Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0267

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tas-7 ta’ Mejju 2020.
Parking d.o.o. vs Sawal d.o.o u Interplastics s.r.o. vs Letifico d.o.o.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Trgovački sud u Zagrebu.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Nutara li jaġixxu fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ eżekuzzjoni forzata fuq il-bażi ta’ dokument awtentiku – Proċedura mhux kontradittorja – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Artikolu 18 TFUE – Dritt għal smigħ xieraq – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
Kawżi magħquda C-267/19 u C-323/19.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:351

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

7 ta’ Mejju 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Nutara li jaġixxu fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ eżekuzzjoni forzata fuq il-bażi ta’ dokument awtentiku – Proċedura mhux kontradittorja – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Artikolu 18 TFUE – Dritt għal smigħ xieraq – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”

Fil-Kawżi magħquda C‑267/19 u C‑323/19,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Trgovački sud u Zagrebu (il-Qorti Kummerċjali ta’ Żagreb, il-Kroazja), permezz ta’ deċiżjonijiet tal-20 ta’ Marzu 2019 (C‑267/19) u tat-8 ta’ April 2019 (C‑323/19), li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja, rispettivament, fit-28 ta’ Marzu u fit-18 ta’ April 2019, fil-proċeduri

Parking d.o.o.

vs

Sawal d.o.o. (C‑267/19),

u

Interplastics s. r. o.

vs

Letifico d.o.o. (C‑323/19),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn M. Safjan, President tal-Awla, C. Toader (Relatur) u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Parking d.o.o., minn M. Kuzmanović, odvjetnik,

għal Interplastics s.r.o., minn M. Praljak, odvjetnik,

għall-Gvern Kroat, minn G. Vidović Mesarek, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin u M. Mataija, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawżi jinqatgħu mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jikkonċernaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), tal-Artikolu 18 TFUE, tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1), kif ukoll tas-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2017, Zulfikarpašić (C‑484/15, EU:C:2017:199), u Pula Parking (C‑551/15, EU:C:2017:193).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ tilwimiet bejn, fl-ewwel tilwima, Parking d.o.o. u Sawal d.o.o., u, fit-tieni tilwima, Interplastics s. r. o. u Letifico d.o.o., dwar talbiet għall-irkupru ta’ dejn mhux imħallas.

Il-kuntest ġuridiku

Il-KEDB

3

L-Artikolu 6 tal-KEDB, intitolat “Id-dritt għal proċediment ġust”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fid-determinazzjoni tad-drittijiet ċivili u tal-obbligi tiegħu jew ta’ xi akkuża kriminali kontra tiegħu, kulħadd huwa ntitolat għal smigħ imparzjali u pubbliku fi żmien raġonevoli minn tribunal indipendenti u imparzjali mwaqqaf b’liġi. […]”

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament (KE) Nru 805/2004

4

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar [titolu eżekuttiv Ewropew] għal talbiet mhux kontestati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 38), jipprevedi:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għal sentenzi, settlement tal-qorti, u strumenti awtentiċi dwar talbiet mhux kontestati.

Talba titqies bħala mhux kontestata jekk:

(a)

id-debitur ikun espressament qabel miegħu billi ammetta jew permezz ta’ settlement li ikun ġie approvat minn qorti jew konkluż quddiem qorti fil-kors ta’ proċeduri; jew

(b)

id-debitur ma jkun oġġezzjoni qatt għalih, b’konformità mal-ħtiġiet relevanti proċedurali taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini, fil-kors tal-proċeduri tal-qorti; jew

(ċ)

id-debitur ma jkunx deher jew ġie rappreżentat fis-smigħ tal-qorti fir-rigward ta’ dik it-talba wara li kien inizjalment oġġezzjoni għat-talba fil-kors tal-proċeduri tal-qorti, kemm-il darba dak il-koportament ikun jammonta għal ammissjoni siekta tat-talba jew tal-fatti allegati mill-kreditur taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini; jew

(d)

id-debitur ikun espressament qabel li jkun strument awtentiku.”

Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012

5

Il-premessi 4 u 10 tar-Regolament Nru 1215/2012 jiddikjaraw:

“(4)

Ċerti differenzi bejn regoli nazzjonali li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent ta’ sentenzi jfixklu l-operat tajjeb tas-suq intern. Huma essenzjali dispożizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, u sabiex jiżguraw għarfien u eżekuzzjoni malajr u sempliċi ta’ sentenzi mogħtija fi Stat Membru.

[…]

(10)

Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandu jkopri l-kwistjonijiet ċivili u kummerċjali prinċipali kollha barra ċerti kwistjonijiet definiti sew […]”

6

Skont l-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament:

“Dan ir-Regolament għandu japplika fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. Huwa m’għandux jestendi, b’mod partikolari, għal kwistjonijiet ta’ dħul, dawk doganali jew amministrattivi jew għar-responsabbiltà tal-Istat għal atti u ommissjonijiet fl-eżerċitar tal-awtorità tal-Istat (acta iure imperii).”

7

Fl-Artikolu 2(a) tal-imsemmi regolament, il-kunċett ta’ “deċiżjoni” huwa ddefinit bħala “kull sentenza mogħtija minn qorti jew tribunal ta’ Stat Membru, independentement minn kif tista’ tissejjaħ dik is-sentenza, inklużi digriet, ordni, deċiżjoni jew mandat ta’ eżekuzzjoni, kif ukoll deċiżjoni dwar id-determinazzjoni tal-infiq jew l-ispejjeż minn uffiċjal tal-qorti”.

8

L-Artikolu 3 ta’ dan l-istess regolament jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, ‘qorti’ tinkludi l-awtoritajiet li ġejjin sakemm dawn ikollhom ġurisdizzjoni fuq kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament:

(a)

fl-Ungerija, fi proċedimenti sommarji dwar ordnijiet għall-ħlas (fizetési meghagyásos eljárás), in-nutar (közjegyző);

(b)

fl-Isvezja, fi proċedimenti sommarji dwar ordnijiet għall-ħlas (betalningsföreläggande) u assistenza (handräckning), l-Awtorità ta’ Eżekuzzjoni (Kronofogdemyndigheten).”

Id-dritt Kroat

Il-Liġi dwar l-Eżekuzzjoni Forzata

9

L-Artikolu 1 tal-Ovršni zakon (il-Liġi dwar l-Eżekuzzjoni Forzata, Narodne novine, br. 112/12, 25/13, 93/14, 55/16 u 73/17), tawtorizza lin-nutara jwettqu l-irkupru forzat ta’ dejn fuq il-bażi ta’ “dokument awtentiku”, billi joħorġu digriet ta’ eżekuzzjoni li għandu s-saħħa ta’ titolu eżekuttiv, mingħajr il-kunsens espliċitu tad-debitur.

10

Skont l-Artikolu 57(1) tal-Liġi dwar l-Eżekuzzjoni Forzata, id-debitur li kontrih tiġi ordnata l-eżekuzzjoni jista’ jippreżenta oġġezzjoni kontra d-digrieti ta’ eżekuzzjoni mogħtija fuq il-bażi ta’ dokument awtentiku f’terminu ta’ tmint ijiem u, fit-tilwim dwar kambjali u ċekkijiet, f’terminu ta’ tlitt ijiem, ħlief fil-każ li jikkontesta biss id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż tal-proċedura.

11

L-Artikolu 58(3) ta’ din il-liġi jipprevedi:

“Meta d-digriet ta’ eżekuzzjoni jiġi kkontestat fl-intier tiegħu jew fir-rigward biss tal-parti li tordna lid-debitur li kontrih tiġi ordnata l-eżekuzzjoni jħallas id-dejn, il-qorti adita bl-oġġezzjoni għandha tħassar id-digriet ta’ eżekuzzjoni sa fejn jordna l-eżekuzzjoni u għandha tannulla l-miżuri meħuda, filwaqt li l-proċedura għandha titkompla skont ir-regoli applikabbli fil-każ ta’ oġġezzjoni għal ordni ta’ ħlas, u, fil-każ li ma kellhiex kompetenza territorjali sabiex taġixxi b’dan il-mod, għandha tressaq il-kawża quddiem il-qorti kompetenti.”

Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili

12

L-Artikolu 446 taż-Zakon o parničnom postupku (il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, Narodne novine, br. 53/91, 91/92, 112/99, 117/03, 84/08, 123/08, 57/11, 148/11, 25/13, 70/19), dwar l-ordni ta’ ħlas, huwa fformulat b’dan il-mod:

“Meta t-talba esposta fir-rikors tikkonċerna dejn eżiġibbli ta’ somom ta’ flus u meta dan id-dejn ikun stabbilit permezz ta’ dokument awtentiku anness mal-oriġinal tar-rikors jew ma’ kopja ċċertifikata konformi tar-rikors, il-qorti għandha toħroġ fil-konfront tal-konvenut ordni sabiex jissodisfa l-imsemmija talba [ordni ta’ ħlas].

Fir-rikors li jitlob il-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas, ir-rikorrent għandu jispeċifika r-raġunijiet li wasluh sabiex jitlob dan il-ħruġ minflok ordni ta’ eżekuzzjoni forzata fuq il-bażi ta’ dokument awtentiku. Jekk il-qorti tqis li r-raġunijiet invokati mir-rikorrent ma jiġġustifikawx l-interess tiegħu li jikseb ordni ta’ ħlas, hija għandha tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli.

Ir-rikorrent huwa meqjus li għandu interess fil-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas meta l-konvenut ikun stabbilit barra mill-pajjiż jew meta jkun preċedentement ikkontesta d-dejn li jinsab fid-dokument awtentiku.

Il-qorti għandha toħroġ ordni ta’ ħlas meta, minkejja li ma jkunx talab tali ordni fir-rikors, ir-rikorrent ikun jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa sabiex tinħareġ ordni ta’ ħlas.”

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

Il-Kawża C‑267/19

13

Fil-25 ta’ April 2016, Parking, kumpannija stabbilita fil-Kroazja, fetħet quddiem nutar li jipprattika f’dan l-Istat Membru proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata kontra Sawal, kumpannija rregolata mid-dritt Sloven. Din il-proċedura kienet ibbażata fuq “dokument awtentiku”, jiġifieri rendikont tal-kontabbiltà ċċertifikat konformi li jistabbilixxi l-eżistenza ta’ dejn.

14

Fit-23 ta’ Mejju 2016, in-nutar ħareġ digriet ta’ eżekuzzjoni li permezz tiegħu ordna lil Sawal tħallas id-dejn invokat li kien jammonta għal 100 kuna Kroati (HRK) (madwar EUR 15), flimkien mal-interessi moratorji kif ukoll mal-ispejjeż tal-proċedura li kienu jammontaw għal HRK 1 741.25 (madwar EUR 260), f’terminu ta’ tmint ijiem. It-talba għal eżekuzzjoni forzata u l-ordni ta’ eżekuzzjoni ġew innotifikati lil Sawal fid-9 ta’ Frar 2017.

15

Sawal ippreżentat oġġezzjoni għal dan id-digriet fit-terminu mogħti quddiem it-Trgovački sud u Zagrebu (il-Qorti Kummerċjali ta’ Żagreb, il-Kroazja).

16

Skont il-qorti tar-rinviju, mis-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2017, Zulfikarpašić (C‑484/15, EU:C:2017:199), u Pula Parking (C‑551/15, EU:C:2017:193), jirriżulta li, fil-Kroazja, in-nutara, meta jaġixxu fil-kuntest tal-kompetenti mogħtija lilhom mid-dritt nazzjonali fil-proċeduri ta’ eżekuzzjoni forzata fuq il-bażi ta’ “dokument awtentiku”, ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “qorti” fis-sens tar-Regolamenti Nri 805/2004 u 1215/2012.

17

Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-proċedura li ppreċediet il-ħruġ tad-digriet ta’ eżekuzzjoni ma għandhiex natura kontradittorja u li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti, dan id-digriet inħareġ minn nutar u mhux minn qorti. Hija għalhekk tqis li huwa impossibbli għaliha li tkompli l-proċedura ta’ oġġezzjoni li għandha quddiemha, minħabba li d-digriet ta’ eżekuzzjoni kien ġie adottat minn korp li n-nuqqas ta’ kompetenza tiegħu huwa manifest, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata li tippreġudika l-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni.

