Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0215

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tat-22 ta’ Settembru 2022.
    Zulima vs Servicios prescriptor y medios de pagos EFC SAU.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Juzgado de Primera Instancia de Las Palmas de Gran Canaria.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Kuntratt ta’ kreditu miftuħ – Natura inġusta tal-klawżola dwar ir-rata ta’ interessi remuneratorji – Rikors ippreżentat minn konsumatur intiż sabiex tiġi kkonstatata n-nullità ta’ dan il-kuntratt – Sodisfazzjon extraġudizzjarju tat-talbiet ta’ dan il-konsumatur – Spejjeż sostnuti mill-imsemmi konsumatur – Prinċipju ta’ effettività – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tista’ tiskoraġġixxi lill-istess konsumatur milli jeżerċita d-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 93/13/KEE.
    Kawża C-215/21.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:723

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

    22 ta’ Settembru 2022 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Kuntratt ta’ kreditu miftuħ – Natura inġusta tal-klawżola dwar ir-rata ta’ interessi remuneratorji – Rikors ippreżentat minn konsumatur intiż sabiex tiġi kkonstatata n-nullità ta’ dan il-kuntratt – Sodisfazzjon extraġudizzjarju tat-talbiet ta’ dan il-konsumatur – Spejjeż sostnuti mill-imsemmi konsumatur – Prinċipju ta’ effettività – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tista’ tiskoraġġixxi lill-istess konsumatur milli jeżerċita d-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 93/13/KEE”

    Fil-Kawża C‑215/21,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de Primera Instancia no 2 de Las Palmas de Gran Canaria (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 2 ta’ Las Palmas de Gran Canarie, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Marzu 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ April 2021, fil-proċedura

    Zulima

    vs

    Servicios Prescriptor y Medios de Pagos EFC SAU,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

    komposta minn S. Rodin (Relatur), President tal-Awla, J.-C. Bonichot u L. S. Rossi, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Zulima, minn M. F. M. Montesdeoca Santana, procurador, u Y. Pulido González, abogada,

    għall-Gvern Spanjol, minn J. Rodríguez de la Rúa Puig, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Baquero Cruz u N. Ruiz García, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Zulima u Servicios Prescriptor y Medios de Pagos EFC SAU, organu ta’ kreditu li qabel kien jissejjaħ “Evofinance EFC SAU”, dwar l-ispejjeż sostnuti fil-kuntest ta’ proċedura mibdija mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali intiża sabiex tiġi kkonstatata n-nullità ta’ kuntratt ta’ kreditu għall-konsum li jiġġedded minħabba, b’mod partikolari, in-natura inġusta ta’ waħda mill-klawżoli tiegħu.

    Il‑kuntest ġuridiku

    Id‑dritt tal‑Unjoni

    3

    L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprevedi:

    “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

    4

    L-Artikolu 7(1) u (2) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.

    2.   Il-mezzi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu disposizzjonijiet li bihom persuni jew organizzazzjonijiet, li jkollhom interess leġittimu skond il-liġi nazzjonali li jipproteġu lill-konsumaturi, ikunu jistgħu jieħdu azzjoni skond il-liġi nazzjonali kkonċernata quddiem il-qrati jew quddiem korpi amministrattivi kompetenti għal deċiżjoni dwar jekk il-klawżoli kuntrattwali ppreparati għal-użu ġenerali jkunux inġusti, biex ikunu jistgħu japplikaw mezzi xierqa u effettivi biex jipprevjenu li jkomplu jintużaw dawn il-klawżoli.”

    Id‑dritt Spanjol

    5

    L-Artikolu 1303 tal-Código Civil (il-Kodiċi Ċivili) jipprevedi:

    “Meta obbligu stipulat f’kuntratt jiġi ddikjarat null, il-kontraenti għandhom jirrestitwixxu lil xulxin l-affarijiet li kienu s-suġġett ta’ dan il-kuntratt, il-frott prodott minnhom u l-prezz imħallas bħala korrispettiv ta’ dawn l-affarijiet, flimkien mal-interessi, ħlief fil-każijiet previsti fl-artikoli li ġejjin.”

