Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0097

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-4 ta’ Mejju 2023.
    MV - 98 vs Nachalnik na otdel „Operativni deynosti“ – Sofia v Glavna direktsia „Fiskalen kontrol“ pri Tsentralno upravlenie na Natsionalna agentsia za prihodite.
    Talba għal deċiżjoni preliminary, imressqa mill-Administrativen sad - Blagoevgrad.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 273 – Nuqqas ta’ għoti ta’ riċevuta fiskali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 50 – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Akkumulazzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi ta’ natura kriminali għall-istess fatt – Artikolu 49(3) – Proporzjonalità tal-pieni – Artikolu 47 – Dritt għal rimedju effettiv – Portata tal-istħarriġ ġudizzjarju dwar l-eżekuzzjoni provviżorja ta’ sanzjoni.
    Kawża C-97/21.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:371

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    4 ta’ Mejju 2023 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 273 – Nuqqas ta’ għoti ta’ riċevuta fiskali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 50 – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Akkumulazzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi ta’ natura kriminali għall-istess fatt – Artikolu 49(3) – Proporzjonalità tal-pieni – Artikolu 47 – Dritt għal rimedju effettiv – Portata tal-istħarriġ ġudizzjarju dwar l-eżekuzzjoni provviżorja ta’ sanzjoni”

    Fil-Kawża C‑97/21,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad – Blagoevgrad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Blagoevgrad, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Frar 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑16 ta’ Frar 2021, fil-kawża

    MV – 98

    vs

    Nachalnik na otdel “Operativni deynosti” – Sofia v Glavna direktsia “Fiskalen kontrol” pri Tsentralno upravlenie na Natsionalna agentsia za prihodite,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, P. G. Xuereb, T. von Danwitz (Relatur), A. Kumin u I. Ziemele, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez‑Bordona,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Gvern Bulgaru, minn M. Georgieva u L Zaharieva, bħala aġenti,

    għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Drambozova, C. Giolito u J. Jokubauskaitė, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 273 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”), kif ukoll tal-Artikolu 47, tal-Artikolu 49(3) u tal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn MV – 98 u n-Nachalnik na otdel “operativni deynosti” – Sofia v Glavna direktsia “Fiskalen kontrol” pri Tsentralno upravlenie na Natsionalna agentsia za prihodite (il-Kap tad-Diviżjoni “Attivitajiet tal-Operat” – il-Belt ta’ Sofija, għad-Direttorat Ġenerali “Kontroll Fiskali” tal-Amministrazzjoni Ċentrali tal-Aġenzija Nazzjonali tad-Dħul Pubbliku, il-Bulgarija), dwar miżura ta’ ssiġillar ta’ proprjetà kummerċjali li fiha MV – 98 kienet biegħet pakkett ta’ sigaretti u naqset milli toħroġ riċevuta fiskali.

    Il‑kuntest ġuridiku

    Id‑dritt tal‑Unjoni

    3

    Skont l-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT, huma suġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) il-kunsinni ta’ oġġetti mwettqa bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali.

    4

    L-Artikolu 273 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

    “L-Istati Membri jistgħu jimponu obbligi oħrajn li jidhrulhom meħtieġa biex jiżguraw il-ġbir korrett ta’ VAT u biex ma ssirx frodi, soġġett għall-ħtieġa ta’ trattament indaqs bejn transazzjonijiet domestiċi u transazzjonijiet li jsiru bejn Stati Membri minn persuni taxxabbli u sakemm dawn l-obbligi, fin-negozju bejn Stati Membri, ma jagħtux lok għal formalitajiet konnessi mal-qsim ta’ fruntieri.

    L-għażla skond l-ewwel paragrafu ma tistax tintuża biex timponi obbligi tal-fatturazzjoni addizzjonali aktar minn dawk stabbiliti fil-Kapitolu 3.”

    Id‑dritt Bulgaru

    Il‑liġi dwar il‑VAT

    5

    L-Artikolu 118(1) taż-Zakon za danak varhu dobavenata stoynost (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud) tal‑21 ta’ Lulju 2006 (DV Nru 63 tal‑4 ta’ Awwissu 2006, p. 8), fil-verżjoni tagħha li tapplika għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-VAT”), jipprovdi:

    “Kull persuna rreġistrata jew le għall-finijiet ta’ din il-liġi hija obbligata li tirreġistra u li żżomm bil-miktub il-kunsinni u l-bejgħ li hija tkun wettqet fi proprjetà kummerċjali billi toħroġ riċevuta fiskali ġġenerata permezz ta’ apparat fiskali (riċevuta tal-cash register) jew ta’ riċevuta iġġenerata permezz ta’ sistema awtomatika integrata ta’ ġestjoni tal-attività kummerċjali (riċevuta tas-sistema), u dan irrispettivament minn jekk jintalabx dokument ieħor ta’ sostenn fiskali. Id-destinatarju għandu jirċievi ir-riċevuta tal-cash register jew ir-riċevuta tas-sistema u jżommhom sakemm joħroġ mill-proprjetà.”

    6

    L-Artikolu 185(1) u (2) ta’ din il-liġi jipprevedi:

    “(1)   In-nuqqas li jinħareġ dokument ta’ sostenn imsemmi fl-Artikolu 118(1) huwa ssanzjonat, għall-persuni fiżiċi li ma humiex negozjanti, b’multa ta’ 100 sa 500 lev Bulgaru [BGN] u, għall-persuni ġuridiċi u n-negozjanti individwali, b’sanzjoni pekunjarja ta’ BGN 500 sa BGN 2000.

    (2)   Minbarra l-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, kull min iwettaq jew jippermetti li jitwettaq ksur imsemmi fl-Artikolu 118 jew f’att normattiv ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, huwa suġġett, fil-każ ta’ persuni fiżiċi li ma humiex negozjanti, għal multa ta’ BGN 300 sa BGN 1000, jew, fil-każ tal-persuni ġuridiċi u n-negozjanti individwali, għal sanzjoni pekunjarja ta’ BGN 3000 sa BGN 10000.

    Fejn l-effett tal-ksur ma jkunx li ma jiġix indikat id-dħul fiskali, għandhom jiġu imposti s-sanzjonijiet previsti fil-paragrafu 1.”

