This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62021CC0628
Opinion of Advocate General Rantos delivered on 17 November 2022.#TB v Castorama Polska Sp. z o.o. and 'Knor' Sp. z o.o.#Request for a preliminary ruling from the Sąd Okręgowy w Warszawie.#Reference for a preliminary ruling – Intellectual property – Directive 2004/48/EC – Measures, procedures and remedies necessary to ensure the enforcement of intellectual property rights – Right of information – Locus standi – Need to establish the existence of an intellectual property right in advance.#Case C-628/21.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M.A. Rantos, ippreżentati fis-17 ta’ Novembru 2022.
TB vs Castorama Polska Sp. z o.o. u „Knor“ Sp. z o.o.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa minn Sąd Okręgowy w Warszawie.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Direttiva 2004/48/KE – Miżuri, proċeduri u rimedji neċessarji sabiex ikun żgurat ir-rispett tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali – Dritt għall-informazzjoni – Locus standi – Neċessità li tiġi stabbilita minn qabel l-eżistenza ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali.
Kawża C-628/21.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M.A. Rantos, ippreżentati fis-17 ta’ Novembru 2022.
TB vs Castorama Polska Sp. z o.o. u „Knor“ Sp. z o.o.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa minn Sąd Okręgowy w Warszawie.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Direttiva 2004/48/KE – Miżuri, proċeduri u rimedji neċessarji sabiex ikun żgurat ir-rispett tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali – Dritt għall-informazzjoni – Locus standi – Neċessità li tiġi stabbilita minn qabel l-eżistenza ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali.
Kawża C-628/21.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:905
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
RANTOS
ippreżentati fis‑17 ta’ Novembru 2022 ( 1 )
Kawża C‑628/21
TB
fil-preżenza ta’:
Castorama Polska Sp. z o.o.,
“Knor” Sp. z o.o.
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni ta’ liġijiet – Direttiva 2004/48/KE – Rispett għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali – Artikolu 4 – Persuni intitolati li jitolbu l-applikazzjoni ta’ miżuri, ta’ proċeduri u ta’ rimedji – Artikolu 8(1) – Azzjoni dwar ksur ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali – Bejgħ ta’ merkanzija kontrafatta – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Dritt tar-rikorrent għal informazzjoni dwar l-oriġini u n-networks tad-distribuzzjoni tal-merkanzija – Ħtieġa jew le li r-rikorrent juri li huwa d-detentur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali”
I. Introduzzjoni
1. |
Impriża qiegħda tikkummerċjalizza riproduzzjonijiet ta’ rappreżentazzjonijiet grafiċi mingħajr il-kunsens tal-persuna li tallega li hija l-kreatriċi ta’ dawn ir-rappreżentazzjonijiet. Din tal-aħħar tressaq azzjoni legali relatata ma’ ksur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali fuq il-bażi tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2004/48/KE ( 2 ), li jistabbilixxi dritt strumentali maħsub li jiggarantixxi l-protezzjoni effettiva tal-proprjetà intellettwali ( 3 ). Din il-persuna għandha turi li hija d-detentur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali inkwistjoni jew sempliċement tagħmilha probabbli li hija d-detentur ta’ dan id-dritt? Din hija, essenzjalment, id-domanda magħmula mis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja). |
2. |
Din il-kawża ser twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teżamina, fid-dawl tal-ġurisprudenza tagħha, il-livell ta’ prova meħtieġ fil-kuntest ta’ talba għal informazzjoni dwar l-oriġini u n-networks ta’ distribuzzjoni ta’ merkanzija jew servizzi taħt l-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva, id-dritt għal informazzjoni previst fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/48. Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, ikun meħtieġ li jiġu bbilanċjati, minn naħa, id-dritt għal informazzjoni tad-detenturi tal-proprjetà intellettwali u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tal-konvenut kontra użu abbużiv ta’ dan id-dritt. |
II. Il‑kuntest ġuridiku
A. Id‑dritt tal‑Unjoni
3. |
Skont il-premessi 10 u 17 tad-Direttiva 2004/48:
[…]
|
4. |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Materja tas-suġġett”, jistabbilixxi: “Din id-Direttiva tikkonċerna il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex tassigura l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. […]” |
5. |
Il-Kapitolu II ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji”, jinkludi l-Artikoli 3 sa 15. L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Obbligu ġenerali”, jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex jiġi assigurat l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali koperti b’din id-Direttiva. Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikunu ġusti u m’għandhomx ikunu mhux neċessarjament kumplikati jew għaljin, jew li jwasslu għal-limiti ta’ ħin mhux raġjonevoli jew dewmien mhux ordnat. 2. Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikun wkoll effetttivi, proporzjonati u dissważivi u għandhom ikunu applikati b’mod u manjiera li jevitaw il-ħolqien ta’ barrieri biex jiġi leġitimiżżat il-kummerċ u biex jiġu provduti protezzjonijiet kontra l-abbuż tagħhom.” |
6. |
L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/48, intitolat “Il-persuni ntitolati biex japplikaw għall-applikazzjoni tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji”, jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu bħala persuni intitolati biex jistgħu japplikaw għall-miżuri, għall-proċeduri u għar-rimedji li għalihom saret riferenza f’dan il-kapitolu:
|
7. |
