Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0389

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-25 ta’ Frar 2021.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Isvezja.
    Appell – Regolament (KE) Nru 1907/2006 – Reġistrazzjoni, evalwazzjoni u awtorizzazzjoni tas-sustanzi kimiċi, kif ukoll restrizzjonijiet applikabbli għal dawn is-sustanzi – Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tawtorizza ċerti użi tas-sulfokromat taċ-ċomb isfar u tas-sulfat tal-molibdat tal-kromat taċ-ċomb aħmar, sustanzi mniżżla fl-Anness XIV tal-imsemmi regolament – Sustanzi ta’ tħassib serju ħafna – Kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni – Eżami tan-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi.
    Kawża C-389/19 P.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:131

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    25 ta’ Frar 2021 ( *1 )

    “Appell – Regolament (KE) Nru 1907/2006 – Reġistrazzjoni, evalwazzjoni u awtorizzazzjoni tas-sustanzi kimiċi, kif ukoll restrizzjonijiet applikabbli għal dawn is-sustanzi – Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tawtorizza ċerti użi tas-sulfokromat taċ-ċomb isfar u tas-sulfat tal-molibdat tal-kromat taċ-ċomb aħmar, sustanzi mniżżla fl-Anness XIV tal-imsemmi regolament – Sustanzi ta’ tħassib serju ħafna – Kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni – Eżami tan-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi”

    Fil-Kawża C‑389/19 P,

    li għandha bħala suġġett appell abbażi tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl‑20 ta’ Mejju 2019,

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn R. Lindenthal u K. Mifsud-Bonnici u G. Tolstoy, sussegwentement minn R. Lindenthal u K. Mifsud-Bonnici, bħala aġenti, assistiti minn K. Nordlander, advokat,

    rikorrenti,

    il-partijiet l-oħra fil-proċedura li huma:

    Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat inizjalment minn C. Meyer-Seitz, H. Shev, J. Lundberg, H. Eklinder u A. Falk, sussegwentement minn O. Simonsson, C. Meyer-Seitz, M. Salborn Hodgson, R. Shahsavan Eriksson, H. Shev u H. Eklinder, bħala aġenti,

    konvenut fl-ewwel istanza,

    Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat inizjalment minn J. Nymann-Lindegren, S. Wolff u P. Z. L. Ngo, sussegwentement minn J. Nymann-Lindegren u M. S. Wolff, bħala aġenti,

    Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn S. Hartikainen, bħala aġent,

    Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn A. Neergaard, A. Tamás u C. Biz, bħala aġenti,

    L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), irrappreżentata inizjalment minn M. Heikkilä, W. Broere u C. Schultheiss, sussegwentement minn M. Heikkilä, W. Broere u J. Löfgren, bħala aġenti,

    intervenjenti fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn J.-C. Bonichot (Relatur), President tal-Awla, L. Bay Larsen, C. Toader, M. Safjan u N. Jääskinen, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

    Reġistratur: C. Strömholm, Amministratriċi,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑7 ta’ Lulju 2020

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tad‑29 ta’ Ottubru 2020,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑7 ta’ Marzu 2019, ir-Renju tal-Isvezja vs Il‑Kummissjoni (T‑837/16, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:C:2019:144), li permezz tagħha din tal-aħħar annullat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C (2016) 5644 finali tas‑7 ta’ Settembru 2016 li tawtorizza għal ċerti użi s-sulfokromat taċ-ċomb isfar u s-sulfat tal-molibdat tal-kromat taċ-ċomb aħmar taħt ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

    Il-kuntest ġuridiku

    2

    Skont kliem il-premessi 4, 12, 69, 70, 72 u 73 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU 2006, L 396, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament REACH”):

    “(4)

    Skond il-pjan ta’ implementazzjoni adottat fl-4 ta’ Settembru 2002 fis-Summit Dinji ta’ Johannesburg dwar l-iżvilupp sostenibbli, l-Unjoni Ewropea qed timmira li, sa l-2020, is-sustanzi kimiċi jiġu prodotti u użati b’modi li jwasslu għall-minimizzazzjoni ta’ l-effetti negattivi sinifikattivi fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent.

    […]

    (12)

    Objettiv importanti tas-sistema l-ġdida li għandha tiġi stabbilita b’dan ir-Regolament huwa l-inkoraġġiment u f’ċerti każijiet l-assigurazzjoni tas-sostituzzjoni eventwali ta’ sustanzi li jħassbu serjament b’sustanzi jew teknoloġiji anqas perikolużi fejn ikun hemm disponibbli alternattivi ekonomikament u teknikament vijabbli. […]

    […]

    (69)

    Sabiex jiġi żgurat livell suffiċjentement għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, inkluża l-kunsiderazzjoni ta’ gruppi relevanti ta’ popolazzjonijiet umani u possibbilment ta’ ċerti sub-popolazzjonijiet vulnerabbli, u ta’ l-ambjent, is-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna għandhom, konformement mal-prinċipju tal-prekawzjoni, ikunu suġġetti għal attenzjoni bir-reqqa. L-awtorizzazzjoni għandha tingħata fejn persuni fiżiċi jew ġuridiċi li japplikaw għal awtorizzazzjoni juru lill-awtorità awtorizzanti li r-riskji għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent li jirriżultaw mill-użu tas-sustanza huma kontrollati tajjeb. Inkella, tista’ xorta waħda tingħata l-awtorizzazzjoni għall-użu jekk jintwera li l-benefiċċji soċjoekonomiċi huma akbar mir-riskju li jkun ġej mill-użu tas-sustanza u li ma jkunx hemm sustanzi jew teknoloġiji alternattivi li jkunu ekonomikament jew teknikament vijabbli. B’kont meħud tal-funzjonament korrett tas-suq intern, jixraq li l-Kummissjoni tkun l-awtorità awtorizzanti.

    (70)

    Għandhom ikunu impediti l-effetti ħżiena fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent minn sustanzi li jkunu ta’ tħassib kbir ħafna permezz ta’ l-applikazzjoni ta’ miżuri adegwati ta’ mmaniġjar tar-riskji sabiex ikun żgurat li kwalunkwe riskji mill-użu ta’ sustanza jkunu kontrollati b’mod xieraq, u bil-għan li ssir sostituzzjoni gradwali ta’ dawn is-sustanzi b’sustanza aktar sikura u adegwata. Għandhom ikunu applikati miżuri ta’ l-immaniġjar tarriskji sabiex ikun żgurat, meta sustanzi jkunu manifatturati, mqiegħda fis-suq u użati, li l-espożizzjoni għal dawn is-sustanzi, inklużi tnixxijiet, emissjonijiet u telf, matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu, ikunu inqas minn dawk il-limiti li jekk jinqabżu, iseħħu effetti ħżiena. Għal kull sustanza li għaliha ngħatat awtorizzazzjoni, u għal kwalunkwe sustanza oħra li għaliha mhux possibbli li jiġi stabbilit livell sikur ta’ espożizzjoni, għandhom dejjem jittieħdu miżuri sabiex jiġu minimizzati, sakemm ikun possibbli mil-lat tekniku u prattiku, l-espożizzjoni u l-emissjonijiet bil-għan li tiġi minimizzata l-possibbiltà ta’ effetti ħżiena. Għandhom ikunu identifikati l-miżuri li jiżguraw kontroll adegwat fi kwalunkwe Rapport dwar is-Sigurtà Kimika. Dawn il-miżuri għandhom ikunu applikati u, fejn xieraq, jiġu rakkomandati lill-partijiet oħrajn tul il-katina tal-provvista.

