Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0507

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-13 ta’ Jannar 2021.
    Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja vs XT.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika komuni fil-qasam tal-ażil u tal-protezzjoni sussidjarja – Regoli relatati mal-kundizzjonijiet li għandhom jissodisfaw iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew il-persuni mingħajr Stat sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2011/95/UE – Artikolu 12 – Esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat – Persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana rreġistrata mal-Aġenzija ta’ Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA) – Kundizzjonijiet sabiex wieħed jinvoka ipso facto d-Direttiva 2011/95 – Waqfien tal-protezzjoni jew tal-assistenza tal-UNRWA.
    Kawża C-507/19.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:3

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    13 ta’ Jannar 2021 ( *1 ) ( i )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika komuni fil-qasam tal-ażil u tal-protezzjoni sussidjarja – Regoli relatati mal-kundizzjonijiet li għandhom jissodisfaw iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew il-persuni mingħajr Stat sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2011/95/UE – Artikolu 12 – Esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat – Persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana rreġistrata mal-Aġenzija ta’ Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA) – Kundizzjonijiet sabiex wieħed jinvoka ipso facto d-Direttiva 2011/95 – Waqfien tal-protezzjoni jew tal-assistenza tal-UNRWA”

    Fil-Kawża C‑507/19,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Mejju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑3 ta’ Lulju 2019, fil-proċedura

    Bundesrepublik Deutschland

    vs

    XT,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn A. Prechal, President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tat-Tielet Awla, N. Wahl, F. Biltgen u L. S. Rossi (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

    Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ Unità,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑10 ta’ Ġunju 2020,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Bundesrepublik Deutschland, minn A. Schumacher, bħala aġent,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, R. Kanitz u D. Klebs, bħala aġenti,

    għall-Gvern Belġjan, minn P. Cottin, C. Pochet u M. Van Regemorter, bħala aġenti,

    għall-Gvern Franċiż, minn D. Dubois, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou‑Durande, G. Wils u C. Ladenburger, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tal‑1 ta’ Ottubru 2020,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr Stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Bundesrepublik Deutschland u XT fir-rigward taċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali mressqa minn XT għall-kisba tal-istatus ta’ refuġjat.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt internazzjonali

    Il-Konvenzjoni ta’ Genève

    3

    Il-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)], daħlet fis-seħħ fit‑22 ta’ April 1954. Din ġiet ikkompletata u emendata bil-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York fil‑31 ta’ Jannar 1967, li min-naħa tiegħu daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Ottubru 1967 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”).

    4

    L-Artikolu 1, Taqsima D tal-Konvenzjoni ta’ Genève jiddikjara:

    “Din il-konvenzjoni ma għandhiex tapplika għal persuni li attwalment igawdu minn protezzjoni jew assistenza minn organu jew istituzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti oħra minbarra l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Protezzjoni u l-Assistenza tar-Refuġjati.

    Meta din il-protezzjoni jew assistenza tieqaf għal kwalunkwe raġuni, mingħajr ma l-pożizzjoni ta’ dawn il-persuni tkun ġiet deċiża definittivament, konformement mar-riżoluzzjonijiet relatati adottati mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, dawn il-persuni għandhom jibbenefikaw mid-drittijiet kollha li jirriżultaw minn din il-konvenzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    L-Aġenzija ta’ Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA)

    5

    Ir-Riżoluzzjoni Nru 302(IV) tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat‑8 ta’ Diċembru 1949 dwar l-assistenza għar-refuġjati tal-Palestina waqqfet l-Aġenzija ta’ Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (United Nations Relief and Works Agency for Palestine Refugees in the Near East (UNRWA)). Din għandha l-għan li sservi l-benesseri u l-iżvilupp uman tar-refuġjati tal-Palestina.

    6

    Skont il-punti VII.C u VII.E tal-istruzzjonijiet ikkoordinati tal-UNRWA dwar l-eliġibbiltà u l-istruzzjonijiet ta’ reġistrazzjoni (Consolidated Eligibility and Registration Instructions), iż-żona ta’ operat (“area of operation”) tal-UNRWA tinkludi ħames setturi (“fields”), jiġifieri l-iStrixxa ta’ Gaża, ix-Xatt tal-Punent (inkluża Ġerusalemm tal-Lvant), il-Ġordan, il-Libanu u s-Sirja.

    Id-dritt tal-Unjoni

    Id-Direttiva 2004/83/KE

    7

    L-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad‑29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr Stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96) kien jipprevedi:

    “1.   Ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandu jiġi eskluż milli jkun refuġjat, jekk:

    a)

    huwa jew hija jaqgħu fl-iskop ta’ l-Artikolu 1 D tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, li għandha x’taqsam mal-protezzjoni jew l-għajnuna minn organi jew aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti oħra għajr il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati. Meta din il-protezzjoni jew għajnuna tkun waqfet għal xi raġuni, mingħajr ma’ l-pożizzjoni ta’ dawn il-persuni tkun miftiehma definittivament bi qbil mar-risoluzzjonijiet rilevanti adottati mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, dawn il-persuni għandhom ipso facto jiġu ntitolati għall-benefiċċji ta’ din id-Direttiva”.

    Id-Direttiva 2011/95

    8

    Il-premessi 1, 4, 16, 23 u 24 tad-Direttiva 2011/95 jiddikjaraw:

    “(1)

    Għandu jsir ammont ta’ tibdil sostantiv fid-[Direttiva 2004/83]. Dik id-Direttiva għandha tiġi mfassla mill-ġdid fl-interess taċ-ċarezza.

    […]

    (4)

    Il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra u l-Protokoll jipprovdu l-pedament tar-reġim legali internazzjonali għall-protezzjoni ta’ refuġjati.

    […]

    (16)

    Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tiżgura rispett sħiħ għad-dinjità tal-bniedem u d-dritt għall-ażil għal applikanti u għall-membri tal-familja li jakkompanjawhom u sabiex tippromwovi l-applikazzjoni tal-Artikoli 1, 7, 11, 14, 15, 16, 18, 21, 24, 34 u 35 ta’ dik il-Karta u għandha għalhekk tiġi implimentata kif meħtieġ.

    […]

    (23)

    Standards għad-definizzjoni u l-kontenut tal-istatus ta’ refuġjat għandhom jiġu stabbiliti sabiex iservu ta’ gwida lill-korpi nazzjonali tal-Istati Membri fl-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra.

    (24)

    Hu meħtieġ li jiġu introdotti kriterji komuni sabiex jiġu rikonoxxuti applikanti għall-ażil bħala refuġjati skont it-tifsira tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra.”

    9

    L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

    “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    […]

    (d)

    ‘refuġjat’ ifisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz li, minħabba f’biża’ ġustifikat li jiġi persegwitat għar-raġunijiet ta’ razziżmu, reliġjon, nazzjonalità, opinjoni politika jew sħubija ta’ grupp soċjali partikolari, huwa barra mill-pajjiż ta’ nazzjonalità u ma jistax, jew minħabba dan il-biża’, ma jixtieqx japprofitta ruħu mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż, jew persuna mingħajr stat, li, minħabba li qiegħda barra mill-pajjiż tar-residenza abitwali ta’ qabel għall-istess raġunijiet kif imsemmija hawn fuq, ma tistax jew, minħabba f’dan il-biża’, ma tixtieqx tirritorna lejha, u li l-Artikolu 12 ma japplikax għaliha;

    […]

    (n)

    ‘pajjiż ta’ oriġini’ ifisser il-pajjiż jew pajjiżi ta’ nazzjonalità jew, għal persuni mingħajr stat, ta’ residenza abitwali ta’ qabel.”

