Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CN0706

    Kawża C-706/19 P: Appell ippreżentat fl-20 ta’ Settembru 2019 minn CCPL - Consorzio Cooperative di Produzione e Lavoro SC et mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fil-11 ta’ Lulju 2019 fil-Kawża T-522/15, CCPL et vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 383, 11.11.2019, p. 55–56 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    11.11.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 383/55


    Appell ippreżentat fl-20 ta’ Settembru 2019 minn CCPL - Consorzio Cooperative di Produzione e Lavoro SC et mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fil-11 ta’ Lulju 2019 fil-Kawża T-522/15, CCPL et vs Il-Kummissjoni

    (Kawża C-706/19 P)

    (2019/C 383/63)

    Lingwa tal-kawża: it-Taljan

    Partijiet

    Appellanti: CCPL - Consorzio Cooperative di Produzione e Lavoro SC, Coopbox group SpA, Coopbox Eastern s.r.o. (rappreżentanti: S. Bariatti, E. Cucchiara, A. Cutrupi, avukati)

    Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla parzjalment, fil-limiti speċifikati f’dan l-appell, is-sentenza appellata u, għaldaqstant, tannulla d-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda l-multi imposti fuq l-appellanti għal ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (1), kif ukoll tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ adegwatezza;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    Insostenn tal-aggravju, l-appellanti jinvokaw l-aggravji li ġejjin:

    1.

    L-ewwel aggravju – Żball ta’ liġi, motivazzjoni assenti jew insuffiċjenti fir-rigward tal-ilmenti marbuta mar-“responsabbiltà tal-kumpannija omm”

    Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li s-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi u b’assenza jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni sa fejn il-Qorti Ġenerali ammettiet ir-responsabbiltà tal-kumpannija holding tal-grupp minkejja li l-kumpannija intermedja, li permezz tagħhom kienu miżmuma l-kumpanniji involuti fil-ksur, tqieset bħala mhux responsabbli.

    2.

    It-tieni aggravju – Żball manifest ta’ evalwazzjoni u żball ta’ liġi fir-rigward tal-allegat ksur tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003

    Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi manifest meta ċaħdet il-motiv marbut mal-applikazzjoni skorretta tal-limitu ta’ 10 % previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, sa fejn il-Kummissjoni applikat dan il-limitu għal dħul mill-bejgħ differenti mid-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat ikkalkolat abbażi tar-regoli ta’ konsolidazzjoni kontabbli tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ adegwatezza sa fejn hija rriżervat differenza fit-trattament li ma hijiex aċċettabbli, għall-finijiet tal-kalkolu tad-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, għall-fergħat ta’ attività li huma s-suġġett ta’ waqfien b’mod definittiv, minn naħa, u għal dawk mogħtija b’kera, min-naħa l-oħra, għar-raġuni ta’ preżunta differenza f’termini ta’ redditu ekonomiku u sostanzjali.


    (1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).


    Top