    […]

    (72)

    Bħala sostenn ta’ l-għan tas-sostituzzjoni eventwali ta’ sustanzi ta’ tħassib serju ħafna b’sustanzi jew teknoloġiji alternattivi adatti, l-applikanti kollha għal awtorizzazzjonijiet għandhom jipprovdu analiżi ta’ alternattivi fid-dawl tar-riskji tagħhom u tal-fattibbiltà teknika u ekonomika tas-sostituzzjoni, inkluża informazzjoni dwar kwalunkwe riċerka u żvilupp li l-applikant ikun qiegħed jaghmel jew ikollu l-ħsieb li jagħmel. Barra minn hekk, l-awtorizzazzjonijiet għandhom ikunu suġġetti għal reviżjoni limitata biż-żmien li l-perjodi tagħha jiġu determinati fuq bażi ta’ każ b’każ u li għandhom normalment ikunu suġġetti għal kondizzjonijiet, inkluż il-monitoraġġ.

    (73)

    Is-sostituzzjoni ta’ sustanza waħedha, fi preparat jew f’oġġett għandha tkun meħtieġa meta l-manifattura, l-użu jew it-tqegħid fis-suq ta’ dik is-sustanza jkunu l-kawża ta’ periklu mhux aċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent, b’kont meħud tad-disponibbiltà ta’ sustanzi u teknoloġiji alternattivi adegwati li jkunu aktar sikuri, u l-benefiċċji soċjoekonomiċi mill-użu ta’ sustanzi li jinvolvu riskju mhux aċċettabbli.”

    3

    L-Artikolu 55 tar-Regolament REACH, intitolat “L-iskop ta’ l-awtorizzazzjoni u kunsiderazzjonijiet dwar sostituzzjoni [eżami tal-alternattivi]”, jipprovdi:

    “L-iskop ta’ dan it-Titolu huwa li jiżgura l-funzjonament korrett tas-suq intern filwaqt li jiżgura li r-riskji mis-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna jiġu kontrollati tajjeb u li dawn is-sustanzi eventwalment jiġu sostitwiti progressivament minn sustanzi jew teknoloġiji alternattivi adatti fejn dawn ikunu ekonomikament u teknikament vijabbli. Għal dan l-iskop il-manifatturi, l-importaturi u l-utenti ‘downstream’ kollha li japplikaw għal awtorizzazzjoni għandhom janalizzaw jekk hemmx alternattivi u jikkunsidraw ir-riskji tagħhom u kemm is-sostituzzjoni tista’ tkun ekonomikament vijabbli.”

    4

    L-Artikolu 56(1) ta’ dan ir-regolament, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti tat-tilwima, jipprevedi:

    “1. Manifattur, importatur jew utent ‘downstream’ m’għandux iqiegħed fis-suq sustanza għall-użu jew jużaha huwa stess jekk dik is-sustanza tkun inkluża fl-Anness XIV, sakemm:

    a)

    l-użu jew użi ta’ dik is-sustanza waħidha jew fi preparat jew l-inkorporazzjoni ta’ sustanza f’oġġett li għalih is-sustanza titqiegħed fis-suq jew li għalih huwa juża s-sustanza huwa stess ġew awtorizzati skond l-Artikoli 60 sa 64; jew

    b)

    l-użu jew użi ta’ dik is-sustanza waħidha, fi preparat jew l-inkorporazzjoni ta’ sustanza f’oġġett li għalih is-sustanza titqiegħed fis-suq jew li għalih huwa juża s-sustanza huwa stess ġew awtorizzati mir-rekwiżit ta’ l-awtorizzazzjoni fl-Anness IV stess skond l-Artikolu 58(2); jew

    ċ)

    id-data msemmija fl-Artikolu 58(1)(ċ)(i) ma ntlaħqitx; jew

    d)

    tkun intlaħqet id-data msemmija fl-Artikolu 58(1)(ċ)(i) u huwa għamel applikazzjoni tmintax-il xahar qabel dik id-data iżda għadha ma tteħditx deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni; jew

    e)

    f’każijiet fejn is-sustanza titqiegħed fis-suq, tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni għal dak l-użu lill-utent ‘downstream’ immedjat tiegħu. […]”

    5

    L-Artikolu 58(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

    “1. Kull meta tittieħed deċiżjoni sabiex jiġu inklużi fl-Anness XIV sustanzi msemmija fl-Artikolu 57, din id-deċiżjoni għandha tittieħed skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 133(4). Għandha tispeċifika għal kull sustanza:

    […]

    ċ)

    l-arranġamenti transizzjonali:

    i)

    id-data jew dati minn meta t-tqegħid fis-suq u l-użu tas-sustanza għandhom ikunu projbiti sakemm ma tkunx ingħatat awtorizzazzjoni (minn hawn ’il quddiem imsejħa “d-data jew dati tat-terminazzjoni”) li għandha tieħu kont, fejn xieraq, taċ-ċiklu ta’ produzzjoni speċifikat għal dak l-użu;

    ii)

    id-data jew dati mill-inqas tmintax-il xahar qabel id-data jew dati tat-terminazzjoni sa liema data jew dati għandhom jaslu l-applikazzjonijiet jekk l-applikant jixtieq li jkompli juża s-sustanza jew iqiegħdha fis-suq għal ċerti użi wara d-data jew dati tat-terminazzjoni; tali użu kontinwat għandu jkun permess wara d-data tat-terminazzjoni sakemm tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni;

    […]”

    6

    Skont kliem l-Artikolu 60 tal-istess regolament:

    “1.   Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għat-tehid ta’ deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjonijiet skond dan it-Titolu.

    2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, għandha tingħata awtorizzazzjoni jekk ir-riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent mill-użu tas-sustanza li jkun ġej mill-proprjetajiet intrinsiċi speċifikati fl-Anness XIV ikun kontrollat adegwatament skond it-Taqsima 6.4 ta’ l-Anness I u kif dokumentat fir-rapport ta’ sigurtà kimika ta’ l-applikant, filwaqt li tiġi kkunsidrata l-opinjoni tal-Kumitat għall-Istima tar-Riskji msemmi fl-Artikolu 64(4) (a). Meta tagħti l-awtorizazzjoni, u fi kwalunkwe kondizzjonijiet imposti fiha, il-Kummissjoni għandha tieħu kont ta’ kull tnixxija, emissjoni u telf, inklużi r-riskji minn użu b’diffużjoni jew dispersjoni, li jkun magħruf fiż-żmien tad-deċiżjoni.