    10

    L-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Terminazzjoni”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandha tieqaf milli jkun refuġjat, jekk hija:

    […]

    (f)

    billi hija persuna mingħajr stat, hija tista’, minħabba li ċ-ċirkostanzi li bihom hija ġiet rikonoxxuta bħala refuġjat ikunu waqfu milli jeżistu, tirritorna lejn il-pajjiż ta’ residenza abitwali ta’ qabel.”

    11

    Skont l-Artikolu 12 tal-istess direttiva, intitolat “Esklużjoni”:

    “1.   Persuna li tkun ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandha tiġi eskluża milli tkun refuġjat, jekk:

    (a)

    hija taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1 D tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, li tirrigwarda l-protezzjoni jew l-għajnuna minn organi jew aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti apparti l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati. Meta din il-protezzjoni jew għajnuna tkun waqfet għal xi raġuni, mingħajr ma l-pożizzjoni ta’ dawn il-persuni tkun miftiehma definittivament bi qbil mar-riżoluzzjonijiet rilevanti adottati mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, dawk il-persuni għandhom ipso facto jkunu intitolati għall-benefiċċji ta’ din id-Direttiva;

    (b)

    hija tkun rikonoxxuta mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż li fih hija tkun ħadet ir-residenza tagħha bħala li għandha d-drittijiet u l-obbligi li huma marbuta mal-pussess tan-nazzjonalità ta’ dak il-pajjiż, jew drittijiet u obbligi ekwivalenti.

    2.   Persuna li tkun ċittadina nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandha tiġi eskluża milli tkun refuġjat meta jkun hemm raġunijiet serji biex jitqies li:

    (a)

    hhija kkommettiet delitt kontra l-paċi, delitt ta’ gwerra, jew delitt kontra l-umanità, kif definit fl-istrumenti internazzjonali mfassla biex jagħmlu provvediment rigward dawn id-delitti;

    (b)

    hija kkommettiet delitt serju mhux politiku barra mill-pajjiż tar-refuġju qabel id-dħul tagħha bħala refuġjat; jiġifieri qabel il-mument tal-ħruġ ta’ permess ta’ residenza fuq il-bażi tal-għoti ta’ stat ta’ refuġjat; partikolarment azzjonijiet krudili, anke jekk kommessi b’għan allegatament politiku, jistgħu jiġu klassifikati bħala delitti serji mhux politiċi;

    (c)

    hija tkun instabet ħatja ta’ atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti kif stabbilit fil-Preambolu u l-Artikoli 1 u 2 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

    3.   Il-paragrafu 2 japplika għal persuni li jxewxu jew inkella jipparteċipaw fit-twettiq tad-delitti jew atti msemmija fih.”

    12

    L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2011/95 jiddikjara:

    “1.   Rigward applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali depożitati wara d-dħul fis-seħħ tad-[Direttiva 2004/83], l-Istati Membri għandhom jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu l-istatus ta’ refuġjat ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat mogħti minn korp governattiv, amministrattiv, ġudizzjarju jew kważi-ġudizzjarju jekk hija tkun waqfet milli tkun refuġjat bi qbil mal-Artikolu 11.

    […]

    3.   L-Istati Membri għandhom jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu l-istatus ta’ refuġjat ta’ persuna li tkun ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat jekk, wara li hija tkun ingħatat status ta’ refuġjat, jiġi stabbilit mill-Istat Membru interessat li:

    (a)

    hija kellha tkun jew hija eskluża milli tkun refuġjat bi qbil mal-Artikolu 12;

    […]”

    Id-Direttiva 2013/32/UE

    13

    Il-premessa 18 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60), tiddikjara:

    “Huwa fl-interessi ta’ kemm l-Istati Membri kif ukoll tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li deċiżjoni tittieħed malajr kemm jista’ jkun dwar l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, mingħajr preġudizzju għat-twettiq ta’ eżami xieraq u komplut”.

    14

    L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva huwa redatt kif ġej:

    “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

    […]

    (c)

    ‘applikant’ tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida [mingħajr Stat] li għamel applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li fir-rigward tagħha deċizjoni finali tkun għadha ma tteħditx;

    […]

    (f)

    ‘awtorità determinanti’ tfisser kwalunkwe korp semi-ġudizzjarju jew amministrattiv fi Stat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, u kompetenti sabiex jieħu fl-ewwel istanza deċiżjonjiet f’tali każijiet;

    […]”

    15

    L-Artikolu 46 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti jkollhom id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal, kontra dawn li ġejjin:

    (a)

    deċiżjoni meħuda dwar l-applikazzjoni tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali, inkluża deċiżjoni:

    (i)

    li tikkunsidra applikazzjoni bħala bla bażi fir-rigward ta’ status ta’ rifuġjat u/jew status ta’ protezzjoni sussidjarja,

    […]

    […]

    3.   Sabiex ikunu konformi mal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li rimedju effettiv jipprovdi għal eżami sħiħ u ex nunc ta’ kemm il-fatti kif ukoll il-punti tal-liġi, inkluż fejn applikabbli eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva 2011/95/UE, ta’ mill-inqas fi proċeduri ta’ appell quddiem qorti jew tribunal ta’ prima istanza.

    […]”

    Id-dritt Ġermaniż

    16

    Id-Direttiva 2011/95 ġiet trasposta fid-dritt Ġermaniż permezz tal-Asylgesetz (il-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil), fil-verżjoni tagħha ppubblikata fit‑2 ta’ Settembru 2008 (BGBl. 2008 I, p. 1798, iktar ’il quddiem l-“AsylG”).

    17

    L-Artikolu 3(3) tal-AsylG jirriproduċi, essenzjalment, l-Artikolu 12(1)(a) ta’ din id-direttiva.

    18

    L-Artikolu 77(1) tal-AsylG jipprevedi:

    “Fit-tilqim irregolat minn din il-liġi, il-qorti għandha tibbaża lilha nnifisha fuq is-sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ liġi li teżisti fil-mument tal-aħħar seduta; jekk tiddeċiedi mingħajr seduta preċedenti, il-mument determinanti jkun dak ta’ meta tingħata d-deċiżjoni. […]”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    19

    XT, persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana mwieled fl-1991 f’Damasku (is-Sirja), għandha karta ta’ reġistrazzjoni mal-UNRWA bħala membru tal-kamp ta’ refuġjati ta’ Yarmouk, li tinsab fil-parti tan-Nofsinhar ta’ Damasku.

    20

    Bejn ix-xahar ta’ Ottubru 2013 u l‑20 ta’ Novembru 2015, XT okkupa impjiegi okkażjonali fil-Libanu fejn kien jirrisjedi. Peress li ma kisibx permess ta’ residenza f’dan il-pajjiż u peress li beża’ li kien ser jitkeċċa mill-forzi tas-sigurtà Libaniżi, huwa ddeċieda, fl-aħħar tax-xahar ta’ Novembru 2015, li jirritorna s-Sirja, fil-belt ta’ Qudsaya, li tinsab fil-Punent ta’ Damasku, fejn kienu jirrisjedu membri tal-familja tiegħu.

    21

    Minħabba l-gwerra u l-kundizzjonijiet ħżiena ħafna ta’ ħajja fis-Sirja, XT, xi jiem wara, telaq minn dan il-pajjiż, li fih huwa jibża’ li jiġi arrestat fil-każ li jirritorna. Barra minn hekk, qabel ma XT telaq mis-Sirja, ir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan u r-Repubblika Libaniża għalqu l-fruntieri tagħhom għar-refuġjati Palestinjani li kienu jinsabu fis-Sirja.

    22

    XT wasal il-Ġermanja f’Diċembru 2015 u hemmhekk ressaq applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fi Frar 2016.