L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-dritt għall-informazzjoni”, huwa fformulat kif ġej, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu: “1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, fil-kuntest tal-passi legali li jikkonċernaw il-kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali u b’risposta għal talba ġustifikata u proporżjonali ta’ min għamel il-klejm, l-awtoritajiet kompetenti ġudizzjarji jistgħu jordnaw li l-informazzjoni fuq n-networks ta’ l-oriġini u tad-distribuzzjoni ta’ l-oġġetti jew is-servizzi li tikser id-dritt għall-proprjetà intellettwali għandu jkun pprovdut mill-kontravventur u/jew xi persuna oħra li:
2. L-informazzjoni li għaliha hemm riferenza fil-paragrafu 1, kif inhu xieraq, tikkomprendi:
|
B. Id‑dritt Pollakk
8. |
L-Artikolu 278 tal-ustawa – Kodeks postępowania cywilnego (il-Liġi li Tistabbilixxi l-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili), tas‑17 ta’ Novembru 1964, fil-verżjoni applikabbli għall-kawża prinċipali ( 4 ) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili”), jistabbilixxi fil-paragrafu 1 tiegħu: “Fil-każijiet li jeħtieġu għarfien speċjali, il-qorti, wara li tkun semgħet it-talbiet tal-partijiet dwar in-numru u l-għażla ta’ esperti, tista’ titlob l-opinjoni ta’ espert wieħed jew iktar.” |
9. |
L-Artikolu 47989 ta’ dan il-kodiċi jipprevedi: “1. Id-dispożizzjonijiet ta’ din it-taqsima japplikaw għall-kawżi relatati mal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati, għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà industrijali u għall-protezzjoni ta’ drittijiet oħra relatati mal-proprjetà intanġibbli (kawżi ta’ proprjetà intellettwali). 2. Huma meqjusa ukoll bħala kawżi ta’ proprjetà intellettwali fis-sens ta’ din it-taqsima il-kawżi dwar:
[…]” |
10. |
L-Artikolu 479112 ta’ dan il-kodiċi jipprovdi: “Id-dispożizzjonijiet dwar il-persuna li għandha tipprovdi l-informazzjoni japplikaw għal kull persuna, inkluż il-konvenut, li għandha l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 479113 jew li għandha aċċess għaliha.” |
11. |
L-Artikolu 479113 tal-istess kodiċi huwa fformulat kif ġej, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu: “1. Fuq talba tad-detentur tad-dritt, jekk dan tal-aħħar juri b’mod plawżibbli l-eżistenza ta’ ċirkustanzi li jikkaratterizzaw ksur ta’ dritt tal- proprjetà intellettwali, il-qorti tista’, qabel l-introduzzjoni ta’ proċeduri relatati ma’ dan il-ksur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali jew matul dawn il-proċeduri sal-għeluq tas-seduta fl-ewwel istanza, tistieden lil min wettaq il-ksur jipprovdi informazzjoni dwar l-oriġini u n-networks tad-distribuzzjoni tal-merkanzija jew tas-servizzi, meta dan ikun meħtieġ għall-ħtiġijiet tal-azzjoni tad-detentur. 2. Meta t-talba tal-qorti għal informazzjoni tippreċedi l-proċedura relatata mal-ksur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, din il-proċedura għandha ssir mhux iktar tard minn xahar mid-data tal-eżekuzzjoni tal-ordni relatata mat-talba għal informazzjoni.” |
III. It‑tilwima fil‑kawża prinċipali, id‑domandi preliminari u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
12. |
TB hija persuna fiżika li tikkummerċjalizza oġġetti dekorattivi permezz tal-ħwienet online tagħha. Bħala parti mill-attività ekonomika tagħha, hija tbigħ riproduzzjonijiet, immanifatturati mekkanikament minnha stess, bi grafika sempliċi, li jikkonsistu f’numru limitat ta’ kuluri u figuri ġeometriċi kif ukoll f’sentenzi qosra. F’dan ir-rigward, l-immaġnijiet A, B u C (iktar ’il quddiem ir-“riproduzzjonijiet inkwistjoni”) fihom is-sentenzi li ġejjin rispettivament: “Mój dom moje zasady” (“F’dari, jien nistabbilixxi r-regoli”); “Nie ma ludzi idealnych a jednak jestem” (“In-nies perfetti ma jeżistux u madankollu jien wieħed minnhom”) u “W naszym domu rano słychać tupot małych stopek. Zawsze pachnie pysznym ciastem. Mamy dużo obowiązków, mnóstwo zabawy i miłości” (“F’darna filgħodu nisimgħu t-taptip ta’ saqajn żgħar. Dejjem hemm riħa ta’ kejk delizzjuż. Għandna ħafna obbligi, ta’ pjaċir u ta’ mħabba”). TB tippreżenta ruħha bħala l-kreatur tal-immaġnijiet li tirriproduċi, li jikkostitwixxu, fil-fehma tagħha, xogħlijiet fis-sens tal-liġi tad-drittijiet tal-awtur. |
13. |
Kopji eżatti tal-immaġnijiet A u B, ipprovduti minn “Knor” Sp. z o.o. (iktar ’il quddiem “Knor”), inbiegħu mingħajr il-kunsens ta’ TB fi ħwienet fiżiċi u fil-ħanut online ta’ Castorama Polska Sp. z o.o. (iktar ’il quddiem “Castorama”). Fir-rigward ta’ dawn l-immaġnijiet, la r-riproduzzjonijiet tat-TB u lanqas dawk proposti minn Castorama ma jindikaw l-awtur jew l-oriġini tagħhom. Castorama tbigħ ukoll riproduzzjonijiet, ipprovduti minn Knor, li t-test tagħhom huwa identiku għal tal-immaġni C, iżda b’ċerti differenzi f’termini ta’ grafika u karattri tipografiċi. Fit‑13 ta’ Ottubru 2020, TB tat avviż formali lil Castorama sabiex tieqaf mill-ksur tagħha tad-drittijiet tal-awtur ekonomiċi u morali fuq ix-xogħlijiet ta’ kreazzjoni tagħha li din il-kumpannija kienet qiegħda tbigħ mingħajr il-kunsens tagħha. |
14. |
Fil‑15 ta’ Diċembru 2020, TB ippreżentat rikors quddiem is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja), il-qorti tar-rinviju, abbażi tal-Artikolu 479113 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili. Bħala parti minn din il-proċedura, hija talbet lil Castorama u lil Knor jipprovdulha informazzjoni, relatata mar-riproduzzjonijiet inkwistjoni, fuq in-networks ta’ distribuzzjoni kif ukoll dwar il-kwantità ta’ merkanzija rċevuta u ordnata, lista sħiħa tal-fornituri, id-data tal-bejgħ tal-oġġetti fi ħwienet fiżiċi u l-ħanut online ta’ Castorama kif ukoll il-kwantità tagħhom, il-prezz irċevut mill-bejgħ tal-merkanzija, imqassam bejn bejgħ fiżiku u bejgħ online. TB invokat id-drittijiet tal-awtur ekonomiċi u morali tagħha fuq ir-riproduzzjonijiet inkwistjoni u indikat li l-informazzjoni mitluba kienet meħtieġa sabiex titressaq azzjoni għal ksur tad-drittijiet tal-awtur tagħha u, sussidjarjament, azzjoni għad-danni għal kompetizzjoni inġusta. |