    […]

    4.   Jekk ma tistax tingħata awtorizzazzjoni skond il-paragrafu 2 jew għal sustanzi elenkati fil-paragrafu 3, tista’ tingħata awtorizzazzjoni biss jekk jintwera li l-benefiċċji soċjoekonomiċi jkunu akbar mir-riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent mill-użu tas-sustanza, u jekk ma jkunx hemm sustanzi jew teknoloġiji alternattivi adatti. Din id-deċiżjoni għandha tittieħed wara konsiderazzjoni ta’ l-elementi kollha li ġejjin, filwaqt li tiġi kkunsidrata l-opinjoni tal-Kumitat għall-Istima tar-Riskji u tal-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika msemmija fl-Artikolu 64(4) (a) u (b):

    a)

    ir-riskju preżentat mill-użu tas-sustanza, inkluż kemm huma adatti u effettivi l-miżuri għall-immaniġġar tar-riskji proposti;

    b)

    il-benefiċċji soċjo-ekonomiċi mill-użu tagħha u l-implikazzjonijiet soċjo-ekonomiċi ta’ rifjut ta’ awtorizzazzjoni, kif muri mill-applikant jew partijiet interessati oħra;

    ċ)

    l-analiżi ta’ l-alternattivi preżentati mill-applikant skond l-Artikolu 62(4)(e) jew kwalunkwe pjan għal sostituzzjoni preżentat mill-applikant skond l-Artikolu 62(4)(ea) u kwalunkwe kontribut ta’ terzi mogħtija taħt l-Artikolu 64(2);

    d)

    informazzjoni disponibbli dwar ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent ta’ kwalunkwe sustanza jew teknoloġija alternattiva.

    5.   Fl-eżami jekk ikunux disponibbli sustanzi jew teknoloġiji alternattivi adegwati, l-aspetti kollha relevanti għandhom jiġu kkunsidrati mill-Kummissjoni, inklużi:

    a)

    jekk it-trasferiment għal alternattivi jirriżultawx, kollox meqjus, f’riskji anqas għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent, b’kont meħud ta’ l-adegwatezza u l-effikaċja talmiżuri ta’ l-immaniġġar tar-riskji;

    b)

    l-affidabbiltà teknika u ekonomika ta’ l-alternattivi għall-applikant.

    […]”

    7

    L-Artikolu 64 tar-Regolament REACH jipprevedi li l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) tikkonsulta kemm mal-pubbliku kif ukoll mal-Kumitat għall-Istima tar-Riskji u mal-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-Ekonomika, tagħha.

    8

    Abbażi tal-Artikolu 133 ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni hija assistita minn Kumitat (iktar ’il quddiem il-“Kumitat REACH”).

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    9

    Il-fatti li wasslu għall-kawża huma esposti fil-punti 1 sa 30 tas-sentenza appellata u jistgħu, għall-bżonnijiet ta’ din il-proċedura, jiġu miġbura fil-qosor kif ġej.

    10

    Is-sulfokromat taċ-ċomb isfar u s-sulfat tal-molibdat tal-kromat taċ-ċomb aħmar huma pigmenti użati ħafna, minħabba d-durabbiltà tagħhom, il-kulur ċar tagħhom u l-fatt li jleqqu, fil-verniċ u fiż-żebgħa, b’mod partikolari għall-pontijiet u għall-istrutturi tal-ħadid, biex tinqeda funzjoni ta’ senjalazzjoni jew għas-sinjali tat-triq sofor.

    11

    Dawn il-pigmenti ġew inklużi mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 125/2012 tal‑14 ta’ Frar 2012 li jemenda l-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU 2012, L 41, p. 1), fil-lista tas-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna ta’ dan l-anness, minħabba l-proprjetajiet karċinoġeni u tossiċi tagħhom għar-riproduzzjoni umana. B’konsegwenza ta’ dan, it-tqegħid fis-suq tagħhom u l-użu tagħhom ġew suġġetti għal awtorizzazzjoni b’effett mill‑21 ta’ Mejju 2015.

    12

    DCC Maastricht BV ressqet, fid‑19 ta’ Novembru 2013, applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq taż-żewġ pigmenti inkwistjoni għal sitt użi, identiċi għal dawn iż-żewġ sustanzi. Din l-applikazzjoni ssemmi l-eżempji li ġejjin, mhux eżawrjenti, ta’ prodotti koperti mill-użi msemmija fiha u li, skont l-applikant, jeżiġu l-prestazzjoni teknoloġika pprovduta mill-pigmenti: koperturi għas-soqfa ta’ vetturi konvertibbli, sinjali ta’ twissija, kontenituri għal skart farmaċewtiku, tubi għall-industrija petrokimika, krejnijiet, makkinarju agrikolu, tagħmir tat-toroq, pontijiet tal-azzar, kmamar tas-sigurtà u kontenituri tal-azzar.

    13

    Konformement mal-Artikolu 64(2) tar-Regolament REACH, l-ECHA wettqet konsultazzjoni pubblika sabiex it-terzi kkonċernati jkunu jistgħu jikkomunikaw informazzjoni dwar is-sustanzi jew it-teknoloġiji alternattivi. Fil-kuntest ta’ din il-konsultazzjoni, ingħataw opinjonijiet minn xi manifatturi tal-Unjoni, minn utenti downstream tal-pigmenti inkwistjoni, minn organizzazzjonijiet tal-industrija, minn Stati Membri, kif ukoll minn xi organizzazzjonijiet mhux governattivi. Sussegwentement, b’applikazzjoni tal-Artikolu 64(3) et seq. ta’ dan ir-regolament, il-Kumitat għall-Istima tar-Riskji u l-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-Ekonomika taw opinjoni dwar kull wieħed mill-użi kkonċernati.

    14

    Fl-aħħar nett, l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ġiet eżaminata mill-Kumitat REACH. Waqt id-diskussjoni li seħħet fi ħdan dan il-kumitat, żewġ Stati Membri u r-Renju tan-Norveġja indikaw li dawn il-kromati taċ-ċomb ma kinux użati bħala pigmenti fiż-żebgħa għas-sinjali tat-triq safra fit-territorji nazzjonali tagħhom. F’wieħed minn dawn l-Istati Membri, l-użu tal-kromati taċ-ċomb għas-sinjali tat-triq kien ilu saħansitra pprojbit għal 20 sena. Il-Kummissjoni ressqet l-abbozz ta’ deċiżjoni tagħha għall-votazzjoni tal-membri tal-Kumitat REACH. Tlieta u għoxrin Stat Membru vvotaw favur l-abbozz, filwaqt li tliet Stati Membri, fosthom ir-Renju tal-Isvezja, ivvotaw kontra. Żewġ Stati Membri astjenew ruħhom.

    15

    Fis‑7 ta’ Settembru 2016, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża.

    16

    L-awtorizzazzjoni mitluba ma ngħatatx abbażi tal-Artikolu 60(2) tar-Regolament REACH, peress li l-Kummissjoni qieset li r-riskju ma kienx ikkontrollat adegwatament. Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, din tal-aħħar, min-naħa l-oħra, awtorizzat l-użi msemmija fl-applikazzjoni abbażi tal-Artikolu 60(4) ta’ dan ir-regolament, filwaqt li akkumpanjat din l-awtorizzazzjoni b’restrizzjonijiet u b’indikazzjonijiet.

    17

    Fl-Artikolu 1(1) u (2) tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni awtorizzat l-użi tal-kromati taċ-ċomb inkwistjoni, kif indikati fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, bil-kundizzjoni li l-prestazzjonijiet tat-taħlitiet lesti minn qabel, taż-żebgħat u tal-komposti tal-kulur lesti minn qabel li jkun fihom is-sustanzi kkonċernati jew tal-oġġetti lesti li jkunu jinkluduhom, f’termini ta’ funzjonalità, ta’ intensità tal-kulur, ta’ opaċità (setgħa ta’ ħabi) ta’ dispersibbiltà, ta’ reżistenza għall-kundizzjonijiet tat-temp, ta’ stabbiltà fis-sħana jew ta’ nuqqas ta’ lissija, jew kombinazzjoni ta’ dawn, tista’ teknikament tintlaħaq biss permezz tal-użu tal-imsemmija sustanzi u li din il-prestazzjoni tkun meħtieġa għall-użu previst.

