Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0520

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-15 ta’ Ġunju 2023.
    Arkadiusz Szcześniak vs Bank M. SA.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Rejonowy dla Warszawy - Śródmieścia w Warszawie.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Artikolu 6(1) u Artikolu 7(1) – Kreditu ipotekarju indiċjat fuq munita barranija – Klawżoli ta’ konverżjoni – Determinazzjoni tar-rata tal-kambju bejn din il-munita barranija u l-munita nazzjonali – Effetti tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola – Effetti tal-annullament ta’ kuntratt fl-intier tiegħu – Possibbiltà li jintalbu krediti li jmorru lil hinn mir-rimbors tas-somom miftiehma fil-kuntratt u tal-ħlas ta’ interessi moratorji – Dannu għall-konsumatur – Indisponibbiltà tal-ammont tal-menswalitajiet imħallsa lill-bank – Dannu għall-bank – Indisponibbiltà tas-somma tal-kapital imħallsa lill-konsumatur – Effett dissważiv tal-projbizzjoni ta’ klawżoli inġusti – Protezzjoni effettiva tal-konsumaturi – Interpretazzjoni ġudizzjarja ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali.
    Kawża C-520/21.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:478

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    15 ta’ Ġunju 2023 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Artikolu 6(1) u Artikolu 7(1) – Kreditu ipotekarju indiċjat fuq munita barranija – Klawżoli ta’ konverżjoni – Determinazzjoni tar-rata tal-kambju bejn din il-munita barranija u l-munita nazzjonali – Effetti tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola – Effetti tal-annullament ta’ kuntratt fl-intier tiegħu – Possibbiltà li jintalbu krediti li jmorru lil hinn mir-rimbors tas-somom miftiehma fil-kuntratt u tal-ħlas ta’ interessi moratorji – Dannu għall-konsumatur – Indisponibbiltà tal-ammont tal-menswalitajiet imħallsa lill-bank – Dannu għall-bank –Indisponibbiltà tas-somma tal-kapital imħallsa lill-konsumatur – Effett dissważiv tal-projbizzjoni ta’ klawżoli inġusti – Protezzjoni effettiva tal-konsumaturi – Interpretazzjoni ġudizzjarja ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali”

    Fil-Kawża C‑520/21,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis‑Sąd Rejonowy dla Warszawy - – Śródmieścia w Warszawie (il-Qorti Distrettwali ta’ Varsavja – Śródmieście, Varsavja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Awwissu 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Awwissu 2021, fil-proċedura

    Arkadiusz Szcześniak

    vs

    Bank M. SA,

    fil-preżenza ta’:

    Rzecznik Praw Obywatelskich

    Rzecznik Finansowy,

    Prokurator Prokuratury Rejonowej Warszawa – Śródmieście w Warszawie,

    Przewodniczący Komisji Nadzoru Finansowego,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, L. S. Rossi, J.‑C. Bonichot, S. Rodin (Relatur) u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

    Reġistratur: M. Siekierzyńska, Amministratriċi,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑12 ta’ Ottubru 2022,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Arkadiusz Szcześniak, minn R. Górski u P. Pląska, radcowie prawni,

    għal Bank M. SA, minn A. Cudna-Wagner u G. Marzec, radcowie prawni, kif ukoll B. Miąskiewicz u M. Minkiewicz, adwokaci,

    għar-Rzecznik Praw Obywatelskich, minn M. Taborowski, bħala Zastępca Rzecznika Praw Obywatelskich, B. Wojciechowska, radca prawny, u G. Heleniak, adwokat,

    għar-Rzecznik Finansowy, minn B. Pretkiel, bħala Rzecznik Finansowy, assistit minn P. Tronowska u M. Obroślak, radcowie prawni,

    għall-Prokurator Prokuratury Rejonowej Warszawa – Śródmieście w Warszawie, minn M. Dejak, prokurator delegowany do Prokuratury Regionalnej w Warszawie, M. Dubowski, Prokurator Okręgowy w Warszawie, u J. Romelczyk, radcowie prawni,

    għall-Przewodniczący Komisji Nadzoru Finansowego, minn J. Jastrzębski, President tal-Awtorità ta’ Sorveljanza Finanzjarja, K. Liberadzki u A. Tupaj-Cholewa, radca prawny,

    għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u S. Żyrek, bħala aġenti,

    għall-Gvern Portugiż, minn P. Barros da Costa, C. Chambel Alves, A. Cunha, u S. Fernandes, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Ruiz García u A. Szmytkowska, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ Frar 2023,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100). kif ukoll tal-prinċipji ta’ effettività, ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità.

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Arkadiusz Szcześniak (iktar ’il quddiem “A.S.”) u Bank M. SA dwar azzjoni għall-irkupru ta’ kreditu li jirriżulta mill-użu ta’ fondi li ġejjin minn kuntratt ta’self ipotekarju li għandu jiġi annullat għar-raġuni li dan il-kuntratt ma jistax jibqa’ jeżisti wara t-tneħħija tal-klawżoli inġusti.

    Il‑kuntest ġuridiku

    Id‑dritt tal‑Unjoni

    3

    L-għaxar u l-erbgħa u għoxrin premessa tad-Direttiva 93/13 jipprevedu:

    “Billi tista’ tinkiseb protezzjoni aktar effettiva tal-konsumatur billi jiġu adottati regoli tal-liġi uniformi fil-kwistjoni ta’ klawżoli inġusti; […]

    […]

    Billi l-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri għandu jkollhom għad-disposizzjoni tagħhom mezz adegwat u effettiv biex jipprevenu li jkomplu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti tal-konsumaturi,”

    4

    L-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

    “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

    5

    L-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

    “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

    Id‑dritt Pollakk

    6

    L-Artikolu 5 tal-ustawa – Kodeks cywilny (il-Dritt dwar il-Kodiċi Ċivili), tat‑23 ta’ April 1964, (Dz. U. tal‑1964, Nru 16), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”), jipprevedi:

    “Dritt ma jistax jiġi eżerċitat b’mod li jkun kuntrarju għall-għan soċjali u ekonomiku tiegħu jew għall-prinċipji ta’ koeżistenza tal-komunità. Kwalunkwe tali att jew ommissjoni mid-detentur tad-dritt ma għandux ikun ittrattat bħala eżerċizzju tad-dritt u ma għandux ikun protett.”

    7

    L-Artikolu 222(1) ta’ dan il-kodiċi jipprevedi:

    “Proprjetarju jista’ jeżiġi mill-persuna li fil-fatt iżżomm xi oġġett li tappartjeni lilu li tirritornaha, sakemm din il-persuna ma jkollhiex dritt infurzabbli kontra l-proprjetarju li jżomm l-oġġett.”

    8

    Skont l-Artikolu 3581(1) sa (4) tal-imsemmi kodiċi:

    “1.   Sakemm ma jkunx hemm dispożizzjonijiet speċifiċi, meta l-obbligu jirrigwarda, sa mill-bidu tiegħu, somma ta’ flus, il-pretazzjoni għandha tiġi eżegwita bil-pagament tal-valur nominali.