    23

    Permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Awwissu 2016, il-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (l-Uffiċċju Federali għall-Migrazzjoni u r-Refuġjati, il-Ġermanja) ċaħad l-applikazzjoni ta’ XT intiża għall-kisba tal-istatus ta’ refuġjat iżda tah l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja.

    24

    Permezz ta’ sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2016, il-Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva, il-Ġermanja) laqgħet ir-rikors ta’ XT u ordnat lill-Uffiċċju Federali għall-Migrazzjoni u r-Refuġjati jirrikonoxxilu l-istatus ta’ refuġjat, għar-raġuni li, indipendentement minn kull persekuzzjoni preċedenti, mis-sitwazzjoni attwali fis-Sirja kien jirriżulta li XT kien espost għal riskju ta’ persekuzzjonijiet minħabba raġunijiet serji li rriżultaw wara t-tluq tiegħu mit-territorju Sirjan u li ma kinux marbuta biss ma’ dan it-tluq iżda wkoll mat-tressiq tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali u r-residenza tiegħu barra mill-pajjiż.

    25

    Permezz ta’ sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2017, l-Oberverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Superjuri, il-Ġermanja) ċaħdet l-appell ippreżentat mill-Bundesrepublik Deutschland, li kienet irrappreżentata mill-Uffiċċju Federali għall-Migrazzjoni u r-Refuġjati, mis-sentenza tal-Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva), billi kkunsidrat, essenzjalment, li, minħabba l-kwalità tiegħu ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana, XT kellu jitqies bħala refuġjat, fis-sens tad-dispożizzjoni tad-dritt Ġermaniż li tittrasponi l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95. Fil-fatt, skont din il-qorti, XT kien jibbenefika mill-protezzjoni tal-UNRWA, li kienet intemmet għal raġunijiet indipendenti mir-rieda tiegħu. Billi telaq mit-territorju Sirjan, XT sab ruħu f’sitwazzjoni personali ta’ riskju serju b’tali mod li t-tluq tiegħu mis-Sirja kien involontarju, liema fatt huwa kkonfermat bil-kisba tal-protezzjoni sussidjarja. L-imsemmija qorti ppreċiżat ukoll li, fil-mument tat-tluq tiegħu, XT ma setax jibbenefika mill-protezzjoni tal-UNRWA f’setturi oħra taż-żona ta’ operat ta’ dan l-organu, u li, qabel it-tluq tiegħu mis-Sirja, ir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan u r-Repubblika Libaniża kienu diġà għalqu l-fruntieri tagħhom lir-refuġjati Palestinjani li jinsabu fis-Sirja.

    26

    Il-Bundesrepublik Deutschland ippreżentat appell għal Reviżjoni kontra din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

    27

    Din il-qorti tispjega, minn naħa, li ebda raġuni ta’ esklużjoni tal-istatus ta’ refuġjat, fis-sens tal-Artikolu 12(1)(b) u tal-Artikolu 12(2) u (3) tad-Direttiva 2011/95 ma hija applikabbli fil-konfront ta’ XT. Min-naħa l-oħra, XT jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) ta’ din id-direttiva, li skonthom, essenzjalment, kull persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana hija eskluża mill-istatus ta’ refuġjat meta tkun qed tirċievi l-protezzjoni jew l-assistenza tal-UNRWA. Fil-fatt, l-ewwel nett, il-mandat tal-UNRWA ġie estiż sat‑30 ta’ Ġunju 2020, it-tieni nett, XT huwa rreġistrat mal-UNRWA, li hija prova suffiċjenti tal-fatt li huwa effettivament ibbenefika mill-protezzjoni jew mill-assistenza ta’ dan l-organu, u, it-tielet nett, XT ibbenefika minn din il-protezzjoni jew minn din l-assistenza ftit qabel it-tressiq tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali peress li ġie rreġistrat bħala membru tal-familja fil-kamp tal-UNRWA ta’ Yarmouk.

    28

    Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kwistjoni jekk XT jissodisfax il-kundizzjonijiet tar-raġuni ta’ waqfien tal-applikazzjoni tal-imsemmija esklużjoni, prevista mit-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, li skontha, essenzjalment, jekk il-protezzjoni jew l-assistenza tal-UNRWA tieqaf għal kwalunkwe raġuni, mingħajr ma l-pożizzjoni tal-persuni benefiċjarji ta’ din il-protezzjoni jew ta’ din l-assistenza tkun ġiet definittivament deċiża konformement mar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, dawn il-persuni jkunu jistgħu ipso facto jinvokaw id-Direttiva 2011/95.

    29

    Il-Qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-protezzjoni jew l-assistenza tal-UNRWA waqfitx, fil-mument meta l-persuna kkonċernata telqet miż-żona ta’ operat ta’ dan l-organu, għandux jittieħed inkunsiderazzjoni, minn perspettiva territorjali, biss is-settur ta’ din iż-żona ta’ operat li fih il-persuna kkonċernata kellha l-aħħar residenza effettiva tagħha jew, kif hija tidher li temmen, ukoll setturi oħra tal-imsemmija żona.

    30

    F’dan l-aħħar każ, hija tixtieq tkun taf, fit-tieni lok, jekk għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni s-setturi kollha li jifformaw iż-żona ta’ operat tal-UNRWA jew biss ċerti setturi tagħha u, jekk ikun il-każ, liema huma l-kriterji rilevanti għall-identifikazzjoni tagħhom. Skont il-qorti tar-rinviju, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni s-settur li fih il-persuna kkonċernata kellha l-aħħar residenza effettiva tagħha, kif ukoll is-setturi li magħhom din il-persuna għandha konnessjoni. Din ir-rabta tista’ tirriżulta, pereżempju, minn rabtiet materjali bħal residenza preċedenti jew il-preżenza ta’ qraba viċini. Barra minn hekk, il-persuna kkonċernata għandha raġonevolment ikollha l-possibbiltà li tmur u tirrisjedi f’dan is-settur, peress li r-reġistrazzjoni mal-UNRWA ma tagħti ebda dritt ta’ residenza, u lanqas ma tawtorizza ċaqliq minn settur għall-ieħor miż-żona ta’ operat ta’ dan l-organu. Min-naħa l-oħra, għas-setturi li magħhom il-persuna kkonċernata qatt ma kellha rabtiet personali, f’dan il-punt jidher li huwa improbabbli li l-kundizzjonijiet ta’ dħul u ta’ residenza jiġu ssodisfatti b’tali mod li għandu jiġi esklużi immedjatament kull teħid inkunsiderazzjoni tal-imsemmija setturi.

    31

    Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi sa fejn iċ-ċaqliq bejn is-setturi differenti taż-żona ta’ operat tal-UNRWA jista’ jaffettwa l-kwistjoni dwar jekk il-protezzjoni jew l-assistenza mogħtija minn dan l-organu waqfet. Skont din il-qorti, l-esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat tista’ testendi wkoll għal persuna li titlaq miż-żona ta’ operat tal-UNRWA – minħabba li tinsab f’sitwazzjoni personali ta’ riskju serju fis-settur ta’ din iż-żona, f’dan il-każ is-Sirja, li fiha hija għandha r-residenza effettiva tagħha u li fiha l-UNRWA ma huwiex f’pożizzjoni li jipprovdilha protezzjoni jew assistenza – fil-mument li din il-persuna marret fl-imsemmi settur fl-assenza ta’ raġuni imperattiva u minkejja li hija ma kinitx f’sitwazzjoni personali ta’ riskju serju fis-settur fejn kienet tirrisjedi preċedentement, f’dan il-każ fil-Libanu. Dan ikun il-każ, b’mod partikolari, jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi li kienu jeżistu meta telqet minn dan is-settur, hija la setgħet tistenna li tirċievi protezzjoni jew assistenza tal-UNRWA fis-settur il-ġdid, f’dan il-każ is-Sirja, u lanqas li tkun tista’ tirritorna fi żmien qasir fis-settur li fih hija kienet tirrisjedi qabel, f’dan il-każ il-Libanu.