18

B’hekk, il-qorti tar-rinviju tqis, minn naħa, li, b’riżultat tas-sentenzi ċċitata iktar ’il fuq, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi Kroati huma żvantaġġati meta mqabbla mal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi fi Stati Membri oħra sa fejn id-digrieti ta’ eżekuzzjoni maħruġa min-nutara fil-Kroazja ma humiex irrikonoxxuti fl-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea, la bħala titoli eżekuttivi Ewropej, fis-sens tar-Regolament Nru 805/2004, u lanqas bħala deċiżjonijiet ġudizzjarji, fis-sens tar-Regolament Nru 1215/2012. Issa, tali differenza fit-trattament bejn il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi Kroati u dawk tal-Istati Membri l-oħra tikkostitwixxi diskriminazzjoni, li hija pprojbita mill-Artikolu 18 TFUE.

19

Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju targumenta li n-natura mhux kontradittorja ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata fuq il-bażi ta’ dokument awtentiku miftuħa quddiem nutar tista’ tikkostitwixxi wkoll ksur tad-dritt għal rimedju effettiv, previst fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

20

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tindika l-eżistenza ta’ prattiki diverġenti fi ħdan il-qrati Kroati fir-rigward tal-kompetenza tan-nutara, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata miftuħa fuq il-bażi ta’ “dokument awtentiku”, skont jekk il-konvenuti jkunux persuni fiżiċi jew ġuridiċi stabbiliti fil-Kroazja jew fi Stat Membru ieħor.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Trgovački sud u Zagrebu (il-Qorti Kummerċjali ta’ Żagreb) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, [bħalma huwa] l-Artikolu 1 tal-[Liġi dwar l-Eżekuzzjoni Forzata], li tagħti s-setgħa lin-nutara sabiex jipproċedu bl-irkupru forzat ta’ djun abbażi ta’ dokument awtentiku billi tinħareġ ordni ta’ infurzar, bħala titolu eżekuttiv, mingħajr kunsens espliċitu tal-persuna ġuridika debitriċi stabbilita [fil-Kroazja], hija konformi mal-Artikolu 6(1) tal-[KEDB] u mal-Artikolu 18 TFUE, fid-dawl tas-sentenzi [tad-9 ta’ Marzu 2017, Zulfikarpašić (C‑484/15, EU:C:2017:199), u tad-9 ta’ Marzu 2017, Pula Parking (C‑551/15, EU:C:2017:193)]?

2)

L-interpretazzjoni mogħtija fis-sentenzi […] tad-9 ta’ Marzu 2017, Zulfikarpašić (C‑484/15, EU:C:2017:199), u [tad-9 ta’ Marzu 2017,] Pula Parking (C‑551/15, EU:C:2017:193), tista’ tiġi applikata [fil-kawża ineżami], u, b’mod iktar partikolari, ir-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-Kroazja, in-nutara, li jaġixxu fil-qafas tal-kompetenzi li huma mogħtija lilhom bid-dritt nazzjonali fil-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni forzata abbażi ta’ ‘dokument awtentiku’, li fihom il-konvenuti fil-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni huma persuni ġuridiċi stabbiliti fi Stati Membri oħrajn tal-Unjoni Ewropea, ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ ‘qorti’ fis-sens tal-imsemmi regolament?”

Il-Kawża C‑323/19

22

Fl-4 ta’ Frar 2019, Interplastics, kumpannija stabbilita fis-Slovakkja, fetħet proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata kontra Letifico, kumpannija rregolata mid-dritt Kroat, quddiem nutar li jipprattika fil-Kroazja, ibbażata fuq “dokument awtentiku”, jiġifieri lista ta’ fatturi maħruġa fil-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ dejn ta’ Letifico favur Interplastics fl-ammont ta’ EUR 17700, fil-valur tal-kambju f’kuna Kroati, flimkien mal-interessi legali u mal-ispejjeż tal-proċedura li jammontaw għal HRK 7 210.80 (madwar EUR 968).

