Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021TJ0396

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla Estiża) tas-17 ta’ Lulju 2024 (Estratti).
    Deutsche Bank AG vs Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni.
    Unjoni Ekonomika u Monetarja – Unjoni Bankarja – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment (SRM) – Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) – Deċiżjoni tas-SRB dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall‑2021 – Obbligu ta’ motivazzjoni – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Ugwaljanza fit-trattament – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Marġni ta’ evalwazzjoni tas-SRB – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Marġni ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni – Limitazzjoni tal-effetti tas-sentenza ratione temporis.
    Kawża T-396/21.

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2024:483

    Edizzjoni Provviżorja

    SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

    (*)

    “Unjoni Ekonomika u Monetarja – Unjoni Bankarja – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment (SRM) – Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) – Deċiżjoni tas-SRB dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall‑2021 – Obbligu ta’ motivazzjoni – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Ugwaljanza fit-trattament – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Marġni ta’ evalwazzjoni tas-SRB – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Marġni ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni – Limitazzjoni tal-effetti tas-sentenza ratione temporis”

    Fil-Kawża T‑396/21,

    Deutsche Bank AG, stabbilita fi Frankfurt am Main (il-Ġermanja), irrappreżentata minn H. Berger, M. Weber u D. Schoo, avukati,

    rikorrenti,

    vs

    IlBord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), irrappreżentat minn J. Kerlin, T. Wittenberg u D. Ceran, bħala aġenti, assistiti minn H.-G. Kamann, F. Louis, P. Gey u L. Hesse, avukati,

    konvenut,

    sostnut minn

    IlParlament Ewropew, irrappreżentat minn U. Rösslein, M. Menegatti u G. Bartram, bħala aġenti,

    minn

    IlKunsill talUnjoni Ewropea, irrappreżentat minn J. Bauerschmidt, J. Haunold u A. Westerhof Löfflerová, bħala aġenti,

    u minn

    IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Triantafyllou u A. Steiblytė, bħala aġenti,

    intervenjenti,

    IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża),

    komposta minn A. Kornezov, President, G. De Baere, D. Petrlík (Relatur), K. Kecsmár u S. Kingston, Imħallfin,

    Reġistratur: S. Jund, Amministratriċi,

    wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

    wara s-seduta tas‑7 ta’ Marzu 2023,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza (1)

    1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Deutsche Bank AG, titlob l-annullament tad-deċiżjoni SRB/ES/2021/22 tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) tal‑14 ta’ April 2021 dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall‑2021 lill-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), sa fejn din tikkonċernaha.

    [omissis]

    III. Ittalbiet talpartijiet

    19      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    –        tannulla d-deċiżjoni kkontestata, inklużi l-annessi tagħha, sa fejn din tikkonċernaha;

    –        tikkundanna lis-SRB għall-ispejjeż.

    20      Is-SRB jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    –        tiċħad ir-rikors;

    –        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż;

    –        sussidjarjament, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata, iżżomm l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata sakemm din tiġi ssostitwita jew, għall-inqas, għal perijodu ta’ sitt xhur mid-data li fiha s-sentenza ssir definittiva.

    21      Il-Parlament Ewropew jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    –        tiċħad ir-rikors sa fejn dan huwa bbażat fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità tar-Regolament Nru 806/2014;

    –        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

    22      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    –        tiċħad ir-rikors;

    –        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

    23      Il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    –        tiċħad ir-rikors;

    –        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

    IV.    Iddritt

    [omissis]

    A.      Fuq leċċezzjonijiet ta’ illegalità talArtikolu 69(1) tarRegolament Nru 806/2014 u tal-Artikoli 4 sa 9 u 20 kif ukoll talAnness I tar-Regolament ta’ Delega 2015/63

    1.      Fuq ittieni u ttielet parti tarraba’ motiv, ibbażati fuq illegalità talArtikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014 

    27      Fil-kuntest tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti qajmet, essenzjalment, tliet partijiet. L-ewwel waħda tirrigwarda ksur, mid-deċiżjoni kkontestata, tal-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, moqri flimkien mal-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014, u għalhekk ser tiġi eżaminata fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-legalità ta’ dik id-deċiżjoni. It-tieni u t-tielet parti huma, min-naħa tagħhom, ibbażati fuq l-illegalità tal-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014, sa fejn din id-dispożizzjoni tmur kontra, minn naħa, il-“prinċipju tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet adattat għar-riskju” u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 114 TFUE.

    28      Ir-rikorrenti qajmet it-tieni u t-tielet parti fl-ipoteżi li l-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa l-bażi tal-kalkolu tal-livell fil-mira finali li għandu jintlaħaq mis-somma tal-kontribuzzjonijiet ex ante miġbura qabel l‑31 ta’ Diċembru 2023 (iktar ’il quddiem il-“livell fil-mira finali”), fuq l-ammont tad-depożiti koperti fl-aħħar tal-perijodu inizjali ta’ tmien snin mill‑1 ta’ Jannar 2016 (iktar ’il quddiem il-“perijodu inizjali”). Qabel ma jiġu eżaminati l-imsemmija partijiet, hemm lok għalhekk li tiġi kkjarifikata, qabelxejn, il-portata tal-Artikolu 69(1) tal-imsemmi regolament.

    a)      Fuq ilportata talArtikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014

    29      Ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-livell fil-mira finali għandu jiġi ddeterminat b’mod “statiku”, jiġifieri fid-dawl tal-ammont tad-depożiti koperti fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament. Għalhekk, skont l-imsemmija dispożizzjoni, dan il-livell fil-mira ma għandux jiġi ddeterminat fid-dawl tal-livell tad-depożiti koperti fi tmiem il-perijodu inizjali.

    30      Qabelxejn, il-kliem tal-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014 fil-fatt jirreferi biss għat-terminu għall-kostituzzjoni tal-mezzi finanzjarji tas-SRF. Min-naħa l-oħra, dan ma jfissirx li l-livell fil-mira finali għandu jiġi ddefinit fid-dawl tal-ammont tad-depożiti koperti fi tmiem il-perijodu inizjali.

    31      Sussegwentement, ix-xogħol preparatorju tar-Regolament Nru 806/2014 juri li, waqt il-ħolqien tas-SRF, kien previst livell fil-mira finali “statiku” ta’ madwar EUR 55 biljun, li jikkorrispondi għal 1 % tad-depożiti koperti previsti tal-istituzzjonijiet kollha fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament.

    32      Fl-aħħar nett, fid-dawl ta’ interpretazzjoni teleoloġika u sistematika tal-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014, ir-riskju kopert mis-SRF ma għandux jitkejjel b’riferiment għall-evoluzzjoni tad-depożiti koperti, peress li ż-żieda ta’ dawn id-depożiti ma twassalx għal żieda fir-riskju li jintuża s-SRF.

    33      Is-SRB, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw dan l-argument.

    34      L-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi li “Sal-aħħar [tal-]perijodu inizjali”, “il-mezzi finanzjarji disponibbli tal-[SRF] għandhom jilħqu mill-inqas 1 % tal-ammont ta’ depożiti koperti tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha awtorizzati fl-Istati Mebri parteċipanti kollha”.

    35      Qabelxejn, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jsegwi li d-data tat-tmiem tal-perijodu inizjali ma hijiex biss determinanti sabiex tiġi stabbilita d-data li fiha l-mezzi finanzjarji disponibbli tas-SRF għandhom jilħqu tal-inqas 1 % tal-ammont tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fl-Istati Membri kollha li jipparteċipaw fis-SRM, jiġifieri l-livell fil-mira finali, iżda wkoll sabiex jiġi speċifikat l-ammont ta’ dawn id-depożiti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu ta’ dan il-livell fil-mira.

    36      Sussegwentement, mix-xogħol preparatorju tar-Regolament Nru 806/2014 jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, l-Artikolu 69(1) ta’ dan ir-regolament huwa bbażat fuq approċċ dinamiku tal-livell fil-mira finali, fis-sens li dan tal-aħħar għandu jiġi ddeterminat fid-dawl tal-ammont tad-depożiti koperti fi tmiem il-perijodu inizjali. Fil-fatt, fil-punt 4.3.2 tal-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta COM(2013) 520 final tagħha tal‑10 ta’ Lulju 2013, li wasslet għall-adozzjoni tal-imsemmi regolament, il-Kummissjoni spjegat li l-livell fil-mira finali jibqa’ dinamiku u li jiżdied jekk is-settur bankarju jiżviluppa.

    37      Fl-aħħar nett, in-neċessità li tittieħed inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni tal-ammont tad-depożiti koperti hija spjegata mill-għan ta’ ġbir tal-kontribuzzjonijiet ex ante, li huwa li jiġi ggarantit, f’loġika ta’ natura ta’ assigurazzjoni, li s-settur finanzjarju jipprovdi riżorsi finanzjarji suffiċjenti lill-SRM sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jissodisfa l-funzjonijiet tiegħu, bħalma jsegwi mill-premessa 41 tar-Regolament Nru 806/2014 (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 113). L-għan tal-SRM huwa, konformement mal-premessa 12 ta’ dan ir-regolament, li jsaħħaħ min-naħa tiegħu l-istabbiltà tal-istituzzjonijiet fl-Istati Membri parteċipanti u li jipprevjeni t-tixrid ta’ kriżijiet possibbli fl-Istati Membri mhux parteċipanti.