    18

    L-Artikolu 1(3)(ċ) ta’ din id-deċiżjoni jillimita għal 2100 tunnellata fis-sena l-kwantità ta’ sulfokromat taċ-ċomb isfar u għal 900 tunnellata fis-sena l-kwantità ta’ sulfat tal-molibdat tal-kromat taċ-ċomb aħmar li jistgħu jitqiegħdu fis-suq mid-detentur tal-awtorizzazzjoni għall-użi awtorizzati.

    19

    Skont l-Artikolu 1(3)(d) tad-deċiżjoni kontenzjuża, l-awtorizzazzjoni għall-użi kollha hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-utenti downstream tad-detentur tal-awtorizzazzjoni jipprovdu lill-ECHA, l-iktar tard sat‑30 ta’ Ġunju 2017, informazzjoni dwar l-adattatezza u d-disponibbiltà tal-alternattivi għall-użi kkonċernati, filwaqt li jiġġustifikaw b’mod iddettaljat in-neċessità li jużaw is-sustanzi inkwistjoni.

    20

    Barra minn hekk, mill-Artikolu 1(3)(e) tad-deċiżjoni kontenzjuża, jirriżulta li l-awtorizzazzjoni hija suġġetta għall-kundizzjoni li d-detentur tagħha jippreżenta lill-Kummissjoni, l-iktar tard sal‑31 ta’ Diċembru 2017, rapport li jinkludi l-elementi msemmija fl-Artikolu 1(3)(d) ta’ din id-deċiżjoni. Id-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu jirfina, fir-rapport tiegħu, id-deskrizzjoni tal-użi awtorizzati fuq il-bażi tal-informazzjoni dwar l-alternattivi, kif ipprovduta mill-utenti downstream.

    21

    L-Artikolu 1(4) tad-deċiżjoni kontenzjuża jipprevedi, essenzjalment, fir-rigward tal-użi għas-sinjali tat-triq, li l-awtorizzazzjoni ma għandhiex tapplika fl-Istati Membri li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom tipprojbixxi l-użu tal-kromati taċ-ċomb għal dawn is-sinjali.

    22

    Fl-aħħar nett, abbażi tal-Artikolu 2(2) ta’ din id-deċiżjoni, il-perijodu ta’ reviżjoni msemmi fl-Artikolu 60(9)(e) tar-Regolament REACH jiskadi fil‑21 ta’ Mejju 2019 għal żewġ użi tas-sustanzi inkwistjoni, jiġifieri l-użu minn professjonisti taż-żebgħat fuq uċuħ tal-metall u l-użu minn professjonisti ta’ taħlitiet lesti minn qabel u ta’ komposti f’forma likwida jew solida lesti minn qabel ta’ kulur li fih pigmenti għall-applikazzjoni ta’ sinjali tat-triq termoplastiċi, u fil‑21 ta’ Mejju 2022 għall-erba’ l-użi l-oħra awtorizzati mill-imsemmija deċiżjoni.

    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

    23

    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ Novembru 2016, ir-Renju tal-Isvezja ppreżenta rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

    24

    Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali annullat din id-deċiżjoni, minħabba li l-Kummissjoni kienet wettqet żball ta’ liġi fl-eżami tan-nuqqas ta’ disponibbiltà tas-sustanzi alternattivi.

    It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    25

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha, prinċipalment, tannulla s-sentenza appellata u tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali u, sussidjarjament, fil-każ li l-appell jiġi miċħud, li tordna li jinżammu l-effetti tad-deċiżjoni annullata. L-ECHA intervjeniet insostenn tal-Kummissjoni.

    26

    Ir-Renju tal-Isvezja jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell fit-totalità tiegħu, kif ukoll it-talba għaż-żamma tal-effetti tad-deċiżjoni annullata. Ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Finlandja u l-Parlament Ewropew intervjenew insostenn tar-Renju tal-Isvezja.

    Fuq l-appell

    Dwar it-talbiet, prinċipali, intiżi għall-annullament tas-sentenza appellata

    27

    Insostenn ta’ dawn it-talbiet, il-Kummissjoni tinvoka tliet aggravji.

    Fuq l-ewwel aggravju

    – L-argumenti tal-partijiet

    28

    Għalkemm il-Kummissjoni ma tikkontestax il-pożizzjoni magħżula mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, li tgħid li huwa l-applikant li għandu jistabbilixxi l-assenza ta’ soluzzjoni teknikament u ekonomikament vijabbli għall-użi msemmija, hija tikkritika, min-naħa l-oħra, il-livell ta’ prova mitlub minn din il-qorti. Il-Qorti Ġenerali allegatament imponiet livell ta’ prova impossibbli li jintlaħaq, meta ddeċidiet, fil-punt 79 tas-sentenza appellata, li meta “ikun għad hemm inċertezzi fir-rigward tal-kundizzjoni marbuta man-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi, għandu jiġi konkluż li l-applikant ma ssodisfax l-oneru tal-prova”. Fil-fatt, kull evalwazzjoni teknika u xjentifika tkun min-natura tagħha stess ivvizzjata minn inċertezza, minħabba s-sempliċi fatt li din tista’ tiġi kkonfutata mill-informazzjoni li ma kinitx disponibbli meta din twettqet. L-istess żball ta’ liġi ġie rrepetut fil-punti 81, 85, 86, 90 u 101 tas-sentenza appellata.

    29

    Il-Kummissjoni tammetti li fis-suq jeżistu alternattivi għall-użi msemmija, iżda hija tosserva li dawn ma joffrux l-istess prestazzjonijiet bħas-sustanza inkwistjoni. Issa, sa fejn applikat livell ta’ żero għat-telf ta’ prestazzjoni tal-alternattivi u sa fejn l-alternattivi proposti ma kinux jilħqu l-livell ta’ prestazzjoni teknika mixtieqa, il-Kummissjoni tqis li hija kienet iġġustifikata meta qieset li ma kienet teżisti l-ebda alternattiva teknikament vijabbli.

    30

    Ir-Renju tal-Isvezja, Ir-Renju tad-Danimarka u l-Parlament jitolbu li dan l-aggravju jiġi miċħud bħala inammissibbli. L-istess bħar-Repubblika tal-Finlandja, huma jqisu wkoll li dan ma huwiex fondat.

    – L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

    31

    Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali imponiet fuq l-applikant livell ta’ prova impossibbli li jintlaħaq meta talbitu juri, b’mod li ma jħalli l-ebda inċertezza, in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi teknikament u ekonomikament vijabbli għall-użi msemmija. Tali impożizzjoni, irrepetuta fil-punti 79, 81, 85, 86, 90 u 101 tas-sentenza appellata, hija vvizzjati minn żball ta’ liġi.

    32

    Madankollu, ikkunsidrati fil-kuntest tagħhom, dawn il-punti tas-sentenza appellata ma jistgħux jiġu interpretati bħala li jimponu fuq l-applikant għall-awtorizzazzjoni jew fuq il-Kummissjoni l-obbligu li jistabbilixxu b’ċertezza assoluta n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi teknikament u ekonomikament vijabbli għal sustanza partikolari u għal użu speċifiku.

