This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62019CJ0051
Judgment of the Court (Grand Chamber) of 6 October 2021.#World Duty Free Group and Kingdom of Spain v European Commission.#Appeal – State aid – Article 107(1) TFEU – Tax system – Corporate tax provisions allowing undertakings which are tax resident in Spain to amortise the goodwill resulting from the acquisition of shareholdings in companies which are tax resident outside that Member State – Concept of ‘State aid’ – Condition relating to selectivity – Reference system – Derogation – Difference in treatment – Justification for the difference in treatment.#Joined Cases C-51/19 P and C-64/19 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-6 ta’ Ottubru 2021.
World Duty Free Group u Ir-Renju ta’ Spanja vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Għajnuna mill-Istat – Artikolu 107(1) TFUE – Sistema – Dispożizzjonijiet dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji li jippermettu lill-impriżi ddomiċiljati fi Spanja għall-finijiet ta’ taxxa jamortizzaw l-avvjament li jirriżulta minn akkwisti ta’ ishma f’impriżi ddomiċiljati barra mill-pajjiż għall-finijiet ta’ taxxa – Kunċett ta’ ‘għajnuna mill-Istat’ – Kundizzjoni dwar is-selettività – Sistema ta’ referenza – Deroga – Differenza fit-trattament – Ġustifikazzjoni tad-differenza fit-trattament.
Kawżi magħquda C-51/19 P u C-64/19 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-6 ta’ Ottubru 2021.
World Duty Free Group u Ir-Renju ta’ Spanja vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Għajnuna mill-Istat – Artikolu 107(1) TFUE – Sistema – Dispożizzjonijiet dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji li jippermettu lill-impriżi ddomiċiljati fi Spanja għall-finijiet ta’ taxxa jamortizzaw l-avvjament li jirriżulta minn akkwisti ta’ ishma f’impriżi ddomiċiljati barra mill-pajjiż għall-finijiet ta’ taxxa – Kunċett ta’ ‘għajnuna mill-Istat’ – Kundizzjoni dwar is-selettività – Sistema ta’ referenza – Deroga – Differenza fit-trattament – Ġustifikazzjoni tad-differenza fit-trattament.
Kawżi magħquda C-51/19 P u C-64/19 P.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:793
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
6 ta’ Ottubru 2021 ( *1 )
“Appell – Għajnuna mill-Istat – Artikolu 107(1) TFUE – Sistema – Dispożizzjonijiet dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji li jippermettu lill-impriżi ddomiċiljati fi Spanja għall-finijiet ta’ taxxa jamortizzaw l-avvjament li jirriżulta minn akkwisti ta’ ishma f’impriżi ddomiċiljati barra mill-pajjiż għall-finijiet ta’ taxxa – Kunċett ta’ ‘għajnuna mill-Istat’ – Kundizzjoni dwar is-selettività – Sistema ta’ referenza – Deroga – Differenza fit-trattament – Ġustifikazzjoni tad-differenza fit-trattament”
Fil-Kawżi magħquda C‑51/19 P u C‑64/19 P,
li għandha bħala suġġett żewġ appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati rispettivament fil-25 u fid-29 ta’ Jannar 2019,
World Duty Free Group SA, li qabel kienet Autogrill España, SA, stabbilita f’Madrid (Spanja), irrappreżentata minn J. L. Buendía Sierra, E. Abad Valdenebro, R. Calvo Salinero u A. Lamadrid de Pablo, avukati (C‑51/19 P),
Ir-Renju ta’ Spanja, inizjalment irrappreżentat minn A. Rubio González u A. Sampol Pucurull, sussegwentement minn S. Centeno Huerta u S. Jiménez García, bħala aġenti (C‑64/19 P),
rikorrenti,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn R. Lyal, B. Stromsky u C. Urraca Caviedes kif ukoll minn P. Němečková, bħala aġenti,
konvenuta fl-ewwel istanza,
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,
L-Irlanda,
intervenjenti fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi Presidenta, A. Arabadjiev, M. Vilaras, E. Regan, M. Ilešič, A. Kumin u N. Wahl (Relatur), Presidenti ta’ Awla, D. Šváby, S. Rodin, F. Biltgen, K. Jürimäe, C. Lycourgos, P. G. Xuereb u I. Jarukaitis, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,
Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Settembru 2020,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Jannar 2021,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tal-appell tagħha fil-Kawża C‑51/19 P, World Duty Free Group SA, (iktar ’il quddiem “WDFG”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-15 ta’ Novembru 2018, World Duty Free Group vs Il-Kummissjoni (T‑219/10 RENV, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2018:784), li permezz tagħha din annullat ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tal-Artikolu 1(1) u, sussidjarjament, tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/5/KE, tat-28 ta’ Ottubru 2009, dwar l-amortizzazzjoni tat-taxxa tal-avvjament finanzjarju għal akkwiżizzjonijiet ta’ ishma barranin C 45/07 (ex NN 51/07, ex CP 9/07) implimentata minn Spanja (ĠU 2011, L 7, p. 48, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). |
2 |
Permezz tal-appell tiegħu fil-Kawża C‑64/19 P, ir-Renju ta’ Spanja jitlob l-annullament ta’ din l-istess sentenza. |
I. Il-fatti li wasslu għall-kawża
3 |
Il-fatti li wasslu għall-kawża, li ġew esposti mill-Qorti Ġenerali fil-punti 1 sa 11 tas-sentenza appellata, jistgħu jinġabru fil-qosor b’dan il-mod. |
4 |
Fl-10 ta’ Ottubru 2007, wara diversi domandi bil-miktub li sarulha matul l-2005 u l-2006 minn xi membri tal-Parlament Ewropew kif ukoll wara lment minn operatur privat li hija kienet id-destinatarja tiegħu matul l-2007, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibda proċedura ta’ investigazzjoni formali stabbilita fl-Artikolu 108(2) TFUE, fir-rigward tad-dispożittiv previst fl-Artikolu 12(5) introdott fil-Ley del Impuesto sobre Sociedades (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji) mil-Ley 24/2001, de Medidas Fiscales, Administrativas y del Orden Social (Liġi Nru 24/2001, dwar l-adozzjoni ta’ miżuri fiskali, amministrattivi u ta’ natura soċjali), tas-27 ta’ Diċembru 2001 (BOE Nru 313, tal-31 ta’ Diċembru 2001, p. 50493), u riprodott mir-Real Decreto Legislativo 4/2004, por el que se aprueba el texto refundido de la Ley del Impuesto sobre Sociedades (id-Digriet Leġiżlattiv Irjali 4/2004 li japprova t-test emendat tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji), tal-5 ta’ Marzu 2004 (BOE Nru 61, tal-11 ta’ Marzu 2004, p. 10951, iktar ’il quddiem il-“miżura kkontestata”). |
5 |
Il-miżura kkontestata tipprevedi li, fil-każ ta’ akkwist ta’ ishma minn impriża taxxabbli fi Spanja, f’“kumpannija barranija”, meta dan l-akkwist ta’ ishma jkun ta’ mill-inqas 5 % u meta l-ishma inkwistjoni jinżammu għal perijodu mhux interrott ta’ mill-inqas sena, l-avvjament li jirriżulta minn dan l-akkwist ta’ ishma jista’ jitnaqqas, fil-forma ta’ amortizzazzjoni, mill-bażi taxxabbli tat-taxxa fuq il-kumpanniji li l-impriża għandha tħallas. Din il-miżura tispeċifika li, sabiex tiġi kklassifikata bħala “kumpannija barranija”, kumpannija għandha tkun suġġetta għal taxxa identika għat-taxxa applikabbli fi Spanja u d-dħul tagħha għandu jkun essenzjalment provenjenti mit-twettiq ta’ attivitajiet barra mill-pajjiż. |
6 |
Fit-28 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha hija għalqet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, f’dak li jirrigwarda l-akkwisti ta’ ishma mwettqa fl-Unjoni Ewropea. |
7 |
Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ddikjarat il-miżura kkontestata bħala inkompatibbli mas-suq intern, minħabba li tikkonsisti f’vantaġġ fiskali li jippermetti lill-kumpanniji Spanjoli li jamortizzaw l-avvjament li jirriżulta mill-akkwist ta’ ishma f’kumpanniji barranin, meta applikat għal akkwisti ta’ ishma f’kumpanniji stabbiliti barra mill-Unjoni (Artikolu 1(1)), u ordnat lir-Renju ta’ Spanja sabiex jirkupra l-għajnuna korrispondenti għat-tnaqqis tat-taxxa mogħtija taħt din l-iskema (Artikolu 4). |
8 |
Il-Kummissjoni madankollu żammet miftuħa l-proċedura għal dak li jirrigwarda l-akkwisti ta’ ishma mwettqa barra mill-Unjoni, filwaqt li l-awtoritajiet Spanjoli kienu impenjaw ruħhom li jipprovdu elementi addizzjonali dwar l-ostakli għall-amalgamazzjonijiet transkonfinali eżistenti barra mill-Unjoni li kienu osservaw. |
9 |
Fit-12 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2011/282/UE, dwar l-amortizzazzjoni tat-taxxa tal-avvjament finanzjarju għal akkwiżizzjonijiet ta’ ishma barranin C 45/07 (ex NN 51/07, ex CP 9/07) applikata minn Spanja (ĠU 2011, L 135, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat-12 ta’ Jannar 2011”), li ddikjarat ukoll bħala inkompatibbli mas-suq intern il-miżura kkontestata meta din tapplika għal akkwiżizzjonijiet ta’ ishma barranin f’impriżi stabbiliti barra mill-Unjoni. |
II. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
10 |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Mejju 2010, WDFG ressqet kawża intiża għall-annullament tal-Artikolu 1(1) u, sussidjarjament, tal-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata. |
11 |
Permezz ta’ sentenza tas-7 ta’ Novembru 2014, Autogrill España vs Il-Kummissjoni (T‑219/10, EU:T:2014:939), il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors minħabba li l-Kummissjoni kienet applikat b’mod żbaljat il-kundizzjoni ta’ selettività prevista fl-Artikolu 107(1) TFUE. Il-Qorti Ġenerali annullat ukoll id-deċiżjoni 2011/282 permezz tas-sentenza tagħha tas-7 ta’ Novembru 2014, Banco Santander u Santusa vs Il-Kummissjoni (T‑399/11, EU:T:2014:938). |
12 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Jannar 2015, il-Kummissjoni appellat mis-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2014, Autogrill España vs Il-Kummissjoni (T‑219/10, EU:T:2014:939). Dan l-appell, li ġie rreġistrat bin-numru C‑20/15 P, ġie magħqud mal-appell, irreġistrat bin-numru C‑21/15 P, li l-Kummissjoni kienet ippreżentat kontra s-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2014, Banco Santander u Santusa vs Il-Kummissjoni (T‑399/11, EU:T:2014:938). |
13 |
WDFG, sostnuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mill-Irlanda u mir-Renju ta’ Spanja, talbet li l-appell jiġi miċħud. |
14 |
Permezz ta’ sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group et (C‑20/15 P u C‑21/15 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza WDFG, EU:C:2016:981), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenzi tas-7 ta’ Novembru 2014, Autogrill España vs Il-Kummissjoni (T‑219/10, EU:T:2014:939), kif ukoll tas-7 ta’ Novembru 2014, Banco Santander u Santusa vs Il-Kummissjoni (T‑399/11, EU:T:2014:938), irrinvijat il-kawżi lura quddiem il-Qorti Ġenerali, irriżervat parzjalment l-ispejjeż u kkundannat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, lill-Irlanda u lir-Renju ta’ Spanja jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. |
15 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tad-Disa’ Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Diċembru 2017, wara li nstemgħu l-partijiet, il-Kawża T‑219/10 RENV, World Duty Free Group vs Il-Kummissjoni, u l-Kawża T‑399/11 RENV, Banco Santander u Santusa vs Il-Kummissjoni, ingħaqdu għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura, konformement mal-Artikolu 68 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. |
16 |
Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn WDFG. |
