Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0656

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-22 ta’ Diċembru 2022.
    IM GESTÃO DE ATIVOS - SOCIEDADE GESTORA DE ORGANISMOS DE INVESTIMENTO COLETIVO, SA et vs Autoridade Tributária e Aduaneira.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa - CAAD).
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2008/7/KE – Artikolu 5(2)(a) – Taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital – Taxxa tal-boll fuq is-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ ishma ta’ fondi komuni ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli b’kapital varjabbli.
    Kawża C-656/21.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:1024

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

    22 ta’ Diċembru 2022 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2008/7/KE – Artikolu 5(2)(a) – Taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital – Taxxa tal-boll fuq is-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ ishma ta’ fondi komuni ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli b’kapital varjabbli”

    Fil-Kawża C‑656/21,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa – CAAD) (it-Tribunal ta’ Arbitraġġ fil-Qasam Fiskali (Ċentru għal Arbitraġġ Amministrattiv – CAAD), il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Ottubru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Ottubru 2021, fil-proċedura

    IM Gestão de Ativos (IMGA) – Sociedade Gestora de Organismos de Investimento Coletivo SA,

    IMGA Rendimento Semestral,

    IMGA Ações Portugal Cat A,

    IMGA Ações América Cat A,

    IMGA Mercados Emergentes,

    IMGA Eurofinanceiras,

    IMGA Eurocarteira,

    IMGA Rendimento Mais,

    IMGA Investimento PPR,

    IMGA Alocação Moderada Cat A,

    IMGA Alocação Dinâmica Cat A,

    IMGA Global Equities Selection Cat A,

    IMGA Liquidez Cat A,

    IMGA Money Market Cat A,

    IMGA Euro Taxa Variável Cat A,

    IMGA Dívida Pública Europeia,

    IMGA Retorno Global Cat A,

    IMGA Poupança PPR,

    IMGA Alocação Conservadora Cat A,

    IMGA Iberia Equities ESG Cat A,

    IMGA Iberia Fixed Income ESG Cat A,

    IMGA Alternativo,

    CA Curto Prazo,

    IMGA Ações Europa,

    IMGA Flexível Cat A,

    CA Monetário,

    CA Rendimento,

    Eurobic PPR/OICVM Ciclo Vida 35-44,

    Eurobic PPR/OICVM Ciclo Vida 45-54,

    Eurobic PPR/OICVM Ciclo Vida + 55,

    Eurobic Seleção Top,

    IMGA European Equities Cat A

    vs

    Autoridade Tributária e Aduaneira,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

    komposta minn E. Regan, President tal-Awla, D. Gratsias (Relatur), M. Ilešič, I. Jarukaitis u Z. Csehi, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal IM Gestão de Ativos (IMGA) – Sociedade Gestora de Organismos de Investimento Coletivo SA, IMGA Rendimento Semestral, IMGA Ações Portugal Cat A, IMGA Ações América Cat A, IMGA Mercados Emergentes, IMGA Eurofinanceiras, IMGA Eurocarteira, IMGA Rendimento Mais, IMGA Investimento PPR, IMGA Alocação Moderada Cat A, IMGA Alocação Dinâmica Cat A, IMGA Global Equities Selection Cat A, IMGA Liquidez Cat A, IMGA Money Market Cat A, IMGA Euro Taxa Variável Cat A, IMGA Dívida Pública Europeia, IMGA Retorno Global Cat A, IMGA Poupança PPR, IMGA Alocação Conservadora Cat A, IMGA Iberia Equities ESG Cat A, IMGA Iberia Fixed Income ESG Cat A, IMGA Alternativo, CA Curto Prazo, IMGA Ações Europa, IMGA Flexível Cat A, CA Monetário, CA Rendimento, Eurobic PPR/OICVM Ciclo Vida 35-44, Eurobic PPR/OICVM Ciclo Vida 45-54, Eurobic PPR/OICVM Ciclo Vida + 55, Eurobic Seleção Top u IMGA European Equities Cat A, minn A. Fernandes de Oliveira, advogado,