    38      F’dan ir-rigward, mill-punt 4.3.2 tal-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta COM(2013) 520 final isegwi li, iktar ma d-daqs tas-settur bankarju jikber fiż-żmien, iktar ikollhom jiżdiedu r-riżorsi finanzjarji li għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tas-SRF. Stima ta’ dan id-daqs tippermetti għalhekk li jiġi previst l-ammont tal-mezzi finanzjarji li għandhom jiġu pprovduti lis-SRF sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jintuża, fil-każ ta’ kriżi li taffettwa s-settur bankarju, għall-finanzjament tal-istrumenti ta’ riżoluzzjoni u b’hekk tiġi żgurata l-applikazzjoni effikaċi tagħhom, konformement mal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 806/2014, moqri fid-dawl tal-premessa 101 ta’ dan l-istess regolament.

    39      Issa, fil-kuntest tal-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014, il-leġiżlatur tal-Unjoni għażel approċċ skont liema l-ammont tad-depożiti koperti huwa intiż sabiex jiġi stmat id-daqs tas-settur bankarju u sabiex b’hekk jiġu kkalkolati r-riżorsi finanzjarji li għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tas-SRF. Minn tali perspettiva, żieda eventwali tal-ammont tad-depożiti koperti bejn il-bidu u t-tmiem tal-perijodu inizjali tirrifletti żieda fid-daqs tas-settur bankarju, li jimplika żieda fil-mezzi finanzjarji meħtieġa mis-SRF fi tmiem dan il-perijodu.

    40      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ammont tal-livell fil-mira finali, previst minn din id-dispożizzjoni, għandu jiġi ddeterminat fid-dawl tal-ammont tad-depożiti koperti eżistenti fi tmiem il-perijodu inizjali.

    b)      Fuq illegalità talArtikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014

    1)      Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-allegazzjoni li l-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014 jikser il-“prinċipju tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet adattati għar-riskju”

    41      Ir-rikorrenti ssostni li, jekk l-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014 jiġi interpretat fis-sens li l-livell fil-mira finali huwa ddeterminat fid-dawl tal-ammont tad-depożiti koperti fi tmiem il-perijodu inizjali, din id-dispożizzjoni tikser il-“prinċipju tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet adattati għar-riskju”, li jikkostitwixxi l-espressjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u li jirriżulta mill-Artikoli 16, 17 u 52 tal-Karta, mill-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 u mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 103(2) tad-Direttiva 2014/59.

    42      Fil-fatt, fid-dawl taż-żieda sinjifikattiva tal-ammont tad-depożiti koperti matul l-aħħar snin, l-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014 jimponi fuq l-istituzzjonijiet piżijiet mhux iġġustifikati u sproporzjonati. Il-kontribuzzjonijiet ex ante tal-istituzzjonijiet kollha b’hekk żdiedu, minn madwar EUR 6.9 biljun fl‑2016 għal madwar EUR 11.3 biljun fl‑2021, li jirrappreżenta tkabbir ta’ 64 %.

    43      Madankollu, ir-riskju kopert mis-SRM u mis-SRF ma żdiedx b’mod sinjifikattiv matul dan il-perijodu.

    44      Is-SRB, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw dan l-argument.

    45      Bħalma ġie rrilevat fil-punti 35 sa 40 iktar ’il fuq, il-livell fil-mira finali huwa ddefinit, konformement mal-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014, b’riferiment għall-ammont tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet ikkonċernati kollha fi tmiem il-perijodu inizjali.

    46      Għalkemm, sabiex tikkontesta dan il-metodu ta’ determinazzjoni tal-livell fil-mira finali, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru  806/2014 jikser il-“prinċipju tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet adattat għar-riskju”, mis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, b’mod partikolari mir-replika tagħha u mill-osservazzjonijiet tagħha dwar in-noti tal-Parlament u tal-Kunsill, jirriżulta li hija tqis li dan il-“prinċipju” joħroġ mill-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu 5(4) TUE.

    47      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni jekk jeżistix, fid-dritt tal-Unjoni, “prinċipju” awtonomu msejjaħ “tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante adattat għar-riskju”. Huwa biżżejjed, skont l-argument tar-rikorrenti, li jiġi evalwat jekk l-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014 jiksirx il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    48      Il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet u tal-korpi tal-Unjoni għandhom ikunu adatti sabiex jilħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa neċessarju sabiex dawn l-għanijiet jintlaħqu, filwaqt li, meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet previsti (sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et, C‑547/14, EU:C:2016:325, punt 165, u tal‑20 ta’ Jannar 2021, ABLV Bank vs SRB, T‑758/18, EU:T:2021:28, punt 142).

    49      Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 48 iktar ’il fuq, għandu jitfakkar li, fid-determinazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, il-leġiżlatur tal-Unjoni jgawdi minn setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa, peress li huwa għandu jintervjeni f’qasam li jinvolvi, min-naħa tiegħu, għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali u li fih huwa mitlub iwettaq evalwazzjonijiet kumplessi (sentenza tal15 ta’ Lulju 2021, IlKummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB, C584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punti 117 u 118).

    50      F’dawn iċ-ċirkustanzi u b’mod konformi mal-ġurisprudenza, l-istħarriġ mill-Qorti Ġenerali tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għandu jkun limitat għall-eżami ta’ jekk il-miżuri adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni humiex manifestament inadegwati meta mqabbla mal-għan imfittex, jekk dawn imorrux manifestament lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan jew jekk jinvolvux inkonvenjenzi manifestament sproporzjonati meta mqabbla mal-imsemmi għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2016, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑358/14, EU:C:2016:323, punti 79, 96 u 97).

    51      F’dak li jirrigwarda, l-ewwel, in-natura xierqa tar-regola prevista fl-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014, mill-punt 37 iktar ’il fuq isegwi li din hija intiża li tipprovdi lill-SRM b’riżorsi suffiċjenti sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jissodisfa l-funzjonijiet tiegħu, li fosthom hemm, b’mod partikolari, it-twettiq tar-riżoluzzjonijiet ta’ istituzzjonijiet li qegħdin ifallu.

    52      F’dan ir-rigward, sabiex turi n-natura manifestament mhux xierqa tal-metodu ta’ determinazzjoni tal-livell fil-mira finali sabiex jintlaħaq l-għan stabbilit fil-punt 51 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti tqajjem, essenzjalment, żewġ kategoriji ta’ argumenti, l-ewwel waħda dwar ir-rilevanza tad-depożiti koperti bħala parametru ta’ definizzjoni ta’ dan il-livell fil-mira u t-tieni waħda dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-ammont ta’ dawn id-depożiti fi tmiem il-perijodu inizjali.

    53      Għalhekk, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li d-depożiti koperti ma jikkostitwixxux kriterju xieraq għad-determinazzjoni tal-livell fil-mira finali, peress li dawn id-depożiti ma jwasslux neċessarjament għal riskju li s-SRF jintuża fil-kuntest ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni.

    54      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, sabiex jintlaħaq l-għan stabbilit fil-punt 51 iktar ’il fuq u bħalma jsegwi mill-premessi 101, 104 u 105 tar-Regolament Nru 806/2014, huwa l-leġiżlatur tal-Unjoni li għandu jagħti lis-SRF riżorsi finanzjarji suffiċjenti sabiex ikun jista’ jintervjeni f’każ ta’ kriżi tas-settur bankarju u jiffinanzja eventwali proċedura ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet, fil-kuntest tal-missjonijiet fdati lilu mill-Artikolu 76(1) ta’ dan l-istess regolament.

    55      Dawn ir-riżorsi finanzjarji, li jikkorrispondu għal-livell fil-mira finali, għandhom jiġu stmati fid-dawl tad-daqs tas-settur bankarju, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li r-riskju kopert mis-SRF huwa dak li dan is-settur kollu joħloq għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, ABLV Bank vs SRB, T‑758/18, EU:T:2021:28, punti 71 u 72).

    56      F’dan ir-rigward, is-SRB spjega, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, mingħajr ma ġie serjament kontradett mir-rikorrenti, li d-depożiti koperti kienu jippermettu li jiġi stmat, b’mod approssimattiv, id-daqs tas-settur bankarju u li b’hekk jiġu kkalkolati r-riżorsi finanzjarji meħtieġa mis-SRF, sabiex tiġi ffinanzjata l-applikazzjoni tal-istrumenti ta’ riżoluzzjoni fil-każ ta’ kriżi ta’ dan is-settur.

    57      Fil-fatt, dawn id-depożiti jikkostitwixxu impenji meħuda mill-istituzzjonijiet, filwaqt li huwa ppreċiżat, bħalma ssostni l-Kummissjoni fin-nota ta’ intervent tagħha, mingħajr ma ġiet kontradetta mir-rikorrenti, li dawn id-depożiti jirrappreżentaw saħansitra l-maġġoranza tal-impenji, tal-inqas għal istituzzjonijiet kbar.

    58      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex stabbilit li, bħala kategorija speċifika ta’ impenji assunti mill-istituzzjonijiet, id-depożiti koperti huma manifestament inadegwati sabiex jiġi stmat id-daqs tas-settur bankarju u sabiex b’hekk jiġu kkalkolati r-riżorsi meħtieġa mis-SRF.

    59      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tar-rikorrenti li, fil-każ ta’ riżoluzzjoni, id-depożiti koperti huma protetti mis-SGD, b’tali mod li ż-żieda tagħhom ma twassalx għal żieda fir-riskju kopert mis-SRF.