23

Fl-istess jum, in-nutar ħareġ digriet ta’ eżekuzzjoni li permezz tiegħu ordna lil Letifico tħallas l-ammont tal-imsemmi dejn f’terminu ta’ tmint ijiem. It-talba għal eżekuzzjoni forzata u d-digriet ta’ eżekuzzjoni ġew innotifikati lil Letifico fit-13 ta’ Frar 2019.

24

Din tal-aħħar ippreżentat oġġezzjoni għal dan id-digriet fit-terminu mogħti fejn ikkontestat kemm il-bażi u kemm l-ammont tad-dejn.

25

Peress li kellha l-istess dubji bħal dawk invokati fil-Kawża C‑267/19, it-Trgovački sud u Zagrebu (il-Qorti Kummerċjali ta’ Żagreb) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja l-istess domandi preliminari bħal dawk magħmula f’dik il-kawża.

26

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Mejju 2019, il-Kawżi C‑267/19 u C‑323/19 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u tas-sentenza.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

27

Sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti risposta għad-domandi preliminari, għandu jiġi vverifikat li l-kawżi prinċipali għandhom rabta ta’ konnessjoni mad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, bħal fil-kawża li tat lok għas-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2017, Pula Parking (C‑551/15, EU:C:2017:193), il-qorti tar-rinviju hija adita b’żewġ oġġezzjonijiet kontra digrieti ta’ eżekuzzjoni forzata maħruġa minn nutara sabiex jiġu rkuprati djun.

28

Fl-ipoteżi li japplika r-Regolament Nru 1215/2012, fi tmiem tali proċeduri ta’ oġġezzjoni, ser jiġu adottati, bħala prinċipju, deċiżjonijiet ġudizzjarji li jistgħu jiġu rrikonoxxuti u eżegwiti fi Stat Membru ieħor. L-element ta’ konnessjoni mad-dritt tal-Unjoni, li jiġġustifika l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jista’ għalhekk jinstilet mill-applikabbiltà, f’dan il-każ, ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Mejju 2016, Meroni, C‑559/14, EU:C:2016:349, punt 44).

29

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, minn naħa, li proċeduri għall-irkupru ta’ dejn, bħal dawk fil-kawżi prinċipali, jikkonċernaw essenzjalment “kwistjonijiet ċivili u kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012.

30

Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-eżistenza ta’ element estern, li minnha tiddependi l-applikabbiltà ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, Maletic, C‑478/12, EU:C:2013:735, punt 26), għandu jiġi kkonstatat li, fil-Kawża C‑267/19, il-konvenuta fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni hija stabbilita fis-Slovenja. Għall-kuntrarju, fil-Kawża C‑323/19, hija l-kumpannija rikorrenti fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni li hija stabbilita fi Stat Membru differenti mir-Repubblika tal-Kroazja, f’dan il-każ fis-Slovakkja, filwaqt li ċ-ċirkustanzi l-oħra tal-kawża jidhru li prima facie huma limitati fi ħdan il-Kroazja.

31

Għaldaqstant, u mingħajr ma tqajjem eċċezzjoni formali dwar in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja minħabba l-assenza ta’ eżistenza ta’ element estern f’din l-aħħar kawża, il-Kummissjoni Ewropea tqajjem dubju dwar l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1215/2012 f’sitwazzjoni fejn tkun biss il-parti li titlob l-eżekuzzjoni li tkun stabbilita fi Stat Membru differenti minn dak tal-qorti.

32

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fil-ġurisprudenza tagħha, meta eżaminat in-natura internazzjonali tar-relazzjoni legali inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja repetutament irreferiet għad-“domiċilju rispettiv tal-partijiet għall-kawża”, mingħajr distinzjoni skont il-kwalità tagħhom fil-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2005, Owusu, C‑281/02, EU:C:2005:120, punti 2526).

33

Għalkemm ir-Regolament Nru 1215/2012, li juża, fil-premessi 3 u 26 tiegħu, il-kunċett ta’ “tilwim transkonfinali”, ma jagħtix definizzjoni ta’ dan il-kunċett, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea (ĠU 2006, L 399, p. 1), jiddefinixxi l-kunċett ekwivalenti ta’ “tilwima transkonfinali” bħala tilwima li fiha minn tal-inqas waħda mill-partijiet ikollha d-domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħha fi Stat Membru differenti minn dak tal-qorti adita.

