Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0825

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-21 ta’ Ottubru 2021.
    Beeren-, Wild-, Feinfrucht GmbH vs Hauptzollamt Erfurt.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Thüringer Finanzgericht.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Proċedura ta’ użu aħħari – Awtorizzazzjoni b’effett retroattiv – Regolament (UE) Nru 952/2013 – Kodiċi Doganali tal-Unjoni – Artikolu 211(2) – Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis – Kundizzjonijiet – Regolament (KEE) Nru 2454/93 – Artikolu 294(2) – Portata.
    Kawża C-825/19.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:869

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    21 ta’ Ottubru 2021 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Proċedura ta’ użu aħħari – Awtorizzazzjoni b’effett retroattiv – Regolament (UE) Nru 952/2013 – Kodiċi Doganali tal-Unjoni – Artikolu 211(2) – Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis – Kundizzjonijiet – Regolament (KEE) Nru 2454/93 – Artikolu 294(2) – Portata”

    Fil-Kawża C‑825/19,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Thüringer Finanzgericht (il-Qorti tal‑Finanzi ta’ Thüringen, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Ottubru 2019, li waslet fil‑Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Novembru 2019, fil-proċedura

    Beeren‑, Wild‑, Feinfrucht GmbH

    vs

    Hauptzollamt Erfurt,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tat-tielet Awla, li qiegħda taġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, S. Rodin u N. Piçarra (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Beeren‑, Wild‑, Feinfrucht GmbH, minn H. Nehm, Rechtsanwalt,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.‑R. Killmann u F. Clotuche‑Duvieusart, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tat‑3 ta’ Ġunju 2021,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 211(2) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, rettifika fil-ĠU 2013, L 287, p. 90) (iktar ’il quddiem il‑“KDU”), kif ukoll tal-Artikolu 294(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall‑implementazzjoni tar‑Regolament Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1602/2000 tal‑24 ta’ Lulju 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 7, p. 205, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2454/93”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Beeren‑, Wild‑, Feinfrucht GmbH (iktar ’il quddiem “BWF”) u l-Hauptzollamt Erfurt (l‑Uffiċċju Ewlieni Doganali ta’ Erfurt, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem l‑“awtorità doganali”), dwar il-portata tal-effett retroattiv ta’ awtorizzazzjoni ta’ sospensjoni tad-dazji doganali mogħtija lil BWF għall-importazzjoni ta’ merkanzija taħt il-proċedura ta’ użu aħħari.

    Il-kuntest ġuridiku

    Ir-Regolament (KEE) Nru 2913/92

    3

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307) ġie mħassar mill-1 ta’ Mejju 2016. L‑Artikolu 21 tar-Regolament Nru 2913/92 kien jipprevedi:

    “1.   It-trattament favorevoli tat-tariffa li minnu tista’ tibbenefika ċerta merkanzija minħabba n-natura jew konsum tagħha għandu jkun suġġett għall‑kondizzjonijiet stipulati skond il-proċedura tal-Kumitat. […]

    2.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1, l-espressjoni ‘trattament favorevoli tat-tariffa’ tfisser tnaqqis fi jew is-sospensjoni ta’ dazju ta’ importazzjoni kif issir referenza għalih fl-Artikolu 4(10), ukoll fi ħdan il-qafas ta’ kwota tat-tariffa.”

    Ir-Regolament Nru 2454/93

    4

    Ir-Regolament Nru 2454/93 tħassar, mill-1 ta’ Mejju 2016, bir‑Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/481 tal-1 ta’ April 2016 (ĠU 2016, L 87, p. 24). L-Artikolu 292(1) tar-Regolament Nru 2454/93 kien jgħid:

    “L-għoti ta’ trattament favorevoli ta’ tariffa b’mod konformi ma’ l-Artikolu 21 tal-Kodiċi għandu, fejn huwa stabbilit li l-oġġetti jaqgħu taħt is-sorveljanzi doganali ta’ l-użu finali [użu aħħari], jaqgħu taħt awtorizzazzjoni bil-miktub.

    Meta l-oġġetti jiġu rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera b’rata ta’ dazju mnaqqsa jew żero minħabba l-użu finali tagħhom u d-dispożizzjonijiet li jkun hemm fis-seħħ jitolbu li l-oġġetti jibqgħu taħt is-sorveljanza doganali b’mod konformi ma’ l‑Artikolu 82 tal-Kodiċi, hija meħtieġa awtorizzazzjoni bil-miktub għall-iskopijiet tas-sorveljanzi doganali ta’ l-użu finali.”