    60      Fil-fatt, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat sa fejn id-depożiti koperti jippreżentaw riskju għall-użu tal-mezzi finanzjarji tas-SRF, għandu jiġi rrilevat li l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat, fir-realtà, fuq il-premessa li dawn id-depożiti jistgħu jiżdiedu b’mod iżolat, mingħajr ma tali żieda tkun akkumpanjata minn żieda ta’ impenji oħra tal-istituzzjonijiet li jistgħu jwasslu għal riskju għas-SRF.

    61      Madankollu, xejn ma jindika li dan huwa l-każ.

    62      F’dan ir-rigward, bħalma jaffermaw is-SRB u l-Parlament, essenzjalment, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, mingħajr ma r-rikorrenti tipproduċi xi prova konkreta sabiex tikkontesta dawn id-dikjarazzjonijiet, l-ammont tad-depożiti koperti miżmum mill-istituzzjonijiet kollha jista’ jkun ta’ natura li jirrifletti l-iżvilupp globali tas-settur bankarju. B’mod partikolari, xejn ma jindika li ż-żieda eventwali ta’ dan l-ammont ma tistax tkun akkumpanjata minn żieda ta’ impenji oħra assunti minn dawn l-istituzzjonijiet, bħad-depożiti mhux koperti, li ma humiex protetti mis-SGD u li jimplikaw, min-naħa tagħhom, żieda tar-riskju kopert mis-SRF.

    63      F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti ma tistax tallega li d-depożiti koperti jikkostitwixxu miżura manifestament mhux xierqa sabiex jiġi kkalkolat il-livell fil-mira finali, billi tibbaża ruħha fuq il-premessa 105 tar-Regolament Nru 806/2014, li tipprovdi:

    “Il-livell fil-mira tal-[SRF] għandu jkun stabbilit bħala perċentwali tal-ammont ta’ depożiti koperti tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fl-Istati Membri parteċipanti. Madankollu, peress li l-ammont tal-obbligazzjonijiet totali ta’ dawk l-istituzzjonijiet ikun, b’kont meħud tal-funzjonijiet tal-[SRF], punt ta’ riferiment iktar xieraq, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk depożiti koperti jew obbligazzjonijiet totali humiex l-aktar bażi xierqa u jekk fil-futur għandux jiġi introdott ammont minimu assolut għall-[SRF], filwaqt li jinżammu kondizzjonijiet ekwivalenti mad-Direttiva 2014/59[...]. ”

    64      Fil-fatt, is-sempliċi fatt li kriterju ieħor jista’ jkun daqstant xieraq bħal dak adottat fil-leġiżlazzjoni kkonċernata u li l-leġiżlatur tal-Unjoni jindika li hija l-Kummissjoni li għandha tevalwa mill-ġdid fil-futur l-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju ma jfissirx li l-kriterju adottat b’għarfien sħiħ tal-fatti minn dan il-leġiżlatur huwa manifestament mhux xieraq sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu mfittex. F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jsegwi li l-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ma għandhiex tiddetermina jekk il-miżura adottata mill-imsemmi leġiżlatur kinitx l-unika jew l-aħjar waħda possibbli, iżda jekk din kinitx manifestament mhux xierqa (sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2001, Jippes et, C‑189/01, EU:C:2001:420, punt 83).

    65      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-ammont tad-depożiti koperti fi tmiem il-perijodu inizjali, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira finali, jikkostitwixxi miżura manifestament mhux xierqa sabiex jintlaħaq l-għan iċċitat fil-punt 51 iktar’ il fuq, jiġifieri li s-SRM jingħata biżżejjed riżorsi sabiex ikun jista’ jaqdi l-funzjonijiet tiegħu.

    66      F’dan ir-rigward, mill-punti 38 u 40 iktar ’il fuq jirriżulta li, sabiex jippermetti lis-SRM jissodisfa l-funzjonijiet tiegħu b’mod effikaċi, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda l-finanzjament tas-SRF billi ħa inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni tas-settur bankarju, peress li eventwali tkabbir tad-daqs ta’ dan is-settur ratione temporis jimplika wkoll żieda fir-riżorsi finanzjarji li għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tas-SRF u, konsegwentement, tal-livell fil-mira finali. Issa, fid-dawl tal-konstatazzjoni magħmula fil-punt 58 iktar ’il fuq, l-ammont tad-depożiti koperti fi tmiem il-perijodu inizjali ma huwiex manifestament irrilevanti sabiex jirrifletti d-daqs futur tal-imsemmi settur u sabiex b’hekk jiġi ggarantit finanzjament suffiċjenti għas-SRF skont is-sitwazzjoni prevedibbli ta’ dan l-istess settur.

    67      Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fil-punt 62 iktar ’il fuq, ma huwiex manifestament mhux xieraq li wieħed jibbaża ruħu fuq l-iżvilupp tad-depożiti koperti sabiex tiġi preżunta żieda ta’ impenji oħra meħuda mill-istituzzjonijiet u b’hekk tiġi stmata l-eventwali żieda tar-riskju kopert mis-SRF.

    68      F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti ma tistax, b’mod partikolari, tibbaża ruħha fuq l-Artikoli 428m u 428n tar-Regolament (UE) 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 68; ĠU 2013, L 321, p. 6; ĠU 2017, L 20, p. 2; u fil-ĠU 2023, L 92, p. 29), billi tallega li, skont dawn id-dispożizzjonijiet, id-depożiti koperti jnaqqsu r-riskju ta’ likwidità tal-istituzzjonijiet, b’tali mod li ż-żieda tagħhom ma timplika ebda riskju ta’ użu tas-SRF u għalhekk ma għandhiex twassal għal żieda tal-livell fil-mira finali.

    69      F’dan ir-rigward, mill-premessa 32 tar-Regolament Nru 575/2013, moqrija flimkien mal-premessa 12 tar-Regolament Nru 806/2014, isegwi li l-leġiżlazzjoni dwar ir-rekwiżiti prudenzjali ssegwi għan differenti minn dak tal-leġiżlazzjoni relatata mar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikoli 428m u 428n tar-Regolament Nru 575/2013 ma humiex ta’ natura li jistabbilixxu n-natura manifestament inadegwata tal-mod ta’ determinazzjoni tal-livell fil-mira finali, liema metodu jaqa’ taħt il-leġiżlazzjoni dwar ir-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet.

    70      Bl-istess mod, ir-rikorrenti ma hijiex fondata li tallega li ż-żieda ta’ dawn id-depożiti ma għandhiex twassal għal żieda tal-livell fil-mira finali billi tibbaża ruħha fuq iċ-ċirkustanza li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-likwiditajiet għolja fil-qasam tad-depożiti koperti fil-kalkolu tal-indikatur tar-riskju “proporzjon tal-kopertura tal-likwidità”, skont l-Artikolu 6(3)(b) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 iwassal għal tnaqqis tal-multiplikatur ta’ aġġustament tal-istituzzjoni kkonċernata.

    71      Fil-fatt, din iċ-ċirkustanza waħedha ma hijiex ta’ natura li turi li l-iżvilupp tal-ammont tad-depożiti koperti huwa manifestament mhux xieraq sabiex jirrifletti l-iżvilupp tad-daqs tas-settur bankarju u konsegwentement jiddetermina l-bżonnijiet finanzjarji tas-SRF u, b’mod partikolari, sabiex tiġi stmata ż-żieda tal-impenji li jippreżentaw riskju għas-SRF u b’hekk jitkejjel tali riskju li s-SRF huwa mitlub ikopri fil-kuntest tal-proċeduri ta’ riżoluzzjoni.

    72      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma wrietx li l-metodu ta’ determinazzjoni tal-livell fil-mira finali, kif previst mill-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014, kien manifestament mhux xieraq sabiex jintlaħaq l-għan imsemmi fil-punt 51 iktar ’il fuq.

    73      It-tieni, ir-rikorrenti ma tispjegax kif il-metodu ta’ determinazzjoni tal-livell fil-mira finali, kif jirriżulta mill-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014, imur manifestament lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imsemmi fil-punt 51 iktar ’il fuq. B’mod partikolari, hija ma tipproduċix provi konkreti sabiex turi li dan l-għan jista’ jintlaħaq permezz ta’ miżuri daqstant effikaċi bħal dawk previsti minn din id-dispożizzjoni, iżda inqas vinkolanti għall-istituzzjonijiet ikkonċernati, mid-determinazzjoni ta’ dan il-livell fil-mira fir-rigward tal-ammont tad-depożiti koperti fi tmiem il-perijodu inizjali.

    74      F’dan ir-rigward, anki jekk jitqies li r-rikorrenti tqis li d-determinazzjoni tal-livell fil-mira finali skont l-ammont tad-depożiti koperti fil-mument tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 806/2014 tikkostitwixxi tali miżura inqas restrittiva, hija ma tistabbilixxix kif din il-miżura tippermetti lis-SRF ikollu riżorsi finanzjarji suffiċjenti sabiex jiżgura funzjonament effikaċi tas-SRM.

    75      Bl-istess mod, ir-rikorrenti ma tistax issostni li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira finali, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu jieħu inkunsiderazzjoni t-tnaqqis tar-riskju tal-użu tas-SRF minħabba l-impenji eliġibbli miżmuma mill-istituzzjonijiet, konformement mar-rekwiżit minimu ta’ fondi proprji u ta’ impenji eliġibbli (iktar’ il quddiem ir-“RMIE”) u mar-rekwiżit ta’ kapaċità ta’ assorbiment tat-telf. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti, b’mod partikolari, ma spjegatx kif it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-impenji, sabiex jiġu stabbiliti l-modalitajiet ta’ kalkolu tal-livell fil-mira finali, iwassal għal inqas spejjeż għall-istituzzjonijiet ikkonċernati, filwaqt li jippermetti lis-SRF ikollu riżorsi finanzjarji suffiċjenti.

