Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CN0497

    Kawża C-497/20: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte suprema di cassazione (l-Italja) fit-30 ta’ Settembru 2020 – Randstad Italia SpA vs Umana SpA et

    ĠU C 433, 14.12.2020, p. 36–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    14.12.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 433/36


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte suprema di cassazione (l-Italja) fit-30 ta’ Settembru 2020 – Randstad Italia SpA vs Umana SpA et

    (Kawża C-497/20)

    (2020/C 433/45)

    Lingwa tal-kawża: it-Taljan

    Qorti tar-rinviju

    Corte suprema di cassazione

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: Randstad Italia SpA

    Konvenuti: Umana SpA, Azienda USL Valle d’Aosta, IN. VA SpA, Synergie Italia agenzia per il lavoro SpA

    Domandi preliminari

    1)

    L-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 19(1) TUE, l-Artikolu 2(1) u (2), u l-Artikolu 267 TFUE, moqrija anki fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jipprekludu interpretazzjoni, bħal dik li tirrigwarda t-tmien paragrafu tal-Artikolu 111 tal-Kostituzzjoni, l-punt 1 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 360, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 362 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, u l-Artikolu 110 tal-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva – sa fejn tali dispożizzjonijiet jikkontemplaw l-appell ta’ kassazzjoni minn sentenzi tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) abbażi ta’ “aggravji marbuta mal-ġurisdizzjoni” – kif jirriżulta mis-sentenza tal-Corte costituzionale (il-Qorti Konstituzzjonali) Nru 6 tal-2018 u mill-ġurisprudenza nazzjonali suċċessiva li, filwaqt li varjat id-direzzjoni preċedenti, iddeċidiet li r-rimedju tal-appell ta’ kassazzjoni, taħt il-kap tal-hekk imsejjaħ “nuqqas ta’ setgħa ġudizzjarja”, ma jistax jintuża sabiex jiġu annullati sentenzi tal-Consiglio di Stato li japplikaw prassi interpretattivi żviluppati fl-ambitu nazzjonali li huma f’kunflitt mas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, f’setturi irregolati mid-dritt tal-Unjoni Ewropea (f’dan il-każ, marbuta mal-għoti ta’ kuntratt għal xogħolijiet pubbliċi) li fihom l-Istati Membri rrinunzjaw milli jeżerċitaw is-setgħat sovrani tagħhom b’mod inkompatibbli ma’ tali dritt, bil-konsegwenza li ġie kkonsolidat il-ksur tad-dritt Komunitarju liema ksur jista’ jiġi kkorreġut permezz tal-imsemmi rimedju u li ġiet ippreġudikata l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni u l-effettività tal-protezzjoni ġudizzjarja tas-sitwazzjonijiet legali suġġettivi ta’ rilevanza Komunitarja, bi ksur tar-rekwiżit li tali dritt jiġi attwat b’mod sħiħ u diliġenti minn kull qorti, b’mod li jkun obbligatorjament konformi mal-interpretazzjoni korretta tiegħu mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’osservanza tal-limiti għall-“awtonomija proċedurali” tal-Istati Membri fid-determinazzjoni tar-regoli proċedurali?

    2)

