Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CA0143

    Kawżi magħquda C-143/20 u C-213/20: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-24 ta’ Frar 2022 (talba għal deċiżjoni preliminari tas-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Woli w Warszawie – il-Polonja) – A / O (C-143/20), G. W., E. S. vs A. Towarzystwo Ubezpieczeń Życie S.A. (C-213/20) (Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà li jiġu provduti servizzi – Assigurazzjoni diretta fuq il-ħajja – Kuntratti ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja marbuta ma’ fond ta’ kapital għal poloz marbuta ma’ unitajiet – Direttiva 2002/83/KE – Artikolu 36 – Direttiva 2002/92/KE – Artikolu 12(3) – Obbligu ta’ informazzjoni prekuntrattwali – Informazzjoni fuq in-natura ta’ attivi bażi ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni marbuta ma’ unitajiet – Kamp ta’ applikazzjoni – Portata – Direttiva 2005/29/KE – Artikolu 7 – Prattiċi kummerċjali żleali – Ommissjoni qarrieqa)

    ĠU C 165, 19.4.2022, p. 2–2 (GA)
    ĠU C 165, 19.4.2022, p. 2–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.4.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 165/2


    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-24 ta’ Frar 2022 (talba għal deċiżjoni preliminari tas-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Woli w Warszawie – il-Polonja) – A / O (C-143/20), G. W., E. S. vs A. Towarzystwo Ubezpieczeń Życie S.A. (C-213/20)

    (Kawżi magħquda C-143/20 u C-213/20) (1)

    (Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Libertà li jiġu provduti servizzi - Assigurazzjoni diretta fuq il-ħajja - Kuntratti ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja marbuta ma’ fond ta’ kapital għal poloz marbuta ma’ unitajiet - Direttiva 2002/83/KE - Artikolu 36 - Direttiva 2002/92/KE - Artikolu 12(3) - Obbligu ta’ informazzjoni prekuntrattwali - Informazzjoni fuq in-natura ta’ attivi bażi ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni marbuta ma’ unitajiet - Kamp ta’ applikazzjoni - Portata - Direttiva 2005/29/KE - Artikolu 7 - Prattiċi kummerċjali żleali - Ommissjoni qarrieqa)

    (2022/C 165/02)

    Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

    Qorti tar-rinviju

    Sąd Rejonowy dla Warszawy-Woli w Warszawie

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: A (C-143/20), G. W., E. S. (C-213/20)

    Konvenuti: O (C-143/20), A. Towarzystwo Ubezpieczeń Życie S.A. (C-213/20)

    Dispożittiv

    1)

    L-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2002/83 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Novembru 2002 li tikkonċerna l-assigurazzjoni fuq il-ħajja għandu jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni msemmija fih għandha tiġi kkomunikata lill-konsumatur li jaderixxi, fil-kwalità tiegħu ta’ assigurat, ma’ kuntratt kollettiv ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja għal poloz marbuta ma’ unitajiet marbuta ma’ fond ta’ kapital konkluż bejn impriża ta’ assigurazzjoni u impriża detentriċi ta’ polza. Hija l-impriża ta’ assigurazzjoni li għandha tikkomunika din l-informazzjoni lill-impriża detentriċi ta’ polza, li għandha tittrażmettiha lil dan il-konsumatur qabel l-adeżjoni tiegħu ma’ dan il-kuntratt, flimkien ma’ kull preċiżazzjoni oħra li tirriżulta neċessarja fid-dawl tar-rekwiżiti u tal-bżonnijiet tiegħu, skont din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2002/92/KE tal-Parlament u tal-Kunsill Ewropew tad-9 ta’ Diċembru 2002 dwar il-medjazzjoni fl-assigurazzjoni.

    2)

    L-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2002/83, moqri flimkien mal-punt a.12 tat-Taqsima A tal-Anness III tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-indikazzjonijiet dwar in-natura tal-attivi bażi għandhom jiġu kkomunikati lil konsumatur qabel l-adeżjoni tiegħu ma’ kuntratt kollettiv ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja għal poloz marbuta ma’ unitajiet marbuta ma’ fond ta’ kapital għandhom jinkludu indikazzjonijiet fuq il-karatteristiċi essenzjali ta’ dawn l-attivi bażi. Dawn l-indikazzjonijiet:

    għandhom jinkludu informazzjoni ċara, preċiża u komprensibbli dwar in-natura ekonomika u legali tal-imsemmija attivi bażi, kif ukoll dwar ir-riskji strutturali marbuta magħhom, u

    ma għandhiex neċessarjament tinkludi informazzjoni eżawrjenti dwar in-natura u l-portata tar-riskji kollha marbuta mal-investiment fl-istess attivi bażi, u lanqas l-istess informazzjoni bħal dik li l-emittent tal-istrumenti finanzjarji li jikkomponuhom ikun ikkomunika lill-impriża tal-assigurazzjoni skont l-Artikolu 19(3) tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE.

    3)

    L-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2002/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni msemmija fil-punt a.12 tat-Taqsima A tal-Anness III tagħha ma għandhiex neċessarjament tiġi kkomunikata lill-konsumatur li jaderixxi, fil-kwalità tiegħu ta’ assigurat, għal kuntratt kollettiv ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja għal poloz marbuta ma’ unitajiet marbuta ma’ fond ta’ kapital fil-kuntest ta’ proċedura prekuntrattwali distinta u li ma jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali li permezz tagħha huwa biżżejjed li din l-informazzjoni tkun imsemmija f’dan il-kuntratt, sa fejn jiġi mgħoddi lil dan il-konsumatur qabel l-adeżjoni tiegħu, f’ħin utli sabiex jippermettilu li jagħmel, b’għarfien sħiħ tal-fatti, għażla ċara tal-prodott ta’ assigurazzjoni li jikkonvjeni l-iktar il-bżonnijiet tiegħu.

    4)

    L-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2002/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeżiġix li jiġi kkunsidrat li l-eżekuzzjoni żbaljata tal-obbligu ta’ komunikazzjoni tal-informazzjoni msemmija fil-punt a.12 tat-Taqsima A tal-Anness III tagħha twassal għan-nullità jew għall-invalidità ta’ kuntratt kollettiv ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja għal poloz marbuta ma’ unitajiet marbuta ma’ fond ta’ kapital jew tad-dikjarazzjoni tal-adeżjoni tiegħu u b’hekk jagħti lill-konsumatur li aderixxa għal dan il-kuntratt id-dritt għar-rimbors tal-premiums ta’ assigurazzjoni mħallsa, sakemm il-modalitajiet proċedurali previsti mid-dritt nazzjonali għall-eżerċizzju tad-dritt li jiġi invokat dan l-obbligu ta’ informazzjoni ma humiex ta’ natura li jġibu fid-dubju l-effettività ta’ dan id-dritt billi jiġi ddisswadat konsumatur li jeżerċitah.

    5)

    L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali”) għandu jiġi interpretat fis-sens li tista’ tikkostitwixxi ommissjoni qarrieqa, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, l-ommissjoni li jikkomunika lill-konsumatur li jaderixxi ma’ kuntratt kollettiv ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja għal poloz marbuta ma’ unitajiet marbuta ma’ fond ta’ kapital l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2002/83, moqri flimkien mal-punt a.12 tat-Taqsima A tal-Anness III tagħha.


    (1)  ĠU C 209, 22.6.2020.

    ĠU C 304, 14.9.2020.


    Top