    7

    L-Artikolu 186 tal-imsemmija liġi jipprovdi:

    “(1)   Il-miżura amministrattiva ta’ infurzar ta’ ssiġillar ta’ proprjetà għal perijodu massimu ta’ 30 jum, indipendentement mill-multi jew mis-sanzjonijiet pekunjarji previsti, tapplika għal persuna li:

    1. ma tosservax il-proċedura ta’

    (a) ħruġ ta’ dokument li jservi ta’ prova tal-bejgħ, konformement mal-proċedura għall-kunsinna/għall-bejgħ li jkun hemm qbil dwarha.

    […]

    (3)   Il-miżura amministrattiva ta’ infurzar skont il-paragrafu 1 għandha tiġi applikata permezz ta’ ordni motivata tad-dipartiment tad-dħul jew ta’ uffiċjal awtorizzat minn dan id-dipartiment.

    (4)   Mill-ordni msemmija fil-paragrafu 3 jista’, konformement mal-proċedura prevista mill-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva, isir appell.”

    8

    L-Artikolu 187(1) u (4) ta’ din l-istess liġi huwa fformulat kif ġej:

    “(1)   Fejn tiġi applikata l-miżura amministrattiva ta’ infurzar prevista fl-Artikolu 186(1), l-aċċess għall-proprjetà jew għall-proprjetajiet tal-persuna huwa pprojbit ukoll u l-beni li jinsabu f’din il-proprjetà u fl-imħażen tal-madwar għandhom jitneħħew mill-persuna jew mir-rappreżentant tagħha. Il-miżura tapplika għall-proprjetà jew għall-proprjetajiet fejn ikun ġie kkonstatat il-ksur, inkluż fejn ikunu ġestiti minn terz fil-mument li jingħalqu b’siġilli, jekk dan it-terz ikun jaf li l-proprjetà ser tiġi ssiġillata. L-Aġenzija Nazzjonali tad-Dħul Pubbliku għandha tippubblika fuq il-paġna internet tagħha l-listi ta’ proprjetajiet kummerċjali li għandhom jingħalqu u fejn jinsabu. Il-persuna titqies li taf bl-issiġillar tal-proprjetà, fejn jitqiegħed avviż permanenti ta’ ssiġillar fuq il-post, jew fejn tiġi ppubblikata informazzjoni fuq il-paġna internet tal-amministrazzjoni tad-dħul dwar il-proprjetà kummerċjali li għandha tingħalaq b’siġilli u fejn din tinsab.

    […]

    (4)   Fuq talba tal-persuna li tkun wettqet il-ksur, u bil-kundizzjoni li din tipproduċi l-prova tal-ħlas tal-multa kollha jew tas-sanzjoni pekunjarja, l-awtorità għandha ġġib fi tmiem il-miżura amministrattiva ta’ infurzar li hija tkun imponiet. It-tneħħija tas-siġilli huwa suġġett għall-obbligu ta’ kooperazzjoni min-naħa tal-persuna li tkun wettqet il-ksur. F’każ ta’ reċidiva, it-tneħħija tas-siġilli mill-proprjetà ma għandhiex issir qabel xahar minn meta tiġi ssiġillata.”

    9

    Skont l-Artikolu 188 tal-Liġi dwar il‑VAT:

    “Il-miżura amministrattiva ta’ infurzar imsemmija fl-Artikolu 186(1) hija suġġetta għal eżekuzzjoni provviżorja fil-kundizzjonijiet previsti mill-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva.”

    10

    L-Artikolu 193 ta’ din il-liġi jipprovdi:

    “(1)   Il-liġi dwar il-ksur u s-sanzjonijiet amministrattivi tirregola l-konstatazzjoni tal-ksur ta’ din il-liġi u tal-atti normattivi ta’ applikazzjoni tagħha, l-adozzjoni u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet li jimponu sanzjonijiet amministrattivi, kif ukoll l-appelli li jistgħu jsiru minn dawn id-deċiżjonijiet.

    (2)   Is-sejbiet ta’ ksur għandhom jinħarġu mid-dipartimenti tad-dħul u d-deċiżjonijiet li jimponu sanzjonijiet amministrattivi għandhom jittieħdu mid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Nazzjonali tad-Dħul Pubbliku jew mill-uffiċjal li huwa jkun awtorizza għal dan l-għan.”

    Il‑Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva

    11

    Skont l-Artikolu 6(5) tal-Administrativnoprotsetsualen kodeks (il-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva) (DV Nru 30 tal‑11 ta’ April 2006), fil-verżjoni tagħha li tapplika għall-fatti tal-kawża prinċipali, l-awtoritajiet amministrattivi għandhom iżommu lura milli jadottaw atti u aġir li jistgħu jkunu ta’ preġudizzju manifestament sproporzjonat fid-dawl tal-għan imfittex.

    12

    L-Artikolu 60 ta’ dan il-kodiċi jipprovdi:

    “(1)   L-att amministrattiv jinkludi digriet dwar l-eżekuzzjoni provviżorja tiegħu fejn il-ħajja jew is-saħħa taċ-ċittadini titlob dan, bil-għan li jiġu protetti l-interessi tal-Istat jew tal-pubbliku li jkunu ta’ importanza partikolari, fejn hemm riskju li l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tiġi fix-xejn jew li tiġi mfixkla b’mod kunsiderevoli, jew ir-riskju li d-dewmien fl-eżekuzzjoni jikkawża dannu gravi jew diffiċilment reparabbli, jew ukoll, fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, li jiġu protetti wieħed mill-interessi tagħha li huma ta’ importanza partikolari għaliha. F’din l-aħħar ipoteżi, l-awtorità amministrattiva għandha teżiġi l-garanzija korrispondenti.

    (2)   Id-digriet provviżorju ta’ eżekuzzjoni għandu jkun motivat.

    […]

    (5)   Mid-digriet li jawtorizza jew jirrifjuta l-eżekuzzjoni provviżorja jista’ jsir appell quddiem il-qorti permezz tal-awtorità amministrattiva f’terminu ta’ tlett ijiem mid-data tan-notifika tad-digriet, irrispettivament minn jekk l-att amministrattiv ikunx ġie appellat jew le.

