Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020TN0409

    Kawża T-409/20: Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Lulju 2020 – KS vs Frontex

    ĠU C 279, 24.8.2020, p. 52–53 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    24.8.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 279/52


    Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Lulju 2020 – KS vs Frontex

    (Kawża T-409/20)

    (2020/C 279/66)

    Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

    Partijiet

    Rikorrent: KS (rappreżentant: N. de Montigny, avukat)

    Konvenuta: L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta

    Talbiet

    Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjoni ta’ tkeċċija tat-30 ta’ Awwissu 2019 kif ukoll, sa fejn ikun meħtieġ, id-deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda tal-ilment tat-23 ta’ Marzu 2020;

    tannulla d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba ta’ assistenza u ta’ kumpens tat-13 ta’ Frar 2020;

    tikkundanna lill-konvenuta għall-ħlas ta’ kumpens għal responsabbiltà mhux kuntrattwali ffissata għas-somma ta’ EUR 250 000;

    tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka sitt motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq l-assenza ta’ motivazzjoni u fuq il-ksur tad-dritt għal smiegħ.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-istatus ta’ “informatur” previst mill-Artikoli 21a(3) u 22a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ proċedura.

    4.

    Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal proċess xieraq, u b’mod iktar partikolari tad-drittijiet tad-difiża, tal-preżunzjoni ta’ innoċenza, tad-dmir ta’ diliġenza, tal-obbligu ta’ imparzjalità, ta’ newtralità u ta’ oġġettività, tal-assenza ta’ twettiq ta’ investigazzjoni sabiex tiġi stabbilita l-verità u l-ġustifikazzjoni tal-motivi ta’ ksur ta’ fiduċja invokati, tan-nuqqas ta’ ugwaljanza bejn l-aġenti.

    5.

    Il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur manifest ta’ evalwazzjoni.

    6.

    Is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dmirijiet ta’ assistenza u ta’ premura u l-ksur tad-dmir ta’ amministrazzjoni tajba u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    Insostenn tar-rikors kontra d-deċiżjoni li tiċħad it-talba ta’ assistenza tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

    1.

    L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ motivazzjoni u fuq il-ksur tad-dritt għal smiegħ.

    2.

    It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-istatut ta’ “informatur” previst mill-Artikoli 21a(3) u 22a(3) tal-Regolamenti tal-Persunal.

    3.

    It-tielet motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni.

    Insostenn tar-rikors kontra d-deċiżjoni li tiċħad t-talba għal kumpens tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

    1.

    L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal u tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU 2018, L 295, p. 39).

    2.

    It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dmir ta’ premura u ta’ amministrazzjoni tajba f’rabta mal-benesseri fuq ix-xogħol u l-kundizzjonijiet ta’ xogħol tal-aġenti kollha.

    3.

    It-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 21a(3) u 22a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal u tad-dmirijiet ta’ assistenza, ta’ premura u ta’ amministrazzjoni tajba.


    Top