Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021TJ0293

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tat-8 ta’ Ġunju 2022 (Estratti).
    Ulrike Muschaweck vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea.
    Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ revoka – Trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea UM – Użu ġenwin tat-trade mark – Użu bil-kunsens tal-proprjetarju – Użu fil-forma li fiha t-trade mark ġiet irreġistrata – Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 58(1)(a) tar-Regolament (UE) 2017/1001) – Rappreżentazzjoni tal-proprjetarju tat-trade mark – Provi tal-użu prodotti fit-terminu mogħti.
    Kawża T-293/21.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2022:345

     SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

    8 ta’ Ġunju 2022 ( *1 )

    “Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ revoka – Trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea UM – Użu ġenwin tat-trade mark – Użu bil-kunsens tal-proprjetarju – Użu fil-forma li fiha t-trade mark ġiet irreġistrata – Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 58(1)(a) tar-Regolament (UE) 2017/1001) – Rappreżentazzjoni tal-proprjetarju tat-trade mark – Provi tal-użu prodotti fit-terminu mogħti”

    Fil-Kawża T‑293/21,

    Ulrike Muschaweck, residenti fi München (Il-Ġermanja), irrappreżentata minn C. Konle, avukat,

    rikorrenti

    vs

    L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn D. Walicka, bħala aġent,

    konvenut

    il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjent quddiem il-Qorti Ġenerali, li huwa

    Joachim Conze, residenti fi München, irrappreżentat minn H. Bolte, avukat,

    li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO tal‑15 ta’ Marzu 2021 (Każ R 2260/2019-2), dwar proċedimenti ta’ revoka bejn U. Muschaweck u J. Conze,

    IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

    komposta minn A. Marcoulli (Relatur), President, J. Schwarcz u C. Iliopoulos, Imħallfin,

    Reġistratur: E. Coulon,

    wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

    wara li rat li ma kienx hemm talba għall-iffissar ta’ seduta mressqa mill-partijiet fit-terminu ta’ tliet ġimgħat mid-data tan-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara li ddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza ( 1 )

    [omissis]

    Talbiet tal‑partijiet

    14

    Ir-rikorrenti titlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjoni kkontestata u d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tas‑6 ta’ Awwissu 2019 sa fejn it-talba għal revoka ġiet miċħuda għas-servizzi msemmija fil-punt 11 iktar’ il fuq;

    tilqa’ t-talba għal revoka fl-intier tagħha;

    tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

    15

    L-EUIPO u l-intervenjent jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tiċħad ir-rikors;

    tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

    Fid‑dritt

    [omissis]

    Fuq it‑tieni motiv, ibbażat fuq il‑preżentata tardiva tal‑osservazzjonijiet tal‑klinika medika HUMJC quddiem id‑Diviżjoni tal‑Kanċellazzjoni

    [omissis]

    38

    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-linji gwida għall-eżami tal-EUIPO, minkejja li ma għandhomx valur vinkolanti, jikkostitwixxu sors ta’ riferiment dwar il-prassi tal-EUIPO fil-qasam tat-trade marks (sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2015, Federación Nacional de Cafeteros de Colombia vs UASI – Hautrive (COLOMBIANO HOUSE), T‑387/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:647, punt 45).

    39

    Dawn il-linji gwida jikkostitwixxu l-kodifikazzjoni ta’ linja ta’ kondotta li l-EUIPO jipproponi huwa stess li jadotta, b’tali mod li, bla ħsara għall-konformità tagħhom mad-dispożizzjonijiet tad-dritt ta’ livell superjuri, minn dan tirriżulta awtolimitazzjoni tal-EUIPO, sa fejn huwa għandu jikkonforma ruħu mar-regoli li huwa impona fuqu stess (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2015, COLOMBIANO HOUSE, T‑387/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:647, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    40

