This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62021TJ0525
Judgment of the General Court (Second Chamber, Extended Composition) of 21 December 2022.#E. Breuninger GmbH & Co. v European Commission.#Action for annulment – State aid – Framework scheme to establish a federal compensation scheme in Germany for losses caused by lockdown decisions – Decision not to raise any objections – Aid to make good the damage caused by natural disasters or other exceptional occurrences – No interest in bringing proceedings – Inadmissibility.#Case T-525/21.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) tal-21 ta’ Diċembru 2022.
E. Breuninger GmbH & Co. vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Rikors għal annullament – Għajnuna mill-Istat – Skema qafas intiża li tistabbilixxi skema federali ta’ kumpens fil-Ġermanja għad-dannu mġarrab mid-deċiżjonijiet ta’ trażżin – Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet – Miżura intiża li tirrimedja d-danni kkawżati mid-diżastri naturali jew minn avvenimenti straordinarji oħra – Assenza ta’ interess ġuridiku – Inammissibbiltà.
Kawża T-525/21.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) tal-21 ta’ Diċembru 2022.
E. Breuninger GmbH & Co. vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Rikors għal annullament – Għajnuna mill-Istat – Skema qafas intiża li tistabbilixxi skema federali ta’ kumpens fil-Ġermanja għad-dannu mġarrab mid-deċiżjonijiet ta’ trażżin – Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet – Miżura intiża li tirrimedja d-danni kkawżati mid-diżastri naturali jew minn avvenimenti straordinarji oħra – Assenza ta’ interess ġuridiku – Inammissibbiltà.
Kawża T-525/21.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:T:2022:835
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)
21 ta’ Diċembru 2022 ( *1 )
“Rikors għal annullament – Għajnuna mill-Istat – Skema qafas intiża li tistabbilixxi skema federali ta’ kumpens fil-Ġermanja għad-dannu mġarrab mid-deċiżjonijiet ta’ trażżin – Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet – Miżura intiża li tirrimedja d-danni kkawżati mid-diżastri naturali jew minn avvenimenti straordinarji oħra – Assenza ta’ interess ġuridiku – Inammissibbiltà”
Fil-Kawża T‑525/21,
E. Breuninger GmbH & Co., stabbilita fi Stuttgart (il-Ġermanja), irrappreżentata minn R. Velte u W. Meilicke, avukati,
rikorrenti,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Bottka, G. Braga da Cruz u C. Kovács, bħala aġenti,
konvenuta,
sostnuta minn
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn J. Möller u P.‑L. Krüger, bħala aġenti,
intervenjenti,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża),
komposta, matul id-deliberazzjonijiet, minn V. Tomljenović, Presidenta, F. Schalin, P. Škvařilová-Pelzl, I. Nõmm (Relatur) u D. Kukovec, Imħallfin,
Reġistratur: P. Cullen, amministratur,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
wara s-seduta tal‑14 ta’ Settembru 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, E. Breuninger GmbH & Co, titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2021) 3999 final tat‑28 ta’ Mejju 2021 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.62784 (2021/N) – Il-Ġermanja COVID‑19 – Skema federali ta’ kumpens (ĠU 2021, C 223, p. 25, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kkontestata”). |
Il‑fatti li wasslu għall‑kawża
2 |
Ir-rikorrenti hija l-kumpannija operattiva tal-grupp E. Breuninger, li hija attiva, b’mod partikolari, fis-settur tal-ħwejjeġ kif ukoll fid-distribuzzjoni ta’ ħwejjeġ, ta’ fwejjaħ, ta’ prodotti kożmetiċi u ta’ prodotti għall-kura tal-ġisem, ta’ għamara, ta’ oġġetti tad-dar u ta’ dekorazzjoni. |
3 |
Fil‑21 ta’ Mejju 2021, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja nnotifikat lill-Kummissjoni Ewropea, skont l-Artikolu 108(3) TFUE, b’miżura li tikkonċerna l-għoti ta’ għajnuna ekonomika temporanja favur impriżi li l-attivitajiet tagħhom huma mwaqqfa minħabba l-miżuri meħuda mill-Istat Federali u l-Länder biex jikkumbattu l-pandemija, fit-territorju tiegħu, fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID‑19 (iktar ’il quddiem l-“iskema federali ta’ kumpens”). |
4 |
Fit‑28 ta’ Mejju 2021, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni kkontestata. |
5 |
Fid-Deċiżjoni kkontestata, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ddeskriviet il-karatteristiċi essenzjali tal-iskema federali ta’ kumpens. Minn din jirriżulta li l- iskema msemmija:
|
6 |
Fit-tieni lok, il-Kummissjoni eżaminat il-kompatibbiltà tal-iskema ta’ kumpens federali mal-Artikolu 107 TFUE. |
7 |
L-ewwel, il-Kummissjoni osservat li l-iskema federali ta’ kumpens kienet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE. |
8 |
It-tieni, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-iskema federali ta’ kumpens kienet kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE. |
9 |
Qabel kollox, tfakkar li l-pandemija tal-COVID‑19 kienet tikkostitwixxi avveniment straordinarju fis-sens tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE. |
10 |
Sussegwentement, ġie kkonstatat li, minħabba d-definizzjoni ta’ telf eliġibbli użata mill-iskema federali ta’ kumpens, kien hemm rabta kawżali bejn il-pandemija tal-COVID‑19 u t-telf ikkumpensat, peress li kien ikkumpensat biss it-telf minn miżuri li jipprekludu fid-dritt jew fil-fatt lill-benefiċjarji milli jkomplu bl-attività tagħhom. |
11 |
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni eżaminat il-proporzjonalità tal-iskema federali ta’ kumpens u kkonstatat li din il-kundizzjoni kienet issodisfatta peress li l-karatteristiċi ta’ din l-iskema għamluha possibbli li jiġi żgurat li l-għajnuna mħallsa kienet proporzjonata għat-telf imġarrab minħabba l-pandemija tal-COVID‑19. |
12 |
Il-Kummissjoni għalhekk iddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra l-iskema federali ta’ kumpens. |
It‑talbiet tal‑partijiet
13 |
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
14 |
Il-Kummissjoni u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Id‑dritt
15 |
Permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni kkontestata għar-raġuni li hija approvat l-iskema federali ta’ kumpens, li, fl-Artikolu 2(2) tagħha, teskludi l-eliġibbiltà ta’ impriżi attivi f’diversi setturi ta’ attività jekk setturi affettwati mid-deċiżjonijiet ta’ trażżin adottati taħt il-pandemija tal-COVID‑19 jirrappreżentaw inqas minn 80 % tad-dħul mill-bejgħ tagħhom. |
16 |
Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi. Permezz tal-ewwel motiv, hija tikkunsidra, essenzjalment, li, billi approvat il-kundizzjoni ta’ eliġibbiltà li timplika li s-setturi ta’ attività affettwati jirrappreżentaw inqas minn 80 % tad-dħul mill-bejgħ tal-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni injorat il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Permezz tat-tieni motiv, hija tqis li l-Kummissjoni kisret ukoll l-Artikolu 108(2) TFUE meta ma fetħitx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, minkejja l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji. |
17 |
Billi l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ rikors jirrigwardaw eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tivverifika ex officio jekk ir-rikorrenti għandhiex interess li tikseb l-annullament tad-Deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑7 ta’ Diċembru 2017, Troszczynski vs Il‑Parlament, T‑148/17, mhux ippubblikat, EU:T:2017:921, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
18 |
Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa meħtieġ li tiġi eżaminata b’mod preliminari l-ammissibbiltà tar-rikors mill-angolu tal-eżistenza ta’ interess ġuridiku tar-rikorrenti li tippreżenta rikors għal annullament tad-Deċiżjoni kkontestata. |
19 |
Għal dan il-għan, ir-rikorrenti ntalbet tesprimi ruħha, permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata fuq il-bażi tal-Artikoli 89 u 90 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, dwar l-eżistenza, min-naħa tagħha, ta’ interess ġuridiku fil-preżentata ta’ rikors għal annullament tad-Deċiżjoni kkontestata u, għalhekk, dwar l-ammissibbiltà tar-rikors, fil-każ li l-kundizzjoni li tidher fl-Artikolu 2(2) tal-iskema federali ta’ kumpens ma tkunx applikabbli għaliha. |
20 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn din tal-aħħar għandha interess li tara li l-att ikkontestat jiġi annullat. Tali interess jassumi li l-annullament ta’ dan l-att jista’, minnu nnifsu, ikollu konsegwenzi legali u li r-rikors jista’ għalhekk, bir-riżultat tiegħu, jikseb benefiċċju għall-parti li ppreżentat dan l-att (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
21 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li r-rikors tar-rikorrenti huwa bbażat fuq premessa żbaljata, jiġifieri li ma hijiex eliġibbli għall-iskema ta’ kumpens federali, minħabba l-kundizzjoni stabbilita fl‑Artikolu 2(2). |
22 |