    6

    L-Artikolu 22 tal-Ley 1/2000, de Enjuiciamiento Civil (il-Liġi 1/2000, dwar il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili), tas‑7 ta’ Jannar 2000 (BOE Nru 7, tat‑8 ta’ Jannar 2000, p. 575), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“LEC”), intitolat “Terminazzjoni tal-proċedura minħabba sodisfazzjon extraġudizzjarju jew it-tmiem tas-suġġett tal-kawża. Każ speċjali ta’ treġġigħ lura ta’ żgumbrament”, jipprevedi:

    “1.   Jekk, minħabba ċirkustanzi sussegwenti għal rikors jew għal kontrotalba, ma jkunx għad baqa’ interess leġittimu li tinkiseb il-protezzjoni ġudizzjarja mitluba, peress li t-talbiet tar-rikorrent u, jekk ikun il-każ, tal-parti li tkun ressqet din il-kontrotalba jkunu ġew issodisfatti mingħajr il-proċedura jew għal kwalunkwe raġuni oħra, il-partijiet jiġu informati dwar dan u, bil-kunsens tagħhom, il-Letrado de la Administración de Justicia (ir-Reġistratur) jordna l-għeluq tal-proċedura, mingħajr ma jkun hemm lok li parti jew oħra tiġi kkundannata għall-ispejjeż tal-kawża.

    2.   Jekk waħda mill-partijiet issostni li tali interess leġittimu jibqa’ jeżisti, billi ssostni b’mod motivat li t-talbiet tagħha ma ġewx issodisfatti b’mod extraġudizzjarju jew billi tinvoka argumenti oħra, ir-Reġistratur jistieden lill-partijiet, f’terminu ta’ għaxart ijiem, sabiex jidhru quddiem il-qorti, li tiddeċiedi fuq din il-kwistjoni biss.

    Fi tmiem tali dehra, il-qorti għandha tiddeċiedi, permezz ta’ digriet, fi żmien għaxart ijiem minn din tal-aħħar, jekk hemmx lok jew le li tkompli l-proċedura, billi tikkundanna lil dak li t-talba tiegħu tkun ġiet miċħuda għall-ispejjeż tal-kawża.

    3.   Id-digriet li jordna t-tkomplija tal-proċedura ma jistax jiġi kkontestat. Hija biss id-deċiżjoni li tingħalaq il-proċedura li tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors.”

    7

    L-Artikolu 394(1) tal-LEC jipprevedi:

    “1.   Fil-proċeduri ta’ dikjarazzjoni, l-ispejjeż fl-ewwel istanza jaqgħu fuq il-parti li t-talbiet kollha tagħha ġew miċħuda, ħlief jekk il-qorti tevalwa, billi tiġġustifikah debitament, li l-kawża tqajjem dubji serji ta’ fatt jew ta’ liġi.

    Sabiex jiġi evalwat, għall-finijiet ta’ kundanna għall-ispejjeż, jekk il-kawża kinitx tqajjem dubji serji ta’ liġi, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza stabbilita f’kawżi simili.”

    8

    L-Artikolu 395(1) u (2) tal-LEC jipprevedi:

    “1.   Meta jkun hemm qbil għat-talba qabel kull kontestazzjoni, ma hemmx lok li ssir il-kundanna ta’ waħda mill-partijiet għall-ispejjeż tal-kawża, sakemm il-qorti ma tikkonstatax, b’mod debitament motivat, il-mala fide tal-konvenut.

    Il-mala fide tal-konvenut titqies li teżisti jekk, qabel it-tressiq tat-talba, ir-rikorrent ikun bagħatlu intimazzjoni għall-ħlas probatorju u ġġustifikat, jekk tkun inbdiet proċedura ta’ medjazzjoni jew jekk il-konvenut ikun ġie msejjaħ għal konċiljazzjoni.

    2.   Meta l-kunsens għat-talba jsir wara li din tal-aħħar tkun ġiet ikkontestata, japplika l-paragrafu 1 tal-artikolu preċedenti.”

    Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

    9

    Fil‑21 ta’ Settembru 2016, il-partijiet fil-kawża prinċipali kkonkludew kuntratt ta’ kreditu għall-konsum li jiġġedded. Fix-xahar ta’ Marzu 2020, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali intimat lill-konvenuta fil-kawża prinċipali xxolji dan il-kuntratt ta’ kreditu u tħallasha lura s-somom li din tal-aħħar kienet irċeviet indebitament, billi kkunsidrat li l-interessi tal-imsemmi kuntratt ta’ kreditu kienu użwarji. Il-konvenuta fil-kawża prinċipali rrifjutat li tagħti segwitu għal din l-ittra ta’ intimazzjoni.

    10

    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali adixxiet ukoll lill-qorti tar-rinviju b’rikors intiż sabiex tiġi kkonstatata n-nullità tal-istess kuntratt ta’ kreditu. Prinċipalment, hija invokat in-natura użwarja, fis-sens tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, tar-rata tal-interessi prevista minnha u talbet ir-rimbors tas-somom imħallsa li jeċċedu l-kapital misluf b’applikazzjoni ta’ din ir-rata ta’ interessi. Sussidjarjament, hija invokat in-natura inġusta, fis-sens tad-Direttiva 93/13, tal-klawżola dwar ir-rata ta’ interessi remuneratorji, minħabba l-assenza ta’ trasparenza.

    11

    Il-Qorti tar-rinviju ddikjarat dan ir-rikors ammissibbli. Fit-terminu mogħti lill-konvenuta fil-kawża prinċipali sabiex tifformula l-osservazzjonijiet tagħha fir-rigward tal-imsemmi rikors, din tal-aħħar talbet it-tħassir tal-kawża, billi sostniet li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet kisbet sodisfazzjon, fir-rigward tat-talbiet tagħha, b’mod extraġudizzjarju, u li hija kienet xoljiet il-kuntratt ta’ kreditu li jiġġedded ikkonċernat, fejn indikat li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma setgħetx iktar twettaq tranżazzjoni bil-karta ta’ kreditu korrispondenti, u li hija kienet ħassret il-bilanċ dovut relatat mal-interessi u kummissjonijiet oħra. Il-konvenuta fil-kawża prinċipali talbet ukoll li ma tiġix ordnata tbati l-ispejjeż. Fil-fatt, skont l-Artikolu 22(1) tal-LEC, jekk it-talbiet jiġu ssodisfatti barra mill-proċedura, din tal-aħħar hija bħala prinċipju magħluqa mingħajr ma jkun hemm lok li ssir il-kundanna ta’ waħda mill-partijiet jew tal-parti l-oħra għall-ispejjeż tal-kawża.

    12

    Permezz tal-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal‑11 ta’ Settembru 2020, il-qorti tar-rinviju nnotifikat lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali bit-talba għat-tħassir, imressqa mill-konvenuta fil-kawża prinċipali u bbażata fuq it-telf tal-interess leġittimu ta’ din ir-rikorrenti li tikseb protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

    13

    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sostniet li din it-talba għal tħassir kienet infondata, peress li l-konvenuta fil-kawża prinċipali, fil-fehma tagħha, ma ssodisfatx it-talbiet kollha tagħha, b’mod partikolari d-dikjarazzjoni ta’ nullità tal-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum li jiġġedded ikkonċernat minħabba l-użu u l-ħlas tal-ispejjeż. Barra minn hekk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali enfasizzat li, qabel ma ppreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju, hija kienet intimat lill-konvenuta fil-kawża prinċipali sabiex ixxolji dan il-kuntratt ta’ kreditu u tirrimborsaha s-somom imħallsa bħala interessi.