    33

    Għandu jiġi osservat, fil-fatt, li l-punt 79 tas-sentenza appellata huwa r-riżultat ta’ konstatazzjonijiet mhux ikkontestati, imwettqa mill-Qorti Ġenerali fiż-żewġ punti preċedenti ta’ dik is-sentenza. Fil-punt 77 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet, ġustament, mill-approssimazzjoni tal-Artikolu 60(4) u tal-premessa 69 tar-Regolament REACH li huwa l-applikant għall-awtorizzazzjoni li għandu juri li ma hija disponibbli l-ebda alternattiva xierqa. Fil-punt segwenti tal-imsemmija sentenza, hija ddeċidiet, ġustament, li l-Artikolu 60(4) u (5) tar-Regolament REACH jimponu fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tivverifika li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 60(4) huma effettivament issodisfatti. Fil-punt 79 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, essenzjalment, abbażi taż-żewġ punti preċedenti ta’ dik is-sentenza li jekk, wara l-eżami tagħha u fid-dawl tal-elementi kollha prodotti mill-applikant u minn persuni oħra jew miġbura minnha stess, il-Kummissjoni tqis li l-applikant ma pproduċiex il-prova li huwa għandu l-oneru li jipproduċi, din l-istituzzjoni għandha tirrifjuta l-awtorizzazzjoni mitluba. Għalhekk, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-appellanti, il-punt 79 tal-imsemmija sentenza ma tinkludix evalwazzjoni dwar il-“livell ta’ prova” impost fuq l-applikant jew ammissibbli mill-Kummissjoni.

    34

    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punti 81 u 85 tas-sentenza appellata, li għandhom jinqraw flimkien, li d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni ma għandhiex tkun ibbażata biss fuq ipoteżi li ma kienet la kkonfermata u lanqas miċħuda mill-informazzjoni li din tal-aħħar kellha, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2009, Il‑Kummissjoni vs MTU Friedrichshafen, C‑520/07 P, EU:C:2009:557, punti 5253). Dawn iż-żewġ punti tas-sentenza appellata ma jistgħux, għalhekk, jiġu interpretati bħala li jobbligaw lill-Kummissjoni teżiġi, mill-applikant għall-awtorizzazzjoni, livell ta’ prova mhux raġonevoli.

    35

    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali aċċettat, fil-punt 86 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni tista’ toħroġ l-awtorizzazzjoni mitluba meta l-inċertezzi li jifdal f’dan ir-rigward ikunu negliġibbli, dejjem sakemm l-istituzzjoni tiddeċiedi wara li tkun wettqet eżami fil-fond u wara li tkun ivverifikat numru suffiċjenti ta’ informazzjoni sostanzjali u affidabbli, li l-Qorti Ġenerali qieset li ma kienx il-każ fil-kawża preżenti. Għalhekk, hija ma qisitx li l-Kummissjoni ma hijiex awtorizzata li tħalli li jkun hemm xi inċertezza dwar in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi.

    36

    Fl-aħħar nett, il-punt 90 tas-sentenza appellata, li fih jissemmew ċerti elementi mressqa quddiem il-Kummissjoni matul il-proċedura ta’ konsultazzjoni pubblika, u l-punt 101 ta’ din is-sentenza, li fih il-Qorti Ġenerali osservat li l-Kummissjoni ma kinitx spjegat ir-raġunijiet li għalihom l-alternattivi msemmija mir-Renju tal-Isvezja ma setgħux jintużaw, ma jirrigwardawx il-livell ta’ prova li l-Kummissjoni kellha teżiġi. L-imsemmi punt 101, b’mod partikolari, jesprimi pjuttost in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża f’dak li jirrigwarda n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi għall-kromati taċ-ċomb.

    37

    Minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li, mingħajr il-ħtieġa li tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tal-ewwel aggravju, dan għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    Fuq it-tielet aggravju

    – L-argumenti tal-partijiet

    38

    Permezz tat-tielet aggravju tagħha, li għandu jiġi eżaminat qabel it-tieni wieħed, il-Kummissjoni ssostni, permezz tal-ewwel parti tiegħu, li l-Qorti Ġenerali interpretat ħażin, fir-raġunament kollu tagħha u, b’mod partikolari, fil-punti 86, 97 u 98 tas-sentenza appellata, il-fatt li d-deċiżjoni kontenzjuża tikkostitwixxi awtorizzazzjoni parzjali ta’ ċerti użi tal-kromati taċ-ċomb li fir-rigward tagħhom kien ġie kkonstatat li ma kienx hemm alternattivi vijabbli, u mhux awtorizzazzjoni għall-użi kollha msemmija fl-applikazzjoni. Id-deċiżjoni kontenzjuża tagħti awtorizzazzjoni biss f’dak li jirrigwarda l-użi li għalihom ma kien hemm l-ebda alternattiva.

    39

    Permezz tat-tieni parti tat-tielet aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-kundizzjonijiet previsti fid-deċiżjoni kontenzjuża kienu juru li n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi ma kinitx ġiet ikkonstatata debitament. Il-Kummissjoni tqis li għandu jkun possibbli li l-portata tal-awtorizzazzjoni tiġi ddelimitata permezz ta’ kriterji oġġettivi u li l-użi awtorizzati jiġu ddefiniti b’riferiment għall-funzjonalitajiet imfittxija, hekk kif sar fl-Artikolu 1(3)(d) u (e) tad-deċiżjoni kontenzjuża. Hija ssostni li ma ddelegatx lill-awtoritajiet kompetenti l-missjoni diskrezzjonali li jevalwaw l-alternattivi u li l-ebda silta tal-imsemmija deċiżjoni ma tista’ tinftiehem f’dan is-sens. Il-fatt li l-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ awtorizzazzjoni tiġi mfixkla man-nuqqas ta’ twettiq tal-evalwazzjoni tal-alternattivi, jew il-fatt li ma jiġix aċċettat li l-Istati Membri jistgħu jwettqu kompiti ta’ kontroll tal-konformità u ta’ verifikazzjoni fil-kuntest tas-sistema ta’ awtorizzazzjoni ta’ sustanza speċifika, ikun ifisser li jiġi injorat it-tqassim tal-kompetenzi previst mir-Regolament REACH u jista’ jkollu konsegwenzi ħżiena fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent.

    40

    Ir-Renju tal-Isvezja, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Finlandja u l-Parlament jitolbu li t-tielet aggravju jiġi miċħud fuq il-mertu, ir-Renju tad-Danimarka barra minn hekk isostni wkoll li dan huwa inammissibbli.

    – L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

    41

    Permezz tat-tielet aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli interpretat ħażin id-deċiżjoni kontenzjuża billi qieset, fil-punti 86, 97 u 98 tas-sentenza appellata, minn naħa, li din tawtorizza l-użi kollha msemmija fl-applikazzjoni filwaqt li din tagħti biss awtorizzazzjoni parzjali u, min-naħa l-oħra li hija ma kinitx ikkompletat l-evalwazzjoni tagħha tan-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-alternattivi, konformement mal-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH.