34

Fuq il-bażi tal-imsemmija dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sa fejn il-konvenut fi proċedura għal ordni ta’ ħlas ikun stabbilit fi Stat Membru differenti minn dak tal-qorti, it-tilwima jkollha natura transkonfinali u għalhekk taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1896/2006 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Bondora, C‑453/18 u C‑494/18, EU:C:2019:1118, punt 35).

35

Bħala prinċipju, tali interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1896/2006 sservi sabiex tiġi stabbilita n-natura transkonfinali u, għalhekk, l-element estern, ta’ tilwima għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012. Fil-fatt, peress li dawn iż-żewġ regolamenti jaqgħu t-tnejn li huma fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili li jkollhom effett transkonfinali, l-interpretazzjoni tal-kunċetti ekwivalenti użati mil-leġiżlatur tal-Unjoni f’dawn ir-regolamenti għandha tiġi armonizzata.

36

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-Regolament Nru 1215/2012 huwa intiż li japplika fiż-żewġ kawżi prinċipali u jikkostitwixxi għalhekk l-element ta’ konnessjoni ta’ dawn il-kawżi mad-dritt tal-Unjoni.

37

Għandu jiġi kkonstatat ukoll li għalkemm id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jikkonċernaw parzjalment l-Artikolu 6(1) tal-KEDB, dan l-artikolu jikkorrispondi essenzjalment għall-Artikolu 47 tal-Karta, li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex teżamina, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 51(1) tagħha, meta l-Istati Membri jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-11 ta’ April 2019, Hrvatska radiotelevizija, C‑657/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:304, punt 28).

38

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju, adita b’tilwim li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012, għandha dubju dwar il-kwistjoni ta’ jekk leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza lin-nutara jagħtu digrieti ta’ eżekuzzjoni fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ eżekuzzjoni forzata fuq il-bażi ta’ dokument awtentiku, proċeduri li jiżvolġu qabel ma l-każ jitressaq quddiemha, tippreġudikax il-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni previst fl-Artikolu 18 TFUE kif ukoll id-dritt għal rimedju effettiv, previst fl-Artikolu 47 tal-Karta.

39

Sa fejn il-kompatibbiltà tal-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali mal-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni jista’ jkollha, skont il-qorti tar-rinviju, impatt, anki indirett, fuq ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni fi Stati Membri oħra tad-deċiżjonijiet mogħtija mill-imsemmija qorti fi proċedura ta’ oġġezzjoni kontra digriet maħruġ minn nutar, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex teżamina d-domandi preliminari fir-rigward tal-Artikolu 47 tal-Karta u tal-Artikolu 18 TFUE.

Fuq il-mertu

40

Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ t-tilwima li jkollha quddiemha. F’dan id-dawl, jekk ikun il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha (ara s-sentenzi tal-4 ta’ Settembru 2014, eco cosmetics u Raiffeisenbank St. Georgen, C‑119/13 u C‑120/13, EU:C:2014:2144, punt 32, kif ukoll tat-12 ta’ Diċembru 2019, Instituto Nacional de la Seguridad Social (Pensjoni komplementari għall-ommijiet), C‑450/18, EU:C:2019:1075, punt 25).

41

Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi osservat, fir-rigward tar-riferiment magħmul minn dik il-qorti għas-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2017, Zulfikarpašić (C‑484/15, EU:C:2017:199), li l-kawża li tat lok għal dik is-sentenza kienet tikkonċerna r-Regolament Nru 805/2004. Issa, fil-kawżi ineżami, iż-żewġ djun ikkonċernati ma humiex djun “mhux ikkontestati”, fis-sens tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, peress li kienu s-suġġett ta’ kontestazzjoni mressqa quddiem l-imsemmija qorti. Għaldaqstant, ir-Regolament Nru 805/2004 ma huwiex applikabbli ratione materiae.