    14

    Fid-dawl ta’ tali nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali, dawn tal-aħħar ġew mistiedna jidhru quddiem il-qorti tar-rinviju, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tal-LEC. Wara li semgħet dawn il-partijiet fl-osservazzjonijiet tagħhom u eżaminat il-provi prodotti minnhom, din il-qorti kkonstatat li t-talbiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu ġew issodisfatti barra mill-proċedura, sa fejn il-konvenuta fil-kawża prinċipali kienet xoljiet il-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum rinnovabbli kkonċernat u rrimborsat is-somom imħallsa indebitament. Barra minn hekk, hija kkonstatat, minn naħa, li qabel ma ppreżentat ir-rikors quddiemha, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet intimat diversi drabi lill-konvenuta fil-kawża prinċipali permezz ta’ faks mibgħut minn uffiċċju tal-posta u li d-data jew il-kontenut tiegħu huma awtentiċi (Burofax) sabiex tikseb ir-rexissjoni ta’ dan il-kuntratt ta’ kreditu u r-rimbors tas-somom li hija kienet ħallset indebitament kif ukoll, min-naħa l-oħra, li l-konvenuta fil-kawża prinċipali kienet irrifjutat li teżegwixxih.

    15

    Peress li t-talbiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ġew issodisfatti barra mill-ambitu mill-proċedura, il-qorti tar-rinviju tosserva li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata, hija ma hijiex awtorizzata tikkundanna lil waħda mill-partijiet jew lill-oħra għall-ispejjeż. Barra minn hekk, hija tindika li lanqas ma hija awtorizzata tieħu inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ intimazzjoni preċedenti għall-preżentata tar-rikors li ta lok għall-kawża prinċipali sabiex tevalwa l-eventwali mala fide tal-konvenuta fil-kawża prinċipali u tikkundanna lil din tal-aħħar għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali. F’dan il-kuntest, sa fejn ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandha l-kwalità ta’ “konsumatur”, fis-sens tad-Direttiva 93/13, u sa fejn, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, din il-parti tfittex li tinvoka drittijiet ibbażati fuq din id-direttiva, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-konformità ta’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali mal-imsemmija direttiva.

    16

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de Primera Instancia no2 de Las Palmas de Gran Canaria (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 2 ta’ Las Palmas de Gran Canaria, Spanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “Fil-kuntest tar-rikorsi tal-konsumaturi fil-konfront ta’ klawżoli inġusti, bbażati fuq id-Direttiva 93/13/KE u fil-każ fejn tintlaħaq soluzzjoni ekstraġudizzjarja, l-Artikolu 22 tal-[LEC] jipprevedi li l-konsumaturi għandhom isostnu l-ispejjeż tal-proċedura mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tal-azzjonijiet preċedenti tal-bejjiegħ jew fornitur li ma tax widen għall-intimazzjonijiet preċedenti. Din ir-regola proċedurali Spanjola tikkostitwixxi ostakolu sinjifikattiv li jista’ jiddiswadi lill-konsumaturi milli jeżerċitaw id-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżola kuntrattwali, li jmur kontra l-prinċipju ta’ effettività u kontra l-Artikoli 6(1) u 7(1) tad-Direttiva 93/13?”

    Fuq il‑ġurisdizzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

    17

    Preliminarjament, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Gvern Spanjol iqajmu n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tieħu konjizzjoni tad-domanda magħmula, sa fejn is-sitwazzjoni ġuridika li tat lok għall-kawża prinċipali ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

    18

    Skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha teżamina l-kundizzjonijiet li fihom hija tkun adita mill-qorti nazzjonali sabiex tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha stess (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, The Department for Communities in Northern Ireland, C‑709/20, EU:C:2021:602, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    19

    F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 19(3)(b) TUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew dwar il-validità tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE jippreċiża, essenzjalment, li meta domanda li tkun tista’ tkun suġġett ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari titqajjem f’kawża pendenti quddiem qorti ta’ Stat Membru, din il-qorti tista’, jekk tqis li deċiżjoni dwar dan il-punt tkun neċessarja sabiex tagħti d-deċiżjoni tagħha, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar din il-kwistjoni (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, The Department for Communities in Northern Ireland, C‑709/20, EU:C:2021:602, punt 46).

    20

    F’dan il-każ, ċertament, is-sistema ta’ tqassim tal-ispejjeż ikkonċernat hija applikabbli għall-proċeduri mibdija quddiem il-qrati Spanjoli u għaldaqstant taqa’ bħala prinċipju taħt id-dritt proċedurali Spanjol.

