This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62019CJ0724
Judgment of the Court (Fourth Chamber) of 16 December 2021.#Criminal proceedings against HP.#Request for a preliminary ruling from the Spetsializiran nakazatelen sad.#Reference for a preliminary ruling – Judicial cooperation in criminal matters – European Investigation Order (EIO) – Directive 2014/41/EU – Article 2(c)(i) – Concept of ‘issuing authority’ – Article 6 – Conditions for issuing an EIO – Article 9(1) and (3) – Recognition of an EIO – EIO seeking to obtain traffic and location data associated with telecommunications, issued by a public prosecutor designated as ‘issuing authority’ by the national measure transposing Directive 2014/41 – Exclusive competence of the judge, in a similar domestic case, to order the investigative measure indicated in that order.#Case C-724/19.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tas-16 ta’ Diċembru 2021.
Proċeduri kriminali kontra HP.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Spetsializiran nakazatelen sad.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Ordni ta’ investigazzjoni Ewropea – Direttiva 2014/41/UE – Artikolu 2(c)(i) – Kunċett ta’ ‘awtorità emittenti’ – Artikolu 6 – Kundizzjonijiet ta’ ħruġ ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea – Artikolu 9(1) u (3) – Rikonoxximent ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea – Ordni ta’ investigazzjoni Ewropea intiża sabiex tinkiseb data dwar it-traffiku u data ta’ lokalizzazzjoni marbuta mat‑telekomunikazzjonijiet, maħruġa minn prosekutur innominat bħala ‘awtorità emittenti’ mill-att nazzjonali li jittrasponi d-Direttiva 2014/41 – Kompetenza esklużiva tal-imħallef, fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali simili, sabiex jordna l-miżura ta’ investigazzjoni indikata f’din l-ordni.
Kawża C-724/19.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tas-16 ta’ Diċembru 2021.
Proċeduri kriminali kontra HP.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Spetsializiran nakazatelen sad.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Ordni ta’ investigazzjoni Ewropea – Direttiva 2014/41/UE – Artikolu 2(c)(i) – Kunċett ta’ ‘awtorità emittenti’ – Artikolu 6 – Kundizzjonijiet ta’ ħruġ ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea – Artikolu 9(1) u (3) – Rikonoxximent ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea – Ordni ta’ investigazzjoni Ewropea intiża sabiex tinkiseb data dwar it-traffiku u data ta’ lokalizzazzjoni marbuta mat‑telekomunikazzjonijiet, maħruġa minn prosekutur innominat bħala ‘awtorità emittenti’ mill-att nazzjonali li jittrasponi d-Direttiva 2014/41 – Kompetenza esklużiva tal-imħallef, fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali simili, sabiex jordna l-miżura ta’ investigazzjoni indikata f’din l-ordni.
Kawża C-724/19.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:1020
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
16 ta’ Diċembru 2021 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Ordni ta’ investigazzjoni Ewropea – Direttiva 2014/41/UE – Artikolu 2(c)(i) – Kunċett ta’ ‘awtorità emittenti’ – Artikolu 6 – Kundizzjonijiet ta’ ħruġ ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea – Artikolu 9(1) u (3) – Rikonoxximent ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea – Ordni ta’ investigazzjoni Ewropea intiża sabiex tinkiseb data dwar it-traffiku u data ta’ lokalizzazzjoni marbuta mat‑telekomunikazzjonijiet, maħruġa minn prosekutur innominat bħala ‘awtorità emittenti’ mill-att nazzjonali li jittrasponi d-Direttiva 2014/41 – Kompetenza esklużiva tal-imħallef, fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali simili, sabiex jordna l-miżura ta’ investigazzjoni indikata f’din l-ordni”
Fil-Kawża C‑724/19,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Settembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ Ottubru 2019, fil‑proċeduri kriminali kontra
HP
fil-preżenza ta’:
Spetsializirana prokuratura,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn K. Jürimäe (Relatriċi), President tat-Tielet Awla, li qiegħda taġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, S. Rodin u N. Piçarra, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez‑Bordona,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal HP, minn E. Yordanov, advokat, |
