Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0342

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-7 ta’ April 2022.
    A SCPI.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Helsingin hallinto-oikeus.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Artikoli 63 u 65 TFUE – Moviment liberu tal-kapital – Restrizzjonijiet – Taxxa fuq id-dħul tal-persuni ġuridiċi – Eżenzjoni tal-fondi ta’ investiment – Kundizzjonijiet għall-eżenzjoni – Kundizzjoni dwar il-forma kuntrattwali tal-fond.
    Kawża C-342/20.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:276

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    7 ta’ April 2022 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Artikoli 63 u 65 TFUE – Moviment liberu tal-kapital – Restrizzjonijiet – Taxxa fuq id-dħul tal-persuni ġuridiċi – Eżenzjoni tal-fondi ta’ investiment – Kundizzjonijiet għall-eżenzjoni – Kundizzjoni dwar il-forma kuntrattwali tal-fond”

    Fil-Kawża C‑342/20,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Helsingin hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Ħelsinki, il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Lulju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Lulju 2020, fil-proċedura

    A SCPI

    fil-preżenza ta’:

    Veronsaajien oikeudenvalvontayksikkö,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Ewwel Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, I. Ziemele (Relatriċi), T. von Danwitz, P. G. Xuereb u A Kumin, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Gvern Finlandiż, inizjalment minn H. Leppo, A. Laine u S. Hartikainen, sussegwentement minn H. Leppo u A. Laine, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn W. Roels u I. Koskinen, sussegwentement minn W. Roels, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑6 ta’ Ottubru 2021,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49, 63 u 65 TFUE.

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċedura mibdija minn A SCPI, kumpannija rregolata mid-dritt Franċiż, dwar id-deċiżjoni preliminari tal-Verohallinto (l-Amministrazzjoni Fiskali, il-Finlandja) tat‑13 ta’ Ġunju 2019 dwar it-tassazzjoni tad-dħul mill-kiri u l-profitti mit-trasferiment ta’ proprjetà immobbli li tinsab fil-Finlandja u ta’ azzjonijiet ta’ kumpanniji proprjetarji ta’ proprjetà immobbli li jinsabu fil-Finlandja, irċevuti minn A f’dan l-Istat Membru matul is-snin fiskali 2019 u 2020 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat‑13 ta’ Ġunju 2019”).

    Il‑kuntest ġuridiku

    Id‑dritt tal‑Unjoni

    3

    L-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU 2009, L 302, p. 32), jipprevedi:

    “1.   Din id-Direttiva tapplika għal impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) stabbiliti fit-territorju tal-Istati Membri.

    2.   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, u suġġett għall-Artikolu 3, il- UCITS tfisser impriża:

    (a)

    b’ għan waħdieni ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli jew f’assi likwidi finanzjarji oħrajn imsemmija fl-Artikolu 50(1) ta’ kapital miġbur mill-pubbliku u li joperaw fuq il-prinċipju ta’ tixrid tar-riskju; u

    (b)

    b’ unitajiet li huma, fuq it-talba tat-titolari, mixtrija mill-ġdid jew mifdija, direttament jew indirettament, mill-assi ta’ dawk l-impriżi. Azzjoni meħuda minn UCITS sabiex jiġi żgurat li l-valur tal-Borża tal-unitajiet tagħha ma jvarjawx b’mod sinifikanti mill-valur nett tagħhom tal-assi għandha titqies bħala ekwivalenti għal dan ix-xiri mill-ġdid jew it-tifdija.

    L-Istati Membri jistgħu jippermettu li UCITS ikunu jikkonsistu f’ diversi kompartimenti ta’ investiment.

    3.   L- impriżi msemmija fil-paragrafu 2 jistgħu jiġu kkostitwiti f’konformita’ mal-liġi tal-kuntratti (bħala fondi komuni mmaniġġjati minn kumpaniji tal-maniġment), il-liġi dwar it-‘trusts’ (bħala unitajiet ta’ trust), jew statut (bħala kumpaniji ta’ investiment).

    […]”

    4

    L-Artikolu 2(1) u (2) tad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU 2011, L 174, p. 1) jiddisponi:

    “1.   Suġġett għall-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu u għall-Artikolu 3, din id-Direttiva għandha tapplika għal:

    (a)

    [Fondi ta’ investiment alternattivi (AIFMs)] tal-UE, li jimmaniġġaw AIF wieħed jew iżjed irrispettivament minn jekk dawn l-AIFs humiex AIFs tal-UE jew AIFs mhux tal-UE;

    (b)

    AIFMs mhux tal-UE, li jimmaniġġaw AIF wieħed jew iżjed tal-UE; u

    (c)

    AIFMs tal-UE, li jikkummerċjalizzaw AIF wieħed jew iżjed fl-Unjoni irrispettivament minn jekk tali AIFs humiex AIFs tal-UE jew AIFs mhux tal-UE.

    2.   Għal finijiet tal-paragrafu, dan li ġej m’għandu l-ebda sinifikat:

    (a)

    jekk l-AIF humiex tat-tip miftuħa (open-ended) jew li jagħlqu (close-ended);

    (b)

    jekk l-AIF huwiex kostitwit skont il-liġi tal-kuntratti, skont il-liġi dwar it-trusts, skont statut, jew jekk għandux forma ġuridika oħra;

    (c)

    l-struttura legali tal-AIFM.”

    5

    Skont l-Artikolu 4(1)(a) ta’ din id-direttiva:

    “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    ‘AIFs’ tfisser impriżi ta’ investiment kollettiv, inkluż kompartimenti ta’ investiment tagħhom li:

    (i)

    jiġġeneraw kapital minn numru ta’ investituri bil-ħsieb ta’ investiment f’konformità ma’ politika ta’ investiment definita għall-benefiċċju ta’ dawk l-investituri, u

    (ii)

    ma jeħtieġux awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/65/KE”.

    Id‑dritt Finlandiż

    6

    Skont il-punt 4 tal-Artikolu 3 tat-tuloverolaki (1535/1992) (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul (1535/1992)) tat‑30 ta’ Diċembru 1992, kif emendata bil-Liġi Nru 528/2019 tat‑12 ta’ April 2019 (iktar ’il quddiem, il-“Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul”), “entità” tfisser b’mod partikolari, il-kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata, il-fond ta’ investiment u l-fond speċjali ta’ investiment.

    7

    Konformement mal-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, il-persuni fiżiċi li ma kinux iddomiċiljati fil-Finlandja matul is-sena fiskali u l-entitajiet barranin għandhom iħallsu taxxa fuq id-dħul irċevut fil-Finlandja.