    5

    L-Artikolu 294 ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

    “1.   L-awtoritajiet doganali jistgħu joħorġu awtorizzazzjoni retroattiva.

    Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 2 u 3, awtorizzazzjoni retroattiva għandha tibda sseħħ fid-data li fiha ngħatat l-applikazzjoni.

    2.   Jekk xi applikazzjoni għandha x’taqsam ma’ xi tiġdid ta’ awtorizzazzjoni għall-istess tip ta’ xogħol u oġġetti, tista tingħata awtorizzazzjoni b’effett retroattiv mid-data li fiha għalqet l‑awtorizzazzjoni oriġinali.

    3.   F’ċirkustanzi eċċezzjonali, l-effett retroattiv ta’ xi awtorizzazzjoni jista’ jitwal aktar, iżda mhux għal aktar minn sena waħda qabel id-data li fiha ngħatat l‑applikazzjoni, sakemm teżisti ħtieġa ekonomika li tiġi ppruvata u:

    a)

    l-applikazzjoni m’hijiex konnessa ma’ xi tentattiv ta’ qerq jew traskuraġni ovvja;

    b)

    il-kontijiet ta’ l-applikant jikkonfermaw li l-kondizzjonijiet mitluba mill‑arranġamenti jistgħu jiqiesu bħala li ġew issodisfati u, fejn hu xieraq, biex jiġi evitat il-bdil l-oġġetti jistgħu jiġu identifikati għall-perjodu involut, u dawn il-kontijiet jippermettu li jiġu verifikati l-arranġamenti;

    ċ)

    il-formalitajiet kollha meħtieġa biex tiġi regolarizzata l-qagħda ta’ l-oġġetti jistgħu jsiru, inklużi, fejn jeħtieġ, l-invalidazzjoni tad‑dikjarazzjoni.”

    Il-KDU

    6

    L-Artikolu 211 tal-KDU, intitolat “Awtorizzazzjoni”, jipprevedi, fil‑paragrafi 1 u 2 tiegħu:

    “1.   Awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet doganali hija meħtieġa għal dan li ġej:

    a)

    l-użu tal-proċedura tal-ipproċessar attiv jew passiv, tal-proċedura ta’ dħul temporanju jew tal-użu aħħari;

    […]

    Il-kondizzjonijiet li bihom jitħalla l-użu ta’ proċedura waħda jew aktar minn dawk imsemmijin fl-ewwel subparagrafu […] għandhom ikunu stabbiliti fl‑awtorizzazzjoni.

    2.   L-awtoritajiet doganali għandhom jagħtu awtorizzazzjoni b’effett retroattiv, fejn ikunu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

    a)

    ikun hemm ħtieġa ekonomika ippruvata;

    b)

    l-applikazzjoni ma tkunx relatata ma’ attentat ta’ qerq;

    c)

    l-applikant, abbażi ta’ kontijiet jew ta’ kotba, ta prova li:

    I)

    ir-rekwiżiti kollha tal-proċedura huma sodisfatti;

    II)

    fejn xieraq, il-merkanzija tista’ tkun identifikata għall‑perijodu involut;

    III)

    tali kontijiet jew kotba jippermettu li l-proċedura tkun kkontrollata;

    d)

    il-formalitajiet kollha meħtieġa sabiex tkun regolarizzata s‑sitwazzjoni tal‑merkanzija jistgħu jitwettqu, inkluż, fejn meħtieġ, l-invalidazzjoni tad‑dikjarazzjonijiet doganali kkonċernati;

    e)

    ma tkun ingħatat l-ebda awtorizzazzjoni b’effett retroattiv lill‑applikant fi żmien tliet snin mid-data li fiha kienet aċċettata l‑applikazzjoni;

    f)

    eżami tal-kondizzjonijiet ekonomiċi mhux meħtieġ minbarra fejn applikazzjoni tikkonċerna t-tiġdid ta’ awtorizzazzjoni għall-istess tip ta’ operazzjoni u ta’ merkanzija;

    g)

    l-applikazzjoni ma tikkonċernax l-operat ta’ faċilitajiet tal-ħżin għall-ħażna doganali ta’ merkanzija;

    h)

    meta applikazzjoni tikkonċerna t-tiġdid ta’ awtorizzazzjoni għall‑istess tip ta’ operazzjoni u ta’ merkanzija, l-applikazzjoni tkun ppreżentata fi żmien tliet snin mill-iskadenza tal‑awtorizzazzjoni oriġinali.