17 |
Filwaqt li ċaħdet it-tliet motivi invokati minn din tal-aħħar, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq l-assenza ta’ selettività tal-miżura kkontestata (punti 32 sa 228 tas-sentenza appellata), it-tieni wieħed, fuq żball fl-identifikazzjoni tal-benefiċjarju tal-miżura kkontestata (punti 229 sa 250 tas-sentenza appellata) u, it-tielet wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi (punti 251 sa 327 tas-sentenza appellata), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-rikors kellu jiġi miċħud kollu kemm hu mingħajr ma kien hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tiegħu, li madankollu kienet tpoġġiet indiskussjoni mill-Kummissjoni (punti 30 sa 329 tas-sentenza appellata). |
18 |
Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tal-ewwel motiv, il-Qorti Ġenerali fakkret li, fl-ewwel lok, kif jirriżulta mis-sentenza WDFG, miżura fiskali li tagħti vantaġġ li l-għoti tiegħu huwa kkundizzjonat mit-twettiq ta’ tranżazzjoni ekonomika tista’ tkun selettiva, inkluż meta, fid-dawl tal-karatteristiċi tat-tranżazzjoni inkwistjoni, kull impriża tista’ liberament tagħżel li twettaq din it-tranżazzjoni (punti 77 sa 89 tas-sentenza appellata). |
19 |
Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-miżura kkontestata fid-dawl tat-tliet stadji tal-metodu ta’ analiżi tas-selettività ta’ miżura fiskali nazzjonali, ippreżentat fil-punti 63 u 64 tas-sentenza appellata, jiġifieri, qabel kollox, l-identifikazzjoni tas-sistema fiskali komuni jew “normali” applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat, sussegwentement, l-evalwazzjoni tal-punt jekk il-miżura fiskali inkwistjoni tidderogax mill-imsemmija sistema komuni, sa fejn din tintroduċi distinzjonijiet bejn operaturi li jinsabu, fid-dawl tal-għan imfittex minn din is-sistema komuni, f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli u, finalment, l-evalwazzjoni tal-punt jekk tali deroga hijiex iġġustifikata min-natura u mill-ekonomija ta’ din is-sistema. |
20 |
Fir-rigward tal-ewwel stadju, il-Qorti Ġenerali indikat li l-kuntest ta’ referenza ddefinit fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri “t-trattament fiskali tal-avvjament” (punt 92 tas-sentenza appellata), kien jikkostitwixxi s-sistema ta’ referenza rilevanti f’dan il-każ, b’mod partikolari sa fejn l-impriżi li jakkwistaw ishma f’kumpanniji mhux residenti jinsabu, fid-dawl tal-għan imfittex mit-trattament fiskali tal-avvjament, f’sitwazzjoni legali u fattwali paragunabbli għal dik tal-impriżi li jakkwistaw ishma f’kumpanniji residenti. Skont din il-qorti, l-għan ta’ din is-sistema huwa li jiġi ggarantit ċertu paralleliżmu bejn it-trattament kontabbli u t-trattament fiskali tal-avvjament li jirriżulta għal impriża mill-akkwist ta’ ishma f’kumpannija (punti 116 sa 122 tas-sentenza appellata). Il-Qorti Ġenerali għalhekk ċaħdet l-idea li l-miżura kkontestata tikkostitwixxi sistema ta’ referenza awtonoma (punti 126 sa 140 tas-sentenza appellata), b’tali mod li ċaħdet l-ilment ibbażat fuq l-eżistenza ta’ ostakoli għar-riunifikazzjoni transkonfinali (punti 121, 138 u 141 tas-sentenza appellata). |
21 |
Fir-rigward tat-tieni stadju, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni ġustament kienet qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-miżura kkontestata kienet introduċiet deroga mis-sistema normali. Hija għalhekk ċaħdet l-ilment li jgħid li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet l-obbligu tagħha li turi li l-akkwisti ta’ ishma f’kumpanniji residenti u dawk f’kumpanniji mhux residenti kienu paragunabbli fid-dawl tal-għan ta’ newtralità fiskali mfittex mill-miżura kkontestata (punti 142 sa 164 tas-sentenza appellata). |
22 |
Fir-rigward tat-tielet stadju, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li ebda wieħed mill-argumenti mressqa speċifikament f’dan il-każ ma kien jippermetti li tiġi ġġustifikata d-deroga stabbilita minn din il-miżura u għalhekk id-differenza fit-trattament ikkonstatata (punti 165 sa 227 tas-sentenza appellata). |
III. It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal‑Ġustizzja
23 |
Permezz tal-appell tagħha, WDFG (Kawża C‑51/19 P) titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:
|
24 |
Permezz tal-appell tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja (Kawża C‑64/19 P) jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
25 |
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-appelli. |
26 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:
|
27 |
Permezz ta’ deċiżjonijiet tat-22 ta’ Marzu 2019 u tat-2 ta’ Ġunju 2020, il-Kawżi C‑51/19 P u C‑64/19 P ingħaqdu rispettivament għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub kif ukoll għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza. |
IV. Fuq l-appelli
28 |
Insostenn tal-appell rispettiv tagħhom, WDFG u r-Renju ta’ Spanja jinvokaw aggravju uniku, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar is-selettività. Essenzjalment, huma jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli wettqet ċertu numru ta’ żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-metodu ta’ analiżi fi tliet stadji dwar is-selettività tal-miżuri fiskali, kif stabbilit minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
29 |
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja taqbel, essenzjalment, mal-pożizzjoni difiża mill-appellanti, billi tpoġġi indiskussjoni l-iskeda ta’ analiżi tas-selettività tal-miżura kkontestata adottata f’dan il-każ. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni b’mod partikolari li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-fatt li l-miżura kkontestata tikkostitwixxi miżura ġenerali aċċessibbli għal kull impriża li tissodisfa l-kundizzjonijiet sostantivi ma huwiex iktar element rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tas-selettività. |
30 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-klassifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, tirrikjedi li l-kundizzjonijiet kollha segwenti jkunu ssodisfatti. L-ewwel nett, għandu jkun hemm intervent tal-Istat jew permezz tar-riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun ta’ natura li jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet nett, dan għandu jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu. Ir-raba’ nett, dan għandu jwassal għal distorsjoni jew għal theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenza WDFG, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll is-sentenza tas-16 ta’ Marzu 2021, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑562/19 P, EU:C:2021:201, punt 27). |
31 |
Huwa stabbilit li miżuri nazzjonali li jagħtu vantaġġ fiskali li, minkejja li ma jkun fihom ebda trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, iqiegħdu lill-benefiċjarji f’sitwazzjoni finanzjarja iktar favorevoli mill-persuni taxxabbli l-oħra jistgħu jagħtu vantaġġ selettiv lill-benefiċjarji u għaldaqstant jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza WDFG, punt 56, u s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2018, A-Brauerei, C‑374/17, EU:C:2018:1024, punt 21). |
32 |
Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar is-selettività tal-vantaġġ, inerenti għall-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, li hija l-unika waħda li hija suġġetta għall-argumentazzjoni mressqa fil-kuntest ta’ dawn l-appelli, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din il-kundizzjoni timponi li jiġi ddeterminat jekk, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari, il-miżura nazzjonali inkwistjoni hijiex ta’ natura li tiffavorixxi “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” meta mqabbla ma’ oħrajn, li jinsabu, fid-dawl tal-għan imfittex mill-imsemmija sistema, f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli u li għalhekk huma suġġetti għal trattament iddifferenzjat li jista’ essenzjalment jiġi kklassifikat bħala diskriminatorju (sentenza tas-16 ta’ Marzu 2021, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑562/19 P, EU:C:2021:201, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
33 |
Għaldaqstant, l-eżami tal-kwistjoni jekk tali miżura hijiex ta’ natura selettiva jikkoinċidi, essenzjalment, ma’ dak ta’ jekk din il-miżura tapplikax għal grupp sħiħ ta’ operaturi ekonomiċi b’mod mhux diskriminatorju (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck, C‑524/14 P, EU:C:2016:971, punt 53). |
34 |
Meta l-miżura inkwistjoni tkun maħsuba bħala sistema ta’ għajnuna u mhux bħala għajnuna individwali, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi jekk din il-miżura, minkejja li tipprevedi vantaġġ ta’ portata ġenerali, tagħtix il-benefiċċju esklużiv tagħha lil ċerti impriżi jew lil ċerti setturi ta’ attività (sentenza WDFG, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
35 |
Għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ miżura fiskali nazzjonali bħala “selettiva”, il-Kummissjoni għandha tidentifika, qabel kollox, is-sistema ta’ referenza, jiġifieri s-sistema fiskali “normali” applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat, u turi, sussegwentement, li l-miżura fiskali inkwistjoni tidderoga minn din is-sistema ta’ referenza, sa fejn hija tintroduċi differenzazzjoni bejn operaturi li, fir-rigward tal-għan imfittex minn din is-sistema ta’ referenza, ikunu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2018, A-Brauerei, C‑374/17, EU:C:2018:1024, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
36 |
Il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” madankollu ma jirrigwardax il-miżuri li jintroduċu differenzazzjoni bejn impriżi li, fir-rigward tal-għan imfittex mis-sistema legali inkwistjoni, jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli u, għaldaqstant, a priori selettivi, meta l-Istat Membru kkonċernat jasal juri li din id-differenzazzjoni hija ġġustifikata, fis-sens li din tirriżulta min-natura jew mill-istruttura tas-sistema li dawn il-miżuri jifformaw parti minnha (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2018, A-Brauerei, C‑374/17, EU:C:2018:1024, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
37 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-partijiet differenti tal-aggravju uniku invokat mill-appellanti rispettivament. |
38 |
L-aggravju uniku mqajjem minn WDFG huwa maqsum f’sitt partijiet, li jirrigwardaw, essenzjalment, l-ewwel nett, id-definizzjoni tas-sistema ta’ referenza, it-tieni nett, id-determinazzjoni tal-għan ta’ din is-sistema li minnha għandu jsir il-paragun matul it-tieni stadju tal-analiżi tas-selettività, it-tielet nett, l-attribuzzjoni tal-oneru tal-prova, ir-raba’ nett, l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-ħames nett, l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-impossibbiltà li ssir amalgamazzjoni barra mill-pajjiż u l-akkwist ta’ sehem f’pajjiż barrani u, fis-sitt lok, l-eżami tan-natura diviżibbli tal-miżura kkontestata skont il-perċentwali ta’ kontroll. |
39 |