    (6)   L-appell għandu jiġi eżaminat kemm jista’ jkun malajr quddiem l-Awla tal-Kunsill mingħajr ma jiġu nnotifikati kopji tal-appell lill-partijiet. L-appell ma jissospendix l-eżekuzzjoni provviżorja, iżda l-qorti tista’ tissospendi l-eżekuzzjoni provviżorja sakemm tiddeċiedi l-appell b’mod definittiv.

    (7)   Fejn tannulla d-digriet appellat, il-qorti għandha tiddeċiedi fuq il-mertu. Jekk l-eżekuzzjoni provviżorja tiġi annullata, l-awtorità amministrattiva għandha tirristawra s-sitwazzjoni kif eżistiet qabel l-eżekuzzjoni.

    (8)   Mid-digriet tal-qorti jista’ jsir appell.”

    13

    Skont il-punt 1 tal-Artikolu 128(1) tal-imsemmi kodiċi, il-qrati amministrattivi għandhom ġurisdizzjoni sabiex jisimgħu kawżi intiżi sabiex jiksbu, b’mod partikolari, ir-riforma jew l-annullament tal-atti amministrattivi.

    14

    L-Artikolu 166 tal-imsemmi kodiċi, intitolat “Sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-att amministrattiv”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

    “(1)   L-appell jissospendi l-eżekuzzjoni tal-att amministrattiv.

    (2)   F’kull stadju tal-proċedura sal-mument li fih is-sentenza ssir definittiva, il-Qorti tista’, fuq talba tar-rikorrent, tissospendi l-eżekuzzjoni provviżorja, awtorizzata b’digriet finali tal-awtorità awtriċi tal-att imsemmi fl-Artikolu 60(1), jekk l-eżekuzzjoni provviżorja tista’ tikkawża dannu gravi jew diffiċilment reparabbli lir-rikorrent. […]”

    Il‑Liġi dwar il‑Ksur u s-Sanzjonijiet Amministrattivi

    15

    Skont l-Artikolu 22 taż-Zakon za administrativnite narushenia i nakazania (il-Liġi dwar il-Ksur u s-Sanzjonijiet Amministrattivi) (DV Nru 92 tat‑28 ta’ Novembru 1969), fil-verżjoni tagħha li tapplika għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Ksur u s-Sanzjonijiet Amministrattivi”), jistgħu jiġu applikat miżuri amministrattivi ta’ infurzar sabiex jiġi evitat u sabiex jitwaqqaf il-ksur amministrattiv, kif ukoll sabiex jiġu evitati u eliminati l-konsegwenzi dannużi tiegħu.

    16

    L-Artikolu 27(1), (2), (4) u (5) ta’ din il-liġi jipprevedi:

    “(1)   Is-sanzjoni amministrattiva hija stabbilita konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi fil-limiti previsti għall-ksur li jkun twettaq.

    (2)   Fid-determinazzjoni tas-sanzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni s-severità tal-ksur, ir-raġunijiet li għalihom ikun twettaq u ċirkustanzi oħra attenwanti u aggravanti, kif ukoll is-sitwazzjoni finanzjarja tal-awtur.

    […]

    (4)   Ħlief fil-każijiet previsti fl-Artikolu 15(2), is-sanzjonijiet marbuta mal-ksur ma jistgħux jiġu ssostitwiti b’sanzjonijiet ta’ natura inqas severa.

    (5)   Lanqas ma huwa awtorizzat li tiġi ffissata sanzjoni taħt il-minimu previst, sew jekk tkun multa u sew jekk tkun ċaħda temporanja tad-dritt li tiġi eżerċitata professjoni jew attività partikolari.”

    17

    Konformement mal-Artikolu 59 tal-imsemmija liġi, mid-deċiżjoni ta’ sanzjoni amministrattiva jista’ jsir appell quddiem ir-Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali) f’terminu ta’ ġimgħa min-notifika tagħha.

    Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

    18

    MV – 98, li l-attività prinċipali tagħha hija x-xiri u l-bejgħ mill-ġdid ta’ oġġetti, bħalma huma s-sigaretti, topera, għal dan l-għan, proprjetà kummerċjali f’Gotse Delchev (il-Bulgarija).

    19

    Fid‑9 ta’ Ottubru 2019, waqt kontroll imwettaq f’din il-proprjetà kummerċjali, l-amministrazzjoni fiskali Bulgara kkonstatat li MV – 98 kienet naqset milli tirreġistra l-bejgħ ta’ pakkett tas-sigaretti, ta’ valur ta’ BGN 5.20 (madwar EUR 2.60), u milli toħroġ ir-riċevuta fiskali relatata ma’ dan il-bejgħ. F’dan ir-rigward, ġie stabbilit ksur amministrattiv tal-Artikolu 118(1) tal-Liġi dwar il-VAT.

    20

    L-amministrazzjoni fiskali, minn naħa, konformement mal-Artikolu 185 tal-Liġi dwar il-VAT, imponiet sanzjoni pekunjarja fuq MV – 98 u, min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 186 ta’ din l-istess liġi, adottat miżura amministrattiva ta’ infurzar li permezz tagħha ssiġillat il-proprjetà inkwistjoni għal perijodu ta’ 14‑il jum. Din il-miżura tal-aħħar kienet akkumpanjata minn awtorizzazzjoni ta’ eżekuzzjoni provviżorja mogħtija permezz ta’ digriet skont l-Artikolu 60 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva, peress li din l-amministrazzjoni qieset li din l-eżekuzzjoni provviżorja kienet indispensabbli sabiex jiġu protetti l-interessi tal-Istat u, b’mod partikolari, dawk tat-Teżor tal-Istat.

    21

    MV – 98 ressqet appell kontra l-miżura ta’ ssiġillar quddiem il-qorti tar-rinviju, billi sostniet li, fid-dawl tal-valur minimu tal-bejgħ inkwistjoni u tal-fatt li dan kien l-ewwel ksur tagħha tal-Artikolu 118(1) tal-Liġi dwar il-VAT, din il-miżura kienet sproporzjonata.