15. |
Castorama talbet li din it-talba għal informazzjoni għandha tiġi miċħuda u, sussidjarjament, li l-portata tad-deċiżjoni ġudizzjarja tkun strettament limitata għal xogħlijiet ikkwalifikati bħala tali fis-sens tal-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-awtur, filwaqt li kkontestat il-possibbiltà stess li r-riproduzzjonijiet inkwistjoni jistgħu jiġu kkwalifikati bħala xogħlijiet. Hija invokat wkoll il-protezzjoni tas-segretezza kummerċjali u sostniet li TB ma wrietx li kellha d-drittijiet tal-awtur ekonomiċi fuq dawn ir-riproduzzjonijiet. Skont Castorama, ix-xogħlijiet intellettwali koperti mir-rikors ta’ TB ma humiex oriġinali u TB ma wrietx li l-kundizzjoni tan-natura ġdida tagħhom kienet issodisfatta. Il-fatt li tintlaqa’ din it-talba ikun jimplika l-għoti ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur għal ideat u kunċetti peress li r-riproduzzjonijiet inkwistjoni huma parti mix-xejra attwali tal-moda ta’ “immaġnijiet motivazzjonali ssemplifikati”, bi frażijiet banali. Castorama qieset ukoll li l-elementi grafiċi kollha tar-riproduzzjonijiet inkwistjoni huma banali, repetittivi u bl-ebda mod ma huma distinti b’mod oriġinali, f’termini ta’ kompożizzjoni, ta’ kuluri, ta’ karattri tipografiċi użati, minn stampi oħra disponibbli fis-suq. |
16. |
B’risposta għal dawn l-argumenti, TB ma pproduċietx provi sabiex turi l-eżistenza ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali fir-riproduzzjonijiet inkwistjoni u li jeżiġi għarfien speċjali (għal parir espert) fil-qasam tal-grafika u d-disinn. Il-provi li pproduċiet fit-talba tagħha tal‑15 ta’ Diċembru 2020 kienu jikkonsistu fi stampi fuq paġni ta’ oġġetti għall-bejgħ fil-ħwienet online tagħha u fatturi tal-bejgħ mis-sena 2014, kif ukoll stampi fuq paġni ta’ siti web ta’ Castorama u ta’ fatturi ta’ xiri ta’ immaġnijiet fil-ħanut online tagħha. |
17. |
Meta eżaminat it-talba ta’ TB, il-qorti tar-rinviju staqsiet dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2004/48, b’mod partikolari fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk huwiex meħtieġ li tiġi prodotta prova tan-natura ġuridika tal-oġġett imsemmi fit-talba għal informazzjoni, jew sempliċement sabiex tagħmilha plawżibbli, minħabba l-fatt li l-Artikoli 6 u 7 ta’ din id-direttiva jużaw kliem differenti u li l-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jirreferi għad-“detenturi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali”. Id-dubji ta’ din il-qorti kienu wkoll relatati mal-possibbiltà li jiġi applikat standard ta’ prova differenti fir-rigward tal-istatus tar-riproduzzjonijiet inkwistjoni, jiġifieri jekk humiex xogħlijiet jew le, u konsegwentement fuq il-locus standi ta’ TB. |
18. |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Artikolu 479113 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jikkostitwixxi t-traspożizzjoni tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/48 u li l-Artikolu 47989 ta’ dan il-kodiċi, li jiddefinixxi l-qasam tal-kawżi ta’ proprjetà intellettwali, isemmi, fil-paragrafu 2(1) tiegħu, il-kawżi li jikkonċernaw il-“prevenzjoni tal-kompetizzjoni inġusta u l-ġlieda kontriha”. Din il-qorti, billi tirreferi għall-premessa 13 ta’ din id-direttiva ( 5 ), tenfasizza li, għall-finijiet ta’ din il-kawża, għalkemm il-ġurisprudenza Pollakka għadha ma pprovdietx risposta inekwivokabbli għal din id-domanda, hija tagħti interpretazzjoni li d-dritt nazzjonali estenda, għal bżonnijiet interni, l-applikazzjoni tal-imsemmija direttiva għal atti ta’ kompetizzjoni inġusta li jikkonsistu fl-ikkoppjar servili ta’ prodotti, anki jekk dawn ma humiex is-suġġett ta’ drittijiet esklużivi bħal dawk tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, fir-rigward tal-parti tat-talba relatata mal-immaġnijiet A u B, ma tqum ebda problema ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni peress li TB ipproduċiet il-prova li Castorama biegħet riproduzzjonijiet li jikkostitwixxu kopji servili ta’ dawn l-immaġnijiet. |
19. |
Min-naħa l-oħra, sabiex tingħata deċiżjoni dwar it-talba l-immaġni C, ikun meħtieġ li jiġi interpretat id-dritt tal-Unjoni sa fejn ir-riproduzzjoni mibjugħa minn Castorama ma tikkostitwixxix kopja servili ta’ din l-immaġni, jiġifieri li t-test ikun ittieħed, il-pożizzjoni tagħha fuq il-paġna tkun inżammet imma bl-użu ta’ elementi grafiċi oħra u tipi oħra ta’ karattri tipografiċi. Skont il-ġurisprudenza Pollakka, li tikkoinċidi ma’ dik tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 6 ), hija l-qorti adita li għandha teżamina l-karatteristiċi kreattivi ta’ xogħol. F’dan ir-rigward, skont il-qorti tar-rinviju, meta l-fatti tal-kawża jkunu kumplessi u l-esperjenza tal-imħallef ma tkunx suffiċjenti, ikun meħtieġ li wieħed jirrikorri għall-opinjoni ta’ espert, bl-oneru tal-provi u t-talba għal espert ikunu ġeneralment ir-responsabbiltà tal-parti li tressaq it-talba. |
20. |
Il-qrati Pollakki esprimew żewġ fehmiet kontradittorji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 479113 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, billi jqisu li r-rikorrent għandu jipproduċi prova li huwa d-detentur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali inkwistjoni, jew inkella li huwa meħtieġ biss li jipproduċi prova mhux il-ksur tad-dritt protett iżda biss il-plawżibbiltà tiegħu, peress li t-talba għal informazzjoni tista’ wkoll tkun diretta kontra terz. |
21. |