    76      Fl-aħħar nett, anki jekk jitqies li l-kalkolu tal-livell fil-mira finali fid-dawl tal-impenji kollha tal-istituzzjonijiet jikkostitwixxi miżura xierqa, ir-rikorrenti ma wrietx li tali kalkolu jkun jikkawża inqas piżijiet għall-istituzzjonijiet ikkonċernati mid-determinazzjoni ta’ dan il-livell fil-mira abbażi tal-ammont tad-depożiti koperti fl-aħħar tal-perijodu inizjali.

    77      It-tielet, ir-rikorrenti ma ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali ebda element konkret intiż li juri li, billi ddetermina l-livell fil-mira finali b’riferiment għad-depożiti koperti eżistenti fi tmiem il-perijodu inizjali, l-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014 kien wassal għal inkonvenjenzi għall-istituzzjonijiet li huma manifestament sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

    78      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, din il-parti għandha tiġi miċħuda.

    2)      Fuq ittielet parti, ibbażata fuq l-allegazzjoni li l-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014 jikser lArtikolu 114 TFUE

    79      Ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014 ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 114(1) TFUE. B’mod partikolari, fid-determinazzjoni tal-livell fil-mira finali skont l-evoluzzjoni dinamika tal-ammont tad-depożiti koperti fi tmiem il-perijodu inizjali, din id-dispożizzjoni ma tikkontribwixxix sabiex jintlaħaq l-għan ta’ armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-finanzjament tar-riżoluzzjonijiet fir-rigward tar-riskju maħluq mis-settur bankarju. Fil-fatt, iż-żieda tal-kontribuzzjonijiet ex ante wara ż-żieda tad-depożiti koperti, minkejja tnaqqis tar-riskju ta’ riżoluzzjoni, twassal għal akkumulazzjoni tar-riżorsi li ma hijiex neċessarja sabiex jintlaħaq dan l-għan ta’ armonizzazzjoni. Minħabba l-assenza ta’ konnessjoni bejn l-ammont tad-depożiti koperti u r-riskju għas-SRB, determinazzjoni dinamika tal-livell fil-mira finali twassal għal natura sproporzjonata ta’ dan tal-aħħar.

    80      Barra minn hekk, il-kontribuzzjoni ex ante tinbidel f’taxxa li ma tkunx koperta mill-kompetenza ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni skont l-Artikolu 114(2) TFUE.

    81      Is-SRB, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw dan l-argument.

    82      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-għażla tal-bażi legali ta’ att tal-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju, fost liema hemm l-iskop u l-kontenut tal-att (ara Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE‑Kanada) tas‑26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċita; sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (Ftehim mal-Kazakistan), C‑244/17, EU:C:2018:662, punt 36).

    83      L-atti leġiżlattivi adottati abbażi tal-Artikolu 114(1) TFUE għandhom, minn naħa, jinkludu miżuri dwar l-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi tal-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, għandu jkollhom bħala għan l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern (sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2014, Ir‑Renju Unit vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑270/12, EU:C:2014:18, punt 100).

    84      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-Artikolu 114 TFUE jista’ jintuża bħala bażi legali biss meta jirriżulta oġġettivament u effettivament mill-att legali li dan tal-aħħar huwa intiż sabiex itejjeb il-kundizzjonijiet tal-istabbiliment u tal-funzjonament tas-suq intern (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2014, Ir‑Renju Unit vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑270/12, EU:C:2014:18, punt 113 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    85      F’dan il-każ, mill-premessi 1 u 3 tar-Regolament Nru 806/2014 kif ukoll mill-premessa 1 tad-Direttiva 2014/59 jirriżulta, b’mod partikolari, li dan ir-regolament ġie adottat f’kuntest ta’ kriżi ekonomika u finanzjarja, li żvelat, fir-rigward tal-Unjoni, assenza ta’ strumenti li jippermettu li jiġi indirizzat b’mod effikaċi r-riskju ppreżentat mill-istituzzjonijiet li għandhom diffikultajiet finanzjarji, li ġiegħel lill-Istati Membri jużaw il-mezzi finanzjarji pubbliċi sabiex isostnu tali istituzzjonijiet.

    86      Mill-premessa 1 tar-Regolament Nru 806/2014 jirriżulta wkoll li din il-kriżi wriet it-theddid għall-funzjonament tas-suq intern tas-servizzi bankarji u r-riskju dejjem jikber ta’ frammentazzjoni finanzjarja. Dan kien sors ġenwin ta’ tħassib fi ħdan is-suq intern li fih il-banek kellhom ikunu f’pożizzjoni li jeżerċitaw attivitajiet transkonfinali sinjifikattivi, filwaqt li kien ġie kkonstatat tibdil f’dawn l-attivitajiet, marbut ma’ biża’ ta’ kontaġju.

    87      Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni enfasizza, fil-premessi 2 sa 4 u 12 tar-Regolament Nru 806/2014, li d-diverġenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tar-riżoluzzjoni u bejn il-prattiki amministrattivi korrispondenti kif ukoll l-assenza ta’ proċess deċiżjonali unifikat għar-riżoluzzjoni fl-Unjoni Bankarja kienu jipprovdu nuqqas ta’ fiduċja fis-sistemi bankarji nazzjonali fil-konfront ta’ dawk tal-Istati Membri l-oħra, inklużi l-Istati Membri li ma jipparteċipawx fis-SRM, u kkontribwixxew għall-instabbiltà tas-suq billi ma ggarantixxew ebda prevedibbiltà fir-rigward tal-eżitu ta’ falliment ta’ bank. Dawn id-differenzi setgħu jwasslu wkoll għal spejjeż ta’ self ogħla għal ċerti banek u għall-klijenti tagħhom biss minħabba l-post ta’ stabbiliment ta’ dawn il-banek, indipendentement mis-solvenza reali tagħhom.

    88      Fl-aħħar nett, il-leġiżlatur tal-Unjoni enfasizza, fil-premessi 9 u 19 tar‑Regolament Nru 806/2014, il-fatt li sakemm il-leġiżlazzjonijiet u l-prattiki fil-qasam tar-riżoluzzjoni kif ukoll il-modalitajiet ta’ qsim tal-piżijiet ma jaqbżux il-livell nazzjonali u r-riżorsi finanzjarji neċessarji għall-finanzjament tal-proċeduri ta’ riżoluzzjoni jinġabru u jintefqu fil-livell nazzjonali, ir-rabta bejn l-Istati Membri u s-settur bankarju ma tinkisirx totalment u s-suq intern jibqa’ frammentat. Din is-sitwazzjoni tirrestrinġi l-attivitajiet transkonfinali tal-banek, toħloq ostakoli għall-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali u toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern.

    89      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li r-Regolament Nru 806/2014 huwa intiż li jirrestrinġi r-rabta eżistenti bejn is-sitwazzjoni baġitarja ta’ kull Stat Membru, kif ipperċepita, u l-ispejjeż ta’ finanzjament tal-banek u tal-impriżi stabbiliti fih, kif ukoll li jpoġġi r-responsabbiltà tal-finanzjament tal-istabbilizzazzjoni tas-sistema finanzjarja fuq is-settur finanzjarju kollu kemm hu.

    90      Għalhekk, bħalma jindika l-Artikolu 1 tiegħu, ir-Regolament Nru 806/2014 jistabbilixxi, b’mod partikolari, regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet, li għandhom jiġu applikati mis-SRB, u dan sabiex jittaffa t-theddid invokat fil-punti 85 sa 88 iktar ’il fuq.

    91      Element essenzjali ta’ dawn ir-regoli u ta’ din il-proċedura huwa s-SRF, li jippermetti, bħalma jsegwi mill-Artikoli 67 u 76 tar-Regolament Nru 806/2014 u mill-premessa 107 ta’ dan ir-regolament, li jiġi żgurat l-eżerċizzju effiċjenti tas-setgħat ta’ riżoluzzjoni u li jingħata kontribut għall-finanzjament tal-istrumenti ta’ riżoluzzjoni billi tiġi żgurata l-applikazzjoni effiċjenti tagħhom.

    92      Sabiex jiġu żgurati mezzi finanzjarji suffiċjenti fis-SRF, dan tal-aħħar huwa ffinanzjat, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet stabbiliti fil-punti 85 sa 88 iktar ’il fuq, b’mod partikolari, mill-kontribuzzjonijiet ex ante mħallsa mill-istituzzjonijiet u li l-ammont tagħhom jiddependi mil-livell fil-mira finali stabbilit konformement mal-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014.

    93      Konsegwentement, il-ħlas ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet, kif iddeterminat skont l-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014, jiżgura l-applikazzjoni effiċjenti tar-regoli uniformi u tal-proċedura uniformi ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet. Ir-regoli li jiffissaw l-imsemmija kontribuzzjonijiet jippermettu, min-naħa tagħhom, bħalma jsegwi mill-premessi 12 u 19 tal-istess regolament, li jiġi evitat li prattiki nazzjonali diverġenti jostakolaw l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali jew joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern.