    42

    Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li, fl-ebda wieħed mill-punti ċċitati, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ma qieset li d-deċiżjoni kontenzjuża tawtorizza l-użi kollha msemmija fl-applikazzjoni. Bil-kontra ta’ dan, meta interpretat l-Artikolu 1(1) u (2) ta’ din id-deċiżjoni, fil-punt 97 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali kkonstatat li “il-fatt li jiġi indikat li l-użu tal-kromati taċ-ċomb inkwistjoni f’dan il-każ huwa limitat biss għal dawk il-każijiet li fihom il-prestazzjoni tal-kompożizzjonijiet ta’ sustanzi li fihom dawn kromati hija verament neċessarja huwa ekwivalenti għal li jiġi ddikjarat li, kull darba li jidentifika alternattiva, l-utent downstream għandu jastjeni milli juża l-kromati taċ-ċomb inkwistjoni f’dan il-każ”. Konsegwentement, l-ewwel parti invokata insostenn tat-tielet aggravju, ma hijiex sostnuta mill-fatti.

    43

    Fit-tieni lok, huwa minnu li l-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet eżami suffiċjenti tal-alternattivi. Sabiex waslet għal din id-deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 81 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH ma jippermettix li l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni abbażi ta’ sempliċi ipoteżi, fatt li ma huwiex ikkontestat mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ appell. Sussegwentement, hija esponiet, b’mod partikolari fil-punti 97 u 98 imsemmija mill-Kummissjoni, il-kunsiderazzjonijiet li jwassluha sabiex tiddeċiedi li din tal-aħħar ma kienx irnexxielha toħroġ mill-istat ta’ inċertezza li fih kienet tinstab fir-rigward tad-disponibbiltà ta’ alternattivi.

    44

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li, fil-punt 97 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali interpretat f’dan is-sens il-fatt li l-Kummissjoni, fl-Artikolu 1(1) u (2) tad-deċiżjoni kontenzjuża, illimitat formalment l-awtorizzazzjoni tal-użu tal-kromati taċ-ċomb inkwistjoni biss għall-każijiet li fihom dan l-użu kien neċessarju. Għalkemm din l-istituzzjoni tikkritika din l-interpretazzjoni u ssostni li hija tat biss awtorizzazzjoni limitata għal ċerti użi, għandu, madankollu, jiġi osservat li fir-realtà r-restrizzjoni prevista fl-Artikolu 1(1) u (2) ta’ din id-deċiżjoni ma hijiex restrizzjoni, għaliex hija tillimita ruħha li tfakkar waħda mill-kundizzjonijiet ġenerali tal-awtorizzazzjoni ta’ sustanza ta’ tħassib serju prevista fl-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH, u li konsegwentement ma huwiex possibbli li l-portata ta’ din ir-restrizzjoni tiġi ddefinita.

    45

    It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 98 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 1(3)(d) tad-deċiżjoni kontenzjuża kien jittraduċi l-istess inċertezza tal-Kummissjoni, sa fejn dan kien jimponi fuq l-utenti downstream tad-detentur tal-awtorizzazzjoni l-obbligu li jipprovdu lill-ECHA, l-iktar tard sat‑30 ta’ Ġunju 2017, informazzjoni dwar l-adattatezza u d-disponibbiltà tal-alternattivi, filwaqt li jiġġustifikaw b’mod iddettaljat in-neċessità li jużaw is-sustanzi inkwistjoni. Fil-fatt, din l-indikazzjoni tfisser li l-utenti downstream jintalbu jipprovdu informazzjoni addizzjonali intiża għall-evalwazzjoni tal-kundizzjoni ta’ nuqqas ta’ disponibbiltà tal-alternattivi għall-użi inkwistjoni, wara li dawn l-użi jkunu ġew awtorizzati mill-Kummissjoni. Issa, l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH ma jippermettix li l-Kummissjoni tawtorizza l-użu ta’ sustanza ta’ tħassib serju jekk din tista’ tiġi ssostitwita b’sustanza oħra xierqa. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma tistax tagħti tali awtorizzazzjoni qabel ma tkun ikkonstatat debitament l-assenza ta’ alternattiva.

    46

    Minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li l-Qorti Ġenerali kienet iġġustifikata meta ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet naqset milli tosserva l-obbligu impost fuqha li tivverifika n-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-alternattivi għad-diversi użi inkwistjoni tal-kromati taċ-ċomb. Għalhekk, it-tieni parti invokata insostenn tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda.

    47

    Minn dan isegwi li, mingħajr il-ħtieġa li tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tiegħu, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    Fuq it-tieni aggravju

    – L-argumenti tal-partijiet

    48

    Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali kienet żbaljata, b’mod partikolari fil-punti 86, 90 u 96 tas-sentenza appellata, dwar il-portata tal-istħarriġ li hija għandha twettaq fuq l-evalwazzjoni tal-fattibbiltà teknika u ekonomika tal-alternattivi. Il-Qorti Ġenerali ssostitwixxiet ruħha għall-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-ibbilanċjar tal-kunsiderazzjonijiet soċjali, ekonomiċi u tekniċi, billi injorat is-setgħa ta’ evalwazzjoni li hija għandha.

    49

    Il-Qorti Ġenerali allegatament qieset, fil-punti 86 u 90, li kien għad hemm, għall-Kummissjoni, inċertezza fir-rigward tal-assenza ta’ alternattivi u li din, b’konsegwenza ta’ dan, interpretat ħażin id-dover tagħha ta’ diliġenza. Issa, tali inċertezza ma tirriżultax mid-deċiżjoni kontenzjuża, li, bil-kontra ta’ dan, tindika b’mod ċar li l-Kummissjoni kienet diskrezzjonalment għażlet li tapplika livell li jippreżupponi li s-sustanzi ta’ sostituzzjoni ma kinux joffru prestazzjoni teknika inferjuri, u wara qieset li l-ebda alternattiva ma kienet tilħaq dan il-livell. Il-Qorti Ġenerali emmnet li setgħet tiddikjara inċertezza u, b’konsegwenza ta’ dan, imputat nuqqas ta’ diliġenza fuq il-Kummissjoni, minħabba li naqset li tagħmel distinzjoni bejn dawn iż-żewġ fażijiet. Issa, ma huwiex possibbli li fattibbiltà teknika ta’ alternattiva tiġi evalwata mingħajr ma jiġi deċiż, minn qabel, diskrezzjonalment dwar il-livell ta’ telf ta’ prestazzjonijiet li jista’ jitqies bħala aċċettabbli.

    50

    Dan huwa għaliex l-evalwazzjoni tal-alternattivi taqa’ taħt stħarriġ ta’ żball manifest, kif barra minn hekk iddeċidiet ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punti 246 u 248 tas-sentenza tagħha tal‑4 ta’ April 2019, ClientEarth (T‑108/17, EU:T:2019:215). Issa, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma kkonstatat li l-Kummissjoni kienet wettqet tali żball manifest fl-iffissar tal-livell ta’ telf ta’ prestazzjonijiet tekniċi aċċettabbli jew fl-evalwazzjoni, fir-rigward ta’ dan il-livell, tal-alternattivi disponibbli.

    51

    Ir-Renju tal-Isvezja, ir-Renju tad-Danimarka u l-Parlament jitolbu li t-tieni aggravju jiġi miċħud bħala inammissibbli. F’kull każ, huma jqisu, l-istess bħar-Repubblika tal-Finlandja, li dan l-aggravju ma huwiex fondat.