    […]”

    7

    L-Artikolu 254 ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Proċedura ta’ użu aħħari”, jgħid, fil‑paragrafu 1 tiegħu:

    “Taħt il-proċedura ta’ użu aħħari, il-merkanzija tista’ tkun rilaxxata għaċ‑ċirkolazzjoni ħielsa taħt eżenzjoni mid-dazju jew b’rata mnaqqsa ta’ dazju minħabba l-użu speċifiku tagħha.”

    8

    L-Artikolu 288 tal-KDU, intitolat “Applikazzjoni”, jgħid, fil‑paragrafu 1 tiegħu, li l-artikoli li huwa jenumera fih isiru applikabbli mit-30 ta’ Ottubru 2013, jiġifieri mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il‑kodiċi prevista fl-Artikolu 287 tiegħu. Fil‑paragrafu 2 tiegħu, l‑Artikolu 288 jipprevedi li l-artikoli mhux imsemmija fil‑paragrafu 1 – li fosthom jidhru l-Artikoli 211 u 254 tal-imsemmi kodiċi – isiru applikabbli mill-1 ta’ Mejju 2016.

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    9

    BWF tipproċessa u tikkummerċjalizza faqqiegħ ikkonservat fis-salmura, mhux tajjeb għall-konsum fl-istat naturali, iddestinat għall-industrija tal‑kunservi alimentari.

    10

    Matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2010 u l-31 ta’ Diċembru 2012, BWF ingħatatilha awtorizzazzjoni “għar-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera għall-użu finali [użu aħħari] ta’ merkanzija mhux tal-Unjoni”, li abbażi tagħha hija importat f’għaxar okkażjonijiet din il-merkanzija filwaqt li bbenefikat minn sospensjoni tad-dazji doganali.

    11

    BWF kompliet sussegwentement l-importazzjoni tal-imsemmija merkanzija, mingħajr madankollu ma talbet il-proroga ta’ din l‑awtorizzazzjoni. Waqt verifika fiskali, l-awtorità kompetenti kkonstatat li BWF ma kellhiex iktar l‑awtorizzazzjoni meħtieġa. Konsegwentement, BWF ippreżentat, fit-9 ta’ Jannar 2015, applikazzjoni għall-proroga tal-awtorizzazzjoni li hija kellha sal-31 ta’ Diċembru 2012.

    12

    Fl‑14 ta’ Jannar 2015, l-awtorità doganali laqgħet parzjalment din l‑applikazzjoni. Hija tatha, abbażi tal-Artikolu 294(1) tar-Regolament Nru 2454/93, awtorizzazzjoni ġdida b’effett retroattiv għad-data tal‑preżentazzjoni tal‑applikazzjoni, jiġifieri d-9 ta’ Jannar 2015.

    13

    Fit-22 ta’ April 2015, BWF, filwaqt li rreferiet għal sitwazzjoni ekonomika prekarja minħabba rkupru pendenti, talbet li l-effett retroattiv tal-awtorizzazzjoni l-ġdida jiġi estiż sal-1 ta’ Jannar 2013, data ta’ skadenza tal-awtorizzazzjoni inizjali.

    14

    Permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Mejju 2015, l-awtorità doganali, abbażi tal‑Artikolu 294(2) tar-Regolament Nru 2454/93, ċaħdet din l‑applikazzjoni. Hija qieset li BWF lanqas ma setgħet titlob l‑applikazzjoni tal-paragrafu 3 ta’ dan l‑artikolu peress li, minn naħa, huwa jestendi l-effett retroattiv tal‑awtorizzazzjonijiet biss għal perijodu li ma jistax jaqbeż sena qabel id-data tal‑preżentazzjoni tal‑applikazzjoni u, min-naħa l-oħra, BWF ma kinitx uriet l‑eżistenza ta’ bżonn ekonomiku. Barra minn hekk, hija qieset li, minħabba n‑negliġenza manifesta ta’ BWF, li ma kinitx ippreżentat fil-ħin l‑applikazzjoni tagħha għal tiġdid, minkejja indikazzjonijiet għal dan il‑għan, ma kienx hemm lok li jingħatalha l-benefiċċju ta’ tali effett retroattiv.