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u M. Hellmann, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér, R. Kissné Berta u M. M. Tátrai, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn Y. Marinova u minn R. Troosters, sussegwentment minn Y. Marinova u minn M. Wasmeier, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑20 ta’ Mejju 2021,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(c)(i) tad-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali (ĠU 2014, L 130, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 143, p. 16). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra HP li matulhom inħarġu erba’ ordnijiet ta’ investigazzjoni Ewropea mill-Uffiċċju tal‑Prosekutur Bulgaru bil-għan tal-ġbir ta’ provi fil-Belġju, fil-Ġermanja, fl‑Awstrija u fl-Isvezja. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2002/58/KE
3 |
Skont l-Artikolu 2(b) u (c) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l‑protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514): “Ħlief kif provdut mod ieħor, għandhom jgħoddu d-definizzjonijiet fid‑Direttiva 95/46/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355),] u fid-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349)]. Għandhom jgħoddu wkoll dawn id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
|
4 |
L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jipprovdi: “L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislativi biex jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikolu 5, l-Artikolu 6, l‑Artikolu 8(1), (2), (3) u (4), u l-Artikolu 9 ta’ din id-Direttiva meta tali restrizzjoni tikkostitwixxi miżura neċessarja, xierqa u proporzjonata f’soċjeta’ demokratika biex tiġi salvagwardjata s-sigurtà nazzjonali (i.e. is-sigurtà ta’ l-Istat), id-difiża, is-sigurtà pubblika, u l-prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew ta’ użu mhux awtorizzat tas-sistema ta’ komunikazzjoni elettronika, kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva [95/46]. Għal dan l-iskop, l-Istati Membri jistgħu, inter alia, jadottaw miżuri leġislativi li jipprovdu għaż-żamma ta’ l-informazzjoni għal perjodu limitat iġġustifikat għarr‑raġunijiet stabbiliti f’dan il-paragrafu. Il-miżuri kollha msemmija f’dan il‑paragrafu għandhom ikunu skond il-prinċipji ġenerali tal-liġi [tal-Unjoni], inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 6(1) u (2) tat-Trattat [UE].” |
Id-Direttiva 2014/41
5 |
Il-premessi 5 sa 8, 10, 11, 19, 21, 22, 30 u 32 tad-Direttiva 2014/41 huma fformulati kif ġej:
[…]
[…]
[…]
[…]
|
6 |
Bit-titolu “L-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew u l-obbligu li jiġi eżegwit”, l‑Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi: “1. L-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew (OIE) huwa deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa jew validata minn awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru (‘l-Istat emittenti’) sabiex waħda jew aktar miżuri investigattivi speċifiċi jiġu eżegwiti fi Stat Membru ieħor […] bil-ħsieb li jinkisbu provi f’konformità mad‑dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva. L-OIE jista’ jinħareġ ukoll biex jinkisbu provi li jkunu diġà fil-pussess tal‑awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni. 2. L-Istati Membri għandhom jeżegwixxu kwalunkwe OIE abbażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u f’konformità ma’ din id-Direttiva. 3. Il-ħruġ ta’ OIE jista’ jintalab minn persuna suspettata jew akkużata, jew minn avukat f’isimha, fi ħdan il-qafas tad-drittijiet ta’ difiża applikabbli f’konformità mal-proċedura kriminali nazzjonali. 4. Din id-Direttiva m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar‑rispett għad-drittijiet fundamentali ul-prinċipji legali kif sanċiti fl-Artikolu 6 [UE], inklużi d-drittijiet ta’ difiża ta’ persuni suġġetti għal proċedimenti kriminali, u kwalunkwe obbligu li jaqa’ fuq l-awtoritajiet ġudizzjarji f’dan ir-rigward ma għandux jiġi affettwat.” |
7 |
Skont l-Artikolu 2(c) tal-imsemmija direttiva: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzdatajonijiet [definizzjonijiet] li ġejjin: […]
|
8 |
L-Artikolu 6 tal-istess direttiva, dwar il-“[k]ondizzjonijiet għall-emissjoni u t‑trażmissjoni ta’ OIE”, jipprovdi: “1. L-awtorità emittenti tista’ toħroġ OIE biss fejn tkun sodisfatta li ġew sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:
2. Il-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu vvalutati mill‑awtorità emittenti f’kull każ. 3. Fejn l-awtorità ta’ eżekuzzjoni jkollha raġuni għalxiex temmen li l‑kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ma ġewx sodisfatti, hija tista’ tikkonsulta lill-awtorità emittenti dwar l-importanza li l-OIE jiġi eżegwit. Wara dik il-konsultazzjoni, l-awtorità emittenti tista’ tiddeċiedi li tirtira l-OIE.” |
9 |