    94      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tar-rikorrenti li l-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014 huwa ddissoċjat mill-għan ta’ armonizzazzjoni peress li l-ammont tal-livell fil-mira finali, previst minn din id-dispożizzjoni, huwa ddeterminat fid-dawl tal-ammont tad-depożiti koperti eżistenti fi tmiem il-perijodu inizjali.

    95      Fil-fatt, minn naħa, il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante fid-dawl tal-livell fil-mira finali huwa intiż li jipprovdi lis-SRF riżorsi finanzjarji abbażi ta’ riferiment uniformi, u dan għall-finijiet ta’ applikazzjoni effiċjenti tal-miżuri ta’ riżoluzzjoni fil-kuntest ta’ proċedura uniformi. Tali kalkolu huwa għalhekk ta’ natura li jikser ir-rabta bejn istituzzjoni u l-Istat Membru li fih din għandha s-sede tagħha, filwaqt li jikkontribwixxi għall-istabbiliment u għall-funzjonament tas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 114(1) TFUE. Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-motivi esposti fil-punti 66 u 67 iktar ’il fuq, il-fatt li l-livell fil-mira finali huwa ddeterminat fid-dawl tal-ammont tad-depożiti koperti fi tmiem il-perijodu inizjali ma jistax jitqies li huwa ddissoċjat mill-għan ta’ armonizzazzjoni.

    96      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 806/2014, b’mod partikolari l-Artikolu 69(1) tiegħu, għandu l-għan li jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-istabbiliment u tal-funzjonament tas-suq intern.

    97      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, bl-espressjoni “miżuri għall-approssimazzjoni” li tidher fl-Artikolu 114 TFUE, l-awturi tat-Trattat FUE riedu jagħtu lil-leġiżlatur tal-Unjoni, fid-dawl tal-kuntest ġenerali u taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-qasam li għandu jiġi armonizzat, marġni ta’ evalwazzjoni fir-rigward tat-teknika ta’ approssimazzjoni l-iktar xierqa sabiex jintlaħaq ir-riżultat mixtieq, b’mod partikolari f’oqsma li huma kkaratterizzati minn aspetti tekniċi kumplessi (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2014, Ir‑Renju Unit vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑270/12, EU:C:2014:18, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    98      Għaldaqstant, il-leġiżlatur tal-Unjoni, fl-għażla tiegħu tat-teknika ta’ approssimazzjoni u fid-dawl tal-marġni ta’ evalwazzjoni li huwa għandu fir-rigward tal-miżuri previsti fl-Artikolu 114 TFUE, jista’ jiddelega lil korp jew lil organu tal-Unjoni kompetenzi intiżi għall-implimentazzjoni tal-armonizzazzjoni mfittxija. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta l-miżuri li għandhom jittieħdu għandhom ikunu bbażati fuq perizja professjonali u teknika partikolari kif ukoll fuq kapaċità reattiva ta’ tali entità (sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2014, Ir‑Renju Unit vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑270/12, EU:C:2014:18, punt 105).

    99      F’dan il-kuntest, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li, bħalma jsegwi mill-punti 85 sa 88 iktar ’il fuq, il-miżuri li għandhom jittieħdu fil-qasam tar-riżoluzzjoni għandhom ikunu bbażati fuq perizja professjonali u teknika partikolari. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ jagħti lis-SRB il-kompetenzi sabiex jiffissa, fid-dawl tal-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014, l-ammont tal-kontribuzzjonijiet ex ante u sabiex jamministra l-mezzi finanzjarji tas-SRF konformement mal-Artikolu 67(2) u (3) ta’ dan ir-regolament.

    100    Barra minn hekk, bħalma jsegwi mill-punti 92 u 93 iktar ’il fuq, l-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014 jikkostitwixxi element essenzjali tar-regoli u tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet, li jikkontribwixxi sabiex jiġi evitat li prattiki nazzjonali diverġenti jostakolaw l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali jew joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern.

    101    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014 jista’ jitqies bħala dispożizzjoni dwar l-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam tar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet fl-Unjoni Bankarja.

    102    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014 jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 114 TFUE.

    103    Fit-tielet lok, għandu jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti li, minħabba l-iffissar tal-livell fil-mira finali fid-dawl tal-ammont tad-depożiti koperti, il-kontribuzzjoni ex ante tikkostitwixxi, essenzjalment, taxxa u ma hijiex, għaldaqstant, koperta mill-kompetenza ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni skont l-Artikolu 114(2) TFUE.

    104    L-Artikolu 114(2) TFUE jipprevedi li l-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni ma japplikax, b’mod partikolari, għad-“dispożizzjonijiet fiskali”.

    105    F’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-espressjoni “dispożizzjonijiet fiskali”, għandu jiġi kkonstatat li t-Trattat FUE ma fihx definizzjoni ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑338/01, EU:C:2004:253, punt 63).

    106    Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li taxxa mħallsa mill-operaturi ekonomiċi ta’ settur partikolari ma hijiex ta’ natura fiskali f’sitwazzjoni fejn, b’mod partikolari, hija allokata direttament biss għall-finanzjament tal-ispejjeż ta’ dan is-settur u fejn dawn l-ispejjeż huma neċessarji għall-funzjonament ta’ dan tal-aħħar sabiex, b’mod partikolari, jiġi stabbilizzat (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 1989, Schräder HS Kraftfutter, 265/87, EU:C:1989:303, punti 9 u 10).

    107    Issa, dan ir-raġunament japplika wkoll fil-każ tal-kontribuzzjonijiet ex ante, li jsegwu loġika ta’ natura assigurattiva u li jitħallsu mill-operaturi ekonomiċi ta’ settur partikolari sabiex jiffinanzjaw esklużivament l-ispejjeż ta’ dan is-settur.

    108    Għalhekk, fir-rigward tan-natura tal-kontribuzzjonijiet ex ante, diġà ġie rrilevat fil-punt 85 iktar ’il fuq li r-Regolament Nru 806/2014 kien ġie adottat f’kuntest ta’ kriżi ekonomika u finanzjarja li kien żvela, fir-rigward tal-Unjoni, assenza ta’ strumenti li jippermettu li jiġi indirizzat b’mod effikaċi r-riskju ppreżentat mill-istituzzjonijiet b’diffikultajiet finanzjarji, li ġiegħel lill-Istati Membri jużaw il-mezzi finanzjarji pubbliċi sabiex isostnu tali istituzzjonijiet. Is-SRM huwa intiż sabiex jevita l-konsegwenzi dannużi tan-nuqqasijiet tal-istituzzjonijiet li seħħew waqt tali kriżijiet, peress li l-inadempjenza tal-istituzzjonijiet fi Stat Membru wieħed tista’ tikkomprometti l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji kollha kemm huma, bħalma jsegwi mill-premessi 8 u 12 ta’ dan ir-regolament.

    109    F’dan il-kuntest, il-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li huwa s-settur finanzjarju kollu kemm hu li għandu jiffinanzja l-istabbilizzazzjoni tas-sistema finanzjarja, bħalma jsegwi, b’mod partikolari, mill-premessa 100 tar-Regolament Nru 806/2014.

    110    Minn din il-perspettiva, in-natura speċifika tal-kontribuzzjonijiet ex ante tikkonsisti, bħalma jikkonfermaw il-premessi 105 sa 107 tad-Direttiva 2014/59 u l-premessa 41 tar-Regolament Nru 806/2014, f’li jiġi żgurat, f’loġika ta’ natura assigurattiva, li s-settur finanzjarju jipprovdi riżorsi finanzjarji suffiċjenti lis-SRM sabiex dan ikun jista’ jwettaq il-funzjonijiet tiegħu (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 113).

    111    Konsegwentement, konformement mal-Artikolu 67(2) u (4) u mal-premessa 61 tar-Regolament Nru 806/2014, il-kontribuzzjonijiet ex ante jinġabru mingħand l-operaturi ekonomiċi tas-settur finanzjarju sabiex isostnu s-SRF, li jistgħu jintużaw biss għall-finijiet tal-applikazzjoni effiċjenti tal-istrumenti ta’ riżoluzzjoni u tal-eżerċizzju effiċjenti tas-setgħat ta’ riżoluzzjoni meta tali miżuri jirriżultaw neċessarji sabiex jintlaħaq l-għan ta’ stabbiltà finanzjarja ta’ dan is-settur.

    112    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, bħalma jirriżulta mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 806/2014, il-miżuri msemmija fil-punt 111 iktar ’il fuq huma applikati biss favur l-istituzzjonijiet li huma obbligati jħallsu l-kontribuzzjonijiet ex ante.

    113    Ċertament, ir-Regolament Nru 806/2014 ma jistabbilixxi ebda rabta awtomatika bejn il-ħlas tal-kontribuzzjoni ex ante u r-riżoluzzjoni tal-istituzzjoni kkonċernata. Din hija r-raġuni għaliex il-kontribuzzjonijiet ex ante ma jistgħux jitqiesu bħala primjums tal-assigurazzjoni li l-pagamenti mensili u r-rimbors tagħhom ikunu possibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, ABLV Bank vs SRB (T‑758/18, EU:T:2021:28, punti 70 u 73).

    114    Xorta jibqa’ l-fatt li l-istituzzjonijiet jibbenefikaw b’mod doppju mis-SRF, li huwa ffinanzjat speċifikament mill-kontribuzzjonijiet ex ante tagħhom.