    8

    L-Artikolu 10 ta’ din il-liġi jistabbilixxi:

    “Id-dħul riċevut fil-Finlandja jinkludi:

    1)

    id-dħul minn proprjetajiet immobbli li jinsabu fil-Finlandja jew minn binjiet miżmuma permezz ta’ azzjonijiet ta’ kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata ta’ akkomodazzjoni jew ta’ kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata oħra Finlandiża jew permezz ta’ affiljazzjoni ma’ koperattiva Finlandiża ta’ akkomodazzjoni jew oħrajn;

    […]

    6)

    id-dividendi, il-bilanċi minn koperattiva u d-dħul ieħor simili minn kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata, minn koperattiva jew minn entità Finlandiża oħra, kif ukoll is-sehem mill-profitt ta’ grupp Finlandiż;

    […]

    10)

    il-profitt mit-trasferiment ta’ proprjetà immobbli li jinsab fil-Finlandja jew mit-trasferiment ta’ azzjonijiet jew ta’ ishma ta’ kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata ta’ akkomodazzjoni jew minn kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata oħra jew koperattiva Finlandiża, li iktar minn 50 % tal-assi totali tagħhom huwa magħmul minn proprjetà immobbli waħda jew iktar li jinsabu fil-Finlandja.”

    9

    L-Artikolu 20a tal-imsemmija liġi, applikabbli mill‑1 ta’ Jannar 2020, jipprevedi fl-ewwel, fit-tieni, fir-raba’ u s-seba’ paragrafi tiegħu:

    “Il-fondi ta’ investiment fis-sens tal-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tal-Kapitolu 1 tas-sijoitusrahastolaki (213/2019) [il-Liġi dwar il-Fondi ta’ Investiment (213/2019)] kif ukoll il-fondi miftuħa ta’ investiment barranin, stabbiliti b’kuntratt, komparabbli magħhom, li l-ishma tagħhom huma miżmuma minn tal-inqas 30 detentur, huma eżentati mit-taxxa fuq id-dħul.

    Id-dispożizzjonijiet tal-ewwel paragrafu dwar l-eżenzjoni tal-fondi ta’ investiment japplikaw ukoll għall-fondi speċjali ta’ investiment fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Kapitolu 2 tal-vaihtoehtorahastojen hoitajista annettu laki (162/2014) [il-Liġi dwar l-Amministraturi ta’ Fondi Alternattivi (162/2014)) u għall-fondi speċjali ta’ investiment barranin, stabbiliti b’kuntratt, komparabbli magħhom, bil-kundizzjoni li dawn ikunu fondi miftuħa, li l-ishma tagħhom huma miżmuma minn tal-inqas 30 detentur.

    […]

    L-eżenzjoni ta’ fond ta’ investiment speċjali fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Kapitolu 2 tal-Liġi dwar l-Amministraturi ta’ Fondi Alternattivi jew ta’ Fond Speċjali ta’ Investiment Barrani, stabbilit b’kuntratt, komparabbli miegħu, li jinvesti l-assi tiegħu prinċipalment fi proprjetà immobbli jew f’titoli ta’ proprjetà immobbli kif indikat fl-Artikolu 4 tal-Kapitolu 16 tal-liġi ċċitata iktar ’il fuq, hija suġġetta għall-kundizzjoni li dan il-fond iqassam lid-detenturi tal-ishma tiegħu, fuq bażi annwali, tal-inqas tliet kwarti tal-profitti tas-sena, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni żidiet ta’ valur mhux realizzat.

    […]

    Meta fond ta’ investiment jew fond ta’ investiment speċjali jkun ikkostitwit minn żewġ kompartimenti jew iktar ta’ investiment, dawn għandhom ikunu suġġetti għad-dispożizzjonijiet relatati mal-fondi ta’ investiment jew mal-fondi speċjali ta’ investiment.”

    Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

    10

    A hija kumpannija ċivili ta’ investiment immobiljari b’kapital varjabbli rregolata mid-dritt Franċiż li jinvesti fi proprjetajiet immobbli li jinsabu fiż-żona tal-euro, li huma mikrija lil impriżi. Bħala fond ta’ investiment alternattiv fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2011/61, A huwa suġġett għall-kontroll tal-Autorité des marchés financiers (l-Awtorità tas-Swieq Finanzjarji, Franza).

    11

    A Asset Management SAS, kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata ssimplifikata taħt id-dritt Franċiż, tiżgura l-ġestjoni ta’ A u tieħu d-deċiżjonijiet kollha li jikkonċernawha. Dawn iż-żewġ kumpanniji għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Franza u ma għandhom l-ebda stabbiliment fil-Finlandja.

    12

    L-investituri li ssottoskrivew ishma ta’ A jirċievu d-dħul tagħhom fuq bażi annwali li tikkorrispondi għad-dħul mill-kera nett u għad-dħul finanzjarju nett ieħor riċevut minn A. Id-distribuzzjoni tal-profitti hija deċiża mil-laqgħa ġenerali ta’ din il-kumpannija.

    13

    Fi Franza, A hija entità fiskalment trasparenti li ma hijiex suġġetta għat-taxxa fuq id-dħul. Huma l-investituri li huma suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul mir-redditu mill-ishma ta’ A kif ukoll mill-bejgħ jew mir-rimbors ta’ dawn l-ishma.

    14

    Fix-xahar ta’ Ġunju 2019, A kienet ipprevediet li tiffirma kuntratt dwar ix-xiri ta’ azzjonijiet ta’ żewġ kumpanniji pubbliċi ta’ proprjetà immobbli ta’ responsabbiltà limitata reċiproċi stabbiliti fil-Finlandja u proprjetarji ta’ proprjetà immobbli kummerċjali li jinsabu f’dan l-Istat Membru, li A kellha l-intenzjoni li tikri għal mill-inqas ħames snin. A kellha wkoll l-intenzjoni li tagħmel investimenti immobiljari oħra ta’ dan it-tip jew li tixtri direttament proprjetà fil-Finlandja.

    15

    Sabiex isir magħruf jekk id-dħul u l-profitti minn dawn l-investimenti humiex taxxabbli fil-Finlandja, A ressqet quddiem l-amministrazzjoni fiskali talba għal deċiżjoni preliminari vinkolanti dwar is-snin fiskali 2019 u 2020.

    16

    Permezz tad-deċiżjoni tat‑13 ta’ Ġunju 2019, l-amministrazzjoni fiskali qieset li, fir-rigward tas-sena fiskali 2019, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet fiskali fis-seħħ matul din is-sena fiskali, A setgħet, minħabba l-karatteristiċi essenzjali tagħha, titqies li kienet f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik ta’ fond ta’ investiment fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 3 tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul. Din l-amministrazzjoni qieset, konsegwentement, li d-dħul irċevut minn A fil-Finlandja u li ġej mill-kiri jew mill-bejgħ ta’ proprjetà immobbli li tinsab f’dan l-Istat Membru kif ukoll miċ-ċessjoni ta’ azzjonijiet ta’ kumpanniji ta’ responsabbiltà limitata proprjetarji ta’ proprjetajiet immobbli li jinsabu f’dan l-Istat Membru kienu eżentati mit-taxxa fuq id-dħul.

    17

    Għall-kuntrarju, fir-rigward tas-sena fiskali 2020, l-amministrazzjoni fiskali kkunsidrat, abbażi tal-emendi magħmula għal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul applikabbli mill‑1 ta’ Jannar 2020, li A, bħala kumpannija b’kapital varjabbli, kellha tiġi assimilata mhux ma’ fond ta’ investiment fil-forma kuntrattwali msemmija fl-Artikolu 20a tal-imsemmija liġi, iżda ma’ kumpannija ta’ responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Finlandiż.