Skont l-Artikolu 2(1)(b) tal-iskema federali ta’ kumpens, miġbura fil-qosor mill-Kummissjoni fil-premessa 20(a) tad-Deċiżjoni kkontestata, “l-organi li jagħtu għajnuna jistgħu jagħtu għajnuna lil impriżi privati […] jekk […] l-attività ekonomika tagħhom hija affettwata mit-trażżin marbut mal-Coronavirus bil-mod li ġej: […] l-attività kummerċjali jew ekonomika tagħhom kellha tiġi sospiża bis-saħħa ta’ deċiżjoni ta’ għeluq meħuda fuq il-bażi ta’ ordni ta’ trażżin” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
23 |
Kif irrilevat il-Kummissjoni fil-premessa 21 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 21 tad-Deċiżjoni kkontestata, l-Artikolu 2(2) tal-iskema federali ta’ kumpens jipprovdi li, “fil-każ ta’ impriżi li joperaw f’diversi setturi ta’ attività ekonomika, id-dħul mill-bejgħ kumulattiv tagħhom għandu jkun attribwibbli b’mod ċar, mill-inqas fil-livell ta’ 80 %, għal attivitajiet ekonomiċi affettwati direttament mit-trażżin” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
24 |
Fl-aħħar nett, l-Artikolu 3(4) tal-iskema federali ta’ kumpens, li s-sustanza tagħha hija mfakkra fil-premessa 23 tad-Deċiżjoni kkontestata, jgħid dan li ġej: “[Fejn] l-effett ta’ miżura ta’ trażżin jirrigwarda ċerta attività ekonomika u li l-attività ekonomika b’hekk tiġi mċaqalqa għal attività ekonomika oħra konnessa jew għal sors ieħor ta’ dħul, id-dħul minn din l-attività l-oħra relatata jew konnessa mbagħad ukoll jittieħed inkunsiderazzjoni fil-forma ta’ imputazzjoni. Għalhekk, ebda vantaġġ ma jista’ jinsilet mill-fatt li attivitajiet ekonomiċi affettwati mit-trażżin biss jistgħu jiġu kkunsidrati fil-każ li attivitajiet ekonomiċi oħra b’hekk ikunu saru iktar ta’ profitt. Kumpens eċċessiv għad-dannu kkawżat huwa għalhekk eskluż” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
25 |
Ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 2(2) tal-iskema federali ta’ kumpens għandu l-effett li jeskludiha milli tibbenefika minn din l-iskema. Minn naħa, hija tindika li hija attiva kemm fil-kummerċ fiżiku bl-imnut kif ukoll fil-kummerċ online, li jikkostitwixxu setturi ta’ attività ekonomika differenti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Min-naħa l-oħra, hija tispeċifika li l-parti tad-dħul mill-bejgħ tagħha rrappreżentata mill-kummerċ elettroniku, mhux affettwata mid-deċiżjonijiet ta’ trażżin ordnati matul il-pandemija tal-COVID‑19, għandha l-konsegwenza li ma tilħaqx il-limitu ta’ 80 % meħtieġ minn din id-dispożizzjoni. Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, hija tfakkar li l-esklużjoni tagħha mill-benefiċċju tal-iskema msemmija kienet riflessa fl-impossibbiltà li jintalab l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja taħt l-Überbrückungshilfe III, jiġifieri l-programm federali ta’ għajnuna adottat mill-awtoritajiet Ġermaniżi skont din l-iskema (iktar ’il quddiem il-“programm federali ta’ għajnuna”). |
26 |
Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha raġun issostni li din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2) tal-iskema federali ta’ kumpens hija kuntrarja għal dik li hija ppubblikat. Minn din il-pubblikazzjoni jirriżulta li l-kummerċ fiżiku bl-imnut u l-kummerċ online ma humiex ikkunsidrati bħala “setturi ta’ attività ekonomika” differenti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Għall-kuntrarju, il-kummerċ online huwa meqjus bħala “attività ekonomika relatata” mal-kummerċ fiżiku bl-imnut fis-sens tal-Artikolu 3(4) ta’ din l-iskema. |
27 |
Għaldaqstant, l-importanza tad-dħul mill-bejgħ miksub mir-rikorrenti fir-rigward tal-kummerċ online ma huwiex intiż, taħt l-iskema federali ta’ kumpens, li jagħmilha ineliġibbli għal għajnuna mill-Istat taħt l-Artikolu 2(2) ta’ din l-iskema. Hija sempliċement timplika li, skont l-Artikolu 3(4) ta’ din l-iskema, id-dħul addizzjonali miksub mir-rikorrenti f’dan in-negozju online bħala riżultat tad-deċiżjonijiet ta’ trażżin għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet li jiġi evitat kumpens eċċessiv għad-dannu li hija allegatament ġarrbet bħala riżultat ta’ dawn id-deċiżjonijiet. |
28 |
Fit-tieni lok, mill-argumenti f’din il-kawża jirriżulta li l-impossibbiltà għar-rikorrenti li tikseb għajnuna finanzjarja taħt il-programm ta’ għajnuna federali kienet dovuta għaż-żieda, mill-awtoritajiet Ġermaniżi, unilateralment u awtonoma fir-rigward tal-iskema federali ta’ kumpens li kienet ġiet innotifikat lill-Kummissjoni, ta’ kundizzjoni ta’ eliġibbiltà li timplika li mill-inqas 30 % tad-dħul mill-bejgħ globali tal-applikant kien ġie affettwat mid-deċiżjonijiet ta’ trażżin, liema fatt ġie kkonfermat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fir-risposta tagħha għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li ġiet indirizzata lilha. |
