Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0152

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-25 ta’ Marzu 2021.
    Deutsche Telekom AG vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Appell – Kompetizzjoni – Artikolu 102 TFUE – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Suq Slovakk tas-servizzi ta’ aċċess għall-internet b’veloċità għolja – Obbligu ta’ aċċess regolatorju għal-linja lokali għall-operaturi li għandhom saħħa sinjifikattiva – Kundizzjonijiet stabbiliti mill-operatur stabbilit għall-aċċess diżassoċjat ta’ operaturi oħra għal-linja lokali – Natura indispensabbli tal-aċċess – Imputabbiltà tal-aġir tas-sussidjarja lill-kumpannija omm – Drittijiet tad-difiża.
    Kawża C-152/19 P.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:238

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    25 ta’ Marzu 2021 ( *1 )

    “Appell – Kompetizzjoni – Artikolu 102 TFUE – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Suq Slovakk tas-servizzi ta’ aċċess għall-internet b’veloċità għolja – Obbligu ta’ aċċess regolatorju għal-linja lokali għall-operaturi li għandhom saħħa sinjifikattiva – Kundizzjonijiet stabbiliti mill-operatur stabbilit għall-aċċess diżassoċjat ta’ operaturi oħra għal-linja lokali – Natura indispensabbli tal-aċċess – Imputabbiltà tal-aġir tas-sussidjarja lill-kumpannija omm – Drittijiet tad-difiża”

    Fil-Kawża C‑152/19 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fil‑21 ta’ Frar 2019,

    Deutsche Telekom AG, stabbilita f’Bonn (il-Ġermanja), irrappreżentata minn D. Schroeder u K. Apel, Rechtsanwälte,

    rikorrenti,

    il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Kellerbauer, M. Farley, L. Malferrari, C. Vollrath u L. Wildpanner, bħala aġenti,

    konvenut/a fl-ewwel istanza,

    Slovanet a.s., stabbilita fi Bratislava (is-Slovakkja), irrappreżentata minn P. Tisaj, advokát,

    intervenjenti fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn A. Prechal (Relatur), President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-funzjoni tiegħu ta’ Mħallef tat-Tielet Awla, N. Wahl, F. Biltgen, u L. S. Rossi, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

    Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ Unità,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑17 ta’ Ġunju 2020,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑9 ta’ Settembru 2020,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tagħha, Deutsche Telekom AG qiegħda titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni (T‑827/14, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2018:930), li biha din tal-aħħar ċaħdet parzjalment ir-rikors tagħha intiż, prinċipalment, għall-annullament, totali jew parzjali, sa fejn din tikkonċernaha, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 7465 final tal-15 ta’ Ottubru 2014 dwar proċedura skont l-Artikolu 102 TFUE u l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39523 – Slovak Telekom), kif irrettifikata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 10119 final tas-16 ta’ Diċembru 2014, kif ukoll tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 2484 final tas-17 ta’ April 2015 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), u, sussidjarjament, għall-annullament jew it-tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti mill-imsemmija deċiżjoni.

    Il-kuntest ġuridiku

    Ir-Regolament (KE) Nru 2887/2000

    2

    Il-premessi 3, 6 u 7 tar-Regolament (KE) Nru 2887/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2000, dwar aċċess diżassoċjat għal-linja lokali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 83), kienu jiddikjaraw:

    “(3)

    Il-‘linja lokali’ hija iċ-ċirkuwitu fiżiku ta’ par mettalliku milwi tan-network tat-telefon pubbliku fiss li jqabbad il-punt tat-terminazjoni tan-network fil-fond ta’ l-abbonat mal-frame prinċipali ta’ distribuzzjoni jew faċilità ekwivalenti. Kif innutat fil-Ħames Rapport tal-Kummissjoni [Ewropea] dwar l-implimentazzjoni tal-pakkett regolatorju tat-telekomunikazzjonijiet, in-network t’aċċess lokali jibqa’ wieħed mill-partijiet l-anqas kompettitivi tas-suq liberalizzat tat-telekomunikazzjonijiet. Operaturi ġodda m’għandhomx l-infrastrutturi mifruxa ta’ networks alternattivi u ma jistgħux, b’teknoloġiji tradizzjonali, ikunu ugwali ma’ l-ekonomiji ta’ l-iskala u l-kopertura ta’ operaturi nominati bħala li għandhom saħħa sinjifikanti fis-suq għal dak li huwa suq tan-network tat-telefon pubbliku fiss. Dan jirriżulta mill-fatt li dawn l-operaturi qiegħdu l-infrastrutturi metalliċi ta’ aċċess lokali tagħhom matul perijodi sinjifikanti ta’ żmien protetti minn drittijiet esklussivi u kienu jistgħu jiffinanzjaw l-ispejjeż ta’ l-investiment permezz ta’ qligħ ta’ monopolju.

    […]

    (6)

    Ma jkunx ekonomikament vijabbli għall-operaturi ġodda li jidduplikaw l-infrastruttura ta’ l-aċċess metalliku kollha kemm hi ta’ l-operatur li diġà jeżisti fi żmien raġonevoli. Infrastrutturi alternattivi bħal televiżjoni bil-cable, satellita, linji lokali mingħajr fili ma joffrux ġeneralment l-istess funzjonalità jew ubikwità għalissa, għalkemm is-sitwazzjonijiet fl-Istati Membri jistgħu jkunu differenti.

    (7)

    Aċċess diżassoċjat għal-linja lokali jippermetti lill-operaturi ġodda li jikkompetu ma’ operaturi notifikati billi joffru ta’ servizzi ta’ trasmissjoni ta’ tagħrif b’veloċità għolja għall-aċċess kontinwu ta’ l-Internet u għall-applikazzjonijiet multimedia bbażati fuq teknoloġija ta’ linji diġitali ta’ abbonati (DSL) kif ukoll ta’ servizzi ta’ telefonija bil-vuċi. Talba raġonevoli għal aċċess diżassoċjat timplika li l-aċċess huwa meħtieġ għall-forniment tas-servizzi tal-benefiċjarju, u li r-rifjut tat-talba jipprevjeni, jirrestrinġi jew joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni f’dan is-settur.”

    3

    L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Għan u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

    “1.   Dan ir-Regolament jimmira li jintensifika l-kompetizzjoni u li jistimula l-innovazzjoni teknoloġika fis-suq ta’ l-aċċess lokali, permezz tat-twaqqif ta’ kondizzjonijiet armonizzati għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali, biex irawwem il-forniment kompetittiv ta’ medda wiesgħa ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

    2.   Dan ir-Regolament għandu jgħodd għall-aċċess diżassoċjat għal-linji lokali u faċilitajiet relatati ta’ operaturi notifikati kif definiti fl-Artikolu 2(a).

    […]”

    4

    L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament jinkludi d-definizzjonijiet li ġejjin:

    “[…]

    (a)

    ‘operatur notifikat’ tfisser operaturi ta’ networks tat-telefon pubbliċi fissi li jkunu ġew notifikati mill-awtorità nazzjonali regolatorja tagħhom bħala li għandhom saħħa sinjifikanti fis-suq fil-provvista ta’ networks tat-telefon pubbliċi fissi u servizzi skond l-Anness I, Taqsima 1, tad-Direttiva 97/33/KE jew id-Direttiva 98/10/KE

    […]

    (ċ)

    ‘linja lokali’ tfisser iċ-ċirkuwitu fiżiku ta’ par metalliku milwi li jikkonnettja l-punt ta’ terminazzjoni tan-network fil-fond ta’ l-abbonat mal-frame prinċipali ta’ distribuzzjoni jew faċilità ekwivalenti fin-network tat-telefon pubbliku fiss;

    […]”

    5

    L-Artikolu 3 tal-istess regolament huwa fformulat kif ġej:

    “1.   Operaturi notifikati għandhom jippublikaw mill-31 ta’ Diċembru 2000, u jżommu aġġornata, l-offerta ta’ riferenza għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali tagħhom u faċilitajiet relatati, li għandha tinkludi ta’ l-anqas l-affarijiet li hemm elenkati fl-Anness. L-offerta għandha tkun suffiċjentement diżassoċjata biex il-benefiċjarju ma jkollux għalfejn iħallas għall-elementi jew faċilitajiet tan-network li mhux meħtieġa għall-forniment tas-servizzi tiegħu, u għandu jkun fiha deskrizzjoni tal-komponenti ta’ l-offerta, it-termini u l-kondizzjonijiet assoċjati, inkluż il-ħlasijiet.

    2.   Operaturi notifikati għandhom mill-31 ta’ Diċembru 2000 jilqgħu talbiet raġonevoli minn benefiċjarji għal aċċess diżassoċjat għal-linji lokali tagħhom u faċilitajiet relatati, f’kondizzjonijiet trasparenti, ġusti u mhux diskriminatorji. Talbiet għandhom ikunu rifjutati biss fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, li jirrelataw mal-fattibiltà teknika jew il-ħtieġa li tinżamm l-integrità tan-netwerk. […] Operaturi notifikati għandhom ifornu lill-benefiċjarji b’faċilitajiet ekwivalenti għal dawk fornuti għas-servizzi tagħhom stess jew għall-kumpaniji assoċjati tagħhom, u bl-istess kondizzjonijiet u termini ta’ żmien.

    […]”

    6

    Skont l-Artikolu 4 u 6 tad-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 li temenda d-Direttivi 2002/21/KE dwar qafas regolatorju komuni għan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi, 2002/19/KE dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi u faċilitajiet assoċjati u 2002/20/KE dwar l-awtorizzazzjoni ta’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (ĠU 2009, L 337, p. 37), ir-Regolament Nru 2887/2000 tħassar b’effett mid‑19 ta’ Diċembru 2009.

    Id-Direttiva 2002/21/KE

    7

    L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349) kif emendata bid-Direttiva 2009/140, jipprovdi:

    “[…]

    2.   L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jippromwovu l-kompetizzjoni fil-provista tan-networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati u servizzi billi fost ħwejjeġ oħra:

    […]

    (b)

    jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda distorsjoni jew restrizzjoni fil-kompetizzjoni tas-settur tal-komunikazzjoni elettronika, anke fit-trażmissjoni tal-kontenut;

    […]

    5.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom, fis-segwitu tal-għanijiet politiċi msemmija fil-paragrafi 2, 3 u 4, japplikaw prinċipji regolatorji oġġettivi, trasparenti, non-diskriminatorji u proporzjonati billi, inter alia:

    […]

    (f)

    jimponu obbligi regolatorji ex-ante biss fejn m’hemm l-ebda kompetizzjoni effettiva u sostenibbli u jirrilassawhom jew ineħħuhom hekk kif tkun issodisfata kundizzjoni tali.”

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    8

    Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew spjegati fil-punt 1 sa 53 tas-sentenza appellata u jistgħu jiġu deskritti fil-qosor kif ġej.

    9

    Ir-rikorrenti hija l-operatur stabbilit ta’ telekomunikazzjonijiet fil-Ġermanja u l-kumpannija li tmexxi tal-grupp Deutsche Telekom. Matul il-perijodu bejn it-12 ta’ Awwissu 2005 u l-31 ta’ Diċembru 2010, ir-rikorrenti kellha sehem ta’ 51 % fil-kapital tal-operatur storiku ta’ telekomunikazzjonijiet fis-Slovakkja, Slovak Telekom a.s. (iktar ’il quddiem “ST”).

