Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019TN0825

    Kawża T-825/19: Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Diċembru 2019 – Tazzetti vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 45, 10.2.2020, p. 83–84 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    10.2.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 45/83


    Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Diċembru 2019 – Tazzetti vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-825/19)

    (2020/C 45/69)

    Lingwa tal-kawża: it-Taljan

    Partijiet

    Rikorrenti: Tazzetti SpA (Volpiano, l-Italja) (rappreżentanti: M. Condinanzi, E. Ferrero u C. Vivani, avukati)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni (nota) tas-27 ta’ Settembru 2019 ARES (2019) 6014426 indirizzata lir-rikorrenti, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni (nota) tas-27 ta’ Settembru 2019 ARES (2019) 6024220 indirizzata lir-rikorrenti, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni (nota) tat-30 ta’ Settembru 2019 ARES (2019) 6048224 indirizzata lil Tazzetti SA, id-deċiżjoni (nota) ARES (2019) 6871575 indirizzata lil Tazzetti SpA, kif ukoll atti sussegwenti li seħħew u, fejn mitlub, u suġġett għall-konstatazzjoni tal-illegalità skont l-Artikolu 277 TFUE tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/661 tal-25 ta’ April 2019 li jiżgura l-funzjonament bla xkiel tar-reġistru elettroniku għal kwoti għat-tqegħid fis-suq ta’ idrofluworokarburi (ĠU 2019, L 112, p. 11), b’mod partikolari tal-Artikolu 7 tiegħu, tiddikjara n-nuqqas ta’ applikabbiltà bl-annullament konsegwenti tad-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-istess regolament imsemmija iktar ’il fuq.

    tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka seba’ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 16(1), (3) u (5) u tal-Artikolu 17 tal-Annessi V u VI tar-Regolament (UE) Nru 517/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 (ĠU 2014, L 150, p. 195), fuq il-ksur tal-Artikolu 291 TFUE u tal-kunċett ta’ miżura ta’ eżekuzzjoni, fuq it-twettiq ta’ użu ħażin ta’ poter f’dan il-każ, fuq il-ksur tal-Artikolu 296 TFUE u tal-obbligu ta’ motivazzjoni kif ukoll fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    2.

    It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur min-naħa tal-Artikolu 7 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/661 tal-25 ta’ April 2019 li jiżgura l-funzjonament bla xkiel tar-reġistru elettroniku għal kwoti għat-tqegħid fis-suq ta’ idrofluworokarburi (ĠU 2019, L 112, p. 11), tal-Artikoli 15 u 16 tar-Regolament (UE) Nru 517/2014 tas-16 ta’ April 2014 u tan-nuqqas ta’ applikabbiltà tiegħu b’mod inċidentali.

    F’dan ir-rigward qiegħed jiġi sostnut li sa fejn l-imsemmi Artikolu 7 jippermetti li l-kumpannija stabbilita, sussidjarja tad-dikjaranti unika, ma tiġix attribwita l-kwoti kkalkolati fuq il-bażi ta’ valuri ta’ referenza tagħha, jiġifieri tattribwixxi dawn il-kwoti esklużivament lid-dikjaranti unika, li jkollu l-istess proprjetarju effettiv tal-ewwel kumpannija stabbilita, huwa jagħti lok għal ksur tal-Artikoli 15 u 16 tar-Regolament (UE) Nru 517/2014.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji fundamentali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-qasam tal-proprjetà u tad-dritt ta’ inizjattiva ekonomika tal-Artikolu 6 TUE b’rabta mal-Artikoli 6, 16, u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, kif ukoll tal-Artikolu 11 TFUE. Qed jiġi invokat ukoll użu ħażin ta’ poter.

    F’dan ir-rigward qiegħed jiġi sostnut li ġaladarba d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni jċaħħdu b’mod irraġonevoli lis-sussidjarja tar-rikorrenti mill-kwoti ta’ idrofluworokarburi li l-allokazzjoni tagħhom din is-sussidjarja jkollha dritt fuq il-bażi tal-valuri ta’ referenza tagħha nnifisha dawn jagħtu lok għal ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti. Sa fejn ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni huwa intiż li jillimita/jipprekludi l-allokazzjoni ta’ kwoti lill-parteċipanti l-ġodda li qabel ma kinux joperaw fis-suq, l-applikazzjoni li wettqet il-Kummissjoni fil-konfront tas-sussidjarja tar-rikorrenti (u għaldaqstant tar-rikorrenti nnifisha) hija vvizzjata minħabba użu ħażin ta’ poter. Id-difetti u r-raġunijiet invokati japplikaw ukoll għall-każ fejn il-kwoti dovuti lis-sussidjarja tar-rikorrenti jitqiesu li jkunu ġew allokati lir-rikorrenti bħala dikjaranti unika.