L-aggravju uniku mqajjem mir-Renju ta’ Spanja huwa min-naħa tiegħu kompost minn erba’ partijiet. Dawn il-partijiet jirrigwardaw, l-ewwel nett, id-determinazzjoni tal-kuntest ta’ referenza, it-tieni nett, il-kunsiderazzjoni li tgħid li t-trattament fiskali tal-avvjament finanzjarju ma jistax jikkostitwixxi miżura ta’ natura ġenerali jew qafas ta’ referenza awtonomu, it-tielet nett, id-definizzjoni tal-għan ta’ dan il-qafas ta’ referenza u l-paragun tas-sitwazzjonijiet meħtieġa mis-sentenza WDFG u, ir-raba’ nett, l-attribuzzjoni tal-oneru tal-prova kkunsidrat f’dan il-każ fir-rigward tal-elementi li jikkostitwixxu l-imsemmi kuntest ta’ referenza. |
40 |
Peress li l-ilmenti fformulati fil-kuntest tal-ewwel sar-raba’ parti tal-aggravju uniku ta’ WDFG u dawk imressqa insostenn tal-erba’ partijiet tal-aggravju uniku tar-Renju ta’ Spanja jikkoinċidu jew jikkoinċidu ħafna, dawn ser jiġu eżaminati flimkien. |
A. Fuq l-ewwel parti tal-aggravju uniku ta’ WDFG kif ukoll fuq l-ewwel u t-tieni partijiet tal-aggravju uniku tar-Renju ta’ Spanja, ibbażati fuq żbalji mwettqa fid-determinazzjoni tas-sistema ta’ referenza
1. L-argumenti tal-partijiet
41 |
WDFG ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji fid-determinazzjoni tas-sistema ta’ referenza. |
42 |
Qabel kollox, il-Qorti Ġenerali użat sistema ta’ referenza distinta minn dik iddefinita mid-deċiżjoni kkontestata, peress li ddeskriviet is-sistema ta’ riferiment ta’ din id-deċiżjoni bħala t-“trattament fiskali tal-avvjament” u ma llimitatx dan il-kuntest għat-“trattament fiskali tal-avvjament finanzjarju biss” (punti 92 u 140 tas-sentenza appellata). Fil-fehma ta’ WDFG, dawn iż-żewġ “espressjonijiet” jirreferu għal approċċi materjalment differenti. WDFG tqis li billi ssostitwixxiet il-motivazzjoni tagħha stess għal dik tad-deċiżjoni kkontestata u billi meliet, bil-motivazzjoni tagħha stess, lakuna fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi ta’ natura li jwassal għall-annullament tas-sentenza appellata. |
43 |
Sussegwentement, huwa b’mod inġustifikat li l-Qorti Ġenerali eskludiet, skont l-analiżi li tinsab fil-punti 126 sa 140 tas-sentenza appellata, l-idea li l-miżura kkontestata tista’ tikkostitwixxi sistema ta’ referenza awtonoma. F’dan ir-rigward, mhux biss il-Qorti Ġenerali ssostitwixxiet ir-raġunament tagħha għal dak li jinsab fid-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tal-aħħar ibbażat ruħha biss fuq l-assenza ta’ ostakoli għall-amalgamazzjonijiet transkonfinali, iżda, barra minn hekk, wettqet eżami legalment żbaljat. Fil-fatt, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali jagħmel b’mod partikolari d-definizzjoni tal-qafas ta’ referenza dipendenti fuq it-teknika leġiżlattiva użata. |
44 |
Finalment, u fi kwalunkwe każ, il-kuntest ta’ referenza adottat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata ġie ddefinit arbitrarjament u jirriżulta minn konfużjoni bejn eċċezzjoni u regola ġenerali. B’mod partikolari, xejn ma jippermetti li jinftiehem għalfejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-għan imfittex kien biss li “tiġi żgurata ċerta koerenza bejn it-trattament fiskali tal-avvjament u t-trattament kontabbli tiegħu” (punt 121 tas-sentenza appellata). Il-Qorti Ġenerali lanqas ma spjegat għalfejn hija indikat li n-nuqqas ta’ regola li tipprojbixxi li jiġi amortizzat l-avvjament finanzjarju fil-każ ta’ akkwist ta’ ishma nazzjonali ma huwa xejn inqas mir-“regola ġenerali” tas-sistema vasta ta’ referenza ddefinita minnha (punt 135 tas-sentenza appellata). Filwaqt li tirreferi b’mod partikolari għall-approċċ adottat fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2018, Andres (falliment Heitkamp BauHolding) vs Il-Kummissjoni (C‑203/16 P, EU:C:2018:505), li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma setax jitqies li l-miżura inkwistjoni f’din il-kawża kienet tikkostitwixxi eċċezzjoni għal regola ġenerali, WDFG tqis li l-kuntest ta’ referenza ġie ddefinit f’dan il-każ b’mod riduttiv, b’tali mod li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata. |
45 |
Ir-Renju ta’ Spanja jqis ukoll li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeterminat is-sistema ta’ referenza. |
46 |
Fl-ewwel lok, ir-Renju ta’ Spanja jenfasizza li d-determinazzjoni tas-sistema ta’ referenza, li fil-fehma tiegħu tikkostitwixxi l-punt inizjali ta’ kull analiżi dwar is-selettività, hija kwistjoni ta’ liġi suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fir-rigward b’mod iktar preċiż tal-punti 92 u 140 tas-sentenza appellata, ir-Renju ta’ Spanja jqis li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq kuntest ta’ referenza differenti minn dak adottat fid-deċiżjoni kkontestata, billi ħadet inkunsiderazzjoni kuntest iktar wiesa’ minn dak li kien ittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni. |
47 |
Fit-tieni lok, ir-Renju ta’ Spanja jqis li s-sentenza appellata fiha wkoll żball ta’ liġi, sa fejn il-Qorti Ġenerali qieset li t-trattament fiskali tal-avvjament finanzjarju ma jistax jikkostitwixxi miżura ta’ natura ġenerali jew qafas ta’ referenza awtonomu. Minn din il-perspettiva, dan l-Istat Membru jirreferi espressament għall-punti 95, 103, 104, 106, 122, 125 u 138 sa 141 tas-sentenza appellata, li fihom il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument ibbażat fuq l-eżistenza ta’ ostakoli għall-kombinamenti transkonfinali billi invokat motivi, li barra minn hekk ma humiex konvinċenti, li bl-ebda mod ma jirriżultaw mid-deċiżjoni kkontestata. |
48 |
F’dan ir-rigward, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li d-determinazzjoni tal-kuntest ta’ referenza adottata mill-Qorti Ġenerali hija żbaljata għal erba’ motivi. |
49 |
L-ewwel nett, is-sentenza appellata hija bbażata fuq is-sempliċi teknika leġiżlattiva, li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, ma tikkostitwixxix metodu xieraq sabiex tiġi ddefinita n-natura selettiva ta’ miżura. B’hekk, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet li hija n-neċessità li tiġi żgurata l-koerenza xierqa bejn ir-regola fiskali u r-regola kontabbli li tiddelimita l-għan tal-miżura (punti 116, 118 u 121 tas-sentenza appellata). |
50 |
It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali żbaljat ukoll meta qieset, abbażi ta’ analiżi żbaljata tal-għan tal-miżura kkontestata espost fil-punti 116 sa 122 tas-sentenza appellata, li l-leġiżlazzjoni fiskali fuq l-avvjament finanzjarju inkwistjoni kellha l-għan li tirregola “problema partikolari”. Kuntrarjament għal dak li kkonkludiet il-Qorti Ġenerali, il-leġiżlazzjoni fiskali inkwistjoni f’dan il-każ ma hijiex intiża sabiex tirregola problema speċifika, iżda sabiex tagħti effett sħiħ lill-prinċipju ta’ newtralità fiskali, billi tiżgura li d-deċiżjonijiet ta’ investiment ikunu bbażati fuq kunsiderazzjonijiet ekonomiċi u mhux fuq kriterji fiskali. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kellha tivverifika jekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kinitx warrbet b’mod iġġustifikat u koerenti l-qafas ta’ referenza propost mill-awtoritajiet Spanjoli u mill-partijiet ikkonċernati, fid-dawl b’mod partikolari tal-ostakoli kemm fattwali kif ukoll legali għall-amalgamazzjonijiet transkonfinali. Matul dan l-eżami, hija kellha tevalwa wkoll jekk, minkejja l-indikazzjonijiet espressi fformulati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 123 tas-sentenza WDFG u fil-ġurisprudenza stabbilita tagħha, il-Kummissjoni kinitx aġixxiet bi ksur tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 107 TFUE, billi ma pparagunatx is-sitwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi fid-dawl tal-għan tal-miżura kkontestata. |
51 |
It-tielet nett, ir-Renju ta’ Spanja jenfasizza li l-miżura kkontestata – li kienet intiża sabiex tikkonforma mal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, kienet miftuħa għas-setturi kollha u setgħet tiġi applikata mingħajr ma kien jeżisti ebda obbligu ta’ investiment minimu – ma għandha l-ebda rabta ma’ dik li tat lok għall-kawża li tat lok għas-sentenza tat-2 ta’ Lulju 1974, L-Italja vs Il-Kummissjoni (173/73, EU:C:1974:71), li fiha l-kundizzjoni ta’ speċifiċità li fuqha huwa bbażat il-kriterju ta’ selettività kienet iddeterminata preċiżament minn diversi elementi. |
52 |
Ir-raba’ nett, ir-Renju ta’ Spanja jqis li l-approċċ adottat mill-Qorti Ġenerali għandu bħala konsegwenza li jirrevedi l-konklużjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja adottat fir-rigward ta’ ċerti miżuri fiskali, miżuri li kienu intiżi wkoll sabiex jirregolaw problemi speċifiċi, iżda li ma tqisux bħala għajnuna mill-Istat. |
53 |
Il-Kummissjoni toġġezzjona għall-argumenti tal-appellanti. Hija tqis, prinċipalment, li l-argumenti mressqa huma, essenzjalment, inammissibbli, sa fejn ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali ma kien jinkludi ebda lment ibbażat fuq l-eżistenza ta’ żbalji li jaffettwaw id-determinazzjoni tas-sistema ta’ referenza. B’hekk, li l-appellanti jitħallew jinvokaw ilmenti ġodda fil-kuntest ta’ appell ikun ifisser li jitħallew jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja b’tilwima usa’ minn dik imressqa quddiem il-Qorti Ġenerali. Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li l-argumentazzjoni tal-appellanti hija infondata. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li jsostnu dawn tal-aħħar, l-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali rreferiet għall-istess sistema ta’ referenza bħal dik identifikata fid-deċiżjoni kkontestata, it-tieni nett, il-miżura kkontestata ma tistax titqies bħala sistema ta’ referenza awtonoma u, it-tielet nett, is-sentenza appellata hija mmotivata b’mod suffiċjenti fid-dritt. |
2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
a) Fuq l-ammissibbiltà
54 |
Fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-argumenti u tal-elementi ppreżentati insostenn tal-partijiet taħt eżami, li hija kkontestata mill-Kummissjoni minħabba l-allegata natura ġdida tal-argumenti mressqa insostenn tal-allegazzjonijiet tal-appellanti dwar id-determinazzjoni tal-qafas ta’ referenza, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 170(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell ma jistax ibiddel is-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. |
55 |
B’hekk, abbażi ta’ ġurisprudenza stabbilita, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-appell hija limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat għall-motivi u għall-argumenti ttrattati fl-ewwel istanza. Għalhekk, parti ma tistax tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja motiv li hija ma tkunx qajmet quddiem il-Qorti Ġenerali, peress li dan ikun ifisser li din il-parti titħalla tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kompetenza tagħha fil-qasam ta’ appell hija limitata, b’tilwima iktar estiża minn dik li tkun ħadet konjizzjoni tagħha l-Qorti Ġenerali (sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Bayerische Motoren Werke u Freistaat Sachsen vs Il-Kummissjoni, C‑654/17 P, EU:C:2019:634, punt 69 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
56 |