    115    Minn naħa, meta istituzzjonijiet ikunu qegħdin ifallu jew x’aktarx ifallu, is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom tista’ tiġi rregolarizzata fil-kuntest ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni li tista’ tinbeda favurihom jekk il-kundizzjonijiet l-oħra previsti mill-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 ikunu wkoll issodisfatti. Tali proċedura tippermetti għalhekk li jintużaw mezzi finanzjarji tas-SRF għall-benefiċċju ta’ tali istituzzjonijiet, peress li dawn il-mezzi ġew sostnuti bil-kontribuzzjonijiet ta’ dawn tal-aħħar.

    116    Min-naħa l-oħra, l-istituzzjonijiet kollha jibbenefikaw mill-kontribuzzjonijiet ex ante tagħhom permezz tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, li hija żgurata mis-SRF.

    117    Fil-fatt, ir-riskju kopert mis-SRF huwa dak li s-settur finanzjarju kollu joħloq għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja (sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, ABLV Bank vs SRB, T‑758/18, EU:T:2021:28, punt 72).

    118    Minn dan isegwi li s-SRF huwa intiż, minn perspettiva li ma hijiex ta’ natura fiskali, iżda assigurattiva, sabiex jiggarantixxi l-istabbiltà tas-settur finanzjarju kollu kemm hu, billi għandu l-għan li jiżgura protezzjoni kontra l-kriżi rispettiva tiegħu għall-benefiċċju tal-istituzzjonijiet kollha.

    119    Dan l-iskop ta’ natura assigurattiva huwa rifless ukoll fil-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, peress li dawn ma jirriżultawx mill-applikazzjoni ta’ rata partikolari għal bażi taxxabbli, iżda, skont l-Artikoli 102 u 103 tad-Direttiva 2014/59 u kif ukoll l-Artikoli 69 u 70 tar-Regolament Nru 806/2014, mid-definizzjoni ta’ livell fil-mira finali, imbagħad ta’ livell fil-mira annwali, li sussegwentement jinqasam bejn l-istituzzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 113). Dan it-tqassim tal-livell fil-mira annwali huwa bbażat, b’mod partikolari, bħalma jirriżulta wkoll mill-premessa 109 tar-Regolament Nru 806/2014, fuq ir-riskju li kull istituzzjoni tirrappreżenta għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, li jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet jadottaw modi ta’ funzjonament inqas riskjużi.

    120    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-istituzzjonijiet iħallsu l-kontribuzzjonijiet ex ante f’loġika ta’ natura assigurattiva, peress li dawn il-kontribuzzjonijiet huma direttament allokati biss għall-finanzjament tal-ispejjeż tas-settur finanzjarju li dawn l-istituzzjonijiet jaqgħu taħtu u dawn l-ispejjeż jirriżultaw neċessarji għall-funzjonament ta’ dan is-settur sabiex, b’mod partikolari, jistabbilizzawh fil-każ ta’ inadempjenza ta’ ċerti istituzzjonijiet u sabiex jillimitaw l-effetti ta’ kontaġju.

    121    Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 806/2014 li jobbligaw lill-istituzzjonijiet iħallsu kontribuzzjonijiet ex ante u jispeċifikaw il-modalitajiet tal-kalkolu tagħhom, b’mod partikolari l-Artikolu 69(1) tiegħu, ma jikkostitwixxux “dispożizzjonijiet fiskali” fis-sens tal-Artikolu 114(2) TFUE.

    122    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tar-rikorrenti li l-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014 huwa ddissoċjat mill-għan ta’ armonizzazzjoni peress li l-ammont tal-livell fil-mira finali previst minn din id-dispożizzjoni huwa ddeterminat fid-dawl tal-ammont tad-depożiti koperti eżistenti fi tmiem il-perijodu inizjali, b’tali mod li l-kontribuzzjoni ex ante tinbidel f’taxxa.

    123    Fil-fatt, minn naħa, għar-raġunijiet esposti fil-punt 95 iktar ’il fuq, tali metodu ta’ kalkolu tal-livell fil-mira finali ma jistax jitqies li huwa ddissoċjat mill-għan ta’ armonizzazzjoni. Min-naħa l-oħra, il-modalitajiet ta’ kalkolu ta’ dan l-ammont ma għandhomx effett fuq il-fatt li d-dħul mill-kontribuzzjonijiet ex ante huwa speċifikament u direttament allokat biss għall-finanzjament tal-ispejjeż tas-settur finanzjarju u li dawn il-kontribuzzjonijiet jistgħu jitqiesu li huma neċessarji għall-funzjonament tal-imsemmi settur, sabiex jiġi stabbilizzat.

    124    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 114 TFUE kien jikkostitwixxi bażi legali xierqa għall-adozzjoni tal-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014.

    125    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda.

    c)      Konklużjoni dwar ittieni u ttielet parti tarraba’ motiv

    126    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-raba’ motiv għandu jiġi miċħud inkwantu huwa bbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014.

    [omissis]

    B.      Fuq ilmotivi li jirrigwardaw illegalità taddeċiżjoni kkontestata

    1.      Fuq lewwel motiv, ibbażat fuq nuqqasijiet ta’ motivazzjoni

    [omissis]

    d)      Fuq ittieni parti, dwar ilmotivazzjoni tallivell filmira annwali

    338    Skont ir-rikorrenti, id-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali ma hijiex debitament immotivata fid-deċiżjoni kkontestata. B’mod partikolari, is-SRB kellu jispjega sa fejn huwa kien ħa inkunsiderazzjoni l-effett eventwali tal-kontribuzzjonijiet pro-ċikliċi fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet ikkonċernati. Barra minn hekk, is-SRB ma kkomunikax il-livell fil-mira finali mbassar u lanqas l-interpretazzjoni tiegħu tal-limitu msemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014. Issa, bħalma turi d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-kontribuzzjonijiet ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2022, is-SRB iqis li huwa awtorizzat iżid liberament il-livell fil-mira annwali billi japplika koeffiċjent li ma huwiex previst mil-leġiżlazzjoni applikabbli u għalhekk jimponi piż sproporzjonat fuq l-istituzzjonijiet.

    339    Is-SRB jirribatti li mill-premessi 35 sa 48 tad-deċiżjoni kkontestata jsegwi li huwa osserva l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021.

    340    B’mod partikolari, mill-premessi 43 sa 48 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li s-SRB ħa inkunsiderazzjoni tal-pandemija tal-COVID‑19 fil-kuntest tal-analiżi tal-fażi taċ-ċiklu tan-negozju kif ukoll tal-effetti pro-ċikliċi potenzjali tal-kontribuzzjonijiet fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet kontributuri. F’dan ir-rigward, is-SRB spjega li huwa kien qiegħed jistenna rkupru ekonomiku matul is-sena 2021, minkejja li dan l-irkupru kien diffiċilment prevedibbli.

    341    Barra minn hekk, is-SRB ippubblika fuq is-sit internet tiegħu l-livell fil-mira finali mbassar u r-rikorrenti kienet taf b’din il-pubblikazzjoni. L-allegata assenza ta’ żvelar tal-interpretazzjoni tas-SRB dwar il-limitu ta’ 12.5 % previst fl-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 ma hijiex ta’ natura li taffettwa l-legalità tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

    342    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014, fi tmiem il-perijodu inizjali, il-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF għandhom jilħqu l-livell fil-mira finali, li jikkorrispondi għal mill-inqas 1 % tal-ammont tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha.

    343    Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regolament Nru 806/2014, matul il-perijodu inizjali, il-kontribuzzjonijiet ex ante għandhom jitqassmu b’mod uniformi kemm jista’ jkun fiż-żmien sakemm jintlaħaq il-livell fil-mira finali msemmi fil-punt 342 iktar ’il fuq, iżda billi tittieħed debitament inkunsiderazzjoni l-fażi taċ-ċiklu ta’ attività u l-impatt li l-kontribuzzjonijiet pro-ċikliċi jista’ jkollhom fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet.

    344    L-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 jippreċiża li, kull sena, il-kontribuzzjonijiet dovuti mill-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha ma għandhomx jaqbżu 12.5 % tal-livell fil-mira finali.

    345    Fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Delegat 2015/63 jipprevedi li s-SRB għandu jiddetermina l-ammont tagħhom abbażi tal-livell fil-mira annwali, fid-dawl tal-livell fil-mira finali, u abbażi tal-ammont medju tad-depożiti koperti tas-sena preċedenti, ikkalkolat kull tliet xhur, għall-istituzzjonijiet awtorizzati kollha fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha.

    346    F’dan il-każ, bħalma jsegwi mill-premessa 48 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB stabbilixxa, għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021, l-ammont tal-livell fil-mira annwali għal EUR 11 287 677 212.56.

    347    Fil-premessi 36 u 37 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB spjega, essenzjalment, li l-livell fil-mira annwali kellu jiġi ddeterminat abbażi ta’ analiżi dwar l-evoluzzjoni tad-depożiti koperti matul is-snin preċedenti, kwalunkwe żvilupp rilevanti tas-sitwazzjoni ekonomika kif ukoll analiżi dwar l-indikaturi relatati mal-fażi taċ-ċiklu ta’ attività u dwar l-effetti li kontribuzzjonijiet pro-ċikliċi jkollhom fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet. Sussegwentement, is-SRB qies xieraq li jiġi ffissat koeffiċjent li kien ibbażat fuq din l-analiżi u fuq il-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF (iktar ’il quddiem il-“koeffiċjent”). Is-SRB applika dan il-koeffiċjent għal wieħed minn tmienja tal-ammont medju tad-depożiti koperti fl‑2020, sabiex jikseb il-livell annwali fil-mira.