    18

    Konsegwentement, din l-amministrazzjoni qieset li, matul is-sena fiskali 2020, id-dħul irċevut minn A fil-Finlandja u mill-kiri jew mill-bejgħ ta’ proprjetà immobbli li tinsab f’dan l-Istat Membru kif ukoll miċ-ċessjoni ta’ azzjonijiet ta’ kumpanniji ta’ responsabbiltà limitata proprjetarji ta’ proprjetà immobbli li jinsabu f’dan l-Istat Membru, huma taxxabbli fil-Finlandja bis-saħħa tal-punti 1, 6 u 10 tal-Artikolu 10, kif ukoll tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 20a tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul.

    19

    A ressqet rikors quddiem il-Helsingin hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Ħelsinki, il-Finlandja), il-qorti tar-rinviju, kontra d-deċiżjoni tat‑13 ta’ Ġunju 2019 sa fejn hija rrifjutat li tirrikonoxxi l-eżenzjoni tad-dħul minn proprjetà immobbli ta’ sors Finlandiż matul is-sena fiskali 2020. Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, A ssostni li l-Artikolu 20a tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul imur kontra d-dritt tal-Unjoni u ssostni li, indipendentement mill-forma statutorja tagħha, kif prevista mil-leġiżlazzjoni Franċiża dwar il-fondi ta’ investiment, il-karatteristiċi funzjonali tagħha huma komparabbli ma’ dawk ta’ fond ta’ investiment Finlandiż eżentat mit-taxxa fuq id-dħul.

    20

    Il-Veronsaajien oikeudenvalvontayksikkö (id-Dipartiment tal-Amministrazzjoni Fiskali Responsabbli mid-Difiża tad-Drittijiet tad-Destinatarji tad-Dħul Fiskali, il-Finlandja) iqis li fl-assenza ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni tal-forom li jista’ jkollhom l-impriżi ta’ investiment kollettiv u tar-regoli dwar it-tassazzjoni tad-dħul tagħhom, il-miżuri nazzjonali li jirregolaw it-tassazzjoni tal-impriżi ta’ investiment kollettiv kif ukoll il-forom, il-metodi ta’ funzjonament jew l-attivitajiet ta’ dawn l-impriżi, jistgħu jvarjaw minn Stat Membru għall-ieħor. A ma tissodisfax il-kundizzjonijiet previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 20a tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul sabiex tibbenefika mill-eżenzjoni tat-taxxa fuq id-dħul, li tagħti din l-eżenzjoni biss lill-fondi kkostitwiti bis-saħħa ta’ kuntratt.

    21

    Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li mid-deċiżjoni tat‑13 ta’ Ġunju 2019 jirriżulta li, minħabba d-dħul fis-seħħ, fl‑1 ta’ Jannar 2020, tal-Artikolu 20a tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, A ma tistax tibqa’ tiġi assimilata ma’ fond ta’ investiment Finlandiż eżentat mit-taxxa fuq id-dħul iżda issa hija taxxabbli fuq id-dħul immobbli tagħha rċevut fil-Finlandja.

    22

    Il-qorti tar-rinviju tesponi li mix-xogħol preparatorju għall-adozzjoni tal-Artikolu 20a tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul jirriżulta li l-intenzjoni tal-leġiżlatur nazzjonali kienet, b’mod partikolari, li jidentifika bi preċiżjoni l-każijiet li fihom fond barrani għandu jiġi assimilat ma’ fond Finlandiż eżentat, kemm jekk ikun fond ta’ investiment jew fond speċjali ta’ investiment, u dan, sabiex titjieb il-prevedibbiltà tat-taxxa, li tiżdied iċ-ċertezza legali u jitneħħew spejjeż amministrattivi.

    23

    Il-leġiżlatur nazzjonali kellu wkoll l-intenzjoni li jiżgura kompetizzjoni mhux distorta billi jqiegħed il-fondi Finlandiżi u l-fondi barranin fuq livell ugwali. Fl-assenza ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ fondi ta’ investiment, in-natura ġenerali tad-dispożizzjonijiet fiskali nazzjonali, fil-passat, ikkontribwixxiet sabiex tiġi ffaċilitata l-assimilazzjoni tal-fondi barranin ma’ fondi ta’ investiment Finlandiżi, filwaqt li dawn tal-aħħar mhux bilfors ibbenefikaw, barra mill-pajjiż, minn trattament komparabbli, jew saħansitra kienu suġġetti għal leġiżlazzjoni iktar stretta.

    24

    Skont din il-qorti, il-modifiki adottati mil-leġiżlatur ma humiex intiżi sabiex jikkontestaw ir-regola li t-trattament fiskali fil-Finlandja jiddependi mill-forma ġuridika tal-istrument ta’ investiment, iżda sabiex il-leġiżlazzjoni fiskali ssir iktar preċiża fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-fondi li għandhom il-forma kuntrattwali, kemm jekk ikunu residenti jew mhux residenti, mingħajr madankollu ma jestendu l-applikazzjoni tal-eżenzjoni għal forom oħra ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv. Din il-qorti tindika wkoll li skont il-leġiżlazzjoni Finlandiża applikabbli għall-fondi ta’ investiment, il-fondi ta’ investiment jistgħu jiġu kkostitwiti biss permezz ta’ kuntratt.

    25

    Il-qorti tar-rinviju tqis, għaldaqstant, li għandha tirrispondi għad-domanda dwar jekk A, għall-finijiet tas-sena fiskali 2020, għandhiex tiġi assimilata mal-fondi ta’ investiment Finlandiżi eżentati mit-taxxa fuq id-dħul riċevut fil-Finlandja, jew jekk għandhiex tħallas taxxa f’ras il-għajn fuq id-dħul mill-kiri u l-profitti li jirriżultaw mill-attività immobiljari tagħha f’dan l-Istat Membru.

    26

    B’mod partikolari, din il-qorti tistaqsi jekk l-Artikoli 49, 63 u 65 TFUE jipprekludux l-Artikolu 20a tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, li bis-saħħa tiegħu huma biss il-fondi ta’ investiment barranin miftuħa, maħluqa permezz ta’ kuntratt, li jiġu assimilati mal-fondi ta’ investiment Finlandiżi eżentati mit-taxxa fuq id-dħul, b’mod li, pereżempju, il-fondi ta’ investiment maħluqa fil-forma ta’ kumpannija, bħal A, ma jistgħux iktar, mid-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 20a tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, jiġu assimilati mal-fondi ta’ investiment Finlandiżi eżentati.

    27

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Helsingin hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Ħelsinki) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “L-Artikoli 49, 63 u 65 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet legali nazzjonali li jipprovdu li huma biss fondi miftuħa ta’ investiment barranin stabbiliti f’forma kuntrattwali li jistgħu jitqiesu li huma ekwivalenti għal fondi ta’ investiment Finlandiżi eżentati mit-taxxa fuq id-dħul, b’tali mod li fondi ta’ investiment barranin li l-forma legali tagħhom ma hijiex stabbilita b’kuntratt huma suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn fil-Finlandja, minkejja li ma hemm ebda differenza oġġettiva sinjifikattiva oħra bejnhom u l-fondi ta’ investiment Finlandiżi?”

