Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CC0447

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali A. Rantos, ippreżentati fit-18 ta’ April 2024.
Ir-Repubblika tas-Slovenja vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Għajnuna mill-Istat – Artikoli 107 u 108 TFUE – Miżuri mogħtija mir-Repubblika tas-Slovenja lil network ta’ spiżeriji bl-imnut muniċipali qabel l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea – Fażi ta’ eżami preliminari – Assenza ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali – Kunċett ta’ ‘diffikultajiet serji’ – Portata tal-obbligi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea – Oneru tal-prova fuq il-parti li tinvoka l-eżistenza ta’ ‘diffikultajiet serji’ – Portata.
Kawża C-447/22 P.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:326

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RANTOS

ippreżentati fit‑18 ta’ April 2024 (1)

Kawża C447/22 P

Ir-Repubblika tas-Slovenja,

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Petra Flašker

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Artikoli 107 u 108 TFUE – Miżuri ta’ għajnuna mogħtija mir-Repubblika tas-Slovenja qabel l-adeżjoni mal‑Unjoni Ewropea – Fażi ta’ eżami preliminari – Deċiżjoni tal‑Kummissjoni li tikkonkludi l-assenza tal-għajnuna mill-Istat – Nuqqas ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali – Kunċett ta’ ‘diffikultajiet serji’ dwar l-eżistenza ta’ għajnuna jew dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern – Portata tal-obbligi ta’ diliġenza u ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni – Oneru tal-prova fuq il-parti li tinvoka l-eżistenza ta’ ‘diffikultajiet serji’”






I.      Introduzzjoni

1.        Permezz tal-appell tagħha, ir-Repubblika tas-Slovenja titlob l‑annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑27 ta’ April 2022, Flašker vs Il-Kummissjoni (T‑392/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2022:245), li permezz tagħha hija annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 1724 finali tal‑24 ta’ Marzu 2020, li tagħlaq l-eżami tal-miżuri li jikkonċernaw il-katina ta’ spiżeriji pubbliċi Lekarna Ljubljana fid-dawl tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat li jinsabu fl-Artikoli 107 u 108 TFUE [Kawża SA.43546 (2016/FC) – Slovenja, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”], sa fejn tikkonċerna “l-attivi taħt il-ġestjoni” tagħha.

2.        Din il-kawża oriġinat minn ilment imressaq quddiem il‑Kummissjoni, fl‑2016, minn Petra Flašker (iktar ’il quddiem “PF”), l‑operatriċi ta’ spiżerija privata, li rrapportat l-eżistenza ta’ għajnuna mill‑Istat favur Lekarna Ljubljana, kompetitur, fil-forma, b’mod partikolari, ta’ għoti ta’ attivi taħt il-ġestjoni, bħal stabbilimenti kummerċjali, b’kundizzjonijiet li ma jikkorrispondux ma’ kundizzjonijiet tas-suq. Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għalqet l-eżami tal-ilment mingħajr ma fetħet il-proċedura ta’ eżami fil-fond prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE. Il-Kummissjoni indikat, essenzjalment, li, fi tmiem il-fażi ta’ eżami preliminari prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE, hija kienet kisbet il-konvinzjoni suffiċjenti li l-miżuri inkwistjoni ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, filwaqt li spjegat li, anki jekk l‑għoti ta’ attivi taħt il-ġestjoni seta’ jikkostitwixxi tali għajnuna, din allura kienet “għajnuna eżistenti”. Adita b’rikors għal annullament, il-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata, laqgħet il-motiv imressaq minn PF ibbażat fuq il-fatt li l‑Kummissjoni ma setgħetx legalment tadotta d-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma fetħet il-proċedura ta’ eżami prevista fl‑Artikolu 108(2) TFUE, u annullat id-deċiżjoni kkontestata, f’dak li jirrigwarda l-attivi taħt il-ġestjoni ta’ Lekarna Ljubljana.

3.        Fl-appell, ir-Repubblika tas-Slovenja, sostnuta mill-Kummissjoni, issostni, fil-qafas tal-ewwel żewġ aggravji tagħha, li s-sentenza appellata kienet ivvizzjata minn żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl‑applikazzjoni tal-Artikolu 108(2) u (3) TFUE u tal-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament (EU) 2015/1589 (2), kif ukoll tal-kunċett ta’ “diffikultajiet serji” li jwasslu għall-obbligu ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Skont it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser jiffukaw fuq l-analiżi ta’ dawn l-ewwel żewġ aggravji tal-appell.

4.        Din il-kawża hija estensjoni ta’ varji kawżi oħra li wasslu għal ġurisprudenza stabbilita tal-qrati tal-Unjoni u wara sensiela ta’ kawżi oħra li wasslu għal sentenzi iktar reċenti dwar l-assenza ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali (3). Hija toffri għalhekk lill-Qorti tal-Ġustizzja l-okkażjoni li tikkjarifika iktar, minn naħa waħda, il-kunċett ta’ “diffikultajiet serji” li l-eżistenza tagħhom, fi tmiem eżami preliminari, timponi l-obbligu fuq il-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura formali u, min-naħa l-oħra, l-oneru tal-prova u l-portata tal-obbligi ta’ diliġenza u ta’ investigazzjoni li jaqgħu fuq din l-istituzzjoni meta tkun iffaċċjata b’sitwazzjoni ta’ inċertezza.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      ItTrattat ta’ Adeżjoni u lAtt ta’ Adeżjoni

5.        It-Trattat li jirrigwarda l-adeżjoni tar-Repubblika tas-Slovenja mal-Unjoni Ewropea (4), ġie ffirmat mir-Repubblika tas-Slovenja fis‑16 ta’ April 2003 u daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Mejju 2004 (iktar ’il quddiem it-“Trattat ta’ Adeżjoni”).

6.        Skont l-Artikolu 1(2) tat-Trattat ta’ Adeżjoni, il-kundizzjonijiet tad-dħul u l-aġġustamenti tat-Trattati li fuqhom hija mibnija l-Unjoni Ewropea huma stabbiliti fl-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal‑adeżjoni mal-Unjoni Ewropea u l-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“Att ta’ Adeżjoni” (5)).

7.        L-Artikolu 22 tal-Att ta’ Adeżjoni li, bħad-dispożizzjonijiet l-oħra tiegħu, huwa parti integrali mit-Trattat ta’ Adeżjoni, jistipula li l-miżuri elenkati fil-lista li tinsab fl-Anness IV tiegħu għandhom ikunu applikati skont il-kundizzjonijiet stipulati f’dak l-Anness.

8.        Il-punt 3(1) tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni jistipula:

“L-iskemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li ġejjin li kienu fis-seħħ fi Stat Membru ġdid qabel id-data ta’ l-adeżjoni u li jkunu għadhom japplikaw wara dik id-data, għandhom jitqiesu ma’ l-adeżjoni bħala għajnuna eżistenti fis-sens ta’ l-Artikolu [108(1) TFUE]:

a)      miżuri ta’ għajnuna li daħlu fis-seħħ qabel l-10 ta’ Diċembru 1994;

b)      miżuri ta’ għajnuna elenkati fl-Appendiċi ta’ dan l-Anness;

c)      miżuri ta’ għajnuna li qabel id-data ta’ l-adeżjoni kienu valutati mill-awtorità li tissorvelja l-għajnuna mogħtija mill-Istat ta’ l-Istat Membru l-ġdid u meqjusa bħala kompatibbli ma’ l-acquis, u li dwarhom il-Kummissjoni [Ewropea] ma ressqet l-ebda oġġezzjoni abbażi ta’ dubji serji dwar jekk il-miżura tkunx kompatibbli mas‑suq komuni, skond il-proċedura stipulata fil-paragrafu 2.

Kull miżura li tibqa’ tapplika wara d-data ta’ l-adeżjoni li hija miżura ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat u li ma tissodisfax il-kondizzjonijiet stipulati hawn qabel, għandha ma’ l-adeżjoni tiġi meqjusa bħala għajnuna ġdida għall-iskopjiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [108(3) TFUE.]”

B.      IrRegolament (UE) 2015/1589

9.        L-Artikolu 1 tar-Regolament 2015/1589, intitolat “Definizzjonijiet”, jistipula dan li ġej:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

a)      ‘għajnuna’: tfisser kull miżura li tissodisfa l-kriterja kollha stipulati fl-Artikolu 107(1) [TFUE];

b)      ‘għajnuna eżistenti’ tfisser:

i)      mingħajr preġudizzju […] għall-punt 3 u l-Appendiċi tal‑Anness IV tal-Att tal-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, tal‑Estonja, ta’ Ċipru, tal-Latvja, tal-Litwanja, tal-Ungerija, ta’ Malta, tal-Polonja, tas-Slovenja u tas-Slovakkja […], l‑għajnuna kollha li kienet teżisti qabel id-dħul fis-seħħ tat‑TFUE fl-Istati Membri rispettivi, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li daħlu fis-seħħ qabel, u għadhom jgħoddu wara, id-dħul fis-seħħ tat-TFUE fl-Istat Membri rispettiv;

[…]

c)      ‘għajnuna ġdida’ tfisser kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li ma jkunux għajnuna eżistenti, inkluż tibdil fl-għajnuna eżistenti;

[…]”

10.      L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Eżami preliminari tan-notifika u deċiżjonijiet tal-Kummissjoni”, jistipula, fil-paragrafi 2 sa 5 tagħhom:

“2.      Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li l-miżura notifikata ma tikkostitwixxix għajnuna, għandha tirreġistra dik is-sejba permezz ta’ deċiżjoni.

3.      Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li miżura notifikata ma tqajjem l-ebda dubju dwar il-kompatibilità mas-suq intern, safejn tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) [TFUE], hija tiddeċiedi li l-miżura hija kompatibbli mas-suq intern (‘deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet’). Id-deċiżjoni għandha tispeċifika liema eċċezzjoni skont it-TFUE tkun ġiet applikata.

4.      Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li miżura notifikata tqajjem dubji dwar il-kompatibilità mas-suq intern, hija tiddeċiedi li għandhom jinbdew proċeduri skont l-Artikolu 108(2) [TFUE] (‘deċiżjoni li tinbeda l-proċedura formali ta’ investigazzjoni’).

5.      Id-deċiżjonijiet li imsemmija fil-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu għandhom jittieħdu fi żmien xahrejn. […]”

C.      IrRegolament (KE) Nru 794/2004

11.      L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 794/2004 (6), intitolat “Proċeduri simplifikati ta’ notifikazzjoni għal ċerti alterazzjonijiet għal għajnuna eżistenti”, jistipula, fl-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tiegħu, li, għall-finijiet tal-Artikolu 1(c) tar-Regolament 2015/1589, “alterazzjoni għal għajnuna eżistenti tfisser xi bidla, minbarra modifikazzjonijiet ta’ natura purament formali jew amministrattiva li ma jistux jeffettwaw l-evalwazzjoni tal-kompatibilità tal-miżura ta’ l‑għajnuna mas-suq [intern]. Iżda żieda fl-estimi oriġinali ta’ skema eżistenti ta’ għajnuna sa 20 % m’għandhiex titqies bħala alterazzjoni għall-għajnuna eżistenti”.

III. Il-fatt li wasslu għall-kawża

12.      Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata huma spjegati fil-punti 2 sa 13 tas-sentenza appellata u, għall-finijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet, jistgħu jitqassru bil-mod segwenti.