Il-qorti tar-rinviju tindika li, fl-opinjoni tagħha, l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2004/48, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jirrigwarda miżura ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li hija disponibbli biss jekk il-proprjetà tad-dritt tal-proprjetà intellettwali tkun stabbilita u mhux biżżejjed li jsir probabbli li din il-miżura tkun relatata ma’ dritt tal-proprjetà intellettwali eżistenti, għaliex huwa meħtieġ li tingħata prova ta’ din iċ-ċirkustanza, b’mod partikolari fil-każ li t-talba għal informazzjoni dwar l-oriġini u n-networks ta’ distribuzzjoni ta’ merkanzija jew servizzi titressaq qabel il-preżentata ta’ azzjoni għad-danni għal ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. |
22. |
Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
23. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Castorama, mill-Gvern Pollakk u mill-Gvern Awstrijak, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. |
IV. Analiżi
A. Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari
24. |
Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Awstrijak esprima dubji dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Dan il-gvern sostna li l-klassifikazzjoni bħala “xogħol” fir-rigward tar-riproduzzjonijiet inkwistjoni għandha tiġi eżaminata bħala kwistjoni ta’ dritt fil-kuntest tal-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, dawn ir-riproduzzjonijiet huma disponibbli għall-qorti tar-rinviju u l-preżentazzjoni u d-disinn speċifiċi tagħhom huma ċari u inkontestabbli. Għalhekk, ir-risposta għad-domanda tal-livell ta’ prova li għandu jiġi applikat fil-kuntest tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/48 ma hijiex neċessarja sabiex tiġi deċiża din il-kawża. |
25. |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija l-qorti nazzjonali biss li tkun adita bit-tilwima u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed li għandha tevalwa, fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Minn dan isegwi li domandi relatati mad-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq domanda magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk jidher manifestament li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-informazzjoni fattwali u ta’ dritt meħtieġa biex tagħti risposta b’mod utli għad-domandi li jsirulha ( 7 ). |
26. |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju wriet li l-immaġni C ma kinitx is-suġġett ta’ kopja servili. F’dan ir-rigward, hija għandha teżamina l-karatteristiċi kreattivi ta’ xogħol. Skont din il-qorti, meta l-fatti tal-kawża jkunu kumplessi u l-esperjenza tal-imħallef ma tkunx suffiċjenti, ikun meħtieġ li wieħed jirrikorri għall-opinjoni ta’ espert. Barra minn hekk, TB ma pproduċietx provi sabiex turi l-eżistenza ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali relatat ma’ għarfien speċjali li jeħtieġ għarfien espert. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju trid tivverifika jekk l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2004/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li jirrigwarda miżura ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li ma tkunx disponibbli biss jekk il-ksur tad-dritt ta’ proprjetà tad-detentur ikun ippruvat fis-sitwazzjoni fejn il-qorti nazzjonali kkonċernata ma tkunx f’pożizzjoni, fin-nuqqas ta’ għarfien speċjalizzat, li twettaq evalwazzjoni indipendenti mingħajr l-għajnuna ta’ espert. Jekk dan ikun il-każ, it-talba għal informazzjoni mressqa minn TB għandha tiġi miċħuda jekk ma titwettaq l-ebda proċedura probatorja li fiha l-parti rikorrenti għandu jkollha rwol attiv fl-istabbiliment tal-prova. |
27. |
Fid-dawl ta’ dan il-kuntest ġuridiku u fattwali, li fih il-qorti tar-rinviju tiddikjara li hija meħtieġa deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha, ma jidhirx manifestament li l-interpretazzjoni mitluba hija mingħajr ebda rabta mal-kawża prinċipali jew li l-problema mqajma hija ta’ natura ipotetika. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena tal-fehma li din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli. |
B. Fuq il‑mertu
28. |
Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2004/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ rikors relatat ma’ ksur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali, l-attur għandux juri li huwa d-detentur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali inkwistjoni jew jekk ikunx biżżejjed li jkun plawżibbli li huwa d-detentur ta’ dan id-dritt, b’mod partikolari meta t-talba għal informazzjoni titressaq qabel il-preżentata ta’ azzjoni għad-danni għal ksur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali. |
29. |
Castorama u l-Gvern Pollakk u dak Awstrijak jissuġġerixxu li r-risposta għal dawn id-domandi għandha tkun li r-rikorrent għandu juri li huwa d-detentur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali inkwistjoni. Inversament, il-Kummissjoni ssostni li huwa biżżejjed għalih li jistabbilixxi, bi grad suffiċjenti ta’ probabbiltà, li t-talba tiegħu għal informazzjoni tirrigwarda dritt tal-proprjetà intellettwali eżistenti. |
30. |
Skont l-Artikolu 8(1)(a) tad-Direttiva 2004/48, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-kuntest ta’ azzjoni relatata ma’ ksur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali u bħala tweġiba għal talba ġġustifikata u proporzjonata mir-rikorrent, l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jistgħu jordnaw li l-informazzjoni dwar l-oriġini u n-networks ta’ distribuzzjoni tal-merkanzija jew is-servizzi li jiksru dritt tal-proprjetà intellettwali tiġi pprovduta minn min jagħmel il-ksur u/jew minn kwalunkwe persuna oħra li nstabet fil-pussess tal-merkanzija kontrafatta fuq skala kummerċjali. |
31. |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk, meta rikorrent iressaq rikors relatat ma’ ksur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali taħt l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2004/48, għandux juri li huwa d-detentur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali inkwistjoni. |