    – L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

    52

    Permezz tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali kienet żbaljata, b’mod partikolari fil-punti 86, 90 u 96, dwar is-setgħa ta’ evalwazzjoni li hija għandha abbażi tal-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH fl-iffissar tal-livell għat-telf tal-prestazzjonijiet tekniċi u, għaldaqstant, dwar l-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju li hija għandha twettaq fir-rigward tad-deċiżjonijiet tagħha meħuda b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

    53

    Fl-ewwel lok, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li l-punt 86 tas-sentenza appellata ma jinkludi l-ebda dikjarazzjoni ta’ natura ġenerali dwar is-setgħa ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni għandha fl-iffissar tal-livell għat-telf tal-prestazzjonijiet tekniċi. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali kkritikat l-evalwazzjoni li l-Kummissjoni għamlet tal-kundizzjoni marbuta man-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi. Il-Kummissjoni tat l-awtorizzazzjoni b’mod prematur, qabel ma kkompletat debitament l-eżami ta’ din il-kundizzjoni. L-imsemmi punt 86 għalhekk jinvolvi biss evalwazzjoni tal-fatti li ma għandhiex, bħala prinċipju, tiġi mistħarrġa mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

    54

    Tali dikjarazzjoni lanqas ma tirriżulta mill-punti 90 u 96 tas-sentenza appellata. Fil-fatt, fil-punt 90 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha li tirrepeti li, skont waħda mill-partijiet li ħadet sehem fil-proċedura ta’ konsultazzjoni pubblika, seta’ jiġi konkluż li, taħt ċerti kundizzjonijiet, kienu disponibbli alternattivi fis-suq tal-Unjoni għall-użi kollha msemmija fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni. Bl-istess mod, fil-punt 96 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali sempliċement iddeċidiet li mill-premessi 8, 9 u 12 tad-deċiżjoni kontenzjuża kien jirriżulta li, fid-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kien għad kellha dubji dwar in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi teknikament fattibbli għall-użi kollha msemmija fl-applikazzjoni. Konsegwentement, l-ebda wieħed minn dawn iż-żewġ punti tas-sentenza appellata ma huwa vvizzjat mill-iżball ta’ liġi invokat.

    55

    Jekk jitqies li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tinvoka żnaturament tal-fatti mill-Qorti Ġenerali, mill-fajl ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta b’mod ċar li tali lment ma huwiex fondat. Fil-fatt, l-imsemmi lment huwa kontradett mill-atti tal-proċess u, b’mod partikolari, mid-deċiżjoni kontenzjuża nnifisha. F’dan ir-rigward, hekk kif ġie osservat fil-punti 44 u 45 ta’ din is-sentenza, huwa manifest li din id-deċiżjoni tiżvela l-istat ta’ inċertezza kontinwa li fiha kienet tinstab il-Kummissjoni fir-rigward tan-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi.

    56

    Fl-aħħar nett, meta taċċetta li d-deċiżjoni kontenzjuża tista’ titqies bħala bbażata fuq l-applikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ livell ta’ żero għat-telf ta’ prestazzjonijiet tekniċi, din tivvizzja l-imsemmija deċiżjoni b’illegalità, peress li tirriżulta minn interpretazzjoni tal-Artikolu 60 tar-Regolament REACH li tmur kompletament kontra l-għan innifsu ta’ din tal-aħħar. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari kemm mill-premessi 4, 12, 70 u 73 kif ukoll mill-Artikolu 55 tiegħu, dan ir-regolament huwa intiż li jiffavorixxi s-sostituzzjoni ta’ sustanzi ta’ tħassib serju b’sustanzi oħra xierqa. Issa, il-fatt li jiġi deċiż li bħala prinċipju s-sostituzzjoni għandha titwettaq mingħajr ma jkun hemm l-ebda tnaqqis ta’ prestazzjoni, mhux biss talli jammonta għal żieda ta’ kundizzjoni mhux prevista mill-imsemmi regolament, iżda huwa wkoll ta’ natura li jostakola din is-sostituzzjoni u, konsegwentement, iċaħħad lill-imsemmi regolament minn parti kbira tal-effett utli tiegħu.

    57

    Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni ma kinitx ikkompletat l-eżami tan-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi u li, għal din ir-raġuni, ma huwiex possibbli li l-awtorizzazzjoni tingħata b’mod validu. Issa, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata talli ssostitwixxiet ruħha għall-Kummissjoni sabiex tevalwa l-alternattivi, kemm-il darba din, bil-kontra ta’ dan, ibbażat ruħha fuq l-evalwazzjoni ta’ dawn l-alternattivi magħmula mill-Kummissjoni, hekk kif din tirriżulta mid-deċiżjoni kontenzjuża, u fuq l-inċertezzi li kien għad hemm fir-rigward tan-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi li jirriżultaw minn din id-deċiżjoni nnifisha.

    58

    Għaldaqstant, mingħajr il-ħtieġa li tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tiegħu, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud.

    59

    Minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li t-talbiet fl-appell intiżi għall-annullament tas-sentenza appellata għandhom jiġu miċħuda.

    Fuq it-talbiet, magħmula sussidjarjament, intiżi għaż-żamma provviżorja tal-effetti tad-deċiżjoni kontenzjuża

    – L-argumenti tal-partijiet

    60

    Il-Kummissjoni tammetti li quddiem il-Qorti Ġenerali hija ddefendiet pożizzjoni żbaljata fir-rigward tal-effetti legali tal-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, meta sostniet li l-konsegwenza tal-annullament ta’ din id-deċiżjoni tkun il-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq tas-sustanzi inkwistjoni. Dan ir-raġunament ġie rrepetut mill-Qorti Ġenerali u mill-partijiet l-oħra fil-kawża.

    61

    Issa, l-Artikolu 56(1) tar-Regolament REACH jipprevedi sistema tranżitorja li fiha applikant jista’ jqiegħed fis-suq is-sustanza li għaliha huwa talab l-awtorizzazzjoni, sal-mument ta’ meta l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni. Għal din ir-raġuni, il-konsegwenza tal-annullament ta’ din id-deċiżjoni tkun li terġa’ tiġi stabbilita s-sitwazzjoni ġuridika li kienet teżisti qabel l-adozzjoni tagħha, jiġifieri s-sistema tranżitorja li fiha t-tqegħid fis-suq tas-sustanza huwa awtorizzat. L-annullament b’effett immedjat tal-imsemmija deċiżjoni għalhekk għandu jipproduċi effetti li jmorru kontra l-għan li għalih il-Qorti Ġenerali rrifjutat iż-żamma provviżorja tal-effetti tad-deċiżjoni annullata, jiġifieri l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

    62

    Il-Kummissjoni titlob ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tħassar il-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata u tordna li l-effetti tad-deċiżjoni kontenzjuża jinżammu, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

    63

    L-ECHA tiddikjara li ssostni dawn it-talbiet tal-Kummissjoni.

    64

    Ir-Renju tal-Isvezja, ir-Renju tad-Danimarka u r-Repubblika tal-Finlandja jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad dawn it-talbiet.

    – L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

    65

    L-uniku aggravju ppreżentat insostenn tat-talbiet sussidjarji tal-appell huwa bbażat fuq l-iżball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet fil-punt 112 tas-sentenza appellata f’dak li jirrigwarda l-effetti tal-annullament deċiż minnha.