13.      Fl‑1979, f’Ljubljana (Slovenja), dak iż-żmien fir‑Repubblika Federali Soċjalista tal-Jugoslavja, inħolqot entità msejħa Lekarna Ljubljana o.p., inkarigata mid-distribuzzjoni fl-ispiżeriji ta’ prodotti farmaċewtiċi. Skont l-indikazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet Sloveni, din l-entità kellha attivi li jippermettulha teżerċita l-funzjoni tagħha. Skont PF, bħalissa spiżjara fi spiżerija professjonali, din l-entità kienet “organizzazzjoni ta’ ħidma konġunta”, li ma teżerċitax attività ekonomika fis-suq u li ma għandhiex il-kapaċità li jkollha proprjetà.

14.      Wara l-indipendenza tas-Slovenja, fl‑1991 ġiet adottata Liġi dwar l-Istabbilimenti, li tkopri b’mod partikolari l-istabbilimenti pubbliċi intiżi li jagħtu servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali. Skont l-Artikolu 48 ta’ din il-Liġi: “[l]-istabbiliment jislet ir-riżorsi tiegħu għall-funzjoni tiegħu minn għotjiet tal-fundatur tiegħu, mill-bejgħ ta’ prodotti u ta’ servizzi u minn sorsi oħra previsti f’din il-liġi”.

15.      Is-sena ta’ wara ġiet adottata wkoll Liġi dwar l-Ispiżeriji. Din kienet tistipula l-eżistenza ta’ stabbilimenti pubbliċi ta’ spiżeriji flimkien ma’ spiżeriji privati kif ukoll ir-responsabbiltà tal-muniċipalitajiet għall-provvista ta’ servizzi ta’ spiżeriji fit-territorju tagħhom. L-ispiżeriji privati jingħataw awtorizzazzjoni ta’ eżerċizzju fil-forma ta’ konċessjoni mogħtija mill-muniċipalità kkonċernata wara sejħa għal offerti. L-istabbilimenti pubbliċi ta’ spiżerija huma stabbiliti mill-muniċipalitajiet, li huma involuti fil-ġestjoni tagħhom, u huma rregolati mill-att fundatur tagħhom. Skont il-Kummissjoni, illum fis‑Slovenja jeżistu madwar 25 stabbiliment pubbliku ta’ spiżerija, li jiġġestixxu kważi 200 spiżerija, u 100 spiżerija privata.

16.      Abbażi ta’ dawn iż-żewġ liġijiet, fl‑1997, il-muniċipalità ta’ Ljubljana, permezz ta’ digriet, ħolqot l-istabbiliment pubbliku ta’ spiżerija Javni Zavod Lekarna Ljubljana (iktar ’il quddiem “Lekarna Ljubljana”), filwaqt li spjegat li dan kien is-suċċessur legali ta’ Lekarna Ljubljana o.p. u kien qed jieħu d-drittijiet u l-obbligi ta’ din tal-aħħar.

17.      Bħalissa, Lekarna Ljubljana jiġġestixxi madwar 50 spiżerija fis‑Slovenja, prinċipalment f’Ljubljana, iżda wkoll madwar ħmistax f’komuni oħra. F’Grosuplje (Slovenja), il-belt li fih PF tiġġestixxi l‑ispiżerija privata tagħha, hemm ukoll żewġ spiżeriji ta’ Lekarna Ljubljana.

18.      Permezz ta’ ilment uffiċjali mressaq fis‑27 ta’ April 2016 fi ħdan il-Kummissjoni, wara kuntatti preliminari mas-servizzi tagħha, PF irrappurtat l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107 TFUE favur Lekarna Ljubljana. Fost il-miżuri identifikati waqt l-investigazzjoni ta’ dan l-ilment hemm “l-għoti ta’ attivi taħt il-ġestjoni” b’kundizzjonijiet li, skont PF, ma jikkorrispondux mal-kundizzjonijiet tas-suq. Hija ssemmi, bħala tali attivi, stabbilimenti kummerċjali.

19.      Kien hemm diversi skambji bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Sloveni, minn naħa waħda, u PF, min-naħa l-oħra. Il-Kummissjoni, darbtejn, bagħtet lil din tal-aħħar evalwazzjoni preliminari li turi li l-miżuri identifikati ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. Kull darba, PF kompliet bl-ilment tagħha billi ressqet informazzjoni addizzjonali u fl‑2018 kienet sostnuta minn 16‑il spiżerija oħra fis‑Slovenja.

20.      Fl‑24 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni bagħtet id-deċiżjoni kkontestata lir-Repubblika tas-Slovenja. Din ġiet adottata mingħajr mal-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ eżami fil-fond previst fl‑Artikolu 108(2) TFUE. Il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessa 73 ta’ din id-deċiżjoni, li l-eżami tal-erba’ miżuri favur Lekarna Ljubljana identifikati bil-mod segwenti minn PF matul l-investigazzjoni, jiġifieri i) il-benefiċċju, mogħti mill-muniċipalità ta’ Skofljica (Slovenja), ta’ kiri fit-tul mingħajr ħlas, ii) l-għoti ta’ attivi taħt il-ġestjoni mill-muniċipalità ta’ Ljubljana, iii) l-eżenzjoni ta’ drittijiet ta’ konċessjoni mogħtija minn diversi muniċipalitajiet u iv) l-abbandun ta’ profitti li kellhom jiġu kondiviżi ma’ diversi muniċipalitajiet, ma kienx żvela l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat. Madankollu, fir-rigward tal-għoti ta’ attivi taħt il-ġestjoni, il‑Kummissjoni spjegat, fil-premessi 37 sa 40 tad-deċiżjoni kkontestata, li, jekk l-għoti ta’ tali attivi seta’ jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, dan kien allura “għajnuna eżistenti”.

21.      Il-motivazzjoni li tinsab f’dawn l-aħħar premessi hija s‑segwenti. Wara li fakkret id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 48 tal-Liġi dwar l-Istabbilimenti adottata fl‑1991 u wara li indikat, minn naħa waħda, li l-muniċipalità ta’ Ljubljana kellha minħabba f’hekk tagħti lil Lekarna Ljubljana attivi sabiex dan l-istabbiliment ikun jista’ jibda l-attività tiegħu u, min-naħa l‑oħra, li kull attiv akkwistat minn Lekarna Ljubljana, inkluż mill-mezzi tiegħu stess, huwa elenkat bħala “attiv taħt il-ġestjoni” skont ir-regoli tal‑kontabbiltà pubblika, il-Kummissjoni tispjega li, skont l-awtoritajiet Sloveni, il-muniċipalità ta’ Ljubljana, fl‑1979, tat lil Lekarna Ljubljana o.p. attivi neċessarji għall‑bidu tal-attivitajiet tagħha, li fl‑1997 dawn l-attivi ġew ittrasferiti lis-suċċessur fid-dritt tagħha, jiġifieri Lekarna Ljubljana, u li l-attivi l-oħra kollha akkwistati wara minn dawn iż-żewġ entitajiet mill‑1979 ġew miksuba bil-mezzi tagħhom stess fis-suq u skont il‑kundizzjonijiet tas-suq. L-uniċi attivi taħt il-ġestjoni li l-għoti tagħhom jista’ jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat huma għalhekk dawk li ħarġu mill-għoti inizjali ta’ attivi lil Lekarna Ljubljana o.p., li fl‑1997 ġew ittrasferiti lil Lekarna Ljubljana.

22.      Sussegwentement il-Kummissjoni tagħmel riferiment għall-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni, b’mod partikolari l-punt 3 tiegħu, li jirrigwarda l-politika tal‑kompetizzjoni. Hija tindika li, skont il-paragrafu 1 tiegħu, “[l]-iskemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li ġejjin li kienu fis-seħħ fi Stat Membru ġdid qabel id-data ta’ l-adeżjoni u li jkunu għadhom japplikaw wara dik id-data, għandhom jitqiesu ma’ l-adeżjoni bħala għajnuna eżistenti [fis-sens tal-Artikolu 108(1) TFUE]: a) miżuri ta’ għajnuna li daħlu fis-seħħ qabel l‑10 ta’ Diċembru 1994”.

23.      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tfakkar li l-Artikolu 1(c) tar‑Regolament 2015/1589 jiddefinixxi bħala “għajnuna ġdida” “kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li ma jkunux għajnuna eżistenti, inkluż tibdil fl-għajnuna eżistenti”. Hija tfakkar ukoll li, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 794/2004, “alterazzjoni għal għajnuna eżistenti tfisser xi bidla, minbarra modifikazzjonijiet ta’ natura purament formali jew amministrattiva li ma jistux jeffettwaw l-evalwazzjoni tal-kompatibilità tal-miżura ta’ l‑għajnuna mas-suq [intern]”.

24.      Il-Kummissjoni tikkonkludi li, sa fejn l-għoti ta’ attivi taħt il-ġestjoni rriżulta f’għajnuna mill-Istat, din kienet għalhekk għajnuna eżistenti, għaliex din l-għajnuna kienet ingħatat fil-qafas tal-implimentazzjoni ta’ Lekarna Ljubljana o.p. fl‑1979. Is-sostituzzjoni ta’ din tal-aħħar minn Lekarna Ljubljana fl‑1997 hija ta’ natura purament amministrattiva, peress li l-kuntest legali ma nbidilx, u lanqas l-użu u l-kundizzjonijiet ta’ użu tal-attivi kkonċernati. Din is-sostituzzjoni għalhekk ma tistax tikkostitwixxi bidla ta’ għajnuna eżistenti u l-għajnuna inkwistjoni konsegwentament tibqa’ dejjem għajnuna ta’ din in-natura.

IV.    Ilproċedura quddiem ilQorti Ġenerali u ssentenza appellata

25.      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Ġunju 2020, PF ippreżentat rikors għall-annullament tad‑deċiżjoni kkontestata u għall-kundanna tal-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċedura.

26.      Insostenn ta’ dan ir-rikors, PF qajmet tliet motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, it-tieni, fuq evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u żball ta’ klassifikazzjoni legali tal-fatti relatati mal-għoti ta’ attivi taħt il-ġestjoni, li twassal għal ksur tal-Artikoli 107 u 108 TFUE, u, it-tielet, fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma setgħetx legalment tadotta d-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma tibda l-proċedura ta’ eżami prevista fl‑Artikolu 108(2) TFUE (7).

27.      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet it-tielet motiv, li hija qieset opportun li jiġi analizzat fl-ewwel lok, u laqgħet ir‑rikors, billi annullat id-deċiżjoni kkontestata sa fejn din kienet tikkonċerna l-evalwazzjoni, fir-rigward tar-regoli fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, tal-għoti ta’ attivi taħt il-ġestjoni lil Lekarna Ljubljana, mingħajr ma qieset neċessarju li teżamina l-ewwel u t-tieni motivi (8).

28.      B’mod iktar preċiż, wara li spjegat il-portata tar-rikors fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-miżuri li jikkonċernaw l-“attivi taħt il-ġestjoni” biss (9), u wara li spjegat li kien opportun li jiġi eżaminat it-tielet motiv tar‑rikors fid-dawl, b’mod partikolari, tal-argumenti mressqa minn PF fil‑qafas tat-tieni motiv (10), il-Qorti Ġenerali qasmet f’żewġ partijiet l-eżami tagħha dwar l-attivi taħt il-ġestjoni, skont jekk ġewx mogħtija fl‑1979, meta ġiet stabbilita l-Lekarna Ljubljana o.p., sabiex tkun tista’ tibda l-attività tagħha (iktar ’il quddiem l-“attivi taħt il-ġestjoni fl‑1979”), jew ġewx integrati wara din id-data minn Lekarna Ljubljana o.p. u Lekarna Ljubljana (iktar ’il quddiem, l-“attivi taħt il-ġestjoni wara l‑1979”) (11).