32. |
Fid-dawl tal-kliem tagħha, din id-dispożizzjoni, fiha nnifisha, ma timponix tali obbligu fuq ir-rikorrenti. Madankollu, peress li t-talba għal informazzjoni għandha tkun “iġġustifikata”, minn dan isegwi li għandha tinkludi motivazzjoni li jkun fiha biżżejjed fatti u provi relatati mad-dritt tal-proprjetà intellettwali invokat. |
33. |
Kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2004/48 għandu jinqara flimkien mal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, li jgħid li l-persuna li titlob l-applikazzjoni tal-miżuri, ta’ proċeduri u ta’ rimedji previsti fil-Kapitolu II ta’ din id-Direttiva għandha taqa’ taħt waħda mill-erba’ kategoriji ta’ persuni jew korpi elenkati taħt (a) sa (d) ta’ dan l-artikolu. Dawn il-kategoriji jinkludu, fl-ewwel lok, id-detenturi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, fit-tieni lok, il-persuni l-oħra kollha awtorizzati li jużaw dawn id-drittijiet, b’mod partikolari d-detenturi tal-liċenzji, fit-tielet lok, l-organizzazzjonijiet ta’ ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali regolarment irrikonoxxuti bħala li għandhom il-kapaċità li jirrappreżentaw detenturi ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali, u, fir-raba’ lok, l-organizzazzjonijiet ta’ difiża professjonali rrikonoxxuti regolarment bħala li għandhom il-kapaċità li jirrappreżentaw detenturi ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Madankollu, għall-kuntrarju tad-detenturi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, imsemmija fl-Artikolu 4(a) tad-Direttiva 2004/48, skont il-premessa 18 ( 8 ) ta’ din id-direttiva, it-tliet kategoriji ta’ persuni msemmija fl-Artikolu 4(b) u (d) tagħha għandu jkollhom wkoll interess dirett fid-difiża ta’ dawn id-drittijiet u d-dritt ta’ locus standi sa fejn il-leġiżlazzjoni applikabbli tippermettih u b’mod konformi magħha ( 9 ). |
34. |
Skont l-Artikolu 4(a) tad-Direttiva 2004/48 dwar “detenturi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali”, din id-dispożizzjoni tista’ tinftiehem fis-sens li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, ir-rikorrent għandu effettivament juri li huwa d-detentur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali. |
35. |
Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta kemm mir-rekwiżiti tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mill-prinċipju ta’ ugwaljanza li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tinkludi ebda referenza espressa għad-dritt tal-Istati Membri għad-determinazzjoni tat-tifsira u l-portata tagħha għandha normalment issib, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tinstab billi jitqiesu mhux biss it-termini, iżda wkoll il-kuntest tad-dispożizzjoni u tal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni ( 10 ). |
36. |
Fir-rigward tal-kuntest tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/48, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, intitolat “L-evidenza”, jippreċiża, fil-paragrafu 1, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fuq talba ta’ parti li tkun ippreżentat evidenza raġonevolment disponibbli u suffiċjenti insostenn tat-talbiet tagħha u speċifikat l-evidenza insostenn tat-talbiet tagħha li hija fil-kontroll tal-parti li qiegħda topponi, l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jistgħu jordnaw li tali evidenza tiġi prodotta mill-parti li qiegħda topponi, sakemm il-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali tiġi żgurata. L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-miżuri biex tiġi ppreservata l-evidenza”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li, anki qabel ma jippreżentaw rikors fil-mertu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jkunu jistgħu, fuq talba ta’ parti li ppreżentat evidenza raġonevolment disponibbli biex tappoġġja t-talbiet tagħha li d-dritt tal-proprjetà intellettwali tagħha nkiser jew li tali ksur huwa imminenti, tordna miżuri provviżorji immedjati u effettivi sabiex iżżomm l-evidenza rilevanti, fir-rigward tal-ksur allegat, sakemm il-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali tiġi żgurata. Fir-rigward tal-Artikolu 9 tal-istess direttiva, intitolat “Il-miżuri proviżorji u prekawzjonarji”, dan jgħid, fil-paragrafu 3 tiegħu, li l-awtoritajiet ġudizzjarji għandhom is-setgħa, fil-qafas tal-miżuri msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu, li jeżiġu li r-rikorrent jipprovdi l-evidenza kollha raġonevolment disponibbli sabiex jissodisfa b’ċertezza suffiċjenti li huwa d-detentur tad-dritt u li d-dritt tiegħu jkun miksur jew li tali ksur ikun imminenti. |
37. |
Għaldaqstant, minkejja li d-Direttiva 2004/48 issemmi “detenturi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali” fost il-persuni li jistgħu jitolbu l-applikazzjoni tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji previsti fil-Kapitolu II ta’ din id-direttiva, din tal-aħħar tipprovdi espressament li r-rikorrent, taħt l-Artikoli 6, 7 u 9 ta’ din id-direttiva, jista’ jippreżenta provi raġonevolment aċċessibbli u suffiċjenti sabiex isostni l-allegazzjonijiet tiegħu, jiġifieri mingħajr ma jkollu għalfejn juri li huwa d-detentur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali inkwistjoni. Għaldaqstant, jiena tal-fehma li l-kunċett ta’ “detentur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali”, skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/48, ma jistax jinftiehem fis-sens li jeħtieġ li r-rikorrent juri li huwa d-detentur tal-proprjetà intellettwali li jinvoka fil-kuntest ta’ azzjoni relatata ma’ ksur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali magħmula fuq il-bażi tal-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva. |
38. |