    15

    Peress li l-ilment kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud fis-6 ta’ April 2016, BWF ressqet rikors, fit-3 ta’ Mejju 2016, kontra din id‑deċiżjoni quddiem il-qorti tar‑rinviju.

    16

    BWF issostni, minn naħa, li l-legalità tad-deċiżjoni tal-awtorità doganali, tas-6 ta’ April 2016, li ma tingħatax awtorizzazzjoni retroattiva għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2013 sat-8 ta’ Jannar 2015 kellha tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 211 tal-KDU, li sar applikabbli fl-1 ta’ Mejju 2016. Dan l-artikolu huwa “sempliċi” dispożizzjoni proċedurali li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal‑Ġustizzja, kellu jiġi applikat b’mod retroattiv.

    17

    Min-naħa l-oħra, BWF issostni li l-awtorità doganali kisret l‑Artikolu 294(3) tar‑Regolament Nru 2454/93, sa fejn, l-ewwel nett, hija applikat il-kriterju ta’ “negliġenza manifesta”, previst fil-punt a) ta’ din id-dispożizzjoni, fil-kuntest tal‑eżami ta’ applikazzjoni għat-tiġdid ta’ awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 294(2) ta’ dan ir-regolament. It‑tieni nett, l-awtorità doganali qieset b’mod żbaljat li l‑limitu ratione temporis tal-effett retroattiv tal-awtorizzazzjonijiet, previst fl‑Artikolu 294(3) tal-imsemmi regolament, kien applikabbli għat-talbiet imressqa bis-saħħa tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu.

    18

    Fil-21 ta’ Marzu 2019, l-awtorità doganali adottat deċiżjoni ġdida ta’ ċaħda tal‑applikazzjoni għal awtorizzazzjoni b’effett retroattiv sal-1 ta’ Jannar 2013, abbażi tal-Artikolu 294(2) tar-Regolament Nru 2454/93. Din id-deċiżjoni tistrieħ fuq raġunijiet differenti minn dawk li jidhru fid-deċiżjonijiet preċedenti. Mill‑proċess li għandha l-Qorti tal‑Ġustizzja jirriżulta li l-imsemmija deċiżjoni ġiet adottata wara l‑komunikazzjoni lill-partijiet fil-kawża prinċipali tal-opinjoni tal-qorti tar-rinviju li qieset illegali (rechtswidrig) id-deċiżjonijiet tal-awtorità doganali tat-13 ta’ Mejju 2015 u tas-6 ta’ April 2016, għar-raġuni li din l-awtorità ma eżerċitatx is-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilha mill‑Artikolu 294 ta’ dan ir‑regolament. Id-deċiżjoni tal-awtorità doganali tal-21 ta’ Marzu 2019 kienet għaldaqstant att amministrattiv ikkorreġut (korrigierter Verwaltungsakt).

    19

    Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, bis-saħħa tad-dritt proċedurali nazzjonali, ir-rikors ippreżentat minn BWF fit-3 ta’ Mejju 2016 għandu jitqies li għandu bħala suġġett id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni b’effett retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2013, bid-data tal-21 ta’ Marzu 2019. Hija tqis li s-soluzzjoni tal‑kawża li tressqet quddiemha tiddependi mill-kwistjoni dwar jekk l‑Artikolu 211 tal-KDU huwiex applikabbli għal din il-kawża, anki jekk l‑applikazzjoni għal awtorizzazzjoni b’effett retroattiv tressqet fid-9 ta’ Jannar 2015, data li fiha d‑dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu ma kinux għadhom applikabbli, bis-saħħa tal‑Artikolu 288(2) tal-KDU.

    20

    Din il-qorti tqis li l-Artikolu 211 tal-KDU huwa dispożizzjoni proċedurali, minħabba “fundamentalment il-pożizzjoni tiegħu fl‑istruttura tal-leġiżlazzjoni kif ukoll il-kontenut essenzjali tagħha”. Hija madankollu tirrikonoxxi li dan l-artikolu jindika ċerti kriterji għall-għoti tal-awtorizzazzjonijiet b’effett retroattiv, li ma jidhrux espliċitament fl-Artikoli 291 et seq. tar-Regolament Nru 2454/93. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija tistaqsi jekk l-Artikolu 211 tal-KDU għandux jitqies li huwa “sempliċi dispożizzjoni proċedurali” jew dispożizzjoni li tinkludi kemm dispożizzjonijiet proċedurali kif ukoll dispożizzjonijiet sostantivi li jifformaw totalità indiviżibbli, li tagħhom id-dispożizzjonijiet partikolari ma jistgħux jitqiesu waħedhom fir‑rigward tal-effett ratione temporis tagħhom, b’analoġija mas‑sentenza tat‑12 ta’ Novembru 1981, Meridionale Industria Salumi et (212/80 sa 217/80, EU:C:1981:270).