Madankollu, rikorrent jista’ jippreżenta appell billi jinvoka, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, aggravji u argumenti li jirriżultaw mis-sentenza appellata stess u li huma intiżi li jikkritikaw, fid-dritt, il-fondatezza tagħha (sentenzi tad-29 ta’ Novembru 2007, Stadtwerke Schwäbisch Hall et vs Il-Kummissjoni, C‑176/06 P, mhux ippubblikata, EU:C:2007:730, punt 17, kif ukoll tal-4 ta’ Marzu 2021, Il-Kummissjoni vs Fútbol Club Barcelona, C‑362/19 P, EU:C:2021:169, punt 47). |
57 |
F’dan il-każ, mill-punti 92 sa 141 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali eżaminat jekk il-Kummissjoni kinitx identifikat korrettament is-sistema fiskali ta’ referenza fil-kuntest tal-ewwel stadju tal-analiżi tas-selettività. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-appellanti jistgħu jikkontestaw, fl-istadju tal-appell, il-motivi tas-sentenza appellata relatati ma’ dan l-ewwel stadju, indipendentement mill-fatt li fl-ewwel istanza huma ma żviluppawx argument intiż speċifikament sabiex jikkontesta d-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt. |
58 |
Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti mressqa mill-appellanti jinkludu kritika preċiża u ddettaljata tal-motivi tas-sentenza appellata u huma intiżi, fil-parti l-kbira, sabiex jikkontestaw l-osservanza tal-limiti u l-modalitajiet tal-eżerċizzju tal-istħarriġ ġudizzjarju mill-Qorti Ġenerali, li ma setgħux, fi kwalunkwe każ, jitqajmu quddiem din tal-aħħar. |
59 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-ewwel parti tal-aggravju uniku tal-appell ta’ WDFG kif ukoll l-ewwel u t-tieni partijiet tal-aggravju uniku tar-Renju ta’ Spanja huma ammissibbli. |
b) Fuq il-mertu
60 |
Id-determinazzjoni tal-kuntest ta’ referenza għandha importanza ikbar fil-każ ta’ miżuri fiskali, peress li l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, tista’ tiġi stabbilita biss fir-rigward ta’ tassazzjoni msejħa “normali”. B’hekk, id-determinazzjoni tal-impriżi kollha li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli tiddependi mid-definizzjoni minn qabel tas-sistema legali li fid-dawl tal-għan tagħha għandha, jekk ikun il-każ, tiġi eżaminata l-paragunabbiltà tas-sitwazzjoni fattwali u legali rispettiva tal-impriżi ffavoriti mill-miżura inkwistjoni u ta’ dawk li ma humiex (sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck, C‑524/14 P, EU:C:2016:971, punti 55 u 60, kif ukoll tat-28 ta’ Ġunju 2018, Andres (falliment Heitkamp BauHolding) vs Il-Kummissjoni, C‑203/16 P, EU:C:2018:505, punti 88 u 89). |
61 |
Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura selettiva ta’ miżura fiskali ta’ portata ġenerali, jeħtieġ għalhekk li s-sistema fiskali komuni jew is-sistema ta’ referenza applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat tkun identifikata b’mod korrett fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni u tiġi eżaminata mill-qorti adita b’kontestazzjoni dwar din l-identifikazzjoni. Peress li d-determinazzjoni tas-sistema ta’ referenza tikkostitwixxi l-punt tat-tluq tal-eżami komparattiv li għandu jitwettaq fil-kuntest tal-evalwazzjoni tas-selettività ta’ skema ta’ għajnuna, żball imwettaq f’din id-determinazzjoni neċessarjament jivvizzja l-analiżi kollha tal-kundizzjoni dwar is-selettività (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2018, Andres (falliment Heitkamp BauHolding) vs Il-Kummissjoni, C‑203/16 P, EU:C:2018:505, punt 107, u tas-16 ta’ Marzu 2021, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑562/19 P, EU:C:2021:201, punt 46). |
62 |
F’dan il-kuntest, għandu qabel kollox jiġi ppreċiżat, preliminarjament, li d-determinazzjoni tal-kuntest ta’ referenza, li għandha ssir wara dibattitu kontradittorju mal-Istat Membru kkonċernat, għandha tirriżulta minn eżami oġġettiv tal-kontenut, mir-rabta u mill-effetti konkreti tar-regoli applikabbli skont id-dritt nazzjonali ta’ dan l-Istat. F’dan ir-rigward, is-selettività ta’ miżura fiskali ma tistax tiġi evalwata fid-dawl ta’ qafas ta’ referenza kkostitwit minn xi dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat li nħarġu artifiċjalment minn qafas leġiżlattiv iktar wiesa’ (sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2018, Andres (falliment Heitkamp BauHolding) vs Il-Kummissjoni, C‑203/16 P, EU:C:2018:505, punt 103). |
63 |
Konsegwentement, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, meta l-miżura fiskali inkwistjoni tkun inseparabbli mis-sistema ġenerali ta’ tassazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, għandu jsir riferiment għal din is-sistema. Min-naħa l-oħra, meta jidher li tali miżura tista’ tiġi sseparata b’mod ċar mill-imsemmija sistema ġenerali, ma jistax jiġi eskluż li l-qafas ta’ referenza li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni jkun iktar limitat minn din is-sistema ġenerali, jew saħansitra li jidentifika ruħu mal-miżura stess, meta din tkun tippreżenta ruħha bħala regola li għandha loġika ġuridika awtonoma u li huwa impossibbli li jiġi identifikat grupp normattiv koerenti barra minn din il-miżura. |
64 |
Sussegwentement, sa fejn, lil hinn mill-oqsma li fihom id-dritt fiskali tal-Unjoni huwa s-suġġett ta’ armonizzazzjoni, huwa l-Istat Membru kkonċernat li jiddefinixxi, permezz tal-eżerċizzju tal-kompetenzi esklużivi tiegħu fil-qasam tat-tassazzjoni diretta, il-karatteristiċi li jikkostitwixxu t-taxxa, id-determinazzjoni tas-sistema ta’ referenza jew tas-sistema fiskali “normali”, li minnha għandha tiġi analizzata l-kundizzjoni dwar is-selettività, għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-imsemmija karatteristiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑562/19 P, EU:C:2021:201, punti 38 u 39). |
65 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, sa fejn id-determinazzjoni tal-kuntest ta’ referenza għandha ssir minn eżami oġġettiv tal-kontenut u tar-rabta tar-regoli applikabbli skont id-dritt nazzjonali, ma hemmx lok, matul dan l-ewwel stadju tal-eżami tas-selettività, li jittieħdu inkunsiderazzjoni għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur waqt l-adozzjoni tal-miżura suġġetta għall-eżami. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li l-għan imfittex minn interventi tal-Istat ma huwiex biżżejjed sabiex dawn jiġu awtomatikament esklużi mill-klassifikazzjoni bħala “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE, sa fejn din id-dispożizzjoni ma tiddistingwixxix skont il-kawżi jew l-għanijiet tal-interventi tal-Istat, iżda tiddefinixxihom skont l-effetti tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni, C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punti 84 u 85, kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck, C‑524/14 P, EU:C:2016:971, punt 48). |
66 |
Finalment, huwa neċessarju li l-operazzjoni ta’ identifikazzjoni tar-regoli li għandhom ikunu parti mis-sistema ta’ referenza ssir skont kriterji oġġettivi, b’mod partikolari sabiex tippermetti stħarriġ ġudizzjarju tal-evalwazzjonijiet li fuqhom tkun ibbażata din l-operazzjoni. Hija l-Kummissjoni li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi eventwalment ippreżentati mill-Istat Membru kkonċernat u, b’mod iktar ġenerali, li għandha twettaq l-eżami tagħha b’mod rigoruż u suffiċjentement immotivat sabiex tippermetti stħarriġ ġudizzjarju komplet. |
67 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tiġi evalwata l-fondatezza tal-argument tal-appellanti dwar id-determinazzjoni tas-sistema ta’ referenza, bħala l-ewwel stadju u premessa neċessarja tal-analiżi tas-selettività. Kif jirriżulta mill-punti 41 sa 52 ta’ din is-sentenza, l-appellanti jsostnu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi, l-ewwel nett, meta ssostitwixxiet il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tad-definizzjoni tas-sistema ta’ referenza adottata, it-tieni nett, billi eskludiet li l-miżura kkontestata tista’ waħedha titqies bħala sistema ta’ referenza awtonoma u billi wettqet sostituzzjoni tal-motivi f’dan ir-rigward u, it-tielet nett, billi ddefinixxiet din is-sistema b’mod arbitrarju. |
68 |
Dawn it-tliet ilmenti għandhom jiġu eżaminati b’mod suċċessiv. |
1) Fuq l-eżistenza ta’ żball ta’ liġi fid-determinazzjoni tas-sistema ta’ referenza (l-ewwel ilment tal-ewwel parti tal-aggravju uniku tal-appell ta’ WDFG u l-ewwel parti tal-aggravju uniku tar-Renju ta’ Spanja)
69 |
WDFG, permezz tal-ewwel ilment tal-ewwel parti tal-aggravju uniku tagħha, u r-Renju ta’ Spanja, permezz tal-ewwel parti tal-aggravju uniku tiegħu, isostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fid-determinazzjoni tas-sistema ta’ referenza billi ssostitwixxiet is-sistema ta’ referenza tagħha stess għal dik adottata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Filwaqt li din tal-aħħar indikat ir-regoli dwar it-trattament fiskali tal-avvjament finanzjarju bħala li jikkostitwixxu s-sistema ta’ referenza, il-Qorti Ġenerali, billi bbażat ruħha fuq analiżi materjalment differenti, barra minn hekk inkludiet f’din is-sistema t-trattament fiskali tal-avvjament “mhux finanzjarju”. WDFG u r-Renju ta’ Spanja jirreferu b’mod partikolari għall-punti 92 u 140 tas-sentenza appellata. |
70 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità msemmi fl-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali għandhom il-ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu fuq ir-rikorsi dwar nuqqas ta’ kompetenza, dwar ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, dwar ksur tat-Trattat jew ta’ kull regola ta’ dritt dwar l-applikazzjoni tiegħu, jew dwar abbuż ta’ poter. L-Artikolu 264 TFUE jipprevedi li, jekk ir-rikors ikun fondat, l-att ikkontestat għandu jiġi ddikjarat null. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jissostitwixxu l-motivazzjoni tagħhom għal dik tal-awtur tal-att ikkontestat (sentenzi tas-27 ta’ Jannar 2000, DIR International Film et vs Il-Kummissjoni, C‑164/98 P, EU:C:2000:48, punt 38, kif ukoll tal-4 ta’ Ġunju 2020, L-Ungerija vs Il-Kummissjoni, C‑456/18 P, EU:C:2020:421, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
71 |
Min-naħa l-oħra, ħlief fil-każ fejn ebda element materjali ma jiġġustifikah, il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, tista’ tasal tinterpreta l-motivazzjoni tal-att ikkontestat b’mod differenti mill-awtur tiegħu, jew, f’ċerti ċirkustanzi, tiċħad il-motivazzjoni formali adottata minnu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Jannar 2000, DIR International Film et vs Il-Kummissjoni, C‑164/98 P, EU:C:2000:48, punt 42, kif ukoll tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni, C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 142). |
72 |
F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punti 70, 92, 123 u 140 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni kienet ħadet inkunsiderazzjoni bħala sistema ta’ referenza, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tagħha tas-selettività tal-miżura kkontestata, it-trattament fiskali tal-“avvjament”. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 92 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni “ma [kinitx] illimitat dan il-qafas għat-trattament fiskali tal-avvjament finanzjarju biss”. Issa, kif ġustament osservaw l-appellanti, il-Kummissjoni kienet indikat, fil-premessa 96 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-qafas xieraq għall-evalwazzjoni tal-miżura kkontestata kien ikkostitwit mir-regoli dwar it-trattament fiskali tal-“avvjament finanzjarju”. |