    10

    Ir-rikorrenti, li, sas-sena 2000, kienet tibbenefika minn monopolju legali fis-suq Slovakk tat-telekomunikazzjonijiet, hija l-ikbar operatur ta’ telekomunikazzjonijiet u fornitur ta’ aċċess għall-internet b’veloċità għolja fis-Slovakkja. In-networks tar-ram u mobbli tar-rikorrenti jkopru kważi t-territorju kollu tas-Slovakkja.

    11

    Wara analiżi tas-suq nazzjonali tagħha, l-awtorità regolatorja nazzjonali Slovakka fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet adottat, fit-8 ta’ Marzu 2005, deċiżjoni li identifikat lil ST bħala operatur li għandu saħħa sinjifikattiva fis-suq bl-ingrossa għall-aċċess diżaggregat għaċ-ċirkwit lokali, fis-sens tar-Regolament Nru 2887/2000.

    12

    Skont din id-deċiżjoni konfermattiva, ir-rikorrenti kellha tilqa’ t-talbiet kollha għal aċċess separat għan-network lokali tagħha kkunsidrati bħala raġonevoli u ġġustifikati, sabiex tippermetti lil operaturi alternattivi jużaw dan in-network bil-għan li joffru s-servizzi tagħhom stess fis-“suq bl-imnut tal-massa (jew tal-pubbliku ġenerali)” tas-servizzi broadband f’pożizzjoni fissa fis-Slovakkja. Sabiex tkun tista’ tissodisfa dan l-obbligu, ST ippubblikat l-offerta ta’ riferiment tagħha fil-qasam tal-aċċess separat li ddefinixxiet il-kundizzjonijiet kuntrattwali u tekniċi għall-aċċess għal-linja lokali tagħha.

    13

    Wara investigazzjoni ex officio li għandha bħala suġġett, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet ta’ aċċess diżassoċjat għan-network lokali ta’ ST, wara dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet mibgħuta lil ST u lir-rikorrenti rispettivament fit-7 u fit-8 ta’ Mejju 2012, proposta ta’ impenji u wara diversi skambji ta’ korrispondenza u ta’ laqgħat, il-Kummissjoni Ewropea adottat id-deċiżjoni kontenzjuża fit-15 ta’ Ottubru 2014.

    14

    Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni qieset li l-impriża li jifformaw ST u r-rikorrenti kienet wettqet ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 102 TFUE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3) fir-rigward tas-servizzi ta’ aċċess għall-internet b’veloċità għolja fis-Slovakkja matul il-perijodu ta’ bejn it‑12 ta’ Awwissu 2005 u l-31 ta’ Diċembru 2010.

    15

    B’mod partikolari, hija tirrileva li n-network tal-linja lokali ta’ ST seta’ jintuża sabiex jiġu pprovduti ta’ servizzi aċċess għall-internet b’veloċità għolja wara d-diżassoċjazzjoni tal-linji ta’ dan l-operatur u li kien ikopri 75.7 % tad-djar kollha Slovakki matul il-perijodu ta’ bejn is-sena 2005 u s-sena 2010. Madankollu, matul dan l-istess perijodu, kienu biss xi linji lokali rari ta’ ST li kellhom l-aċċess tagħhom iddiżassoċjat, sa mit-18 ta’ Diċembru 2009, u ntużaw biss minn operatur alternattiv wieħed sabiex jiġi pprovdut servizz bl-imnut ta’ aċċess għall-internet b’veloċità għolja ħafna lil impriżi.

    16

    Skont il-Kummissjoni, il-ksur imwettaq mill-impriża ffurmata mir-rikorrent u ST kien jikkonsisti, fl-ewwel lok, fid-dissimulazzjoni lill-operaturi alternattivi ta’ informazzjoni marbuta man-networks neċessarji għad-diżassoċjazzjoni tal-linji lokali, fit-tieni lok, fit-tnaqqis tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu ta’ ST b’rabta mad-diżassoċjazzjoni tal-linji lokali, fit-tielet lok, fl-istabbiliment ta’ metodi u ta’ kundizzjonijiet inġusti fl-offerta ta’ riferiment ta’ ST fil-qasam tad-diżassoċjazzjoni b’rabta mal-kolokalizzazzjoni, il-klassifikazzjoni, il-previżjonijiet, it-tiswijiet kif ukoll il-garanziji bankarji, u, fir-raba’ lok, fl-applikazzjoni ta’ tariffi inġusti li ma jippermettux lil operatur effikaċi daqs ST li jserraħ fuq l-aċċess bl-ingrossa għal-linji lokali ddiżassoċjati ta’ dan l-operatur li jirriproduċi s-servizzi bl-imnut offruti mill-imsemmi operatur mingħajr ma jġarrab telf.

    17

    Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni imponiet, abbażi ta’ dan il-ksur, minn naħa, multa ta’ EUR 38838000 fuq ir-rikorrenti u fuq ST in solidum u, min-naħa l-oħra, multa ta’ EUR 31070000 fuq ir-rikorrenti.

    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

    18

    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Diċembru 2014, l-appellanti ppreżentat rikors intiż prinċipalment għall-annullament totali jew parzjali tad-deċiżjoni kontenzjuża u sussidjarjament, għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-ammont tal-multi imposta fuqha.

    19

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti invokat ħames motivi bbażati, fl-ewwel lok, fuq żbalji fattwali u ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE fir-rigward tal-aġir abbużiv ta’ ST kif ukoll fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, fit-tieni lok, fuq żbalji ta’ liġi u fattwali fir-rigward tat-tul tal-aġir abbużiv ta’ ST, fit-tielet lok, fuq żbalji ta’ liġi u fattwali fl-imputazzjoni lir-rikorrenti għall-aġir abbużiv ta’ ST, sa fejn il-Kummissjoni ma pprovatx l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti tar-rikorrenti fuq ST, fir-raba’ lok, fuq ksur tal-kunċett ta’ “impriża”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, u tal-prinċipju ta’ individwalizzazzjoni tal-pieni kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, u, fil-ħames lok, fuq żbalji fil-kalkolu ta’ dan l-ammont tal-multa li għall-ħlas tiegħu ġew iddikjarati responsabbli in solidum ST u r-rikorrenti.

    20

    Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motivi kollha mressqa mir-rikorrenti, minbarra, minn naħa, it-tieni motiv, li hija laqgħet parzjalment minħabba li l-Kummissjoni ma kinitx ipproduċiet il-prova li l-prattika ta’ ST li wasslet għal kompressjoni tal-marġni seħħet bejn it-12 ta’ Awwissu u t-31 ta’ Diċembru 2005, u, min-naħa l-oħra, ir-raba’ motiv li hija laqgħet sa fejn il-Kummissjoni kienet kisret, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-kunċett ta’ “impriża”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, billi kkundannat lir-rikorrenti għall-ħlas ta’ multa li l-ammont tagħha ġie kkalkolat abbażi tal-fattur ta’ multiplikazzjoni ta’ 1.2 applikabbli għall-finijiet ta’ dissważjoni. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali annullat parzjalment id-deċiżjoni kontenzjuża u ffissat għal EUR 38061963 l-ammont tal-multa li għall-ħlas tagħha ġew iddikjarati responsabbli in solidum ST kif ukoll ir-rikorrenti u għal EUR 19030981 l-ammont tal-multa li għall-ħlas tagħha ġiet iddikjarata responsabbli biss ir-rikorrenti. Hija ċaħdet il-kumplament tar-rikors.

    21

    B’mod partikolari, permezz tal-ewwel parti tal-ewwel motiv tagħha, l-appellanti lmentat li l-Kummissjoni naqset b’mod żbaljat milli teżamina, sabiex tistabbilixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti min-naħa ta’ ST minħabba l-kundizzjonijiet ta’ aċċess li hija kienet toffri lill-operaturi alternattivi għan-network tagħha, il-kundizzjoni marbuta man-natura indispensabbli għall-eżerċizzju tal-attività ta’ dawn l-operaturi, imsemmija fil-punt 41 tas-sentenza tas-26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, iktar ’il quddiem is-“sentenza Bronner, EU:C:1998:569), ta’ tali aċċess. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet din il-parti tal-ewwel motiv fil-punti 92 sa 116 tas-sentenza appellata billi kkunsidrat, essenzjalment, li l-leġiżlazzjoni dwar is-settur tat-telekomunikazzjonijiet applikabbli f’dan il-każ kienet tikkostitwixxi element rilevanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE u li l-imsemmija leġiżlazzjoni kienet tirrikonoxxi n-neċessità ta’ aċċess għan-network lokali ta’ ST sabiex tippermetti l-ħolqien u l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni effettiva fis-suq Slovakk tas-servizzi ta’ aċċess għall-internet b’veloċità għolja, b’tali mod li ma kienx iktar meħtieġ mill-Kummissjoni li hija tippreżenta tali aċċess indispensabbli.

    22

    Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti sostniet li d-dritt għal smigħ tagħha kien ġie miksur, minħabba, minn naħa, li hija ma setgħetx tieħu konjizzjoni ta’ ċertu ammont ta’ informazzjoni li kienet ittieħdet inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-kompressjoni tal-marġni ħlief waqt il-laqgħa tad‑29 ta’ Settembru 2014 u, min-naħa l-oħra, li hija bbenefikat biss minn terminu qasir ħafna sabiex turi l-perspettiva tagħha dwar din l-informazzjoni. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet din it-tieni parti fil-punti 123 sa 145 tas-sentenza appellata billi kkunsidrat, essenzjalment, li l-informazzjoni inkwistjoni ma kinitx biddlet in-natura tal-ilmenti mqajma kontra ST u r-rikorrenti fid-deċiżjoni kontenzjuża u ma kinitx timplika fatti li ma kellhomx l-opportunità jikkontestaw.

    23

    It-tielet motiv tar-rikorrenti kien b’mod partikolari bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kienet wettqet żbalji ta’ liġi u ta’ fatt meta imputatilha l-aġir ta’ ST, billi bbażat ruħha fuq il-fatt li hija kellha l-possibbiltà teżerċita influwenza determinanti fuq din il-kumpannija, billi ppreżumiet li hija kienet effettivament eżerċitat tali influwenza fuq l-imsemmija kumpannija u billi ma wrietx li hija kienet eżerċitat influwenza determinanti fuq l-istess kumpannija. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn l-ilmenti fil-punti 227 sa 473 tas-sentenza appellata għar-raġuni, b’mod partikolari, li l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti tal-kumpannija omm fuq l-aġir tas-sussidjarja jista’ jiġi dedott minn serje ta’ elementi konkordanti u li dan kien il-każ fid-deċiżjoni kontenzjuża, peress li l-Kummissjoni enfasizzat, fost oħrajn, il-preżenza, fi ħdan il-bord tad-diretturi ta’ ST, ta’ uffiċjali superjuri tal-appellanti, it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ kollaboraturi tal-appellanti għall-benefiċċju ta’ ST u t-trażmissjoni regolari ta’ rapporti minn ST fir-rigward tal-kumpannija sussidjarja tagħha. Il-Qorti Ġenerali qieset li l-eżami tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lir-rikorrenti u lil ST kien jippermetti li jiġi stabbilit li l-istrateġija ġenerali ta’ din tal-aħħar fis-suq Slovakk tas-servizzi ta’ aċċess għall-internet b’veloċità għolja kienet iddefinita mir-rikorrenti.