    2.   Il-partijiet jistgħu jistipulaw fil-kuntratt li s-somma tal-prestazzjoni monetarju għandha tiġi ddeterminata skont unità ta’ valur li ma hijiex monetarja.

    3.   Fil-każ ta’ bidla sinjifikattiva fil-valur tax-xiri tal-flus wara li jirriżulta l-obbligu, il-qorti tista’, wara li tikkunsidra l-interessi tal-partijiet, u skont il-prinċipji ta’ koeżistenza tal-komunità, tibdel l-ammont jew il-mod tal-eżekuzzjoni monetarja, anki jekk dan kien ġie stabbilit f’deċiżjoni tal-qorti jew f’kuntratt”

    4.   Il-bejjiegħ jew fornitur jista’ jirrkjedi l-modifika tal-ammont jew tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tal-prestazzjoni monetarja, jew kif dan ikun relatat mal-operat tal-impriża tiegħu.”

    9

    L-Artikolu 361(1) u (2) tal-istess kodiċi jipprevedi:

    “1.   Il-persuna responsabbli għall-kumpens hija responsabbli biss għall-konsegwenzi normali tal-att jew tal-ommissjoni li wasslu għad-dannu.

    2.   Fil-limiti ddefiniti iktar ’il fuq, bla ħsara għal dispożizzjoni legali jew klawżola kuntrattwali kuntrarja, il-kumpens għad-dannu għandu jkopri t-telf imġarrab mill-parti leża u l-qligħ li kienet tikseb fl-assenza tad-dannu.”

    10

    L-Artikolu 3851(1) u (2) tal-Kodiċi Ċivili huwa fformulat kif ġej:

    “1.   Klawżoli ta’ kuntratt konkluż ma’ konsumatur li ma ġewx innegozjati b’mod individwali ma għandhomx ikunu vinkolanti fuq il-konsumatur jekk id-drittijiet u l-obbligi tiegħu huma stabbiliti b’mod li jmur kontra l-prattika tajba u jiksru b’mod manifest l-interessi tiegħu (klawżoli illegali). Dan ma għandux japplika għal klawżoli li jistabbilixxu l-prestazzjonijiet prinċipali li għandhom jitwettqu mill-partijiet, inklużi dawk relatati mal-prezz jew remunerazzjoni, sakemm dawn huma miktuba b’mod ċar.

    2.   Jekk klawżola kuntrattwali ma hijiex vinkolanti fuq il-konsumatur skont il-paragrafu 1, il-kuntratt għandu altrimenti jkompli jkun vinkolanti fuq il-partijiet.”

    11

    L-Artikolu 405 ta’ dan il-kodiċi jipprevedi:

    “Kull persuna li, mingħajr bażi legali, tikseb vantaġġ ekonomiku bi spejjeż ta’ persuna oħra hija meħtieġa li tagħti lura dan il-vantaġġ in natura u, fejn dan ma huwiex possibbli, li tirritorna l-valur tiegħu.”

    12

    L-Artikolu 410(1) u (2) tal-imsemmi kodiċi jipprevedi:

    “1.   Id-dispożizzjonijiet tal-artikoli preċedenti għandhom japplikaw b’mod partikolari għal eżekuzzjoni indebita.

    2.   Eżekuzzjoni hija indebita jekk il-persuna li wettqitha ma kellha l-ebda obbligu jew ma kellha l-ebda obbligu lejn il-persuna li għaliha hija wettqet l-eżekuzzjoni, jew jekk il-bażi għall-eżekuzzjoni waqfet milli teżisti jew jekk l-għan intiż għall-eżekuzzjoni ma nkisibx jew jekk l-att legali li fuqu l-obbligu li titwettaq l-eżekuzzjoni kien ibbażat ma kienx validu u ma sarx validu minn meta twettqet l-eżekuzzjoni.”

    Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

    13

    Fil‑25 ta’ Lulju 2008, A.S. u martu E.S. ikkonkludew ma’ Bank M. kuntratt ta’ self ipotekarju għal perijodu ta’ 336 xahar u li kien jirrigwarda somma ta’ 329 707.24 zlotys Pollakki (PLN) (madwar EUR 73000), flimkien ma’ interessi b’rata varjabbli (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ self ipotekarju”). Il-klawżoli ta’ dan il-kuntratt ma ġewx innegozjati individwalment. Is-self kien indiċjat fuq il-frank Svizzeru (CHF), fejn il-kuntratt kien jipprevedi li l-menswalitajiet tas-self kellhom jitħallsu fi zlotys Pollakki wara l-konverżjoni b’applikazzjoni tar-rata tal-bejgħ tal-frank Svizzeru skont it-tabella tar-rati tal-muniti barranin applikati minn Bank M. fil-jum tal-ħlas ta’ kull pagament mensili. Wara l-konklużjoni ta’ emenda għall-imsemmi kuntratt, fis‑6 ta’ Settembru 2011, A.S. u E.S. kisbu l-possibbiltà li jħallsu l-menswalitajiet tal-imsemmi self direttament fi franki Svizzeri.

    14

    Permezz ta’ rikors ippreżentat fil‑31 ta’ Mejju 2021, A.S. talab lil Bank M. il-ħlas ta’ PLN3 660.76 (madwar EUR 800), flimkien mal-interessi moratorji bir-rata legali mit‑8 ta’ Ġunju 2021 sad-data tal-ħlas. Insostenn tar-rikors tiegħu, A.S. sostnat li l-kuntratt ta’ self ipotekarju jinkludi klawżoli inġusti li jagħmluh invalidu, b’tali mod li Bank M. kien irċieva mingħajr bażi legali l-menswalitajiet tas-self.

    15

    Skont A.S., billi użat, mill‑1 ta’ Ottubru 2011 sal‑31 ta’ Diċembru 2020, l-ammont ta’ PLN 7 769.06 (madwar EUR 1700) li jikkorrispondi għall-menswalitajiet imħallsa matul il-perijodu minn Ġunju 2011 sa Settembru 2011, il-Bank M. għamlet qligħ ta’ PLN 7 321.51 (madwar EUR 1600). Konsegwentement, A.S. eżiġa mingħand Bank M. il-ħlas ta’ nofs dan l-ammont, jiġifieri PLN 3 660.76 (madwar EUR 800), filwaqt li n-nofs l-ieħor ikun dovut lil martu E.S., li ma hijiex parti fil-kawża prinċipali.

    16

    Fir-risposta tagħha, ippreżentata fl‑1 ta’ Lulju 2021, Bank M. talbet li r-rikors ta’ A.S. jiġi miċħud, billi sostniet li l-kuntratt ta’ self ipotekarju ma kellux jiġi annullat sa fejn dan ma kienx jinkludi klawżoli inġusti u li, fi kwalunkwe każ, jekk l-imsemmi kuntratt kellu jiġi annullat, huwa esklużivament Bank M. u mhux A.S. li tkun f’pożizzjoni li titlob il-ħlas ta’ kreditu għall-użu tal-kapital mingħajr bażi legali.

