, wara l-irtirar ex officio ta’ ċertifikat A1 mill-istituzzjoni tal-ħruġ, ma tippermettix biss li jiġi żgurat li l-protezzjoni tal-ħaddiem ikkonċernat tkun iggarantita f’kull mument, inkluż, f’każ ta’ tilwima bejn l-istituzzjonijiet ikkonċernati dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli, iżda wkoll li jiġi żgurat li l-imsemmi ħaddiem ikun suġġett, fi kwalunkwe mument, anki f’tali każ ta’ tilwima, għal leġiżlazzjoni nazzjonali waħda.

    53

    Fit-tielet u fl-aħħar lok, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 76(4) tar-Regolament Nru 883/2004 u mill-premessi 2 u 22 tar-Regolament Nru 987/2009, il-funzjonament tajjeb tas-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 883/2004 jeħtieġ kooperazzjoni effikaċi u stretta kemm bejn l-istituzzjonijiet kompetenti tad-diversi Stati Membri kif ukoll bejn dawn l-istituzzjonijiet u l-persuni li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Tali kooperazzjoni hija meħtieġa għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-drittijiet u tal-obbligi tal-persuni kkonċernati u sabiex dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jinvokaw id-drittijiet tagħhom malajr kemm jista’ jkun u fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli.

    54

    L-imsemmija kooperazzjoni timponi, fuq dawn l-istituzzjonijiet kollha u fuq dawn il-persuni kollha, l-iskambju tal-informazzjoni neċessarja għall-istabbiliment u għad-determinazzjoni tad-drittijiet u tal-obbligi tal-imsemmija persuni, hekk kif jirriżulta kemm mill-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament Nru 987/2009, li jiddelimitaw il-portata u l-modalitajiet tal-iskambji bejn dawn l-istituzzjonijiet u bejn dawn l-istituzzjonijiet u l-persuni kkonċernati, kif ukoll mill-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament, li jippreċiża d-dmir ta’ kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet kompetenti tad-diversi Stati Membri.

    55

    Għalhekk, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, għalkemm l-istituzzjoni tal-ħruġ li tixtieq tirtira ex officio ċertifikat A1, minħabba l-ineżattezza tad-dettalji li jinsabu fih, ma għandhiex tibda minn qabel il-proċedura ta’ djalogu u ta’ konċiljazzjoni mal-istituzzjonijiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati, id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 53 u 54 ta’ din is-sentenza jimponu, min-naħa l-oħra, l-obbligu fuq l-imsemmija istituzzjoni, ladarba dan l-irtirar jitwettaq, li, fl-iqsar żmien possibbli, tinforma bl-irtirar kemm lil dawn l-istituzzjonijiet kif ukoll lill-persuna kkonċernata u li tikkomunikalhom l-informazzjoni u d-data kollha neċessarja għall-finijiet tal-istabbiliment u tad-determinazzjoni tad-drittijiet ta’ din il-persuna.

    56

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikoli 5, 6 u 16 tar-Regolament Nru 987/2009 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-istituzzjoni li toħroġ ċertifikat A1 li, wara eżami mill-ġdid ex officio tal-elementi li fuqhom huwa bbażat il-ħruġ ta’ dan iċ-ċertifikat, tikkonstata l-ineżattezza ta’ dawn l-elementi, tista’ tirtira l-imsemmi ċertifikat mingħajr ma tibda minn qabel il-proċedura ta’ djalogu u ta’ konċiljazzjoni mal-istituzzjonijiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati bil-għan li tiġi ddeterminata l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli.

    Fuq l‑ispejjeż

    57

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikoli 5, 6 u 16 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-kordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 465/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012,

     

    għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

     

    l-istituzzjoni li toħroġ ċertifikat A1 li, wara eżami mill-ġdid ex officio tal-elementi li fuqhom huwa bbażat il-ħruġ ta’ dan iċ-ċertifikat, tikkonstata l-ineżattezza ta’ dawn l-elementi, tista’ tirtira l-imsemmi ċertifikat mingħajr ma tibda minn qabel il-proċedura ta’ djalogu u ta’ konċiljazzjoni prevista fl-Artikolu 76(tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, kif emendat bir-Regolament Nru 465/2012, mal-istituzzjonijiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati bil-għan li tiġi ddeterminata l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.

    Top