    Fuq id‑domanda preliminari

    Osservazzjonijiet preliminari

    28

    Għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li l-kawża inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwarda l-possibbiltà għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li hija fond ta’ investiment alternattiv fis-sens tad-Direttiva 2011/61, ikkostitwita, fi Franza, fil-forma ta’ kumpannija mhux suġġetta għat-taxxa fuq id-dħul u li tibbenefika f’dan l-Istat Membru mis-sistema ta’ trasparenza fiskali, li tikseb, fil-Finlandja, l-eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul mid-dħul mill-kiri u mill-profitti li jirriżultaw mit-trasferiment ta’ proprjetà immobbli u minn azzjonijiet ta’ kumpanniji pubbliċi ta’ proprjetà immobbli ta’ responsabbiltà limitata, riċevuti f’dan l-Istat Membru.

    29

    Skont id-deċiżjoni tat‑13 ta’ Ġunju 2019, l-imsemmi dħul, eżentat mit-taxxa matul is-sena fiskali 2019, sar taxxabbli għas-sena fiskali 2020 minħabba d-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 20a tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, u dan, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-fatt li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma għandhiex il-forma kuntrattwali, iżda l-forma statutorja.

    30

    Sussegwentement, għandu jiġi ppreċiżat li, skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Gvern Finlandiż, minn naħa, il-kunċett ta’ “fond ta’ investiment”, fis-sens tal-Liġi dwar il-Fondi ta’ Investiment (213/2019), jindika biss UCITS fis-sens tad-Direttiva 2009/65 li għandha l-forma kuntrattwali. Il-kunċett ta’ “fondi speċjali ta’ investiment” fis-sens tal-Liġi dwar l-Amministraturi ta’ Fondi Alternattivi (162/2014) jindika wieħed mill-forom ġuridiċi ta’ fondi ta’ investiment alternattivi msemmija fid-Direttiva 2011/61 u jirreferi wkoll biss għall-fondi li għandhom forma kuntrattwali. Min-naħa l-oħra, fond ta’ investiment alternattiv, fis-sens tad-Direttiva 2011/61, jista’ jinħoloq fil-Finlandja wkoll taħt il-forma statutorja u jwettaq investimenti fil-proprjetà immobbli, mingħajr madankollu ma jibbenefika mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 20a tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul.

    31

    Fl-aħħar, konformement mar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 20a tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, eżenzjoni ta’ taxxa fuq id-dħul hija mogħtija lil fond speċjali ta’ investiment fis-sens tal-Liġi dwar l-Amministraturi ta’ Fondi Alternattivi (162/2014) jew ta’ Fond Speċjali ta’ Investiment Barrani, stabbilit b’kuntratt, komparabbli miegħu, li jinvesti l-assi tiegħu prinċipalment fi proprjetà immobbli jew f’titoli ta’ proprjetà immobbli, bil-kundizzjoni li dan il-fond iqassam lid-detenturi tal-ishma tiegħu, fuq bażi annwali, tal-inqas tliet kwarti tal-profitti tas-sena, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni żidiet ta’ valur mhux realizzat.

    32

    Mingħajr ma tiddeċiedi dwar l-osservanza minn A ta’ din il-kundizzjoni dwar id-distribuzzjoni minima annwali tal-profitti, il-qorti tar-rinviju tirrileva li s-sitwazzjoni ta’ din il-kumpannija hija komparabbli ma’ dik ta’ fond ta’ investiment residenti, bl-eċċezzjoni tal-forma statutorja tagħha. Id-domanda preliminari tirrigwarda esklużivament dan l-aħħar element.

    33

    Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 49, 63 u 65 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, billi tirriżerva l-benefiċċju tal-eżenzjoni tad-dħul mill-kiri u mill-profitti mit-trasferiment ta’ proprjetà immobbli jew minn azzjonijiet ta’ kumpanniji proprjetarji ta’ proprjetà immobbli biss għall-fondi ta’ investiment li għandhom forma kuntrattwali, teskludi mill-benefiċċju ta’ din l-eżenzjoni fond ta’ investiment alternattiv li ma huwiex resident li għandu l-forma statutorja, filwaqt li dan tal-aħħar, li jibbenefika fl-Istat Membru li fih huwa stabbilit, minn sistema ta’ trasparenza fiskali, ma huwiex suġġett għat-taxxa fuq id-dħul f’dan l-aħħar Stat Membru.

    Fuq il‑libertà ta’ moviment applikabbli

    34

    Id-domanda preliminari tagħmel riferiment kemm għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tal-kapital, għandha tiġi ddeterminata l-libertà applikabbli fil-kawża prinċipali (sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, SEGRO u Horváth, C‑52/16 u C‑113/16, EU:C:2018:157, punt 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    35

    F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza ferm stabbilita jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat jekk leġiżlazzjoni nazzjonali taqax taħt waħda jew l-oħra mil-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tal-leġiżlazzjoni kkonċernata (is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2021, UBS Real Estate, C‑478/19 u C‑479/19, EU:C:2021:1015, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    36

    Meta l-għan ta’ din il-leġiżlazzjoni ma jippermettix li jiġi ddeterminat jekk din taqax b’mod predominanti taħt l-Artikolu 49 TFUE jew taħt l-Artikolu 63 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni l-fatti tal-każ inkwistjoni sabiex tiddetermina jekk is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax taħt waħda jew l-oħra mill-imsemmija dispożizzjonijiet (sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, KOB, C‑206/19, EU:C:2020:463, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    37

    Barra minn hekk, meta miżura nazzjonali tirrigwarda kemm il-libertà ta’ stabbiliment kif ukoll il-moviment liberu tal-kapital, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-miżura inkwistjoni, bħala prinċipju, fid-dawl ta’ waħda biss minn dawn iż-żewġ libertajiet jekk jirriżulta li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, waħda minnhom hija kompletament sekondarja meta mqabbla mal-oħra u tista’ tiġi assoċjata magħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2020, Société Générale, C‑565/18, EU:C:2020:318, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    38

    F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwarda l-eżenzjoni mogħtija lill-fondi ta’ investiment li għandhom il-forma kuntrattwali, li jinvestu prinċipalment fil-proprjetà immobbli jew f’titoli ta’ proprjetà immobbli.

    39

    Issa, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-investimenti immobiljari, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, il-miżuri nazzjonali li jirrigwardaw it-tranżazzjonijiet li permezz tagħhom persuni mhux residenti jwettqu tali investimenti fit-territorju ta’ Stat Membru jistgħu jaqgħu kemm taħt l-Artikolu 49 TFUE, dwar il-libertà ta’ stabbiliment, kif ukoll taħt l-Artikolu 63 TFUE, dwar il-moviment liberu tal-kapital (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2021, UBS Real Estate, C‑478/19 u C‑479/19, EU:C:2021:1015, punt 29).