    17

    Is-Sąd Rejonowy dla Warszawy - – Śródmieścia w Warszawie (il-Qorti Distrettwali ta’ Varsavja – Śródmieście, il-Polonja), li hija l-qorti tar-rinviju, tosserva li A.S. jikkontesta l-klawżoli li jinsabu fl-Artikolu 2(2) u fl-Artikolu 7(1) tal-kuntratt ta’ self ipotekarju, li jgħidu li l-konverżjoni ta’ franki Svizzeri fi zlotys Pollakki u zlotys Pollakki fi franki Svizzeri, dwar il-kapital u l-menswalitajiet tas-self, issir bl-użu tar-rata tal-kambju ddeterminata minn Bank M. (klawżoli msejħa ta’ “konverżjoni”).

    18

    Din il-qorti tispjega, minn naħa, li l-klawżoli ta’ konverżjoni bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma b’mod uniformi kkunsidrati, mill-qrati Pollakki, bħala li jikkostitwixxu klawżoli kuntrattwali illegali u li huma ġew inklużi fir-reġistru tal-klawżoli illegali mal-President tal-Urząd Ochrony Konkurencji i Konsumentów (l-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni u tal-Konsumaturi, il-Polonja).

    19

    Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-ġurisprudenza nazzjonali għadha ma hijiex unanima dwar il-kwistjoni tal-effetti tal-preżenza ta’ tali klawżoli ta’ konverżjoni inġusti f’kuntratt ta’ self ipotekarju. Madankollu, wara s-sentenza Dziubak (C‑260/18, EU:C:2019:819), mogħtija fit‑3 ta’ Ottubru 2019, it-teżi li tgħid li l-inklużjoni ta’ klawżoli ta’ dan it-tip f’kuntratt ta’ self trendi dan il-kuntratt invalidu b’mod ċar tipprevali fil-ġurisprudenza nazzjonali.

    20

    Fir-rigward tal-konsegwenzi tal-annullament ta’ kuntratt fid-dritt nazzjonali, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li kuntratt iddikjarat invalidu huwa kkunsidrat bħala li qatt ma ġie konkluż (invalidità ex tunc). Peress li l-partijiet eżegwew ċerti servizzi abbażi ta’ dan il-kuntratt, huma jistgħu jeżiġu r-rimbors tagħhom peress li dawn huma benefiċċji indebiti.

    21

    B’mod iktar preċiż, il-qorti tar-rinviju tispjega li, minn naħa, il-bank jista’ jeżiġi mill-persuna li tissellef ir-rimbors tal-ekwivalenti tal-ammont prinċipali tas-self li jkun ingħatalha u, min-naħa l-oħra, il-persuna li tissellef tista’ titlob mingħand il-bank ir-rimbors tal-ekwivalenti tal-menswalitajiet tas-self imħallsa kif ukoll tal-ispejjeż irċevuti mill-bank. Din il-qorti tippreċiża li kull parti tista’ wkoll teħtieġ teżiġi l-pagament tal-interessi moratorji legali mid-data ta’ intimazzjoni.

    22

    Madankollu, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-ġurisprudenza nazzjonali ma hijiex uniformi fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-partijiet f’kuntratt ta’ self invalidu jistgħux jitolbu, minbarra l-ħlas tal-ammonti elenkati fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, il-ħlas ta’ ammonti oħra minħabba l-użu ta’ fondi għal ċertu perijodu mingħajr bażi legali. Il-bażijiet legali ta’ spiss invokati mill-partijiet insostenn ta’ tali pretensjonijiet huma l-arrikkiment indebitu u r-rimbors ta’ ħlas indebitu.

    23

    Skont din il-qorti, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx, fid-dawl tad-Direttiva 93/13, dwar il-possibbiltà għall-partijiet f’kuntratt ta’ self iddikjarat invalidu li jitolbu r-rimbors ta’ ammonti li jmorru lil hinn mill-ammonti rispettivament imħallsa minnhom b’eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt.

    24

    Il-qorti tar-rinviju tqis li l-ebda pretensjoni tal-bank, lil hinn mir-rimbors tal-kapital imħallas lill-konsumatur (kif ukoll, jekk ikun il-każ, tal-interessi moratorji bir-rata legali mill-intimazzjoni), ma tistax tiġi aċċettata mingħajr ma jiġu kompromessi l-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 93/13. Skont din il-qorti, peress li n-nullità tal-kuntratt ta’ self tirriżulta mill-aġir tal-bank, li rrikorra għal klawżoli inġusti, għandu jiġi prekluż milli jieħu vantaġġ mill-aġir tiegħu, li jmur kontra mhux biss id-Direttiva 93/13, iżda wkoll ir-rekwiżiti ta’ bona fide u ta’ moralità. L-għoti ta’ vantaġġ lill-bejjiegħa jew fornituri li rrikorrew għal klawżoli inġusti jmur ukoll kontra l-ħtieġa li jiġi ppreżervat l-effett dissważiv tal-projbizzjoni ta’ tali klawżoli prevista mid-Direttiva 93/13.

    25

    B’hekk, skont il-qorti tar-rinviju, l-aċċettazzjoni ta’ tali soluzzjoni twassal sabiex konsumatur, li jkun sar jaf bl-eżistenza ta’ klawżola inġusta, jippreferi jkompli bl-eżekuzzjoni tal-kuntratt minflok jinvoka d-drittijiet tiegħu, sa fejn in-nullità tal-kuntratt tista’ tesponih għal konsegwenzi finanzjarji negattivi, bħall-ħlas ta’ remunerazzjoni abbażi tal-użu tal-kapital.

    26

    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-konsumatur, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-possibbiltà għalih li jeżiġi l-ħlas ta’ ammonti li jmorru lil hinn mill-menswalitajiet li huwa ħallas lill-bank u, eventwalment, ta’ interessi moratorji bir-rata legali mill-intimazzjoni, tal-ispejjeż, tal-kummissjonijiet u tal-primjums tal-assigurazzjoni, ma tidhirx li tmur kontra l-prinċipju ta’ effettività.

    27

    Madankollu, skont din il-qorti, jekk il-konsumaturi jitħallew jitolbu mingħand il-bejjiegħa jew il-fornituri l-ħlas ta’ tali ammonti, abbażi tal-użu mingħajr bażi legali tal-ammont tal-menswalitajiet, dan iwassal sabiex tiġi imposta sanzjoni sproporzjonata fuq il-bejjiegħa u jew fornituri.

    28

    Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li l-bażijiet legali possibbli ta’ tali talbiet min-naħa tal-konsumaturi huma ta’ natura simili ħafna, b’tali mod li ma jkunx iġġustifikat li tinħoloq il-possibbiltà li fl-istess ħin jintalbu l-krediti taħt piena ta’ ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Skont din il-qorti, li tingħata tali possibbiltà tmur ukoll kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali li għandu jinftiehem fis-sens li, jekk kuntratt ta’ self jiġi ddikjarat invalidu fl-intier tiegħu, iż-żewġ partijiet huma obbligati jirrimborsaw il-prestazzjonijiet kollha monetarji pprovduti b’eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt, bl-esklużjoni ta’ kull pretensjoni oħra.