29.      Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, fi tmiem l-eżami preliminari li hija kienet wettqet skont l-Artikolu 108(3) TFUE, il-Kummissjoni ma kinitx neħħiet id-dubji f’dak li jirrigwarda, minn naħa waħda, il-kwistjoni dwar jekk l-attivi li kienu ngħataw taħt il-ġestjoni lil Lekarna Ljubljana p.o. fl‑1979 u li ġew ittrasferiti lil Lekarna Ljubljana fl‑1997, sa fejn jistgħu jiġu kklassifikati bħala “għajnuna mill-Istat”, kinux jikkostitwixxu għajnuna eżistenti jew għajnuna ġdida fis-sens tal-Artikolu  1(b) tar-Regolament 2015/1589 (12), u, min-naħa l-oħra, il-kwistjoni dwar jekk l-attivi kollha taħt il-ġestjoni integrati minn Lekarna Ljubljana o.p. u Lekarna Ljubljana wara l‑1979 sarux minn dawn l-istabbilimenti stess skont il-kundizzjonijiet tas-suq, kif iddikjaraw l-awtoritajiet Sloveni u, konsegwentement, jekk ingħatatx għajnuna mill-Istat lil dawn l-entitajiet permezz ta’ dawn l-attivi (13).

30.      Abbażi ta’ dawn iż-żewġ konstatazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Kummissjoni kienet “iffaċċjata minn diffikultajiet serji li kellhom iwassluha sabiex tiftaħ il-proċedura prevista fl‑Artikolu 108(2) TFUE […]. L-eżami fil-fond li tinvolvi din l-aħħar proċedura kien jippermetti wkoll, skont il-bżonn, lill-Kummissjoni tiddeċiedi b’mod ċar fuq il-domandi segwenti: il-preżenza nnifisha ta’ għajnuna mill-Istat, skont l-Artikolu 107 TFUE, fil-każ tal-għoti lil Lekarna Ljubljana ta’ attivi taħt il-ġestjoni mingħajr ħlas jew b’mod preferenzjali mill-muniċipalità ta’ Ljubljana, il-klassifikazzjoni ta’ tali attivi ta’ għajnuna eżistenti jew ta’ għajnuna ġdida u l-klassifikazzjoni ta’ għajnuna individwali jew ta’ għajnuna li taqa’ taħt skema ta’ għajnuna. Dan kien jippermetti lill-Kummissjoni tindirizza l-proċess b’mod informat sabiex, jekk meħtieġ, tevalwa l-kompatibbiltà mas-suq intern tal-miżuri li kienu jirriżultaw li huma għajnuna, eżistenti jew ġdida, li jirrikjedu tali evalwazzjoni” (14).

V.      Ilproċedura quddiem ilQorti tal-Ġustizzja u ttalbiet talpartijiet

31.      Fis‑6 ta’ Lulju 2022, ir-Repubblika tas-Slovenja ppreżentat appell kontra s-sentenza appellata. Hija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata u, prinċipalment, tiċħad ir-rikors fl-ewwel istanza; sussidjarjament, jekk it-tilwima ma tkunx fi stat li tiġi deċiża, tibgħat il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u tikkundanna lil PF għall-ispejjeż.

32.      Minn naħa tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata u, prinċipalment, jekk it-tilwima hija fi stat li tiġi deċiża, tiċħad ir-rikors fl-ewwel istanza u tikkundanna lil PF għall‑ispejjeż; sussidjarjament, tibgħat il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u tirriżerva l-ispejjeż.

33.      Minn naħa tagħha, PF titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lir-Repubblika tas-Slovenja għall-ispejjeż.

34.      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja nstemgħu waqt is-seduta li saret fil‑31 ta’ Jannar 2024.

VI.    Analiżi

35.      Insostenn tal-appell tagħha, ir-Repubblika tas-Slovenja, sostnuta mill-Kummissjoni, tqajjem erba’ aggravji bbażati, l-ewwel wieħed, fuq żbalji ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-Artikolu 108(2) u (3) TFUE u tal-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament 2015/1589, u żbalji fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “diffikultajiet serji” fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat, f’dak li jirrigwarda l-attivi taħt il-ġestjoni wara l‑1979, it-tieni, fuq interpretazzjoni żbaljata tal-fatti u żbalji ta’ liġi fir-rigward tal-eżistenza ta’ tali diffikultajiet serji f’dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni ta’ attivi taħt il-ġestjoni fl‑1979 bħala “għajnuna eżistenti”, it-tielet, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-Qorti Ġenerali, u, ir-raba’, fuq ksur tad-dritt tal-Kummissjoni għal rimedju effettiv u għal qorti imparzjali, fis-sens tal-Artikolu 47 tal‑Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

36.      Fuq it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser ikunu limitati għall-analiżi tal-ewwel żewġ aggravji tal-appell.

37.      Sa fejn dawn iż-żewġ aggravji jirrigwardaw l-obbligu tal-Kummissjoni li teżamina lment dwar l-eżistenza ta’ allegata għajnuna jew il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, jidhirli li huwa utli, fl-ewwel lok, li tiġi eżaminata l-portata tal-obbligu tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE, kif stabbilit fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja (A), imbagħad, fit-tieni lok, li jiġi analizzat ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali filwaqt li teżamina l-ilmenti differenti mqajma mir‑Repubblika tas-Slovenja, sostnuta mill-Kummissjoni, fil-qafas tal-ewwel aggravju, li jirrigwarda l-attivi taħt il-ġestjoni wara l‑1979 (B), u tat-tieni aggravju, li jirrigwarda l-attivi taħt il-ġestjoni fl‑1979 (C).

A.      Fuq lobbligu talKummissjoni li tiftaħ ilproċedura ta’ investigazzjoni formali skont lArtikolu 108(2) TFUE

38.      F’dan l-istadju, inqis utli li jitfakkru r-regoli rilevanti dwar is-sistema ta’ stħarriġ ta’ għajnuna mill-Istati stabbilita permezz tat-Trattat FUE u l-obbligi tal-Kummissjoni fil-qafas tal-proċedura ta’ eżami ta’ għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 108 TFUE.

39.      Qabelxejn, infakkar li l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ miżuri ta’ għajnuna mas-suq intern taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal‑Kummissjoni (15). Fil-fatt, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal‑Artikoli 93 u 107 TFUE, il-Kummissjoni ngħatat, permezz tal‑Artikolu 108 TFUE, is-setgħa speċifika u esklużiva biex tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq intern meta teżamina l-għajnuna eżistenti, meta tieħu deċiżjonijiet dwar għajnuna ġdida jew għajnuna modifikata u meta tieħu azzjoni dwar nuqqas ta’ konformità mad-deċiżjonijiet tagħha jew mal-ħtieġa li ssir in-notifika (16). Din il-kompetenza esklużiva hija intiża, b’mod partikolari, sabiex ikun hemm l-applikazzjoni effettiva u uniformi tal-Artikolu 107 TFUE fl‑Unjoni Ewropea kollha, b’ċertezza legali u trasparenza (17).

40.      Fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami ta’ għajnuna mill-Istat prevista fl-Artikolu 108 TFUE, hemm lok li ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-fażi ta’ eżami preliminari ta’ għajnuna stabbilita bl-Artikolu 108(3) TFUE, li għandha biss l-għan li tippermetti lill-Kummissjoni li tifforma l-ewwel opinjoni dwar l-eżistenza jew il-kompatibbiltà parzjali jew totali ta’ għajnuna, u, min-naħa l-oħra, il-fażi ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 108(2) TFUE, li hija intiża sabiex tippermetti lill-Kummissjoni li jkollha informazzjoni kompleta dwar il-każ kollu. Il-karatteristika prinċipali li tagħmel distinzjoni bejn dawn iż-żewġ fażijiet tinsab fl-assenza, waqt il-fażi preliminari, ta’ kull obbligu tal-Kummissjoni li ssejjaħ il-persuni ikkonċernati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom qabel ma tieħu d-deċiżjoni tagħha (18). Għalhekk, l-arkitettura ta’ din is-sistema hija bbażata fuq l-idea li d-dipartimenti tal-Kummissjoni ma għandhomx ikunu meħtieġa jwettqu proċedura li tkun ta’ piż kbir fuq ir-riżorsi tagħhom meta miżura tal-Istat, prima facie, ma tqajjimx diffikultajiet fir-rigward tal-klassifikazzjoni tagħha jew tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, li tispjega wkoll għaliex id-deċiżjonijiet li jagħlqu l-fażi preliminari huma meħuda, bħala regola, f’terminu ta’ xahrejn (19).

41.      F’dan ir-rigward, mill-kliem tal-Artikolu 4(4) tar‑Regolament 2015/1589 u minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta l-Kummissjoni ma tistax takkwista l-konvinzjoni, wara l-ewwel eżami fil-qafas tal-proċedura tal-Artikolu 108(3) TFUE, li l-miżura tal-Istat inkwistjoni, jew ma tikkostitwixxix “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, jew, jekk hija kklassifikata bħala għajnuna, hija kompatibbli mat-Trattat, jew meta din il-proċedura ma tippermettilhiex li tegħleb id-diffikultajiet kollha mqajma mill-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura kkunsidrata, din l-istituzzjoni għandha l-obbligu li tiftaħ il-proċedura prevista fl‑Artikolu 108(2) TFUE “mingħajr ma jkollha f’dan ir-rigward marġni diskrezzjonali” (20). Il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE hija għalhekk indispensabbli meta l-Kummissjoni jkollha diffikultajiet serji sabiex tevalwa l-eżistenza jew il-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern. Fi kliem ieħor, il-Kummissjoni ma tistax, għalhekk, tieqaf fil-fażi tal-eżami preliminari msemmija fl-Artikolu 108(3) TFUE sabiex tieħu deċiżjoni favur għajnuna ħlief jekk hija f’pożizzjoni li tkun konvinta, fi tmiem l-ewwel eżami, li din l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq intern. Min-naħa l-oħra, jekk dan l-ewwel eżami jwassal lill-Kummissjoni għal konvinzjoni kuntrarja, jew inkella ma ppermettilhiex li tegħleb id-diffikultajiet imqajma mill-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna jew tal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq intern, il-Kummissjoni għandha d-dover li tieħu l-pariri kollha neċessarji u tiftaħ, b’dan il-mod, il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE (21).

42.      Minn din l-istess ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-kunċett ta’ “diffikultajiet serji” għandu natura oġġettiva (22) u li l-prova tal-eżistenza ta’ tali diffikultajiet, li għandha titfittex kemm fiċ-ċirkustanzi tal‑adozzjoni tad-deċiżjoni meħuda fi tmiem l-eżami preliminari u fil‑kontenut tagħha, għandha tiġi prodotta mir-rikorrent għall‑annullament ta’ din id-deċiżjoni, abbażi ta’ sensiela ta’ indizji konkordanti (23). B’hekk, in-natura insuffiċjenti jew inkompleta tal-eżami mwettaq mill-Kummissjoni waqt il-proċedura ta’ eżami preliminari tikkostitwixxi indizju li din l-istituzzjoni kienet iffaċċjata b’diffikultajiet serji sabiex tiġi evalwata l-kompatibbiltà tal-miżura nnotifikata mas-suq intern, li kellu jwassalha sabiex tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali (24).