    66

    Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, f’dan ir-rigward, li l-annullament b’effett immedjat tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni għandu jipprekludi lill-applikant, DCC Maastricht, milli jkompli jikkummerċjalizza l-pigmenti inkwistjoni u li, għalkemm tali annullament kellu x’aktarx jinvolvi konsegwenzi negattivi gravi għal din il-kumpannija, dan huwa ġġustifikat mill-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem mill-effetti ta’ dawn is-sustanzi perikolużi.

    67

    Madankollu, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti, l-annullament pur u sempliċi tad-deċiżjoni kontenzjuża kellu, bil-kontra ta’ dan, l-effett li jawtorizza lil DCC Maastricht tkompli tikkummerċjalizza l-pigmenti inkwistjoni sakemm il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni ġdida, hekk kif ippreveda l-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-digriet tiegħu għal miżuri provviżorji tal‑21 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Isvezja, (C‑389/19 P-R, mhux ippubblikat, EU:C:2019:1007, punt 60). Fil-fatt, l-awtorizzazzjonijiet inkwistjoni kienu ngħataw minn regolament preċedenti, jiġifieri r-Regolament Nru 125/2012, sal‑21 ta’ Mejju 2015.

    68

    Issa, abbażi tad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 56(1)(d) u tal-Artikolu 58(1)(ċ) tar-Regolament REACH, it-tkomplija tal-użi diġà awtorizzati hija permessa wara d-data tal-iskadenza tal-awtorizzazzjoni tagħhom sakemm tingħata deċiżjoni dwar l-applikazzjoni l-ġdida għal awtorizzazzjoni, dejjem sakemm din tal-aħħar tkun saret minn tal-inqas 18-il xahar qabel id-data tal-iskadenza tal-awtorizzazzjoni. DCC Maastricht, peress li talbet awtorizzazzjoni ġdida fit-terminu indikat, ibbenefikat minn din is-sistema tranżitorja sal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża u għalhekk reġgħet kisbet dan il-benefiċċju insegwitu għall-annullament b’effett immedjat ta’ din tal-aħħar.

    69

    Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punt 112 tas-sentenza appellata billi interpretat ħażin is-sistema tranżitorja prevista fl-Artikolu 56(1)(d) u fl-Artikolu 58(1)(ċ) tar-Regolament REACH. Peress li t-talbiet magħmula sussidjarjament mill-Kummissjoni huma fondati, hemm lok li l-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata jiġi annullat.

    Fuq it-tilwima fil-kawża prinċipali

    70

    Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ tiddeċiedi hija nnifisha definittivament it-tilwima, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

    71

    Dan huwa l-każ fil-kawża preżenti. Hemm lok, għalhekk, li tiġi eżaminata t-talba intiża għaż-żamma tal-effetti tad-deċiżjoni annullata magħmula mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali u li reġgħet saret quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    72

    Skont kliem it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, jekk hija tqis li huwa neċessarju, tindika dawk mill-effetti ta’ att annullat li għandhom jiġu meqjusa definittivi. Sabiex teżerċita s-setgħa mogħtija lilha minn dan l-artikolu, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u ta’ interessi oħra pubbliċi jew privati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Settembru 2012, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑490/10, EU:C:2012:525, punt 91; tat‑22 ta’ Ottubru 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑137/12, EU:C:2013:675, punt 81; tal24 ta’ Ġunju 2014, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑658/11, EU:C:2014:2025, punti 9091, kif ukoll tas‑7 ta’ Settembru 2016, Il‑Ġermanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑113/14, EU:C:2016:635, punt 83).

    73

    Hekk kif ġie espost fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża għandu l-effett li jestendi t-tul tal-awtorizzazzjoni tal-pigmenti inkwistjoni sal‑21 ta’ Mejju 2015. Issa, id-deċiżjoni kontenzjuża tillimita, f’ċerti rigwardi, l-użu ta’ dawn is-sustanzi ta’ tħassib serju. Għalhekk, l-Artikolu 1(3)(ċ) tagħha jillimita għal 2 100 tunnellata fis-sena l-kwantità ta’ sulfokromat taċ-ċomb isfar u għal 900 tunnellata fis-sena l-kwantità ta’ sulfat tal-molibdat tal-kromat taċ-ċomb aħmar li jistgħu jitqiegħdu fis-suq mid-detentur tal-awtorizzazzjoni għall-użi awtorizzati. Bl-istess mod, abbażi tal-Artikolu 2(2) ta’ din id-deċiżjoni, il-perijodu ta’ reviżjoni msemmi fl-Artikolu 60(9)(e) tar-Regolament REACH f’dak li jirrigwarda żewġ użi speċifiċi ta’ żewġ pigmenti tal-kromat taċ-ċomb, jiġifieri l-użu minn professjonisti taż-żebgħat fuq uċuħ tal-metall jew l-użu minn professjonisti ta’ taħlitiet lesti minn qabel u ta’ komposti f’forma likwida jew solida lesti minn qabel ta’ kulur li fih pigmenti għall-applikazzjoni ta’ sinjali tat-triq termoplastiċi, kien jiskadi fil‑21 ta’ Mejju 2019 li kieku d-deċiżjoni kontenzjuża ma ġietx annullata jew li kieku nżammu l-effetti tagħha. Fil-fatt, id-detentur tal-awtorizzazzjoni ma kienx ippreżenta fit-termini stabbiliti l-applikazzjonijiet għal eżami mill-ġdid għal dawn l-użi speċifiċi.

    74

    Minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li ċ-ċaħda tat-talba għaż-żamma tal-effetti tad-deċiżjoni kontenzjuża tkattar ir-riskju li jkun hemm dannu gravi u irreparabbli għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent. B’konsegwenza ta’ dan, hemm lok li tiġi ordnata ż-żamma tal-effetti ta’ din id-deċiżjoni sakemm il-Kummissjoni tiddeċiedi mill-ġdid dwar l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ppreżentata minn DCC Maastricht.

    Fuq l-ispejjeż

    75

    Skont kliem l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta’ appell abbażi tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Issa, għalkemm il-Kummissjoni tilfet fir-rigward tal-parti l-kbira tat-talbiet tagħha f’din il-kawża, la r-Renju tal-Isvezja u lanqas xi intervenjent ieħor insostenn ta’ dan tal-aħħar ma talbu li l-Kummissjoni, jew l-ECHA li intervjeniet insostenn ta’ din tal-aħħar, jiġu kkundannati għall-ispejjeż. B’konsegwenza ta’ dan hemm lok li jiġi deċiż li kull parti u kull intervenjent għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom sostnuti fil-proċedura tal-appell.

     

    Għal dawn ir-raġunijiet, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Il-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑7 ta’ Marzu 2019, l-Isvezja vs Il‑Kummissjoni (T‑837/16, EU:T:2019:144), huwa annullat.

     

    2)

    Il-kumplament tal-appell huwa miċħud.

     

    3)

    L-effetti tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C (2016) 5644 finali tas‑7 ta’ Settembru 2016 li tawtorizza għal ċerti użi s-sulfokromat taċ-ċomb isfar u s-sulfat tal-molibdat tal-kromat taċ-ċomb aħmar taħt ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, huma miżmuma sakemm il-Kummissjoni Ewropea tiddeċiedi mill-ġdid dwar l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ppreżentata minn DCC Maastricht BV.

     

    4)

    Il-Kummissjoni Ewropea, ir-Renju tal-Isvezja, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Finlandja, il-Parlament Ewropew u l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati mal-proċedura ta’ appell.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.

    Top