    29

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Rejonowy dla m.st. Warszawy w Warszawie (il-Qorti Distrettwali ta’ Varsavja – Śródmieście, Varsavja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

    “L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-[Direttiva 93/13] u l-prinċipji ta’ effettività, ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu interpretazzjoni ġudizzjarja tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li skontha, fil-każ li kuntratt ta’ kreditu konkluż bejn bank u konsumatur ikun null minħabba li fih hemm inklużi klawżoli kuntrattwali inġusti, il-partijiet jistgħu, minbarra r-rimbors tal-flus imħallsa fl-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt (il-bank – il-kapital tal-kreditu, u l-konsumatur – il-menswalitajiet, l-ispejjeż, il-kummissjonijiet u l-primjums tal-assigurazzjoni) kif ukoll l-interessi moratorji legali mill-mument tat-tfakkira għall-ħlas, jitolbu wkoll xi benefiċċji oħra, fosthom somom dovuti (b’mod partikolari remunerazzjoni, kumpens, ħlas lura tal-ispejjeż jew aġġustament tal-benefiċċju) abbażi tal-fatt li:

    1.

    il-persuna li twettaq il-ħlas monetarju ġiet temporanjament imċaħħda mill-possibbiltà li tagħmel użu minn flusha, u b’hekk tilfet il-possibbiltà li tinvesti l-flus u bis-saħħa ta’ dan tikseb profitti,

    2.

    il-persuna li twettaq il-ħlas monetarju ġarrbet l-ispejjeż relatati mal-ġestjoni tal-kuntratt ta’ kreditu u mat-trasferiment tal-flus lill-parti l-oħra,

    3.

    il-persuna li tirċievi l-ħlas monetarju kisbet il-benefiċċju li temporanjament setgħet tuża l-flus ta’ ħaddieħor, fost oħrajn setgħet tinvestihom u bis-saħħa ta’ dan tikseb profitti,

    4.

    il-persuna li tirċievi l-ħlas monetarju temporanjament kellha l-possibbiltà li tuża l-flus ta’ ħaddieħor mingħajr ħlas, liema fatt kien ikun impossibbli taħt il-kundizzjonijiet tas-suq,

    5.

    il-valur tax-xiri tal-flus naqas mal-mogħdija taż-żmien, u dan ifisser telf reali għall-persuna li twettaq il-ħlas monetarju,

    6.

    it-tqegħid għad-dispożizzjoni temporanja tal-flus għal użu jista’ jiġi ttrattat bħala t-twettiq ta’ servizz li għalih il-persuna li twettaq il-ħlas monetarju ma kisbitx remunerazzjoni?”

    Fuq it‑talbiet għal ftuħ mill‑ġdid tal‑fażi orali tal‑proċedura

    30

    Wara l-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, Bank M., permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Marzu 2023 u s‑26 ta’ April 2023, talbet li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    31

    Insostenn tat-talba tiegħu, Bank M. issostni li, fl-ewwel lok, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali u, b’mod partikolari, l-osservazzjonijiet tiegħu li jinsabu fil-punti 17, 19, 28, 29, 61, 62 u 66, ma jippermettux li tinftiehem il-portata tat-talbiet tal-bejjiegħ jew tal-fornitur u tal-konsumatur, fatt li jipprekludi l-applikazzjoni korretta tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ effettività.

    32

    Fit-tieni lok, Bank M. tistaqsi dwar il-possibbiltà li l-konsumaturi li jkunu daħlu għal kreditu ipotekarju fil-Polonja jitqiegħdu f’sitwazzjoni iktar favorevoli minn dawk li jkunu kkuntrattaw tali kreditu fi Stat Membru ieħor, fil-każ li jiksbu d-dritt li jfittxu, minbarra għar-rimbors tal-menswalitajiet u tal-ispejjeż, għal pretensjonijiet oħra fir-rigward tal-bank.

    33

    Fit-tielet lok, Bank M. jikkritika ċerti osservazzjonijiet li jinsabu fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali.

    34

    Fir-raba’ u l-aħħar lok, Bank M. isostni li l-proċedura orali għandha tinfetaħ mill-ġdid sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara l-effett tas-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2023, Mercedes-Benz Group (Responsabbiltà tal-manifatturi ta’ vetturi li għandhom apparat ta’ manipulazzjoni) (C‑100/21, EU:C:2023:229), fuq il-kawża inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    35

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura ma jipprovdux il-possibbiltà, għall-persuni kkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 ta’ dan l-Istatut, li jippreżentaw osservazzjonijiet bi tweġiba għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2023, Mercedes-Benz Group (Responsabbiltà tal-manifatturi ta’ vetturi mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni) (C‑100/21, EU:C:2023:229), punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    36

    Min-naħa l-oħra, bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu d-dmir li pubblikament, b’imparzjalità u b’indipendenza sħaħ, jipproponi konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta b’dawn il-konklużjonijiet u lanqas bil-motivazzjoni li wasal għalihom l-Avukat Ġenerali. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ qbil ta’ parti kkonċernata mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, indipendentement mill-kwistjonijiet li dan tal-aħħar jeżamina fil-konklużjonijiet tiegħu, fih innifsu ma jistax jikkostitwixxi raġuni li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali (sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2023, Mercedes-Benz Group (Responsabbiltà tal-manifatturi ta’ vetturi mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni) (C‑100/21, EU:C:2023:229), punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    37

    Huwa minnu li, konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari jekk tqis li ma jkollhiex informazzjoni biżżejjed, jew meta parti tkun ippreżentat, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jkollu influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma jkunx ġie ttrattat mill-partijiet ikkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    38

    Madankollu, fil-każ ineżami, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li hija għandha l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex tiddeċiedi u li din il-kawża ma għandhiex tiġi deċiża abbażi ta’ argumenti li ma kinux diskussi bejn il-partijiet ikkonċernati. Barra minn hekk, t-talba ta’ ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura msemmija fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, ma jinkludu ebda fatt ġdid tali li jista’ jeżerċita influwenza fuq id-deċiżjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tagħti fl-imsemmija kawżi.

    39

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

    Fuq id‑domanda preliminari

    Fuq l‑ammissibbiltà tad‑domanda magħmula u l‑ġurisdizzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja sabiex tirrispondi għaliha

    40

    Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju invokat l-ammissibbiltà tad-domanda li hija għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja, peress li din id-domanda tirrigwarda kemm il-pretensjonijiet tal-konsumatur kif ukoll dawk tal-bank, fl-ipoteżi fejn kuntratt ta’ self ipotekarju huwa ddikjarat invalidu, filwaqt li din il-qorti hija adita biss b’talba mressqa mill-konsumatur.