43.      Għalhekk, meta parti interessata titlob l-annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ għajnuna mill-Istat, hija tikkontesta essenzjalment il-fatt li din l-istituzzjoni tkun adottat l-imsemmija deċiżjoni mingħajr ma tkun fetħet il-proċedura formali ta’ investigazzjoni, u b’hekk tikser id-drittijiet proċedurali tagħha. Sabiex tintlaqa’ t-talba għal annullament tagħha, ir-rikorrenti tista’ tinvoka kwalunkwe motiv ta’ natura li juri li l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi li għandha l-Kummissjoni, matul il-fażi ta’ eżami preliminari, kellha tqajjem dubji dwar il-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern. Madankollu, l-użu ta’ tali argumenti ma jistax ikollu l‑konsegwenza li jibdel is-suġġett tar-rikors u lanqas li jibdel il‑kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tiegħu. Għall-kuntrarju, l-eżistenza ta’ dubji dwar din il-kompatibbiltà hija preċiżament il-prova li għandha tiġi prodotta sabiex jintwera li l-Kummissjoni kienet marbuta tiftaħ il‑proċedura ta’ investigazzjoni formali msemmija fl‑Artikolu 108(2) TFUE u fl-Artikolu 6(1) tar‑Regolament 2015/1589 (25).

44.      Minn dan isegwi li l-legalità ta’ deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet, ibbażata fuq l-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2015/1589, tiddependi mill-kwistjoni dwar jekk l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-provi li għandha l-Kummissjoni, waqt il-fażi tal-eżami preliminari tal‑miżura kkomunikata, setgħetx oġġettivament tqajjem dubji kemm dwar il-klassifikazzjoni ta’ din il-miżura bħala “għajnuna” kif ukoll dwar il‑kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq intern, peress li tali dubji għandhom jagħtu lok għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali li fiha jistgħu jipparteċipaw il-“partijiet interessati” imsemmija fl‑Artikolu 1(h) tal-imsemmi regolament (26).

45.      Barra minn hekk, il-legalità ta’ deċiżjoni meħuda fi tmiem il‑proċedura ta’ eżami preliminari, bħal dik imsemmija fl-Artikolu 4(2) tar‑Regolament 2015/1589, għandha tiġi evalwata mill-qorti tal-Unjoni mhux biss abbażi tal-informazzjoni li l-Kummissjoni kellha fil-mument li fih hija adottatha, iżda wkoll skont l-informazzjoni li hija “seta’ kellha” għad-dispożizzjoni tagħha, u din tinkludi l-informazzjoni li kienet tidher rilevanti u li, fuq talba tagħha, hija setgħet tikseb il-produzzjoni tagħha matul il-proċedura amministrattiva (27).

46.      Fil-fatt, il-Kummissjoni hija obbligata, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba ta’ regoli fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, tmexxi l-proċedura ta’ eżami tal-miżuri inkwistjoni b’mod diliġenti u imparzjali sabiex ikollha, waqt l-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali li tistabbilixxi l‑eżistenza u, jekk ikun il-każ, l-inkompatibbiltà jew l-illegalità tal‑għajnuna, l-iktar elementi kompleti u affidabbli possibbli sabiex tagħmel dan (28).

47.      F’dan ir-rigward, fis-sentenza Tempus Energy, il-Qorti tal‑Ġustizzja spjegat li, jekk waqt l-eżami tal-eżistenza u tal-legalità ta’ għajnuna mill-Istat, jista’ jkun neċessarju li l-Kummissjoni, jekk ikun il‑każ, tmur lil hinn mill-eżami biss tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi miġjuba għall-għarfien tagħha, madankollu ma għandhiex tkun il-Kummissjoni li għandha tfittex, fuq inizjattiva tagħha stess u fin-nuqqas ta’ kull indizju f’dan is-sens, l-informazzjoni kollha li tista’ tippreżenta rabta mal-kawża li hija adita quddiemha, minkejja li tali informazzjoni tinsab fil-qasam pubbliku (29). B’hekk, is-sempliċi eżistenza ta’ element ta’ informazzjoni potenzjalment rilevanti li dwaru l-Kummissjoni ma kellhiex għarfien u li fuqu ma kinitx obbligata tinvestiga, fir-rigward tal-elementi ta’ informazzjoni li effettivament kienet fil-pussess tagħhom, ma tistax turi l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji, li obbligaw lil din l-istituzzjoni sabiex tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali (30).

48.      Fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l‑Kummissjoni bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, il‑Qorti tal-Ġustizzja spjegat li, fil-każ ta’ deċiżjoni, meħuda skont l‑Artikolu 108(3) TFUE, li ma jitqajmux oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ miżura ta’ għajnuna, tali deċiżjoni għandha tinkludi unikament ir‑raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni tqis li quddiemha ma hemmx diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna kkonċernata mas-suq intern u li anki motivazzjoni fil-qosor ta’ din id‑deċiżjoni għandha titqies bħala suffiċjenti fir-rigward tar-rekwiżit ta’ motivazzjoni kif previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, jekk hija madankollu turi b’mod ċar u inekwivokabbli r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni qieset li quddiemha ma hemmx tali diffikultajiet, fejn il‑kwistjoni tal-fondatezza ta’ din il-motivazzjoni ma tagħmilx parti minn dan ir-rekwiżit (31).

49.      Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li, minkejja li l-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 41 sa 47 ta’ dawn il‑konklużjonijiet ġew żviluppati prinċipalment fir-rigward ta’ deċiżjonijiet li ma jitqajmux oġġezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2015/1589, dawn japplikaw ukoll għad-deċiżjonijiet, bħad-deċiżjoni kkontestata, li tikkonstata li l-miżura “ma tikkostitwixxix għajnuna”, imsemmija fl-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament (32).

50.      Huwa fid-dawl ta’ dawn ir-rekwiżiti li għandu jiġi vverifikat jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fis-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx neħħiet, fi tmiem l-eżami preliminari li hija kienet wettqet bis-saħħa tal-Artikolu 108(3) TFUE, id-dubji fir-rigward tal-attivi taħt il-ġestjoni, jiġifieri li jiġi ddeterminat, minn naħa, jekk l-attivi taħt il-ġestjoni integrati minn Lekarna Ljubljana o.p. u minn Lekarna Ljubljana wara l‑1979 kienux saru skont il-kundizzjonijiet tas-suq, u, konsegwentament, jekk ingħatatx għajnuna permezz ta’ dawn l-attivi (l‑ewwel aggravju tal-appell) u, min-naħa l-oħra, jekk l-attivi mogħtija taħt il‑ġestjoni fl‑1979 lil Lekarna Ljubljana o.p. u ttrasferiti fl‑1997 lil Lekarna Ljubljana, minkejja li setgħu jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill‑Istat, kinux jikkostitwixxu għajnuna eżistenti jew għajnuna ġdida (it‑tieni aggravju tal-appell).

B.      Fuq l-ewwel aggravju talappell

1.      Largumenti talpartijiet

51.      Permezz tal-ewwel aggravju tal-appell, li jkopri l-punti 48 sa 50 tas-sentenza appellata, relatati mal-analiżi li tirrigwarda l-attivi taħt il‑ġestjoni integrati minn Lekarna Ljubljana o.p. u minn Lekarna Ljubljana wara l‑1979, ir-Repubblika tas-Slovenja, sostnuta mill‑Kummissjoni, tikkritika, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali li ma ddefinixxietx b’mod tajjeb il-portata tal-obbligi li għandha l‑Kummissjoni matul il-fażi ta’ eżami preliminari stabbilita bl‑Artikolu 108(3) TFUE, billi adottat livell probatorju baxx wisq f’dak li jirrigwarda jekk kienx hemm “diffikultajiet serji” li jistgħu jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, skont l‑Artikolu 108(2) TFUE.

52.      B’mod iktar preċiż, huwa żbaljat li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil‑punt 49 tas-sentenza appellata, li s-sitwazzjoni relatata man-natura u mal-istatus ta’ attivi taħt il-ġestjoni wara l‑1979 ma “kinitx ċara”. Kien ukoll żbaljat li hija kkonkludiet, fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, li l‑Kummissjoni ma kinitx neħħiet id-dubji dwar jekk l-impriżi msemmija hawn fuq kinux kisbu l-attivi taħt il-ġestjoni kollha tagħhom, wara l‑1979, skont il-kundizzjonijiet tas-suq, u jekk, konsegwentament, ingħatatax għajnuna mill-Istat lil dawn l-entitajiet permezz ta’ dawn l‑attivi.

53.      Insostenn ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-Repubblika tas‑Slovenja, fl-ewwel lok, tieħu pożizzjoni fuq is-seba’ dokumenti kollha u l-provi prodotti minn PF waqt il-proċedura ta’ eżami preliminari u analizzati mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, filwaqt li ssostni, essenzjalment, li ebda waħda minn dawn l-elementi ma għandha, oġġettivament, tnissel dubji dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat ipotetika. Fil-fatt, minkejja li PF ma tat l-ebda indizju konkret jew prova li setgħet oġġettivament tnissel dubju dwar il-fatt li l-muniċipalità ta’ Ljubljana kienet ittrasferixxiet lil Lekarna Ljubljana attivi taħt il-ġestjoni mingħajr ħlas jew b’kundizzjonijiet iktar favorevoli minn dawk tas-suq, il‑Kummissjoni setgħet leġittimament toqgħod fuq l-assigurazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet Sloveni li dawn l-attivi attivi taħt il-ġestjoni kienu ġew mogħtija skont il-kundizzjonijiet tas-suq u ma kinitx obbligata tfittex, bl-inizzjativa tagħha stess, informazzjoni li setgħet, skont il-każ, tkun rilevanti għall-finijiet tal-konstatazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat ipotetika.

54.      Fit-tieni lok, ir-Repubblika tas-Slovenja tilmenta li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat, kif jirriżulta mill-punt 48 tas-sentenza appellata, li ma kinitx PF li kellha turi, lil hinn minn kull dubju possibbli, li l-attivi taħt il-ġestjoni ta’ Lekarna Ljubljana kienu jinkludu attivi li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, iżda li, għall-kuntrarju, kienet il‑Kummissjoni, iffaċċjata b’sitwazzjoni ta’ “inċertezza” li kellha tipproċedi b’eżami iktar fil-fond. Meta pproċediet b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat l-istandard legali ta’ “diffikultajiet serji”, peress li applikat livell probatorju mhux adegwat u manifestament baxx sabiex PF turi l-eżistenza ta’ dubju, mingħajr ma qieset, sabiex tagħmel dan, il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni sabiex tiftaħ il‑proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(3) TFUE. Dan l-approċċ li, barra minn hekk, jikser l-istandard stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Tempus Energy, wassal għalhekk sabiex titneħħa kull distinzjoni bejn il-fażi preliminari u l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, u jorbot lill-Kummissjoni tibda din l-aħħar proċedura kull darba li persuna tesprimi, matul l-ewwel waħda minn dawn il-fażijiet, tħassib dwar allegata għajnuna mill-Istat, u dan minkejja li din il-parti ma tkun ressqet l-ebda prova plawżibbli insostenn tal‑allegazzjonijiet tagħha.