    21

    Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-kawża prinċipali għandha tiġi deċiża abbażi tal-Artikolu 294(2) tar-Regolament Nru 2454/93, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont l-istruzzjonijiet tad-dipartiment intern tal‑amministrazzjoni doganali Ġermaniża, li hija ma tqisx lilha nnifisha marbuta bihom, it-tiġdid ta’ awtorizzazzjoni ma jistax jidħol fis‑seħħ, b’mod retroattiv, b’applikazzjoni tal‑Artikolu 294(3) ta’ dan ir‑regolament, f’data preċedenti li tmur lura iktar minn sena qabel dik tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni. Skont din il-qorti, l‑amministrazzjoni doganali Ġermaniża tirrestrinġi wkoll il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tal-Artikolu 294(2) tal-imsemmi regolament, sa fejn tissuġġetta t-tiġdid b’mod retroattiv tal-awtorizzazzjoni msemmija fih għal kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, jiġifieri l-prova tan‑neċessità ekonomika u l-assenza ta’ kull tentattiv ta’ qerq kif ukoll ta’ negliġenza manifesta tal-applikant.

    22

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Thüringer Finanzgericht (il-Qorti tal‑Finanzi ta’ Thüringen, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    L-Artikolu 211(2) [tal-KDU] għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa japplika biss għall-applikazzjonijiet li fir-rigward tagħhom l‑awtorizzazzjoni b’effett retroattiv tkun tgħodd mill-1 ta’ Mejju 2016?

    2)

    Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda: L‑Artikolu 211 tal‑KDU għandu jiġi applikat, fil-każ tal‑applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni b’effett retroattiv li fir‑rigward tagħhom il-perijodu ta’ awtorizzazzjoni huwa qabel l‑1 ta’ Mejju 2016, biss jekk l-awtorizzazzjoni b’effett retroattiv tiġi effettivament mitluba qabel id-dħul fis-seħħ tal‑leġiżlazzjoni ġdida, iżda fejn l-awtoritajiet doganali ċaħdu tali applikazzjonijiet għall-ewwel darba biss wara l-1 ta’ Mejju 2016?

    3)

    Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda: L‑Artikolu 211 tal-KDU għandu jiġi applikat għall‑applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni b’effett retroattiv li fir-rigward tagħhom il-perijodu ta’ awtorizzazzjoni huwa qabel l‑1 ta’ Mejju 2016 anki meta l-awtoritajiet doganali jkunu ċaħdu tali applikazzjonijiet kemm qabel l-1 ta’ Mejju 2016 kif ukoll wara din id-data (b’motivazzjoni differenti)?

    4)

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel żewġ domandi u risposta fin‑negattiv għat-tielet domanda: L-Artikolu 294(2) [tar‑Regolament Nru 2454/93] għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    a)

    awtorizzazzjoni b’effett retroattiv tista’ tingħata sal-mument li fih l‑awtorizzazzjoni preċedenti tkun tilfet l-effett tagħha kif previst fil‑paragrafu 3 tad-dispożizzjoni, u dan mill-iktar għal perijodu ta’ sena qabel il-preżentazzjoni tal‑applikazzjoni u

    b)

    il-prova tan-neċessità ekonomika prevista fil-paragrafu 3 tad‑dispożizzjoni kif ukoll l-assenza ta’ kwalunkwe tentattiv ta’ manuvra jew ta’ negliġenza manifesta għandha tiġi prodotta għall‑awtorizzazzjoni suċċessiva skont il‑paragrafu 2?”

    Fuq it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

    23

    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Ġunju 2021, BWF ressqet talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal‑proċedura, konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Hija sostniet li, sa fejn, fil-konklużjonijiet tiegħu ppreżentati fit-3 ta’ Ġunju 2021, l-Avukat Ġenerali ma eżaminax ir‑raba’ domanda preliminari, teżisti “sitwazzjoni ta’ eċċezzjoni”, li tista’ tiġi rrimedjata biss b’applikazzjoni ta’ din id‑dispożizzjoni.