L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2014/41, intitolat “Rikonoxximent u eżekuzzjoni”, fil‑paragrafi 1 sa 3 tiegħu jipprovdi: “1. L-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tirrikonoxxi OIE, mibgħut f’konformità ma’ din id-Direttiva, mingħajr il-ħtieġa ta’ kwalunkwe formalità ulterjuri, u tiżgura l-eżekuzzjoni tiegħu bl-istess mod u taħt l-istess modalitajiet bħallikieku l‑miżura investigattiva konċernata ġiet ordnata minn awtorità tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, sakemm dik l-awtorità ma tiddeċidix li tinvoka waħda mir-raġunijiet sabiex ma jingħatax ir-rikonoxximent jew ma ssirx l-eżekuzzjoni jew waħda mir‑raġunijiet għal posponiment previsti f’din id-Direttiva. 2. L-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tikkonforma mal-formalitajiet u l‑proċeduri espressament indikati mill-awtorità emittenti sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’din id-Direttiva u sakemm dawn il-formalitajiet u proċeduri ma jmorrux kontra l-prinċipji fundamentali ta’ dritt tal-Istat ta’ eżekuzzjoni. 3. Fejn awtorità ta’ eżekuzzjoni tirċievi OIE li ma jkunx inħareġ minn awtorità emittenti kif speċifikat fl-Artikolu 2(c), l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tibgħat lura l-OIE lill-Istat emittenti.” |
10 |
L-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva jelenka r-raġunijiet li għalihom jistgħu jiġu rrifjutati r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea fl-Istat ta’ eżekuzzjoni. |
11 |
Il-Kapitolu IV tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti miżuri investigattivi”, jinkludi l-Artikoli 22 sa 29. |
12 |
L-Artikolu 26 tal-istess direttiva, intitolat “Informazzjoni dwar kontijiet bankarji u finanzjarji oħra”, fil-paragrafu 5 tiegħu jippreċiża: “Fl-OIE l-awtorità emittenti għandha tindika r-raġunijiet għaliex tqis li l‑informazzjoni mitluba x’aktarx li hi ta’ valur sostanzjali għall-fini tal‑proċedimenti kriminali konċernati u għal liema raġunijiet hija tippreżumi li l‑banek fl-Istat ta’ eżekuzzjoni jżommu l-kont u, safejn ikun disponibbli, liema banek jistgħu jkunu involuti. Fl-OIE hija għandha tinkludi wkoll kwalunkwe informazzjoni disponibbli li tista’ tiffaċilita l-eżekuzzjoni tiegħu.” |
13 |
L-Artikolu 27 tad-Direttiva 2014/41, intitolat “Informazzjoni dwar operazzjonijiet bankarji u finanzjarji oħra”, fil-paragrafu 4 tiegħu jipprevedi: “Fl-OIE l-awtorità emittenti għandha tindika r-raġunijiet għaliex tikkunsidra l‑informazzjoni mitluba rilevanti għall-fini tal-proċedimenti kriminali konċernati.” |
14 |
L-Artikolu 28 ta’ din id-direttiva, intitolat “Miżuri investigattivi li jimplikaw il‑ġbir ta’ provi fi żmien reali, kontinwament u matul ċertu perijodu ta’ żmien”, fil-paragrafu 3 tiegħu jipprovdi: “L-awtorità emittenti għandha tindika fl-OIE għaliex tikkunsidra l-informazzjoni mitluba rilevanti għall-fini tal-proċedimenti kriminali konċernati.” |
15 |
L-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea hija prevista fil-formola li tinsab fl-Anness A tal-imsemmija direttiva. L-intestatura ta’ din il-formola hija redatta kif ġej: “Dan l-OIE inħareġ minn awtorità kompetenti. L-awtorità emittenti tiċċertifika li l-ħruġ ta’ dan l-OIE huwa neċessarju u proporzjonat għall-fini tal-proċedimenti speċifikati fiha b’kont meħud tad-drittijiet tal-persuna suspettata jew akkużata u li l-miżuri investigattivi mitluba setgħu ġew ordnati taħt l-istess kondizzjonijiet f’każ domestiku simili. Jiena nitlob li l-miżura jew miżuri investigattivi speċifikati hawn taħt jiġu eżegwiti b’kont debitament meħud tal-kunfidenzjalità tal‑investigazzjoni u li l-provi li jinkisbu b’riżultat tal-eżekuzzjoni tal-OIE jiġu ttrasferiti.” |
Id-dritt Bulgaru
16 |
Id-Direttiva 2014/41 ġiet trasposta fid-dritt Bulgaru permezz taż-zakon za evropeyskata zapoved za razsledvane (il-Liġi dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea) (DV Nru 16, tal‑20 ta’ Frar 2018). Konformement mal-punt 1 tal‑Artikolu 5(1) ta’ din il-liġi (iktar ’il quddiem iż-“ZEZR”), l-awtorità kompetenti, fil-Bulgarija, sabiex matul il-fażi preliminari tal-proċeduri kriminali toħroġ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea hija l-prosekutur. |
17 |
L-Artikolu 159a tan-Nakazatelno-protsesualen kodeks (Il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali), intitolat “Komunikazzjoni ta’ data minn impriżi li jipprovdu networks u/jew servizzi pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi”, jipprevedi: “(1) Fuq talba tal-qorti fil-proċedura ġudizzjarja, jew abbażi ta’ digriet motivat ta’ mħallef ta’ qorti tal-ewwel istanza rispettiva adottat fil-fażi preliminari tal‑proċedura kriminali fuq talba tal-prosekutur inkarigat mis-sorveljanza, l‑impriżi li jipprovdu networks u/jew servizzi pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom jikkomunikaw id-data miġbura fil-kuntest tal-operazzjonijiet kummerċjali tagħhom neċessarja sabiex:
(2) data msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinġabar jekk dan ikun meħtieġ għall-investigazzjoni ta’ reati gravi mwettqa b’dolo. (3) it-talba għal ħruġ ta’ ordni ta’ investigazzjoni mressqa mill-prosekutur imkarigat mis-sorveljanza skont il-paragrafu 1 għandha tkun motivata u għandha tinkludi l‑elementi li ġejjin:
(4) Fid-digriet adottat skont il-paragrafu 1, il-qorti għandha tindika:
(5) Il-perijodu ta’ żmien li għalih it-trażmissjoni tad-data tista’ tintalab u tiġi ordnata skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 ma jistax jeċċedi sitt xhur. (6) Meta r-rapport ikun fih informazzjoni li ma hijiex marbuta maċ-ċirkustanzi tal-kawża u li ma tikkontribwixxix għall-kjarifika tagħhom, l-imħallef li jkun ħareġ l-ordni ta’ investigazzjoni għandu jordna l-qerda tagħha fuq proposta bil‑miktub motivata tal-prosekutur inkarigat mis-sorveljanza. Id-distruzzjoni għandha titwettaq skont proċedura stabbilita mill-prosekutur prinċipali. F’terminu ta’ sebat ijiem minn meta tirċievi d-digriet, l-impriżi msemmija fil-paragrafu 1 u l-prosekutur inkarigat mis-sorveljanza għandhom jibagħtu, lill-imħallef li ħarġu, ir‑rapporti ta’ distruzzjoni tad-data.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
18 |
Fit-23 ta’ Frar 2018, infetħu proċeduri kriminali għal suspetti ta’ ġbir u ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni, fit-territorju Bulgaru u barra minn dan it-territorju, ta’ mezzi finanzjarji li jintużaw għat-twettiq ta’ atti terroristiċi. Matul l-investigazzjoni mmexxija fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, inġabru provi dwar l-attività ta’ HP. |
19 |
Fit-15 ta’ Awwissu 2018, abbażi tal-Artikolu 159a(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Bulgaru ħareġ erba’ ordnijiet ta’ investigazzjoni Ewropea sabiex tinġabar data dwar it-traffiku u data dwar il‑lokalizzazzjoni marbuta mat-telekomunikazzjonijiet (iktar ’il quddiem l-“erba’ ordnijiet ta’ investigazzjoni Ewropea”). Dawn l-ordnijiet, li kienu jippreċiżaw li din it-talba kienet toriġina minn prosekutur tal-Uffiċċju tal-Prosekutur speċjalizzat, intbagħtu lill-awtoritajiet Belġjani, Ġermaniżi, Awstrijaċi u Svediżi. Kollha kienu jindikaw li HP kien issuspettat li jiffinanzja attivitajiet terroristiċi u li, fil-kuntest ta’ din l-attività, huwa kien tkellem bit-telefon ma’ persuni residenti fit-territorju tar-Renju tal-Belġju, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tar‑Repubblika tal-Awstrija u tar-Renju tal-Isvezja. |
20 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-tweġibiet tal-awtoritajiet ta’ dawn l-Istati Membri għall-erba’ ordnijiet ta’ investigazzjoni Ewropea jsemmu informazzjoni dwar il-komunikazzjonijiet telefoniċi magħmula mit-telefon ta’ HP u li din l‑informazzjoni hija ta’ ċerta importanza sabiex jiġi evalwat jekk HP wettaqx ksur. |
21 |
L-awtoritajiet Ġermaniżi, Awstrijaċi u Svediżi kompetenti ma bagħtux deċiżjoni ta’ rikonoxximent tal-ordnijiet ta’ investigazzjoni Ewropea. Min-naħa l-oħra, imħallef istruttorju Belġjan bagħat deċiżjoni ta’ rikonoxximent tal-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea li kienet intbagħtet lill-awtoritajiet Belġjani. |
22 |
Fit-18 ta’ Jannar 2019, abbażi tal-provi miġbura, inklużi dawk li jirriżultaw mir‑risposti tal-awtoritajiet tal-Istati Membri kkonċernati għall-erba’ ordnijiet ta’ investigazzjoni Ewropea, HP ġie akkużat, flimkien ma’ ħames persuni oħra, bil‑finanzjament illegali ta’ attività terroristika u bl-appartenenza f’organizzazzjoni kriminali intiża sabiex tiffinanzja din l-attività. L-att ta’ akkuża ta’ HP tressaq quddiem il-qorti tar-rinviju fit-12 ta’ Settembru 2019. |
23 |
Sabiex jiġi evalwat jekk din l-akkuża hijiex fondata, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk huwiex legali li jintalab il-ġbir ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il‑lokalizzazzjoni marbuta mat-telekomunikazzjonijiet permezz tal-erba’ ordnijiet ta’ investigazzjoni Ewropea, u jekk, għaldaqstant, sabiex jiġi stabbilit il-ksur li bih huwa akkużat HP jistgħux jintużaw il-provi miġbura permezz ta’ dawn l-ordnijiet. |
24 |
Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-Artikolu 2(c) tad‑Direttiva 2014/41 jirreferi għad-dritt nazzjonali sabiex jindika l-awtorità emittenti kompetenti. Fid-dritt Bulgaru, skont il-punt 1 tal-Artikolu 5(1) taż‑ZEZR, din hija l-prosekutur. Madankollu, hija tirrileva li, fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali simili, l-awtorità kompetenti sabiex tordna l-kisba tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni marbuta mat‑telekomunikazzjonijiet huwa mħallef tal-qorti tal-ewwel istanza kompetenti għall-kawża kkonċernata u li, f’tali sitwazzjoni, il-prosekutur għandu biss is‑setgħa li jressaq talba motivata lil dan l-imħallef. Għalhekk, dik il-qorti tistaqsi jekk, fid-dawl b’mod partikolari tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, il-kompetenza tal‑ħruġ tal-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea tistax tiġi rregolata mill-att nazzjonali ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/41, jew jekk l-Artikolu 2(c) ta’ din id-direttiva jagħtix din il-kompetenza lill-awtorità li hija kompetenti sabiex tordna l-kisba ta’ tali data fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali simili. |
25 |
Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk id-deċiżjoni ta’ rikonoxximent, meħuda mill-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni abbażi tad‑Direttiva 2014/41 u neċessarja sabiex operatur ta’ telekomunikazzjoni ta’ dan l-Istat Membru jiġi obbligat jiżvela data dwar it-traffiku u data dwar il‑lokalizzazzjoni marbuta mat-telekomunikazzjonijiet, tistax tissostitwixxi b’mod validu d-deċiżjoni li kellha tittieħed mill-imħallef tal-Istat emittenti sabiex tiggarantixxi l-prinċipji ta’ legalità u ta’ invjolabbiltà tal-ħajja privata. Hija tistaqsi, b’mod partikolari, jekk tali soluzzjoni hijiex kompatibbli b’mod partikolari mal-Artikolu 6 u mal-Artikolu 9(1) u (3) ta’ din id-direttiva. |
26 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
27 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 2(c)(i) tad-Direttiva 2014/41 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li prosekutur ikun kompetenti li joħroġ, matul il-fażi preliminari tal‑proċeduri kriminali, ordni ta’ investigazzjoni Ewropea, fis-sens ta’ din id‑direttiva, intiża għall-kisba ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il‑lokalizzazzjoni marbuta mat-telekomunikazzjonijiet, meta, fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali simili, l-adozzjoni ta’ miżura ta’ investigazzjoni intiża sabiex jinkiseb aċċess għal tali data tkun taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-imħallef. |
28 |
L-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2014/41 jiddefinixxi, għall-finijiet ta’ din id‑direttiva, il-kunċett ta’ “awtorità emittenti”. B’hekk, dan l-artikolu jipprovdi li tali awtorità tista’ tkun, skont il-punt (i) tiegħu, jew “imħallef, qorti, imħallef inkwirenti jew prosekutur pubbliku kompetenti fil-każ ikkonċernat”, jew, skont il‑punt (ii) tiegħu, “kwalunkwe awtorità kompetenti oħra kif definita mill-Istat emittenti li, fil-każ speċifiku, qed taġixxi fil-kapaċità tagħha bħala awtorità ta’ investigazzjoni fi proċedimenti kriminali b’kompetenza li tordna l-ġbir ta’ provi f’konformità mal-liġi nazzjonali”. |
29 |
Għalhekk, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-awtorità emittenti għandha, fl-ipoteżijiet kollha koperti mill-imsemmija dispożizzjoni, ikollha kompetenza fil-kawża kkonċernata, jew bħala mħallef, qorti, imħallef istruttorju jew prosekutur, jew, meta ma tkunx awtorità ġudizzjarja, bħala awtorità inkarigata mill-investigazzjonijiet. |
30 |
Min-naħa l-oħra, l-analiżi tal-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni ma tippermettix, waħedha, li jiġi ddeterminat jekk l-espressjoni “kompetenti fil-każ ikkonċernat” għandhiex l-istess tifsira bħall-espressjoni “b’kompetenza li tordna l‑ġbir ta’ provi f’konformità mal-liġi nazzjonali” u, għaldaqstant, jekk prosekutur jistax ikun kompetenti sabiex joħroġ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea intiża sabiex tinkiseb data dwar it-traffiku u data dwar il-lokalizzazzjoni marbuta mat‑telekomunikazzjonijiet, meta, fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali simili, miżura ta’ investigazzjoni intiża li jingħata aċċess għal tali data tkun taqa’ taħt il‑kompetenza esklużiva tal-imħallef. |
31 |
Għaldaqstant, l-Artikolu 2(c)(i) tad-Direttiva 2014/41 għandu jiġi interpretat billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest tiegħu kif ukoll l-għanijiet ta’ din id-direttiva. |
32 |
F’dan ir-rigward, f’dak li jikkonċerna l-kuntest li fih tidħol din id-dispożizzjoni, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li l-Artikolu 6(1)(a) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-premessa 11 kif ukoll l-Anness A tagħha, jimponi fuq l-awtorità emittenti obbligu li tivverifika n-natura neċessarja u proporzjonata tal-miżura investigattiva li hija s-suġġett tal-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea, fid-dawl tal‑għanijiet tal-proċedura li fil-kuntest tagħha din l-ordni tkun inħarġet u fid-dawl tad-drittijiet tal-persuna ssuspettata jew tal-persuna akkużata. |