55.      PF issostni li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

2.      Evalwazzjoni

56.      Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-legalità ta’ deċiżjoni li, wara eżami preliminari, tikkonstata li miżura ma tikkostitwixxix għajnuna tiddependi mill-punt dwar jekk l‑evalwazzjoni tal-informazzjoni u ta’ elementi li l-Kummissjoni kellha, waqt il-fażi tal-eżami, kellhiex oġġettivament tqajjem dubji dwar tali klassifikazzjoni u twassal għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali (33).

57.      Sabiex isir tali stħarriġ tal-legalità, u sa fejn il-kontenut tal‑punti 48 sa 50 tas-sentenza appellata, espressament imsemmija fl-ewwel motiv, jirriflettu l-analiżi magħmula fil-punti preċedenti tas-sentenza appellata, jidhirli utli li jitfakkar ir-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali fil-punti 40 sa 50 ta’ din is-sentenza, dwar l-attivi taħt il-ġestjoni akkwistati minn Lekarna Ljubljana o.p. u minn Lekarna Ljubljana wara l‑1979 (34).

58.      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali, fl-ewwel lok, ikkonstatat li l-konklużjoni tal‑Kummissjoni li dawn l-attivi ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill‑Istat kienet ibbażata fuq id-dikjarazzjoni tal-awtoritajiet Sloveni li l-imsemmija attivi kollha ġew akkwistati fuq is-suq privat mingħajr ebda sostenn pubbliku. Madankollu, sabiex tasal għal din il‑konklużjoni, il-Kummissjoni sempliċement irreferiet għall‑assigurazzjonijiet mogħtija f’dan is-sens mill-awtoritajiet Sloveni, minkejja li l-ebda prova konkreta ma ġiet prodotta insostenn ta’ din id‑dikjarazzjoni (35).

59.      Fit-tieni lok, sabiex jiġi stabbilit jekk ingħatatx għajnuna mill-Istat fir-rigward tal-attivi taħt il-ġestjoni wara l‑1979, il-Qorti Ġenerali eżaminat id-dokumenti differenti prodotti minn PF intiżi li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ “diffikultajiet serji”, li bihom il-Kummissjoni kienet iffaċċjata. Qabelxejn, il-Qorti Ġenerali ħadet pożizzjoni dwar l-estratt tar‑rapport annwali ta’ Lekarna Ljubljana għas-sena 2012, li kien jirreferi għal żewġ beni immobbli li kienu jibbenefikaw minn status partikolari li kienu ġew ittrasferiti taħt ġestjoni lil din tal-aħħar mill-muniċipalità ta’ Ljubljana (iktar ’il quddiem iż-“żewġ beni immobbli inkwistjoni”), mingħajr ma ġew spjegati l-kundizzjonijiet ta’ dan it-trasferiment (36). Sussegwentament, wara li kkonstatat li Lekarna Ljubljana kien jaqa’ fil-kategorija tal-benefiċċjarji msemmija fl-Artikolu 24 tal-Liġi Slovena dwar l-Attivi Fiżiċi tal-Istat u tal-Amministrazzjoni Lokali, li tipprevedi li l-Istat u l-amministrazzjonijiet lokali jistgħu jagħtu mingħajr ħlas attivi fiżiċi lill-entitajiet pubbliċi li ma humiex kumpanniji pubbliċi, jekk dan ikun fl-interess pubbliku, il-Qorti Ġenerali indikat, essenzjalment, li ma għandux jiġi eskluż li dan it-tip ta’ trasferiment ta’ attivi fiżiċi jaqa’ fil‑kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” (37). Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali analizzat l-estratti differenti tal-kontijiet pubbliċi ta’ Lekarna Ljubljana u tal-muniċipalità ta’ Ljubljana għas-snin 2010, kif prodotti minn PF. Dawn l-estratti urew ċerti diskrepanzi bejn iċ-ċifri tal-muniċipalità relatati mal-valur tal-attivi mogħtija taħt il-ġestjoni lil Lekarna Ljubljana u dawk li rriżultaw mill-kontijiet pubbliċi ta’ dan tal-aħħar. F’dan ir‑rigward, il-Qorti Ġenerali rrilevat li “ma jidhirx li hu possibbli li tkun taf, billi sempliċement tħares lejn dawn il-kontijiet pubbliċi, li, fi ħdan l‑attivi mogħtija taħt il-ġestjoni lil Lekarna Ljubljana, kien hemm rispettivament attivi immobbli li ġew mogħtija lilu mingħajr ħlas jew b’kundizzjonijiet preferenzjali mill-muniċipalità ta’ Ljubljana, attivi immobbli akkwistati skont kundizzjonijiet tas-suq minn Lekarna Ljubljana jew anki attivi finanzjarji u moneterji” u li “ma kellhiex tkun [PF] li tipprova mingħajr dubju possibbli li fost l-attivi taħt il-ġestjoni ta’ Lekarna Ljubljana kien hemm attivi li huma għajnuna mill-Istat, iżda kellha tkun il-Kummissjoni, iffaċċjata minn sitwazzjoni ta’ inċertezza f’dan ir-rigward, li tidħol fil-fond iktar fl-investigazzjonijiet tagħha” (38).

60.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, essenzjalment, li, fi tmiem l-eżami preliminari mwettaq skont l-Artikolu 108(3) TFUE, il-Kummissjoni ma kinitx qajmet d-dubji eżistenti dwar jekk l-attivi taħt il-ġestjoni integrati minn Lekarna Ljubljana o.p. u minn Lekarna Ljubljana wara l-1979 kinux saru f’kundizzjonijiet tas-suq u lanqas, konsegwentament, dwar jekk ġietx mogħtija għajnuna mill-Istat lil dawn l-entitajiet permezz ta’ dawn l-attivi (39). Skont il-qorti, il-Kummissjoni naqset milli tissodisfa l-oneru tal-prova li għandha, peress li xi provi mressqa minn PF waqt il-proċedura amministrattiva, bħal dawk imsemmija fil-punti 58 u 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jirriflettu sitwazzjoni “ftit ċara” fuq in-natura u fuq l-istatus ta’ dawn l-attivi taħt il-ġestjoni. Il-Qorti Ġenerali żiedet li, iffaċċjata b’tali sitwazzjoni, kienet il-Kummissjoni li kellha tinvestiga fil-fond iktar sabiex tistabbilixxi – permezz tas-setgħat estensivi għad-dispożizzjoni tagħha skont it‑Trattat FUE u r-Regolament 2015/1589 – jekk, fost l-attivi taħt il‑ġestjoni ta’ Lekarna Ljubljana, kienx hemm attivi li jikkorrispondu ma’ għajnuna mill-Istat. L-oneru tal-prova f’dan ir-rigward ma setgħetx titqies li taqa’ fuq PF, li jkun ħafna iktar diffiċli għaliha li tikseb mingħand l-awtoritajiet pubbliċi li setgħu taw għajnuna mill-Istat l‑informazzjoni rilevanti f’dan ir-rigward (40).

61.      Huwa abbażi ta’ din l-analiżi li għandhom jiġu kkunsidrati l‑ilmenti differenti mressqa mir-Repubblika tas-Slovenja u mill‑Kummissjoni.

62.      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal‑Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex teżerċita, skont l‑Artikolu 256 TFUE, stħarriġ dwar il-klassifikazzjoni legali tagħhom u l-konsegwenzi ta’ dritt li jiġu misluta minnu. L-evalwazzjoni tal-fatti ma hijiex għalhekk, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tal-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qafas ta’ appell (41). F’dan il-każ, irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk huwiex żbaljat li l-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 50 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma qajmitx dubji dwar il-kwistjoni jekk l-attivi taħt il-ġestjoni wara l‑1979 jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat, l-ilmenti intiżi sabiex jikkontestaw il-valur tal-provi li PF pproduċiet fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva u li l-Qorti Ġenerali eżaminat fis-sentenza appellata għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli, sa fejn huma intiżi, fir-realtà, sabiex tinkiseb evalwazzjoni ġdida tal-fatti, li ma taqax fil-kompetenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja. Barra minn hekk, matul is-seduta, ir-Repubblika tas‑Slovenja u l-Kummissjoni ddikjaraw li ma kinux qegħdin jikkontestaw il-materjalità tal-fatti kkonstatati mill-Qorti Ġenerali billi jinvokaw żnaturament tal-provi. Għalhekk, ma hemmx lok li jiġu eżaminati l-argumenti speċifiċi, ta’ natura fattwali, imqajma mir-Repubblika tas-Slovenja u l-Kummissjoni, li jikkonċernaw il-provi differenti.

63.      Fit-tieni lok, kif ikkonfermaw ukoll matul is-seduta, kemm ir-Repubblika tas-Slovenja kif ukoll il-Kummissjoni jikkontestaw il-klassifikazzjoni legali tal-fatti hawn fuq imsemmija, bħala indizji li jistgħu jistabbilixxu li jeżistu dubji fir-rigward tal-eżistenza jew tal-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern. Issa, tali allegat żball ta’ klassifikazzjoni legali tippreżupponi l-eżistenza ta’ żball fil-livell tad-definizzjoni tal-livell tal-oneru tal-prova fuq PF meta hija tinvoka l-eżistenza ta’ “diffikultajiet serji” li jistgħu jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

64.      F’dan ir-rigward, fil-kuntest tal-konstatazzjoni ta’ “regoli u prinċipji applikabbli” (42), il-Qorti Ġenerali, fil‑punti 35 u 36 tas-sentenza appellata, għamlet riferiment għall-istandard legali applikabbli b’mod kompletament konformi mal-ġurisprudenza kkonstatata, iċċitati fil-punti 41 sa 47 ta’ dawn il‑konklużjonijiet. B’mod iktar preċiż, fil-punt 35 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret, korrettament, li, “meta l-Kummissjoni teżamina miżuri ta’ għajnuna fir-rigward tal-Artikolu 107 TFUE sabiex tistabbilixxi jekk humiex kompatibbli mas-suq intern, hija obbligata tiftaħ [il-proċedura ta’ investigazzjoni formali] meta, wara l-fażi ta’ eżami preliminari, hija ma setgħetx teskludi d-diffikultajiet kollha li kienu jipprekludu li jiġi konkluż li dawn il-miżuri kienu kompatibbli mas-suq intern” u li “[l]-istess prinċipji għandhom jiġu applikati meta l‑Kummissjoni jkollha wkoll dubji dwar il-klassifikazzjoni stess tal‑għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE tal-miżura eżaminata”. Bl-istess mod, fil-punt 36 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li “meta l-Kummissjoni teżamina miżura fid-dawl tal‑Artikoli 107 u 108 TFUE u meta tkun iffaċċjata, fi tmiem eżami preliminari […], b’diffikultajiet persistenti jew b’dubji, fi kliem ieħor b’diffikultajiet serji, kemm fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat ta’ din il-miżura, kemm fir-rigward tal-klassifikazzjoni tagħha bħala għajnuna eżistenti jew għajnuna ġdida, kif ukoll fir-rigward tal‑kompatibbiltà tagħha mas-suq intern jekk hija tqis li hemm għajnuna ġdida, hija obbligata tiftaħ il-proċedura prevista fl‑Artikolu 108(2) TFUE”.