    4.

    Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-obbligu ta’ motivazzjoni b’riferiment għal tali prinċipju.

    F’dan ir-rigward qiegħed jiġi sostnut li l-applikazzjoni mwettqa tal-Artikolu 7 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2019/661 jmur effettivament lil hinn minn dak li huwa meħtieġ u neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet tar-regolamentazzjoni intiżi għal sfruttament tar-reġistru elettroniku li jkun aħjar u iktar effiċjenti. Id-difetti u r-raġunijiet involkati japplikaw ukoll għall-każ fejnil-kwoti dovti lis-sussidjarja tar-rikorrenti jitqiesu li jkunu ġew allokati lir-rikorrenti bħala dikjaranti unika: f’tali każ, in-natura invażiva tad-deċiżjonijiet dwar l-organizzazzjoni imprenditorjali tal-grupp li tiegħu hija responsabbli r-rikorrenti, b’konsegwenzi kontabbli u fiskali, minbarra ekonomiċi, ma jidhru b’ebda mod iġġustifikati u raġonevoli fid-dawl tal-għanijiet li r-regolamentazzjoni tixtieq tilħaq.

    5.

    Il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 49 et seq. u tal-Artikoli 63 et seq. TFUE.

    F’dan ir-rigward qiegħed jiġi sostnut li d-dannu għall-attività tar-rikorrenti li jiġi kkawżat miċ-ċaħda tal-kwoti lis-sussidjarja tagħha, anki fejn il-kwoti jiġu allokati lir-rikorrenti nnifisha, jirriżulta fi ksur tal-libertajiet fundamentali tas-suq intern, fosthom il-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu ta’ kapital, ġaladarba r-rikorrenti hija kumpannija rregolata mil-liġi Taljana li għamlet użu mid-drittijiet ta’ stabbiliment u ta’ moviment liberu tal-kapital iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni sabiex takkwista kumpannija rregolata mil-liġi Spanjola sabiex f’dak is-suq twettaq parti mill-attività kummerċjali tagħha.

    6.

    Is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi, ta’ ċertezza legali u ta’ nuqqas ta’ retroattività tad-dispożizzjonijiet li jagħtu drittijiet individwali.

    F’dan ir-rigward qiegħed jiġi sostnut li r-rikorrenti għandha d-dritt li torganizza l-attività imprenditorjali tagħha, kif ukoll dik tal-grupp ta’ impriżi kkontrollati minnha fuq il-bażi tal-aspettattivi leġittimi ta’ profitt li jirriżultaw mill-aspettattiva ta’ kwoti ġġenerati mill-valuri ta’ referenza (anki) tas-sussidjarja Spanjola tagħha. Id-deċiżjoni li ma jiġux allokati kwoti lil Tazzetti SA tippreġudika dawn il-prinċipji u tikser l-obbligu ta’ motivazzjoni previst mill-Artikolu 296 TFUE inkwantu d-deċiżjoni tal-Kummissjoni hija nieqsa minn kwalunkwe spjegazzjoni u kull ipoteżi ta’ bilanċ ta’ interessi hija ppreġudikata. Il-preġudizzju jirriżulta wkoll fil-każ fejn il-kwoti tas-sussidjarja Spanjola tagħha jiġu allokati lir-rikorrenti inkwantu dikjaranti unika.

    7.

    Is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

    F’dan ir-rigward qiegħed jiġi sostnut li d-deċiżjonijiet ikkontestati jirriżultaw f’li jiġi attribwit lil Tazzetti SA sitwazzjoni mhux differenti minn dik mogħtija lill-parteċipanti l-ġodda fis-suq, filwaqt li l-kumpannija sussidjarja Tazzetti SA, bħar-rikorrenti, hija kumpannija stabbilita li ilha minn żmien bi preżenza kkonsolidata fis-suq.


    Top