    41

    Għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tkun tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2022, Baltijas Starptautiskā Akadēmija et Stockholm School of Economics in Riga, C‑164/21 u C‑318/21, EU:C:2022:785, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    42

    B’hekk id-domandi li jikkonċernaw id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ liġi jew ta’ fatt meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha jew meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika (sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2022, Baltijas Starptautiskā Akadēmija u Stockholm School of Economics in Riga, C‑164/21 u C‑318/21, EU:C:2022:785, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    43

    F’dan il-każ, sa fejn parti mid-domanda preliminari tirrigwarda l-pretensjonijiet tal-bejjiegħ jew tal-fornitur fir-rigward tal-konsumatur, filwaqt li, f’dan il-każ, ebda talba f’dan is-sens ma kienet, fid-data li fiha ġiet adottata t-talba għal deċiżjoni preliminari, ifformulata minn Bank M., il-qorti tar-rinviju tqis li l-ammissibbiltà ta’ din il-parti tad-domanda preliminari hija ġġustifikata, fl-ewwel lok, mill-fatt li l-annullament ta’ kuntratt ex tunc jimplika l-ħlas lura ta’ eżekuzzjoni indebita pprovduta minn kull wieħed miż-żewġ kontraenti, b’tali mod li r-risposta għad-domanda preliminari kollha hija neċessarja għaliha sabiex tiddeċiedi dwar l-eventwali eċċezzjonijiet li l-bejjiegħ jew il-fornitur jista’ jqajjem sabiex jopponi t-talba tal-konsumatur.

    44

    Fit-tieni lok, din il-qorti tinforma lill-Qorti tal-Ġustizzja li, skont l-interpretazzjoni li tipprevali fil-ġurisprudenza nazzjonali, jekk iż-żewġ partijiet kontraenti jkunu pprovdew eżekuzzjonijiet indebiti tal-istess natura u jekk l-eżekuzzjonijiet tagħhom jirriżultaw mill-istess relazzjoni ġuridika, hija biss il-parti li rċeviet l-ikbar eżekuzzjoni li tista’ titqies li ġiet arrikkita b’mod mhux iġġustifikat. Konsegwentement, fil-kawża prinċipali, l-imsemmija qorti hija, fi kwalunkwe każ, obbligata tanalizza l-fondatezza tal-pretensjonijiet taż-żewġ partijiet kontraenti.

    45

    Fit-tielet u fl-aħħar lok, din l-istess qorti tqis li l-assenza ta’ risposta għad-domanda preliminari kollha kemm hi tippreġudika l-effett dissważiv tad-Direttiva 93/13 sa fejn il-banek attivi fil-Polonja jheddu pubblikament lill-konsumaturi b’konsegwenzi serji jekk dawn jagħżlu li jkomplu bl-invalidità tal-kuntratt ta’ self ipotekarju tagħhom, minħabba l-fatt li dawn il-bejjiegħa jew forniyuti jirrikorru għand il-konsumaturi għal krediti marbuta mal-użu mhux kuntrattwali tal-kapital minn dawn tal-aħħar.

    46

    Barra minn hekk, waqt is-seduta li nżammet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Ottubru 2022, Bank M. informa lill-Qorti tal-Ġustizzja li huwa kien beda proċedura distinta intiża sabiex jintalab kumpens min-naħa ta’ A.S. għall-użu mhux kuntrattwali tal-kapital misluf. Din il-proċedura hija, madankollu, sospiża sakemm tintemm din il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    47

    F’dan il-każ, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 31 sa 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, din il-kawża ma taqa’ taħt ebda waħda mis-sitwazzjonijiet elenkati fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, li fihom il-preżunzjoni ta’ rilevanza ta’ domanda preliminari tista’ tiġi kkonfutata. Fil-fatt, mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti lill-Qorti tal-Ġustizzja, miġbura fil-qosor fil-punti 43 sa 46 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni, sa fejn din tirrigwarda l-pretensjonijiet tal-bank għal kumpens li jmur lil hinn mir-rimbors tal-kapital fil-każ ta’ invalidità ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju, għandha rabta mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali peress li l-qorti tar-rinviju jista’ jkollha, jekk ikun il-każ ex officio, teżamina tali talbiet. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domanda magħmula. Konsegwentement, id-domanda magħmula hija ammissibbli.

    48

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija l-qorti nazzjonali li għandha tindika lill-partijiet, fil-kuntest tar-regoli proċedurali nazzjonali u fid-dawl tal-prinċipju ta’ ekwità fil-proċeduri ċivili, b’mod oġġettiv u eżawrjenti l-konsegwenzi legali li jistgħu jwasslu għat-tneħħija tal-klawżola inġusta, u dan indipendentement mill-fatt jekk dawn humiex irrappreżentati minn mandatarju professjonali jew le (sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Bank BPH, C‑19/20, EU:C:2021:341, punt 97).

    49

    Tali informazzjoni hija, b’mod partikolari, iktar u iktar importanti, meta n-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-klawżola inġusta jista’ jwassal għall-invalidità tal-kuntratt kollu kemm hu, li eventwalment tesponi lill-konsumatur għal talbiet għal ħlas lura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Bank BPH, C‑19/20, EU:C:2021:341, punt 98).

    50

    F’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-tilwima quddiem il-qorti tar-rinviju tirrigwarda preċiżament il-konsegwenzi legali li jista’ jwassal għalihom l-annullament tal-kuntratt ta’ self ipotekarju fl-intier tiegħu minħabba l-fatt li dan ma jistax jibqa’ jeżisti wara t-tneħħija tal-klawżoli inġusti, b’tali mod li r-risposta għall-parti tad-domanda preliminari li tirrigwarda l-pretensjonijiet tal-bejjiegħ jew tal-fornitur fir-rigward tal-konsumatur hija neċessarja sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tissodisfa l-obbligu tagħha li tinforma lil A.S. b’tali konsegwenzi.

    51

    Barra minn hekk, Bank M. sostna li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għal din id-domanda sa fejn din tirrigwarda l-effetti tal-annullament ta’ kuntratt, li ma humiex irregolati mid-Direttiva 93/13, iżda minn diversi dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li l-interpretazzjoni tagħhom taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati nazzjonali.

    52

    F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, li għandha tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali jew sabiex tiddeċiedi jekk l-interpretazzjoni tal-qorti tar-rinviju ta’ dawn id-dispożizzjonijiet hijiex korretta, għaliex din l-interpretazzjoni taqa’ fil-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati nazzjonali. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2019, UniCredit Leasing, C‑242/18, EU:C:2019:558, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata), xorta jibqa’ l-fatt, kif ikkonstata l-Avukat Ġenerali, fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tiegħu, li d-domanda preliminari ma tirrigwardax l-interpretazzjoni tad-dritt Pollakk, iżda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, kif ukoll tal-prinċipji ta’ effettività, ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità.

    53

    Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domanda magħmula u din id-domanda hija ammissibbli.