    Wara li dan ġie ppreċiżat, għandu jiġi rrilevat li l-punt 4.3 tal-linji gwida għall-eżami tal-EUIPO jipprevedi li, meta talba għal proroga ta’ terminu li jista’ jiġi estiż titressaq qabel l-iskadenza tal-imsemmi terminu u ma tkunx aċċettata, tal-inqas jum għandu jingħata lill-parti kkonċernata sabiex tkun tista’ tosserva t-terminu, anki jekk it-talba għal proroga tkun waslet fl-aħħar jum qabel l-iskadenza tat-terminu. Sabiex jinżamm l-effett utli tal-punt 4.3 tal-linji gwida tal-EUIPO, għandu jitqies li t-terminu l-ġdid jingħata mid-data li fiha l-istanza tal-EUIPO adita bit-talba għal proroga ta’ terminu tikkomunika r-risposta tagħha.

    41

    Issa, f’dan il-każ, l-ewwel, it-terminu li l-proroga tiegħu kienet intalbet għat-tieni darba mill-klinika medika HUMJC huwa terminu li jista’ jiġi estiż. Fil-fatt, konformement mal-punt 4.3 tal-linji gwida tal-EUIPO, it-tieni talba għal estenzjoni tal-istess terminu hija rrifjutata, sakemm il-parti li tagħmel din it-talba ma tispjegax u ma tiġġustifikax debitament iċ-“ċirkustanzi eċċezzjonali” li pprekludewha milli twettaq l-approċċ meħtieġ matul iż-żewġ termini preċedenti (jiġifieri t-terminu inizjali flimkien mal-ewwel estenzjoni) u li jipprekludu dejjem lill-applikant milli jwettaqha, u b’hekk irendi neċessarju terminu addizzjonali.

    42

    It-tieni, mill-proċess jirriżulta li t-tieni talba għal estenzjoni tat-terminu għall-produzzjoni tal-provi tal-użu tat-trade mark ikkontestata tressqet mill-klinika medika HUMJC fl-aħħar jum qabel l-iskadenza tal-imsemmi terminu.

    43

    It-tielet, ir-rikorrenti, li tirreferi hija stess għall-punt 4.3 tal-linji gwida tal-EUIPO fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, bl-ebda mod ma tallega li dan imur kontra dispożizzjoni ta’ dritt ta’ livell superjuri. Barra minn hekk, ma jidhirx li l-fatt li jingħata, essenzjalment għal raġunijiet ta’ ekwità, tal-inqas jum ta’ terminu addizzjonali wara talba għal proroga ta’ terminu mressqa fl-aħħar jum ta’ dan it-terminu jikser tali dispożizzjoni.

    44

    Għaldaqstant, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar il-fondatezza tal-motivi tar-risposta tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal‑15 ta’ Jannar 2018, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ma setgħetx, b’risposta għat-tieni talba għal estenzjoni tat-terminu għall-produzzjoni tal-provi tal-użu tat-trade mark ikkontestata, tillimita ruħha li tiċħad din it-talba, iżda li hija kellha, konformement mad-direttiva ta’ eżami tal-EUIPO u kif hija għamlet, tagħti terminu addizzjonali li jibda jiddekorri mill-jum tal-komunikazzjoni tar-risposta tagħha. Konsegwentement, peress li l-provi kkontestati ġew prodotti bejn, minn naħa, it-tressiq tat-tieni talba għal estenzjoni tat-terminu għall-produzzjoni tal-provi tal-użu tat-trade mark ikkontestata u, min-naħa l-oħra, ir-risposta tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal‑15 ta’ Jannar 2018, dawn il-provi ma setgħux, fi kwalunkwe każ, jitqiesu li ġew prodotti tardivament. Għaldaqstant, la d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u lanqas il-Bord tal-Appell ma wettqu żball meta ħadu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-eżami tal-użu tat-trade mark ikkontestata, l-imsemmija provi.

    [omissis]

     

    Għal dawn ir-raġunijiet,

    IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

    taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Ir-rikors huwa miċħud.

     

    2)

    Ulrike Muschaweck hija kkundannata għall-ispejjeż.

     

    Marcoulli

    Schwarcz

    Iliopoulos

    Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit‑8 ta’ Ġunju 2022.

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    ( 1 ) Qegħdin jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.

    Top