42

Għaldaqstant, għandu jitqies li, permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk, fil-każ li d-deċiżjonijiet li ser tagħti jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012, l-Artikolu 18 TFUE u l-Artikolu 47 tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza lin-nutara, li jaġixxu fil-kuntest tal-kompetenzi mogħtija lilhom fil-proċeduri ta’ eżekuzzjoni forzata fuq il-bażi ta’ dokument awtentiku, jagħtu digrieti ta’ eżekuzzjoni li, kif jirriżulta mis-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2017, Pula Parking (C‑551/15, EU:C:2017:193), ma jistgħux jiġu rrikonoxxuti u eżegwiti fi Stat Membru ieħor.

43

Fir-rigward tal-portata ta’ din is-sentenza tal-aħħar, għandu jiġi speċifikat, qabel kollox, li l-Qorti tal-Ġustizzja ħadet deċiżjoni biss dwar il-kwalità ta’ “qorti” tan-nutara fil-Kroazja li jaġixxu fil-kuntest tal-kompetenti mogħtija lilhom mil-Liġi dwar l-Eżekuzzjoni Forzata, fil-proċeduri ta’ eżekuzzjoni forzata fuq il-bażi ta’ dokument awtentiku u, għalhekk, dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni, fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1215/2012, tad-digrieti li jingħataw f’tali proċeduri, mingħajr ma daħlet inkwistjoni n-natura speċifika tal-ordinament ġuridiku Kroat f’dan ir-rigward.

44

Madankollu, f’din l-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ħaditx deċiżjoni dwar il-kompetenza ta’ dawn in-nutara sabiex joħorġu digrieti ta’ eżekuzzjoni fil-proċeduri ta’ eżekuzzjoni forzata u bl-ebda mod ma ħadet deċiżjoni fis-sens li r-Regolament Nru 1215/2012 jipprojbixxi l-użu ta’ dan it-tip ta’ proċeduri.

45

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 18 TFUE, li f’dan il-każ huwa applikabbli fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi oħra dwar il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fil-kuntest tar-Regolament Nru 1215/2012, għandu jiġi kkonstatat qabel kollox li l-Liġi dwar l-Eżekuzzjoni Forzata ma tistabbilixxix trattament iddifferenzjat skont il-kriterju ta’ nazzjonalità.

46

Fil-fatt, kif jirriżulta mill-elementi fil-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlob l-eżekuzzjoni, residenti jew mhux residenti, persuna ġuridika jew fiżika, għandha tersaq quddiem nutar sabiex tikseb digriet ta’ eżekuzzjoni fuq il-bażi ta’ dokument awtentiku. Id-digrieti mogħtija fi tmiem dawn il-proċeduri ma jistgħux jiġu rrikonoxxuti u eżegwiti fi Stat Membru ieħor fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1215/2012, u dan irrispettivament mill-kriterju ta’ nazzjonalità tal-partijiet.

47

Barra minn hekk, din il-konklużjoni ma tistax tiddaħħal inkwistjoni mill-fatt li digrieti mogħtija min-nutara ta’ Stati Membri oħra, li huma kklassifikati espliċitament bħala “qorti” fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1215/2012, jibbenefikaw mis-sistema ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni prevista f’dan ir-regolament.

48

Il-klassifikazzjoni tan-nutara fid-diversi Stati Membri tibqa’ marbuta mal-karatteristiċi speċifiċi tal-ordinamenti ġuridiċi rispettivi u r-Regolament Nru 1215/2012 ma huwiex intiż, kif osservat ukoll il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li jimponi organizzazzjoni partikolari tal-ġustizzja. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 4 tiegħu, l-għan tiegħu huwa li junifika r-regoli dwar il-kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali sabiex jiġu ggarantiti r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni rapidi u sempliċi tad-deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru (sentenza tad-9 ta’ Marzu 2017, Pula Parking, C‑551/15, EU:C:2017:193, punt 50).