33 |
Bl-istess mod, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest ta’ ċerti miżuri investigattivi speċifiċi, l-awtorità emittenti għandha tipprovdi ċerti ġustifikazzjonijiet addizzjonali. B’hekk, fir-rigward tal-informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji u l‑kontijiet finanzjarji l-oħra, l-Artikolu 26(5) tal-imsemmija direttiva jimponi li l‑awtorità emittenti tindika r-raġunijiet li għalihom hija tqis li l-informazzjoni mitluba tista’ tkun importanti għall-finijiet tal-proċeduri kriminali kkonċernati. L‑Artikolu 27(4) u l-Artikolu 28(3) tal-istess direttiva jipprevedu wkoll, fir‑rigward, rispettivament, tal-informazzjoni dwar l-operazzjonijiet bankarji u dwar l-operazzjonijiet finanzjarji oħra u miżuri investigattivi li jinvolvu l-kisba ta’ provi f’ħin reali, b’mod kontinwu u matul perijodu determinat, li din l-awtorità għandha tindika r-raġunijiet li għalihom hija tqis li l-informazzjoni mitluba hija rilevanti għall-finijiet tal-proċeduri kriminali kkonċernati. |
34 |
Issa, jidher li, kemm sabiex tivverifika n-natura neċessarja u proporzjonata ta’ miżura investigattiva kif ukoll sabiex tipprovdi l-ġustifikazzjonijiet addizzjonali msemmija fil-punt preċedenti, l-awtorità emittenti għandha tkun l-awtorità inkarigata mill-investigazzjoni fil-kuntest tal-proċeduri kriminali kkonċernati, li hija għalhekk kompetenti sabiex tordna l-kisba ta’ provi skont id‑dritt nazzjonali. |
35 |
It-tieni nett, mill-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 2014/41 jirriżulta li l-awtorità emittenti tista’ toħroġ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea biss jekk il-miżura jew miżuri investigattivi msemmija f’din l-ordni setgħu jiġu ordnati taħt l-istess kundizzjonijiet fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali simili. Konsegwentement, hija biss awtorità li hija kompetenti sabiex tordna tali miżura investigattiva skont id‑dritt nazzjonali tal-Istat emittenti li tista’ tkun kompetenti toħroġ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea. |
36 |
F’dak li jikkonċerna l-għanijiet tad-Direttiva 2014/41, din għandha l-għan, kif jirriżulta mill-premessi 5 sa 8 tagħha, li tissostitwixxi l-qafas frammentarju u kumpless eżistenti fil-qasam tal-ksib ta’ provi fil-kawżi kriminali li għandhom dimensjoni transkonfinali u hija intiża, permezz tal-istabbiliment ta’ sistema ssemplifikata u iktar effikaċi bbażata fuq strument uniku msejjaħ “ordni ta’ investigazzjoni Ewropea”, li tiffaċilita u tħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja bil‑għan li tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan mogħti lill-Unjoni li ssir spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja, billi sserraħ fuq il-grad ta’ fiduċja għoli li għandu jeżisti bejn l-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2020, Staatsanwaltschaft Wien (Ordnijiet ta’ trasferiment iffalsifikati), C‑584/19, EU:C:2020:1002, punt 39). |
37 |
F’din il-perspettiva, il-premessa 10 tal-imsemmija direttiva tidentifika lill-awtorità emittenti bħala dik li tinsab fl-aħjar pożizzjoni li tiddeċiedi, abbażi tal-għarfien tagħha tad-dettalji tal-investigazzjoni kkonċernata, liema miżuri investigattivi għandhom jintużaw. |
38 |
Għaldaqstant, l-analiżi tal-Artikolu 2(c)(i) tad-Direttiva 2014/41, moqri fid-dawl tal-premessi 5 sa 8 u 10 ta’ din id-direttiva, twassal ukoll sabiex l-awtorità emittenti tiġi identifikata bħala dik inkarigata mill-investigazzjoni fil-kuntest tal‑proċeduri kriminali kkonċernati u li għalhekk hija kompetenti sabiex tordna l‑kisba ta’ provi konformement mad-dritt nazzjonali. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ investigazzjoni kriminali, eventwali distinzjoni bejn l-awtorità emittenti tal-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea u l-awtorità li hija kompetenti sabiex tordna miżuri investigattivi fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri kriminali tirriskja li tikkomplika s‑sistema ta’ kooperazzjoni, u b’hekk tikkomprometti l-istabbiliment ta’ sistema ssemplifikata u effikaċi. |
39 |
Minn dan isegwi li, meta, fid-dritt nazzjonali, il-prosekutur ma jkunx kompetenti sabiex jordna miżura investigattiva sabiex jikseb data dwar it-traffiku u data dwar il-lokalizzazzjoni marbuta mat-telekomunikazzjonijiet, huwa ma jistax jitqies li huwa awtorità emittenti, fis-sens tal-Artikolu 2(c)(i) tad-Direttiva 2014/41, kompetenti sabiex joħroġ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea sabiex tinkiseb din id‑data. |
40 |