    It-talbiet tal-partijiet

    24

    Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza appellata sa fejn din ċaħdet ir-rikors fl-ewwel istanza;

    tannulla, kompletament jew parzjalment, sa fejn din tikkonċernaha, id-deċiżjoni kontenzjuża u, sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas il-multi li din imponiet fuqha;

    sussidjarjament, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwarha mill-ġdid; u

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha relatati ma’ din il-proċedura u mal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

    25

    Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiċħad l-appell; u

    tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż ta’ din l-istanza.

    Fuq l-appell

    26

    Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka erba’ aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju li jgħid li, sabiex rifjut ta’ aċċess ikun abbużiv, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, l-imsemmi aċċess għandu jkun “indispensabbli” għal dak li jagħmel it-talba. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju li jgħid li, sabiex ksur ta’ sussidjarja jiġi imputat lill-kumpannija omm tagħha, din tal-aħħar għandha effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha. It-tielet aggravju huwa marbut mal-applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju li jgħid li, sabiex ksur ta’ sussidjarja jiġi imputat lil kumpannija omm, is-sussidjarja essenzjalment għandha tkun applikat l-istruzzjonijiet li jkunu ngħatawlha mill-kumpannija omm. Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ tar-rikorrenti.

    27

    Barra minn hekk, l-appellanti titlob li tkun tista’ tibbenefika minn sentenza favorevoli li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħti fil-Kawża konnessa C‑165/19 P, dwar l-appell ippreżentat minn ST mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2018, Slovak Telekom vs Il-Kummissjoni (T‑851/14, EU:T:2018:929).

    Fuq l-ewwel aggravju

    L-argumenti tal-partijiet

    28

    L-appellanti tqis li, fil-punti 86 sa 115 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tipprova n-natura indispensabbli, għall-operaturi alternattivi, tal-aċċess għan-network lokali ta’ ST sabiex tikklassifika r-restrizzjonijiet għall-imsemmi aċċess minn din il-kumpannija bħala “abbużivi”, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE.

    29

    Skont l-appellanti, fil-punti 97, 98, 101 u 103 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li l-kriterji stabbiliti fis-sentenza Bronner ma kinux japplikaw f’dan il-każ minħabba li ST kienet suġġetta għal obbligu leġiżlattiv li tagħti aċċess għal-linja lokali tagħha. L-imsemmi obbligu ma jistax jissostitwixxi n-natura indispensabbli tal-aċċess imsemmi fis-sentenza Bronner għar-raġunijiet li ġejjin.

    30

    Fl-ewwel lok, l-eżistenza ta’ obbligu ta’ natura regolatorja li jiġi pprovdut aċċess u n-natura indispensabbli tal-imsemmi aċċess jikkostitwixxu kwistjonijiet distinti. Sabiex timponi fuq ST obbligu ta’ aċċess għan-network lokali tiegħu, it-TUSR ħadet inkunsiderazzjoni biss il-pożizzjoni storika ta’ ST fis-suq bl-ingrossa għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali. Hija ma eżaminatx in-natura indispensabbli ta’ dan l-aċċess għall-attività eżerċitata fis-suq downstream u lanqas, għaldaqstant, ma ddeterminat sa fejn l-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali seta’ jiġi ssostitwit bl-implimentazzjoni ta’ infrastruttura alternattiva għaliha stess. Min-naħa l-oħra, fil-każ tal-eżami tan-natura “indispensabbli” ta’ tali aċċess, fis-sens tas-sentenza Bronner, ikun rilevanti preċiżament jekk jeżistix sostitut reali jew potenzjali għall-imsemmi aċċess. Issa, l-appellanti wriet quddiem il-Qorti Ġenerali li dan kien il-każ f’din il-kawża.

    31

    Fit-tieni lok, l-obbligu leġiżlattiv ta’ aċċess, b’differenza ta’ kundanna għal abbuż minn pożizzjoni dominanti, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, huwa impost ex ante. Minn dan isegwi li l-konstatazzjonijiet materjali li fuqhom huwa bbażat dan l-obbligu jistgħu jinqabżu malajr. Dan huwa partikolarment il-każ fil-kuntest tas-swieq ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet li jiżviluppaw malajr ħafna.

    32

    Fit-tielet lok, l-obbligu regolamentari ta’ aċċess huwa bbażat fuq estrapolazzjonijiet, filwaqt li abbuż minn pożizzjoni dominanti, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, għandu jiġi kkonstatat wara eżami konkret, b’mod partikolari, tan-natura indispensabbli tal-aċċess għal-linja lokali.

    33

    Fir-raba’ lok, il-leġiżlazzjoni fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet u l-kriterji tas-sentenza Bronner jirrigwardaw għanijiet differenti. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kompetenti fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet għandhom bħala missjoni mhux biss li jippromwovu l-kompetizzjoni, iżda wkoll li jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-suq intern u li jsostnu l-interessi taċ-ċittadini. Dan l-approċċ huwa rifless fis-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni (C‑280/08 P, EU:C:2010:603), invokata mill-Qorti Ġenerali fil-punt 97 tas-sentenza appellata.

    34

    Barra minn hekk, l-appellanti tqis li ma huwiex possibbli li jiġi rrinunzjat l-eżami konkret tan-natura indispensabbli tal-aċċess għan-network lokali meta jeżisti obbligu ta’ aċċess regolatorju, peress li dan jiffaċilita l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ abbuż u jċaħħad il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mis-sens tagħha.

    35

    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punti 106 sa 112 tas-sentenza appellata, rifjut impliċitu ta’ aċċess għal-linja lokali, bħal dak li bih hija akkużata ST, ma huwiex differenti minn dak li ta lok għas-sentenza Bronner, peress li, fiż-żewġ każijiet, il-proprjetarju tal-infrastruttura għandu interess leġittimu fil-protezzjoni tal-investiment tiegħu, li jkun diffiċli li ssir distinzjoni bejn waħda miż-żewġ forom ta’ rifjut ta’ aċċess serju u li l-ksur inqas serju, jiġifieri r-rifjut ta’ aċċess impliċitu, huwa iktar faċli jiġi pprovat mill-ksur iktar serju, jiġifieri r-rifjut ta’ aċċess espliċitu.

    36

    Fl-aħħar nett, il-formulazzjoni użata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 55 tas-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige (C‑52/09, iktar ’il quddiem is-“sentenza TeliaSonera, EU:C:2011:83) ma tippermettix li jiġi konkluż li l-kriterji tas-sentenza Bronner ma japplikawx għal rifjut impliċitu ta’ aċċess.

    37

    Il-Kummissjoni tqis, essenzjalment, li l-abbuż ikkonstatat fid-deċiżjoni inkwistjoni huwa fundamentalment differenti mill-abbuż inkwistjoni fis-sentenza Bronner, b’tali mod li l-kriterji stabbiliti f’din l-aħħar sentenza ma japplikawx f’dan il-każ.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    38

    Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti, il-kumpannija omm ta’ ST li ġiet imputata bl-aġir tagħha, tikkritika b’mod partikolari l-punti 86 sa 115 tas-sentenza appellata, li fihom il-Qorti Ġenerali kkonfermat il-fondatezza tad-deċiżjoni kontenzjuża, peress li ma kinitx il-Kummissjoni li kellha tistabbilixxi n-natura indispensabbli tal-aċċess tal-operaturi alternattivi għal-linja lokali ta’ ST sabiex tkun tista’ tikklassifika bħala “inġusti” il-prattiki tagħha li din l-istituzzjoni qieset li jikkostitwixxu rifjut impliċitu ta’ provvista fil-premessa 365 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li jikkonsisti fl-ewwel lok, f’dissimulazzjoni lill-operaturi alternattivi ta’ informazzjoni marbuta man-network tagħha neċessarja għad-diżassoċjazzjoni tal-linja lokali, fit-tieni lok, fi tnaqqis tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi marbuta mad-diżassoċjazzjoni naxxenti mill-kuntest regolatorju applikabbli, u, fit-tielet lok, fl-istabbiliment ta’ diversi klawżoli u kundizzjonijiet inġusti fl-offerta ta’ riferiment tagħha fil-qasam tad-diżassoċjazzjoni (iktar ’il quddiem il-“prattiċi kontenzjużi”).

    39

    B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 101 tas-sentenza appellata, li, peress li l-qafas regolamentari applikabbli fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet kien jirrikonoxxi b’mod ċar in-neċessità ta’ aċċess għal-linja lokali ta’ ST, sabiex jippermetti t-tnissil u l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni effettiva fis-suq Slovakk tas-servizzi tal-internet b’veloċità għolja, il-prova mill-Kummissjoni, li tali aċċess kien ta’ natura indispensabbli fis-sens tal-aħħar kundizzjoni stabbilita fil-punt 41 tas-sentenza Bronner, ma kinitx meħtieġa. Hija żiedet, essenzjalment, fil-punti 106 sa 114 tas-sentenza appellata, li l-kundizzjonijiet li jirriżultaw mis-sentenza Bronner, u b’mod iktar partikolari dik dwar in-natura indispensabbli ta’ servizz jew ta’ infrastruttura miżmuma mill-impriża dominanti, ma japplikawx għal aġir differenti minn rifjut ta’ aċċess, bħall-prattiki kontenzjużi.

    40

    Sabiex jiġi evalwat jekk dawn il-kunsiderazzjonijiet humiex ivvizzjati bi żball ta’ liġi kif tallega l-appellanti, għandu jitfakkar li l-Artikolu 102 TFUE jipprojbixxi, sa fejn il-kummerċ bejn Stati Membri jista’ jiġi affettwat, il-fatt li impriża waħda jew iktar tuża b’mod abbużiv pożizzjoni dominanti fis-suq intern jew f’parti sostanzjali minnu. Għaldaqstant, hija l-impriża li għandha pożizzjoni dominanti li għandha responsabbiltà partikolari li ma tippreġudikax, bl-aġir tagħha, il-kompetizzjoni effettiva u mhux distorta fis-suq intern (sentenza tat-30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 153 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    41

    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “użu abbużiv minn pożizzjoni dominanti” fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE huwa kunċett oġġettiv li jkopri l-aġir ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti li, f’suq fejn, preċiżament wara l-preżenza tal-impriża inkwistjoni, il-livell ta’ kompetizzjoni huwa diġà dgħajjef, għandu bħala effett li jostakola, bl-użu ta’ mezzi differenti minn dawk li jirregolaw kompetizzjoni normali ta’ prodotti jew ta’ servizzi fuq il-bażi ta’ servizzi tal-operaturi ekonomiċi, iż-żamma tal-livell ta’ kompetizzjoni li għadu jeżisti fis-suq jew l-iżvilupp ta’ din il-kompetizzjoni (sentenza tat-30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 148 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    42

    L-eżami tan-natura abbużiva ta’ prattika ta’ impriża dominanti skont l‑Artikolu 102 TFUE għandu jsir billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi speċifiċi kollha tal-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi TeliaSonera, punt 68; tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Post Danmark, C‑23/14, EU:C:2015:651, punt 68; kif ukoll tad‑19 ta’ April 2018, MEO – Serviços de Comunicações e Multimédia, C‑525/16, EU:C:2018:270, punti 2728).