    32

    Fir-raba’ lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, sabiex jiġi rrikonoxxut l-istatus ta’ refuġjat skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, ma huwiex biżżejjed li l-persuna kkonċernata ma tirċevix iktar il-protezzjoni jew l-assistenza tal-UNRWA fil-mument li titlaq miż-żona ta’ operat ta’ dan l-organu, iżda, konformement mal-Artikolu 11(1)(f) tad-Direttiva 2011/95, moqri flimkien mal-Artikolu 14(1) tagħha, jeħtieġ, barra minn hekk, li, meta tkun ser tingħata d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, l-applikant ikun f’qagħda li ma jistax jirritorna fl-imsemmija żona sabiex jibbenefika mill-ġdid mill-protezzjoni jew l-assistenza tal-imsemmi organu. Fil-fatt, il-possibbiltà ta’ ritorn fiż-żona ta’ operat tal-UNRWA għandha diġà tittieħed inkunsiderazzjoni fil-mument li jiġi deċiż ir-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat, sa fejn ma jkun hemm ebda sens li jiġi rrikonoxxut l-istatus ta’ refuġjat jekk dan sussegwentement jiġi rtirat immedjatament.

    33

    Issa, f’dan ir-rigward, din il-qorti tistaqsi jekk għandux jittieħed inkunsiderazzjoni biss is-settur taż-żona ta’ operat tal-UNRWA, li fih l-applikant għal protezzjoni internazzjonali kellu l-aħħar residenza abitwali tiegħu, jew ukoll setturi oħra ta’ din iż-żona u, jekk ikun il-każ, skont liema kriterji dawn is-setturi l-oħra għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.

    34

    Skont l-imsemmija qorti, qabel kollox, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni s-settur taż-żona ta’ operat tal-UNRWA li fih kienet tinsab l-aħħar residenza abitwali ta’ dan l-applikant u, sussegwentement, is-setturi li magħhom dan għandu rabtiet materjali, bħal residenza effettiva jew il-preżenza ta’ qraba viċini. Fl-aħħar nett, l-imsemmi applikant għandu raġonevolment ikollu l-possibbiltà li jaċċedi għal dawn is-setturi.

    35

    Fil-ħames lok, il-qorti tar-rinviju tfittex li tiċċara l-kunċett ta’ “residenza abitwali”, b’mod partikolari fis-sens tal-Artikolu 2(d) u (n) tad-Direttiva 2011/95, li jista’ jkun determinanti sabiex jiġi stabbilit jekk ir-raġuni għal esklużjoni prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) ta’ din id-direttiva tapplikax.

    36

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva [2011/95], ntemmetx il-protezzjoni jew l-assistenza tal-UNRWA lil Palestinjan apolidi [mingħajr Stat], għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, minn perspettiva ġeografika, biss iż-żona ta’ operazzjoni kkonċernata (Strixxa ta’ Gaza, il-Ġordan, il-Libanu, is-Sirja, ix-Xatt tal-Punent) li fih apolidi kellu r-residenza effettiva tiegħu (fil-każ ineżami: is-Sirja), jew anki ta’ żoni ta’ operazzjoni oħra li jaqgħu taħt it-territorju tal-mandat ta’ UNRWA?

    2)

    Jekk, waqt it-tluq, ma tittiħidx inkunsiderazzjoni biss iż-żona ta’ operazzjoni: għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, sistematikament u indipendentement minn kundizzjonijiet oħra, iż-żoni kollha ta’ operazzjoni fit-territorju tal-mandat? Fin-negattiv: żoni ta’ operazzjoni oħra għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss jekk l-apolidi kellu konnessjoni (territorjali) sostanzjali ma’ dik iż-żona ta’ operazzjoni? Għal tali konnessjoni, hija neċessarja – waqt it-tluq jew preċedentement – residenza abitwali? Għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi oħra meta tiġi eżaminata konnessjoni (territorjali) sostanzjali? Fl-affermattiv: liema ċirkustanzi? Huwa rilevanti jekk huwiex possibbli jew raġonevoli għal apolidi li jidħol fiż-żona ta’ operazzjoni meta jitlaq mit-territorju tal-mandat ta’ UNRWA?

    3)

    Apolidi li jitlaq mit-territorju tal-mandat tal-UNRWA peress li s-sigurtà personali tiegħu tkun f’riskju serju fit-territorju tal-mandat fejn tinsab ir-residenza effettiva tiegħu, u ma jkunx possibbli li l-UNRWA tipprovdilu protezzjoni jew assistenza hemmhekk, huwa ipso facto intitolat, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva [2011/95], għall-protezzjoni tad-Direttiva anki jekk preċedentement ikun mar f’dan it-territorju tal-mandat mingħajr ma s-sigurtà personali tiegħu kienet f’riskju serju fit-territorju tal-mandat tar-residenza preċedenti tiegħu u mingħajr ma kellu aspettattiva, skont iċ-ċirkustanzi eżistenti dakinhar, għal protezzjoni jew assistenza mill-UNRWA fit-territorju tal-mandat il-ġdid u lanqas il-possibbiltà li jirritorna, f’qasir żmien, fit-territorju tal-mandat fejn kien jirrisjedi preċedentement?

    4)

    Għall-finijiet tal-kwistjoni dwar jekk apolidi għandux jingħata ipso facto l-istatus ta’ refuġjat peress li l-kundizzjonijiet tat-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva [2011/95] ma baqgħux issodisfatti ladarba huwa telaq mit-territorju tal-mandat tal-UNRWA, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni biss it-territorju tal-mandat tal-aħħar residenza abitwali? Fin-negattiv: għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll, b’analoġija, żoni oħra li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni skont it-tieni domanda waqt it-tluq? Fin-negattiv: liema kriterji għandhom jintużaw sabiex jiġu ddeterminati ż-żoni li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-mument li tingħata d-deċiżjoni? Il-fatt li ma jibqgħux jeżistu l-kundizzjonijiet tat-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva [2011/95] jeżiġi li l-awtoritajiet (statali jew kważi-statali) jospitaw l-apolidi (mill-ġdid)?

    5)

    Fil-każ li, b’konnessjoni mal-eżistenza jew mat-tmiem tal-kundizzjonijiet tat-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva [2011/95/], huwa rilevanti t-territorju tal-mandat ta’ (l-aħħar) residenza abitwali: liema kriterji huma deċiżivi sabiex tiġi stabbilta r-residenza abitwali? Residenza legali awtorizzata mill-pajjiż ta’ residenza hija meħtieġa? Fin-negattiv: l-awtoritajiet kompetenti tat-territorju tal-mandat għandhom, minn tal-inqas, ikunu xjentement aċċettaw ir-residenza tal-apolidi inkwistjoni? Fl-affermattiv: l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikollhom għarfien tal-preżenza konkreta u individwali tal-apolidi inkwistjoni jew huwa biżżejjed li huma xjentement jaċċettaw ir-residenza tal-apolidi bħala membru ta’ grupp ikbar ta’ persuni? Fin-negattiv: hija suffiċjenti residenza effettiva għal perijodu relattivament twil?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Osservazzjonijiet preliminari

    37

    Qabel ma tingħata risposta għad-domandi magħmula, qabel kollox għandu jiġi ppreċiżat li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 26 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 jikkorrispondi, essenzjalment, għall-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83, b’tali mod li l-ġurisprudenza li tikkonċerna din it-tieni dispożizzjoni hija rilevanti għall-interpretazzjoni tal-ewwel waħda.