    għall-Gvern Portugiż, minn P. Barros da Costa, C. Chambel Alves, H. Gomes Magno u S. Jaulino, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Melo Sampaio u V. Uher, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 5(2) u 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/7/KE tat‑12 ta’ Frar 2008 dwar it-taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital (ĠU 2008, L 46, p. 11).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn IM Gestão de Ativos (IMGA) – Sociedade Gestora de Organismos de Investimento Coletivo SA kif ukoll 31 fond komuni ta’ investiment iġġestiti minnha, jiġifieri IMGA Rendimento Semestral, IMGA Ações Portugal Cat A, IMGA Ações América Cat A, IMGA Mercados Emergentes, IMGA Eurofinanceiras, IMGA Eurocarteira, IMGA Rendimento Mais, IMGA Investimento PPR, IMGA Alocação Moderada Cat A, IMGA Alocação Dinâmica Cat A, IMGA Global Equities Selection Cat A, IMGA Liquidez Cat A, MGA Money Market Cat A, IMGA Euro Taxa Variável Cat A, IMGA Dívida Pública Europeia, IMGA Retorno Global Cat A, IMGA Poupança PPR, IMGA Alocação Conservadora Cat A, IMGA Iberia Equities ESG Cat A, IMGA Iberia fixed income ESG Cat A, IMGA Alternativo, CA Curto Prazo, IMGA Ações Europa, IMGA Flexível Cat A, CA Monetário, CA Rendimento, Eurobic PPR/OICVM Ciclo Vida 35-44, Eurobic PPR/OICVM Ciclo Vida 45-54, Eurobic PPR/OICVM Ciclo Vida + 55, Eurobic Seleção Top et IMGA European Equities Cat A, u l-Autoridade Tributária e Aduaneira (l-Awtorità Fiskali u Doganali, il-Portugall) dwar l-impożizzjoni ta’ taxxa tal-boll fuq is-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn il-fondi komuni ta’ investiment kollettiv.

    Il‑kuntest ġuridiku

    Id‑dritt tal‑Unjoni

    3

    Il-premessi 1 sa 3 u 9 tad-Direttiva 2008/7 huma redatti kif ġej:

    “(1)

    Id-Direttiva tal-Kunsill 69/335/KEE tas‑17 ta’ Lulju 1969 li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 11)], ġiet sostanzjalment emendata diversi drabi u b’mod sostanzjali. Billi jridu jsiru aktar emendi, hija għandha tinkiteb mill-ġdid fl-interess taċ-ċarezza.

    (2)

    It-taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital, jiġifieri d-dazju dovut fuq kontributi ta’ kapital lil kumpaniji u ditti, minn hawn ‘il quddiem ‘dazju fuq il-kapital’, it-taxxa tal-boll fuq titoli, u dazju fuq operazzjonijiet ta’ ristrutturazzjoni, irrispettivament minn jekk dawk l-operazzjonijet jinvolvux żieda fil-kapital, joħolqux diskriminazzjoni, taxxa doppja jew inugwaljanzi li jinterferixxu fil-moviment liberu tal-kapital. L-istess japplika fir-rigward ta’ taxxi indiretti oħrajn bl-istess karatteristiċi bħal dazju fuq il-kapital u taxxa tal-boll fuq it-titoli.

    (3)

    Konsegwentement, huwa fl-interessi tas-suq intern li tiġi armonizzata l-leġislazzjoni dwar it-taxxi indiretti dwar il-ġbir tal-kapital sabiex kemm jista’ jkun jiġu eliminati fatturi li jistgħu jgħawwġu l-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni jew ixekklu l-moviment liberu tal-kapital.