    43

    Kif jirriżulta mill-punt 37 tas-sentenza Bronner, il-kawża li tat lok għal din is-sentenza kienet tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-fatt, għall-proprjetarju tal-unika sistema ta’ holding fid-djar eżistenti fuq skala nazzjonali fit-territorju ta’ Stat Membru, li juża din is-sistema għad-distribuzzjoni ta’ kuljum tiegħu, li jirrifjuta l-aċċess għall-editur kompetitur jikkostitwixxix abbuż minn pożizzjoni dominanti, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, minħabba li dan ir-rifjut iċaħħad lill-imsemmi kompetitur minn metodu ta’ distribuzzjoni meqjus essenzjali għall-bejgħ tiegħu.

    44

    B’risposta għal dik id-domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 41 ta’ dik is-sentenza, li kien jikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti mhux biss dment li r-rifjut tas-servizz ifformat mill-kunsinna fid-djar kien tali li jelimina kull kompetizzjoni fuq is-suq tal-gazzetti ta’ kuljum min-naħa ta’ min jitlob is-servizz u ma setax jiġi oġġettivament iġġustifikat, imma wkoll li s-servizz kien fih innifsu indispensabbli għall-eżerċizzju tal-attività ta’ dan tal-aħħar, fis-sens li ma kien jeżisti l-ebda sostitut reali jew potenzjali għall-imsemmija sistema ta’ kunsinna fid-djar.

    45

    L-impożizzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet kienet iġġustifikata miċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża li kienu jikkonsistu f’rifjut minn impriża dominanti li tagħti aċċess lil kompetitur għal infrastruttura li hija kienet żviluppat għall-bżonnijiet tal-attività tagħha stess, bl-esklużjoni ta’ kull aġir ieħor.

    46

    F’dan ir-rigward, kif indika, essenzjalment, ukoll l-Avukat Ġenerali fil-punti 68, 73 u 74 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-konstatazzjoni li impriża dominanti abbużat mill-pożizzjoni tagħha minħabba rifjut li tikkuntratta ma’ kompetitur għandha l-konsegwenza li din l-impriża hija sfurzata li tikkuntratta ma’ dan il-kompetitur. Issa, tali obbligu huwa partikolarment ta’ preġudizzju għal-libertà li jiġi konkluż kuntratt u għad-dritt ta’ proprjetà tal-impriża dominanti peress li impriża tal-istess dominanti, bħala prinċipju, tibqa’ libera li tirrifjuta li tikkuntratta u li topera l-infrastruttura li hija żviluppat għall-bżonnijiet tagħha stess. (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 1988, Volvo, 238/87, EU:C:1988:477, punt 8).

    47

    Barra minn hekk, għalkemm, għal żmien qasir, il-kundanna ta’ impriża talli abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha minħabba rifjut li tikkuntratta ma’ kompetitur għandha l-konsegwenza li tiffavorixxi l-kompetizzjoni, min-naħa l-oħra, fuq medda twila ta’ żmien, ġeneralment tiffavorixxi l-iżvilupp tal-kompetizzjoni u fl-interess tal-konsumaturi li kumpannija tkun tista’ tirriżerva għall-użu tagħha l-installazzjonijiet li hija żviluppat għall-bżonnijiet tal-attività tagħha. Fil-fatt, jekk aċċess għal faċilità ta’ produzzjoni, xiri jew distribuzzjoni kellu jitħalla jkun faċli ħafna ma jkun hemm ebda inċentiv għal kompetitur li jiżviluppa faċilitajiet kompetittivi. Barra minn hekk, impriża dominanti tkun inqas fil-pront li tinvesti f’installazzjonijiet effikaċi jekk hija tkun tista’ ssib ruħha kostretta, fuq sempliċi talba tal-kompetituri tagħha, li taqsam magħhom il-profitti li jirriżultaw mill-investimenti tagħha stess.

    48

    Konsegwentement, meta impriża dominanti tirrifjuta li tagħti aċċess għal infrastruttura li hija żviluppat għall-bżonnijiet tal-attività tagħha stess, id-deċiżjoni li tobbliga lil din l-impriża tagħti dan l-aċċess tista’ tiġi ġġustifikata biss, fuq il-livell tal-politika tal-kompetizzjoni, meta l-impriża dominanti jkollha żżomm realment fis-suq ikkonċernat.

    49

    L-applikazzjoni, għal każ partikolari, tal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Bronner, imfakkra fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, u b’mod partikolari dik dwar in-natura indispensabbli tal-aċċess għall-infrastruttura tal-impriża dominanti, tippermetti lill-awtorità jew lill-qorti nazzjonali kompetenti li tiddetermina jekk din l-impriża għandhiex tali żamma permezz ta’ din l-infrastruttura. Għalhekk, tali impriża tista’ tkun obbligata tagħti aċċess lil kompetitur għal infrastruttura li hija tkun żviluppat għall-bżonnijiet tal-attività tagħha biss meta tali aċċess ikun indispensabbli għall-attività ta’ tali kompetitur, jiġifieri fl-assenza ta’ sostitut reali jew potenzjali għal din l-infrastruttura.

    50

    Min-naħa l-oħra, meta impriża dominanti tagħti aċċess għall-infrastruttura tagħha iżda tissuġġetta dan l-aċċess jew il-provvista ta’ servizzi jew il-bejgħ ta’ prodotti għal kundizzjonijiet inġusti, il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 41 tas-sentenza Bronner ma japplikawx. Ċertament, meta l-aċċess għal tali infrastruttura, jew saħansitra għal servizz jew għal input, huwa indispensabbli sabiex il-kompetituri tal-impriża dominanti jkunu jistgħu joperaw b’mod profittabbli f’suq downstream, ikun iktar u iktar probabbli li prattiki inġusti f’dan is-suq ikollhom effetti antikompetittivi tal-inqas potenzjali u jikkostitwixxu abbuż, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, C‑280/08 P, EU:C:2010:603, punt 234, kif ukoll TeliaSonera, punti 70 u 71). Madankollu, fir-rigward ta’ prattiki oħra minbarra rifjut ta’ aċċess, l-assenza ta’ tali natura indispensabbli ma hijiex determinanti fiha nnifisha għall-finijiet tal-eżami ta’ aġir potenzjalment abbużiv min-naħa ta’ impriża dominanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza TeliaSonera, punt 72).

    51

    Fil-fatt, minkejja li tali aġir jista’ jikkostitwixxi forma ta’ abbuż meta dan jista’ joħloq effetti antikompetittivi għall-inqas potenzjali, jew saħansitra effetti ta’ esklużjoni, fuq is-swieq ikkonċernati, dan ma jistax jiġi assimilat ma’ rifjut pur u sempliċi li jippermetti lil kompetitur li jaċċedi għal infrastruttura meta l-awtorità tal-kompetizzjoni jew il-qorti nazzjonali kompetenti ma jkollhiex għalfejn iġġiegħel lill-impriża dominanti tagħti aċċess għall-infrastruttura tagħha, peress li dan l-aċċess diġà ngħata. Il-miżuri li ser jittieħdu f’tali kuntest huma, għaldaqstant, inqas ta’ preġudizzju għal-libertà li tiġi kkuntrattata mill-impriża dominanti u għad-dritt ta’ proprjetà tagħha milli l-fatt li tobbligaha tagħti aċċess għall-infrastruttura tagħha meta hija tirriżervaha għall-bżonnijiet tal-attività tagħha stess.

    52

    F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fil-punti 75 u 96 tas-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni (C‑295/12 P, EU:C:2014:2062), li l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 41 tas-sentenza Bronner, u b’mod partikolari dik dwar in-natura indispensabbli tal-aċċess, ma japplikawx fil-każ ta’ abbuż li tikkostitwixxi l-kompressjoni tal-marġni ta’ operaturi kompetituri f’suq downstream.

    53

    Fl-istess sens, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 58 tas-sentenza TeliaSonera, essenzjalment, li ma jistax jiġi rikjest li l-eżami tan-natura abbużiva ta’ kull tip ta’ aġir ta’ impriża dominanti fir-rigward tal-kompetituri tagħha jsir sistematikament fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Bronner, li kienet tirrigwarda rifjut ta’ provvista ta’ servizz. Huwa, għalhekk, ġustament li, fil-punti 108 sa 110 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, fil-punti 55 sa 58 tas-sentenza TeliaSonera, il-Qorti tal-Ġustizzja ma rreferietx biss għall-forma partikolari ta’ abbuż li tikkostitwixxi l-kompressjoni tal-marġni ta’ operaturi kompetituri f’suq downstream meta evalwat il-prattiki li għalihom il-kundizzjonijiet tas-sentenza Bronner ma kinux japplikaw.

    54

    F’din il-kawża, is-sitwazzjoni ta’ ST kienet ikkaratterizzata b’mod partikolari mill-fatt, imfakkar fil-punt 99 tas-sentenza appellata, li hija kienet suġġetta għal obbligu regolamentari fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet, li abbażi tiegħu hija kienet obbligata tagħti aċċess għan-network tal-linja lokali tagħha. Fil-fatt, wara d-deċiżjoni tat-8 ta’ Marzu 2005 tat-TUSR, ikkonfermata mid-Direttur ta’ din l-istess awtorità fl-14 ta’ Ġunju 2005, l-appellanti kienet obbligata li taċċedi fil-kwalità tagħha ta’ operatur b’saħħtu għat-talbiet kollha għal aċċess diżassoċjat għal-linja lokali tagħha kkunsidrati bħala raġonevoli u ġġustifikati, li joriġinaw minn operaturi alternattivi sabiex ikunu jistgħu, fuq din il-bażi, joffru s-servizzi tagħhom stess fis-suq bl-imnut tal-massa tas-servizzi tal-internet b’veloċità għolja f’pożizzjoni fissa fis-Slovakkja.

    55

    Tali obbligu jissodisfa l-għanijiet ta’ żvilupp ta’ kompetizzjoni effettiva fis-swieq tat-telekomunikazzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Kif jippreċiżaw il-premessi 3, 6 u 7 tar-Regolament Nru 2887/2000, l-impożizzjoni ta’ tali obbligu ta’ aċċess hija ġġustifikata mill-fatt li, minn naħa, peress li l-operaturi b’saħħithom setgħu, matul perijodi relattivament twal, jużaw in-networks ta’ aċċess lokali tagħhom billi jibbenefikaw mill-protezzjoni tad-drittijiet esklużivi u li huma setgħu jiffinanzjaw l-ispejjeż ta’ investiment tagħhom permezz ta’ dħul ta’ monopolju, ma jkunx ekonomikament vijabbli għall-operaturi l-ġodda li jirriproduċu l-infrastruttura ta’ aċċess lokali, u l-infrastrutturi l-oħra, min-naħa l-oħra, ma jikkostitwixxux sostitut ekonomikament vijabbli għall-operaturi ġodda li jissostitwixxu l-infrastruttura ta’ aċċess lokali. L-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali huwa għalhekk ta’ natura li jippermetti lill-operaturi li jidħlu fis-suq li jikkompetu mal-operaturi b’saħħithom. Minn dan isegwi li, kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 99 tas-sentenza appellata, l-obbligu ta’ aċċess impost f’dan il-każ mit-TUSR kien jirriżulta mir-rieda li l-appellanti kif ukoll il-kompetituri tagħha jiġu inkoraġġuti jinvestu u jinnovaw, filwaqt li jiġi żgurat li l-kompetizzjoni fis-suq tiġi ppreżervata.