    21

    Madankollu, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li s-suġġett tal-kawża prinċipali jaqa’ f’qasam irregolat mid-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, din it-tilwima tirrigwarda n-natura inġusta, fis-sens tad-Direttiva 93/13, ta’ diversi klawżoli ta’ kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur u, permezz tad-domanda magħmula, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni tad-dritt proċedurali nazzjonali li tirregola t-tqassim tal-ispejjeż, jiġifieri l-Artikolu 22 tal-LEC. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina jekk tali dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tistax tikkostitwixxi ostakolu sostanzjali li jista’ jiskoraġġixxi lill-konsumaturi milli jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom, bi ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività. L-eżerċizzju tad-drittijiet tal-konsumaturi, ibbażati fuq id-Direttiva 93/13, jiddependi fuq id-dritt proċedurali tal-Istati Membri. Għalhekk, id-dritt proċedurali nazzjonali kkonċernat jista’ jkollu influwenza kruċjali fuq l-effettività tad-dritt tal-Unjoni.

    22

    Fil-fatt, imsejħa sabiex teżamina l-kontenut tal-proċeduri ta’ ordni ta’ ħlas, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li l-ispejjeż li ġġib magħha azzjoni ġudizzjarja jistgħu jiddisswadu lill-konsumaturi milli jressqu l-oppożizzjoni meħtieġa minn dawn it-tip ta’ proċeduri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito, C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 54, tat‑18 ta’ Frar 2016, Finanmadrid EFC, C‑49/14, EU:C:2016:98, punt 52, u tat‑13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska, C‑176/17, EU:C:2018:711, punt 69).

    23

    Issa, għalkemm l-implimentazzjoni tas-sistemi ta’ tqassim tal-ispejjeż taqa’ taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar, il-modalitajiet ta’ din l-implimentazzjoni għandhom madankollu jissodisfaw kundizzjoni doppja. Għalhekk, huma ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti fid-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas ma għandhom jagħmlu impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-konsumaturi mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, Sánchez Morcillo u Abril García, C‑169/14, EU:C:2014:2099, punt 31).

    24

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi fuq it-talba għal deċiżjoni preliminari.

    Fuq l‑ammissibbiltà tad‑domanda preliminari

    25

    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Gvern Spanjol jipproponu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddikjara li d-domanda magħmula hija inammissibbli, peress li din il-kwistjoni diġà ġiet deċiża fil-ġurisprudenza nazzjonali. Din il-ġurisprudenza tippermetti li jiġi applikat “kriterju ta’ korrezzjoni” li jippermetti li tittieħed inkunsiderazzjoni l-eventwali mala fide tal-professjonist u konvenut fl-istanza u, f’dan il-każ, li dan tal-aħħar jiġi kkundannat għall-ispejjeż, anki fil-każ ta’ sodisfazzjon extraġudizzjarju tat-talbiet tar-rikorrent.

    26

    F’dan ir-rigward għandu jitfakkar qabel xejn li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll biex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali. Bl-istess mod, hija biss il-qorti nazzjonali, li hija adita bil-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li tista’ tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li din tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito, C‑618/10,EU:C:2012:349, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    27

    Għalhekk, ir-rifjut mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jidher b’mod evidenti li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda konnessjoni mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito, C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    28

    Dan ma huwiex manifestament il-każ f’din il-kawża.

    29

    Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat f’dan ir-rigward li t-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 u hija intiża sabiex tippermetti lill-qorti tar-rinviju tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 22 tal-LEC, kif interpretat mill-qrati nazzjonali, ma’ dawn id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

    30

    Barra minn hekk, mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, skont l-Artikolu 22 tal-LEC, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li hija konsumatur kopert mid-Direttiva 93/13, tirriskja li jkollha tbati l-ispejjeż relatati mar-rikors li hija ppreżentat kontra klawżoli inġusti tal-kuntratt ta’ kreditu li jiġġedded ikkonċernat minkejja l-fatt li kisbet sodisfazzjon fil-mertu permezz ta’ rimedju extraġudizzjarju mingħand l-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata.