    40

    Fil-fatt, minn naħa, il-moviment ta’ kapital jinkludi t-tranżazzjonijiet li bihom persuni li ma humiex residenti jidħlu għal investimenti ta’ proprjetà immobbli fit-territorju ta’ Stat Membru, kif jirriżulta min-nomenklatura tal-moviment ta’ kapital inkluża fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE tal‑24 ta’ Ġunju 1988 għall-implimentazzjoni ta’ l-Artikolu 67 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 10), fejn din in-nomenklatura għad għandha l-istess valur indikattiv sabiex tingħata definizzjoni lill-kunċett ta’ moviment tal-kapital (sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, SEGRO u Horváth, C‑52/16 u C‑113/16, EU:C:2018:157, punt 56 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    41

    Min-naħa l-oħra, id-dritt li wieħed jakkwista, juża u jneħħi proprjetà immobbli fuq it-territorju ta’ Stat Membru ieħor, li huwa parti neċessarja tal-libertà tal-istabbiliment jiġġenera, meta dan jintuża, moviment ta’ kapital (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2021, UBS Real Estate, C‑478/19 u C‑479/19, EU:C:2021:1015, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    42

    Madankollu, sabiex id‑dispożizzjonijiet dwar id‑dritt ta’ stabbiliment jistgħu japplikaw, huwa bħala regola ġenerali neċessarju li tkun żgurata preżenza permanenti fl‑Istat Membru ospitanti u, fil‑każ ta’ xiri u ta’ pussess ta’ beni immobbli, li l‑ġestjoni ta’ dawn il‑beni tkun attiva (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2006, Centro di Musicologia Walter Stauffer, C‑386/04, EU:C:2006:568, punt 19).

    43

    Issa, f’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li A la għandha bini professjonali u lanqas stabbiliment ieħor fil-Finlandja li minnu hija tamministra, anki jekk parzjalment, l-investimenti immobiljari tagħha fil-Finlandja jew fejn tieħu deċiżjonijiet li jikkonċernaw lil dawn tal-aħħar.

    44

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-akkwist ta’ ishma fil-kumpanniji b’kapital azzjonarju, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-trattament fiskali ta’ dividendi mħallsa minn tali kumpanniji jista’ jaqa’ wkoll mhux biss taħt l-Artikolu 63 TFUE, iżda wkoll taħt l-Artikolu 49 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2018, EV, C‑685/16, EU:C:2018:743, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    45

    F’dan ir-rigward, diġà ġie deċiż li leġiżlazzjoni nazzjonali li hija intiża li tapplika biss għall-ishma li jippermettu li tiġi eżerċitata influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet ta’ kumpannija u li jiġu ddeterminati l-attivitajiet tagħha, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE, dwar il-libertà ta’ stabbiliment. Għall-kuntrarju, dispożizzjonijiet nazzjonali li japplikaw għal ishma miksuba biss bl-intenzjoni li jsir investiment finanzjarju mingħajr l-intenzjoni li jiġu influwenzati t-tmexxija u l-kontroll tal-impriża għandhom jiġu eżaminati b’mod esklużiv fir-rigward tal-moviment liberu tal-kapital (sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2014, Bouanich, C‑375/12, EU:C:2014:138, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    46

    Issa, kif ġie mfakkar fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha bħala suġġett it-trattament fiskali tad-dħul minn investimenti fil-proprjetà immobbli, magħmula minn impriżi ta’ investiment kollettiv.

    47

    Mingħajr ma teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt il-libertà ta’ stabbiliment, din il-leġiżlazzjoni tkopri l-investimenti magħmula bil-għan li jsir investiment finanzjarju, mingħajr l-intenzjoni li jiġu influwenzati t-tmexxija u l-kontroll tal-impriża. Konsegwentement, hija tista’ taffettwa b’mod predominanti l-moviment liberu tal-kapital. L-eventwali restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment li jirriżultaw mill-imsemmija leġiżlazzjoni jikkostitwixxu konsegwenza inevitabbli tar-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital u ma jiġġustifikawx, għaldaqstant, eżami awtonomu tal-istess leġiżlazzjoni fid-dawl tal-Artikolu 49 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2021, UBS Real Estate, C‑478/19 u C‑479/19, EU:C:2021:1015, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    48

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li l-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiġi eżaminata esklużivament fid-dawl tal-Artikoli 63 u 65 TFUE.

    Fuq l‑eżistenza ta’ restrizzjoni għall‑moviment liberu tal‑kapital

    49

    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-miżuri pprojbiti mill-Artikolu 63(1) TFUE, inkwantu restrizzjonijiet għall-movimenti tal-kapital, jinkludu dawk li huma ta’ natura li jiddisswadu lill-persuni mhux residenti milli jinvestu fi Stat Membru jew li jiddisswadu lir-residenti ta’ dan l-Istat Membru milli jagħmlu dan fi Stati oħra (sentenzi tat‑30 ta’ April 2020, Société Générale, C‑565/18, EU:C:2020:318, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑16 ta’ Diċembru 2021, UBS Real Estate, C‑478/19 u C‑479/19, EU:C:2021:1015, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    50

    B’mod partikolari, il-fatt li Stat Membru jagħti lid-dħul imħallas lill-impriżi ta’ investiment kollettiv mhux residenti trattament inqas favorevoli minn dak li huwa rriżervat għad-dħul imħallas lil impriżi ta’ investiment kollettiv residenti jista’ jiddisswadi lill-impriżi stabbiliti fi Stat Membru differenti minn dan l-Istat Membru milli jinvestu f’dan l-istess Stat Membru u jikkostitwixxi, konsegwentement, restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital ipprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 63 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2019, College Pension Plan of British Columbia, C‑641/17, EU:C:2019:960, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    51

    Tikkostitwixxi tali trattament inqas favorevoli l-eżenzjoni tad-dħul miksub minn impriża ta’ investiment kollettiv residenti, filwaqt li d-dħul miksub minn impriża ta’ investiment kollettiv mhux residenti huwa suġġett għal taxxa f’ras il-għajn definittiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2019, College Pension Plan of British Columbia, C‑641/17, EU:C:2019:960, punt 50).

    52

    F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tistabbilixxi differenza fit-trattament, mhux skont l-Istat ta’ residenza tal-impriża ta’ investiment kollettiv, iżda skont il-forma ġuridika li għandha l-imsemmija impriża. Fil-fatt, huma biss l-impriżi ta’ investiment kollettiv li għandhom il-forma kuntrattwali li jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni mit-taxxa fil-kundizzjonijiet previsti minn din il-leġiżlazzjoni.

    53

    Skont il-kliem tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 20a tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, il-kundizzjoni relatata mal-forma kuntrattwali tal-fond tidher li hija relatata biss mal-fondi barranin. Madankollu, kif josservaw il-qorti tar-rinviju u l-Gvern Finlandiż, il-fondi ta’ investiment u l-fondi speċjali ta’ investiment, jistgħu jiġu kkostitwiti konformement mad-dritt Finlandiż biss fil-forma kuntrattwali, b’tali mod li l-eżenzjoni prevista mill-imsemmija dispożizzjoni hija rriżervata għall-impriżi ta’ investiment kollettiv li għandhom forma kuntrattwali, indipendentement mill-Istat ta’ residenza ta’ dawn l-impriżi.