    […]

    (9)

    Minbarra d-dazju fuq il-kapital, l-ebda taxxa indiretta fuq il-ġbir tal-kapital m’għandha tiġi imposta. B’mod partikolari, l-ebda taxxa tal-boll m’għandha tiġi imposta fuq titoli, irrispettivament mill-oriġini ta’ tali titoli, u irrispettivament minn jekk jirrappreżentawx il-kapital proprju tal-kumpanija jew il-kapital ta’ self tagħha.”

    4

    L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/7 jipprevedi li:

    “Din id-Direttiva tirregola l-impożizzjoni ta’ taxxi indiretti fir-rigward ta’ dawn li ġejjin:

    a)

    kontributi ta’ kapital lil kumpaniji ta’ kapital;

    b)

    operazzjonijiet ta’ ristrutturazzjoni li jinvolvu kumpaniji ta’ kapital;

    ċ)

    il-ħruġ ta’ ċerti titoli u obbligazzjonijiet.”

    5

    L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “kumpanija ta’ kapital”, jipprevedi:

    “1.   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, ‘kumpanija ta’ kapital’ tfisser:

    a)

    kwalunkwe kumpanija li jkollha waħda mill-forom elenkati fl-Anness I;

    b)

    kwalunkwe kumpanija, ditta, assoċjazzjoni jew persuna ġuridika li l-ishma tal-kapital jew l-assi tagħha jistgħu jiġu nnegozjati f’borża;

    ċ)

    kwalunkwe kumpanija, ditta, assoċjazzjoni jew persuna ġuridika li topera għall-profitt, li l-membri tagħha jkollhom id-dritt li jgħaddu l-ishma tagħhom lil partijiet terzi mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel u li jkunu responsabbli biss għad-djun tal-kumpanija, ditta, assoċjazzjoni jew persuna ġuridika sal-limitu ta’ l-ishma tagħhom.

    2.   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, kwalunkwe kumpanija, ditta, assoċjazzjoni jew persuna ġuridika oħra li topera għall-profitt għandha titqies bħala kumpanija ta’ kapital.”

    6

    L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, intitolat “Transazzjonijiet mhux suġġetti għal taxxa indiretta”, jipprevedi, fil-paragrafu (2) tiegħu, li:

    “L-Istati Membri m’għandhomx jissuġġettaw lil dawn li ġejjin għal kwalunkwe forma ta’ taxxa indiretta:

    a)

    il-ħolqien, il-ħruġ, l-ammissjoni għall-kwotazzjoni fil-borża, it-tqegħid fis-suq jew in-negozju ta’ stocks, ishma jew titoli oħrajn ta’ l-istess tip, jew taċ-ċertifikati li jirrappreżentaw dawn it-titoli, irrispettivament minn min ikunu maħruġa;

    b)

    ammonti ta’ self, inklużi bonds tal-gvern, miġbura bil-ħruġ ta’ obbligazzjonijiet jew titoli negozjabbli oħrajn, irrispettivament minn min ikunu maħruġa, jew kwalunkwe formalità relatata magħhom, jew il-ħolqien, il-ħruġ, l-ammissjoni għal kwotazzjoni fil-borża, it-tqegħid fis-suq jew in-negozju ta’ dawn l-obbligazzjonijiet jew titoli negozjabbli oħrajn.”

    7

    Skont l-Artikolu 1(1) sa (3) tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal- impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU 2009, L 302, p. 32), l-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) li għalihom tapplika din id-direttiva jista’ jkollhom il-forma kuntrattwali (fondi komuni ta’ investiment ġestit minn kumpannija ta’ ġestjoni) jew ta’ trust (unit trust) jew fil-forma statutorja (kumpannija ta’ investiment).

    8

    Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 87 ta’ din id-direttiva:

    “Unità ta’ UCITS ma għandhiex tinħareġ sakemm l-ekwivalenti tal-prezz nett ta’ ħruġ ma jkunx imħallas lill-assi tal-UCITS fil-limiti taż-żmien tas-soltu.”