73 |
Madankollu, għalkemm huwa minnu li t-terminoloġija użata fis-sentenza appellata hija differenti minn dik użata fid-deċiżjoni kkontestata, ma jistax madankollu jiġi konkluż li l-Qorti Ġenerali, billi għamlet hekk, identifikat sistema ta’ referenza materjalment differenti minn dik identifikata mill-Kummissjoni jew li bbażat ruħha fuq motivazzjoni differenti minn dik meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tqis li t-trattament fiskali tal-avvjament kien jikkostitwixxi s-sistema ta’ referenza rilevanti f’dan il-każ. |
74 |
Fil-fatt, kif issostni l-Kummissjoni, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, it-trattament tal-avvjament huwa kompletament simili għal dak tal-avvjament finanzjarju. |
75 |
F’dan ir-rigward, kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 70 tas-sentenza appellata, fid-deċiżjoni kkontestata, b’risposta b’mod partikolari għall-argumenti fformulati mill-awtoritajiet Spanjoli fir-rigward tal-identifikazzjoni tas-sistema ta’ referenza, il-Kummissjoni eskludiet b’mod espliċitu li l-imsemmija sistema kellha tiġi limitata għat-trattament fiskali tal-avvjament li jirriżulta mill-akkwist ta’ sehem f’kumpannija stabbilita f’pajjiż li ma huwiex Spanja. Il-Qorti Ġenerali b’hekk enfasizzat li, kif jirriżulta b’mod ċar mill-premessa 89 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet indikat li l-miżura kkontestata kellha tiġi evalwata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet ġenerali tas-sistema tat-taxxa fuq il-kumpanniji applikabbli għas-sitwazzjonijiet fejn l-introduzzjoni tal-avvjament twassal għal vantaġġ fiskali. Hija ppreċiżat, f’din id-deċiżjoni, li l-pożizzjoni tagħha kienet spjegata mill-konstatazzjoni li s-sitwazzjonijiet li fihom l-avvjament finanzjarju jista’ jiġi amortizzat ma jkoprux il-kategorija kollha tal-persuni taxxabbli li jinsabu f’sitwazzjoni simili fil-fatt jew fid-dritt. |
76 |
F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mill-punt 71 tas-sentenza appellata, sabiex tidentifika s-sistema ta’ referenza, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha b’mod partikolari fuq il-konstatazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fil-premessi 19, 20, 99 u 100 tad-deċiżjoni kkontestata, li jgħidu li s-sistema ta’ referenza kienet tipprevedi l-amortizzazzjoni tal-avvjament biss fil-każ ta’ kombinament ta’ impriżi, b’tali mod li, billi ppermettiet li l-avvjament li kien jiġi kkalkolat kieku l-impriżi kienu kkombinati flimkien jidher anki mingħajr kombinament ta’ impriżi, il-miżura kkontestata kienet tikkostitwixxi eċċezzjoni għal din is-sistema ta’ referenza. |
77 |
Barra minn hekk, filwaqt li rreferiet ukoll għall-premessa 100 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha wkoll fuq il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni li jgħidu li, sa fejn l-amortizzazzjoni tal-avvjament li jirriżulta mis-sempliċi akkwist ta’ ishma kien awtorizzat biss fil-każ ta’ akkwisti ta’ ishma transkonfinali u mhux fil-każ ta’ akkwisti ta’ ishma nazzjonali, il-miżura kkontestata introduċiet għalhekk differenza fit-trattament bejn l-operazzjonijiet nazzjonali u l-operazzjonijiet transkonfinali, b’tali mod li hija ma setgħetx titqies bħala regola ġenerali ġdida fiha nnifisha. |
78 |
Minn dawn is-siltiet tad-deċiżjoni kkontestata, imsemmija fis-sentenza appellata, jirriżulta b’mod ċar li, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali, meta l-Kummissjoni indikat bħala sistema ta’ referenza r-“regoli dwar it-trattament fiskali tal-avvjament finanzjarju”, hija kellha l-intenzjoni li tirreferi mhux biss għar-regoli speċifikament applikabbli għall-amortizzazzjoni tal-avvjament fil-każ ta’ akkwist ta’ ishma iżda wkoll għar-regoli tas-sistema ġenerali Spanjola tat-taxxa fuq il-kumpanniji li jirregolaw l-amortizzazzjoni tal-avvjament b’mod ġenerali, peress li dawn l-aħħar regoli jipprovdu fil-fatt qafas ta’ evalwazzjoni rilevanti għal tal-ewwel. |
79 |
Minn dan jirriżulta li l-Qorti Ġenerali limitat ruħha, fil-punti 70, 92, 123 u 140 tas-sentenza appellata, li twettaq interpretazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tad-definizzjoni tas-sistema ta’ referenza konformi mal-indikazzjonijiet li jinsabu f’din id-deċiżjoni u, għaldaqstant, ma ssostitwixxietx il-motivi tal-imsemmija deċiżjoni fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 70 ta’ din is-sentenza. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi fid-determinazzjoni tas-sistema ta’ referenza. |
80 |
L-ewwel ilment tal-ewwel parti tal-aggravju uniku ta’ WDFG u l-ewwel parti tal-aggravju uniku tar-Renju ta’ Spanja għandhom għalhekk jiġu miċħuda bħala infondati. |
2) Fuq ir-rifjut li l-miżura kkontestata titqies bħala sistema ta’ referenza awtonoma (it-tieni lment tal-ewwel parti tal-aggravju uniku ta’ WDFG u t-tieni parti tal-aggravju uniku tar-Renju ta’ Spanja)
i) Fuq l-eżistenza ta’ sostituzzjoni tal-motivi
81 |
L-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli ssostitwixxiet il-motivazzjoni tagħha stess għal dik tad-deċiżjoni kkontestata billi eskludiet li l-miżura kkontestata tista’ tikkostitwixxi sistema ta’ referenza sħiħa. Fil-fatt, essenzjalment, filwaqt li l-Kummissjoni kienet ċaħdet, f’din id-deċiżjoni, l-ipoteżi ta’ sistema ta’ referenza awtonoma kkostitwita mill-miżura kkontestata billi bbażat ruħha biss fuq l-allegata assenza ta’ ostakoli ġuridiċi għall-amalgamazzjonijiet transkonfinali, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha, fil-punti 127 sa 140 tas-sentenza appellata, fuq argumentazzjoni differenti. |
82 |
F’dan ir-rigward, kif ġie rrilevat fil-punt 75 ta’ din is-sentenza, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li, mill-perspettiva tal-Kummissjoni, is-sistema ta’ referenza ma setgħetx tillimita ruħha għat-trattament fiskali tal-avvjament finanzjarju stabbilit mill-miżura kkontestata, peress li din il-miżura kienet tibbenefika biss lill-impriżi li jakkwistaw ishma f’kumpanniji mhux residenti, u li, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni fir-rigward tal-impriżi li jwettqu l-istess tip ta’ akkwisti iżda f’kumpanniji residenti, kien neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet ġenerali tas-sistema tat-taxxa fuq il-kumpanniji applikabbli għas-sitwazzjonijiet li fihom il-preżenza tal-avvjament twassal għal vantaġġ fiskali. |
83 |
Għaldaqstant, ma jistax jiġi konkluż li l-Qorti Ġenerali wettqet sostituzzjoni tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata billi evitat il-fatt li l-Kummissjoni, fir-realtà, ibbażat ruħha fuq in-nuqqas ta’ ostakoli għar-riunifikazzjoni transkonfinali sabiex teskludi li l-miżura kkontestata tkun tista’ tikkostitwixxi s-sistema fiskali ta’ referenza. |
84 |
Għalkemm, kif isostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni effettivament irreferiet, fil-premessi 93 sa 96 u 117 ta’ din id-deċiżjoni, għall-allegata assenza ta’ ostakoli ġuridiċi għall-amalgamazzjonijiet transkonfinali, hija llimitat ruħha, permezz ta’ dawn ir-riferimenti, li tieħu pożizzjoni fuq l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-awtoritajiet Spanjoli bil-għan b’mod partikolari li tpoġġi indiskussjoni mhux biss is-sistema ta’ referenza kif identifikata provviżorjament fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali tal-10 ta’ Ottubru 2007, iżda wkoll l-elementi ta’ paragun u ta’ ġustifikazzjoni possibbli fir-rigward tat-tieni u tat-tielet stadju tal-eżami tas-selettività. |
85 |
Għaldaqstant, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tiegħu, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, ma huwiex minħabba n-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ ostakoli għall-kombinamenti transkonfinali li l-Kummissjoni eskludiet li l-miżura kkontestata tista’ tikkostitwixxi s-sistema ta’ referenza rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-analiżi tas-selettività, iżda huwa minħabba li hija qieset li din il-miżura kellha tiġi evalwata fid-dawl ta’ numru ta’ regoli iktar wiesgħa li jinkludu kemm ir-regoli applikabbli għall-amortizzazzjoni tal-avvjament finanzjarju f’każ ta’ akkwist ta’ ishma f’kumpanniji residenti kif ukoll il-prinċipji applikabbli għall-amortizzazzjoni tal-avvjament b’mod ġenerali, li magħhom, skont il-Kummissjoni, kienu ġew allinjati dawn ir-regoli billi jipprevedu t-tnaqqis tal-amortizzazzjoni biss meta l-akkwist ta’ ishma kien iseħħ flimkien ma’ kombinament ta’ impriżi. |
86 |
Minn dan jirriżulta li hija infondata l-allegazzjoni li tgħid li l-Qorti Ġenerali wettqet, fil-punti 127 sa 140 tas-sentenza appellata, sostituzzjoni tal-motivi. |
ii) Fuq l-eżistenza ta’ żball ta’ liġi fir-rifjut tal-Qorti Ġenerali li tqis il-miżura kkontestata bħala sistema ta’ referenza awtonoma
87 |
L-appellanti jsostnu, sussidjarjament, li r-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali sabiex teskludi li l-miżura kkontestata tista’ tikkostitwixxi sistema ta’ referenza awtonoma huwa vvizzjat minn żball ta’ liġi. Minn naħa, huma josservaw li l-għan ta’ din il-miżura huwa li tiġi żgurata n-newtralità fiskali f’dak li jirrigwarda l-akkwisti ta’ ishma fi Spanja u barra mill-pajjiż u li, konsegwentement, l-għan tagħha ma jistax jiġi ridott għas-soluzzjoni ta’ problema partikolari, kif affermat b’mod żbaljat il-Qorti Ġenerali fil-punt 139 tas-sentenza appellata. Min-naħa l-oħra, huma jsostnu li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali jwassal sabiex tiġi evalwata s-selettività ta’ miżura differenti skont jekk il-leġiżlatur nazzjonali ddeċidiex li joħloq taxxa distinta jew li jemenda taxxa ġenerali u, għaldaqstant, skont it-teknika leġiżlattiva użata. |
88 |
F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li r-raġunament espost mill-Qorti Ġenerali fil-punti 95 sa 141 tas-sentenza appellata kien intiż sabiex jirrispondi għall-argument li jgħid li, minħabba l-ostakoli għar-riunifikazzjoni transkonfinali, il-Kummissjoni kellha tidentifika l-miżura kkontestata bħala s-sistema ta’ referenza. |
89 |
Issa, għalkemm l-appellanti ma jifformulaw ebda kritika fir-rigward tal-metodoloġija applikabbli għad-determinazzjoni tas-sistema ta’ referenza fil-kuntest tal-ewwel stadju tal-eżami tas-selettività esposta fil-punti 95 sa 108 tas-sentenza appellata, huma jikkritikaw, min-naħa l-oħra, is-segwitu tal-eżami mwettaq mill-Qorti Ġenerali, kif ifformulat fil-punti 109 sa 141 ta’ din is-sentenza. |
90 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tar-raġunament espost fil-punti 109 sa 125 tas-sentenza appellata, dan jirrigwarda l-punt dwar jekk, fid-dawl tal-għan tas-sistema normali identifikata mill-Kummissjoni, l-impriżi li jakkwistaw ishma f’kumpanniji residenti u dawk li jakkwistaw ishma f’kumpanniji mhux residenti jinsabux f’sitwazzjoni legali u fattwali paragunabbli. |
91 |