    38

    Sussegwentement, mill-premessi 4, 23 u 24 tad-Direttiva 2011/95 jirriżulta li l-Konvenzjoni ta’ Genève tikkostitwixxi l-pedament tas-sistema ġuridika internazzjonali ta’ protezzjoni tar-refuġjati u li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat kif ukoll dwar il-kontenut ta’ din tal-aħħar ġew adottati biex jgħinu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri japplikaw din il-konvenzjoni billi jibbażaw ruħhom fuq kunċetti u kriterji komuni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑17 ta’ Ġunju 2010, Bolbol, C‑31/09, EU:C:2010:351, punt 37; tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Abed El Karem El Kott et, C‑364/11 EU:C:2012:826, punt 42, kif ukoll tal‑1 ta’ Marzu 2016, Alo u Osso, C‑443/14 u C‑444/14, EU:C:2016:127, punt 28).

    39

    Għalhekk, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/95 għandha ssir fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-iskop tagħha, billi tiġi osservata l-Konvenzjoni ta’ Genève u mat-trattati rilevanti l-oħra msemmija fl-Artikolu 78(1) TFUE. Din l-interpretazzjoni għandha ssir ukoll, kif jirriżulta mill-premessa 16 ta’ din id-direttiva, billi jiġu rrispettati d-drittijiet irrikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑17 ta’ Ġunju 2010, Bolbol, C‑31/09, EU:C:2010:351, punt 38; tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Abed El Karem El Kott et, C‑364/11, EU:C:2012:826, punt 43, kif ukoll tal‑1 ta’ Marzu 2016, Alo u Osso, C‑443/14 u C‑444/14, EU:C:2016:127, punt 29).

    40

    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Istati Membri huma obbligati, bis-saħħa tal-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, li jorganizzaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod li l-ipproċessar ta’ azzjonijiet li jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni jinkludi eżami, tal-inqas fil-proċeduri ta’ rikors quddiem qorti tal-ewwel istanza, tal-elementi kollha ta’ fatt u ta’ liġi li jippermettulha twettaq evalwazzjoni aġġornata tal-każ inkwistjoni, fejn l-espressjoni “ex nunc” u l-aġġettiv “sħiħ”, li jinsabu f’din id-dispożizzjoni, jindikaw l-obbligu tal-qorti li twettaq evalwazzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, kemm l-elementi li l-awtorità responsabbli mid-determinazzjoni ħadet inkunsiderazzjoni jew missha ħadet inkunsiderazzjoni kif ukoll elementi ġodda li rriżultaw wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors. Is-setgħa li b’hekk għandha l-qorti li tieħu inkunsiderazzjoni elementi ġodda li dwarhom din l-awtorità ma tatx deċiżjoni hija inkluża fl-għan tad-Direttiva 2013/32, intiża b’mod partikolari, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 18 tagħha, sabiex l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jiġu pproċessati “malajr kemm jista’ jkun […] mingħajr preġudizzju għat-twettiq ta’ eżami xieraq u komplut” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C‑585/16, EU:C:2018:584, punti 109 sa 113).

    41

    Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju tagħmel id-domandi tagħha bil-premessa doppja li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika li XT, minn naħa, kien, konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, benefiċjarju tal-protezzjoni jew tal-assistenza tal-UNRWA qabel ma mar il-Ġermanja u, min-naħa l-oħra, telaq mis-Sirja minħabba kundizzjonijiet ta’ gwerra prevalenti f’dan il-pajjiż.

    42

    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2011/95, imsemmi mill-qorti tar-rinviju, għalkemm mill-paragrafu 3(a) tiegħu, moqri flimkien mal-Artikolu 12(1)(a) ta’ din id-direttiva, jirriżulta li l-possibbiltà li wieħed jibbenefika mill-protezzjoni jew mill-assistenza tal-UNRWA tista’ tiġġustifika r-revoka tal-istatus ta’ refuġjat wara l-għoti tagħha, fejn din il-possibbiltà tista’ wkoll tiġi evalwata fil-kuntest tal-eżami komplet u ex nunc imsemmi fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, fil-mument tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni relatata mal-għoti ta’ dan l-istatus, l-imsemmi Artikolu 14, li jippresupponi preċiżament l-għoti ta’ dan l-istatus, ma jistax japplika għal din id-deċiżjoni.

    43

    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tingħata risposta għad-domandi magħmula.

    Fuq l-ewwel, it-tieni u r-raba’ domanda

    44

    Permezz tal-ewwel, it-tieni u r-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-protezzjoni jew l-għajnuna tal-UNRWA waqfitx, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni biss is-settur taż-żona ta’ operat tal-UNRWA li fih persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana kellha r-residenza effettiva tagħha fil-mument tat-tluq tagħha mill-imsemmija żona ta’ operazzjoni jew fis-sens li għandhom jittieħdu wkoll inkunsiderazzjoni setturi oħra li jaqgħu taħt din iż-żona ta’ operazzjoni u, f’dan il-każ, liema minn dawn is-setturi.

    45

    Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu jiġi osservat li skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, kull ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat huwa eskluż mill-istatus ta’ refuġjat jekk “hija taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1 D tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, li tirrigwarda l-protezzjoni jew l-għajnuna minn organi jew aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti apparti l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati.”

    46

    L-ewwel subparagrafu tat-Taqsima D tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Genève jipprovdi li dan ma huwiex applikabbli għall-persuni li “attwalment igawdu minn” protezzjoni jew assistenza “minn organu jew istituzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti oħra minbarra l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Protezzjoni u l-Assistenza tar-Refuġjati”.

    47

    L-UNRWA, organu tan-Nazzjonijiet Uniti minbarra l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati, ġie stabbilit sabiex jipproteġi u jassisti lill-Palestinjani fil-kwalità tagħhom ta’ “refuġjati tal-Palestina”. Il-mandat tiegħu, li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 4 tal-konklużjonijiet tiegħu, ġie estiż sat‑30 ta’ Ġunju 2023, jestendi fiż-żona ta’ operazzjoni tiegħu li hija komposta minn ħames setturi, jiġifieri l-iStrixxa ta’ Gaża, ix-Xatt tal-Punent (inkluża Ġerusalemm tal-Lvant), il-Ġordan, il-Libanu u s-Sirja.

    48

    Għalhekk, kull persuna, bħal XT, li hija rreġistrata mal-UNRWA, tista’ tirċievi protezzjoni u assistenza ta’ dan l-organu għall-benesseri tagħha bħala refuġjat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 84).

    49

    Minħabba dan l-istatus speċifiku ta’ refuġjat stabbilit fl-imsemmija territorji fil-Lvant Qarib għall-Palestinjani, il-persuni rreġistrati mal-UNRWA huma, bħala prinċipju, bis-saħħa tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, li tikkorrispondi mal-ewwel paragrafu tat-Taqsima D tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Genève, esklużi mill-istatus ta’ refuġjat fl-Unjoni (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 85).

    50

    B’danakollu, mit-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, li jikkorrispondi mat-tieni paragrafu tat-Taqsima D tal-Artikolu 1 tal-Konvenjoni ta’ Genève, jirriżulta li meta l-applikant għal protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni ma jkunx għadu jibbenefika mill-protezzjoni jew mill-assistenza tal-UNRWA, din l-esklużjoni ma tibqax tapplika (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 85).