    54

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li leġiżlazzjoni nazzjonali li tkun applikabbli mingħajr distinzjoni għall-operaturi residenti u għall-operaturi mhux residenti tista’ tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li anki differenzazzjoni bbażata fuq kriterji oġġettivi tista’, fil-fatt, tiżvantaġġa s-sitwazzjonijiet transkonfinali (ara s-sentenzi tat‑30 ta’ Jannar 2020, Köln-Aktienfonds Deka, C‑156/17, EU:C:2020:51, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑16 ta’ Diċembru 2021, UBS Real Estate, C‑478/19 u C‑479/19, EU:C:2021:1015, punt 39).

    55

    Dan huwa l-każ meta leġiżlazzjoni nazzjonali li tkun applikabbli mingħajr distinzjoni għall-operaturi residenti u mhux residenti tirriżerva l-benefiċċju ta’ vantaġġ fiskali għas-sitwazzjonijiet li fihom operatur jissodisfa kundizzjonijiet jew obbligi li jkunu, min-natura jew fil-fatt, speċifiċi għas-suq nazzjonali, b’tali mod li jkunu biss l-operaturi preżenti fis-suq nazzjonali li jkunu jistgħu jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet u li l-operaturi mhux residenti li jkollhom karatteristiċi komparabbli ġeneralment ma jissodisfawhomx (sentenzi tat‑30 ta’ Jannar 2020, Köln-Aktienfonds Deka, C‑156/17, EU:C:2020:51, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑16 ta’ Diċembru 2021, UBS Real Estate, C‑478/19 u C‑479/19, EU:C:2021:1015, punt 40).

    56

    Kif ġie rrilevat fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, il-fondi ta’ investiment u l-fondi speċjali ta’ investiment jistgħu jiġu kkostitwiti fil-Finlandja biss fil-forma kuntrattwali.

    57

    Ċertament, peress li d-dritt tal-Unjoni ma huwiex armonizzat f’dan ir-rigward, l-Istati Membri huma liberi li jiddeterminaw il-forma ġuridika li tipprovdi li l-fondi jistgħu jinħolqu fit-territorju tagħhom.

    58

    L-Istati Membri huma liberi li jipprevedu, sabiex jinkoraġġixxu l-użu tal-impriżi ta’ investiment kollettiv, sistema ta’ tassazzjoni partikolari applikabbli għal dawn l-impriżi u għad-dividendi u dħul ieħor rċevuti minnhom, kif ukoll li jiddefinixxu l-kundizzjonijiet materjali u formali li jkollhom jiġu osservati sabiex jibbenefikaw minn tali sistema (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Köln-Aktienfonds Deka, C‑156/17, EU:C:2020:51, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    59

    Barra minn hekk, il-moviment liberu tal-kapital ma jistax jinftiehem fis-sens li Stat Membru għandu l-obbligu li jistabbilixxi r-regoli fiskali tiegħu skont dawk ta’ Stat Membru ieħor sabiex jiggarantixxi, fis-sitwazzjonijiet kollha, tassazzjoni li telimina kull diskrepanza li tirriżulta mil-liġijiet fiskali nazzjonali, peress li d-deċiżjonijiet meħuda minn persuna taxxabbli fir-rigward tal-investiment fi Stat Membru ieħor jistgħu, skont il-każ, ikunu ftit jew wisq vantaġġużi jew żvantaġġużi għal tali persuna taxxabbli (sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2013, K, C‑322/11, EU:C:2013:716, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑30 ta’ Jannar 2020, Köln-Aktienfonds Deka, C‑156/17, EU:C:2020:51, punt 72).

    60

    Madankollu, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 53 u 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, peress li Stat Membru jipprevedi vantaġġ fiskali favur ċerti impriżi ta’ investiment kollettiv, il-kundizzjonijiet li skonthom jingħata dan il-vantaġġ ma għandhomx jikkostitwixxu restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Köln-Aktienfonds Deka, C‑156/17, EU:C:2020:51, punt 46).

    61

    Issa, fid-dawl tal-assenza ta’ armonizzazzjoni mfakkra fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, il-moviment liberu tal-kapital jiġi mċaħħad mill-effetti tiegħu, jekk impriża ta’ investiment kollettiv mhux residenti, ikkostitwita skont il-forma ġuridika awtorizzata jew meħtieġa mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih hija stabbilita u topera konformement mal-imsemmija leġiżlazzjoni, tiġi mċaħħda minn vantaġġ fiskali fi Stat Membru ieħor li fih hija tinvesti, abbażi biss tal-fatt li l-forma ġuridika tagħha ma tikkorrispondix mal-forma ġuridika meħtieġa għall-impriżi ta’ investiment kollettiv f’dan l-aħħar Stat Membru.

    62

    Din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li, konformement mal-ispjegazzjonijiet tal-Gvern Finlandiż, il-ħolqien fil-Finlandja ta’ fondi ta’ investiment alternattivi fis-sens tad-Direttiva 2011/61 fil-forma statutorja huwa ammissibbli u li dawn il-fondi huma awtorizzati jwettqu l-investimenti immobbli, mingħajr madankollu ma jibbenefikaw mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 20a tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul.

    63

    Fil-fatt, l-impriżi ta’ investiment kollettiv stabbiliti fil-Finlandja jistgħu jadottaw il-forma ġuridika li tippermettilhom jibbenefikaw mill-eżenzjoni, filwaqt li l-impriżi ta’ investiment kollettiv mhux residenti huma suġġetti għall-kundizzjonijiet meħtieġa mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih huma stabbiliti.

    64

    Konsegwentement, għalkemm il-kundizzjoni dwar il-forma kuntrattwali ma tikkostitwixxix kundizzjoni li l-impriżi ta’ investiment kollettiv residenti biss jistgħu jissodisfaw, xorta jibqa’ l-fatt li l-imsemmija kundizzjoni hija ta’ natura li tagħti vantaġġ lil dawn tal-aħħar għad-detriment tal-impriżi ta’ investiment kollettiv stabbiliti skont il-forma statutorja, konformement mal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih huma stabbiliti.

    65

    Minn dan isegwi li tali leġiżlazzjoni tista’ tiddiswadi lil impriżi ta’ investiment kollettiv mhux residenti milli jagħmlu investimenti fi proprjetà immobbli fil-Finlandja u tikkostitwixxi, għalhekk, restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital ipprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 63 TFUE.

    66

    Skont l-Artikolu 65(1)(a) TFUE, l-Artikolu 63 TFUE madankollu ma jippreġudikax id-dritt li l-Istati Membri għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni fiskali tagħhom li jagħmlu distinzjoni bejn il-persuni taxxabbli li ma jinsabux fl-istess sitwazzjoni fir-rigward tar-residenza tagħhom jew tal-post li fih il-kapital tagħhom huwa investit.