    56

    Dan l-obbligu leġiżlattiv kien japplika għal ST matul il-perijodu kollu tal-ksur ikkonstatat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża, jiġifieri mit‑12 ta’ Awwissu 2005 sal-31 ta’ Diċembru 2010. Fil-fatt, minbarra l-fatt li, skont l-Artikolu 8(5)(f) tad-Direttiva 2002/21, kif emendata bid-Direttiva 2009/140, l-awtoritajiet regolatorji fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet jistgħu jimponu tali obbligu ta’ aċċess biss meta ma jkunx hemm kompetizzjoni effettiva u sostenibbli u jkunu obbligati jissospenduha jew iħassruha malli din il-kundizzjoni tiġi ssodisfatta, l-appellanti la allegat u lanqas ma wriet li hija kienet suġġetta għal dan l-obbligu matul il-perijodu tal-ksur. Barra minn hekk, il-Kummissjoni mmotivat il-bażi tal-eżistenza ta’ tali obbligu ta’ aċċess fit-Taqsima 5.1 tad-deċiżjoni kontenzjuża u indikat, fil-punt 377 tagħha, li hija kienet wettqet l-analiżi tagħha ex post tas-swieq inkwistjoni, sabiex tikkonkludi li s-sitwazzjoni f’dawn is-swieq ma kinitx inbidlet b’mod sinjifikattiv f’dan ir-rigward matul il-perijodu tal-ksur.

    57

    B’mod analogu għal dak li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà indikat fil-punt 224 tas-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni (C‑280/08 P, EU:C:2010:603), imsemmija fil-punt 97 tas-sentenza appellata, għandu jitqies li obbligu regolamentari jista’ jkun rilevanti sabiex jiġi evalwat aġir abbużiv, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, min-naħa ta’ impriża dominanti suġġetta għal regoli settorjali. F’dan il-kuntest tal-kawża odjerna, għalkemm l-obbligu ta’ aċċess għan-network lokali impost fuq l-appellanti ma jistax jeżenta lill-Kummissjoni mir-rekwiżit li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ abbuż fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, billi tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-ġurisprudenza applikabbli, l-impożizzjoni ta’ dan l-obbligu għandha l-konsegwenza li, matul il-perijodu kollu tal-ksur ikkonstatat f’dan il-każ, ST ma setgħetx u ma rrifjutatx verament li tagħti aċċess għan-network tal-linja lokali tagħha.

    58

    Madankollu, matul l-imsemmi perijodu, ST żammet awtonomija deċiżjonali, minkejja l-obbligu regolamentari msemmi iktar ’il fuq, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ tali aċċess. Fil-fatt, minbarra ċerti prinċipji gwida, il-kontenut obbligatorju tal-offerta ta’ riferiment fil-qasam tal-aċċess mhux marbut mal-linja lokali, imsemmi fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2887/2000, ma kienx preskritt mill-qafas regolatorju jew mid-deċiżjonijiet tat-TUSR. Huwa b’applikazzjoni ta’ din l-awtonomija deċiżjonali li ST adottat il-prattiki kontenzjużi.

    59

    Madankollu, peress li l-prattiki kontenzjużi ma kinux jikkostitwixxu rifjut ta’ aċċess għal-linja lokali tal-appellanti, iżda kienu jirrigwardaw il-kundizzjonijiet ta’ tali aċċess, għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 45 sa 51 ta’ din is-sentenza, il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 41 tas-sentenza Bronner, imfakkra fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, ma japplikawx f’dan il-każ.

    60

    Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkunsidrat, fil-punt 101 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata turi n-natura “indispensabbli”, fis-sens tal-aħħar kundizzjoni stabbilita fil-punt 41 tas-sentenza Bronner, sabiex tikkonstata abbuż ta’ pożizzjoni dominanti min-naħa tal-appellanti minħabba l-prattiki kontenzjużi.

    61

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-ewwel aggravju huwa bbażat fuq premessa li hija żbaljata fid-dritt, għandu, għalhekk, jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

    Fuq it-tieni aggravju

    L-argumenti tal-partijiet

    62

    Permezz tat-tieni aggravju tagħha, li jinkludi żewġ partijiet, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta imputatilha l-abbuż minn pożizzjoni dominanti mwettaq minn ST.

    63

    Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, l-appellanti ssostni li, sabiex timputalha l-aġir abbużiv ta’ ST, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li fatti li jistgħu jistabbilixxu biss il-kapaċità tal-appellanti li teżerċita influwenza determinanti fuq ST jistgħu jintużaw bħala indizji ta’ eżerċizzju effettiv ta’ tali influwenza. Skont l-appellanti, li jiġi aċċettat li fatti li juru biss il-kapaċità, għal kumpannija omm, li teżerċita influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha huma biżżejjed sabiex juru l-eżerċizzju effettiv tal-imsemmija influwenza, dan ikollu l-konsegwenza li jneħħi kull forma ta’ distinzjoni bejn l-eżerċizzju possibbli u l-eżerċizzju effettiv ta’ din l-influwenza u jikkostitwixxi estensjoni illegali tal-preżunzjoni applikabbli għas-sussidjarji miżmuma 100 % minn kumpannija omm.

    64

    L-appellanti tqis, għalhekk, li l-fatti msemmija, fl-ewwel lok, fil-punti 233 u 249 et seq. tas-sentenza appellata, li jipprovdu li d-diretturi ta’ ST għandhom ukoll funzjonijiet ta’ tmexxija fi ħdan l-appellanti jew uffiċjali superjuri tal-appellanti huma preżenti fi ħdan il-bord tad-diretturi ta’ ST, fit-tieni lok, fil-punti 280 sa 285 tas-sentenza appellata, li jgħidu li l-appellanti qiegħdet għad-dispożizzjoni ta’ ST kollaboraturi u, fit-tielet lok, fil-punt 294 tas-sentenza appellata, li jgħidu li ST ħarġet rapport dwar il-politika kummerċjali tagħha, jikkostitwixxu wkoll ċirkustanzi fattwali li ma humiex ta’ natura li jistabbilixxu l-kapaċità eventwali tal-appellanti li jeżerċitaw influwenza determinanti fuq ST, u mhux li hija effettivament teżerċita tali influwenza.

    65

    Barra minn hekk, l-appellanti ssostni li d-distinzjoni msemmija fil-punt 63 ta’ din is-sentenza ma tipprekludix lill-Kummissjoni milli tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha li jistgħu jwasslu għall-konstatazzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti. Barra minn hekk, hija tikkontesta r-rilevanza tar-riferiment magħmul mill-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata, u mill-Kummissjoni, fir-risposta tagħha, għas-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2017, Toshiba vs Il-Kummissjoni (C-623/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:21), peress li l-kawża li tat lok għal din is-sentenza kienet tirrigwarda l-osservanza tar-regoli ta’ teħid ta’ deċiżjoni fi ħdan impriża konġunta u mhux il-possibbiltà li tiġi eżerċitata influwenza determinanti. L-appellanti tikkunsidra wkoll li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni fir-risposta tagħha, fil-punt 93 tas-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2015, Fresh Del Monte Produce vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Fresh Del Monte Produce (C‑293/13 P u C‑294/13 P, EU:C:2015:416), il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkunsidratx li skambju ta’ informazzjoni kien jikkostitwixxi indizju tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti.

    66

    Bit-tieni parti tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti targumenta li, fil-kuntest tal-klassifikazzjoni legali tal-fatti li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat il-prinċipju li effettivament kellha tiġi eżerċitata influwenza determinanti billi kkonkludiet favur l-eżistenza ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti mis-sempliċi possibbiltà ta’ tali eżerċizzju. B’hekk, l-appellanti ssostni li ma humiex biss il-punti tas-sentenza appellata kkritikati fil-kuntest tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv li huma vvizzjati bi żball ta’ liġi, iżda wkoll, fl-ewwel lok, il-punt 262 ta’ din is-sentenza, sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-bord eżekuttiv ta’ ST kien jirrapporta lill-bord tad-diretturi tal-appellanti u mal-approvazzjoni minn din tal-aħħar tal-pjan tan-negozju tal-imsemmi bord eżekuttiv, fit-tieni lok, il-punti 273 u 274 tal-imsemmija sentenza, sa fejn il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li d-dmir ta’ lealtà tal-amministraturi fir-rigward tal-azzjonisti jew in-natura mhux vinkolanti tas-servizzi tal-bord eżekuttiv ipprovduti lil ST ma kinux jeskludu l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti min-naħa tar-appellanti fuq ST, u, fit-tielet lok, il-punti 278 u tal-istess sentenza sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-ftehim tal-azzjonisti kien jippermetti lir-rappreżentanti tal-appellanti fi ħdan il-bord eżekuttiv ta’ ST li jeżerċitaw influwenza determinanti fuq id-deċiżjonijiet kummerċjali kollha ta’ din tal-aħħar. Barra minn hekk, l-appellanti tikkontesta l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li l-Kummissjoni tqajjem kontra t-tieni parti tat-tieni aggravju tagħha, minħabba li, permezz ta’ din il-parti, hija ma tikkontestax il-konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali, iżda sempliċement issostni żball ta’ liġi bbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti.

    67

    Il-Kummissjoni tqis li t-tieni parti tat-tieni aggravju hija inammissibbli sa fejn tikkontesta l-konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali u timplika evalwazzjoni ġdida tal-provi mill-Qorti tal-Ġustizzja. Fi kwalunkwe każ, it-tieni aggravju huwa infondat għaliex il-konstatazzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti tista’ tiġi dedotta, bħal f’dan il-każ, minn sensiela ta’ elementi konkordanti filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    68

    Fir-rigward tal-ammissibbiltà tat-tieni parti tat-tieni aggravju, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss teżerċita, bis-saħħa tal-Artikolu 256 TFUE, stħarriġ fuq il-klassifikazzjoni ġuridika tagħhom u l-konsegwenzi legali li rriżultaw minnha. L-evalwazzjoni tal-fatti, ħlief fil-każ tal-iżnaturament tal-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, għaldaqstant ma tikkostitwixxix kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2019, Alcogroup u Alcodis vs Il-Kummissjoni, C‑403/18 P, EU:C:2019:870, punt 63 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    69

    Fit-tieni aggravju, l-appellanti ma allegatx żnaturament tal-provi eżaminati mill-Qorti Ġenerali li juru li hija setgħet tinżamm responsabbli għall-aġir ta’ ST u ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha teżamina mill-ġdid il-valur probatorju ta’ dawn il-provi.

    70

    Permezz tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, l-appellanti madankollu ssostni li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li l-Kummissjoni setgħet ġustament tibbaża ruħha fuq ċertu numru ta’ fatti sabiex tikkonkludi li l-appellanti eżerċitat influwenza determinanti fuq ST, filwaqt li dawn il-fatti huma biss ta’ natura li juru l-possibbiltà ta’ tali influwenza. Minn dan jirriżulta li l-Qorti Ġenerali kklassifikat b’mod żbaljat dawn il-fatti bħala li jikkostitwixxu influwenza determinanti effettiva tal-appellanti fuq ST. B’hekk, b’din il-parti tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja mhux li twettaq evalwazzjoni ġdida tal-fatti, iżda li tistħarreġ il-klassifikazzjoni legali tagħhom mill-Qorti Ġenerali.

