Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CN0156

    Kawża C-156/20: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court of the United Kingdom fis-6 ta’ April 2020 – Zipvit Ltd vs Commissioners for Her Majesty’s Revenue & Customs

    ĠU C 215, 29.6.2020, p. 24–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    29.6.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 215/24


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court of the United Kingdom fis-6 ta’ April 2020 – Zipvit Ltd vs Commissioners for Her Majesty’s Revenue & Customs

    (Kawża C-156/20)

    (2020/C 215/29)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Qorti tar-rinviju

    Supreme Court of the United Kingdom.

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: Zipvit Ltd.

    Konvenuti: Commissioners for Her Majesty’s Revenue & Customs

    Domandi preliminari

    1)

    Meta (i) awtorità tat-taxxa, il-fornitur u l-operatur li huwa persuna taxxabbli jinterpretaw b’mod żbaljat il-leġiżlazzjoni Ewropea dwar il-VAT u jittrattaw provvista, li hija taxxabbli bir-rata standard, bħala eżenti mill-VAT, (ii) il-kuntratt bejn il-fornitur u l-operatur jkun indika li l-prezz tal-provvista kien eżenti mill-VAT u jkun stabbilixxa li fil-każ li tkun dovuta l-VAT huwa l-operatur li għandu jħallasha, (iii) il-fornitur qatt ma jitlob u ma għadx jista’ jitlob il-VAT addizzjonali dovuta mill-operatur, u (iv) l-awtorità tat-taxxa ma tistax jew ma għadx tista’ (permezz tal-operazzjoni ta’ limitazzjoni) titlob mill-fornitur il-VAT li kienet dovuta, l-effett tad-Direttiva (1) huwa li l-prezz fil-fatt imħallas ikun jinkludi flimkien ammont nett dovut inkluża l-VAT eżiġibbli fuqu sabiex l-operatur jkun jista’ jinvoka tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa skont l-Artikolu 168(a) tad-Direttiva bħala VAT li kienet fil-fatt “imħallsa” għal din il-provvista?

    2)

    Alternattivament, f’dawn iċ-ċirkustanzi, jista’ l-operatur jinvoka tnaqqis tat-taxxa tal-input skont l-Artikolu 168(a) tad-Direttiva bħala VAT li kienet fil-fatt “dovuta” għal din il-provvista?

    3)

    Meta awtorità tat-taxxa, il-fornitur u l-operatur li huwa persuna taxxabbli jinterpretaw b’mod żbaljat il-leġiżlazzjoni Ewropea dwar il-VAT u jittrattaw provvista, li hija taxxabbli bir-rata standard, bħala eżenti mill-VAT, bil-konsegwenza li l-operatur ma jkunx jista’ jipprovdi lill-awtorità tat-taxxa fattura tal-VAT li tkun konformi mal-Artikolu 226(9) u (10) tad-Direttiva għall-provvista magħmula lilu, l-operatur jista’ jinvoka tnaqqis tat-taxxa tal-input skont l-Artikolu 168(a) tad-Direttiva?

    4)

    B’risposta għad-domandi 1 sa 3:

    a)

    huwa rilevanti li ssir investigazzjoni dwar jekk il-fornitur ikollux difiża, indipendentement jekk din tkunx ibbażata fuq aspettattivi leġittimi jew le, li tirriżulta mid-dritt nazzjonali jew mid-dritt tal-Unjoni Ewropea, għal kwalunkwe tentattiv mill-awtorità tat-taxxa li toħroġ valutazzjoni li teżiġi li huwa jagħti rendikont għal somma li tirrappreżenta VAT fir-rigward tal-provvista?

    b)

    huwa rilevanti li l-operatur jkun kiseb għarfien fl-istess ħin bħall-awtorità tat-taxxa u l-fornitur li l-provvista ma kinitx fil-fatt eżenti, jew li kellu l-istess mezzi ta’ għarfien bħalhom, u seta’ offra li jħallas il-VAT li kienet dovuta għall-provvista (ikkalkolata abbażi tal-prezz kummerċjali tal-provvista) sabiex din titħallas lill-awtorità tat-taxxa, iżda naqas milli jagħmel dan?


    (1)  Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60.)


    Top