    51

    Kif speċifikat il-Qorti tal-Ġustizzja, it-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 tapplika meta jirriżulta, abbażi ta’ evalwazzjoni individwali tal-elementi rilevanti kollha, li l-persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana kkonċernata tinsab f’sitwazzjoni personali ta’ riskju serju u li l-UNRWA, li l-assistenza tagħha ntalbet mill-parti kkonċernata, tinsab f’sitwazzjoni ta’ impossibbiltà li tiżguralha kundizzjonijiet ta’ ħajja konformi mal-missjoni tiegħu, u din il-persuna mingħajr Stat ikollha għalhekk, minħabba ċirkustanzi indipendenti mir-rieda tagħha, titlaq miż-żona ta’ operat tal-UNRWA. F’dan il-każ, l-imsemmija persuna mingħajr Stat tista’, sakemm taqa’ taħt wieħed mir-raġunijiet ta’ esklużjoni ddikjarati fl-Artikolu 12(1)(b), fl-Artikolu 12(2) u fl-Artikolu 12(3) ta’ din id-direttiva, tinvokaha ipso facto mingħajr ma jkollha neċessarjament turi li raġonevolment tibża’ li tiġi ppersegwitata fis-sens tal-Artikolu 2(d) tal-imsemmija direttiva (ara f’dan is-sens, issentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    52

    Kif enfasizza essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tiegħu, la l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 u lanqas it-Taqsima D tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Genève ma jirreferu għar-residenza tal-persuna kkonċernata, inkwantu dawn id-dispożizzjonijiet jillimitaw lilhom infushom għaċ-ċirkustanza li din tirċievi l-protezzjoni jew l-assistenza tal-UNRWA jew inkella li din il-protezzjoni jew din l-assistenza waqfet.

    53

    Għalhekk, mill-formulazzjoni stess ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li dawn jirrikjedu li tittieħed inkunsiderazzjoni l-possibbiltà għall-persuna kkonċernata li tirċievi l-protezzjoni jew l-assistenza tal-UNRWA fit-territorju kollu kopert mill-mandat ta’ dan l-organu, li fuqu testendi ż-żona ta’ operat tal-UNRWA, li tinkludi ħames setturi, imsemmija fil-punt 6 ta’ din is-sentenza.

    54

    Interpretazzjoni bħal din hija barra minn hekk ikkorroborata mill-ġurisprudenza li skontha fl-ipoteżi fejn persuna, li tkun telqet miż-żona ta’ operat tal-UNRWA u li tkun ressqet applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni, tirċievi, fl-imsemmija żona, protezzjoni jew assistenza effettiva tal-UNRWA, li tippermettilha tirrisjedi hemmhekk f’sigurtà, f’kundizzjonijiet ta’ ħajja dinjitużi u mingħajr ma tiġi esposta għar-riskju ta’ ripatrijazzjoni lejn it-territorju tar-residenza abitwali tagħha sakemm ma tkunx f’qagħda li tirritorna hemmhekk f’sigurtà, din il-persuna ma tistax titqies mill-awtorità kompetenti mill-għoti ta’ deċiżjoni fuq din l-applikazzjoni bħala li ġiet obbligata, minħabba ċirkustanzi indipendenti mill-volontà tagħha, li titlaq miż-żona ta’ operat tal-UNRWA. L-imsemmija persuna għandha, f’dan il-każ, tiġi eskluża mill-istatus ta’ refuġjat fl-Unjoni, konformement mal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 134).

    55

    Dan premess, kif jirriżulta essenzjalment mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, il-kwistjoni dwar jekk l-UNRWA huwiex effettivament fl-impossibbiltà li jiżgura lill-persuna kkonċernata kundizzjonijiet ta’ ħajja konformi mal-missjoni tagħha u jekk, konsegwentement, il-protezzjoni jew l-assistenza tal-UNRWA waqfet fir-rigward ta’ din il-persuna għandha tiġi evalwata fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni individwali tal-elementi rilevanti kollha.

    56

    Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, l-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji kompetenti huma b’mod partikolari obbligati jivverifikaw jekk il-persuna kkonċernata hijiex konkretament f’qagħda li tirċievi din il-protezzjoni jew din l-assistenza.

    57

    Issa, il-kwistjoni dwar jekk persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana hijiex f’qagħda li tirċievi l-protezzjoni jew l-assistenza tal-UNRWA tiddependi mhux biss mill-kapaċitajiet ta’ dan l-organu li jipprovdi din il-protezzjoni jew din l-assistenza lil din il-persuna mingħajr Stat f’settur speċifiku taż-żona ta’ operat tiegħu iżda wkoll mill-possibbiltà konkreta tal-imsemmija persuna mingħajr Stat li jkollha aċċess għat-territorju li jaqa’ taħt dan is-settur jew saħansitra li jidħol mill-ġdid fl-imsemmija żona jekk ikun ħareġ minnha.

    58

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, li l-fatt li wieħed ikun irreġistrat mal-UNRWA ma jagħti lok għal ebda dritt għal persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana li taċċedi jew li tiċċirkola ġewwa ż-żona ta’ operat ta’ dan l-organu billi tiċċaqlaq minn settur għal ieħor ta’ din iż-żona. Fil-fatt, l-UNRWA ma għandhiex l-awtorità biex tawtorizza l-aċċess tal-persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana fit-territorji tal-ħames setturi tal-imsemmija żona peress li dawn it-territorji jaqgħu taħt diversi Stati jew territorji awtonomi.

    59

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-awtorità determinanti kif ukoll il-qorti adita b’rikors dirett kontra d-deċiżjoni ta’ din l-awtorità għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha tas-sitwazzjoni inkwistjoni li jippermettu li tiġi ċċarata l-kwistjoni dwar jekk il-persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana kkonċernata kellhiex, fil-mument tat-tluq tagħha miż-żona ta’ operat tal-UNRWA, il-possibbiltà konkreta li taċċedi għal wieħed mill-ħames setturi taż-żona ta’ operat tal-UNRWA sabiex tirċievi l-protezzjoni jew l-assistenza ta’ dan l-organu.

    60

    Għal dan il-għan, il-fatt li din il-persuna mingħajr Stat tkun id-detentriċi ta’ dritt li tikseb permess ta’ residenza fl-Istat jew fit-territorju awtonomu li taħtu jaqa’ s-settur ikkonċernat taż-żona ta’ operat tal-UNRWA huwa element li juri li l-imsemmija persuna mingħajr Stat ikollha l-possibbiltà li taċċedi għal dan is-settur u għalhekk li tirċievi l-protezzjoni jew l-assistenza tal-UNRWA, sakemm dan l-organu jkun f’pożizzjoni li jipprovdilha din il-protezzjoni f’dan l-istess settur.

    61

    Fl-assenza ta’ tali dritt, jista’ jkun rilevanti l-fatt li din l-istess persuna mingħajr Stat ikollha rabtiet familjari f’settur speċifiku taż-żona ta’ operat tal-UNRWA, kellha r-residenza effettiva jew abitwali tagħha f’dan is-settur jew tkun irrisjediet fih qabel ma telqet mill-imsemmija żona, sakemm l-Istati jew it-territorji kkonċernati jikkunsidraw li tali elementi huma suffiċjenti biex ma jipprekludux, indipendentement mill-għoti ta’ kull permess ta’ residenza, lil persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana milli taċċedi u tibqa’ f’sigurtà fit-territorju tagħhom.

    62

    Bl-istess mod, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha, bħal dikjarazzjonijiet jew prattiki tal-awtoritajiet tal-imsemmija Stati u territorji, li jimplikaw bidla fl-attitudni lejn il-persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana, b’mod partikolari meta permezz ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet u prattiki huma juru l-intenzjoni li ma jittollerawx iżjed il-preżenza fit-territorju tagħhom ta’ dawn il-persuni mingħajr Stat peress li dawn ma għandhomx dritt ta’ residenza.