    24

    Għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l‑Avukat Ġenerali għandu jippreżenta pubblikament, bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet motivati dwar il‑kawżi li, konformement mal-Istatut tal‑Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ikunu jeħtieġu l-intervent tiegħu. Il‑Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali u lanqas mill‑motivazzjoni li abbażi tagħha huwa jasal għal dawn il‑konklużjonijiet (sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2015, Banif Plus Bank, C‑312/14, EU:C:2015:794, punt 33).

    25

    Barra minn hekk, la l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u lanqas ir-Regoli tal-Proċedura ma jipprevedu l-possibbiltà għall‑partijiet li jippreżentaw l-osservazzjonijiet b’risposta għall‑konklużjonijiet li jiġu ppreżentati mill-Avukat Ġenerali (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2010, Stichting Natuur en Milieu et, C‑266/09, EU:C:2010:779, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dawn it-testi lanqas ma jeskludu l-possibbiltà, għall-Qorti tal-Ġustizzja, li tiddeċiedi li kawża tiġi deċiża b’konklużjonijiet li ma jirrigwardawx il‑punti ta’ liġi kollha indirizzati fid‑domandi magħmula.

    26

    Konsegwentement, in-nuqqas ta’ qbil ta’ parti mal-konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali, ikunu liema jkunu l-kwistjonijiet li jkun qiegħed jeżamina fihom, ma jistax fih innifsu jikkostitwixxi raġuni li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 26).

    27

    Xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l‑Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ jew il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal‑Proċedura tagħha, b’mod partikolari jekk tqis li ma jkollhiex informazzjoni biżżejjed (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, Pesce et, C‑78/16 u C‑79/16, EU:C:2016:428, punt 27).

    28

    F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li hija għandha l-elementi kollha neċessarji sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula mill-qorti tar‑rinviju.

    29

    Għaldaqstant, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, it-talba ta’ BWF għall-ftuħ mill‑ġdid tal-fażi orali tal-proċedura għandha tiġi miċħuda.

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel u t-tielet domanda

    30

    Permezz tal-ewwel sat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l‑Artikolu 211(2) tal‑KDU għandux jiġi interpretat fis-sens li japplika għal applikazzjoni għat-tiġdid ta’ awtorizzazzjoni b’effett retroattiv imressqa qabel l-1 ta’ Mejju 2016, data li fiha dan l-artikolu sar applikabbli bis-saħħa tal-Artikolu 288(2) tal-KDU, jekk id‑deċiżjoni li tagħti deċiżjoni dwar din l-applikazzjoni tkun ġiet adottata wara din id‑data.

    31

    Għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis ta’ regoli ġodda, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel distinzjoni skont jekk dawn ikunux “regoli proċedurali” jew “regoli sostantivi”. Tal-ewwel huma ġeneralment meqjusa li japplikaw għall-kawżi kollha pendenti fil-mument li dawn jidħlu fis‑seħħ, b’differenza minn tat-tieni, li normalment jiġu interpretati bħala li japplikaw għall-effetti futuri tas‑sitwazzjonijiet li jkunu nħolqu taħt il-liġi l-antika kif ukoll għas‑sitwazzjonijiet legali ġodda, iżda mhux għal sitwazzjonijiet li jkunu seħħew qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dawn ir-regoli, ħlief sa fejn jirriżulta b’mod ċar mill-kliem, mill-għanijiet jew mill-istruttura tal‑imsemmija regoli li tali effett ikollu jiġi attribwit lilhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Frar 2006, Molenbergnatie, C‑201/04, EU:C:2006:136, punt 31; tad-9 ta’ Marzu 2006, Beemsterboer Coldstore Services, C‑293/04, EU:C:2006:162, punt 21; u tat-3 ta’ Ġunju 2021, Jumbocarry Trading, C‑39/20, EU:C:2021:435, punt 29).

    32

    L-Artikolu 211(2)(a) sa (h) tal-KDU jelenka, b’mod eżawrjenti, il‑kundizzjonijiet għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni b’effett retroattiv meħtieġa, bis-saħħa tal‑paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, għall-użu, b’mod partikolari, tal-proċedura ta’ użu aħħari. Din is-sistema, prevista fl‑Artikolu 254 tal-KDU, tippermetti r-rilaxx għaċ‑ċirkolazzjoni ħielsa tal-merkanzija taħt eżenzjoni totali jew parzjali mid‑dazju minħabba l‑użu speċifiku tagħha.