    Id‑dritt Portugiż

    9

    Il-punt 1 tal-Artikolu 1 tal-Código do Imposto do Selo (il-Kodiċi tat-Taxxa tal-Boll) jipprevedi:

    “It-taxxa tal-boll tinġabar fuq l-atti kollha, kuntratti, dokumenti, titoli, karti u fatti jew itwazzjonijiet ġuridiċi oħra previsti fit-Tabela Geral do Imposto do Selo [(it-Tariffa Ġenerali dwar it-Taxxa tal-Boll)], inklużi trasferimenti ta’ oġġetti mingħajr ħlas.”

    10

    It-Tariffa Ġenerali dwar it-Taxxa tal-Boll (iktar ’il quddiem it-“TGIS”) tinkludi t-Taqsima 17, dwar it-tranżazzjonijiet finanzjarji, li hija fformulata kif ġej:

    “17 Tranżazzjonijiet finanzjarji

    […]

    17.3.

    Tranżazzjonijiet imwettqa minn jew bl-intermedjazzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, ta’ kumpanniji finanzjarji jew ta’ entitajiet oħra li huma ġuridikament ekwivalenti għalihom, u ta’ kull istituzzjoni finanzjarja oħra — fuq l-ammont iffatturat:

    […]

    17.3.4. Kummissjonijiet oħra u korrispettivi għas-servizzi finanzjarji, inklużi t-tariffi għal tranżazzjonijiet ta’ pagament permezz ta’ kard — [rata tat-taxxa tal-boll:] 4 %.”

    Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

    11

    IMGA hija kumpannija ta’ ġestjoni ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli b’kapital varjabbli (iktar ’il quddiem il-“fondi komuni ta’ investiment”). Hija tiġġestixxi u tirrappreżenta l-31 fond speċjali ta’ investiment imsemmija fil-punt 2 ta’ din is-sentenza.

    12

    Sabiex ikunu magħrufa u tikkummerċjalizza l-ishma ta’ fondi komuni ta’ investiment inkwistjoni, IMGA tuża stabbilimenti finanzjarji, prinċipalment banek kummerċjali, li għandhom network ta’ fergħat li jkopri t-territorju Portugiż u li jibbenefikaw minn esperjenza fil-qasam tal-intermedjazzjoni finanzjarja u ta’ investiment ta’ titoli mill-pubbliku.

    13

    Matul il-perijodu bejn Jannar u Diċembru 2019, erba’ banek ikkummerċjalizzaw mal-pubbliku ġenerali ishma maħruġa mill-fondi komuni ta’ investiment fil-kawża prinċipali. Għall-provvista ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni li ppermettew il-kontribuzzjonijiet il-ġodda ta’ kapital miġbur, dawn il-banek irċevew tariffi li huma ffatturaw lil IMGA bħala ġestjonarju tal-fondi komuni ta’ investiment. Il-banek inkludew ukoll it-taxxa tal-boll, miġbura mingħand IMGA, fuq il-fatturi maħruġa, skont l-intestatura 17.3.4 tat-TGIS.

    14

    Matul l‑2019, IMGA ffatturat lill-fondi komuni ta’ investiment tariffi ta’ ġestjoni li parti minnhom, jiġifieri EUR 8752232,43, kienu tikkonsisti fil-valur tat-tariffi ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-ishma sottoskritti mill-banek imsemmija fil-punt preċedenti, fejn madankollu dan l-ammont ma kienx jinkludi t-taxxi tal-boll inkluża mill-banek għat-tariffi inkwistjoni. IMGA llikwidat ukoll u ħallset lill-Istat ammont ta’ EUR 350 089.30 bħala taxxa tal-boll, bir-rata ta’ 4 % prevista fl-intestatura 17.3.4 tat-TGIS, li tikkorrispondi għall-istess tariffi ta’ kummerċjalizzazzjoni, li hija ttrasferiet fuq il-fondi komuni ta’ investiment.