    22

    Wara li kkonstatat li l-Liġi dwar il-VAT tittrasponi d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT u tikkostitwixxi implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-konformità tas-sistema stabbilita mill-Artikoli 185 u 186 tal-imsemmija liġi mal-Artikolu 50 tal-Karta.

    23

    F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, fil-każ ta’ ksur tal-Artikolu 118(1) tal-Liġi dwar il-VAT, din tipprevedi mhux biss, fl-Artikolu 185 tagħha, l-impożizzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja, iżda wkoll, fl-Artikolu 186 tagħha, l-obbligu li tingħata, minħabba l-istess fatti, miżura ta’ infurzar ta’ ssiġillar tal-proprjetà inkwistjoni. Din il-qorti żżid tgħid li kemm is-sanzjoni pekunjarja kif ukoll l-issiġillar huma ta’ natura kriminali, fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Karta u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari tas-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Bonda (C‑489/10, EU:C:2012:319). Barra minn hekk, il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija) irrikonoxxiet ukoll li l-issiġillar huwa ta’ natura punittiva.

    24

    Issa, is-sanzjoni pekunjarja u l-issiġillar jiġu imposti fi tmiem proċeduri distinti u awtonomi. Barra minn hekk, għad li jistgħu jiġu kkontestati, dawn iż-żewġ miżuri jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ qrati differenti, jiġifieri l-Qorti Distrettwali għas-Sanzjoni Pekunjarja u l-Qorti Amministrattiva għall-Issiġillar. Il-qorti tar-rinviju tirrileva, f’dan ir-rigward, li r-regoli proċedurali Bulgari ma jipprevedux il-possibbiltà li tiġi sospiża proċedura sa ma tingħalaq oħra, b’tali mod li ma jeżistix mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni li jippermetti li tiġi żgurata l-osservanza tar-rekwiżit ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-gravità tal-ksur imwettaq. Għalhekk, is-sistema stabbilita fl-Artikoli 185 u 186 tal-Liġi dwar il-VAT ma tissodisfax il-kriterji stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fis-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2018, Menci (C‑524/15, EU:C:2018:197).

    25

    Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-istħarriġ ġudizzjarju li jista’ jkun suġġett għalih id-digriet ta’ eżekuzzjoni provviżorju ta’ miżura ta’ ssiġillar jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 47 tal-Karta. F’dan ir-rigward, hija tispjega li l-qorti adita b’appell minn tali digriet ma tistax teżamina mill-ġdid il-fatti, peress li, ladarba jidhru fil-proċess verbal redatt mill-amministrazzjoni fiskali fir-rigward tal-istħarriġ imwettaq fil-proprjetà kummerċjali, dawn jitqiesu stabbiliti. Għalhekk, il-qorti adita tista’ biss tibbilanċja l-protezzjoni tal-interessi tal-Istat mar-riskju ta’ dannu gravi jew diffiċilment reparabbli għall-persuna kkonċernata.

    26

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Administrativen sad – Blagoevgrad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Blagoevgrad, il-Bulgarija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “(1)

    L-Artikolu 273 tad-[Direttiva tal-VAT] u l-Artikolu 50 tal-[Karta] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li jistgħu jiġu akkumulati proċedura amministrattiva għall-applikazzjoni ta’ miżura amministrattiva ta’ infurzar u proċedura amministrattiva ta’ natura kriminali għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja fil-konfront tal-istess persuna minħabba li naqset milli tirreġistra u żżomm rekord ta’ bejgħ ta’ beni bil-ħruġ ta’ dokument li jservi ta’ prova tal-bejgħ?

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, l-Artikolu 273 tad-[Direttiva tal-VAT] u l-Artikolu 52(1) tal-[Karta] għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jippermettux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li jistgħu jiġu akkumulati proċedura amministrattiva għall-applikazzjoni ta’ miżura amministrattiva ta’ infurzar u proċedura amministrattiva ta’ natura kriminali għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja fil-konfront tal-istess persuna minħabba li naqset milli tirreġistra u żżomm rekord ta’ bejgħ ta’ beni bil-ħruġ ta’ dokument li jservi ta’ prova tal-bejgħ, f’sitwazzjoni fejn din il-leġiżlazzjoni fl-istess ħin ma tipprevedix, għall-awtoritajiet kompetenti sabiex imexxu ż-żewġ proċeduri u għall-qrati, obbligu li jiżguraw applikazzjoni effettiva tal-prinċipju ta’ proporzjonalità billi jieħdu inkunsiderazzjoni n-natura severa tal-miżuri kollha akkumulati flimkien meta mqabbla mal-gravità tal-ksur konkret?

    (2)

    Jekk l-applikabbiltà tal-[Artikolu 50] u [tal-Artikolu] 52(1) tal-[Karta] ma tkunx ikkonfermata f’dan il-każ, l-Artikolu 273 tad-[Direttiva tal-VAT] u l-Artikolu 49(3) tal-[Karta] għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jawtorizzawx leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 186(1) [tal-Liġi dwar il-VAT] li jipprevedi, flimkien mal-impożizzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja taħt l-Artikolu 185(2) [ta’ din il-liġi], l-applikazzjoni ta’ miżura amministrattiva ta’ infurzar li tikkonsisti fl-“issiġillar ta’ proprjetà” għal perijodu massimu ta’ 30 jum fir-rigward tal-istess persuna minħabba li naqset milli tirreġistra u żżomm rekord ta’ bejgħ ta’ beni bil-ħruġ ta’ dokument li jservi ta’ prova tal-bejgħ?

    (3)

    L-Artikolu 47(1) tal-[Karta] għandu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza miżuri, introdotti mil-leġiżlatur nazzjonali sabiex jiggarantixxi l-interess previst fl-Artikolu 273 tad-[Direttiva tal-VAT], bħalma huma l-eżekuzzjoni provviżorja tal-miżura amministrattiva ta’ infurzar li tikkonsisti fl-“issiġillar ta’ proprjetà” għal perijodu massimu ta’ 30 jum sabiex jiġi protett interess pubbliku preżunt, f’sitwazzjoni fejn il-protezzjoni ġudizzjarja kontra l-eżekuzzjoni provviżorja hija limitata għall-evalwazzjoni ta’ interess privat oppost paragunabbli?”