    71

    Minn dan isegwi li t-tieni parti tat-tieni aggravju hija ammissibbli.

    72

    Fir-rigward tal-mertu, għandu jitfakkar li l-awturi tat-Trattati għażlu li jużaw il-kunċett ta’ “impriża” sabiex jindikaw l-awtur ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni li jista’ jiġi ssanzjonat skont l-Artikoli 101 u 102 TFUE. Dan il-kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni ikopri kull entità kkostitwita minn elementi personali, materjali u immaterjali li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus legali ta’ din l-entità u mill-metodu ta’ finanzjament tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, Skanska Industrial Solutions et, C‑724/17, EU:C:2019:204, punti 29, 3647). B’hekk, il-kunċett ta’ “impriża” previst fl-Artikoli 101 u 102 TFUE għandhom jinftiehmu bħala li jirreferu għal unità ekonomika mill-perspettiva tal-għan tal-prattika antikompetittiva inkwistjoni, anki jekk, mill-perspettiva legali, din l-unità ekonomika hija kkostitwita minn diversi persuni fiżiċi jew morali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 1984, Hydrotherm Gerätebau, 170/83, EU:C:1984:271, punt 11, u tad‑29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    73

    Minn din l-għażla jirriżulta, minn naħa, li, meta tali entità ekonomika tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija għandha tkun responsabbli, skont il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, għal dan il-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata) u, min-naħa l-oħra, li persuna morali tista’, f’ċerti kundizzjonijiet, tinżamm personalment u in solidum responsabbli għall-aġir antikompetittiv ta’ persuna morali oħra li tkun tappartjeni lil din l-istess entità ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ April 2017, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C‑516/15 P, EU:C:2017:314, punt 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    74

    B’hekk, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-responsabbiltà tal-aġir ta’ sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija omm b’mod partikolari meta, għalkemm ikollha personalità ġuridika distinta, din is-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, iżda tapplika essenzjalment l-istruzzjonijiet mogħtija lilha mill-kumpannija omm, b’mod partikolari fir-rigward tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi (ara s-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C‑97/08 P, EU:C:2009:536, punt 58; tal‑10 ta’ April 2014, Areva et vs Il-Kummissjoni, C‑247/11 P u C‑253/11 P, EU:C:2014:257, punt 30; kif ukoll tat‑18 ta’ Jannar 2017, Toshiba vs il-Kummissjoni, C‑623/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:21, punt 45). F’każ bħal dan, l-istruzzjonijiet mogħtija mill-kumpannija omm jistgħu jikkostitwixxu forma ta’ influwenza determinanti eżerċitata minn din tal-aħħar fuq is-sussidjarja tagħha.

    75

    Għall-finijiet tal-eżami dwar jekk il-kumpannija omm tistax teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir fis-suq tas-sussidjarja tagħha, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha marbuta mar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lis-sussidjarja mal-kumpannija omm tagħha u, għalhekk, tar-realtà ekonomika (sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2015, Fresh Del Monte Produce vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Fresh Del Monte Produce, C‑293/13 P u C‑294/13 P, EU:C:2015:416, punt 76, kif ukoll tat-18 ta’ Jannar 2017, Toshiba vs Il-Kummissjoni, C‑623/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:21, punt 46).

    76

    Għaldaqstant, għalkemm l-istruzzjonijiet mogħtija mill-kumpannija omm lis-sussidjarja tagħha li jaffettwaw l-aġir tagħha fuq is-suq jistgħu jikkostitwixxu provi suffiċjenti ta’ tali influwenza determinanti, dawn ma jikkostitwixxux l-uniċi provi ammissibbli. L-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti mal-kumpannija omm fuq l-aġir tas-sussidjarja tista’ tiġi dedotta wkoll minn firxa ta’ elementi konkordanti, anki jekk l-ebda wieħed minn dawn l-elementi, ikkunsidrata b’mod iżolat, ma hija suffiċjenti sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ tali influwenza (sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2015, Fresh Del Monte Produce vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Fresh Del Monte Produce, C‑293/13 P u C‑294/13 P, EU:C:2015:416, punt 77, kif ukoll tat‑18 ta’ Jannar 2017, Toshiba vs Il-Kummissjoni, C‑623/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:21, punt 47).

    77

    Kif jirriżulta mill-punti 75 u 76 ta’ din is-sentenza, jista’ jkun biżżejjed, sabiex ir-responsabbiltà għall-aġir ta’ sussidjarja tiġi imputata lill-kumpannija omm, li jiġi eżaminat jekk din tal-aħħar għandhiex il-possibbiltà li teżerċita influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li tallega l-appellanti, fatt li jikkontribwixxi sabiex jintwera li l-kumpannija omm għandha l-kapaċità li teżerċita influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha jista’ wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali tas-sitwazzjoni inkwistjoni, meta tali fatt, eżaminat fid-dawl jew flimkien ma’ fatti oħra relatati ma’ din is-sitwazzjoni, jaqa’ taħt firxa ta’ indizji konkordanti dwar influwenza effettiva u determinanti tal-kumpannija omm fuq is-sussidjarja tagħha.

    78

    Minn dan isegwi li l-appellanti tallega b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li fatti li juru li hija kienet f’pożizzjoni li teżerċita influwenza determinanti fuq ST ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala indizji li jikkontribwixxu sabiex tiġi stabbilita n-natura effettiva tal-eżerċizzju ta’ din l-influwenza.

    79

    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali kklassifikatx b’mod żbaljat l-elementi speċifiċi msemmija fil-punti 233, 249 sa 262, 273, 274, 278, 280 sa 285 u 294 tas-sentenza appellata bħala indizji tal-eżerċizzju effettiv tal-influwenza determinanti tal-appellanti, li kellha sehem ta’ 51 % fil-kapital ta’ ST, fuq din tal-aħħar, għandu jiġi osservat dan li ġej.

    80

    Fl-ewwel lok, fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-preżenza ta’ uffiċjali superjuri tal-appellanti fi ħdan il-bord tad-diretturi ta’ ST, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball meta kkunsidrat, fil-punt 233 tas-sentenza appellata, li huwa rilevanti, sabiex jiġi evalwat l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti mill-kumpannija omm fuq is-sussidjarja tagħha, li tittieħed inkunsiderazzjoni l-preżenza, fit-tmexxija tas-sussidjarja, ta’ persuni li jokkupaw funzjonijiet ta’ tmexxija fi ħdan il-kumpannija omm. Fil-fatt, tali preżenza f’ras is-sussidjarja tikkostitwixxi indizju li, meta jkun ikkorroborat minn oħrajn, jista’ jistabbilixxi l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti tal-kumpannija omm fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha fis-suq ikkonċernat.

    81

    F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkonstatat b’mod partikolari, fil-punti 250 sa 256 tas-sentenza appellata, li, matul il-perijodu tal-ksur, M. R. R., minn naħa, kien simultanjament membru tal-bord tad-diretturi ta’ ST u okkupa pożizzjonijiet ta’ tmexxija fi ħdan l-appellanti u, min-naħa l-oħra, ivverifika l-kontijiet ta’ ST fid-dawl tal-konsolidazzjoni tagħhom fil-livell tal-grupp Deutsche Telekom. Minn dawn il-punti tas-sentenza appellata jirriżulta wkoll li M. R. R. kien involut fit-tfassil tal-pjanifikazzjoni finanzjarja u tal-politika ta’ investiment ta’ ST, sabiex jiżgura l-konformità tagħhom mal-għanijiet ta’ dan il-grupp u li kien jivverifika jekk din is-sussidjarja kinitx tilħaq l-għanijiet finanzjarji tagħha stess matul kull perijodu ta’ referenza. Il-Qorti Ġenerali ppreċiżat ukoll li tali involviment ta’ M. R. R. fi ħdan ST kellu neċessarjament rabta mill-qrib mal-politika kummerċjali ta’ din tal-aħħar.

    82

    Il-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball meta kklassifikat dawn l-elementi fattwali bħala indizji tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti tar-rikorrenti fuq ST. Fil-fatt, il-kumulu tal-funzjonijiet ta’ M. R. R. bħala direttur tar-rikorrenti u membru tal-bord tad-diretturi ta’ ST, kif ukoll id-diversi missjonijiet fi ħdan din tal-aħħar, jikkostitwixxu indizji tal-involviment tar-rikorrenti fid-definizzjoni u l-kontroll tal-politika kummerċjali ta’ ST.

    83

    Sa fejn l-appellanti tqis li, fil-punt 262 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kklassifikat b’mod żbaljat ċerti fatti bħala indizji tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti fuq ST, għandu jiġi kkonstatat li s-silta mill-imsemmi punt ikkontestata mill-appellanti tirrigwarda speċifikament, f’dan l-istadju tar-raġunament, il-kontroll eżerċitat mill-bord tad-diretturi ta’ ST fuq il-bord eżekuttiv ta’ tmexxija tagħha, u mhux il-kontroll eżerċitat mill-appellanti fuq ST permezz tal-bord tad-diretturi tagħha. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-obbligu li kellu l-bord eżekuttiv ta’ ST li jirrapporta regolarment lill-bord tad-diretturi dwar l-attivitajiet tiegħu kif ukoll dwar l-istat ta’ din il-kumpannija u dak tas-sussidjarji tagħha, kif ukoll il-kompetenza tal-bord tad-diretturi fir-rigward tal-approvazzjoni tal-pjan ta’ negozju ppreparat mill-bord eżekuttiv tat-tmexxija, kienu jikkostitwixxu indizji tal-kontroll tal-bord eżekuttiv ta’ tmexxija ta’ ST mill-bord tad-diretturi ta’ din l-istess kumpannija. Għaldaqstant, l-imsemmi punt tas-sentenza appellata ma huwiex ivvizzjat bi żball ta’ klassifikazzjoni, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti.

    84

    Bl-istess mod, sa fejn l-appellanti tikkritika, fl-ewwel lok, il-punt 273 tas-sentenza appellata, li jgħid li d-dmir ta’ lealtà tal-amministraturi fir-rigward tal-azzjonisti skont id-dritt Slovakk applikabbli ma kienx jipprekludi legalment lil kumpannija omm li għandha l-maġġoranza tal-kapital azzjonarju ta’ din is-sussidjarja milli teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ ST fuq is-suq, fit-tieni lok, il-punt 274 tas-sentenza appellata, li jipprovdi li l-eżerċizzju mir-rikorrenti ta’ influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ ST ma kienx eskluż minħabba n-natura mhux vinkolanti tas-servizzi ta’ konsulenza pprovduti mill-appellanti lil ST bis-saħħa tal-ftehim qafas dwar il-kooperazzjoni strateġika konkluż bejn dawn tal-aħħar, u, fit-tielet lok, il-punt 278 ta’ din is-sentenza, li fiha hemm riferiment għar-raġunijiet iddikjarati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża li għalihom il-ftehim tal-azzjonisti kien jippermetti lir-rappreżentanti tal-appellanti fi ħdan il-bord tad-diretturi ta’ ST li jeżerċitaw influwenza determinanti fuq id-deċiżjonijiet kummerċjali kollha ta’ din tal-aħħar, inkluża l-approvazzjoni tal-baġit, hemm lok li jiġi kkonstatat li peress li l-appellanti ma tinvoka l-ebda żnaturament tal-fatti eżaminati mill-Qorti Ġenerali f’dawk il-punti tas-sentenza appellata, din tal-aħħar setgħet, mingħajr ma twettaq ebda żball ta’ liġi, tikklassifika tali preżenza ta’ uffiċjali superjuri tal-appellanti fi ħdan il-bord tad-diretturi ta’ ST bħala indizju tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti tal-appellanti fuq ST, kif ikkonstatata mill-Qorti Ġenerali b’mod partikolari fil-punti 250 sa 256 tas-sentenza appellata.