    31

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi kkunsidrat li d-domanda magħmula hija ammissibbli.

    Fuq il‑mertu

    32

    Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 22 tal-LEC, li skontha, fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja dwar il-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt bejn kummerċjant u konsumatur, fil-każ ta’ sodisfazzjon b’mezzi extraġudizzjarji tat-talbiet tiegħu, dan il-konsumatur għandu jbati l-ispejjeż tiegħu relatati mal-proċeduri ġudizzjarji li jkun ġie kostrett iwettaq sabiex jasserixxi d-drittijiet mogħtija lilu mid-Direttiva 93/13, u dan mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-aġir preċedenti tal-kummerċjant ikkonċernat, li ma tax widen għall-intimazzjonijiet preċedenti li ntbagħtulu mill-imsemmi konsumatur.

    33

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, b’mod konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni speċifika tal-Unjoni f’dan il-qasam, il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-protezzjoni tal-konsumaturi prevista mid-Direttiva 93/13 jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri bis-saħħa tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar. Madankollu, dawn il-modalitajiet ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas ma għandhom ikunu strutturati b’mod li fil-prattika jsir impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2020, Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, C‑224/19 u C‑259/19, EU:C:2020:578, punt 83, kif ukoll tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance, C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    34

    Minn dan jirriżulta li t-tqassim tal-ispejjeż ta’ proċedura ġudizzjarja quddiem il-qrati nazzjonali jaqa’ taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, C‑224/19 u C‑259/19, EU:C:2020:578, punt 95).

    35

    Għal dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ effettività, l-uniku prinċipju inkwistjoni f’din il-kawża, hemm lok li jiġi rrilevat li kull każ li fih tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-partikolaritajiet tagħha, quddiem il-varji istanzi nazzjonali. F’din il-perspettiva, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-prinċipji li fuqhom hija bbażata s-sistema ġudizzjarja nazzjonali, bħall-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment korrett tal-proċedura (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance (C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 28, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    36

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw l-effettività tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni jimplika, b’mod partikolari għad-drittijiet li jirriżultaw mid-Direttiva 93/13, rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, stabbilita wkoll fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, applikabbli, fost oħrajn, f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni tal-modalitajiet proċedurali relatati mal-azzjonijiet ġudizzjarji bbażati fuq tali drittijiet (sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance, C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    37

    Id-Direttiva 93/13 tagħti lill-konsumatur id-dritt li jirrikorri għand qorti sabiex tiġi kkonstatata n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali u sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tagħha. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li t-trattament tat-tqassim tal-ispejjeż jiddependi biss mis-somom imħallsa indebitament u li l-ħlas lura tagħhom huwa ordnat huwa ta’ natura li jiddiswadi lill-konsumatur milli jeżerċita dan id-dritt, fid-dawl tal-ispejjeż li azzjoni legali twassal għalihom (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, C‑224/19 u C‑259/19, EU:C:2020:578, punt 98 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    38

    Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 kif ukoll il-prinċipju ta’ effettività jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu sistema li tippermetti li parti mill-ispejjeż proċedurali tiġi imposta fuq il-konsumatur skont il-livell tas-somom imħallsa indebitament li jitħallsu lura lilu wara l-konstatazzjoni tan-nullità ta’ klawżola kuntrattwali minħabba n-natura inġusta tagħha, peress li tali sistema toħloq ostakolu sostanzjali li jista’ jiskoraġġixxi lill-konsumaturi milli jeżerċitaw id-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli kuntrattwali mogħti mill-imsemmija direttiva (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, C‑224/19 u C‑259/19, EU:C:2020:578, punt 99).