    Fuq id‑domandi preliminari

    Fuq l‑ewwel domanda

    27

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 273 tad-Direttiva tal-VAT u l-Artikolu 50 tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha jista’ jiġi impost fuq persuna taxxabbli, għall-istess ksur ta’ obbligu fiskali u fi tmiem proċeduri distinti u awtonomi, miżura ta’ sanzjoni pekunjarja u miżura ta’ ssiġillar ta’ proprjetà kummerċjali, liema miżuri jistgħu jiġu kkontestati quddiem qrati differenti.

    Fuq l‑ammissibbiltà

    28

    Il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel domanda hija inammissibbli minħabba li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma tissodisfax ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, sa fejn, fir-rigward tas-sanzjoni pekunjarja imposta fuq ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju ma tistabbilixxix il-kuntest ġuridiku u fattwali tal-kawża prinċipali b’mod suffiċjentement preċiż.

    29

    Skont l-Artikolu 94(a) u (b) tar-Regoli tal-Proċedura, talba għal deċiżjoni preliminari għandha tinkludi “espożizzjoni fil-qosor tas-suġġett tal-kawża kif ukoll tal-fatti rilevanti, kif ġew ikkonstatati mill-qorti tar-rinviju jew, minn tal-inqas, espożizzjoni tal-informazzjoni fattwali li fuqha huma bbażati d-domandi”, kif ukoll “il-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistgħu japplikaw għall-kawża ineżami u, jekk ikun il-każ, il-ġurisprudenza nazzjonali rilevanti”.

    30

    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjonijiet tar-rinviju sservi mhux biss sabiex tippermetti lil din tal-aħħar tagħti risposti utli, iżda wkoll sabiex tagħti lill-gvernijiet tal-Istati Membri, kif ukoll lill-partijiet ikkonċernati l-oħra, il-possibbiltà li, konformement mal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jippreżentaw osservazzjonijiet. Għandu jiġi żgurat li din il-possibbiltà tkun issalvagwardjata, billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, skont dan l-artikolu, id-deċiżjonijiet tar-rinviju biss għandhom jiġu nnotifikati lill-partijiet ikkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov, C‑614/14, EU:C:2016:514, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    31

    F’dan il-każ, it-talba għal deċiżjoni preliminari tinkludi espożizzjoni tas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali u tal-fatti rilevanti u tippreżenta d-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti, inkluż dawk relatati mas-sanzjoni pekunjarja imposta fil-każ ta’ ksur tal-Artikolu 118(1) tal-Liġi dwar il-VAT.

    32

    Barra minn hekk, mill-osservazzjonijiet ippreżentati mill-gvernijiet tal-Istati Membri li pparteċipaw fil-proċedura preliminari, kif ukoll mill-Kummissjoni, jirriżulta li l-informazzjoni li tinsab fit-talba għal deċiżjoni preliminari ppermettitilhom jieħdu pożizzjoni utli fuq id-domanda magħmula.

    33

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel domanda hija ammissibbli.

    Fuq il‑mertu

    34

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, sanzjonijiet amministrattivi imposti mill-amministrazzjonijiet fiskali nazzjonali fil-qasam tal-VAT jikkostitwixxu implimentazzjoni tal-Artikoli 2 u 273 tad-Direttiva tal-VAT u, għalhekk, tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta. Konsegwentement, huma għandhom jirrispettaw id-dritt fundamentali ggarantit fl-Artikolu 50 ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, BV, C‑570/20, EU:C:2022:348, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    35

    F’dan ir-rigward, l-Artikolu 50 tal-Karta jipprovdi li “[l]-ebda persuna ma tista’ terġa’ tkun ipproċessata jew ikkundannata għal reat li għalih tkun diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata fl-Unjoni b’sentenza li daħlet in ġudikat skond il-liġi”. Għalhekk, il-prinċipju ta’ ne bis in idem jipprojbixxi akkumulazzjoni kemm ta’ proċeduri, kif ukoll ta’ sanzjonijiet ta’ natura kriminali fis-sens ta’ dan l-artikolu, għall-istess fatti u kontra l-istess persuna (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost, C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    36

    F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġew imposti fuq l-istess impriża, jiġifieri r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, u għall-istess fatt, jiġifieri l-bejgħ ta’ sigaretti li ma ġiex irreġistrat u ddokumentat permezz tal-ħruġ ta’ riċevuta fiskali. Barra minn hekk, mill-indikazzjonijiet ipprovduti kemm mill-qorti tar-rinviju, kif ukoll mill-Gvern Bulgaru, jirriżulta li dawn il-miżuri ġew imposti fi tmiem proċeduri distinti u awtonomi.

    37

    F’dan il-kuntest, sabiex tiġi stabbilita l-applikabbiltà tal-Artikolu 50 tal-Karta, għandu jiġi eżaminat ukoll jekk il-miżuri kkonċernati, jiġifieri s-sanzjoni pekunjarja, imposta skont l-Artikolu 185 tal-Liġi dwar il-VAT, u l-issiġillar tal-proprjetà kummerċjali tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, imposta skont l-Artikolu 186 ta’ din l-istess liġi, jistgħux jiġu kklassifikati bħala “sanzjonijiet ta’ natura kriminali”.

    – Fuq in‑natura kriminali tal‑miżuri inkwistjoni fil‑kawża prinċipali

    38

    F’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tan-natura kriminali tal-proċeduri u tas-sanzjonijiet kkonċernati, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, tliet kriterji huma rilevanti. L-ewwel kriterju huwa dak dwar il-klassifikazzjoni legali tal-ksur fid-dritt nazzjonali, it-tieni huwa dak dwar in-natura stess tal-ksur u t-tielet huwa dak dwar il-grad ta’ severità tas-sanzjoni li l-persuna kkonċernata tista’ ġġarrab (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2022, bpost, C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    39

    Filwaqt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl ta’ dawn il-kriterji, jekk il-proċeduri u s-sanzjonijiet amministrattivi kkonċernati humiex ta’ natura kriminali fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tiddeċiedi dwar rinviju għal deċiżjoni preliminari, tista’, madankollu, tagħti indikazzjonijiet intiżi sabiex jiggwidaw lil din il-qorti fl-interpretazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2018, Menci, C‑524/15, EU:C:2018:197, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    40

    F’dan il-każ, fir-rigward tal-ewwel kriterju, mill-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li, fid-dritt nazzjonali, il-proċeduri u l-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma kklassifikati bħala amministrattivi.