    63

    Għalkemm mill-evalwazzjoni tal-elementi rilevanti kollha tas-sitwazzjoni inkwistjoni, fosthom b’mod partikolari dawk imsemmija fil-punti 59 sa 62 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li l-persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana kkonċernata kellha possibbiltà konkreta li taċċedi u tibqa’ f’sigurtà fit-territorju ta’ wieħed mis-setturi taż-żona ta’ operat tal-UNRWA li fihom dan l-organu kien f’pożizzjoni li joffrilu l-protezzjoni jew l-assistenza tiegħu, ma jistax jitqies li l-protezzjoni jew l-assistenza tal-UNRWA waqfet, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95.

    64

    Barra minn hekk, fir-rigward tal-kwistjoni dwar liema huwa s-settur taż-żona ta’ operat tal-UNRWA li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw ir-rikonoxximent ipso facto tal-istatus ta’ refuġjat waqfux milli jiġu ssodisfatti minn meta l-persuna kkonċernata telqet mill-imsemmija żona u qabel ma tkun ingħatat deċiżjoni definittiva dwar it-talba tagħha għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju tidher li tibbaża ruħha fuq il-premessa li t-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 kienet applikabbli għar-rikorrent fil-kawża prinċipali fil-mument meta telqet mill-imsemmija żona, inkwantu l-protezzjoni u l-assistenza tal-UNRWA kienet waqfet, iżda ma hijiex eventwalment applikabbli iktar fil-konfront tiegħu fil-mument li l-qorti adita bir-rikors indirizzat kontra d-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ għoti tal-istatus ta’ refuġjat jiddeċiedi dwar dan ir-rikors.

    65

    F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, konformement mad-dritt nazzjonali tagħha, fit-tilwim fil-qasam tal-ażil, hija tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni legali u fattwali eżistenti fil-mument meta hija tiddeċiedi dwar ir-rikors ippreżentat quddiemha, b’tali mod li hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll elementi ġodda eżistenti fil-mument tal-aħħar seduta jew, fin-nuqqas ta’ dan, fil-mument meta hija tagħti d-deċiżjoni tagħha, liema possibbiltà hija prevista, kif jirriżulta mill-punt 40 ta’ din is-sentenza, ukoll fl-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32.

    66

    Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, jeħtieġ sempliċement li jiġi rrilevat, bħalma għamlu l-Avukat Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu u l-persuni kkonċernati kollha li ressqu osservazzjonijiet bil-miktub, li ma hemm xejn li jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-eżami tal-kwistjoni dwar jekk il-protezzjoni jew l-assistenza tal-UNRWA tkomplix tiġi eskluża bis-saħħa tat-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, fil-mument li l-qorti tiddeċiedi dwar ir-rikors indirizzat kontra deċiżjoni ta’ rifjut ta’ għoti tal-istatus ta’ refuġjat, għandu jsir fid-dawl ta’ elementi minbarra dawk imfakkra fil-punti 53 sa 63 ta’ din is-sentenza.

    67

    Fid-dawl tal-punti preċedenti, ir-risposta għall-ewwel, għat-tieni u għar-raba’ domanda għandha tkun li t-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 għandha tiġi interpretata fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-protezzjoni jew l-assistenza tal-UNRWA waqfitx, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni individwali tal-elementi rilevanti kollha tas-sitwazzjoni inkwistjoni, is-setturi kollha taż-żona ta’ operat tal-UNRWA li fit-territorju tagħhom persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana li ħalliet din iż-żona għandha possibbiltà konkreta li taċċedi u li tibqa’ f’sigurtà.

    Fuq it-tielet domanda

    68

    Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq, essenzjalment, li ssir taf jekk it-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-protezzjoni jew l-assistenza tal-UNRWA tieqaf meta persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana tkun ħalliet iż-żona ta’ operat tal-UNRWA bi tluq minn settur ta’ din iż-żona li fih kienet f’sitwazzjoni personali ta’ riskju serju u li fih dan l-organu ma kienx f’pożizzjoni li jipprovdi l-protezzjoni jew l-assistenza tiegħu lil din il-persuna mingħajr Stat, filwaqt li, minn naħa, din il-persuna volontarjament marret f’dan is-settur bi provenjenza minn settur ieħor tal-imsemmija żona li fih hija ma kinitx f’sitwazzjoni personali ta’ riskju serju u, min-naħa l-oħra, hija ma setgħetx tistenna li kienet ser tirċievi protezzjoni jew assistenza tal-UNWRA fis-settur li fih kienet sejra u lanqas li ser tkun tista’ tirritorna fis-settur ta’ provenjenza wara perijodu qasir.

    69

    Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar, qabel kollox, li l-fatt li t-Taqsima D tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Genève, li għaliha tirreferi l-ewwel sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, tillimita ruħha li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-persuni li “attwalment qegħdin jirċievu” protezzjoni jew assistenza min-naħa ta’ organu jew ta’ istituzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti minbarra l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati ma jistax jiġi interpretat fis-sens li s-sempliċi assenza jew tluq volontarju miż-żona ta’ operat tal-UNRWA huwa biżżejjed sabiex tintemm l-esklużjoni mill-benefiċċju tal-istatus ta’ refuġjat previst f’din id-dispożizzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Abed Karem El Kott et, C‑364/11, EU:C:2012:826, punt 49).

    70

    Fil-fatt, li kieku kien hekk, applikant għal ażil fis-sens tal-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2013/32, li jressaq l-applikazzjoni tiegħu fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri u li għaldaqstant huwa fiżikament assenti miż-żona ta’ operat tal-UNRWA, ma jkun jaqa’ qatt taħt ir-raġuni għal esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat iddikjarata fl-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, liema fatt ikollu l-konsegwenza li tali raġuni għal esklużjoni ma tkunx iżjed effettiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Abed Karem El Kott et, C‑364/11, EU:C:2012:826, punt 50).

    71

    Barra minn hekk, li kieku kellu jiġi ammess li tluq volontarju miż-żona ta’ operat tal-UNRWA u, għaldaqstant, abbandun volontarju tal-assistenza pprovduta minnha jagħtu lok għall-applikazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, dan imur kontra l-għan li għandu jintlaħaq mill-ewwel subparagrafu tat-Taqsima D tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Genève, li għandu l-intenzjoni li jeskludi minn din il-konvenzjoni lil dawk kollha li jirċievu tali assistenza (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Abed Karem El Kott et, C‑364/11, EU:C:2012:826, punt 51).

    72

    Sussegwentement, mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 54 ta’ din is-sentenza jirriżulta li ma jistax jitqies li l-ħruġ miż-żona ta’ operat tal-UNRWA minn settur speċifiku ta’ din iż-żona huwa involontarju jekk il-persuna kkonċernata kellha l-possibbiltà li taċċedi għal settur ieħor ta’ din iż-żona biex tirċievi konkretament il-protezzjoni jew l-assistenza tal-UNRWA.

    73

    Fil-fatt, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:584), ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, matul il-kunflitt armat bejn l-Istat tal-Iżrael u l-Hamas, organizzazzjoni li tikkontrolla l-Istrixxa ta’ Gaża, telqet minn din il-medda art sabiex issib ruħha f’sigurtà fil-Ġordan, pajjiż fejn hija kienet irrisjediet u li minnu hija marret il-Bulgarija. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li ma setax jiġi eskluż li l-UNRWA kienet f’pożizzjoni, fil-Ġordan, li toffri lil persuna rreġistrata magħha kundizzjonijiet ta’ ħajja konformi mal-missjoni tagħha wara li din il-persuna kienet ħarbet mill-Istrixxa ta’ Gaża, b’tali mod li din il-persuna setgħet toqgħod hemmhekk f’sigurtà u f’kundizzjonijiet ta’ ħajja dinjitużi, mingħajr theddida li tiġi mibgħuta lura lejn territorju li fih hija ma tkunx tista’ tirritorna f’sigurtà. Jekk tali ċirkustanzi kellhom iseħħu fost il-fatti, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, persuna bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali hawnhekk ma tistax titqies li ġiet kostretta, minħabba ċirkustanzi indipendenti mir-rieda tagħha, li titlaq miż-żona ta’ operat tal-UNRWA (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C‑585/16, EU:C:2018:584, punti 132 sa 134).