    85

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-klassifikazzjoni tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ kollaboraturi tal-appellanti ma’ ST bħala indizju tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti tal-appellanti fuq ST, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 285 tas-sentenza appellata, li seta’ raġonevolment jiġi kkunsidrat li dawn il-kollaboraturi, anki jekk ma kinux għadhom taħt l-awtorità diretta tal-appellanti matul il-kollokament tagħhom ma’ ST, kellhom għarfien fil-fond tal-politika u tal-għanijiet kummerċjali tal-appellanti u kienu għaldaqstant b’mod partikolari f’pożizzjoni tajba sabiex jiżguraw li ST taġixxi b’mod konformi mal-interessi tagħha. Issa, tali konstatazzjonijiet huma rilevanti sabiex l-imsemmi tqegħid għad-dispożizzjoni jiġi kklassifikat bħala indizju tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti tal-appellanti fuq ST, peress li dawn għandhom jinqraw flimkien, b’mod partikolari, mal-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, li ma humiex ikkontestati mill-appellanti, li jinsabu fil-punti 281 u 287 tas-sentenza appellata, li jipprovdu li l-uffiċjali superjuri li tqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ ST okkupaw pożizzjonijiet li jimplikaw grad għoli ta’ responsabbiltà fi ħdan il-grupp ST li jippermetti li tiġi influwenzata l-politika u l-għanijiet kummerċjali tagħha u li dawn baqgħu impjegati tal-appellanti matul il-kollokament tagħhom u b’hekk kienu jiddependu minn dan tal-aħħar għall-progress tal-karriera tagħhom fi ħdan il-grupp Deutsche Telekom. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 374 u 417 tas-sentenza appellata, esponiet fatti li juru li l-persuni mqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ ST mill-appellanti kienu ppermettew lil din tal-aħħar li tkun informata u implikata f’għażliet kummerċjali ta’ ST.

    86

    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-għoti ta’ rapporti minn ST lill-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkunsidrat, fil-punt 294 tas-sentenza appellata, li t-trażmissjoni regolari minn sussidjarja lill-kumpannija omm tagħha ta’ informazzjoni ddettaljata dwar il-politika kummerċjali tagħha kienet ta’ natura li tistabbilixxi l-għarfien, mill-kumpannija omm, tal-aġir tas-sussidjarja tagħha fis-suq u, konsegwentement, li tqiegħed lil din il-kumpannija omm f’pożizzjoni li tintervjeni b’mod iktar ċar, u għalhekk iktar effikaċi, dwar il-politika kummerċjali tal-imsemmija sussidjarja. Barra minn hekk, għalkemm il-fatt li sussidjarja tkun obbligata tikkomunika rapporti lill-kumpannija omm tagħha dwar il-politika kummerċjali tagħha u r-riżultati tagħha ma jistax fih innifsu jikkostitwixxi indizju tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ta’ kumpannija omm fuq is-sussidjarja tagħha, dan il-fatt jista’ jikkontribwixxi sabiex isostni tali indizji. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkunsidrat, fil-punt 294 tas-sentenza appellata, li t-trażmissjoni regolari ta’ informazzjoni lill-appellanti dwar il-politika kummerċjali ta’ ST setgħet tikkontribwixxi, flimkien ma’ indizji oħra, sabiex tistabbilixxi li dawn il-kumpanniji kienu jifformaw l-istess unità ekonomika.

    87

    Għaldaqstant, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    Fuq it-tielet aggravju

    L-argumenti tal-partijiet

    88

    Insostenn tat-tielet aggravju tagħha, ir-rikorrenti ssostni li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta fil-qasam tal-imputabbiltà ta’ ksur ta’ sussidjarja lil kumpannija omm tagħha u tal-preżunzjoni stabbilita fis-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni (C‑286/98 P, EU:C:2000:630), li l-imsemmija imputabbiltà hija ssubordinata għal erba’ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri, fl-ewwel lok, il-kumpannija omm għandha tkun f’pożizzjoni li teżerċita influwenza determinanti, fit-tieni lok, il-kumpannija omm għandha effettivament teżerċita tali influwenza determinanti, fit-tielet lok, is-sussidjarja, minħabba din ir-raġuni, ma ddeterminatx l-aġir tagħha fis-suq b’mod awtonomu u, fir-raba’ lok, is-sussidjarja essenzjalment applikat l-istruzzjonijiet mogħtija mill-kumpannija omm. Din l-aħħar kundizzjoni sservi sabiex tiġi vverifikata n-natura rilevanti tal-influwenza determinanti eżerċitata mill-kumpannija omm u hija l-espressjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Skont ir-rikorrenti, jidher sproporzjonat li kumpannija omm tiġi imposta fuqha multa għal ksur imwettaq minn waħda mis-sussidjarji tagħha jekk l-imsemmija kumpannija omm teżerċita influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha biss b’mod mhux essenzjali u li din tal-aħħar ma ssegwix, essenzjalment, l-istruzzjonijiet tal-kumpannija omm tagħha.

    89

    Madankollu, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ma kkonstatatx li ST kienet irċeviet u segwiet essenzjalment l-istruzzjonijiet tar-rikorrenti. Skont din tal-aħħar, il-Qorti Ġenerali, f’dan ir-rigward, sempliċement ikkonstatat, fil-punt 470 tas-sentenza appellata, li l-eżistenza ta’ ċerta awtonomija tas-sussidjarja ma hijiex inkompatibbli mal-appartenenza ta’ din is-sussidjarja lill-istess unità ekonomika bħall-kumpannija omm tagħha u, fil-punt 471 ta’ din is-sentenza, li l-istrateġija ġenerali ta’ ST fis-suq tat-telekomunikazzjonijiet Slovakk kienet iddefinita mill-appellanti. F’dak li jikkonċerna t-tieni konstatazzjoni, l-appellanti tippreċiża li din ma hijiex sostnuta mill-punti 237 sa 464 tas-sentenza appellata li għalihom irreferiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 471 tal-imsemmija sentenza. Skontha, il-Qorti Ġenerali sempliċement tikkonstata, fl-imsemmija punti, diversi indizji tal-eżerċizzju minn din tal-aħħar ta’ influwenza determinanti fuq ST, mingħajr ma tikkonstata l-eżistenza tal-inqas struzzjoni konkreta mogħtija minn lil ST.

    90

    Għaldaqstant, l-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali ma kkonstatatx li l-kundizzjonijiet tal-prinċipju determinanti tal-imputabbiltà kienu ssodisfatti f’dan il-każ.

    91

    L-appellanti tallega wkoll li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha billi ma esponietx ir-raġunijiet li għalihom hija kkunsidrat li ST kienet, essenzjalment, segwiet l-istruzzjonijiet tagħha.

    92

    Il-Kummissjoni tikkunsidra, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali ma naqsitx mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha u ma wettqitx żball meta imputat il-ksur ta’ ST lill-appellanti, peress li ST ma kinitx tiddetermina b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq ikkonċernat meta mqabbla mal-appellanti.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    93

    Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma ddeċidiet li l-imputabbiltà tal-aġir ta’ sussidjarja lill-kumpannija omm hija suġġetta għall-kundizzjoni li għandhom jiġu ssodisfatti l-erba’ kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 88 ta’ din is-sentenza.

    94

    Kif jirriżulta mill-punt 72 ta’ din is-sentenza, il-possibbiltà li l-aġir antikompetittiv ta’ sussidjarja jiġi imputat lill-kumpannija omm tagħha tikkostitwixxi waħda mill-konsegwenzi tal-għażla tal-awturi tat-Trattati li jużaw il-kunċett ta’ impriża sabiex jindikaw l-awtur ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni li jista’ jiġi ssanzjonat skont l-Artikoli 101 u 102 TFUE. Fil-fatt, dawn il-persuni ġuridiċi jistgħu jitqiesu bħala li jifformaw unità ekonomika mill-perspettiva tal-għan tal-prattiki antikompetittivi msemmija mill-imsemmija dispożizzjonijiet meta l-kumpannija omm teżerċita kontroll fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha, awtriċi tal-ksur tal-imsemmija dispożizzjonijiet, fis-suq inkwistjoni. F’tali ċirkustanzi, is-separazzjoni formali bejn il-kumpannija omm u s-sussidjarja tagħha, li jirriżultaw mill-personalità ġuridika distinta, ma tistax topponi l-unità tal-aġir tagħhom fis-suq għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 1972, Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, 48/69, EU:C:1972:70, punt 140).

    95

    L-imsemmi stħarriġ jista’, kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 156 tal-konklużjonijiet tagħha, jintwera mill-Kummissjoni, jew billi tistabbilixxi li l-kumpannija omm għandha l-kapaċità teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja u li hija barra minn hekk effettivament eżerċitat din l-influwenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Settembru 2013, The Dow Chemical Company vs Il-Kummissjoni, C‑179/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:605, punt 55, u tas‑26 ta’ Settembru 2013, EI du Pont de Nemours vs Il-Kummissjoni, C‑172/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:601, punt 44), jew billi tipprova li din is-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet mogħtija lilha mill-kumpannija omm, fid-dawl b’mod partikolari tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u legali li jgħaqqdu dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Global Steel Wire et vs Il-Kummissjoni, C‑457/16 P u C‑459/16 P sa C‑461/16 P, mhux ippubblikat, EU:C:2017:819, punt 83 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    96

    Dawn iż-żewġ mezzi probatorji ta’ dan l-istħarriġ għandhom jiġu kkunsidrati bħala mhux kumulattivi, iżda alternattivi u għalhekk ekwivalenti. Jista’ l-iktar l-iktar jitqies li l-applikazzjoni, minn kumpannija sussidjarja, tal-istruzzjonijiet mogħtija mill-kumpannija omm tagħha fis-suq ikkonċernat mill-prattiki antikompetittivi inkwistjoni tikkostitwixxi potenzjalment forma ta’ influwenza determinanti eżerċitata minn din tal-aħħar fuq is-sussidjarja tagħha u mhux, kif issostni r-rikorrenti, kundizzjoni addizzjonali li għandha tintwera mill-Kummissjoni sabiex l-aġir ta’ din is-sussidjarja jkun jista’ jiġi imputat lill-kumpannija omm tagħha.

    97

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkunsidrat, essenzjalment, fil-punti 470 u 471 tas-sentenza appellata, li l-appellanti u ST kienu jifformaw unità ekonomika matul il-perijodu tal-ksur minħabba li, fid-dawl tal-elementi li jinsabu fil-punti 237 sa 464 tas-sentenza appellata, l-appellanti kienet eżerċitat influwenza determinanti fuq ST billi ddefinixxiet l-istrateġija ġenerali ta’ din tal-aħħar fis-suq ikkonċernat. Il-prova, mill-Kummissjoni, li ST kienet barra minn hekk segwiet essenzjalment l-istruzzjonijiet tal-appellanti ma kinitx meħtieġa sabiex timputalha l-ksur imwettaq minn ST.