    41

    Madankollu, l-applikazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta ma hijiex limitata biss għall-proċeduri u s-sanzjonijiet li huma kklassifikati bħala “kriminali” fid-dritt nazzjonali iżda testendi – indipendentement minn tali klassifikazzjoni fid-dritt nazzjonali – għal proċeduri u għal sanzjonijiet li għandhom jitqiesu li huma ta’ natura kriminali abbażi taż-żewġ kriterji l-oħra li jissemmew fl-imsemmi punt 38 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, tali natura tista’ tirriżulta min-natura stess tal-ksur inkwistjoni u mill-grad ta’ severità tas-sanzjonijiet li dan jista’ jwassal għalihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Marzu 2018, Menci, C‑524/15, EU:C:2018:197, punt 30 u tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità), C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 88).

    42

    Fir-rigward tat-tieni kriterju, dwar in-natura stess tal-ksur, dan jimplika li għandu jiġi vverifikat jekk is-sanzjoni inkwistjoni għandhiex, b’mod partikolari, għan punittiv, mingħajr ma s-sempliċi fatt li hija jkollha wkoll għan preventiv ikun ta’ natura li jneħħilha l-klassifikazzjoni tagħha bħala sanzjoni kriminali. Fil-fatt, huwa fin-natura nnifisha tas-sanzjonijiet kriminali li dawn ifittxu kemm ir-repressjoni kif ukoll il-prevenzjoni tal-aġir illegali. Mill-banda l-oħra, miżura li sempliċement tirrepara d-dannu kkawżat mill-ksur ikkonċernat ma hijiex ta’ natura kriminali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità), C-439/19, EU:C:2021:504, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    43

    F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali t-tnejn li huma jfittxu li jiskoraġġixxu u jirreprimu ksur fil-qasam tal-VAT.

    44

    Għalkemm il-Gvern Bulgaru u l-Gvern Pollakk, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, sostnew li l-għan tal-miżura ta’ ssiġillar kien kawtelatorju u mhux punittiv, għandu jiġi rrilevat, madankollu, li, skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, din il-miżura la tfittex li jiġu rkuprati djun fiskali jew li jinġabru provi u lanqas li twaqqaf milli jinħbew dawn tal-aħħar. Kif jixhed l-Artikolu 22 tal-Liġi dwar il-Ksur u s-Sanzjonijiet Amministrattivi, l-imsemmija miżura hija intiża sabiex twaqqaf il-ksur amministrattiv imwettaq u sabiex tipprevjeni milli jerġa’ jseħħ ksur billi żżomm lin-negozjant ikkonċernat milli jkompli jopera l-proprjetà kummerċjali tiegħu. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-miżura ta’ ssiġillar għandha għan kemm preventiv kif ukoll punittiv, sa fejn hija tfittex ukoll li tiskoraġġixxi lill-persuni kkonċernati milli jiksru l-obbligu previst fl-Artikolu 118(1) tal-Liġi dwar il-VAT.

    45

    Fir-rigward tat-tielet kriterju, jiġifieri l-grad ta’ severità tal-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat, kif irrilevat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li l-imsemmija miżuri jidhru li għandhom, kull waħda minnhom, grad għoli ta’ severità.

    46

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-grad ta’ severità huwa evalwat skont il-piena massima prevista mid-dispożizzjonijiet rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti EDB tad‑9 ta’ Ottubru 2003, Ezeh u Connors vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:2003:1009JUD003966598, punt 120).

    47

    Issa, l-issiġillar għal perijodu li jista’ jestendi għal 30 jum jista’, b’mod partikolari għal negozjant individwali, li għandu biss proprjetà kummerċjali waħda, jiġi kklassifikat bħala sever, speċjalment fejn dan iżommu milli jeżerċita l-attività tiegħu u b’hekk iċaħħdu mid-dħul tiegħu.

    48

    Fir-rigward tas-sanzjoni pekunjarja, il-fatt li l-ammont tagħha, għall-ewwel ksur, ma jistax ikun inqas minn BGN 500 (madwar EUR 250) u jista’ jitla’ sa BGN 2000 (madwar EUR 1000), kif ukoll ir-relazzjoni bejn il-VAT evitat fuq il-bejgħ tal-pakkett tas-sigaretti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri ammont inqas minn BGN 1 (madwar EUR 0,50), u s-sanzjoni mogħtija, li, skont l-indikazzjonijiet tal-Gvern Bulgaru, tammonta għal BGN 500 (madwar EUR 250), jixhdu n-natura severa tal-imsemmija sanzjoni.

    49

    F’dan il-kuntest, għalkemm, kif jirriżulta mill-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, il-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jiġu kklassifikati bħala sanzjonijiet ta’ natura kriminali, għandu jitqies li l-akkumulazzjoni ta’ dawn is-sanzjonijiet toħloq limitazzjoni tad-dritt fundamentali ggarantit fl-Artikolu 50 tal-Karta.

    – Fuq il‑possibbiltà ta’ ġustifikazzjoni ta’ limitazzjoni tad-dritt fundamentali ggarantit fl-Artikolu 50 tal-Karta

    50

    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, limitazzjoni tad-dritt fundamentali ggarantit fl-Artikolu 50 tal-Karta tista’ tiġi ġġustifikata abbażi tal-Artikolu 52(1) tagħha (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost, C-117/20, EU:C:2022:202, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    51

    Konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, kull limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti minn din tal-aħħar għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tosserva l-essenza ta’ dawn id-drittijiet u libertajiet. Skont it-tieni sentenza tal-imsemmi paragrafu, bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu biss jiġu stabbiliti limitazzjonijiet tal-imsemmija drittijiet u libertajiet jekk tali limitazzjonijiet ikunu neċessarji u effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

    52

    F’dan il-każ, f’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-kundizzjoni li kull limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti mill-Karta għandha tkun prevista mil-liġi, l-imsemmija kundizzjoni hija ssodisfatta peress li l-Liġi dwar il-VAT tipprevedi b’mod ċar, fil-każ ta’ ksur tal-Artikolu 118(1) tagħha, l-applikazzjoni kumulattiva ta’ sanzjoni pekunjarja u ta’ ssiġillar tal-proprjetà kummerċjali kkonċernata.