Fir-rigward tal-għan imfittex mid-Direttiva 2004/48, mill-premessi 10 u 13 tagħha, rispettivament, jirriżulta li dan l-għan huwa li jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni, ekwivalenti u omoġenju tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern u li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva għandu jiġi ddefinit b’mod wiesa’ kemm jista’ jkun sabiex jinkludi d-drittijiet kollha tal-proprjetà intellettwali koperti mid-dispożizzjonijiet tal-Unjoni fil-kwistjoni jew mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat ( 11 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għan ta’ din id-direttiva huwa li l-Istati Membri jiżguraw, b’mod partikolari fis-soċjetà tal-informazzjoni, il-protezzjoni effettiva tal-proprjetà intellettwali ( 12 ). Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva huma intiżi li jirregolaw aspetti relatati mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li huma marbuta, minn naħa, mar-rispett ta’ dawn id-drittijiet u, min-naħa l-oħra, mal-ksur ta’ dawn tal-aħħar, billi jimponu l-eżistenza ta’ rimedji legali effettivi intiżi li jipprevjenu, itemmu jew jirrimedjaw kwalunkwe ksur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali eżistenti ( 13 ). |
39. |
Dejjem skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġi ggarantita protezzjoni għolja tal-proprjetà intellettwali, għandha tiġi miċħuda interpretazzjoni li tirrikonoxxi d-dritt għal informazzjoni previst fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2004/48 fil-kuntest biss ta’ proċedura mmirata li tikkonstata ksur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali peress li tali livell ta’ protezzjoni jista’ ma jkunx iggarantit kieku ma kienx possibbli li jiġi eżerċitat dan id-dritt għal informazzjoni wkoll fil-qafas ta’ proċedura awtonoma mibdija wara l-għeluq definittiv ta’ azzjoni li rriżultat fil-konstatazzjoni ta’ ksur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali ( 14 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li l-istess raġunament għandu jiġi applikat fil-każ ta’ proċedura indipendenti li tippreċedi l-azzjoni għad-danni sabiex tkun tista’ effettivament titressaq azzjoni legali kontra l-allegati ħatjin ( 15 ). |
40. |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dritt għal informazzjoni previst fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2004/48 jikkonkretizza d-dritt fundamentali għal rimedju effettiv iggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tad-Drittijiet tal-Unjoni Ewropea u b’hekk jiżgura l-eżerċizzju effettiv tad-dritt fundamentali għall-proprjetà, li minnu jifforma parti d-dritt tal-proprjetà intellettwali protett fl-Artikolu 17(2) tagħha. Għalhekk, dan id-dritt għal informazzjoni jippermetti lid-detentur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali li jidentifika min qiegħed jikser dan tal-aħħar u li jieħu l-miżuri meħtieġa, bħalma huma t-tressiq ta’ talbiet għal miżuri provviżorji previsti fl-Artikolu 9(1) u (2) ta’ din id-direttiva jew ta’ danni previsti fl-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva, sabiex jitħares dan id-dritt. Fil-fatt, mingħajr ma jkollu għarfien sħiħ tal-portata tal-ksur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali tiegħu, id-detentur ta’ tali dritt ma jkunx jista’ jiddetermina jew jikkalkola b’mod preċiż id-danni li għalihom ikun intitolat b’riżultat dan il-ksur ( 16 ). |
41. |
Minn din il-ġurisprudenza kollha jirriżulta li għandha ssir distinzjoni bejn il-funzjoni ta’ talba għal informazzjoni taħt l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/48 u dik ta’ azzjoni legali intiża sabiex tikkonstata ksur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali. B’mod partikolari, fis-sitwazzjoni msemmija mill-qorti tar-rinviju fit-tieni domanda tagħha, jiġifieri meta t-talba għal informazzjoni titressaq qabel il-preżentata ta’ azzjoni għad-danni għal ksur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, din it-talba tippreżenta natura awtonoma u preliminari, bil-ħsieb li jinkiseb għarfien sħiħ tal-portata tal-ksur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali sabiex, possibbilment, tkun tista’ ssir b’mod utli azzjoni biex tirrimedja dan il-ksur. |
42. |
F’dan l-istadju tal-proċedura, ma jistax ikun meħtieġ li, sabiex ikollu locus standi, ir-rikorrent ikollu jagħti prova tal-fatt li huwa d-detentur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali inkwistjoni. Kieku dan kien il-każ, it-talba għal informazzjoni prevista fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/48 tkun suġġetta għall-istess rekwiżiti ta’ prova bħall-azzjoni legali intiża li tistabbilixxi ksur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali, billi hija għandha rwol differenti. Għalhekk, peress li l-proċedura separata stabbilita fl-Artikolu 8 hija speċifika għad-dritt tal-Unjoni ( 17 ), f’każ bħal dan titlef ħafna mill-utilità prattika tagħha. |
43. |
F’dawn il-kundizzjonijiet, jiena tal-fehma li, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, ir-rikorrent għandu juri b’mod plawżibbli, billi jippreżenta provi suffiċjenti li huwa d-detentur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali inkwistjoni, iżda ma huwiex meħtieġ jistabbilixxi dan il-fatt, b’mod partikolari meta t-talba għal informazzjoni titressaq qabel il-preżentata ta’ azzjoni għad-danni għal ksur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali. |
44. |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tindika li l-kwistjoni fil-kawża prinċipali hija dwar id-drittijiet tal-awtur ta’ TB. F’dan ir-rigward, għalkemm id-Direttiva 2004/48 ma tinkludi ebda definizzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/48 ( 18 ) tippreċiża li, skont din l-istituzzjoni, id-drittijiet tal-awtur huma fost dawn id-drittijiet. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li d-drittijiet tal-awtur jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “proprjetà intellettwali”, fis-sens ta’ din id-direttiva ( 19 ). |