    15

    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw appell amministrattiv kontra din l-impożizzjoni tat-taxxa tal-boll quddiem id-Divisão de Serviço Central da Unidade dos Grandes Contributés (id-Diviżjoni tal-Uffiċċju Ċentrali tad-Diviżjoni tal-Persuni Taxxabbli Kbar, il-Portugall).

    16

    Peress li dan ir-rikors ġie miċħud, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu kawża quddiem it-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa CAAD), (it-Tribunal ta’ Arbitraġġ fil-Qasam Fiskali (Ċentru ta’ Arbitraġġ Amministrattiv – CAAD, il-Portugall), il-qorti tar-rinviju, fejn talbu b’mod partikolari li tiġi kkonstatata l-illegalità tal-atti ta’ likwidazzjoni u ta’ awtolikwidazzjoni tat-taxxa tal-boll inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    17

    Insostenn tat-talba tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu żewġ motivi. Skont l-ewwel motiv, il-ġbir ta’ taxxa tal-boll fuq il-parti tat-tariffa ta’ ġestjoni ffatturata minn IMGA lill-fondi komuni ta’ investiment li tikkorrispondi għall-ammont tat-tariffi ta’ kummerċjalizzazzjoni u għat-taxxa tal-boll relatata ffatturata preċedentement mill-banek u diġà suġġetta minnhom għat-taxxa tal-boll dovuta jikkostitwixxi taxxa doppja fuq provvista waħda.

    18

    Skont it-tieni motiv, skont l-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2008/7, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ sottoskrizzjonijiet ġodda ta’ ishma ta’ fondi komuni ta’ investiment għandha tiġi eżentata minn kull taxxa indiretta. Dan l-obbligu ta’ eżenzjoni jikkonċerna kemm il-fatturazzjoni tas-servizz ta’ kummerċjalizzazzjoni mill-banek lil IMGA kif ukoll il-fatturazzjoni mill-ġdid tal-ispejjeż ta’ dan l-istess servizz minn IMGA lill-fondi speċjali ta’ investiment.

    19

    Wara li ċaħdet l-ewwel motiv, il-qorti tar-rinviju tindika, fil-kuntest tal-eżami tat-tieni motiv, li hija għandha dubji dwar il-kwistjoni jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix l-impożizzjoni ta’ taxxa tal-boll fuq ir-remunerazzjoni li jirċievu l-banek għal servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ ishma ta’ fondi komuni ta’ investiment, kemm jekk waqt il-fatturazzjoni ta’ dawn is-servizzi lill-kumpannija ta’ ġestjoni tal-imsemmija fondi kif ukoll mat-trasferiment tal-ammonti mħallsa għall-imsemmija servizzi mill-kumpannija ta’ ġestjoni amministrazzjoni fuq l-imsemmija fondi.

    20

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa – CAAD) (it-Tribunal ta’ Arbitraġġ fil-Qasam Fiskali (Ċentru għal Arbitraġġ Amministrattiv – CAAD)) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin

    1)

    L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva [2008/7] jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-approprjazzjoni 17.3.4 tat-[TGIS]), li tipprevedi t-tassazzjoni fil-forma ta’ taxxa tal-boll fuq il-kummissjonijiet [tariffi] imposti minn banek lill-entitajiet ta’ ġestjoni ta’ fondi ta’ titoli b’kapital varjabbli għall-provvista ta’ servizzi lil dawn tal-aħħar relatati mal-attività tal-banek intiża għat-twettiq ta’ sottoskrizzjonijiet ġodda ta’ Unitajiet ta’ Ishma, jiġifieri li tirrigwarda dħul ġdid ta’ kapital mill-fondi ta’ investiment u li jimmaterjalizza ruħu bis-sottoskrizzjoni ta’ unitajiet ġodda ta’ ishma maħruġa mill-fondi?