    348    Is-SRB espona l-approċċ segwit sabiex jistabbilixxi l-koeffiċjent fil-premessi 38 sa 47 tad-deċiżjoni kkontestata.

    349    Fil-premessa 38 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB ikkonstata tendenza kostanti ta’ żieda tad-depożiti koperti għall-istituzzjonijiet kollha tal-Istati Membri parteċipanti. B’mod partikolari, l-ammont medju ta’ dawn id-depożiti, ikkalkolat kull tliet xhur, kien jammonta, għas-sena 2020, għal EUR 6.689 biljun.

    350    Fil-premessi 40 u 41 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB ippreżenta l-evoluzzjoni mbassra tad-depożiti koperti għat-tliet snin rimanenti tal-perijodu inizjali, jiġifieri mill‑2021 sal‑2023. Huwa qies li r-rati annwali ta’ tkabbir tad-depożiti koperti sal-aħħar tal-perjodu inizjali kienu bejn 4 % u 7 %.

    351    Fil-premessi 42 sa 45 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB ippreżenta evalwazzjoni tal-fażi taċ-ċiklu ta’ attività u tal-effett pro-ċikliku potenzjali li l-kontribuzzjonijiet ex ante jista’ jkollhom fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet. Sabiex jagħmel dan, huwa indika li ħa inkunsiderazzjoni diversi indikaturi, bħall-previżjoni tat-tkabbir tal-prodott domestiku gross tal-Kummissjoni u l-projezzjonijiet tal-BĊE f’dan ir-rigward jew il-fluss ta’ kreditu tas-settur privat f’perċentwali tal-prodott domestiku gross.

    352    Fil-premessa 46 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB ikkonkluda li, filwaqt li kien raġonevoli li wieħed jistenna li t-tkabbir tad-depożiti koperti fi ħdan l-Unjoni Bankarja jissokta, ir-ritmu ta’ dan it-tkabbir ser ikun inqas minn dak tas-sena 2020. F’dan ir-rigward, is-SRB indika, fil-premessa 47 tad-deċiżjoni kkontestata, li adotta “approċċ prudenti” fir-rigward tar-rati ta’ tkabbir tad-depożiti koperti għas-snin li ġejjin sal‑2023.

    353    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, is-SRB stabbilixxa, fil-premessa 48 tad-deċiżjoni kkontestata, il-valur tal-koeffiċjent għal 1.35 %. Sussegwentement huwa kkalkola l-ammont tal-livell fil-mira annwali, billi mmultiplika l-ammont medju tad-depożiti koperti fl‑2020 b’dan il-koeffiċjent u billi ddivida r-riżultat ta’ dan il-kalkolu bi tmienja, konformement mal-formula matematika li ġejja, li tinsab fil-premessa 48 tal-imsemmija deċiżjoni:

    “Mira0 [ammont tal-livell annwali fil-mira] = Total tad-depożiti koperti2020 * 0.0135 * ⅛ = EUR 11 287 677 212.56”.

    354    Madankollu, waqt is-seduta, is-SRB indika li huwa kien iddetermina l-livell annwali fil-mira għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021 kif ġej.

    355    L-ewwel, abbażi ta’ analiżi prospettiva, is-SRB stabbilixxa l-ammont tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha, imbassar sal-aħħar tal-perijodu inizjali, għal madwar EUR 7.5 triljun. Sabiex jasal għal dan l-ammont, is-SRB ħa inkunsiderazzjoni l-ammont medju tad-depożiti koperti fl‑2020, jiġifieri EUR 6.689 triljun, rata ta’ tkabbir annwali tad-depożiti koperti ta’ 4 % kif ukoll in-numru ta’ perijodi ta’ kontribuzzjoni li jifdal sat-tmiem tal-perijodu inizjali, jiġifieri tlieta.

    356    It-tieni, konformement mal-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014, is-SRB kkalkola 1 % ta’ dawn s‑7.5 triljun euro sabiex jikseb l-ammont stmat tal-livell fil-mira finali li kellu jintlaħaq fil‑31 ta’ Diċembru 2023, jiġifieri madwar EUR 75 biljun.

    357    It-tielet, is-SRB naqqas minn dan l-ammont tal-aħħar ir-riżorsi finanzjarji diġà disponibbli fis-SRF fl‑2021, jiġifieri madwar EUR 42 biljun, sabiex jikseb l-ammont li kien baqgħalu jirċievi fil-perijodi ta’ kontribuzzjoni rimanenti qabel it-tmiem tal-perijodu inizjali, jiġifieri mill‑2021 sal‑2023. Dan l-ammont kien jammonta għal madwar EUR 33 biljun.

    358    Ir-raba’, is-SRB iddivida dan l-aħħar ammont bi tlieta sabiex iqassmu b’mod uniformi bejn l-imsemmija tliet perijodi ta’ kontribuzzjoni rimanenti. Il-livell annwali fil-mira għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021 ġie għalhekk iffissat għall-ammont imsemmi fil-punt 346 iktar ’il fuq, jiġifieri madwar EUR 11.287 biljun.

    359    Is-SRB afferma wkoll, waqt is-seduta, li huwa kien għamel pubbliċi l-elementi ta’ informazzjoni li fuqhom kien ibbażat il-metodu deskritt fil-punti 355 sa 358 iktar ’il fuq u li kienu jippermettu lir-rikorrenti tifhem il-metodu li permezz tiegħu ġie ddeterminat il-livell annwali fil-mira. B’mod partikolari, huwa ppreċiża li huwa kien ippubblika fis-sit internet tiegħu, f’Mejju 2021, jiġifieri wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, iżda qabel il-preżentata ta’ dan ir-rikors, skeda deskrittiva msejħa “Fact Sheet 2021” (iktar ’il quddiem l-“iskeda deskrittiva”), li kienet tindika l-ammont stmat tal-livell fil-mira finali. Bl-istess mod, is-SRB afferma li l-ammont tal-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF kien disponibbli wkoll fuq is-sit internet tiegħu kif ukoll permezz ta’ sorsi pubbliċi oħra, u dan ferm qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

    360    Sabiex jiġi eżaminat jekk is-SRB osservax l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali, għandu qabelxejn jitfakkar li assenza jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni jikkostitwixxu motiv ta’ ordni pubbliku li jista’, jew li saħansitra għandu, jitqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda et, C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali tista’, jew saħansitra għandha, tieħu inkunsiderazzjoni wkoll nuqqasijiet oħra ta’ motivazzjoni minbarra dawk invokati mir-rikorrenti, u dan b’mod partikolari meta dawn iqsumu matul il-proċedura.

    361    Għal dan l-għan, il-partijiet instemgħu, matul il-fażi orali tal-proċedura, dwar in-nuqqasijiet ta’ motivazzjoni possibbli li bihom hija vvizzjata d-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali. B’mod partikolari, mistoqsi espressament u diversi drabi f’dan ir-rigward, is-SRB iddeskriva, stadju bi stadju, il-metodu li huwa kien realment segwa sabiex jiddetermina l-livell fil-mira annwali għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021, kif espost fil-punti 355 sa 358 iktar ’il fuq.

    362    F’dak li jirrigwarda, sussegwentement, il-kontenut tal-obbligu ta’ motivazzjoni, mill-ġurisprudenza jsegwi li l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni meħuda minn istituzzjoni jew korp tal-Unjoni għandha tkun, b’mod partikolari, nieqsa minn kontradizzjonijiet sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-motivi reali ta’ din id-deċiżjoni, sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom quddiem il-qorti kompetenti, u sabiex din tal-aħħar tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 169 u l-ġurisprudenza ċċitata; tat‑22 ta’ Settembru 2005, Suproco vs Il‑Kummissjoni, T‑101/03, EU:T:2005:336, punti 20 u 45 sa 47, u tas‑16 ta’ Diċembru 2015, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, T‑241/13, EU:T:2015:982, punt 56).

    363    Bl-istess mod, meta l-awtur tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi ċerti spjegazzjonijiet dwar il-motivi tiegħu matul il-proċedura quddiem il-qorti tal-Unjoni, dawn l-ispjegazzjonijiet għandhom ikunu koerenti mal-kunsiderazzjonijiet esposti f’dik id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Settembru 2005, Suproco vs Il‑Kummissjoni, T‑101/03, EU:T:2005:336, punti 45 sa 47, u tat‑13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il‑Kummissjoni, T‑95/15, EU:T:2016:722, punti 54 u 55).

    364    Fil-fatt, għalkemm il-kunsiderazzjonijiet esposti fid-deċiżjoni kkontestata ma humiex koerenti ma’ tali spjegazzjonijiet ipprovduti matul il-proċedura ġudizzjarja, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkonċernata ma tissodisfax il-funzjonijiet imfakkra fil-punti 299 u 300 iktar ’il fuq. B’mod partikolari, tali inkoerenza tipprekludi, minn naħa, lill-persuni kkonċernati milli jkunu jafu l-motivi reali tad-deċiżjoni kkontestata, qabel il-preżentata tar-rikors, u milli jippreparaw id-difiża tagħhom fir-rigward tagħhom u, min-naħa l-oħra, lill-qorti tal-Unjoni milli tidentifika l-motivi li servew bħala bażi legali vera għal dik id-deċiżjoni u milli teżamina l-konformità tagħhom mar-regoli applikabbli.

    365    Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, meta s-SRB jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi l-kontribuzzjonijiet ex ante, huwa għandu jgħarraf lill-istituzzjonijiet ikkonċernati bil-metodu ta’ kalkolu ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 122).