F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, għalkemm id-dritt Bulgaru jindika lill-prosekutur bħala l-awtorità kompetenti sabiex toħroġ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, dan ma huwiex kompetenti sabiex jordna l-kisba ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il‑lokalizzazzjoni marbuta mat-telekomunikazzjonijiet fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali simili. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, konformement mad-dritt Bulgaru, l-awtorità kompetenti sabiex tordna l-kisba ta’ tali data huwa imħallef tal-qorti tal-ewwel istanza kompetenti għall-kawża kkonċernata u li l-prosekutur għandu biss is-setgħa li jressaq talba motivata lil dan l-imħallef. |
41 |
Għaldaqstant, f’tali sitwazzjoni, il-prosekutur ma jistax ikun kompetenti sabiex joħroġ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea sabiex tinkiseb tali data. |
42 |
Barra minn hekk, sabiex tingħata risposta kompleta lill-qorti tar-rinviju, għandu jiżdied li, fis-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data relatata mal-komunikazzjonijiet elettroniċi) (C‑746/18, EU:C:2021:152, punt 59), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-Artikolu 15(1) tad‑Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal‑Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jiġi interpretat fis‑sens li jipprekludi leġiżlazzjoni li tagħti kompetenza lill-Uffiċċju tal‑Prosekutur, li l-kompitu tiegħu huwa li jmexxi l-proċedura ta’ investigazzjoni kriminali u li jeżerċita, jekk ikun il-każ, l-azzjoni pubblika matul proċedura sussegwenti, sabiex jawtorizza l-aċċess ta’ awtorità pubblika għad-data dwar it‑traffiku u għad-data dwar il-lokalizzazzjoni għall-finijiet ta’ investigazzjoni kriminali. |
43 |
Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn dan għandu jiġi dedott li ordni ta’ investigazzjoni Ewropea intiża għall-kisba ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni marbuta mat‑telekomunikazzjonijiet ma tistax tinħareġ minn prosekutur meta dan mhux biss imexxi l-proċedura ta’ investigazzjoni kriminali, iżda jeżerċita wkoll l-azzjoni pubblika fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali ulterjuri. |
44 |
Fil-fatt, li kieku dan kellu jkun il-każ, il-kundizzjoni stipulata fl-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 2014/41 li skontha l-awtorità emittenti tista’ toħroġ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea biss jekk il-miżura jew il-miżuri investigattivi msemmija f’dik l-ordni setgħu jiġu ordnati fl-istess kundizzjonijiet fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali simili, ma tkunx issodisfatta. |
45 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(c)(i) tad-Direttiva 2014/41 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li prosekutur ikun kompetenti sabiex joħroġ, matul il-fażi preliminari ta’ proċeduri kriminali, ordni ta’ investigazzjoni Ewropea, fis-sens ta’ din id-direttiva, intiża għall-kisba ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni marbuta mat-telekomunikazzjonijiet, meta, fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali simili, l-adozzjoni ta’ miżura investigattiva intiża sabiex jinkiseb aċċess għal tali data tkun taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal‑imħallef. |
Fuq it-tieni domanda
46 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l‑Artikolu 6 u l-Artikolu 9(1) u (3) tad-Direttiva 2014/41 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li r-rikonoxximent, mill-awtorità ta’ eżekuzzjoni, ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea maħruġa sabiex tinkiseb data dwar it-traffiku u data dwar il-lokalizzazzjoni marbuta mat-telekomunikazzjonijiet jista’ jissostitwixxi r‑rekwiżiti applikabbli fl-Istat emittenti, meta din id-deċiżjoni tkun inħarġet indebitament minn prosekutur filwaqt li, fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali simili, l-adozzjoni ta’ miżura investigattiva intiża li tikseb tali data tkun taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-imħallef. |
47 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-Artikolu 6(1) ta’ din id‑direttiva jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ ħruġ u ta’ trażmissjoni ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea. Il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu jippreċiża li, meta l‑awtorità ta’ eżekuzzjoni jkollha raġunijiet għalxiex temmen li l-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu ma ġewx issodisfatti, hija tista’ tikkonsulta lill-awtorità emittenti dwar l-importanza li l-ordni ta’ eżekuzzjoni Ewropea tiġi eżegwita. Wara dik il-konsultazzjoni, l-awtorità emittenti tista’ tiddeċiedi li tirtira l-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea. |