    33

    Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 34 sa 37 tal-konklużjonijiet tiegħu, il‑kundizzjonijiet li għalihom tali awtorizzazzjoni hija suġġetta, previsti fl‑Artikolu 211(2), huma kompletament, jew prinċipalment, kundizzjonijiet sostantivi għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni b’effett retroattiv. Fil-fatt, dawn huma determinanti għall-eżistenza, min-naħa tal-applikant, tad-dejn doganali relatat mal-merkanzija inkwistjoni.

    34

    Konsegwentement, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 31 ta’ din is‑sentenza, l-Artikolu 211(2) tal-KDU ma jistax, bħala regola sostantiva ġdida, jiġi applikat għas-sitwazzjonijiet legali li jkunu tnisslu u li jkunu seħħew definittivament taħt il-leġiżlazzjoni preċedenti, sakemm ma jirriżultax b’mod ċar mill-kliem, mill-għan jew mill‑istruttura tagħha li din ikollha tiġi applikata immedjatament għal tali sitwazzjonijiet.

    35

    Issa, l-Artikolu 211(2) tal-KDU għandu miegħu dispożizzjoni partikolari li tiddetermina speċifikament il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ratione temporis tiegħu, jiġifieri l-Artikolu 288(2) ta’ dan il-kodiċi. Skont din id-dispożizzjoni, l‑artikoli l-oħra minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, li fosthom hemm l-Artikoli 211 u 254, saru applikabbli biss fl-1 ta’ Mejju 2016, anki jekk il-KDU, bis-saħħa tal-Artikolu 287 tiegħu, daħal fis-seħħ fit-30 ta’ Ottubru 2013 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2021, Jumbocarry Trading, C‑39/20, EU:C:2021:435, punti 529, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    36

    Minn dan isegwi li l-Artikolu 211 tal-KDU ma japplikax għal fatti li jkunu nisslu dejn doganali, li jkunu seħħew qabel l-1 ta’ Mejju 2016.

    37

    F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, bejn il-31 ta’ Diċembru 2012, id-data ta’ skadenza tal-awtorizzazzjoni inizjali, u d-9 ta’ Jannar 2015, id-data li fiha daħlet fis-seħħ l-awtorizzazzjoni retroattiva mogħtija mill-awtorità doganali fl-14 ta’ Jannar 2015, ir‑rikorrenti fil-kawża prinċipali kompliet timporta l-istess tip ta’ merkanzija bħal dik koperta mill-awtorizzazzjoni inizjali mingħajr ma ppreżentat applikazzjoni għat-tiġdid ta’ din l-awtorizzazzjoni. Għaldaqstant hija kellha tħallas id-dazji doganali għal dan il-għan. Il‑fatti li magħhom huwa marbut id-dejn doganali inkwistjoni, u li l‑eżenzjoni tagħhom qiegħda tintalab mir‑rikorrenti fil-kawża prinċipali, seħħew għalhekk qabel l-1 ta’ Mejju 2016, data li fiha sar applikabbli l‑Artikolu 211 tal-KDU.

    38

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha titqies li seħħet taħt il-leġiżlazzjoni preċedenti (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tat-23 ta’ Frar 2006, Molenbergnatie, C‑201/04, EU:C:2006:136, punti 3134 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), jiġifieri l-Artikolu 294(2) tar‑Regolament Nru 2454/93.

    39

    Il-fatt li l-proċedura amministrattiva fil-kawża prinċipali ngħalqet, kif ippreċiżat il-qorti tar-rinviju, permezz tad-deċiżjoni tal-21 ta’ Marzu 2019 li ċaħdet l‑applikazzjoni għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni b’effett retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2013, deċiżjoni li għaldaqstant ġiet adottata f’data li għaliha l‑Artikolu 211 tal‑KDU kien diġà applikabbli, huwa irrilevanti għal sitwazzjoni ġuridika mnissla u mwettqa taħt ir‑Regolament Nru 2454/93.

    40

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall‑ewwel sat‑tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 211(2) tal‑KDU għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għal applikazzjoni għat-tiġdid ta’ awtorizzazzjoni b’effett retroattiv imressqa qabel l-1 ta’ Mejju 2016, data li fiha dan l-artikolu sar applikabbli bis‑saħħa tal‑Artikolu 288(2) tal-KDU, anki jekk id‑deċiżjoni li taqta’ din l‑applikazzjoni tkun ġiet adottata wara din id-data.