    2)

    L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2008/7 jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi t-tassazzjoni fil-forma ta’ taxxa tal-boll fuq il-kummissjonijiet ta’ ġestjoni imposti mill-entitajiet ta’ ġestjoni fuq il-fondi ta’ titoli b’kapital varjabbli, sa fejn dawn il-kummissjonijiet jinkludu l-impożizzjoni mill-ġdid tal-kummissjonijiet imposti mill-banek lill-entitajiet ta’ ġestjoni għall-attività msemmija?”

    Fuq id‑domandi preliminari

    21

    Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2008/7 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-impożizzjoni ta’ taxxa tal-boll, minn naħa, fuq ir-remunerazzjoni li tirċievi istituzzjoni finanzjarja mingħand kumpannija ta’ ġestjoni ta’ fondi komuni ta’ investiment għall-provvista ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni għall-finijiet ta’ kontribuzzjonijiet ġodda ta’ kapital intiżi għas-sottoskrizzjoni ta’ ishma ta’ fondi li jkunu għadhom kif inħarġu u, min-naħa l-oħra, fuq l-ammonti li din il-kumpannija ta’ ġestjoni tirċievi minn fondi komuni ta’ investiment sa fejn dawn l-ammonti jinkludu r-remunerazzjoni li l-imsemmija kumpannija ta’ ġestjoni ħallset lill-istituzzjonijiet finanzjarji għal dawn is-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni.

    22

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(a) tagħha, id-Direttiva 2008/7 tirregola l-ġbir ta’ taxxi indiretti fuq il-kontribuzzjonijiet ta’ kapital lill-kumpanniji b’kapital azzjonarju. Fost dawn it-taxxi indiretti hemm it-taxxa tal-boll fuq it-titoli kif ukoll it-taxxi indiretti l-oħra li għandhom l-istess karatteristiċi bħat-taxxa tal-boll fuq it-titoli, kif jirriżulta mill-premessa 2 ta’ din id-direttiva.

    23

    L-Artikolu 2(2) tal-imsemmija direttiva jipprevedi, barra minn hekk, li kull kumpannija, assoċjazzjoni jew persuna ġuridika li topera għall-profitt li ma taqax taħt il-kategoriji ta’ kumpanniji b’kapital azzjonarju msemmija fil-paragrafu 1 tal-istess artikolu, għandha titqies bħala kumpannija b’kapital azzjonarju.

    24

    F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-taxxa inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi taxxa tal-boll miġbura mir-remunerazzjoni tal-banek għas-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ sottoskrizzjonijiet ġodda ta’ ishma ta’ fondi komuni ta’ investiment. Minn dan jirriżulta wkoll li, fid-dritt Portugiż, il-kunċett ta’ “fondi ta’ investiment” jirreferi għal massa ta’ patrimonju, mingħajr personalità ġuridika, li tappartjeni lill-parteċipanti skont is-sistema ġenerali tal-komunità.

    25

    Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li grupp ta’ persuni li ma għandhomx personalità ġuridika u li l-membri tiegħu jipprovdu kapital lil patrimonju separat sabiex jintlaħaq skop ta’ profitt għandu jitqies li huwa “assoċjazzjoni li topera għall-profitt”, fis-sens tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2008/7, b’tali mod li, skont din l-aħħar dispożizzjoni, huwa assimilat ma’ kumpannija b’kapital azzjonarju għall-finijiet ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 1987, Amro Aandelen Fonds, 112/86, EU:C:1987:488, punt 13).

    26

    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li fondi komuni ta’ investiment, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandhom jiġu assimilati ma’ kumpanniji b’kapital azzjonarju u, konsegwentement, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/7.

    27

    Wara li saru dawn l-osservazzjonijiet preliminari, għandu jitfakkar li l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2008/7 jipprojbixxi lill-Istati Membri li jkunu suġġetti għal taxxa indiretta, taħt liema forma tkun, il-ħolqien, il-ħruġ, l-ammissjoni għall-kwotazzjoni fil-Borża, it-tqegħid fis-suq azzjoni jew in-negozju ta’ azzjonijiet, ishma jew titoli oħra tal-istess tip, kif ukoll ta’ ċertifikati li jirrappreżentaw dawn it-titoli, irrispettivament minn min ikun ħariġhom.