29 |
Fir-risposta tagħha għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ir-rikorrenti pprovat torbot mal-iskema federali ta’ kumpens, hekk kif ġiet iddikjarata kompatibbli mal-Artikolu 107(2)(b) TFUE fid-Deċiżjoni kkontestata, fejn il-kundizzjoni ta’ eliġibbiltà timplika li mill-inqas 30 % tad-dħul mill-bejgħ kien ġie affettwat mid-deċiżjonijiet ta’ trażżin. Huwa biżżejjed, f’dan ir-rigward, li jiġi enfasizzat li tali kundizzjoni la tidher espliċitament u lanqas impliċitament, minħabba riferiment li jsir għall-kundizzjonijiet li jidhru fi skemi oħra ta’ għajnuna nnotifikati, fl-iskema federali ta’ kumpens. |
30 |
Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li ż-żieda mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ta’ kundizzjoni ta’ eliġibbiltà addizzjonali, jiġifieri allokazzjoni ta’ mill-inqas 30 % tad-dħul mill-bejgħ sabiex wieħed ikun jista’ jibbenefika mill-programm federali ta’ għajnuna tagħha, hija irrilevanti għall-eżami ta’ dan ir-rikors, li jikkonċerna esklużivament il-legalità tad-Deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha l-Kummissjoni ddikjarat l-iskema federali ta’ kumpens kompatibbli mal-Artikolu 107(2)(b) TFUE. |
31 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-implimentazzjoni tas-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat, kif tirriżulta mill-Artikoli 107 u 108 TFUE, hija r-responsabbiltà, minn naħa, tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, tal-qrati nazzjonali, bir-rwoli rispettivi tagħhom ikunu komplementari iżda distinti. Filwaqt li l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ għajnuna mas-suq intern taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, li taġixxi taħt il-kontroll tal-qrati tal-Unjoni, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jiżguraw is-salvagwardja, sad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni, tad-drittijiet tal-partijiet fil-kawża fil-konfront ta’ nuqqas ta’ konformità eventwali, mill-awtoritajiet tal-Istat, mal-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 108(3) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2016, DEI u Il‑Kummissjoni vs Alouminion tis Ellados, C‑590/14 P, EU:C:2016:797, punti 95 sa 97 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
32 |
F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti tista’ tippreżenta rikors quddiem il-qrati Ġermaniżi, li jkollhom jeżaminaw, jekk ikun il-każ wara li jkunu ressqu domanda preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għal interpretazzjoni abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, jekk iż-żieda ta’ kundizzjoni ta’ eliġibbiltà addizzjonali mid-dritt nazzjonali hijiex ekwiparabbli ma’ emenda ta’ għajnuna eżistenti, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal‑21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 4, p. 3, rettifika fil-ĠU 2015, L 72, p. 89) u għalhekk ma’ għajnuna ġdida fis-sens tal-Artikolu 1(c) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9) suġġetta għall-obbligu ta’ notifika skont l-Artikolu 108(3) TFUE. |
33 |
Mill-evalwazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li, fid-dawl tal-Artikolu 2(2) tal-iskema federali ta’ kumpens, kif ġiet iddikjarata kompatibbli mal-Artikolu 107(2)(b) TFUE fid-Deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti kienet tkun eliġibbli għal għajnuna taħt din l-iskema. Minn dan isegwi li l-annullament tad-Deċiżjoni kkontestata ma jipprovdi ebda benefiċċju lir-rikorrenti fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 20 iktar ’il fuq, b’tali mod li r-rikors tagħha għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli minħabba nuqqas ta’ interess ġuridiku. |
Fuq l‑ispejjeż
34 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
35 |
Peress li r-rikorrenti tilfet hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni. |
36 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għalhekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. |
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Tomljenović Schalin Škvařilová-Pelzl Nõmm Kukovec Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑21 ta’ Diċembru 2022. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.