Dan l-eżami ta’ paragunabbiltà huwa madankollu mingħajr relazzjoni diretta mad-delimitazzjoni tal-kuntest ta’ referenza li għandu jsir taħt l-ewwel stadju tal-eżami tas-selettività, u dan minkejja l-fatt li, fil-punt 125 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat “l-eżistenza ta’ rabtiet bejn dawn iż-żewġ stadji, jew, xi drabi anki, bħal f’dan il-każ, ta’ raġunament komuni”. Barra minn hekk, l-argument żviluppat mill-appellanti bil-għan li jikkontestaw id-definizzjoni tal-għan tas-sistema ta’ referenza ser jiġi evalwat ulterjorment, fil-kuntest tal-eżami tat-tieni parti tal-aggravju uniku tal-appell ta’ WDFG u tat-tielet parti tal-aggravju uniku tar-Renju ta’ Spanja, ibbażati fuq żball fid-determinazzjoni tal-għan li fir-rigward tiegħu kellu jitwettaq l-eżami ta’ paragunabbiltà. |
92 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-punti 126 sa 141 tas-sentenza appellata, fihom il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk il-miżura kkontestata setgħetx, fid-dawl tal-karatteristiċi tagħha stess u għalhekk indipendentement minn kull analiżi komparattiva, tikkostitwixxi, waħedha, qafas ta’ referenza awtonomu. |
93 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, l-appellanti jiżbaljaw meta jsostnu li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha prinċipalment fuq it-teknika leġiżlattiva magħżula mil-leġiżlatur Spanjol sabiex tikkonkludi favur in-natura selettiva tal-miżura kkontestata. Fil-fatt, mis-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq l-għan u fuq l-effetti ta’ din il-miżura u mhux fuq sempliċi kunsiderazzjonijiet ta’ natura formali. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali osservat, fil-punt 135 ta’ din is-sentenza, li l-imsemmija miżura kienet tikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola ġenerali li tgħid li huma biss il-kombinamenti ta’ impriżi li jistgħu jwasslu għall-amortizzazzjoni tal-avvjament. |
94 |
Ċertament, hekk kif osservaw ġustament l-appellanti, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-użu ta’ teknika leġiżlattiva partikolari ma jistax jippermetti li regoli fiskali nazzjonali immedjatament ma jkunux jaqgħu taħt il-kontroll previst mit-Trattat FUE fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, u lanqas ma huwa biżżejjed biex jiddefinixxi l-qafas ta’ referenza rilevanti għall-finijiet tal-analiżi tal-kundizzjoni dwar is-selettività, ħlief biex tiġi sostnuta b’mod deċiżiv il-forma tal-interventi statali fuq l-effetti tagħhom. Għaldaqstant, it-teknika leġiżlattiva użata ma tistax tkun element deċiżiv għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-kuntest ta’ referenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza WDFG, punt 76, u s-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2018, Andres (falliment Heitkamp BauHolding) vs Il-Kummissjoni, C‑203/16 P, EU:C:2018:505, punt 92). |
95 |
Madankollu, minn din l-istess ġurisprudenza jirriżulta li, għalkemm, sabiex tiġi stabbilita s-selettività ta’ miżura fiskali, it-teknika leġiżlattiva użata ma hijiex deċiżiva, b’mod li ma huwiex dejjem neċessarju li din tkun ta’ natura derogatorja meta mqabbla ma’ sistema fiskali komuni, il-fatt li din ikollha tali natura permezz tal-użu ta’ din it-teknika leġiżlattiva huwa rilevanti għal dawn l-għanijiet meta minn dan jirriżulta li żewġ kategoriji ta’ operaturi huma distinti u a priori huma suġġetti għal trattament differenzjat, jiġifieri dawk li jaqgħu taħt il-miżura derogatorja u dawk li jibqgħu jaqgħu taħt is-sistema fiskali komuni, minkejja l-fatt li dawn iż-żewġ kategoriji jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli fir-rigward tal-għan imfittex mill-imsemmija sistema (sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2018, Andres (falliment Heitkamp BauHolding) vs Il-Kummissjoni, C‑203/16 P, EU:C:2018:505, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
96 |
Minn dan jirriżulta li ma jistax jiġi lmentat li l-Qorti Ġenerali adottat, fost kunsiderazzjonijiet oħra, in-natura derogatorja tal-miżura kkontestata għall-finijiet tal-eżami tan-natura selettiva tagħha. |
97 |
It-tieni nett, fir-rigward tal-kritika fformulata mill-appellanti fir-rigward tar-riferiment għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Warner fil-kawża L-Italja vs Il-Kummissjoni (173/73, iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Warner”, EU:C:1974:52, p. 728,), il-Qorti Ġenerali ġustament irrilevat, fil-punt 135 tas-sentenza appellata, li l-miżura kkontestata ma kinitx introduċiet, kif indikat il-Kummissjoni fil-premessa 100 tad-deċiżjoni kkontestata, regola ġenerali kompletament ġdida fir-rigward tal-amortizzazzjoni ta’ avvjament, iżda “eċċezzjoni għar-regola ġenerali” li tgħid li huma biss il-kombinamenti ta’ impriżi li jistgħu iwasslu għall-amortizzament tal-avvjament, peress li din l-eċċezzjoni tista’ tirrimedja, skont ir-Renju ta’ Spanja, għall-effetti sfavorevoli għall-akkwisti ta’ ishma f’kumpanniji mhux residenti li toħloq l-applikazzjoni tar-regola ġenerali. |
98 |
Konsegwentement, mis-sentenza appellata jirriżulta li, insostenn tal-konklużjoni tagħha li tgħid li s-sistema ta’ referenza ma setgħetx tkun limitata biss għall-miżura kkontestata, il-Qorti Ġenerali ma bbażatx ruħha biss fuq il-fatt li din il-miżura kienet intiża, bħal dik inkwistjoni fil-kawża li tat lok għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Warner, għat-tfittxija ta’ għan speċifiku u, għalhekk, għar-riżoluzzjoni ta’ problema partikolari. Minn dan jirriżulta li l-argumenti mressqa mill-appellanti intiżi, minn naħa, biex jikkontestaw l-assimilazzjoni tal-każ preżenti ma’ dak inkwistjoni fil-kawża li kienet is-suġġett tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Warner u, min-naħa l-oħra, biex juru li l-għan tal-miżura kkontestata kien li jiġi salvagwardjat il-prinċipju ta’ newtralità fiskali u mhux is-soluzzjoni ta’ problema partikolari, ma jistgħux idgħajfu r-raġunament li għamlet il-Qorti Ġenerali u, konsegwentement, huma ineffettivi. |
99 |
Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li s-sempliċi fatt li l-miżura kkontestata hija ta’ natura ġenerali, sa fejn hija tista’ a priori tibbenefika lill-impriżi kollha suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji, ma jeskludix li din tista’ tkun ta’ natura selettiva. Fil-fatt, hekk kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward ta’ miżura nazzjonali li tagħti vantaġġ fiskali ta’ portata ġenerali, bħall-miżura kkontestata, il-kundizzjoni ta’ selettività tiġi ssodisfatta meta l-Kummissjoni tasal biex turi li din il-miżura tidderoga mis-sistema fiskali komuni jew “normali” applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat, u b’hekk, permezz tal-effetti konkreti tagħha, tintroduċi trattament differenzjat bejn operaturi, filwaqt li l-operaturi li jibbenefikaw mill-vantaġġ fiskali u dawk li jiġu esklużi minnu jkunu jinsabu, fir-rigward tal-għan imfittex mill-imsemmija sistema fiskali, f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli (sentenza WDFG, punt 67). |
100 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, it-tieni lment tal-ewwel parti tal-aggravju uniku ta’ WDFG u t-tieni parti tal-aggravju uniku tar-Renju ta’ Spanja għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi u, fi kwalunkwe każ, infondati. |
3) Fuq in-natura arbitrarja tad-definizzjoni tas-sistema ta’ referenza (it-tielet ilment tal-ewwel parti tal-aggravju uniku ta’ WDFG)
101 |
Fil-kuntest tat-tielet ilment tal-ewwel parti tal-aggravju uniku tagħha, WDFG issostni, fl-ewwel lok, li s-sistema ta’ referenza użata mill-Qorti Ġenerali ġiet iddefinita arbitrarjament, peress li huwa diffiċli li jiġi identifikat il-kriterju użat speċifikament sabiex jiġi identifikat il-qafas koerenti li taqa’ fih il-miżura kkontestata. Fit-tieni lok, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali identifikat b’mod żbaljat u mhux iġġustifikat, fis-sistema ta’ referenza ddefinita minnha, dak li jikkostitwixxi r-regola u dak li jikkostitwixxi l-eċċezzjoni. Skont WDFG, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset, fil-punt 135 tas-sentenza appellata, li r-regola kienet l-impossibbiltà li jiġi amortizzat l-avvjament u li l-miżura kkontestata kienet tintroduċi eċċezzjoni għal din ir-regola. Bħal fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2018, Andres (falliment Heitkamp BauHolding) vs Il-Kummissjoni (C‑203/16 P, EU:C:2018:505), il-Qorti Ġenerali ħawdet ir-regola mal-eċċezzjoni. |
102 |
Fir-rigward tal-ewwel allegazzjoni, li tgħid li l-Qorti Ġenerali ddefinixxiet is-sistema ta’ referenza inkwistjoni arbitrarjament, din għandha tiġi miċħuda sa fejn, kif jirriżulta mill-punti 75 sa 78 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali mmotivat b’mod suffiċjenti fid-dritt ir-raġunament li wassalha sabiex tirreferi, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, għar-regoli applikabbli skont id-dritt Spanjol għat-trattament fiskali tal-avvjament għall-finijiet tad-determinazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji, u, għaldaqstant, sabiex tikkonferma l-evalwazzjoni li tinsab f’dan ir-rigward fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt għandu jitfakkar li l-premessa li bbażat ruħha fuqha l-Kummissjoni hija bbażata fuq il-konstatazzjoni, ivvalidata mill-Qorti Ġenerali, li tgħid li, fid-dritt Spanjol, l-amortizzazzjoni tal-avvjament hija normalment suġġetta għall-eżistenza ta’ kombinament ta’ impriżi. |
103 |
Fir-rigward tat-tieni allegazzjoni, li tgħid li l-Qorti Ġenerali identifikat b’mod żbaljat u mhux iġġustifikat ir-regola u l-eċċezzjoni, din għandha wkoll tiġi miċħuda. Fil-fatt, skont l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni fiskali Spanjola adottata mill-Qorti Ġenerali, huwa kombinament ta’ impriżi biss li normalment jippermetti li ssir l-amortizzazzjoni tal-avvjament, inkluż fil-każ ta’ avvjament finanzjarju li jirriżulta mill-akkwist ta’ ishma f’kumpanniji residenti, skont l-Artikolu 89(3) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji, kif approvata bid-Digriet Leġiżlattiv Irjali Nru 4/2004. Għaldaqstant, ma huwiex in-nuqqas ta’ amortizzazzjoni tal-avvjament finanzjarju li jikkostitwixxi r-regola ġenerali li minnha tidderoga l-miżura kkontestata, iżda l-prinċipju li jgħid li l-amortizzazzjoni hija normalment possibbli biss fil-każ ta’ kombinament ta’ impriżi, prinċipju li l-Qorti Ġenerali ddeduċiet mid-dispożizzjonijiet dwar it-trattament fiskali tal-avvjament għall-finijiet tat-taxxa fuq il-kumpanniji, kemm jekk dawn ikunu dispożizzjonijiet dwar l-amortizzazzjoni tal-avvjament fil-każ ta’ akkwist ta’ impriża jew ta’ dawk relatati mal-amortizzazzjoni tal-avvjament li jirriżultaw mill-akkwist ta’ ishma f’kumpanniji residenti b’amalgamazzjoni sussegwenti. |
104 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, it-tielet ilment tal-ewwel parti tal-aggravju uniku ta’ WDFG u, konsegwentement, l-ewwel parti ta’ dan l-aggravju fl-intier tiegħu għandhom jiġu miċħuda bħala infondati. |
B. Fuq it-tieni parti tal-aggravju uniku ta’ WDFG u fuq it-tielet parti tal-aggravju uniku tar-Renju ta’ Spanja, ibbażati fuq żball fid-determinazzjoni tal-għan li fir-rigward tiegħu jitwettaq l-eżami ta’ paragunabbiltà
1. L-argumenti tal-partijiet
105 |