    L-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 19(1) TUE, u l-Artikolu 267 TFUE, moqrija anki fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jipprekludu l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tat-tmien paragrafu tal-Artikolu 111 tal-Kostituzzjoni, tal-punt 1 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 360, tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 362 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, u tal-Artikolu 110 tal-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva, li tirriżula mill-ġurisprudenza nazzjonali, li skontha appell ta’ kassazzjoni quddiem l-Awli Magħquda [tal-Qorti ta’ Kassazzjoni] bbażat fuq “aggravji marbuta mal-ġurisdizzjoni”, taħt il-kap ta’ “nuqqas ta’ setgħa ġudizzjarja”, ma jistax jiġi ppreżentat bħala rimedju kontra s-sentenzi li fihom il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat), filwaqt li jiddeċiedi kawżi li jirrigwardaw kwistjonijiet ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jastjeni mingħajr motivazzjoni milli jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’rinviju għal deċiżjoni preliminari, fl-assenza ta’ kundizzjonijiet, li għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv, elenkati b’mod tassattiv minn din tal-aħħar (mis-sentenza ta-6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et, 283/81, EU:C:1982:335), li fihom il-qorti nazzjonali hija eżentata mill-obbligu li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod kuntrarju għall-prinċipju li skontu huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni r-regoli jew il-prassi proċedurali nazzjonali, kemm jekk ta’ natura leġiżlattiva kif ukoll kostituzzjonali, li jċaħħdu, anki temporanjament, lil qorti nazzjonali (irrispettivament mill-fatt jekk din tkunx qorti tal-aħħar grad jew le) mil-libertà li twettaq rinviju għal deċiżjoni preliminari, fatt li għandu l-effett li jaħtaf il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tipprovdi l-interpretazzjoni korretta u vinkolanti tad-dritt Komunitarju, li jirrendi irrimedjabbli (u li jiffavorixxi il-konsolidazzjoni ta’) kuntrarjetà possibbli ta’ interpretazzjoni bejn id-dritt applikat mill-qorti nazzjonali u d-dritt tal-Unjoni u li jippreġudika l-applikazzjoni uniformi u l-effettività tal-protezzjoni ġudizzjarja tal-kwistjonijet ġuridiċi suġġettivi mogħtija mid-dritt tal-Unjoni?

    3)

    Il-prinċipji tal-Qorti tal-Ġustizzja sanċiti fis-sentenzi tal-5 ta’ Settembru 2019, Lombardi (C-333/18, EU:C:2019:675), tal-5 ta’ April 2016, PFE (C-689/13, EU:C:2016:199), u tal-4 ta’ Lulju 2013, Fastweb (C-100/12, EU:C:2013:448), b’rabta mal-Artikolu 1(1) u (3), u l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 89/665/KEE (1), kif emendata bid-Direttiva 2007/66/KE (2), huma applikabbli għall-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fih, meta jiġi adit b’tilwima li fiha impriża kienet qiegħda tikkontesta l-esklużjoni tagħha minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku u l-għoti ta’ dan il-kuntratt lil impriża oħra, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) jeżamina fil-mertu biss il-motiv li bih l-impriża eskluża tikkontesta l-marka inferjuri għall-“limitu obbligatorju” mogħtija lill-offerta teknika tagħha u, billi jeżamina bi prijorità l-appelli incidentali tal-awtorità kontraenti u tal-impriża rebbieħa, jilqa’ dawn l-appelli billi jiddikjara inammissibbli (u mingħajr ma jeżaminahom fil-mertu) il-motivi l-oħra tal-appell prinċipali li permezz tagħhom ir-riżultat tal-proċedura tal-għoti tal-kuntratt jiġi kkontestat għal raġunijiet oħra (natura mhux iddeterminata tal-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-offerti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, nuqqas ta’ motivazzjoni tal-marki mogħtija, ħatra u kompożizzjoni illegali tal-kumitat ta’ aġġudikazzjoni), billi applika ġurisprudenza nazzjonali li skontha l-impriża eskluża minn proċedura ta’ sejħa għal offerti għal kuntratt ma għandhiex il-locus standi sabiex tinvoka ilmenti li jikkontestaw l-għoti tal-kuntratt lill-impriża kompetitriċi, anki dawk li jkunu jirrendu nulla l-proċedura ta’ sejħa għal offerti, meta huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk huwiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni l-fatt li l-impriża tiġi mċaħħda mid-dritt li tissottometti għall-eżami tal-qorti kull motiv ta’ kontestazzjoni tar-riżultat tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, f’sitwazzjoni li fiha l-esklużjoni tagħha ma ġietx ikkonstatata definittivament u li fiha kull wieħed mill-offerenti jista’ jinvoka interess leġittimu analogu għall-esklużjoni tal-offerta tal-oħrajn, fatt li jista’ jwassal lill-awtorità kontraenti sabiex tikkonstata l-impossibbiltà li tagħżel offerta regolari oħra u għall-ftuħ ta’ proċedura ġdida ta’ sejħa għal offerti, li fiha kull wieħed mill-offerenti ikun jista’ jipparteċipa?


    (1)  Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet u għal provvisti] (ĠU 1989, L 395, p. 33).

    (2)  Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2007 li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/665/KEE u 92/13/KEE fir-rigward tat-titjib fl-effettività ta’ proċeduri ta’ reviżjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (ĠU 2007, L 335, p. 31).


    Top