45. |
Skont il-premessa 17 ta’ din id-direttiva, il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji previsti fiha għandhom jiġu ddeterminati f’kull każ b’tali mod li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi ta’ din il-kawża. F’dan ir-rigward, il-premessa 19 tal-istess direttiva ( 20 ) tenfasizza li d-drittijiet tal-awtur jeżistu mill-ħolqien ta’ xogħol u ma jeħtiġux reġistrazzjoni formali. Fir-rigward ta’ dawn id-drittijet, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-Direttiva 2001/29/KE ( 21 ) jirriżulta li l-kunċett ta’ “xogħol” jikkonsisti f’żewġ elementi. Minn naħa, jimplika oġġett oriġinali li huwa kreazzjoni intellettwali speċifika għall-awtur tiegħu u, min-naħa l-oħra, jeħtieġ l-espressjoni ta’ dan il-ħolqien. Fir-rigward tal-ewwel element, sabiex oġġett jitqies bħala oriġinali, huwa kemm meħtieġ kif ukoll suffiċjenti li jirrifletti l-personalità tal-awtur tiegħu, billi juri l-għażliet ħielsa u kreattivi ta’ dan tal-aħħar. Fir-rigward tat-tieni element, il-kunċett ta’ “xogħol” imsemmi fid-Direttiva 2001/29 neċessarjament jimplika l-eżistenza ta’ oġġett identifikabbli bi preċiżjoni u oġġettività suffiċjenti ( 22 ). Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk TB għamlithiex plawżibbli, billi ppreżentat provi suffiċjenti, li hija l-proprjetarja tad-drittijiet tal-awtur fir-rigward tal-immaġni C fir-rigward tar-riproduzzjoni tagħha kkummerċjalizzata minn Castorama. |
46. |
Għandu jingħad ukoll li l-iskop tad-Direttiva 2004/48 huwa li jiġi stabbilit bilanċ ġust bejn, minn naħa, l-interess tad-detenturi fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tagħhom, sanċiti fl-Artikolu 17(2) tal-Karta, u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tal-interessi u d-drittijiet fundamentali tal-utenti ta’ oġġetti protetti kif ukoll tal-interess ġenerali. B’mod aktar speċifiku, fir-rigward tal-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tiddeċiedi li din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tirrikonċilja r-rispett għal diversi drittijiet, b’mod partikolari d-dritt għal informazzjoni tad-detenturi u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali tal-utenti ( 23 ). |
47. |
Fl-istess sens, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/48 jipprovdi li l-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikunu, inter alia, ġusti u ekwi u ma għandhomx ikunu għaljin bla bżonn. Min-naħa l-oħra, skont it-termini tal-paragrafu 2 tal-istess artikolu, dawn il-miżuri, proċeduri u rimedji għandhom ikunu effettivi, proporzjonati kif ukoll dissważivi u jiġu applikati b’tali mod li joffru salvagwardji kontra l-użu ħażin tagħhom. Dan l-artikolu għalhekk jobbliga lill-Istati Membri u, fl-aħħar mill-aħħar, lill-qrati nazzjonali, li joffru garanziji li, b’mod partikolari, it-talba għal informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva ma tintużax b’mod abbużiv ( 24 ). |
48. |
Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa l-fondatezza tat-talba għal informazzjoni u li tivverifika li r-rikorrenti ma użatx din it-talba b’mod abbużiv. Għal dan il-għan, hija din tal-aħħar li għandha tieħu debitament inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi oġġettivi kollha tal-kawża, inkluż l-aġir tal-partijiet ( 25 ). Fil-każ li din il-qorti tikkonstata l-eżistenza ta’ abbuż ta’ drittijiet, hija għandha tirrifjuta l-benefiċċju tad-dritt għall-informazzjoni previst fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/48 ( 26 ). |
49. |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, inqis li l-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ azzjoni relatata ma’ ksur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali, ir-rikorrent għandu juri b’mod plawżibbli, billi jippreżenta provi suffiċjenti, li huwa d-detentur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali inkwistjoni, mingħajr ma jkun meħtieġ li huwa jistabbilixxi dan il-fatt, b’mod partikolari meta t-talba għal informazzjoni titressaq qabel il-preżentata ta’ azzjoni għad-danni għal ksur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali. Il-qorti tar-rinviju għandha wkoll tevalwa l-fondatezza ta’ din it-talba u tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi oġġettivi kollha tal-kawża, inkluża l-imġiba tal-partijiet, għall-finijiet, b’mod partikolari, tal-verifika li r-rikorrent ma jkunx għamel użu abbużiv minn din it-talba. |
V. Konklużjoni
50. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja) kif ġej: L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, għandu jiġi interpretat fis-sens li: fil-kuntest ta’ azzjoni relatata ma’ ksur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali, ir-rikorrent għandu juri b’mod plawżibbli, billi jippreżenta provi suffiċjenti, li huwa d-detentur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali inkwistjoni, mingħajr ma jkun meħtieġ li huwa jistabbilixxi dan il-fatt, b’mod partikolari meta t-talba għal informazzjoni titressaq qabel il-preżentata ta’ azzjoni għad-danni għal ksur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali. Il-qorti tar-rinviju għandha wkoll tevalwa l-fondatezza ta’ din it-talba u tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi oġġettivi kollha tal-kawża, inkluża l-imġiba tal-partijiet, għall-finijiet, b’mod partikolari, tal-verifika li r-rikorrent ma jkunx għamel użu abbużiv minn din it-talba. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32). Dwar din id-direttiva, ara Petillion, F., u Herweigh, A., “Genesis, Adoption and Application of European Directive 2004/48/EC”, Enforcement of Intellectual Property Rights in the EU Member States, Petillion, F. (ed.), Antwerpen, Intersentia, 2019, p. 1 sa 48.