WDFG u r-Renju ta’ Spanja, fil-kuntest, rispettivament, tat-tieni u tat-tielet parti tal-aggravju uniku rispettiv tagħhom, jikkontestaw, essenzjalment, il-motivi tas-sentenza appellata, li jinsabu fil-punti 143 sa 164 tagħha, li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali identifikat l-għan tas-sistema ta’ referenza u pparagunat, fid-dawl ta’ dan l-għan, is-sitwazzjoni tal-impriżi benefiċjarji tal-vantaġġ stabbilit mill-miżura kkontestata ma’ dawk li huma esklużi minnha. |
106 |
WDFG issostni, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fid-determinazzjoni tal-għan li minnu kellu jitwettaq il-paragun matul it-tieni stadju tal-eżami tas-selettività tal-miżura kkontestata. Il-Qorti Ġenerali, li, għal darb’oħra, iddevjat minn dak li ntqal fid-deċiżjoni kkontestata, interpretat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza dwar id-determinazzjoni tal-għan applikabbli għal miżura ta’ natura fiskali. Kuntrarjament għal dak li tagħti x’tifhem il-Qorti Ġenerali, ma hemmx kontradizzjoni fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni jekk is-sitwazzjoni tal-impriżi benefiċjarji tal-“miżura inkwistjoni” u dik tal-impriżi li huma esklużi minnha għandhomx jiġu pparagunati fid-dawl tal-għan ta’ din il-miżura jew ta’ dak tas-“sistema li tagħmel parti minnha”. Skont WDFG, dawn l-għanijiet għandhom jikkoinċidu u, jekk dan ma jkunx il-każ, dan huwa għaliex il-leġiżlatur nazzjonali introduċa, fis-sistema tat-taxxa, miżura li ma tikkorrispondix mal-loġika tagħha. F’dan il-każ, l-għan reali tas-sistema li fir-rigward tagħha għandu jsir il-paragun huwa, kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni stess fid-deċiżjoni kkontestata, in-newtralità fiskali. Dan huwa għan ħafna iktar ġenerali u loġiku mill-paralleliżmu, li tirreferi għalih il-Qorti Ġenerali, bejn it-trattament kontabbli u t-trattament fiskali tal-avvjament li tibbenefika minnu impriża minħabba akkwist ta’ ishma f’kumpannija, peress li, bħala prinċipju, kull taxxa fuq il-kumpanniji tiddevja mid-definizzjoni tagħha stess mill-profitt kontabbli. |
107 |
Fit-tieni lok, WDFG tqis li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet, fil-punt 121 tas-sentenza appellata, li l-għan tad-dispożizzjonijiet fiskali fil-qasam tal-avvjament kien li tiġi żgurata ċerta koerenza bejn it-trattament fiskali tal-avvjament u t-trattament kontabbli tagħha. Mhux biss din l-affermazzjoni hija arbitrarja, iżda hija totalment infondata, peress li, skont id-definizzjoni tagħhom stess, it-taxxi kollha fuq il-kumpanniji jinjoraw il-profitt kontabbli. F’dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari d-dispożizzjonijiet dwar l-amortizzazzjoni tal-avvjament, id-diversi ipoteżijiet previsti mil-liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji, kif approvata bid-Digriet Leġiżlattiv Irjali Nru 4/2004, għandhom inkomuni mhux l-għan intiż li jiżgura l-koerenza bejn it-trattament fiskali u t-trattament kontabbli tal-avvjament, iżda dak li tiġi evitata t-taxxa doppja u li tiġi ggarantita n-newtralità fiskali. |
108 |
Ir-Renju ta’ Spanja jsostni wkoll li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma ddefinixxietx korrettament l-għan tal-qafas ta’ referenza u meta ma wettqitx korrettament il-paragun meħtieġ mis-sentenza WDFG. Ir-Renju ta’ Spanja huwa tal-opinjoni li mhux biss id-definizzjoni tal-kuntest ta’ referenza adottata fis-sentenza appellata hija differenti minn dik adottata fid-deċiżjoni kkontestata, iżda li, barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet li l-miżura kkontestata kellha l-għan li tiżgura koerenza bejn it-trattament fiskali tal-avvjament u t-trattament kontabbli tagħha. Ir-regola tal-kontabbiltà u r-regola fiskali huma differenti minn diversi aspetti f’dak li jirrigwarda r-rikonoxximent tal-avvjament u anki tal-amortizzazzjoni tiegħu. Kuntrarjament għal dak li kkonstatat il-Qorti Ġenerali, l-għan imfittex mill-miżura kkontestata huwa n-newtralità fiskali, sabiex deċiżjonijiet ta’ investiment simili jkunu bbażati fuq kriterji ekonomiċi u mhux fuq kriterji fiskali. |
109 |
Il-Kummissjoni titlob li dan l-argument, li hija tqis li huwa inammissibbli u, f’kull każ, infondat, jiġi miċħud. |
2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
a) Fuq l-ammissibbiltà
110 |
Il-Kummissjoni teċċepixxi l-inammissibbiltà tat-tieni parti tal-aggravju uniku ta’ WDFG u tat-tielet parti tal-aggravju uniku tar-Renju ta’ Spanja kollha kemm huma. Hija ssostni li l-argumenti mressqa ma tqajmux quddiem il-Qorti Ġenerali jew jirrigwardaw kwistjonijiet ta’ fatt, li fosthom hemm l-interpretazzjoni tal-kontenut u tal-portata tad-dritt nazzjonali. |
111 |
Fir-rigward tal-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni, hemm lok, għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punti 56 sa 58 ta’ din is-sentenza, li din tiġi miċħuda. Fil-fatt, parti tista’ tinvoka aggravji u argumenti mnissla mis-sentenza appellata stess u li huma intiżi li jikkritikaw, fid-dritt, il-fondatezza tagħha. Għaldaqstant, l-appellanti jistgħu jpoġġu indiskussjoni l-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali, indipendentement mill-fatt li huma ma żviluppawx fl-ewwel istanza argumenti intiżi speċifikament sabiex jikkontestaw id-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt. |
112 |
Fir-rigward tal-inammissibbiltà invokata mill-Kummissjoni, ibbażata fuq il-fatt li l-appellanti jridu jpoġġu indiskussjoni konstatazzjonijiet ta’ fatt, li, fil-prinċipju, jinsabu barra mill-portata tal-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jitfakkar li, abbażi ta’ ġurisprudenza stabbilita, l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ żnaturament ta’ dawn il-fatti u ta’ dawn il-provi, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell. Huwa biss meta l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha l-ġurisdizzjoni li teżerċita, skont l-Artikolu 256 TFUE, stħarriġ fuq il-klassifikazzjoni ġuridika tagħhom u fuq il-konsegwenzi ta’ dritt li jkunu nsiltu minnhom (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Il-Kummissjoni vs Spanja et, C‑128/16 P, EU:C:2018:591, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
113 |
Għaldaqstant, fir-rigward tal-eżami, fil-kuntest ta’ appell, tal-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tad-dritt nazzjonali, li, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, jikkostitwixxu evalwazzjonijiet ta’ fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha biss ġurisdizzjoni sabiex tivverifika jekk kienx hemm żnaturament ta’ dan id-dritt. Min-naħa l-oħra, peress li l-eżami, fil-kuntest ta’ appell, tal-klassifikazzjoni ġuridika fir-rigward ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ngħatat lil dan id-dritt nazzjonali mill-Qorti Ġenerali jikkostitwixxi kwistjoni ta’ liġi, dan jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2018, Andres (falliment Heitkamp BauHolding) vs Il-Kummissjoni, C‑203/16 P, EU:C:2018:505, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
114 |
Barra minn hekk, kif tfakkar fil-punt 70 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ma tistax, fi kwalunkwe każ, tissostitwixxi l-motivazzjoni tagħha stess għal dik tal-awtur tal-att ikkontestat, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti, fil-kuntest ta’ appell, sabiex tivverifika jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx tali sostituzzjoni u b’hekk wettqitx żball ta’ liġi. |
115 |
Peress li, permezz tal-argumenti tal-appellanti miġbura fil-qosor fil-punti 105 sa 108 ta’ din is-sentenza, huma jikkritikaw essenzjalment lill-Qorti Ġenerali talli ssostitwixxiet il-motivazzjoni tagħha stess għal dik li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-“għan” li fir-rigward tiegħu għandu jsir l-eżami tal-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet tal-impriżi li jibbenefikaw mill-vantaġġ li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-miżura kkontestata u ta’ dawk li huma esklużi minnha, dan l-argument huwa ammissibbli. |
b) Fuq il-mertu
116 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument dirett kontra l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li tgħid li l-ġurisprudenza hija inkoerenti fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk huwiex fid-dawl tal-għan tal-miżura eżaminata jew tas-sistema li din tidħol fiha li għandu jsir il-paragun, dan għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv. |
117 |
Fil-fatt, WDFG sempliċement issostni li l-għażla bejn għan wieħed jew ieħor hija irrilevanti peress li dawn għandhom, bħala prinċipju, jikkoinċidu. Għaldaqstant, anki jekk jitqies li l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar il-portata tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja huma ineżatti, għandu jiġi kkonstatat li WDFG ma tikkontestax il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, imsemmija fil-punt 156 tas-sentenza appellata, li tgħid li huwa fid-dawl tal-għan tas-sistema ta’ referenza li fih taqa’ l-miżura eżaminata, u mhux tal-għan ta’ din il-miżura, li għandu jitwettaq l-eżami ta’ paragunabbiltà fit-tieni stadju tal-analiżi tas-selettività. |
118 |
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jqajmu lment ibbażat fuq is-sostituzzjoni tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata f’dak li jikkonċerna l-identifikazzjoni tal-għan tas-sistema ta’ referenza. Huma jsostnu li l-għan li jikkonsisti f’li “tiġi żgurata ċerta koerenza bejn it-trattament fiskali tal-avvjament u t-trattament kontabbli tiegħu”, imsemmi fil-punt 121 tas-sentenza appellata, ma huwa rifless la fid-deċiżjoni kkontestata u lanqas fl-osservazzjonijiet li r-Renju ta’ Spanja ppreżenta matul il-proċedura amministrattiva. Barra minn hekk, WDFG tallega li, fi kwalunkwe każ, l-affermazzjoni li tgħid li d-dispożizzjonijiet fiskali fil-qasam tal-avvjament għandhom tali għan hija arbitrarja u infondata. |
119 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, imkien fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma semmiet iż-żamma ta’ ċerta koerenza bejn it-trattament fiskali u t-trattament kontabbli tal-avvjament bħala għan tas-sistema ta’ riferiment identifikata minnha. |
120 |
Ċertament, il-Qorti Ġenerali rreferiet, fil-punti 117 sa 119 tas-sentenza appellata, għal uħud mill-konstatazzjonijiet li jinsabu f’din id-deċiżjoni meta indikat li t-trattament fiskali tal-avvjament huwa organizzat madwar il-kriterju bbażat fuq l-eżistenza jew le ta’ kombinament ta’ impriżi, u spjegat, permezz ta’ referenza għall-premessi 19 u 99 tad-deċiżjoni msemmija, li dan huwa dovut għall-fatt li, wara akkwist jew kontribuzzjoni ta’ assi li jifformaw impriżi indipendenti jew wara għaqda jew xissjoni, “jirriżulta avvjament, bħala attiv immaterjali distint, fil-kontabbiltà tal-impriża li tirriżulta mill-kombinament” (ara l-punt 117 tas-sentenza appellata). Bl-istess mod, l-affermazzjoni li tgħid li t-trattament fiskali tal-avvjament huwa “relatat ma’ loġika kontabbli” (punt 116 tas-sentenza appellata) hija kontinwazzjoni ta’ ċerti kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari fil-premessi 97 sa 100 tagħha. |
121 |