65.      Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex tiġi kkritikata li applikat livell manifestament baxx wisq fir-rigward tar-rekwiżiti probatorji li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex ikun hemm l-obbligu li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

66.      Fit-tielet lok, minkejja li l-livell probatorju kien jidher ċar, u bir-riskju li jkollha ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti, tqum il-kwistjoni ta’ applikazzjoni allegatament żbaljata ta’ dan il-livell mil-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari fir-rigward tal-punti 48, 49 u 50 tas-sentenza appellata, li huma espressament imsemmija fl-appell. Infakkar li, fil-punt 49 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali waslet għall-konklużjoni li “filwaqt li d-deċiżjoni [kontenzjuża] [kienet] sempliċement tirreferi, fir-rigward tal-attivi taħt il-ġestjoni integrati […] wara l‑1979, għad-dikjarazzjoni tal-awtoritajiet Sloveni li kollox kien ġie akkwistat minn dawn entitajiet skont il-kundizzjonijiet tas-suq, filwaqt li l-provi prodotti mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva […] kienu juru sitwazzjoni ftit ċara dwar in-natura u l-istatus tal-attivi taħt il‑ġestjoni ta’ Lekarna Ljubljana” (enfasi miżjuda minni). Il-Kummissjoni ssostni li tali dikjarazzjoni mill-awtoritajiet Sloveni, fid-dawl tal-obbligu ta’ kooperazzjoni legali tal-Istati Membri, kellha tkun suffiċjenti sabiex tneħħi kull dubji dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat ipotetika.

67.      Issa, l-ewwel nett, jekk, verament, skont l-Artikolu 4(3) TUE, l‑Istati Membri huma obbligati jikkooperaw mal-Kummissjoni u jagħtuha l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex tkun tista’ twettaq il‑funzjoni tagħha fil-qafas tar-Regolament 2015/1589 (43), dan, fih innifsu, ma jeskludix, l-eżistenza ta’ “diffikultajiet serji” jew ta’ “dubji” li seta’ kellha l-Kummissjoni fi tmiem eżami preliminari. Fil-fatt, ikun kontra l-ispirtu stess tal-proċedura ta’ ilment quddiem il-Kumissjoni u tal-effikaċja tagħha li “dubji” ikunu jistgħu jitneħħew b’mod awtomatiku abbażi biss ta’ dikjarazzjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali. Jekk jiġi aċċettat li dubji dwar l-eżistenza jew il-kompatibbiltà ta’ miżura ta’ għajnuna jistgħu jitneħħew b’mod daqshekk faċli u abbażi biss tad-dikjarazzjonijiet tal‑awtoritajiet nazzjonali jwassal mhux biss sabiex il-proċedura preliminari prevista taħt l-Artikolu 108(2) TFUE titneżża minn kull bażi, iżda jirriskja wkoll li jpoġġi fil-perikolu l-mekkaniżmu ta’ stħarriġ ta’ għajnuna mill-Istat u r-rwol mogħti lill-Kummissjoni. Għalhekk ikun suffiċjenti għal kull Stat Membru li jiċħad allegazzjonijiet magħmula minn persuni li jressqu ilmenti mingħajr ma jipproduċu l-provi sabiex tintemm proċedura mibdija taħt l-Artikolu 108 TFUE. Barra minn hekk, f’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punti 58 sa 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet, huwa biss wara analiżi fil-fond tal-provi kollha enfasizzati minn PF waqt il-proċedura amministrattiva, li l-Qorti Ġenerali qieset li s-sitwazzjoni dwar in-natura u l-istatus ta’ dawn l-attivi taħt il-ġestjoni kienet “ftit ċara”.

68.      It-tieni nett, inqis li huwa korrett li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil‑punt 49 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx “hija stess ikkjarifikat il-kwistjoni dwar bażi ddokumentata, li hija ma tistax tikkritika lil [PF] li ma pprovdithiliex” u li “jista’ jkun effettivament ħafna iktar diffiċli għal persuna li tilmenta li tikseb mingħand l‑awtoritajiet pubbliċi li setgħu taw għajnuna mill-Istat l-informazzjoni rilevanti […] milli għall-Kummissjoni, li għandha setgħat estiżi għal dan il-għan, li jirriżultaw direttament mit-Trattat FUE, iżda wkoll mir‑Regolament 2015/1589”. Fil-fatt, minn naħa waħda, il-persuni li jressqu l-ilment ġeneralment ikollhom aċċess limitat għall-informazzjoni rilevanti, kemm pubblika kif ukoll privata, li ma jippermettilhomx jagħtu informazzjoni ddettaljata sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tieħu deċiżjoni abbażi ta’ elementi suffiċjentament kompleti u affidabbli. Din id-diffikultà li jkollhom aċċess għal provi hija wisq iktar notevoli fil-kuntest ta’ kawża, bħal dik inkwistjoni, li l-oriġini tagħha tinsab fis-snin 1970 u li hija kkaratterizzata mill-moviment minn ekonomija kkontrollata għal ekonomija ħielsa kif ukoll minn relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn l-ispiżeriji pubbliċi u privati (li jagħmlu iktar diffiċli għal PF l-aċċess għall-informazzjoni rilevanti dwar Lekarna Ljubljana). Min-naħa l-oħra, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni għandha sensiela sinjifikattiva ta’ setgħat li tippermettilha titlob informazzjoni supplimentari lill-Istati Membri, li huma, b’mod ġenerali, f’pożizzjoni aħjar mill-persuni li jressqu l-ilment sabiex jeliminaw eventwali dubji jekk ikun meħtieġ (44). Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija obbligata twettaq il-fażi ta’ eżami preliminari b’mod diliġenti u imparzjali sabiex ikollha, meta tadotta d-deċiżjoni finali li tistabbilixxi l‑eżistenza u l-kompatibbiltà jew il-legalità tal-għajnuna, l-iktar provi kompleti u affidabbli possibbli (45). F’dan is-sens, ma jidhirlix li huwa eċċessiv jew mhux raġonevoli li jiġi kkunsidrat li, f’tali każ, l-iskattar tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali jimponi fih innifsu l-bidu ta’ investigazzjoni kontradittorja li tippermettilha li jkollha iktar ċarezza qabel ma tieħu deċiżjoni.

69.      Fit-tielet lok, u, sa fejn din l-evalwazzjoni tappartjeni lill-Qorti Ġenerali, għal finijiet ta’ kompletezza, nosserva li, sa fejn l-eżistenza ta’ diffikultajiet li għandhom “oġġettivament” jqajmu dubji kemm dwar il-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala “għajnuna” twassal għall-obbligu li tinfetaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li sistema partikolari, bħas-sistema Slovena, li tippermetti relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn l-ispiżeriji pubbliċi u privati, tqajjem, fl-opinjoni tiegħi, fiha nnifisha, u “oġġettivament”, mistoqsijiet evidenti dwar il-kompatibbiltà tagħha mar-regoli fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat. Min‑naħa l-oħra, il-fatt li t-trasferiment ma huwiex ta’ attivi, kif issostni r-Repubblika tas-Slovenja, iżda ta’ “attivi taħt il-ġestjoni” li ġejjin mill‑muniċipalità ta’ Ljubljana, għal darb’oħra, “oġġettivament”, ma jeskludix, fih innifsu, il-possibbiltà ta’ trasferiment ta’ vantaġġ li jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li kellu jiġi eżaminat iktar.

70.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

C.      Fuq ittieni aggravju talappell

1.      Largumenti talpartijiet

71.      Permezz tat-tieni aggravju tal-appell, li jkopri l-punti 51 sa 55 tas‑sentenza appellata u li jirrigwarda l-għoti tal-attivi taħt il-ġestjoni fl‑1979, ir-Repubblika tas-Slovenja tikkritika, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali li ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet iffaċċjata minn “diffikultajiet serji” fir-rigward dwar jekk din il-miżura, inkwantu tista’ tiġi kkunsidrata bħala għajnuna mill-Istat, tikkostitwixxix għajnuna “eżistenti”, fis-sens tal-Artikolu 1(b) tar-Regolament 2015/1589, jew jekk sadanittant kinitx ġiet “mibdula”, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar‑Regolament Nru 794/2004, liema fatt wassal sabiex hija tiġi kklassifikata bħala “għajnuna ġdida”, fis-sens tal-Artikolu 1(c) tar-Regolament 2015/1589.

72.      Fil-fatt, skont ir-Repubblika tas-Slovenja, huwa żbaljat li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punti 55 u 56 tas-sentenza appellata, dwar l‑eżistenza ta’ diffikultajiet serji fir-rigward tal-imsemmija miżura, minkejja li kien jirriżulta mingħajr ekwivoku mill-premessa 39 tad‑deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni kienet iddeċidiet b’mod ċar li l-miżura ta’ għoti tal-attivi taħt il-ġestjoni li kienet ingħatat Lekarna Ljubljana p.o. fl‑1979, meta ġiet stabbilita, “sa fejn din il-miżura setgħet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, setgħet l-iktar tkun għajnuna eżistenti”.

73.      Kien ukoll żbaljat li l-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 54 tas‑sentenza appellata, li s-sitwazzjoni “ta’ tluq”, jiġifieri dik eżistenti fl‑10 ta’ Diċembru 1994 (46), kienet inċerta, peress li d-deċiżjoni kkontestata ma kien fiha ebda informazzjoni li setgħet tiċċara jekk, f’din id-data, l-ispiżeriji privati kinux diġà kisbu konċessjonijiet muniċipali jew jekk Lekarna Ljubljana o.p. kinitx għadha f’sitwazzjoni ta’ monopolju fiż-żona ta’ attività tagħha (47).

74.      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali qieset, b’mod żbaljat, fil‑punti 51 sa 54 tas-sentenza appellata, li Lekarna Ljubljana kien jopera f’kundizzjonijiet differenti meta mqabbla ma’ Lekarna Ljubljana p.o., minkejja li, fid-dawl tal-bidliet legali u leġiżlattivi li seħħew qabel l-10 ta’ Diċembru 1994, din tal-aħħar kienet, fir-realtà, topera fl-istess kundizzjonijiet bħas-suċċessur tagħha (48).

75.      Fl-aħħar nett, ir-Repubblika tas-Slovenja għandha l-għan, f’dan il-kuntest, li tikkontesta l-ilmenti differenti mqajma minn PF waqt il-proċedura amministrattiva, b’mod partikolari, dawk ibbażati fuq, minn naħa waħda, li l-Kummissjoni ma neħħietx id-dubji dwar jekk il-miżura inkwistjoni kinitx ġiet mibdula wara l‑1 ta’ Mejju 2004, jiġifieri d-data ta’ adeżjoni tar-Repubblika tas-Slovenja mal-Unjoni Ewropea u, min‑naħa l-oħra, li l-Kummissjoni ma vverifikatx il-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq intern. Fir-rigward tal-ewwel wieħed minn dawn l-ilmenti, hija ssostni essenzjalment li, sa fejn il-Qorti Ġenerali tirrileva b’mod żbaljat, fil-punt 54 tas-sentenza appellata, li Lekarna Ljubljana kien differenti b’mod notevoli mill-entità li lilha ssuċċeda fl‑1997, dan l-ilment imqajjem minn PF huwa infondat. Fir-rigward tat-tieni ilment, ir-Repubblika tas-Slovenja tqis li huwa ġuridikament irrilevanti, minħabba li l-kompatibbiltà ta’ miżura ta’ għajnuna mill-Istat ma hijiex rikjesta, skont l-Artikolu 108(1) TFUE, ħlief fir-rigward tas-sistemi ta’ għajnuna, filwaqt li l-miżura inkwistjoni f’dan il-każ hija għajnuna individwali. Il-Qorti Ġenerali aċċettat dan l‑argument ta’ dritt, peress li ma indikat l-ebda motiv sabiex jiġi miċħud.