    366    L-istess għandu japplika għall-metodu ta’ determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali, peress li dan l-ammont għandu importanza essenzjali fl-istruttura ta’ tali deċiżjoni. Fil-fatt, bħalma jsegwi mill-punt 15 iktar ’il fuq, il-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante jikkonsisti fit-tqassim tal-imsemmi ammont bejn l-istituzzjonijiet ikkonċernati kollha, b’tali mod li żieda jew tnaqqis ta’ dan l-istess ammont iwasslu għal żieda jew tnaqqis korrispondenti tal-kontribuzzjoni ex ante ta’ kull waħda minn dawn l-istituzzjonijiet.

    367    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jsegwi li, għalkemm is-SRB huwa obbligat li jipprovdi lill-istituzzjonijiet, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, spjegazzjonijiet dwar il-metodu ta’ determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali, dawn l-ispjegazzjonijiet għandhom ikunu koerenti mal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mis-SRB matul il-proċedura ġudizzjarja u għandhom jirrigwardaw il-metodu realment applikat.

    368    Madankollu, dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża.

    369    Fil-fatt, għandu qabelxejn jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata esponiet, fil-premessa 48, formula matematika li huwa ppreżenta bħala l-bażi tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali. Issa, jirriżulta li din il-formula ma tinkludix l-elementi tal-metodu realment applikat mis-SRB, kif spjegat waqt is-seduta. Fil-fatt, bħalma jsegwi mill-punti 355 sa 358 iktar ’il fuq, is-SRB kiseb l-ammont tal-livell fil-mira annwali, fil-kuntest ta’ dan il-metodu, billi naqqas mil-livell fil-mira finali l-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF, sabiex jikkalkola l-ammont li kien għad irid jinġabar sat-tmiem tal-perijodu inizjali u billi ddivida dan l-ammont tal-aħħar bi tlieta. Issa, dawn iż-żewġ stadji tal-kalkolu ma huma bl-ebda mod espressi fl-imsemmija formula matematika.

    370    Ċertament, mill-argumenti tar-rikorrenti, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, jirriżulta li din kellha għarfien tal-iskeda deskrittiva u, konsegwentement, tal-ammonti eventwali tal-livell fil-mira finali indikati fl-iskala li kienet inkluża fih. Madankollu, anki jekk jitqies li hija kienet taf ukoll bl-ammont tal-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF, dawn iċ-ċirkustanzi biss ma kinux ta’ natura li jippermettulha tifhem li ż-żewġ operazzjonijiet imsemmija fil-punt 369 iktar ’il fuq kienu ġew effettivament applikati mis-SRB, filwaqt li huwa ppreċiżat, barra minn hekk, li l-formula matematika prevista fil-premessa 48 tad-deċiżjoni kkontestata lanqas ma kienet issemmihom.

    371    Inkoerenzi simili jaffettwaw ukoll il-mod li bih ġie ffissat il-koeffiċjent ta’ 1.35 %, li madankollu għandu rwol primordjali fil-formula matematika msemmija fil-punt 370 iktar ’il fuq. Filfatt, dan il-koeffiċjent jista’ jinftiehem fis-sens li huwa bbażat, fost parametri oħra, fuq it-tkabbir imbassar tad-depożiti koperti matul is-snin rimanenti tal-perijodu inizjali. Issa, bħalma rrikonoxxa s-SRB matul is-seduta, dan il-koeffiċjent ġie stabbilit b’mod li jkun jista’ jiġġustifika r-riżultat tal-kalkolu tal-ammont tal-livell fil-mira annwali, jiġifieri wara li s-SRB ikkalkola dan l-ammont b’applikazzjoni tal-erba’ stadji esposti fil-punti 355 sa 358 iktar ’il fuq u, b’mod partikolari, permezz tad-diviżjoni bi tlieta tal-ammont li jirriżulta mit-tnaqqis tal-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF mil-livell fil-mira finali. Issa, dan l-approċċ bl-ebda mod ma jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata.

    372    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont l-iskeda deskrittiva, l-ammont tal-livell fil-mira finali stmat kien jinsab f’firxa ta’ bejn EUR 70 u 75 biljun. Madankollu, din il-firxa tidher li hija inkoerenti mal-firxa tar-rata ta’ tkabbir tad-depożiti koperti ta’ bejn 4 % u 7 % li tinsab fil-premessa 41 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, is-SRB indika waqt is-seduta li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali, huwa kien ħa inkunsiderazzjoni r-rata ta’ tkabbir tad-depożiti koperti ta’ 4 % – li kienet l-iktar rata baxxa tat-tieni firxa – u li għalhekk kien kiseb il-livell fil-mira finali stmat ta’ EUR 75 biljun – li kien jikkostitwixxi l-ogħla valur tal-ewwel firxa. Għalhekk jirriżulta li jeżisti nuqqas ta’ qbil bejn dawn iż-żewġ firxiet. Fil-fatt, minn naħa, il-firxa li tirrigwarda r-rata ta’ evoluzzjoni tad-depożiti koperti tinkludi wkoll valuri ogħla mir-rata ta’ 4 %, li l-applikazzjoni tagħhom madankollu tkun wasslet għal ammont stmat tal-livell fil-mira finali ogħla minn dawk inklużi fil-firxa relatata ma’ dan il-livell fil-mira. Min-naħa l-oħra, huwa impossibbli għar-rikorrenti li tifhem ir-raġuni għalfejn is-SRB inkluda ammonti ta’ inqas minn EUR 75 biljun fil-firxa relatata mal-imsemmi livell fil-mira. Fil-fatt, sabiex tkun tista’ tagħmel dan, kien ikun neċessarju li tiġi applikata rata ta’ inqas minn 4 %, li madankollu ma hijiex inkluża fil-firxa dwar ir-rata ta’ tkabbir tad-depożiti koperti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni li tiddetermina l-mod kif is-SRB kien uża l-firxa li tirrigwarda r-rata ta’ evoluzzjoni ta’ dawn id-depożiti sabiex jasal għall-kalkolu tal-livell fil-mira finali stmat.

    373    Minn dan isegwi li, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell annwali fil-mira, il-metodu realment applikat mis-SRB, kif spjegat waqt is-seduta, ma jikkorrispondix għal dak deskritt fid-deċiżjoni kkontestata, b’tali mod li l-motivi reali, li fid-dawl tagħhom ġie ffissat dan il-livell fil-mira, ma setgħux jiġu identifikati abbażi tad-deċiżjoni kkontestata, la mill-istituzzjonijiet u lanqas mill-Qorti Ġenerali.

    374    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’difetti ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali.

    375    Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tintlaqa’. Fid-dawl tal-kwistjonijiet legali u ekonomiċi ta’ din il-kawża, huwa madankollu fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li jitkompla l-eżami tal-motivi l-oħra tar-rikors.

    [omissis]

    3.      Fuq lewwel parti tarraba’ motiv, ibbażata fuq ksur talArtikolu 4 tarRegolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, moqri flimkien mal-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014

    488    Ir-rikorrenti ssostni, fil-kuntest tal-ewwel parti mqajma insostenn tar-raba’ motiv, li s-SRB kiser l-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, moqri flimkien mal-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014, għaliex, meta ddetermina l-livell fil-mira finali, huwa ħa inkunsiderazzjoni l-ammont previst tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet fi tmiem il-perijodu inizjali. Issa, fid-dawl tal-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014, is-SRB kellu jiddetermina dan il-livell fil-mira b’mod “statiku”, billi jieħu inkunsiderazzjoni l-ammont tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament tal-aħħar.

    489    Is-SRB, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw dan l-argument.

    490    F’dan ir-rigward, mill-punti 35 sa 40 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-determinazzjoni tal-livell fil-mira finali għandha ssir fid-dawl tal-ammont tad-depożiti koperti fi tmiem il-perijodu inizjali. Konsegwentement, is-SRB ġustament ħa inkunsiderazzjoni, fil-premessi 38 sa 41 tad-deċiżjoni kkontestata, tal-evoluzzjoni tad-depożiti koperti sa tmiem il-perijodu inizjali, sabiex jiddetermina l-livell fil-mira finali u sussegwentement jiddeduċi minn dan il-livell fil-mira annwali.

    491    Għalhekk, l-ewwel parti tar-raba’ motiv għandha wkoll tiġi miċħuda.

    [omissis]

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

    taqta’ u tiddeċiedi:

    1)      Id-Deċiżjoni SRB/ES/2021/22 tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) tal14 ta’ April 2021 dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall2021 lill-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni, hija annullata sa fejn tikkonċerna lil Deutsche Bank AG.

    2)      L-effetti tad-Deċiżjoni SRB/ES/2021/22, sa fejn din tikkonċerna lil Deutsche Bank AG, huma miżmuma sad-dħul fis-seħħ, f’terminu raġonevoli li ma jistax jaqbeż is-sitt xhur mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, ta’ deċiżjoni ġdida tas-SRB li tistabbilixxi l-kontribuzzjoni ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni ta’ din l-istituzzjoni għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021.

    3)      Is-SRB għandu jbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tiegħu, dawk sostnuti minn Deutsche Bank AG.

    4)      Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

    Kornezov

    De Baere

    Petrlík

    Kecsmár

     

          Kingston

    Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-*.

    Firem


    *      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.


    1      Huma riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis il-pubblikazzjoni tagħhom bħala utli.

    Top