    53

    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-osservanza tal-essenza tad-dritt fundamentali ggarantit fl-Artikolu 50 tal-Karta, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li tali akkumulazzjoni għandha, bħala prinċipju, tkun suġġetta għal kundizzjonijiet stabbiliti b’mod eżawrjenti, sabiex b’hekk ikun żgurat li d-dritt iggarantit f’dan l-Artikolu 50 ma jiġix ikkontestat bħala tali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2018, Menci, C‑524/15, EU:C:2018:197, punt 43).

    54

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li akkumulazzjoni awtomatika, li ma tkun suġġetta għal ebda kundizzjoni stabbilita b’mod eżawrjenti, ma tistax titqies li tirrispetta l-essenza ta’ dan id-dritt.

    55

    F’dan il-każ, mill-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju u tal-Gvern Bulgaru jirriżulta li l-akkumulazzjoni taż-żewġ miżuri previsti fl-Artikolu 185 u fl-Artikolu 186 tal-Liġi dwar il-VAT, rispettivament, jidher li hija ta’ natura awtomatika, peress li l-amministrazzjoni fiskali hija obbligata, fejn ikun twettaq l-istess ksur tal-Artikolu 118(1) ta’ din il-liġi, tapplika sistematikament iż-żewġ miżuri. Għalhekk, tali akkumulazzjoni ma tidhirx li hija suġġetta għal “kundizzjonijiet stabbiliti b’mod eżawrjenti”, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, b’tali mod li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tidhirx li tinkludi l-qafas neċessarju sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tal-essenza tad-dritt previst fl-Artikolu 50 tal-Karta.

    56

    Għal dak li jikkonċerna, fit-tielet lok, l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jitfakkar li dan jeżiġi li l-akkumulazzjoni ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma taqbiżx il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jitwettqu għanijiet leġittimi li din il-leġiżlazzjoni tfittex li tilħaq, billi, fejn ikun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik li hija l-inqas restrittiva u li l-inkonvenjenza li tikkawża ma għandhiex tkun sproporzjonata meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, BV, C‑570/20, EU:C:2022:348, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    57

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li tali leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tipprevedi regoli ċari u preċiżi li, qabelxejn, jippermettu lill-parti f’kawża tkun taf minn qabel liema atti u ommissjonijiet jistgħu jkunu s-suġġett ta’ tali akkumulazzjoni ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet, li, imbagħad, jiżguraw koordinazzjoni tal-proċeduri sabiex jitnaqqas, sa fejn strettament neċessarju, il-piż żejjed li tinvolvi akkumulazzjoni ta’ proċeduri ta’ natura kriminali u li, fl-aħħar nett, jippermettu li jiġi żgurat li s-severità tas-sanzjonijiet kollha imposti tikkorrispondi mal-gravità ta-ksur ikkonċernat (sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, BV, C‑570/20, EU:C:2022:348, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    58

    F’dan il-każ, għalkemm huwa paċifiku li miżuri bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma intiżi li jiżguraw li l-VAT tinġabar b’mod korrett u li tiġi evitata l-frodi, li huma għanijiet ta’ interess ġenerali msemmija fl-Artikolu 273 tad-Direttiva tal-VAT, u li d-dispożizzjonijiet ikkonċernati tal-Liġi dwar il-VAT huma xierqa sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet u huma fl-istess ħin suffiċjentement ċari u preċiżi, hija, madankollu, il-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk l-imsemmija dispożizzjonijiet jiżgurawx koordinazzjoni tal-proċeduri li jippermettu kemm li jitnaqqas, sa fejn strettament neċessarju il-piż addizzjonali li tinvolvi l-akkumulazzjoni tal-miżuri imposti, kif ukoll li jiġi żgurat li s-severità ta’ dawn il-miżuri kollha tikkorrispondi għall-gravità tal-ksur ikkonċernat.

    59

    Fil-fatt, fir-rigward tal-koordinazzjoni tal-proċeduri, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm l-amministrazzjoni fiskali hija obbligata, skont l-Artikolu 6(5) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva u l-Artikolu 27(2) tal-Liġi dwar il-Ksur u s-Sanzjonijiet Amministrattivi, rispettivament, li tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità meta tapplika s-sanzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 185 u 186 tal-Liġi dwar il-VAT, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tawtorizzahiex, madankollu, la li taħrab mill-obbligu li timponi waħda jew l-oħra minn dawn is-sanzjonijiet, fid-dawl tan-natura awtomatika tal-akkumulazzjoni msemmija fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, u lanqas li tissospendi waħda mill-proċeduri sakemm tingħalaq l-oħra. Mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li din il-leġiżlazzjoni ma tippermettix lil din l-amministrazzjoni twettaq evalwazzjoni ġenerali tal-proporzjonalità tas-sanzjonijiet akkumulati.

    60

    Barra minn hekk, għalkemm l-Artikolu 187(4) tal-Liġi dwar il-VAT jippermetti lill-persuna li wettqet il-ksur ittemm minn qabel il-miżura ta’ għeluq billi tħallas minn jeddha s-somma tas-sanzjoni pekunjarja, xejn ma jobbliga lill-amministrazzjoni fiskali timponiha waqt li jiġi eżegwit l-issiġillar. F’dan il-każ, fil-kawża prinċipali, is-sanzjoni pekunjarja ġiet imposta biss diversi xhur wara l-eżekuzzjoni tal-issiġillar, li għalhekk setgħet teżawrixxi l-effetti kollha tagħha fil-frattemp.