76.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-Repubblika tas‑Slovenja tikkonkludi li l-Kummissjoni ma kellha ebda obbligu li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, skont l‑Artikolu 108(2) TFUE. Fil-fatt, fid-dawl tal-informazzjoni li hija kellha waqt il-fażi ta’ eżami preliminari, hija ma kellha l-ebda bażi fattwali jew legali sabiex tikkonkludi dwar l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, din id-deċiżjoni kienet suffiċjentament immotivata.

77.      PF ssostni li dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

2.      Evalwazzjoni

78.      Fid-dawl tan-natura teknika u speċifika tal-ilmenti differenti mressqa mir-Repubblika tas-Slovenja fil-kuntest tat-tieni aggravju, l‑eżami tagħhom jitlob li jitfakkar ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali fil‑punti 51 sa 55 tas-sentenza appellata.

79.      Qabelxejn, għandu jitfakkar li, fil-qafas tas-sistema ta’ stħarriġ ta’ għajnuna mill-Istat, il-proċedura hija differenti skont jekk l-għajnuna hijiex eżistenti jew ġdida. Filwaqt li l-għajnuna eżistenti tista’, konformement mal-Artikolu 108(1) TFUE, tiġi implimentata b’mod regolari sakemm il-Kummissjoni ma tkunx ikkonstatat l-inkompatibbiltà tagħha, l-Artikolu 108(3) TFUE jipprovdi li l-proġetti intiżi sabiex tiġi stabbilita għajnuna ġdida jew sabiex tiġi mmodifikata għajnuna eżistenti għandhom jiġu kkomunikati, fi żmien effettiv, lill-Kummissjoni u ma tistax tiġi implimentata qabel ma l-proċedura tkun waslet għal deċiżjoni finali. Għandhom jitqiesu bħala għajnuna ġdida suġġetta għall-obbligu ta’ komunikazzjoni, il-miżuri meħuda wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat FUE li huma intiżi li jistabbilixxu jew li jimmodifikaw għajnuna, waqt li huwa ppreċiżat li dawn il-modifiki jistgħu jirrigwardaw jew għajnuna eżistenti, jew proġetti inizjali nnotifikati lill-Kummissjoni (49).

80.      F’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ “għajnuna ġdida” huwa ddefinit, fl-Artikolu 1(c) tar-Regolament 2015/1589, bħala “kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li ma jkunux għajnuna eżistenti, inkluż tibdil fl-għajnuna eżistenti”. L-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament 794/2004 tistipula, f’dan ir-rigward, li, “alterazzjoni għal għajnuna eżistenti tfisser xi bidla, minbarra modifikazzjonijiet ta’ natura purament formali jew amministrattiva li ma jistux jeffettwaw l-evalwazzjoni tal-kompatibilità tal-miżura ta’ l‑għajnuna mas-suq [intern]”. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li modifika ma tistax tiġi kklassifikata bħala waħda ta’ natura “purament formali jew amministrattiva”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għaliex hija tista’ tinfluwenza l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura ta’ għajnuna mas-suq intern (50).

81.      F’dan ir-rigward, il-punt tat-tluq tal-analiżi tal-Qorti Ġenerali huwa d-deċiżjoni kkontestata. B’hekk, fil-punt 52 tas-sentenza appellata hija tfakkar li, sabiex tispjega li l-attivi mogħtija taħt il-ġestjoni fl‑1979 u ttrasferiti fl‑1997 lil Lekarna Ljubljana kienu jikkostitwixxu, sa fejn jista’ jkollhom in-natura ta’ għajnuna mill-Istat, għajnuna eżistenti, il‑Kummissjoni llimitat ruħha sabiex tindika, fil-premessa 39 tad‑deċiżjoni kkontestata, li s-suċċessjoni, fl-1997, bejn Lekarna Ljubljana o.p. u Lekarna Ljubljana kienet ta’ natura purament amministrattiva u li l-kuntest legali kif ukoll l-użu u l-kundizzjonijiet ta’ użu tal-attivi ma kienx inbidel minn dakinhar, biex b’hekk l-għajnuna eżistenti fis-seħħ fl-1997 ma kinitx inbidlet u baqgħet dejjem għajnuna eżistenti.

82.      Il-Qorti Ġenerali, fil-punt 53 tas-sentenza appellata, ikkonstatat li, skont id-dispożizzjonijiet tal-punt 3(1)(a) tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni, l-għajnuna individwali mwettqa qabel l‑10 ta’ Diċembru 1994 fis-Slovenja u li baqgħet applikabbli wara d-data ta’ adeżjoni ta’ dan l-Istat Membru, jiġifieri fl‑1 ta’ Mejju 2004, ġiet ikkunsidrata waqt l-adeżjoni bħala għajnuna eżistenti. F’dan il-każ, il‑Qorti Ġenerali għalhekk qieset li għajnuna eżegwita fis-Slovenja qabel l-10 ta’ Diċembru 1994, għandha tkun ikkunsidrata bħala għajnuna eżistenti fl-1 ta’ Mejju 2004, sakemm ma kinitx inbidlet bejn dawn iż‑żewġ dati, u fin-nuqqas ta’ dan, hija għandha tkun meqjusa bħala “għajnuna ġdida” b’effett minn din it-tieni data. Barra minn hekk, bidla ta’ din l-għajnuna wara l-1 ta’ Mejju 2004 tagħmilha għajnuna ġdida. Għalhekk, sabiex l-attivi mogħtija taħt il-ġestjoni fl‑1979 lil Lekarna Ljubjana o.p., imbagħad ittrasferiti fl‑1997 lil Lekarna Ljubjana, jikkostitwixxu “għajnuna eżistenti”, huwa meħtieġ li ma tkun saret l-ebda bidla ta’ din l-allegata għajnuna bejn l‑10 ta’ Diċembru 1994 u l-jum tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża. Dan il-kuntest ta’ analiżi, li fil-bidu nett ma huwiex ikkontestat, huwa fondat fid-dritt.

83.      F’dan il-kuntest, fil-punti 54 u 55 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali għalhekk, korrettament, ivverifikat jekk il-provi differenti mressqa minn PF setgħux juru “bidla” fin-natura tal-“għajnuna eżistenti” li seħħet wara l-10 ta’ Diċembru 1994 u li kienet ittrasformata f’“għajnuna ġdida”.

84.      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, qabelxejn, li, fl‑10 ta’ Diċembru 1994, il-kuntest regolatorju kien “inċert” inkwantu ebda informazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma kienet tippermetti li tingħata risposta dwar jekk spiżeriji privati kinux, qabel din id-data, diġà kisbu konċessjonijiet muniċipali u lanqas dwar jekk Lekarna Ljubljana o.p. kinitx għadha f’sitwazzjoni ta’ monopolju fiż-żona ta’ attività tagħha. Sussegwentament, abbażi ta’ indikazzjonijiet mhux ikkontestati pprovduti minn PF, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, fl‑1997, fil-mument tas-suċċessjoni ta’ Lekarna Ljubljana o.p. lil Lekarna Ljubljana, is-suq kien kompetittiv u li, dan seta’ kkawża bidliet notevoli għall-entità l-ġdida, bħall-kapaċità li takkwista proprjetajiet, is-segwitu, tallinqas b’effett mill‑2007, ta’ skop ta’ lukru u l-estensjoni tal-attività tagħha lil hinn mit-territorju tal-komun ta’ Ljubljana. Fin-nuqqas ta’ eżami iktar fil‑fond dwar l-evoluzzjoni tal-kuntest legali u ekonomiku tal-attività inkwistjoni, li għandha tagħmel il-Kummissjoni bħala parti mill-obbligi ta’ stħarriġ tagħha fuq inizjattiva tagħha stess, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, li dawn l-elementi “jipprekludu milli jkun hemm ċertezza dwar l-assenza ta’ bidla tal-eventwali għajnuna inkwistjoni b’effett mill‑10 ta’ Diċembru 1994”. Din il-konklużjoni ma ġietx ikkontestata mid-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li s-suċċessjoni li saret fl‑1997 kienet ta’ natura purament amministrattiva u li l-kuntest legali, kif ukoll il-kundizzjonijiet ta’ użu tal-attivi inkwistjoni ma kinux inbidlu, ma kinux inbidlu, liema dikjarazzjoni kienet “mill-inqas, mhux sostnuta biżżejjed f’dan ir-rigward”.Kien għalhekk li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 55 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx neħħiet id-dubji f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk l-attivi inkwistjoni, sa fejn jistgħu jiġu kklassifikati bħala “għajnuna mill-Istat”, kinux jikkostitwixxu għajnuna eżistenti jew għajnuna ġdida.

85.      Insostenn ta’ din l-analiżi, nirrileva, fl-ewwel lok, li għall-istess raġunijiet bħal dawk imsemmija fil-punt 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-argumenti mressqa mir-Repubblika tas-Slovenja fil-kuntest tat-tieni aggravju, li huwa intiż, fir-realtà, sabiex jikkontesta l-evalwazzjonijiet ta’ natura fattwali magħmula mill‑Qorti Ġenerali, għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

86.      Fit-tieni lok, bħall-konklużjoni tiegħi fil-kuntest tal-ewwel aggravju tal-appell, nirrileva li l-ebda żball fid‑definizzjoni tal-istandard legali li jippermetti li tiġi ppruvata l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji ma ġie kkonstatat, peress li l-osservazzjonijiet preliminari tal-Qorti Ġenerali li jinsabu fil-punti 35 u 36 tas‑sentenza appellata, eżaminati fil-punt 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet, kienu daqstant validi u rilevanti għall-analiżi tat-tieni aggravju tal-appell. Barra minn hekk, huwa f’dawn l-istess punti li l-Qorti Ġenerali rreferiet, fil-punt 54 tas-sentenza appellata, meta tiddeċiedi li kien neċessarju eżami iktar fil-fond dwar l-evoluzzjoni tal-kuntest legali u ekonomiku tal‑attività inkwistjoni.

87.      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-ilmenti iktar ristretti relatati mal-klassifikazzjoni legali tal-fatti, u mar-riskju li jkollu jsir eżerċizzju ġdid ta’ evalwazzjoni, jidhirli li huwa raġonevoli, fid-dawl tan-natura u l-importanza tal-inċertezzi relatati mal-kuntest legali u ekonomiku identifikati mill-Qorti Ġenerali fil-punt 54 tas-sentenza appellata, li jiġi konkluż li dawn l-inċertezzi kellhom oġġettivament iqajmu dubji dwar il-klassifikazzjoni tal-għajnuna inkwistjoni bħala għajnuna eżistenti u jagħtu lok għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali. Fil-fatt, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil‑punt 80 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dawn l-inċertezzi jirrigwardaw elementi li jistgħu “jinfluwenzaw l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura mas-suq intern”.