    98

    Fl-aħħar nett, sa fejn l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-motivazzjoni ta’ sentenza għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, b’mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni meħuda u li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Gosselin Group vs Il‑Kummissjoni, C‑429/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:463, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    99

    F’dan il-każ, il-motivi li għalihom il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-aġir abbużiv ta’ ST seta’ jiġi imputat lill-appellanti jirriżultaw b’mod ċar u inekwivoku mill-punti 227 sa 473 tas-sentenza appellata. Dawn il-motivi ppermettew lir-rikorrenti li tikkontestahom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u din tal-aħħar teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. Konsegwentement, l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni huwa infondat.

    100

    Għar-raġunijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    Fuq ir-raba’ aggravju

    L-argumenti tal-partijiet

    101

    L-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 144 tas-sentenza appellata, li d-dritt għal smigħ tagħha ma kienx inkiser fir-rigward tal-kalkolu tal-kompressjoni tal-marġni.

    102

    Ir-rikorrenti tikkunsidra li, matul il-laqgħa tad‑29 ta’ Settembru 2014, il-Kummissjoni informatha bi tliet elementi ġodda, jiġifieri, fl-ewwel lok, ċifri ġodda dwar il-kalkoli tal-kompressjoni tal-marġni ta’ ST, fit-tieni lok, il-fatt li l-marġni għas-sena 2005 kien pożittiv fuq il-bażi ta’ kalkolu tal-marġni sena b’sena u, fit-tielet lok, l-intenzjoni tagħha li tapplika wkoll metodu multiannwali ta’ kalkolu tal-marġni li jippermettilha tikkonkludi li kien jeżisti marġni negattiv għas-sena 2005. Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet ir-rilevanza tal-aħħar żewġ elementi ġodda fil-kuntest tad-deċiżjoni kontenzjuża, sa fejn huwa fid-dawl ta’ dawn l-elementi li hija laqgħet parzjalment it-tieni motiv imressaq fl-ewwel istanza mill-appellanti, fil-punti 198 sa 221 tas-sentenza appellata.

    103

    Issa, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, l-appellanti ssostni li t-terminu ta’ 36 siegħa b’kollox mogħti lilha sabiex tagħti l-opinjoni tagħha fuq dawn l-elementi ġodda, li għalhekk ittieħdu inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża, ma ppermettilhiex li tesprimi b’mod utli l-perspettiva tagħha. Ir-rikorrenti tikkontesta wkoll li jista’ jiġi kkunsidrat li hija kienet taf bihom qabel il-laqgħa tad‑29 ta’ Settembru 2014, minħabba li dawn l-istess elementi kienu ġew ipprovduti minn ST.

    104

    Il-Kummissjoni ssostni li r-raba’ aggravju huwa inammissibbli minħabba li l-appellanti ma ssostnix u lanqas ma tistabbilixxi li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti li abbażi tagħhom hija ddeċidiet li r-rikorrenti kienet diġà taf bl-elementi l-ġodda li kienu ġew diskussi fil-laqgħa tad‑29 ta’ Settembru 2014. Hija teċċepixxi wkoll l-inammissibbiltà tal-argument tar-rikorrenti, imressaq għall-ewwel darba fir-replika tagħha, li jgħid li t-teħid ta’ konjizzjoni minn ST ma jistax jiġi assimilat ma’ għarfien mill-appellanti. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tqis ir-raba’ motiv infondat b’mod partikolari peress li hija kienet tat lill-partijiet il-possibbiltà li jesprimu ruħhom matul il-laqgħa tad‑29 ta’ Settembru 2014 u f’terminu qasir wara din il-laqgħa.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    105

    Id-drittijiet tad-difiża huma drittijiet fundamentali li jagħmlu parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura r-rispett tagħhom (sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il-Kummissjoni, C‑109/10 P, EU:C:2011:686, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni huwa stabbilit fl-Artikolu 41(2)(a) u (b) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u japplika meta l-amministrazzjoni tipproponi li tadotta, fil-konfront ta’ persuna, att li jikkawżalha preġudizzju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2019, Il-Kummissjoni vs United Parcel Service, C‑265/17 P, EU:C:2019:23, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    106

    Fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni, ir-rispett tad-dritt tad-difiża jimplika li kull destinatarju ta’ deċiżjoni li tikkonstata li huwa wettaq ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni għandu jkun tpoġġa f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li jesponi b’mod utli l-opinjoni tiegħu dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi attribwiti lilu kif ukoll dwar id-dokumenti invokati mill-Kummissjoni favur l-allegazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ tali ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Diċembru 2013, SNIA vs Il-Kummissjoni, C‑448/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:801, punt 41, kif ukoll tal‑14 ta’ Settembru 2017, LG Electronics u Koninklijke Philips Electronics vs Il-Kummissjoni, C‑588/15 P u C‑622/15 P, EU:C:2017:679, punt 43).

    107

    F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 144 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx kisret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti billi tatha biss żmien qasir sabiex tifformula l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-elementi ġodda miġjuba għall-għarfien tagħha waqt il-laqgħa ta’ informazzjoni tad‑29 ta’ Settembru 2014. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li dan il-qosor ma kienx ċaħħad lir-rikorrenti mill-possibbiltà li tinstema’ b’mod utli fid-dawl tal-fatt, minn naħa, li l-laqgħa tas-29 ta’ Settembru 2014 inżammet fi stadju avvanzat ħafna tal-proċedura amministrattiva u, min-naħa l-oħra, li kien raġonevoli li jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti kienet kisbet f’dak il-mument livell għoli ta’ għarfien tal-fajl.

    108

    Barra minn hekk, kif jirriżulta espressament minn dan il-punt tas-sentenza appellata, il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali msemmija fl-imsemmi punt huma ta’ natura sussidjarja. Fil-punti 123 sa 143 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, prinċipalment, essenzjalment li l-elementi inkwistjoni, miġjuba għall-attenzjoni tal-appellanti waqt il-laqgħa ta’ informazzjoni tad‑29 ta’ Settembru 2014, kienu jirriżultaw mit-teħid inkunsiderazzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ data, ta’ kalkoli u ta’ kritiki metodoloġiċi fformulati minn ST stess qabel din il-laqgħa.

    109

    Issa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ilmenti diretti kontra motivi sussidjarji ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali ma jistgħux iwasslu għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni u huma għalhekk ineffettivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 105, kif ukoll tas‑17 ta’ Ottubru 2019, Alcogroup u Alcodis vs Il-Kummissjoni, C‑403/18 P, EU:C:2019:870, punt 52). Għaldaqstant, ir-raba’ aggravju għandu jiġi ddikjarat ineffettiv.

    110

    Din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-allegazzjoni tar-appellanti li tgħid li ma hijiex hi stess, iżda ST li saret taf bl-elementi ġodda inkwistjoni qabel il-laqgħa tad‑29 ta’ Settembru 2014. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-appell huwa limitat għal kwistjonijiet ta’ liġi. Għaldaqstant, hija biss il-Qorti Ġenerali li għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll il-provi ppreżentati quddiemha. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi ma tikkostitwixxix, bla ħsara għall-każ ta’ żnaturament tagħhom, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, TV2/Danmark vs Il-Kummissjoni, C‑649/15 P, EU:C:2017:835, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, żnaturament għandu jidher b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2012, Cetarsa vs Il-Kummissjoni, C‑181/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2012:455, punt 97 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    111

    Issa, l-appellanti la allegat u lanqas uriet li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti meta kkunsidrat, fil-punti 18 u 21 tas-sentenza appellata, li ST u l-appellanti t-tnejn li huma kienu wieġbu għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u għall-ittra ta’ espożizzjoni tal-fatti. Barra minn hekk, l-appellanti la allegat u lanqas uriet żnaturament tal-fatti fil-punti 133, 138 u 139 tas-sentenza appellata, li fihom il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, minn naħa, li, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni ma kinitx biddlet l-evalwazzjoni tagħha dwar il-kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet billi imponiet fuq ST u fuq l-appellanti stess fatti li dwarhom dawn tal-aħħar ma kellhomx l-okkażjoni li jesprimu ruħhom u, min-naħa l-oħra, li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-analiżi multiannwali għall-istabbiliment ta’ kompressjoni tal-marġni fid-deċiżjoni kontenzjuża sar wara l-oġġezzjoni fformulata minn ST fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li qablet magħha l-appellanti stess, b’tali mod li l-analiżi multiannwali ma kellhiex il-konsegwenza li jiġu attribwiti lill-appellanti u lil ST il-fatti li fir-rigward tagħhom dawn tal-aħħar ma kellhomx l-okkażjoni li jispjegaw.

    112

    Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li r-rikorrenti u ST kienu jafu bl-elementi ġodda meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni qabel il-laqgħa tad‑29 ta’ Settembru 2014 għandha tiġi kkunsidrata bħala fatt stabbilit. L-imsemmi fatt jappoġġja l-evalwazzjoni msemmija fil-punt 109 tas-sentenza odjerna.

    113

    Għar-raġunijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

    Fuq it-talba li persuna tkun tista’ tibbenefika minn deċiżjoni favorevoli

    114

    L-appellanti titlob li tkun tista’ tibbenefika mill-eventwali suċċess tal-aggravju mqajjem minn ST insostenn tal-appell tagħha fil-Kawża C‑165/19 P mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2018, Slovak Telekom vs Il-Kummissjoni (T‑851/14, EU:T:2018:929), li permezz tagħha din tallega żbalji mwettqa waqt il-kalkolu tal-ispejjeż medji inkrementali fit-tul sabiex tiġi stabbilita kompressjoni abbużiva tal-marġni min-naħa tagħha. Insostenn ta’ din it-talba, ir-rikorrenti tinvoka l-fatt li qajmet motiv li għandu l-istess suġġett quddiem il-Qorti Ġenerali u li l-kundizzjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja elenkat fis-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2013, Il-Kummissjoni vs Tomkins (C‑286/11 P, EU:C:2013:29) huma ssodisfatti f’dan il-każ.

    115

    Il-Kummissjoni ssostni li tali talba għandha tiġi miċħuda, peress li ma dan huwiex aggravju, li l-kundizzjonijiet kollha msemmija minn din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma humiex issodisfatti f’dan il-każ u li, fi kwalunkwe każ, l-aggravju mqajjem minn ST insostenn ta’ dan l-appell għandu jiġi miċħud.

    116

    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, permezz tas-sentenza tal-lum, Slovak Telekom vs Il-Kummissjoni (C‑165/19 P), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell ta’ ST f’dik il-kawża, b’tali mod li t-talba tar-rikorrenti hija ineffettiva, minħabba nuqqas ta’ suġġett.

    117

    Għalhekk, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

    Fuq l-ispejjeż

    118

    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

    119

    Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu.

    120

    Peress li l-appellanti tilfu u l-Kummissjoni talbet li dawn jiġu kkundannati għall-ispejjeż, huma għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess u dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-appell huwa miċħud.

     

    2)

    Deutsche Telekom AG għandha tbati kemm l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top