    61

    Fl-aħħar nett, għalkemm mill-miżuri msemmija fl-Artikolu 185 u fl-Artikolu 186 tal-Liġi dwar il-VAT, rispettivament, jista’ jsir appell, dawn għandhom jitressqu quddiem qrati differenti, jiġifieri l-Qorti Distrettwali għas-Sanzjoni Pekunjarja u l-Qorti Amministrattiva għall-Issiġillar. Issa, il-qorti tar-rinviju tippreċiża, essenzjalment, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tipprevedix proċedura li tiżgura l-koordinazzjoni neċessarja bejn dawn l-appelli jew bejn dawn il-qrati u li dawn tal-aħħar għandhom iwettqu, kull waħda minnhom, evalwazzjoni awtonoma tal-proporzjonalità tal-miżuri mibgħuta lilhom.

    62

    Dwar jekk id-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jippermettux li jiġi żgurat li s-severità tal-miżuri kollha li jiġu imposti tikkorrispondi għall-gravità tal-ksur ikkonċernat, għandu jitfakkar li, f’dan il-każ, kull waħda mill-miżuri imposti fuq ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tidher li għandha intrinsikament grad għoli ta’ severità, kif jirriżulta mill-punti 47 u 48 ta’ din is-sentenza. Konsegwentement, jidher li l-effett kumulattiv ta’ dawn il-miżuri jista’ jeċċedi l-gravità tal-ksur imwettaq mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u jikser ir-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif imfakkra fil-punti 56 u 57 ta’ din is-sentenza, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

    63

    Għalhekk, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 273 tad-Direttiva tal-VAT u l-Artikolu 50 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha jista’ jiġi impost fuq persuna taxxabbli, għall-istess ksur ta’ obbligu fiskali u fi tmiem proċeduri distinti u awtonomi, miżura ta’ sanzjoni pekunjarja u miżura ta’ ssiġillar ta’ proprjetà kummerċjali, liema miżuri jistgħu jiġu kkontestati quddiem qrati differenti, sa fejn l-imsemmija leġiżlazzjoni ma tiżgurax koordinazzjoni tal-proċeduri li tippermetti li jitnaqqas, sa fejn strettament neċessarju, il-piż żejjed li jirriżulta mill-akkumulazzjoni tal-imsemmija miżuri u ma tippermettix li jiġi żgurat li s-severità tas-sanzjonijiet kollha imposti tikkorrispondi għall-gravità tal-ksur ikkonċernat.

    Fuq it‑tieni domanda

    64

    Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma huwiex meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar it-tieni domanda.

    Fuq it‑tielet domanda

    65

    Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 47(1) tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha l-qorti adita b’appell minn awtorizzazzjoni ta’ eżekuzzjoni provviżorja ta’ miżura ta’ ssiġillar ta’ proprjetà kummerċjali, li timplimenta l-Artikolu 273 tad-Direttiva tal-VAT, tista’ biss tevalwa l-possibbiltà tal-eżistenza ta’ riskju ta’ dannu gravi jew diffiċilment reparabbli għall-persuna taxxabbli kkonċernata, mingħajr ma tkun tista’ teżamina mill-ġdid il-punti ta’ fatt stabbiliti mill-amministrazzjoni fiskali u li jiġġustifikaw l-għoti ta’ tali miżura.

    66

    Sabiex ikun żgurat li talba għal deċiżjoni preliminari tindirizza l-bżonn inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima dwar id-dritt tal-Unjoni, il-kontenut ta’ tali domanda għandu jissodisfa r-rekwiżiti li jelenka b’mod espliċitu l-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura, rekwiżiti li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, il-qorti tar-rinviju suppost li kellha konjizzjoni tagħhom u li hija obbligata li tosserva b’mod skrupluż (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Mitliv Exim, C‑81/20, mhux ippubblikat, EU:C:2021:510, punti 2930 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    67

    F’dan il-każ, il-Kummissjoni għandha dubji dwar il-fatt li l-qorti tar-rinviju hija adita b’appell mill-awtorizzazzjoni ta’ eżekuzzjoni provviżorja tal-issiġillar inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    68

    F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 60(5) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva jirriżulta li mid-digriet li jawtorizza l-eżekuzzjoni provviżorja ta’ miżura ta’ ssiġillar għandu jsir appell separat minn dak ippreżentat kontra din il-miżura.

    69

    Madankollu, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma ssemmix il-fatt li l-qorti tar-rinviju hija adita b’tali appell separat u lanqas ma ssemmi l-argumenti li setgħu ġew invokati mill-partijiet fil-kawża prinċipali f’tali kuntest, b’mod partikolari fir-rigward tal-allegata neċessità li jiġu bbilanċjati l-interessi tal-Istat, minn naħa, u r-riskju ta’ dannu gravi jew diffiċilment reparabbli għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, min-naħa l-oħra. It-tilwima fil-kawża prinċipali tidher għalhekk li tirrigwarda biss il-legalità tal-issiġillar u mhux l-awtorizzazzjoni ta’ eżekuzzjoni provviżorja tagħha.

    70

    Konsegwentement, it-tielet domanda ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura, sa fejn, fil-motivazzjoni li tinsab fiha, il-qorti tar-rinviju ma tispjegax ir-rabta li hija tfittex li tistabbilixxi bejn, minn naħa, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta u, min-naħa l-oħra, is-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

    71

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet domanda hija inammissibbli.

    Fuq l‑ispejjeż

    72

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 273 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud u l-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha jista’ jiġi impost fuq persuna taxxabbli, għall-istess ksur ta’ obbligu fiskali u fi tmiem proċeduri distinti u awtonomi, miżura ta’ sanzjoni pekunjarja u miżura ta’ ssiġillar ta’ proprjetà kummerċjali, liema miżuri jistgħu jiġu kkontestati quddiem qrati differenti, sa fejn l-imsemmija leġiżlazzjoni ma tiżgurax koordinazzjoni tal-proċeduri li tippermetti li jitnaqqas, sa fejn strettament neċessarju, il-piż żejjed li jirriżulta mill-akkumulazzjoni tal-imsemmija miżuri u ma tippermettix li jiġi żgurat li s-severità tas-sanzjonijiet kollha imposti tikkorrispondi għall-gravità tal-ksur ikkonċernat.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.

    Top