    Fuq il‑mertu

    Osservazzjonijiet preliminari

    54

    Skont ġurisprudenza stabbilita, is-sistema ta’ protezzjoni li daħlet fis-seħħ permezz tad-Direttiva 93/13 hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fir-rigward tal-bejjiegħ jew tal-fornitur, f’dak li jirrigwarda kemm il-poter ta’ negozjati kif ukoll il-livell ta’ informazzjoni, sitwazzjoni li twasslu sabiex jaderixxi mal-kundizzjonijiet imfassla minn qabel mill-bejjiegħ jew mill-fornitur, mingħajr ma jista’ jeżerċita influwenza fuq il-kontenut ta’ dawn il-kundizzjonijiet (is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, Caja de Ahorros y Monte de Piedad de Madrid, C‑70/17 u C‑179/17, EU:C:2019:250, punt 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    55

    Fid-dawl ta’ tali sitwazzjoni ta’ inferjorità, id-Direttiva 93/13 tobbliga lill-Istati Membri jipprevedu mekkaniżmu li jiżgura li kull klawżola kuntrattwali li ma ġietx innegozjata b’mod individwali tista’ tiġi mistħarrġa sabiex tiġi evalwata n-natura possibbilment inġusta tagħha. F’dan il-kuntest, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3(1) u fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13, jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi proprji tal-każ inkwistjoni, tali klawżola tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ bona fide, ta’ ekwilibriju u ta’ trasparenza stabbiliti minn din id-direttiva (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, Abanca Corporación Bancaria u Bankia, C‑70/17 u C‑179/17, EU:C:2019:250, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    56

    B’teħid inkunsiderazzjoni tan-natura u tal-importanza tal-interess pubbliku li l-protezzjoni tal-konsumaturi tikkostitwixxi, id-Direttiva 93/13, kif jidher mill-Artikolu 7(1) tagħha moqri flimkien mal-erbgħa u għoxrin premessa tagħha, li jipprevedu mezzi adegwati u effikaċi sabiex jitwaqqaf l-użu ta’ klawżoli inġusti fil-kuntratti bejn bejjiegħ jew fornitur u l-konsumaturi. Sabiex isir dan, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jevitaw l-applikazzjoni ta’ klawżoli inġusti sabiex huma ma jipproduċux effetti vinkolanti fil-konfront tal-konsumatur, sakemm il-konsoumatur ma jopponix dan (sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance, C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata kif ukoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2022, D.B.P. et (Kreditu ipotekarju ddenominat f’valuti barranin), C‑80/21 sa C‑82/21, EU:C:2022:646, punt 58 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    57

    Klawżola kuntrattwali deċiża bħala inġusta għandha titqies, bħala prinċipju, li qatt ma eżistiet, b’mod illi hija ma jista’ jkollha ebda effett fuq il-konsumatur. Għaldaqstant, il-konstatazzjoni ġudizzjarja tan-natura inġusta ta’ tali klawżola għandha, bħala prinċipju, ikollha l-konsegwenza li tistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni fid-dritt u fil-fatt tal-konsumatur li kien ikun fiha fl-assenza tal-imsemmija klawżola (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 61).

    58

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-obbligu għall-qorti nazzjonali li ma tapplikax klawżola kuntrattwali inġusta li timponi l-ħlas ta’ somom li jirriżultaw li ma humiex dovuti għandu, bħala prinċipju, effett restitutorju korrispondenti fir-rigward ta’ dawn l-istess somom, sa fejn l-assenza ta’ tali effett tista’ tikser l-effett dissważiv li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, għandu l-għan li jorbot mal-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli inklużi fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi minn bejjiegħ jew fornitur (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et (C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punti 62 u 63).

    59

    Għandu wkoll jitfakkar li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jeżiġi li l-Istati Membri jipprevedu li l-klawżoli inġusti ma jkunux jorbtu lill-konsumatur “kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom” (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 64 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    60

    Madankollu, il-qafas fid-dritt nazzjonali tal-protezzjoni ggarantita lill-konsumaturi mid-Direttiva 93/13 ma jistax ibiddel il-portata u konsegwentement is-sustanza ta’ din il-protezzjoni u bih stess jimmina t-tisħiħ tal-effikaċja tal-imsemmija protezzjoni bl-adozzjoni ta’ regoli uniformi dwar il-klawżoli inġusti, li kienet ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea, bħalma huwa indikat fl-għaxar premessa tad-Direttiva 93/13) (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 65).

    61

    Konsegwentement, għalkemm huma l-Istati Membri li, permezz tad-dritt nazzjonali tagħhom, għandhom jiddefinixxu l-modalitajiet li fil-kuntest tagħhom għandha tiġi stabbilita l-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola inkluża f’kuntratt u li fil-kuntest tagħhom jimmaterjalizzaw l-effetti legali konkreti ta’ din il-konstatazzjoni, xorta waħda jibqa’ l-fatt li tali konstatazzjoni għandha tippermetti l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni legali u fattwali li kien ikun fiha l-konsumatur fl-assenza ta’ din il-klawżola inġusta, b’mod partikolari billi sservi ta’ bażi għad-dritt għar-restituzzjoni tal-vantaġġi miksuba indebitament, għad-detriment tal-konsumatur, mill-bejjiegħ jew fornitur fuq il-bażi tal-imsemmija klawżola inġusta (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 66).

    62

    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li d-domandi preliminari mressqa għandhom jiġu eżaminati.

    Fuq id‑domanda preliminari

    63

    Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, fil-kuntest tal-annullament fl-intier tiegħu ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju minħabba li dan ma jistax jibqa’ jeżisti wara t-tneħħija tal-klawżoli inġusti, l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li:

    jipprekludu interpretazzjoni ġudizzjarja tad-dritt nazzjonali fis-sens li l-konsumatur għandu d-dritt jitlob lill-istituzzjoni ta’ kreditu kumpens li jmur lil hinn mir-rimbors tal-menswalitajiet imħallsa u tal-ispejjeż imħallsa abbażi tal-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt kif ukoll mill-ħlas tal-interessi moratorji bir-rata legali mill-intimazzjoni, u,

    jipprekludu interpretazzjoni ġudizzjarja tad-dritt nazzjonali fis-sens li l-istituzzjoni ta’ kreditu għandha d-dritt titlob lill-konsumatur kumpens li jmur lil hinn mir-rimbors tal-kapital imħallas abbażi tal-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt kif ukoll mill-ħlas tal-interessi moratorji bir-rata legali mill-intimazzjoni.

    64

    Għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 93/13 ma tirregolax espressament il-konsegwenzi li ġġib magħha l-invalidità ta’ kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur wara t-tneħħija tal-klawżoli inġusti li dan jikkawża, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tiegħu. Għaldaqstant, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw il-konsegwenzi li tinvolvi tali konstatazzjoni, filwaqt li huwa mifhum li r-regoli li huma jistabbilixxu f’dan ir-rigward għandhom ikunu kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mal-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva.