48 |
Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2014/41 jipprevedi li l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tirrikonoxxi ordni ta’ investigazzjoni Ewropea, maħruġa f’konformità ma’ din id-direttiva, mingħajr il-ħtieġa ta’ kwalunkwe formalità ulterjuri, u tiżgura l-eżekuzzjoni tagħha bl-istess mod u taħt l-istess modalitajiet bħallikieku l-miżura investigattiva kkonċernata kienet ġiet ordnata minn awtorità tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, sakemm dik l-awtorità ma tiddeċidix li tinvoka waħda mir-raġunijiet sabiex ma jingħatax ir-rikonoxximent jew ma ssirx l-eżekuzzjoni jew waħda mir-raġunijiet għal posponiment previsti mill-imsemmija direttiva. |
49 |
Ir-raġunijiet ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent u ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni huma elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 11 tal-istess direttiva. |
50 |
B’hekk, minn qari flimkien ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-awtorità ta’ eżekuzzjoni ma tistax tikkumpensa eventwali ksur tal-kundizzjonijiet previsti fl‑Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2014/41. |
51 |
Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għanijiet imfittxija mid‑Direttiva 2014/41. Fil-fatt, b’mod partikolari mill-premessi 2, 6 u 19 ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea hija strument li jaqa’ taħt il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali msemmija fl‑Artikolu 82(1) TFUE, li hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji. Dan il-prinċipju stess, li jikkostitwixxi l-“pedament” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, huwa bbażat fuq il-fiduċja reċiproka kif ukoll fuq il-preżunzjoni konfutabbli li l‑Istati Membri l-oħra għandhom josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-drittijiet fundamentali (sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2020, Staatsanwaltschaft Wien (Ordnijiet ta’ trasferiment iffalsifikati), C‑584/19, EU:C:2020:1002, punt 40). |
52 |
F’din il-perspettiva, il-premessa 11 tal-imsemmija direttiva tispeċifika li l‑eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea ma għandhiex tiġi rrifjutata għal raġunijiet oħra minbarra dawk imsemmija fl-istess direttiva u li l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha sempliċement tkun tista’ tagħżel miżura investigattiva inqas intrużiva minn dik indikata fl-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea kkonċernata jekk din tippermetti li jintlaħqu riżultati simili. |
53 |
B’hekk, dan it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-awtorità emittenti u l-awtorità ta’ eżekuzzjoni tikkostitwixxi element essenzjali tal-fiduċja reċiproka li għandha tirregola l-iskambji bejn l-Istati Membri li jipparteċipaw fi proċedura ta’ investigazzjoni Ewropea prevista mid-Direttiva 2014/41. Li kieku, permezz ta’ deċiżjoni ta’ rikonoxximent, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni setgħet tirrimedja għan‑nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea, stipulati fl-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, il-bilanċ tas-sistema ta’ deċiżjoni ta’ investigazzjoni Ewropea bbażata fuq il-fiduċja reċiproka jitqiegħed fid-dubju peress li dan iwassal sabiex l-awtorità ta’ eżekuzzjoni tiġi rrikonoxxuta setgħa ta’ stħarriġ tal-kundizzjonijiet sostantivi għall-ħruġ ta’ tali ordni. |
54 |
Għall-kuntrarju, skont l-Artikolu 9(3) tal-imsemmija direttiva, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tibgħat lura l-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea lill-Istat emittenti meta hija tirċievi ordni ta’ investigazzjoni Ewropea li ma tkunx inħarġet minn awtorità emittenti kif iddefinita fl-Artikolu 2(c) tal-istess direttiva. |
55 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 6 u l-Artikolu 9(1) u (3) tad-Direttiva 2014/41 għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-rikonoxximent, mill-awtorità ta’ eżekuzzjoni, ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea maħruġa sabiex tinkiseb data dwar it-traffiku u data dwar il-lokalizzazzjoni marbuta mat-telekomunikazzjonijiet ma jistax jissostitwixxi r-rekwiżiti applikabbli fl-Istat emittenti meta din l-ordni tkun inħarġet indebitament minn prosekutur filwaqt li, fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali simili, l-adozzjoni ta’ miżura investigattiva intiża sabiex tinkiseb tali data tkun taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-imħallef. |
Dwar l-ispejjeż
56 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.