    Fuq ir-raba’ domanda

    41

    Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l‑Artikolu 294(2) tar-Regolament Nru 2454/93 għandux jiġi interpretat fis-sens li l‑għoti, mill-awtoritajiet doganali, ta’ awtorizzazzjoni ġdida b’effett retroattiv għal tranżazzjonijiet u merkanzija tal-istess natura bħal dawk li jkunu s-suġġett tal‑awtorizzazzjoni inizjali għandux ukoll ikun suġġett għall‑kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu.

    42

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 294(1) tar‑Regolament Nru 2454/93, “mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 2 u 3”, l-awtorizzazzjonijiet retroattivi li l-awtoritajiet doganali jistgħu jagħtu jidħlu fis-seħħ fid-data tal‑preżentazzjoni tal-applikazzjoni rispettiva. Mill-formulazzjoni stess ta’ din id‑dispożizzjoni jirriżulta li hija tidentifika żewġ każijiet distinti, li jistgħu jidderogaw mir-regola ta’ retroattività li hija tistabbilixxi.

    43

    Fil-fatt, il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jsemmi biss it-tiġdid tal‑awtorizzazzjonijiet għal tranżazzjonijiet u merkanzija tal-istess natura bħal dawk li jkunu s-suġġett tal-awtorizzazzjoni inizjali u jipprevedi li, għal dan il-każ, “tista tingħata awtorizzazzjoni b’effett retroattiv mid-data li fiha għalqet l‑awtorizzazzjoni oriġinali”. Il‑paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu ma jipprevedi ebda awtorizzazzjoni b’mod partikolari u jipprevedi li l-awtoritajiet doganali jistgħu, “f’ċirkustanzi eċċezzjonali”, jestendu l-effett retroattiv ta’ awtorizzazzjoni “mhux għal aktar minn sena waħda qabel id-data li fiha ngħatat l-applikazzjoni”. Huwa jissuġġetta din l-estensjoni għal diversi kundizzjonijiet li jinkludu l‑possibbiltà li tintwera l-eżistenza ta’ bżonn ekonomiku u l-assenza ta’ rabta tal‑applikazzjoni għal tentattiv ta’ qerq jew negliġenza manifesta.

    44

    Minn dan isegwi li, għalkemm il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni retroattiva stabbiliti fl-Artikolu 294(3) tar-Regolament Nru 2454/93 kienu applikabbli għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni retroattiva ġdida skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, l-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar jiġi ppreġudikat. Fil-fatt, filwaqt li din tipprevedi espressament li l-effett retroattiv tat-tiġdid ta’ awtorizzazzjoni “[jista’ jingħata] mid-data li fiha għalqet l‑awtorizzazzjoni”, il‑paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu jimponi li dan l‑effett jiġi limitat għal “mhux għal aktar minn sena waħda qabel id-data li fiha ngħatat l-applikazzjoni”.

    45

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 294(2) tar-Regolament Nru 2454/93 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-għoti, mill-awtoritajiet doganali, ta’ awtorizzazzjoni ġdida b’effett retroattiv għal tranżazzjonijiet u merkanzija tal-istess natura bħal dawk li jkunu s‑suġġett tal-awtorizzazzjoni inizjali ma huwiex suġġett għall‑kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu.

    Fuq l-ispejjeż

    46

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 211(2) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għal applikazzjoni għat‑tiġdid ta’ awtorizzazzjoni b’effett retroattiv imressqa qabel l-1 ta’ Mejju 2016, data li fiha dan l-artikolu sar applikabbli bis-saħħa tal‑Artikolu 288(2) ta’ dan ir-regolament, anki jekk id‑deċiżjoni li taqta’ din l-applikazzjoni tkun ġiet adottata wara din id-data.

     

    2)

    L-Artikolu 294(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat‑2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1602/2000 tal-Kummissjoni, tal-24 ta’ Lulju 2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-għoti, mill-awtoritajiet doganali, ta’ awtorizzazzjoni ġdida b’effett retroattiv għal tranżazzjonijiet u merkanzija tal-istess natura bħal dawk li jkunu s‑suġġett tal‑awtorizzazzjoni inizjali ma huwiex suġġett għall‑kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3 ta’ dan l‑artikolu.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top