88.      Konsegwentament, inqis li t-tieni aggravju tal-appell għandu wkoll jiġi miċħud bħala infondat.

VII. Konklużjoni

89.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, u sa fejn dawn il‑konklużjonijiet ikopru l-ewwel żewġ aggravji tal-appell, nipproponi lill-Qorti tal‑Ġustizzja tiċħad dawn l-aggravji bħala infondati.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Regolament tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall‑applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (ĠU 2015, L 248, p. 9).


3      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad‑29 ta’ April 2021, Achemos Grupė u Achema vs Il-Kummissjoni (C‑847/19 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Achemos Grupė” , EU:C:2021:343, punt 44), tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il-Kummisjsoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology (C‑57/19 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Tempus Energy”, EU:C:2021:663), tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Scandlines Danmark u Scandlines Deutschland vs Il-Kummissjoni (C‑174/19 P u C‑175/19 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Scandlines”, EU:C:2021:801), tas‑17 ta’ Novembru 2022, Irish Wind Farmers’ Association et vs Il-Kummissjoni (C‑578/21 P, iktar ’il quddiem is-sentenza “Irish Wind Farmers’ Association”, EU:C:2022:898), tal‑14 ta’ Settembru 2023, Il-Kummissjoni u IGG vs Dansk Erhverv (C‑508/21 P u C‑509/21 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza IGG vs Dansk Erhverv”, EU:C:2023:669), tat‑23 ta’ Novembru 2023, Ryanair vs Il-Kummissjoni (C‑209/21 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Ryanair”, EU:C:2023:905), u tal‑11 ta’ Jannar 2024, Wizz Air Hungary vs Il-Kummissjoni (C‑440/22 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Wizz Air” , EU:C:2024:26).


4      ĠU 2003, L 236, p. 17.


5      ĠU 2003, L 236, p. 33.


6      Regolament tal-Kummissjoni tal‑21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal‑Kunsill (UE) 2015/1589 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 4, p. 3, rettifika fil-ĠU 2015, L 72, p. 89), kif emendat bir-Regolament tal‑Kummissjoni (UE) 2015/2282 tas‑27 ta’ Novembru 2015 (ĠU 2015, L 325, p. 1).


7      Sentenza appellata, punti 18 sa 20.


8      Sentenza appellata, punt 57.


9      Sentenza appellata, punt 17.


10      Sentenza appellata, punt 22.


11      Ara, rispettivament, is-sentenza appellata, punti 51 sa 57 u punti 40 sa 50. Għall‑analiżi tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-attivi taħt il-ġestjoni fl‑1979 u dawk wara l‑1979, ara, rispettivament, il-punti 58 sa 60 u l-punti 79 sa 83 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.


12      Sentenza appellata, punt 55.


13      Sentenza appellata, punt 50.


14      Sentenza appellata, punt 56.


15      Ara s-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Viasat Broadcasting UK (C‑445/19, EU:C:2020:952, punt 17).


16      Regolament 2015/1589, premessa 2.


17      Regolament 2015/1589, premessa 3.


18      Ara l-Artikolu 6 tar-Regolament 2015/1589. Ara, ukoll, is-sentenzi tal-20 ta’ Marzu 1984, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (84/82, EU:C:1984:117, punti 11 u 13), tat‑2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France (C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punti 33 sa 42), tat‑3 ta’ Mejju 2001, Il-Portugall vs IlKummissjoni (C‑204/97, EU:C:2001:233, punti 27 sa 35), tas‑17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il-Kummissjoni (C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 94) u tal‑20 ta’ Jannar 2022, Deutsche Lufthansa vs Il-Kummissjoni (C‑594/19 P, EU:C:2022:40, punt 33).


19      Ara l-Artikolu 4(5) tar-Regolament 2015/1589.


20      Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni (C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 113 u l-ġurisprudenza ċċitata).


21      Ara s-sentenzi tal‑20 ta’ Marzu 1984, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (84/82, EU:C:1984:117, punt 13), Irish Wind Farmers’ Association (punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll IGG vs Dansk Erhverv (punt 69).


22      Fuq il-kunċett ta’ “diffikultajiet serji” u ta’ “dubji”, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tanchev fil-kawża Il-Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology (C‑57/19 P, EU:C:2021:451, punt 73) li jikkonstataw li dawn iż-żewġ termini huma użati b’mod interkambjabbli fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.


23      Ara s-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Club Hotel Loutraki et vs Il-Kummissjoni (C‑131/15 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Club Hotel Loutraki”, EU:C:2016:989, punt 31), Tempus Energy (punt 40), Irish Wind Farmers’ Association (punt 54), IGGvs Dansk Erhverv (punt 70), Ryanair (punt 109), kif ukoll Wizz Air (punt 95).


24      Ara s-sentenzi tat‑12 ta’ Ottubru 2016, Land Hessen vs Pollmeier Massivholz (C‑242/15 P, EU:C:2016:765, punt 38), Achemos Grupė (punt 44), Tempus Energy (punt 41), Ryanair (punt 110), u Wizz Air (punt 96).


25      Ara s-sentenzi tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex (C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 59), Ryanair (punt 108), kif ukoll Wizz Air (punt 94 u l‑ġurisprudenza ċċitata).


26      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Club Hotel Loutraki (punti 32 u 33), Irish Wind Farmers’ Association (punt 55), kif ukoll IGG vs Dansk Erhverv (punt 71).


27      Ara s-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 1986, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (234/84, EU:C:1986:302, punt 16), Achemos Grupė (punt 42), Tempus Energy (punti 42 u 43), kif ukoll Irish Wind Farmers’ Association (punt 56).


28      Ara s-sentenzi tat‑2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France (C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 62), Achemos Grupė (punt 43), kif ukoll Tempus Energy (punt 44).


29      Sentenza Tempus Energy (punt 45).


30      Ara s-sentenzi Tempus Energy (punt 51) u Irish Wind Farmers’ Association (punt 59).


31      Ara s-sentenzi Tempus Energy (punt 199) u Ryanair (punt 95).


32      Ara s-sentenzi Club Hotel Loutraki (punt 33) u Irish Wind Farmers’ Association (punt 60).


33      Ara l-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


34      Sentenza appellata, punt 38.


35      Sentenza appellata, punt 40.


36      Sentenza appellata, punt 45.


37      Sentenza appellata, punt 47.


38      Sentenza appellata, punt 48.


39      Sentenza appellata, punt 50.


40      Sentenza appellata, punti 48 sa 49.


41      Ara t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Ara, ukoll, is-sentenzi Scandlines (punt 86) u Wizz Air (punti 57 u 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).


42      Ara s-sentenza appellata, punti 23 sa 37.


43      Il-premessa 6 tar-Regolament 2015/1589. Fuq l-obbligu ta’ kooperazzjoni legali li jorbot reċiprokament lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tar‑regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, ara s-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2011, Mediaset vs Il-Kummissjoni (C‑403/10 P, EU:C:2011:533, punt 126 u l‑ġurisprudenza ċċitata).


44      Ara s-sentenzi tat‑18 ta’ Settembru 1995, SIDE vs Il-Kummissjoni (T‑49/93, EU:T:1995:166, punt 71), u tat‑28 ta’ Settembru 1995, Sytraval u Brink’s France vs Il-Kummissjoni (T‑95/94, EU:T:1995:172, punt 77).


45      Ara l-punt 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


46      B’mod iktar preċiż, hija d-data użata fil-punt 3(1)(a) tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni għall-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mogħtija mir-Repubblika tas-Slovenja bħala “għajnuna eżistenti”.


47      Dawn il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali huma żbaljati, peress li mill-elementi msemmija fil-punt 51 tas-sentenza appellata, jirriżulta li, bejn l-10 ta’ Diċembru 1994 u d-data li fiha Lekarna Ljubljana ssuċċeda lil Lekarna Ljubljana p.o., jiġifieri fl‑1997, kien applikabbli l-istess qafas legali, peress li l-liġijiet nazzjonali differenti li kienu jirregolaw, b’mod partikolari, il-ftuħ tas-suq Sloven għall-kompetizzjoni kienu diġà daħlu fis-seħħ qabel l-10 ta’ Diċembru 1994. Issa, dan l‑aspett ikun determinanti sabiex jiġi evalwat jekk il-bidla tat-tieni miżura inkwistjoni, ikklassifikata bħala “għajnuna eżistenti”, f’għajnuna ġdida, fis-sens tal‑Artikolu 1(c) tar-Regolament 2015/1589. Fil-fatt, anki jekk, minħabba l‑evoluzzjoni tagħha, it-tieni miżura inkwistjoni, mingħajr ma kienet għajnuna mill-Istat fiż-żmien tal-introduzzjoni tagħha, setgħet issir għajnuna mill-Istat iktar tard, din l-evoluzzjoni tkun seħħet, fi kwalunkwe każ, qabel l‑10 ta’ Diċembru 1994. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma kinitx żbaljata meta kkonkludiet, fil-punt 39 tad-deċiżjoni kkontestata, li, sa fejn la l-kuntest legali u lanqas il-kundizzjonijiet ta’ użu tal-attivi taħt il-ġestjoni ma kienu nbidlu bejn l-10 ta’ Diċembru 1994 u d-data li fiha Lekarna Ljubljana ssostitwixxa lil Lekarna Ljubljana p.o., din is-sostituzzjoni kienet ta’ natura purament amministrattiva, b’tali mod li ma għandhiex tikkostitwixxi bidla ta’ għajnuna eżistenti f’għajnuna ġdida.


48      B’mod partikolari, huwa żbaljat li jiġi kkunsidrat, kif sostniet il-Qorti Ġenerali fil‑punt 54 tas-sentenza appellata, li l-entitajiet kienu kkaratterizzati minn differenzi notevoli, peress li, differenti mill-predeċessur tiegħu, Lekarna Ljubljana kellu l‑kapaċità li jakkwista attivi taħt il-ġestjoni, inkluż beni immobbli, b’tali mod li kien hemm lok li jiġi mistoqsi jekk iż-żamma ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ attivi immobbli taħt ġestjoni mingħajr il-proprjetà setgħetx dejjem tkun iġġustifikata. Issa, bħal Lekarna Ljubljana, il-predeċessur tiegħu kellu wkoll, tallinqas mill‑1991, meta beda jopera bħala stabbiliment, il-kapaċità li jakkwista tali attivi taħt il-ġestjoni. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tas-Slovenja tispjega li, bħall-predeċessur tiegħu, Lekarna Ljubljana seta’ juża biss l-attiv li kiseb (b’mod formali) taħt ġestjoni mill‑muniċipalità ta’ Ljubljana anki jekk dawn l-attivi huma akkwistati permezz ta’ mezzi pprovduti minn Lekarna Ljubljana. It-tħassib tal-Qorti Ġenerali dwar jekk għadux iġġustifikat li jitkompla t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-attivi taħt il-ġestjoni huwa mingħajr bażi. Huwa ċar li dan kien sempliċement mod sabiex stabbiliment pubbliku jingħata l-użu ta’ attivi (kif dan ġie indikat, l-attivi kollha li għandu tali stabbiliment huma miżmuma bħala attivi taħt il-ġestjoni), li bl-ebda mod ma jimplika għoti mingħajr ħlas ta’ attivi taħt il-ġestjoni.


49      Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2021, Eco Fox et (C‑915/19 sa C‑917/19, EU:C:2021:887, punti 36 sa 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


50      Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2021, Eco Fox et (C‑915/19 sa C‑917/19, EU:C:2021:887, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

Top