( 3 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Coty Germany (C‑580/13, EU:C:2015:243, punt 24).
( 4 ) Dz.U. tal-2020, pożizzjoni 1575.
( 5 ) Din il-premessa tgħid “[h]uwa neċessarju li ssir definizzjoni tal-għan wiesa’ kemm jista’ jkun ta’ din id-Direttiva ħalli tkopri d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali koperti bid-dispożizzjonijiet tal-Komunità f’dan il-qasam u/jew bil-liġijiet nazzjonali ta’ l-Istat Membru konċernat. Madanakollu, dik il-ħtieġa ma taffettwax il-possibilità, fuq il-parti ta’ dawk l-Istati Membri li jixtiequ, li jestendu, għall-għanijiet interni, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva fejn jinkludu atti dwar kompetizzjoni mhux ġusta, inklużi kopji parasiti, jew attivitajiet simili”.
( 6 ) Sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2009, Infopaq International (C‑5/08, EU:C:2009:465).
( 7 ) Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2022, HV (Sospensjoni tad-dritt tas-sewqan) (C‑266/21, EU:C:2022:754, punt 21 u ġurisprudenza ċċitata).
( 8 ) Skont din il-premessa “[i]l-persuni li huma ntitolati li jitolbu l-applikazzjoni ta’ dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji m’għandhomx ikunu dawk biss li qegħdin iżommu id-dritt, imma wkoll dawk il-persuni li għandhom interess dirett u pożizzjoni legali sa fejn jistgħu u skond il-liġi applikabbli, li jistgħu jinkludu organiżazzjonijiet professjonali li għandhom l-inkarigu ta’ dawk id-drittijiet jew għad-difiża ta’ interessi kollettivi u individwali li għalihom huma jġorru ir-risponsabbilità”.
( 9 ) Sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2021, M.I.C.M. (C‑597/19, EU:C:2021:492, punti 63 u 64 u ġurisprudenza ċċitata).
( 10 ) Sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2022, T.N. u N.N. (Dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja tas-suċċessjoni) (C‑617/20, EU:C:2022:426, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 11 ) Sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2019, IT Development (C‑666/18, EU:C:2019:1099, punt 38).
( 12 ) Sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2019, IT Development (C‑666/18, EU:C:2019:1099, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 13 ) Sentenza tat‑28 ta’ April 2022, Phoenix Contact (C‑44/21, EU:C:2022:309, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 14 ) Sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2017, NEW WAVE CZ (C‑427/15, EU:C:2017:18, punt 24).
( 15 ) Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2021, M.I.C.M. (C‑597/19, EU:C:2021:492, punt 82). B’hekk, l-artikolu 479113, paragrafu 2, tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jgħid li “[f]ejn it-talba għal informazzjoni tal-qorti tippreċedi l-proċedura dwar il-ksur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, din il-proċedura għandha ssir mhux aktar tard minn xahar mid-data tal-eżekuzzjoni tal-ordni relatata mat-talba għal informazzjoni”.
( 16 ) Ara s-sentenzi tat‑18 ta’ Jannar 2017, NEW WAVE CZ (C‑427/15, EU:C:2017:18, punt 25), u tas‑17 ta’ Ġunju 2021, M.I.C.M. (C‑597/19, EU:C:2021:492, punt 83).
( 17 ) Kif indikat fil-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri u proċeduri biex jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, ippreżentata mill-Kummissjoni fit‑30 ta’ Jannar 2003 (COM(2003) 46 finali), p. 16, tali dritt għall-informazzjoni kien ġie introdott fis-sistema legali ta’ ftit Stati Membri biss, jiġifieri fil-Ġermanja fil-liġijiet tal-proprjetà intellettwali u fil-liġi tat-trademarks tal-Benelux.
( 18 ) ĠU 2005, L 94, p. 37.
( 19 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2019, IT Development (C‑666/18, EU:C:2019:1099).
( 20 ) Skont din il-premessa, “[m]inħabba li d-drittijiet ta’ l-awtur jeżistu sa mill-bidu tal-kreazzjoni tax-xogħol u ma tirrikjedix reġistrazzjoni formali, huwa xieraq li tiġi addotata ir-regola stipulata fl-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Berna, li tistabbilixxi l-preżunzjoni fejn l-awtur ta’ biċċa xogħol letterarja u artistika tkun meqjusa tiegħu/tagħha jekk ismu/isimha jidher fuq il-biċċa xogħol […]”.
( 21 ) Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 230).
( 22 ) Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Brompton Bicycle (C‑833/18, EU:C:2020:461, punti 22 sa 25).
( 23 ) Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Constantin Film Verleih, (C‑264/19, EU:C:2020:542, punti 37 u 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, tad-29 ta’ Novembru 2017, Gwida dwar ċerti aspetti tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (COM(2017) 708 final), p. 11, skont liema “biex jiġi żgurat l-użu bbilanċjat tas-sistema ta’ infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, jenħtieġ li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti, b’mod ġenerali, jagħmlu valutazzjoni każ b’każ meta jqisu l-użu tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji” previsti mid-Direttiva 2004/48.
( 24 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ April 2022, Phoenix Contact (C‑44/21, EU:C:2022:309, punt 43).
( 25 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, Bayer Pharma (C‑688/17, EU:C:2019:722, punt 70).
( 26 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża M.I.C.M. (C‑597/19, EU:C:2020:1063, punt 121).