    65

    Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, klawżola kuntrattwali ddikjarata “inġusta” għandha titqies, fil-prinċipju, li qatt ma eżistiet, b’mod illi hija ma jista’ jkollha ebda effett fuq il-konsumatur. Għaldaqstant, il-konstatazzjoni ġudizzjarju tan-natura inġusta ta’ tali klawżola għandha, fil-prinċipju, bħala konsegwenza li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni fid-dritt u fil-fatt li kien ikun fiha l-konsumatur fl-assenza ta’ din il-klawżola, b’mod partikolari billi jinħoloq dritt għall-ħlas lura ta’ benefiċċji miksuba indebitament, għad-detriment tal-konsumatur, mill-bejjiegħ jew mill-fornitur abbażi tal-imsemmija klawżola inġusta. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Marzu 2022, Lombard Lízing, C‑472/20, EU:C:2022:242, punti 50 u 55 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    66

    Sa fejn, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, l-assenza ta’ tali effett tista’ tinjora l-effett dissważiv li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, għandu l-għan li jagħti lill-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli inklużi fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi minn bejjiegħ jew fornitur, għandu jiġi rrikonoxxut effett restitutorju simili meta n-natura inġusta ta’ klawżoli ta’ kuntratt konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur twassal mhux biss għan-nullità ta’ dawn il-klawżoli, iżda wkoll għall-invalidità ta’ dan il-kuntratt fl-intier tiegħu.

    67

    Barra minn hekk, mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, ikkunsidrat flimkien mal-erbgħa u għoxrin premessa tagħha, jirriżulta li din id-direttiva għandha wkoll l-għan li tiddiswadi lill-bejjiegħa jew fornituri milli jużaw klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi.

    68

    Minn dan isegwi li l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ regoli nazzjonali li jirregolaw il-konsegwenzi prattiċi tan-nullità ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju minħabba l-preżenza ta’ klawżoli inġusti tiddependi mill-kwistjoni dwar jekk dawn ir-regoli, minn naħa, jippermettux li terġa’ tiġi stabbilita fid-dritt u fil-fatt is-sitwazzjoni tal-konsumatur li kien ikun fiha fl-assenza ta’ dan il-kuntratt u, min-naħa l-oħra, ma jikkompromettux l-effett dissważiv imfittex mid-Direttiva 93/13.

    69

    F’dan il-każ, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-possibbiltà li konsumatur jinvoka, fil-każ ta’ annullament ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju, krediti li jmorru lil hinn mir-rimbors tal-menswalitajiet imħallsa u tal-ispejjeż imħallsa abbażi tal-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt kif ukoll, jekk ikun il-każ, tal-ħlas tal-interessi moratorji bir-rata legali mill-intimazzjoni, ma jidhirx, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, li tali possibbiltà tikkomprometti l-għanijiet imsemmija fil-punt 68 ta’ din is-sentenza.

    70

    F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża li hija adita biha, jekk ir-regoli nazzjonali rilevanti jippermettux l-istabbiliment mill-ġdid fid-dritt u fil-fatt tas-sitwazzjoni tal-konsumatur li kien ikun fiha fl-assenza ta’ dan il-kuntratt.

    71

    F’dak li jirrigwarda l-effett dissważiv imfittex mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, għandu jiġi rrilevat li l-possibbiltà msemmija fil-punt 69 ta’ din is-sentenza tista’ tikkontribwixxi sabiex tiddiswadi lill-bejjiegħa jew fornituri milli jinkludu klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi, sa fejn l-inklużjoni ta’ tali klawżoli twassal għan-nullità ta’ kuntratt fl-intier tiegħu tista’ twassal għal konsegwenzi finanzjarji li jeċċedu l-ħlas lura tal-ammonti mħallsa mill-konsumatur u, jekk ikun il-każ, il-ħlas tal-interessi moratorji.

    72

    Għandu jingħad ukoll li l-adozzjoni, mill-qorti kompetenti, ta’ miżuri bħal dawk imsemmija fil-punt 69 ta’ din is-sentenza ma tistax titqies li tmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali peress li tikkostitwixxi l-implimentazzjoni konkreta tal-projbizzjoni tal-klawżoli inġusti prevista mid-Direttiva 93/13.

    73

    Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta dan id-dritt ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Marzu 2013, Aziz, C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 74, u tat‑8 ta’ Diċembru 2022, BTA Baltic Insurance Company, C‑769/21, EU:C:2022:973, punt 34). Konsegwentement, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża prinċipali, jekk, u sa fejn, il-fatt li jintlaqgħu l-pretensjonijiet tal-konsumatur, bħal dawk imsemmija fil-punt 69 ta’ din is-sentenza, jeċċedix dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fil-punt 68 ta’ din is-sentenza.

    74

    Minn dan isegwi li, fil-kuntest tal-annullament fl-intier tiegħu ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju minħabba li dan ma jistax jibqa’ jeżisti wara t-tneħħija tal-klawżoli inġusti li jinsabu fih, id-Direttiva 93/13 ma tipprekludix interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li tgħid li l-konsumatur għandu d-dritt jitlob lill-istituzzjoni ta’ kreditu kumpens li jmur lil hinn mir-rimbors tal-menswalitajiet imħallsa u tal-ispejjeż imħallsa abbażi tal-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt kif ukoll il-ħlas tal-interessi moratorji bir-rata legali b’effett mill-intimazzjoni, sakemm l-għanijiet tad-Direttiva 93/13 u l-prinċipju ta’ proporzjonalità jiġu osservati.

    75

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-pretensjonijiet tal-bejjiegħ jew fornitur fir-rigward tal-konsumatur, għandu jiġi rrilevat li, bħall-possibbiltà għal konsumatur li jinvoka krediti li jirriżultaw min-nullità tal-kuntratt ta’ self ipotekarju, tali pretensjonijiet jistgħu jiġu aċċettati biss jekk dawn ma jikkompromettux l-għanijiet invokati fil-punt 68 ta’ din is-sentenza.

    76

    Issa, l-għoti lil istituzzjoni ta’ kreditu tad-dritt li jitlob lill-konsumatur kumpens li jmur lil hinn mir-rimbors tal-kapital imħallas għall-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt kif ukoll, jekk ikun il-każ, mill-ħlas ta’ interessi moratorji jista’ jqiegħed inkwistjoni l-effett dissważiv imfittex mid-Direttiva 93/13, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħu.

    77

    Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tippreċiża, f’kuntest ieħor, li, jekk il-qorti nazzjonali tkun tista’ tirrevedi l-kontenut tal-klawżoli inġusti li jinsabu f’tali kuntratti, tali possibbiltà tkun tista’ tippreġudika t-twettiq tal-għan fit-tul imsemmi fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13. Fil-fatt, din il-fakultà tkun tikkontribwixxi sabiex telimina l-effett dissważiv eżerċitat fuq il-bejjiegħa jew fornituri bil-pur u sempliċi nuqqas ta’ applikazzjoni, fir-rigward tal-konsumatur, ta’ tali klawżoli inġusti, sa fejn dawn jibqgħu bit-tentazzjoni li jużaw l-imsemmija klawżoli, filwaqt li jkunu jafu li, anki kieku dawn kellhom jiġu ddikjarati invalidi, il-kuntratt jista’ madankollu jiġi kkompletat, sa fejn ikun neċessarju, mill-qorti nazzjonali b’mod li jiggarantixxi l-interessi tal-imsemmija bejjiegħa jew fornituri (sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito, C-618/10, EU:C:2012:349, punt 69).