    39

    F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont l-Artikolu 22 tal-LEC, hija ma tistax tikkundanna lill-konvenut fil-kawża prinċipali għall-ispejjeż peress li l-kapijiet tat-talba tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu ġew issodisfatti barra mill-proċedura ġudizzjarja pendenti quddiemha. Skont din il-qorti, dan ikun il-każ ukoll meta jirriżulta li l-konvenut fil-kawża prinċipali kien in mala fide u li, minħabba f’hekk, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kien kostrett jasserixxi d-drittijiet tiegħu permezz ta’ rimedju ġudizzjarju, peress li l-Artikolu 22 tal-LEC ma jippermettix lill-qorti adita tieħu inkunsiderazzjoni tali ċirkustanzi sabiex tidderoga mir-regola ta’ tqassim tal-ispejjeż li huwa jipprevedi.

    40

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tal-proċeduri tipiċi mibdija skont l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, il-konsumatur huwa r-rikorrent u l-konvenut huwa l-kummerċjant jew fornitur, li jimplika li jekk dan tal-aħħar jiddeċiedi li jissodisfa t-talbiet tal-konsumatur barra mill-ambitu tal-proċedura ġudizzjarja, dan il-konsumatur għandu, skont il-leġiżlazzjoni Spanjola deskritta fil-punt preċedenti, dejjem isostni l-ispejjeż ta’ din il-proċedura u dan anki fil-każ fejn il-kummerċjant ikun in mala fide.

    41

    Għandu jiġi kkonstatat li tali leġiżlazzjoni, li tqiegħed tali riskju fuq l-imsemmi konsumatur, toħloq ostakolu sostanzjali li jista’ jiskoraġġixxi lil dan milli jeżerċita id-dritt tiegħu għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv tan-natura potenzjalment inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali li jinsabu fil-kuntratt ikkonċernat u, fl-aħħar mill-aħħar, tikser il-prinċipju ta’ effettività.

    42

    Fl-osservazzjonijiet tiegħu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Spanjol isostni, madankollu, li l-Artikolu 22 tal-LEC jista’ jiġi interpretat b’mod konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw minn dan il-prinċipju. Fil-fatt, dan l-artikolu jista’ jiġi interpretat fis-sens li hija l-qorti nazzjonali li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-eventwali mala fide tal-kummerċjant ikkonċernat u, jekk ikun il-każ, li tikkundanna lil dan tal-aħħar għall-ħlas tal-ispejjeż tal-proċedura ġudizzjarja.

    43

    Għandu jiġi kkunsidrat li tali interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali hija kompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività, sa fejn din tippermetti li l-konsumaturi ma jiġux skoraġġuti milli jeżerċitaw id-drittijiet li d-Direttiva 93/13 tagħtihom. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk tali interpretazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni hijiex possibbli.

    44

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha, fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja relatata mal-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt bejn kummerċjant u konsumatur, fil-każ li t-talbiet tiegħu jiġu ssodisfatti b’mod extraġudizzjarju, il-konsumatur ikkonċernat għandu jbati l-ispejjeż tiegħu, bla ħsara għall-fatt li l-qorti adita tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod obbligatorju, tal-eventwali mala fide tal-kummerċjant ikkonċernat u, jekk ikun il-każ, tikkundanna lil dan tal-aħħar iħallas l-ispejjeż relatati mal-proċeduri legali li dan il-konsumatur ġie kostrett iwettaq sabiex jasserixxi d-drittijiet mogħtija lilu mid-Direttiva 93/13.

    Fuq l‑ispejjeż

    45

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività,

     

    għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

     

    ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha, fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja relatata mal-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt bejn kummerċjant u konsumatur, fil-każ li t-talbiet tiegħu jiġu ssodisfatti b’mod extraġudizzjarju, il-konsumatur ikkonċernat għandu jbati l-ispejjeż tiegħu, bla ħsara għall-fatt li l-qorti adita tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod obbligatorju, tal-eventwali mala fide tal-kummerċjant ikkonċernat u, jekk ikun il-każ, tikkundanna lil dan tal-aħħar iħallas l-ispejjeż relatati mal-proċeduri legali li dan il-konsumatur ġie kostrett iwettaq sabiex jasserixxi d-drittijiet mogħtija lilu mid-Direttiva 93/13.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

    Top