    67

    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Artikolu 65(1)(a) TFUE, sa fejn jikkostitwixxi deroga mill-prinċipju fundamentali ta’ moviment liberu tal-kapital, għandu jiġi interpretat b’mod strett. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata fis-sens li kull leġiżlazzjoni fiskali li tagħmel distinzjoni bejn il-persuni taxxabbli skont il-post fejn ikunu residenti jew skont l-Istat li fih jinvestu l-kapital tagħhom hija awtomatikament kompatibbli mat-Trattat (sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, X (Kumpanniji intermedjarji stabbiliti f’pajjiżi terzi), C‑135/17, EU:C:2019:136, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    68

    Fil-fatt, id-differenzi fit-trattament awtorizzati mill-Artikolu 65(1)(a) TFUE ma għandhom jikkostitwixxu, skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-istess artikolu, la mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja u lanqas restrizzjoni moħbija. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, għalhekk, li tali differenzi fit-trattament jistgħu jiġu awtorizzati biss meta dawn jirrigwardaw sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament komparabbli jew, fil-każ kuntrarju, meta dawn ikunu ġġustifikati minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, X (Kumpanniji intermedjarji stabbiliti f’pajjiżi terzi), C‑135/17, EU:C:2019:136, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    Fuq l‑eżistenza ta’ sitwazzjonijiet oġġettivament komparabbli

    69

    Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-komparabbiltà ta’ sitwazzjoni transkonfinali ma’ sitwazzjoni interna għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-għan imfittex mid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni kif ukoll tal-għan u tal-kontenut ta’ dawn tal-aħħar (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2021, UBS Real Estate, C‑478/19 u C‑479/19, EU:C:2021:1015, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    70

    Barra minn hekk, huma biss il-kriterji ta’ distinzjoni rilevanti stabbiliti mil-leġiżlazzjoni kkonċernata li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni ta’ jekk id-differenza fit-trattament li tirriżulta minn tali leġiżlazzjoni tirriflettix differenza oġġettiva bejn is-sitwazzjonijiet (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2021, UBS Real Estate, C‑478/19 u C‑479/19, EU:C:2021:1015, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    71

    F’dan il-każ, il-Gvern Finlandiż jindika, minn naħa, li l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 20a tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul għandha l-għan li tevita t-tassazzjoni doppja tad-dħul provenjenti mill-investimenti u li tipprova tittratta fiskalment l-investimenti magħmula permezz ta’ fondi bħala investimenti diretti. Konformement ma’ din id-dispożizzjoni, it-trattament fiskali huwa ddeterminat mill-forma ġuridika tal-entità u jiddependi mill-punt dwar jekk it-tassazzjoni ssirx kemm fil-livell tal-entità kif ukoll fuq dak tal-proprjetarju tagħha, bħalma huwa l-każ għal kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbiltà limitata, jew jekk it-tassazzjoni seħħitx biss fuq il-livell tal-proprjetarju, bħalma huwa l-każ tas-soċjetajiet in akkomandita, tal-fondi ta’ investiment u tal-fondi speċjali ta’ investiment.

    72

    Għall-kuntrarju, dan il-gvern isostni li impriża ta’ investiment kollettiv li għandha l-forma statutorja u fond speċjali ta’ investiment taħt id-dritt Finlandiż, li għandha l-forma kuntrattwali, ma humiex f’sitwazzjoni komparabbli, fid-dawl tal-għan tal-protezzjoni tal-investituri fil-każ ta’ falliment tal-fondi, imfittex mil-Liġi dwar il-Fondi ta’ Investiment (213/2019) u mil-Liġi dwar l-Amministraturi ta’ Fondi Alternattivi (162/2014).

    73

    Issa, f’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li, fid-dawl tal-għanijiet intiżi sabiex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja tad-dħul mill-investimenti u sabiex jiġu ttrattati fiskalment l-investimenti mwettqa indirettament, permezz ta’ fondi, bl-istess mod bħall-investimenti diretti, il-fatt li impriża ta’ investiment kollettiv ikollha forma statutorja ma jpoġġihiex neċessarjament f’sitwazzjoni differenti minn dik ta’ impriża ta’ investiment kollettiv fil-forma kuntrattwali.

    74

    Fil-fatt, tali għanijiet jistgħu jintlaħqu wkoll meta impriża ta’ investiment kollettiv ikollha forma statutorja, iżda tibbenefika, fl-Istat Membru li fih hija stabbilita, minn eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul jew minn sistema ta’ trasparenza fiskali.

    75

    Dan l-element huwa barra minn hekk ikkonfermat miċ-ċirkustanza, irrilevata mill-Gvern Finlandiż, li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, fond ta’ investiment alternattiv ikkostitwit fil-forma legali statutorja jimplika t-tassazzjoni tad-dħul kemm fil-livell ta’ dan il-fond kif ukoll fuq dak tal-investituri, filwaqt li, għal fond ikkostitwit taħt forma kuntrattwali, it-tassazzjoni ssir biss fil-livell tal-investituri.

    76

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet tal-Gvern Finlandiż dwar l-ikbar protezzjoni tal-investituri li tirriżulta mill-forma kuntrattwali ta’ fond ta’ investiment, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm dawn il-kunsiderazzjonijiet isemmu raġunijiet li setgħu wasslu lil-leġiżlatur nazzjonali jitlob li l-fondi ta’ investiment residenti jkunu kkostitwiti taħt din il-forma, tali kunsiderazzjonijiet ma jippermettux li ssir distinzjoni oġġettiva bejn l-impriżi ta’ investiment kollettiv li għandhom il-forma kuntrattwali meta mqabbla ma’ dawk li għandhom forma legali oħra, fir-rigward tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul mogħtija bl-Artikolu 20a tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul.

    77

    Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li fir-rigward tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li għandhom bħala suġġett eżenzjoni intiża sabiex tassimila fiskalment l-investimenti permezz ta’ fondi għall-investimenti diretti, impriża ta’ investiment kollettiv mhux residenti li għandha l-forma statutorja u li tibbenefika fl-Istat ta’ residenza tagħha minn eżenzjoni mid-dħul tagħha jew minn sistema ta’ trasparenza fiskali tinsab f’sitwazzjoni komparabbli ma’ fond ta’ investiment residenti fil-forma kuntrattwali.

    78

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat jekk id-differenza fit-trattament stabbilita mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tiġi ġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.

    Fuq l‑eżistenza ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali

    79

    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital tista’ tiġi ammessa jekk tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, jekk hija xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex minnha u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2021, UBS Real Estate, C‑478/19 u C‑479/19, EU:C:2021:1015, punt 60 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    80

    F’dan il-każ, mill-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju dwar ix-xogħol preparatorju tal-Artikolu 20a tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul jirriżulta li l-imsemmija dispożizzjoni ġiet adottata sabiex tittejjeb il-prevedibbiltà tat-tassazzjoni, sabiex tissaħħaħ iċ-ċertezza legali, sabiex jiġu eliminati piżijiet amministrattivi, kif ukoll sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni mhux distorta bejn il-fondi ta’ investiment residenti u dawk mhux residenti.

    81

    Il-Gvern Finlandiż isostni li l-limitazzjoni tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 20a tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul għall-fondi speċjali ta’ investiment li għandhom il-forma kuntrattwali hija ġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali marbuta mal-garanzija tal-effikaċja tal-kontroll fiskali u tal-ġbir tat-taxxi kif ukoll in-neċessità li tiġi żgurata l-koerenza tas-sistema fiskali.

    82

    Dan il-gvern jenfasizza li din id-dispożizzjoni tidderoga, f’kundizzjonijiet preċiżi u nondiskriminatorji, mir-regola ġenerali tat-tassazzjoni tal-fondi speċjali ta’ investiment, u b’hekk tippermetti li tiġi żgurata l-effikaċja tal-kontroll fiskali u tal-irkupru tat-taxxi.