    28

    Madankollu, fid-dawl tal-għan imfittex minn din id-direttiva, l-Artikolu 5 tagħha għandu jkun suġġett għal interpretazzjoni wiesgħa, sabiex jiġi evitat li l-projbizzjonijiet previsti minnu ma jiġux imċaħħda mill-effett utli tagħhom. B’hekk, il-projbizzjoni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet ta’ ġbir ta’ kapital tapplika wkoll għat-tranżazzjonijiet mhux espliċitament imsemmija minn din il-projbizzjoni, fejn tali taxxa twassal sabiex tiġi intaxxata tranżazzjoni li tifforma parti integrali minn tranżazzjoni globali fir-rigward tal-ġbir tal-kapital (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2017, Air Berlin, C‑573/16, EU:C:2017:772, punti 31 u 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    29

    B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, peress li ħruġ ta’ titoli jagħmel sens biss mill-mument li fih dawn it-titoli jsibu akkwirenti, taxxa fuq l-ewwel akkwist ta’ titolu ġdid maħruġ fil-verità tolqot il-ħruġ innifsu ta’ dan it-titolu sa fejn dan jagħmel parti integrali minn tranżazzjoni globali fir-rigward tal-ġbir tal-kapital. L-għan li jinżamm l-effett utli tal-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2008/7 jimplika, għaldaqstant li l-“ħruġ” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jinkludi l-ewwel akkwist ta’ titoli li jsir fil-kuntest tal-ħruġ tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑415/02, EU:C:2004:450, punti 32 u 33.

    30

    Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li t-trasferiment ta’ proprjetà ġuridika ta’ azzjonijiet, għall-finijiet biss ta’ tranżazzjoni ta’ ammissjoni ta’ dawn l-azzjonijiet fil-Borża u mingħajr konsegwenza fuq il-proprjetà effettiva tagħhom, għandu jitqies li huwa biss tranżazzjoni anċillari, integrata f’din it-tranżazzjoni ta’ ammissjoni, li, skont l-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2008/7, ma tista’ tiġi suġġetta għal ebda taxxa, taħt kwalunkwe forma li tkun (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2017, Air Berlin, C‑573/16, EU:C:2017:772, punti 35 u 36).

    31

    Issa, peress li servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ ishma ta’ fondi komuni ta’ investiment, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandhom rabta stretta mat-tranżazzjonijiet ta’ ħruġ u ta’ tqegħid fis-suq ta’ ishma, fis-sens tal-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2008/7, dawn għandhom jitqiesu li jagħmlu parti integrali minn tranżazzjoni globali fir-rigward tal-ġbir ta’ kapital.

    32

    Fil-fatt, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, dawn il-fondi jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/65, skont l-Artikolu 1(1) sa (3) tagħha. F’dan ir-rigward, il-ħlas tal-prezz li jikkorrispondi għall-ishma mixtrija, li huwa l-uniku għan ta’ tranżazzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni, huwa marbut mas-sustanza tal-ġbir tal-kapital u huwa, kif jirriżulta mill-Artikolu 87 tad-Direttiva 2009/65, kundizzjoni li għandha tiġi ssodisfatta sabiex l-ishma ta’ fondi inkwistjoni jinħarġu.

    33

    Minn dan isegwi li l-fatt li l-pubbliku jkun mgħarraf bl-eżistenza ta’ strumenti ta’ investiment b’tali mod li tiġi promossa s-sottoskrizzjoni ta’ ishma ta’ fondi komuni ta’ investiment jikkostitwixxi approċċ kummerċjali neċessarju u li, bħala tali, għandu jitqies bħala tranżazzjoni anċillari, integrata fit-tranżazzjoni ta’ ħruġ u ta’ tqegħid fis-suq ta’ ishma tal-imsemmija fondi.