49

Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-diskriminazzjoni inversa li dwarha għandha dubju l-qorti tar-rinviju, mis-sistema stabbilita minn dan ir-regolament jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu u jeżegwixxu d-deċiżjonijiet mogħtija mill-qrati tal-Istati Membri l-oħra f’materji ċivili jew kummerċjali bil-kundizzjoni li jkunu osservati r-rekwiżiti imposti minnu. Issa, sa fejn, fis-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2017, Pula Parking (C‑551/15, EU:C:2017:193), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-digrieti mogħtija min-nutara li jaġixxu fil-kuntest tal-proċeduri ta’ eżekuzzjoni forzata ma jkunux ingħataw minn qorti, fis-sens ta’ dan ir-regolament, dawn id-digrieti ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “deċiżjoni ġudizzjarja” fid-dawl tal-Artikolu 2(a) tal-imsemmi regolament u ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ moviment fuq il-bażi ta’ dan ir-regolament mingħajr ma jkun hemm diskriminazzjoni inversa minħabba din is-sitwazzjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-6 ta’ Novembru 2019, EOS Matrix, C‑234/19, mhux ippubblikat, EU:C:2019:986, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Gvern Kroat, fl-ordinament ġuridiku Kroat jeżistu rimedji ġudizzjarji alternattivi, jiġifieri l-proċedura għal ordni ta’ ħlas imressqa quddiem qorti, liema rimedji huma ta’ natura li jikkumpensaw għall-eventwali inkonvenjenti maħluqa mill-għoti lin-nutara tal-kompetenza li joħorġu digrieti ta’ eżekuzzjoni fil-proċeduri ta’ eżekuzzjoni forzata. F’dan id-dawl, dan il-gvern isostni li għalkemm l-ammissibbiltà ta’ tali rimedju ġudizzjarju hija suġġetta, konformement mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 446 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, għall-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ interess ġuridiku li titressaq din il-proċedura, it-tielet paragrafu ta’ dan l-artikolu jistabbilixxi preżunzjoni ta’ eżistenza ta’ tali interess fil-każ li l-konvenut jirrisjedi barra mill-pajjiż. Dan l-aspett għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

51

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta, skont il-qorti tar-rinviju, in-natura mhux kontradittorja tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata fuq il-bażi ta’ dokument awtentiku, miftuħa quddiem in-nutara, tikkostitwixxi ksur tad-dritt għal rimedju effettiv.

52

F’dan id-dawl, għandu jitfakkar li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, fil-punt 58 tas-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2017, Pula Parking (C‑551/15, EU:C:2017:193), li l-eżami min-nutar fil-Kroazja tat-talba għall-ħruġ ta’ digriet ta’ eżekuzzjoni fuq il-bażi ta’ dokument awtentiku ma huwiex kontradittorju, hija kkonstatat ukoll li l-aċċess għall-qorti huwa ggarantit, sa fejn in-nutara jeżerċitaw is-setgħat mogħtija lilhom fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata taħt l-istħarriġ ta’ qorti li quddiemha d-debitur għandu l-possibbiltà li jippreżenta oġġezzjoni kontra d-digriet ta’ eżekuzzjoni maħruġ min-nutar.

53

Għaldaqstant, min-natura mhux kontradittorja tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata fuq il-bażi ta’ dokument awtentiku u fl-assenza ta’ elementi oħra mogħtija mill-qorti tar-rinviju ma jistax jiġi dedott li din il-proċedura tiżvolġi bi ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta.

54

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li l-Artikolu 18 TFUE u l-Artikolu 47 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza lin-nutara, li jaġixxu fil-kuntest tal-kompetenzi mogħtija lilhom fil-proċeduri ta’ eżekuzzjoni forzata fuq il-bażi ta’ dokument awtentiku, jagħtu digrieti ta’ eżekuzzjoni li, kif jirriżulta mis-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2017, Pula Parking (C‑551/15, EU:C:2017:193), ma jistgħux jiġu rrikonoxxuti u eżegwiti fi Stat Membru ieħor.

Fuq l-ispejjeż

55

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 18 TFUE u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza lin-nutara, li jaġixxu fil-kuntest tal-kompetenzi mogħtija lilhom fil-proċeduri ta’ eżekuzzjoni forzata fuq il-bażi ta’ dokument awtentiku, jagħtu digrieti ta’ eżekuzzjoni li, kif jirriżulta mis-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2017, Pula Parking (C‑551/15, EU:C:2017:193), ma jistgħux jiġu rrikonoxxuti u eżegwiti fi Stat Membru ieħor.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Kroat.

Top