    83

    Fir-rigward tal-koerenza tas-sistema fiskali, l-imsemmi gvern isostni li l-eżenzjoni prevista mill-imsemmija dispożizzjoni tikkonċerna l-fondi speċjali ta’ investiment fis-sens tal-leġiżlazzjoni Finlandiża u l-fondi barranin kollha li huma assimilati magħha. Fond maħluq fil-forma ta’ kumpannija huwa assimilat ma’ kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata Finlandiża, suġġetta wkoll għat-taxxa fuq id-dħul mill-attività ta’ investiment.

    84

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, ir-regoli tad-dritt tal-Istati Membri għandhom jiġu fformulati b’mod inekwivoku li jippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom b’mod ċar u preċiż u lill-qrati nazzjonali jiżguraw l-osservanza tagħhom (sentenza tal‑15 ta’ April 2021, Finanzamt für Körperschaften Berlin, C‑868/19, mhux ippubblikata, EU:C:2021:285, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    85

    Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 97 u 99 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-għan ta’ ċertezza legali ma jistax jiġġustifika restrizzjoni għal-libertajiet ta’ moviment. Fil-fatt, kieku dan kien il-każ, l-Istati Membri jkunu liberi li jimponu tali restrizzjonijiet, peress li huma fformulati b’mod univoku.

    86

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-għan intiż li jiżgura kompetizzjoni mhux distorta bejn il-fondi ta’ investiment residenti u mhux residenti, dan iwassal sabiex jiġi aċċettat li t-trattament fiskali sfavorevoli tal-impriżi ta’ investiment kollettiv li għandhom il-forma statutorja huwa ġġustifikat mill-fatt li, fi Stati Membri oħra, dawn l-impriżi jirċievu trattament iktar favorevoli minn dak irriżervat għall-fondi ta’ investiment Finlandiż li għandhom il-forma kuntrattwali.

    87

    Issa, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li trattament fiskali sfavorevoli li jmur kontra libertà fundamentali ma jistax jiġi ġġustifikat permezz tal-eżistenza ta’ vantaġġi oħra fiskali, anki li kieku jitqies li tali vantaġġi jeżistu (sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2014, van Caster, C‑326/12, EU:C:2014:2269, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    88

    Fit-tielet lok, fir-rigward tan-neċessità li tiġi ggarantita l-effikaċja tal-kontrolli fiskali, invokata mill-Gvern Finlandiż, tali neċessità tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Ottubru 2014, van Caster, C‑326/12, EU:C:2014:2269, punt 46, u tat‑22 ta’ Novembru 2018, Huijbrechts, C‑679/17, EU:C:2018:940, punt 36). Bl-istess mod, in-neċessità li jiġi ggarantit irkupru effettiv tat-taxxa tikkostitwixxi għan leġittimu li jista’ jiġġustifika restrizzjoni għal-libertajiet fundamentali (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018, van Caster, C‑575/17, EU:C:2018:943, punt 67).

    89

    Madankollu, sabiex tiġi żgurata l-effikaċja tal-kontrolli fiskali, l-amministrazzjoni fiskali tista’ teżiġi li l-persuna taxxabbli tipproduċi l-provi li hija tqis neċessarji sabiex tevalwa jekk il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-vantaġġ fiskali inkwistjoni, previsti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, humiex issodisfatti u, konsegwentement, jekk hemmx lok jew le li jingħata l-vantaġġ mitlub (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2009, Persche, C-318/07, EU:C:2009:33, punt 54), kif ukoll sabiex jiġi żgurat l-irkupru effikaċi tat-taxxa.

    90

    Fir-rigward tal-oneru amministrattiv li jfisser, għall-amministrazzjoni fiskali tal-Istat Membru ta’ tassazzjoni, il-possibbiltà mogħtija lill-persuni taxxabbli li jipprovdu l-informazzjoni sabiex juru d-dħul tagħhom, għandu jiġi osservat li l-inkonvenjenti amministrattivi ma humiex biżżejjed waħedhom sabiex jiġġustifikaw ostakolu għal-moviment liberu tal-kapital (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2014, van Caster, C‑326/12, EU:C:2014:2269, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    91

    Fir-raba’ lok, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li n-neċessità li titħares il-koerenza ta’ sistema fiskali tista’ tiġġustifika leġiżlazzjoni ta’ natura li tirrestrinġi l-libertajiet fundamentali (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2021, UBS Real Estate, C‑478/19 u C‑479/19, EU:C:2021:1015, punt 65 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    92

    Madankollu, sabiex argument ibbażat fuq ġustifikazzjoni bħal din jista’ jirnexxi, jeħtieġ, skont ġurisprudenza stabbilita, li tkun ġiet stabbilita l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn il-vantaġġ fiskali kkonċernat u l-kumpens għal dan il-vantaġġ bi ħlas fiskali determinat, filwaqt li n-natura diretta ta’ din ir-rabta għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2021, UBS Real Estate, C‑478/19 u C‑479/19, EU:C:2021:1015, punt 66 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    93

    F’dan il-każ, il-Gvern Finlandiż ma weriex li l-vantaġġ fiskali mogħti lill-fondi ta’ investiment li għandhom il-forma kuntrattwali kien ikkumpensat minn impożizzjoni fiskali speċifika, u b’hekk jiġġustifika l-esklużjoni tal-impriżi ta’ investiment kollettiv mhux residenti li għandhom forma statutorja mill-benefiċċju ta’ dan il-vantaġġ.

    94

    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li l-Artikoli 63 u 65 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, billi tirriżerva l-benefiċċju tal-eżenzjoni tad-dħul mill-kiri u mill-profitti mit-trasferiment ta’ proprjetà immobbli jew minn azzjonijiet ta’ kumpanniji proprjetarji ta’ proprjetà immobbli biss għall-fondi ta’ investiment li għandhom forma kuntrattwali, teskludi mill-benefiċċju ta’ din l-eżenzjoni fond ta’ investiment alternattiv li ma huwiex resident li għandu l-forma statutorja, filwaqt li dan tal-aħħar, li jibbenefika fl-Istat Membru li fih huwa stabbilit, minn sistema ta’ trasparenza fiskali, ma huwiex suġġett għat-taxxa fuq id-dħul f’dan l-aħħar Stat Membru.

    Fuq l‑ispejjeż

    95

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikoli 63 u 65 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, billi tirriżerva l-benefiċċju tal-eżenzjoni tad-dħul mill-kiri u mill-profitti mit-trasferiment ta’ proprjetà immobbli jew minn azzjonijiet ta’ kumpanniji proprjetarji ta’ proprjetà immobbli biss għall-fondi ta’ investiment li għandhom forma kuntrattwali, teskludi mill-benefiċċju ta’ din l-eżenzjoni fond ta’ investiment alternattiv li ma huwiex resident li għandu l-forma statutorja, filwaqt li dan tal-aħħar, li jibbenefika fl-Istat Membru li fih huwa stabbilit, minn sistema ta’ trasparenza fiskali, ma huwiex suġġett għat-taxxa fuq id-dħul f’dan l-aħħar Stat Membru.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.

    Top