    78

    Bl-istess mod, interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li tgħid li l-istituzzjoni ta’ kreditu jkollha d-dritt li titlob lill-konsumatur kumpens li jmur lil hinn mir-rimbors tal-kapital imħallas abbażi tal-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt u, għaldaqstant, li tirċievi remunerazzjoni għall-użu ta’ dan il-kapital mill-konsumatur, tikkontribwixxi sabiex jiġi eliminat l-effett dissważiv eżerċitat fuq il-bejjiegħ jew il-fornitur permezz tal-annullament tal-imsemmi kuntratt.

    79

    Barra minn hekk, l-effettività tal-protezzjoni mogħtija lill-konsumaturi mid-Direttiva 93/13 tkun kompromessa jekk dawn kienu, meta jinvokaw id-drittijiet tagħhom ibbażati fuq din id-direttiva, esposti għar-riskju li jkollhom iħallsu tali kumpens. Kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 61 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali interpretazzjoni tirriskja li toħloq sitwazzjonijiet li fihom ikun iktar vantaġġuż, għall-konsumatur, li jkompli bl-eżekuzzjoni tal-kuntratt li jinkludi klawżola inġusta iktar milli jeżerċita d-drittijiet li jislet mill-imsemmija direttiva.

    80

    Dan ir-raġunament ma jistax jiġi kkontestat mill-argumenti ta’ Bank M. li jgħidu li fl-assenza tal-possibbiltà għall-bejjiegħa jew il-fornituri li jitolbu kumpens li jmur lil hinn mir-rimbors tal-kapital imħallas abbażi tal-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt kif ukoll, jekk ikun il-każ, mill-ħlas ta’ interessi moratorji, il-konsumaturi jiksbu self “mingħajr ħlas”. Lanqas ma jista’ jiġi kkontestat mill-argumenti ta’ Bank M. u tal-Przewodniczący Komisji Nadzoru Finansowego (il-President tal-Awtorità ta’ Sorveljanza Finanzjarja, il-Polonja), li jgħidu li l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji tkun mhedda jekk il-banek ma jkunux jistgħu jitolbu tali kumpens mingħand il-konsumaturi.

    81

    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, konformement mal-prinċipju nemo auditur propriam turpitudinem allegans (ħadd ma jista’ jinvoka t-turpitudini tiegħu stess), ma jistax jiġi ammess la li parti tikseb vantaġġi ekonomiċi mill-aġir illegali tagħha, u lanqas li din tiġi kkumpensata għall-iżvantaġġi kkawżati minn tali aġir.

    82

    F’dan il-każ, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali, fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-annullament eventwali tal-kuntratt ta’ self ipotekarju huwa konsegwenza tal-użu ta’ klawżoli inġusti minn Bank M. Għaldaqstant, hija ma tistax tiġi kkumpensata għat-telf ta’ profitt analogu għal dak li hija kienet tistenna li tikseb mill-imsemmi kuntratt.

    83

    Fit-tieni lok, kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-argument dwar l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji ma huwiex rilevanti fil-kuntest tal-interpretazzjoni tad-Direttiva 93/13 li hija intiża li tipproteġi lill-konsumaturi. Barra minn hekk, ma jistax jiġi aċċettat li l-bejjiegħa jew il-fornituri jistgħu jevitaw l-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 93/13 għal raġuni ta’ żamma tal-istabbiltà tas-swieq finanzjarji. Fil-fatt, huma l-istituzzjonijiet bankarji li għandhom jorganizzaw l-attivitajiet tagħhom b’mod konformi ma’ din id-direttiva.

    84

    Konsegwentement, fil-kuntest tal-annullament fl-intier tiegħu ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju minħabba li dan ma jistax jibqa’ jeżisti wara t-tneħħija tal-klawżoli inġusti li jinsabu fih, id-Direttiva 93/13 tipprekludi interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li tgħid li l-istituzzjoni ta’ kreditu għandha dritt titlob lill-konsumatur kumpens li jmur lil hinn mir-rimbors tal-kapital imħallas abbażi tal-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt kif ukoll mill-ħlas tal-interessi moratorji bir-rata legali b’effett mill-intimazzjoni.

    85

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandha tingħata risposta għad-domanda magħmula li, fil-kuntest tal-annullament fl-intier tiegħu ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju minħabba li dan ma jistax jibqa’ jeżisti wara t-tneħħija tal-klawżoli inġusti, l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

    ma jipprekludix interpretazzjoni ġudizzjarja tad-dritt nazzjonali fis-sens li l-konsumatur għandu d-dritt jitlob lill-istituzzjoni ta’ kreditu kumpens li jmur lil hinn mir-rimbors tal-menswalitajiet imħallsa u tal-ispejjeż imħallsa abbażi tal-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt kif ukoll mill-ħlas tal-interessi moratorji bir-rata legali mill-intimazzjoni, sakemm l-għanijiet tad-Direttiva 93/13 u l-prinċipju ta’ proporzjonalità jiġu osservati u

    jipprekludu interpretazzjoni ġudizzjarja tad-dritt nazzjonali fis-sens li l-istituzzjoni ta’ kreditu għandha d-dritt titlob lill-konsumatur kumpens li jmur lil hinn mir-rimbors tal-kapital imħallas abbażi tal-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt kif ukoll mill-ħlas tal-interessi moratorji bir-rata legali mill-intimazzjoni.

    Fuq l‑ispejjeż

    86

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    Fil-kuntest tal-annullament fl-intier tiegħu ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju minħabba li dan ma jistax jibqa’ jeżisti wara t-tneħħija tal-klawżoli inġusti,

     

    l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur,

     

    għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

     

    ma jipprekludix interpretazzjoni ġudizzjarja tad-dritt nazzjonali fis-sens li l-konsumatur għandu d-dritt jitlob lill-istituzzjoni ta’ kreditu kumpens li jmur lil hinn mir-rimbors tal-menswalitajiet imħallsa u tal-ispejjeż imħallsa abbażi tal-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt kif ukoll mill-ħlas tal-interessi moratorji bir-rata legali mill-intimazzjoni, sakemm l-għanijiet tad-Direttiva 93/13 u l-prinċipju ta’ proporzjonalità jiġu osservati u

    jipprekludu interpretazzjoni ġudizzjarja tad-dritt nazzjonali fis-sens li l-istituzzjoni ta’ kreditu għandha d-dritt titlob lill-konsumatur kumpens li jmur lil hinn mir-rimbors tal-kapital imħallas abbażi tal-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt kif ukoll mill-ħlas tal-interessi moratorji bir-rata legali mill-intimazzjoni.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

    Top