    74

    Ma jistax ikun mod ieħor fil-każ ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana li tiddeċiedi li tħalli settur taż-żona ta’ operat tal-UNRWA li fih hija ma tinsabx f’sitwazzjoni ta’ riskju serju u li fih hija tkun tista’ tirċievi l-protezzjoni jew l-għajnuna ta’ dan l-organu, sabiex tmur f’settur ieħor tal-imsemmija żona, li fih hija la tista’ raġonevolment tistenna, fuq il-bażi ta’ informazzjoni konkreta li hija għandha dwar dan is-settur, li tirċievi l-protezzjoni jew l-assistenza tal-UNRWA, u lanqas li tkun tista’ tirritorna fis-settur ta’ provenjenza wara perijodu qasir. B’hekk, tali tluq volontarju mill-ewwel settur lejn it-tieni settur ma jippermettix li jitqies li tali persuna mingħajr Stat ġiet imġiegħla titlaq miż-żona ta’ operat tal-UNRWA kkunsidrata fl-intier tagħha meta sussegwentement telqet minn dan it-tieni settur sabiex tmur fit-territorju tal-Unjoni.

    75

    Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni individwali tal-elementi rilevanti kollha tas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fosthom b’mod partikolari l-informazzjoni konkreta dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja għad-dispożizzjoni ta’ XT fil-mument tat-tluq tiegħu mil-Libanu, jekk dan it-tluq seħħx fil-kundizzjonijiet deskritti fil-punt 74 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, jekk dan huwa l-każ, XT ma jistax titqies li ġie mġiegħel iħalli ż-żona ta’ operat tal-UNRWA kkunsidrata fl-intier tagħha meta sussegwentement telaq mis-Sirja.

    76

    Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi lil din il-qorti, fuq il-bażi tal-informazzjoni li tinsab fit-talba għal deċiżjoni preliminari u fil-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja, elementi li jistgħu jkunu rilevanti għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni.

    77

    F’dan il-każ, minn din l-applikazzjoni jirriżulta li XT jallega li telaq mil-Libanu minħabba l-assenza ta’ permess ta’ residenza validu, kif ukoll minħabba tisħiħ tal-kontrolli mill-forzi tas-sigurtà Libaniżi li, fin-nuqqas ta’ tali permess, kienu jwasslu lil persuni bħal XT lura għall-fruntiera Sirjana.

    78

    Barra minn hekk, sa fejn il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-effett tal-elementi li jirrigwardaw il-fatt li XT seta’ jistenna, fid-dawl taċ-ċirkustanzi prevalenti fil-mument tat-tluq tiegħu mil-Libanu, li huwa la jkun jista’ jibbenefika minn protezzjoni jew minn assistenza tal-UNRWA fis-Sirja u lanqas li wara perijodu qasir jirritorna l-Libanu fejn kien jirrisjedi preċedentement, għandu jiġi rrilevat li tali ċirkustanzi għandhom, sabiex dawn ikunu jistgħu jkollhom rilevanza fil-kuntest tal-evalwazzjoni individwali msemmija fil-punt 75 ta’ din is-sentenza, ikunu raġonevolment prevedibbli fil-mument tal-imsemmi tluq. Persuna, bħal XT, għandu għalhekk ikollha informazzjoni konkreta dwar is-sitwazzjoni fiż-żona ta’ operat tal-UNRWA. F’dan ir-rigward, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll in-natura immedjata u imprevedibbli tal-iżvilupp tas-sitwazzjoni, bħall-għeluq tal-fruntieri bejn is-setturi tal-imsemmija żona jew it-tfaqqigħ tal-kunflitti f’wieħed mis-setturi tagħha.

    79

    Fid-dawl taċ-ċirkustanzi msemmija fil-punti 77 u 78 ta’ din is-sentenza u sa fejn dawn huma eżatti, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, ma jidhirx li t-tluq ta’ XT mil-Libanu lejn is-Sirja seħħ fil-kundizzjonijiet deskritti fil-punt 74 ta’ din is-sentenza, b’tali mod li t-tluq tiegħu miż-żona ta’ operat tal-UNRWA meħuda fl-intier tagħha ma kienx volontarju.

    80

    Fid-dawl tal-punti preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li t-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-protezzjoni jew l-assistenza tal-UNRWA ma tistax titqies li waqfet meta persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana tkun ħalliet iż-żona ta’ operat tal-UNRWA minn settur ta’ din iż-żona li fih kienet f’sitwazzjoni personali ta’ riskju serju u li fih dan l-organu ma kienx f’pożizzjoni li jipprovdi lil din il-persuna mingħajr Stat il-protezzjoni jew l-assistenza tiegħu, minn naħa, jekk din tkun volontarjament marret f’dan is-settur minn settur ieħor tal-imsemmija żona li fih ma kinitx f’sitwazzjoni personali ta’ riskju serju u li fih setgħet tirċievi l-protezzjoni jew l-assistenza ta’ dan l-organu u, min-naħa l-oħra, jekk hija ma setgħetx raġonevolament tistenna, fuq il-bażi ta’ informazzjoni konkreta għad-dispożizzjoni tagħha, li kienet ser tirċievi protezzjoni jew assistenza mill-UNRWA fis-settur li fih kienet sejra jew li tkun tista’ tirritorna fis-settur ta’ provenjenza wara perijodu qasir, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

    Fuq il-ħames domanda

    81

    Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel, għat-tieni u għar-raba’ domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-ħames domanda.

    Fuq l-ispejjeż

    82

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    It-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr Stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, għandha tiġi interpretata fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-protezzjoni jew l-assistenza tal-Aġenzija ta’ Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA) waqfitx, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni individwali tal-elementi rilevanti kollha tas-sitwazzjoni inkwistjoni, is-setturi kollha taż-żona ta’ operat tal-UNRWA li fit-territorju tagħhom persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana li ħalliet din iż-żona għandha possibbiltà konkreta li taċċedi u li tibqa’ f’sigurtà.

     

    2)

    It-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-protezzjoni jew l-assistenza tal-UNRWA ma tistax titqies li waqfet meta persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana tkun ħalliet iż-żona ta’ operat tal-UNRWA minn settur ta’ din iż-żona li fih kienet f’sitwazzjoni personali ta’ riskju serju u li fih dan l-organu ma kienx f’pożizzjoni li jipprovdi lil din il-persuna mingħajr Stat il-protezzjoni jew l-assistenza tiegħu, minn naħa, jekk din tkun volontarjament marret f’dan is-settur minn settur ieħor tal-imsemmija żona li fih ma kinitx f’sitwazzjoni personali ta’ riskju serju u li fih setgħet tirċievi l-protezzjoni jew l-assistenza ta’ dan l-organu u, min-naħa l-oħra, jekk hija ma setgħetx raġonevolament tistenna, fuq il-bażi ta’ informazzjoni konkreta għad-dispożizzjoni tagħha, li kienet ser tirċievi protezzjoni jew assistenza mill-UNRWA fis-settur li fih kienet sejra jew li tkun tista’ tirritorna fis-settur ta’ provenjenza wara perijodu qasir, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    ( i ) Fil-mots-clés u fl-isem tal-parti fl-ewwel paġna saret modifika ta’ natura lingwistika, wara li kien tqiegħed online għal-ewwel darba.

    Top