Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020TN0403

    Kawża T-403/20: Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Ġunju 2020 – Wuxi Suntech Power vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 279, 24.8.2020, p. 50–51 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    24.8.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 279/50


    Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Ġunju 2020 – Wuxi Suntech Power vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-403/20)

    (2020/C 279/64)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: Wuxi Suntech Power Co. Ltd (Wuxi, iċ-Ċina) (rappreżentanti: Y. Melin u B. Vignernon, avukati)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/444 tal-25 ta’ Marzu 2020 li jinvalida fatturi maħruġin minn Wuxi Suntech Power Co. Ltd bi ksur tal-impenn imħassar bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1570;

    tikkundanna lill-Kummissjoni, u lil kull intervenjent li jista’ jiġi awtorizzat jintervjeni insostenn tal-Kummissjoni matul il-proċedura, għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża, u l-ksur tal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll tal-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari tal-paragrafu 9 tiegħu, meta qieset li r-rikorrenti kisret il-kundizzjonijiet tal-impenn miftiehem bejn il-Kummissjoni u ċ-CCCME f’isem, inter alia, ir-rikorrenti. Ir-rikorrenti aġixxiet f’konformità mal-impenn billi rrapportat il-fatturi li jikkorrispondu mal-bejgħ mill-ġdid imwettaq minn Suntech Europe France, Suntech Power Italy Co., Srl u Suntech Power Deutschland GmbH lill-ewwel klijent indipendenti fl-Unjoni sakemm hija ma kellhiex iktar rabtiet ma’ dawn il-kumpanniji. Ir-rikorrenti aġixxiet f’konformità mal-impenn ukoll billi nnotifikat lill-Kummissjoni fi żmien xieraq dwar il-bidla fil-holding tagħha wara ristrutturazzjoni li temmet l-affiljazzjoni tar-rikorrenti mal-imsemmija kumpanniji.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li anki kieku r-rikorrenti kisret l-impenn, quod non, il-Kummissjoni aġixxiet b’mod illegali billi ddikjarat li l-fatturi rilevanti huma invalidi u billi ġabret dazji fuqhom peress li s-setgħat li hija toqgħod fuqhom sabiex tagħmel dan skadew u/jew ġew revokati. Allegatament, dan huwa minħabba li r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1238/2013 u Nru 1239/2013 skadew fis-7 ta’ Diċembru 2015. B’mod simili, ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/367 u Nru 2017/366 skadew fit-3 ta’ Settembru 2018.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1238/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw fi jew li huma kkonsinjati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/367 tal-1 ta’ Marzu 2017 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u l-komponenti ewlenin (jiġifieri ċ-ċelloli) li joriġinaw jew jintbagħtu mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jtemm l-investigazzjoni dwar ir-rieżami interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) 2016/1036, tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1239/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw jew li huma kkunsinnati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, u tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/366 tal-1 ta’ Marzu 2017 li jimponi dazji kumpensatorji fuq l-importazzjoni ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u l-komponenti ewlenin (jiġifieri ċ-ċelloli) li joriġinaw jew jintbagħtu mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami tal-skadenza skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jtemm l-investigazzjoni dwar ir-rieżami interim parzjali skont Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) 2016/1037, li jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni sabiex tkun tista’ tiddikjara li fatturi tal-impenn huma invalidi u tordna lid-dwana tiġbor dazji fuq importazzjonijiet preċedenti rrilaxxati għal ċirkulazzjoni libera.


    Top