Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CA0470

    Kawża C-470/20: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-15 ta’ Diċembru 2022 (talba għal deċiżjoni preliminari tar-Riigikohus – L-Estonja) AS Veejaam, OÜ Espo vs AS Elering (Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għajnuna mill-Istat – Appoġġ għall-enerġija rinnovabbli – Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija għall-perijodu 2014-2020 – Effett ta’ inċentiv ta’ għajnuna mitluba wara l-bidu tax-xogħlijiet marbutin mal-proġett ikkonċernat – Artikolu 108(3) TFUE – Obbligu ta’ komunikazzjoni – Konsegwenzi tal-ksur tal-obbligu ta’ komunikazzjoni)

    ĠU C 54, 13.2.2023, p. 4–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    13.2.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 54/4


    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-15 ta’ Diċembru 2022 (talba għal deċiżjoni preliminari tar-Riigikohus – L-Estonja) AS Veejaam, OÜ Espo vs AS Elering

    (Kawża C-470/20) (1)

    (Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Għajnuna mill-Istat - Appoġġ għall-enerġija rinnovabbli - Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija għall-perijodu 2014-2020 - Effett ta’ inċentiv ta’ għajnuna mitluba wara l-bidu tax-xogħlijiet marbutin mal-proġett ikkonċernat - Artikolu 108(3) TFUE - Obbligu ta’ komunikazzjoni - Konsegwenzi tal-ksur tal-obbligu ta’ komunikazzjoni)

    (2023/C 54/04)

    Lingwa tal-kawża: l-Estonjan

    Qorti tar-rinviju

    Riigikohus

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: AS Veejaam, OÜ Espo

    Konvenut: AS Elering

    Dispożittiv

    1)

    Il-punti 49 u 50 tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014 – 2020,

    għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

    huma ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi skema ta’ għajnuna għall-enerġija rinnovabbli li tippermetti lill-applikant għall-għajnuna jikseb il-ħlas tagħha anki meta l-applikazzjoni tkun ġiet ippreżentata wara t-tnedija tax-xogħlijiet tat-twettiq tal-proġett ikkonċernat.

    2)

    Il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014 – 2020,

    għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

    għajnuna mill-Istat jista’ jkollha effett ta’ inċentiv meta l-investiment li operatur ekonomiku jkun għamel sabiex jikkonforma ruħu ma’ bidla fil-kundizzjonijiet għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni ambjentali, peress li din tal-aħħar hija neċessarja għall-attività ta’ dan l-operatur, probabbilment ma kienx iseħħ fl-assenza tal-ħlas tal-għajnuna kkonċernata.

    3)

    L-Artikolu 1(b) u (c) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    għandu jiġu interpretat fis-sens li:

    skema ta’ għajnuna eżistenti, li l-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern ġiet ikkonstatata minn deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, għandha tiġi kklassifikata bħala “għajnuna ġdida”, fis-sens tal-Artikolu 1(c) ta’ dan ir-regolament, meta din l-iskema tiġi applikata lil hinn mid-data li l-Istat Membru kkonċernat kien indika lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-għajnuna li ngħalqet permezz tal-imsemmija deċiżjoni, bħala d-data tat-tmiem ta’ applikazzjoni tal-imsemmija skema.

    4)

    L-Artikolu 108(3) TFUE

    għandu jiġu interpretat fis-sens li:

    ma jipprekludix li tintlaqa’ t-talba ta’ operatur ekonomiku intiża għall-ħlas ta’ għajnuna mill-Istat, implimentata bi ksur tal-obbligu ta’ komunikazzjoni previst f’din id-dispożizzjoni, minn naħa, għall-perijodu qabel id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà tal-imsemmija għajnuna mas-suq intern, u, min-naħa l-oħra, meta l-imsemmi operatur kien applika għall-imsemmija għajuna f’mument meta din kienet illegali, peress li ma kinitx ġiet ikkomunikata lil din l-istituzzjoni, għalkemm l-investiment li fir-rigward tiegħu kienet marbuta l-għajnuna kien seħħ f’mument fejn l-imsemmija skema kienet legali, peress li l-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern kienet ġiet ikkonstatata permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, sa fejn, f’dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet, il-benefiċjarju tal-għajnuna jħallas l-interess fuq l-ammonti possibbilment irċevuti, għall-perijodu li matulu l-għajnuna titqies li hija illegali.


    (1)  ĠU C 433, 14.12.2020.


    Top