    34

    Barra minn hekk, peress li l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2008/7 tiddependi mir-rabta stretta tas-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni ma’ tali tranżazzjonijiet ta’ ħruġ u ta’ tqegħid fis-suq, huwa irrilevanti, għall-finijiet ta’ tali applikazzjoni, li jkun intgħażel li dawn it-tranżazzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni jiġu fdati lil entitajiet terzi pjuttost milli jitwettqu direttament.

    35

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, minn naħa, din id-dispożizzjoni ma tissuġġetta l-obbligu tal-Istati Membri li jeżentaw it-tranżazzjonijiet ta’ ġbir ta’ kapital għal ebda kundizzjoni marbuta mal-kwalità tal-entità inkarigata mit-twettiq ta’ dawn it-tranżazzjonijiet. Min-naħa l-oħra, l-eżistenza jew le ta’ obbligu legali li jiġu rreklutati s-servizzi ta’ terz ma hijiex kundizzjoni rilevanti meta għandu jiġi ddeterminat jekk tranżazzjoni għandhiex titqies bħala li tifforma parti integrali minn tranżazzjoni globali fir-rigward tal-ġbir tal-kapital (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2017, Air Berlin, C‑573/16, EU:C:2017:772, punt 37).

    36

    Minn dan isegwi li servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jagħmlu parti integrali minn tranżazzjoni ta’ ġbir tal-kapital, b’tali mod li taxxa tal-boll taqa’ taħt il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2008/7.

    37

    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni tkun kompromessa jekk, għalkemm jostakola l-impożizzjoni ta’ taxxa tal-boll fuq ir-remunerazzjonijiet irċevuti mill-banek għal servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ ishma ġodda ta’ fondi komuni ta’ investiment mingħand il-kumpannija ta’ ġestjoni tagħhom, kien permess li din it-taxxa tal-boll tkun imposta fuq l-istess remunerazzjonijiet meta dawn jiġu ffatturati mill-ġdid mill-imsemmija kumpannija ta’ ġestjoni lill-fondi inkwistjoni.

    38

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2008/7 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-impożizzjoni ta’ taxxa tal-boll, minn naħa, fuq ir-remunerazzjoni li tirċievi istituzzjoni finanzjarja mingħand kumpannija ta’ ġestjoni ta’ fondi komuni ta’ investiment għall-provvista ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni għall-finijiet ta’ kontribuzzjonijiet ġodda ta’ kapital intiżi għas-sottoskrizzjoni ta’ ishma ta’ fondi li jkunu għadhom kif inħarġu kif ukoll, min-naħa l-oħra, fuq l-ammonti li din il-kumpannija ta’ ġestjoni tirċievi minn fondi komuni ta’ investiment sa fejn dawn l-ammonti jinkludu r-remunerazzjoni li l-imsemmija kumpannija ta’ ġestjoni ħallset lill-istituzzjonijiet finanzjarji għal dawn is-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni.

    Fuq l‑ispejjeż

    39

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/7/KE tat‑12 ta’ Frar 2008 dwar it-taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital għandu jiġi interpretat fis-sens li:

     

    jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-impożizzjoni ta’ taxxa tal-boll, minn naħa, fuq ir-remunerazzjoni li tirċievi istituzzjoni finanzjarja mingħand kumpannija ta’ ġestjoni ta’ fondi komuni ta’ investiment għall-provvista ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni għall-finijiet ta’ kontribuzzjonijiet ġodda ta’ kapital intiżi għas-sottoskrizzjoni ta’ ishma ta’ fondi li jkunu għadhom kif inħarġu kif ukoll, min-naħa l-oħra, fuq l-ammonti li din il-kumpannija ta’ġestjoni tirċievi minn fondi komuni ta’ investiment sa fejn dawn l-ammonti jinkludu r-remunerazzjoni li l-imsemmija kumpannija ta’ ġestjoni ħallset lill-istituzzjonijiet finanzjarji għal dawn is-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.

    Top