Madankollu, huwa totalment indipendenti minn din id-deċiżjoni u fuq il-bażi tal-interpretazzjoni tagħha stess tar-regoli fiskali u tal-kontabbiltà Spanjoli, li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-għan tar-regoli dwar l-amortizzazzjoni tal-avvjament finanzjarju li jinsabu fil-liġi tat-taxxa fuq il-kumpanniji, kif approvata mid-Digriet Leġiżlattiv Irjali Nru 4/2004, kien li tiġi żgurata l-koerenza bejn it-trattament fiskali u l-kontabbiltà tal-avvjament u li, fir-rigward ta’ dan l-għan, is-sitwazzjoni tal-impriżi li jinvestu f’kumpanniji Spanjoli hija paragunabbli ma’ dik tal-impriżi li jinvestu f’kumpanniji mhux residenti. |
122 |
Għaldaqstant, billi ssostitwixxiet il-motivazzjoni tagħha għal dik tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. |
123 |
Madankollu, għandu jiġi eżaminat jekk, minkejja l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali, it-tieni lment tal-ewwel motiv invokat minn WDFG insostenn tar-rikors tagħha quddiem din tal-aħħar kellux, sa fejn kien jikkritika lill-Kummissjoni talli ma pprovatx li l-akkwisti ta’ ishma f’kumpanniji residenti u dawk f’kumpanniji mhux residenti kienu paragunabbli fid-dawl tal-għan ta’ newtralità fiskali mfittex mill-miżura kkontestata, fi kwalunkwe każ, jiġi miċħud. |
124 |
Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, jekk il-motivi ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali jirrilevaw ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda d-dispożittiv jidher fondat għal motivi oħra ta’ liġi, tali ksur ma huwiex ta’ natura li jwassal għall-annullament ta’ din is-sentenza (sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2003, Biret International vs Il-Kunsill, C‑93/02 P, EU:C:2003:517, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-14 ta’ Ottubru 2014, Buono et vs Il-Kummissjoni, C‑12/13 P u C‑13/13 P, EU:C:2014:2284, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
125 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, li l-Qorti Ġenerali rreferiet għalih ġustament fil-punt 145 tas-sentenza appellata, l-eżami tal-paragunabbiltà li għandu jsir bħala parti mit-tieni fażi tal-analiżi tas-selettività għandu jitwettaq fid-dawl tal-għan tas-sistema ta’ referenza u mhux dak tal-miżura kkontestata |
126 |
F’dan il-każ, l-appellanti jsostnu li l-għan tas-sistema ta’ referenza, li jitħallat ma’ dak tal-miżura kkontestata, huwa l-ħarsien tan-newtralità fiskali. Huma jenfasizzaw li, fid-dawl ta’ dan l-għan, l-impriżi li jakkwistaw ishma f’kumpanniji nazzjonali u dawk li jakkwistaw ishma f’kumpanniji transkonfinali jinsabu f’sitwazzjonijiet differenti minħabba ostakoli għall-kombinamenti transkonfinali ta’ impriżi. |
127 |
Hekk kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, miżura, bħall-miżura kkontestata, intiża li tiffavorixxi l-esportazzjonijiet, tista’ titqies li hija selettiva jekk hija tkun tagħti benefiċċju lill-impriżi li jwettqu tranżazzjonijiet transkonfinali, b’mod partikolari tranżazzjonijiet ta’ investiment, għad-detriment ta’ impriżi oħra li, filwaqt li jkunu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli, fir-rigward tal-għan imfittex mill-iskema fiskali kkonċernata, effettivament iwettqu tranżazzjonijiet tal-istess natura fit-territorju nazzjonali (sentenza WDFG, punt 119). |
128 |
Issa, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonstatat, fil-punt 122 tas-sentenza appellata, li l-impriżi li jakkwistaw ishma f’kumpanniji mhux residenti jinsabu, fid-dawl tal-għan imfittex mit-trattament fiskali tal-avvjament, f’sitwazzjoni legali u fattwali paragunabbli għal dik tal-impriżi li jakkwistaw ishma f’kumpanniji residenti. Fil-fatt, sa fejn l-impriżi li jakkwistaw ishma transkonfinali minoritarji jistgħu jibbenefikaw mill-miżura kkontestata minkejja li ma jkunux affettwati mill-allegati ostakoli għall-kombinamenti ta’ impriżi li tirreferi għalihom WDFG, ma jistax jiġi allegat li, minħabba dawn l-ostakoli, il-benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni jinsabu f’sitwazzjoni legali u fattwali differenti minn dik tal-impriżi li jaqgħu taħt is-sistema fiskali normali. |
129 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi konkluż li, minkejja l-iżball ta’ liġi li wettqet il-Qorti Ġenerali meta ssostitwixxiet il-motivazzjoni tagħha stess għal dik li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata fil-kuntest tal-eżami tad-determinazzjoni tal-għan tas-sistema ta’ referenza, it-tieni parti tal-aggravju uniku ta’ WDFG u t-tielet parti tal-aggravju uniku tar-Renju ta’ Spanja għandhom jiġu miċħuda bħala infondati. |
C. Fuq it-tielet parti tal-aggravju uniku ta’ WDFG u fuq ir-raba’ parti tal-aggravju uniku tar-Renju ta’ Spanja, ibbażati fuq żball ta’ liġi fit-tqassim tal-oneru tal-prova
1. L-argumenti tal-partijiet
130 |
L-appellanti jsostnu li, billi ma eżaminatx, matul l-ewwel u t-tieni stadju tal-analiżi tas-selettività, liema impriżi kienu jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli fir-rigward tal-għan tas-sistema ta’ referenza kkostitwita min-newtralità fiskali u billi pposponiet dan l-eżami għat-tielet stadju, il-Qorti Ġenerali wettqet inverżjoni tal-oneru tal-prova. F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fl-ewwel u fit-tieni stadji tal-eżami tas-selettività ta’ miżura, l-oneru tal-prova tal-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet fir-rigward tal-għan imfittex jaqa’ fuq il-Kummissjoni. |
131 |
Il-Kummissjoni tqis li l-argumentazzjoni tal-appellanti hija inammissibbli u, f’kull każ, infondata. |
2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
132 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni kontra l-argumenti tar-rikorrenti, din għandha tiġi miċħuda għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punti 56 sa 58 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, parti tista’ tinvoka aggravji u argumenti mnissla mis-sentenza appellata stess u li huma intiżi li jikkritikaw, fid-dritt, il-fondatezza tagħha. Għaldaqstant, l-appellanti jistgħu jpoġġu indiskussjoni l-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali, indipendentement mill-fatt li huma ma żviluppawx fl-ewwel istanza argumenti intiżi speċifikament sabiex jikkontestaw id-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt. |
133 |
Fir-rigward tal-fondatezza tat-tielet parti tal-aggravju uniku ta’ WDFG u tar-raba’ parti tal-aggravju uniku tar-Renju ta’ Spanja, l-appellanti jilmentaw preċiżament li l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li din il-miżura kienet issegwi għan ta’ newtralità fiskali biss matul it-tielet stadju tal-analiżi tas-selettività tal-miżura kkontestata, u mhux matul l-ewwel u t-tieni stadji ta’ din l-analiżi. |
134 |
L-argumentazzjoni tal-appellanti hija bbażata fuq il-premessa li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fid-determinazzjoni tal-għan tas-sistema ta’ referenza meta qieset li din tal-aħħar kienet tinsab fil-koerenza bejn it-trattament fiskali u t-trattament kontabbli tal-avvjament, u mhux fil-prinċipju ta’ newtralità fiskali. |
135 |
Issa, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat f’dan ir-rigward li, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 116 sa 129 ta’ din is-sentenza, għalkemm huwa b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-għan tas-sistema ta’ referenza kien jinsab fil-koerenza bejn it-trattament fiskali u t-trattament kontabbli tal-avvjament, ma ġiex stabbilit li l-għan ta’ newtralità fiskali kien ta’ natura li jeskludi s-selettività tal-għajnuna waqt it-tieni stadju ta’ analiżi tas-selettività. |
136 |
It-tielet parti tal-aggravju uniku ta’ WDFG u r-raba’ parti tal-aggravju uniku tar-Renju ta’ Spanja għandhom għalhekk jiġu miċħuda bħala ineffettivi. |
D. Fuq ir-raba’ parti tal-aggravju uniku ta’ WDFG, ibbażata fuq żball fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità
1. L-argumenti tal-partijiet
137 |
WDFG issostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta eżaminat il-proporzjonalità tal-miżura kkontestata mingħajr ma evalwat minn qabel jekk is-sitwazzjonijiet inkwistjoni kinux paragunabbli fid-dawl tal-għan tas-sistema ta’ referenza korrettament identifikata, jiġifieri l-għan ta’ newtralità fiskali. Hija ssostni li l-eżami tal-miżura kkontestata mill-perspettiva tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, fit-tielet stadju tal-analiżi tas-selettività, ma għandu l-ebda sens u ebda ġustifikazzjoni f’dan il-każ. Huwa biss wara l-eżami tal-kwistjoni dwar jekk il-miżura tistabbilixxix diskriminazzjoni bejn sitwazzjonijiet paragunabbli fid-dawl tal-għan tal-miżura li jkun hemm lok li jiġi eżaminat jekk din hijiex iġġustifikata mill-fatt li hija inerenti għall-prinċipji essenzjali tas-sistema li hija tifforma parti minnha u li hija konformi mal-prinċipji ta’ koerenza u ta’ proporzjonalità. |
138 |
Il-Kummissjoni tqis li r-raba’ parti tal-aggravju uniku ta’ WDFG hija ineffettiva u, f’kull każ, infondata. |
2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
139 |
Għandu jiġi kkonstatat li l-argument ta’ WDFG huwa bbażat fuq il-premessa li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddifferixxiet l-analiżi tal-proporzjonalità tal-miżura kkontestata għat-tielet stadju tal-eżami tas-selettività. |
140 |
Madankollu, dan l-argument ma jistax jintlaqa’, sa fejn, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, il-kwistjoni dwar jekk vantaġġ selettiv huwiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità tqum fl-istadju tat-tielet fażi tal-eżami tas-selettività, li fil-kuntest tiegħu jiġi eżaminat il-punt dwar jekk l-imsemmi vantaġġ jistax jiġi ġġustifikat min-natura jew mill-istruttura ġenerali tas-sistema fiskali tal-Istat Membru kkonċernat. F’dan l-istadju, l-Istat Membru huwa għalhekk mistieden juri li differenza fit-trattament li tirriżulta mill-għan tal-miżura hija adegwata mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn din ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan u li dan ma jistax jintlaħaq permezz ta’ miżuri inqas restrittivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Paint Graphos (C‑78/08 sa C‑80/08, EU:C:2011:550, punt 75). |
141 |
Għaldaqstant, ir-raba’ parti tal-aggravju uniku ta’ WDFG għandha tiġi miċħuda wkoll. |
E. Fuq il-ħames parti tal-aggravju uniku tal-appell ta’ WDFG, ibbażata fuq żball ta’ liġi dwar ir-rabta kawżali bejn l-impossibbiltà ta’ amalgamazzjonijiet transkonfinali u l-akkwist ta’ ishma f’kumpanniji barranin
1. L-argumenti tal-partijiet
142 |
WDFG issostni, essenzjalment, li l-motivi tas-sentenza appellata dwar it-tielet stadju tal-analiżi tas-selettività, li jinsabu fil-punti 180 sa 189 tas-sentenza appellata, huma vvizzjati bi żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali eżiġiet mir-Renju ta’ Spanja li huwa jipprova l-eżistenza ta’ “rabta kawżali bejn l-impossibbiltà li ssir amalgamazzjoni barra mill-pajjiż u l-akkwist ta’ sehem f’pajjiż barrani”. WDFG issostni, minn naħa, li dawn il-motivi jintroduċu element ta’ analiżi li ma jinsabx fid-deċiżjoni kkontestata u li huwa saħansitra kuntrarju għar-ratio decidendi tiegħu u, min-naħa l-oħra, li l-prova meħtieġa mill-Qorti Ġenerali hija impossibbli li tiġi prodotta. |
143 |
Il-Kummissjoni titlob li din il-parti tiġi miċħuda. |
2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
144 |
Għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 180 sa 189 tas-sentenza appellata, l-uniċi msemmija mill-ħames parti tal-aggravju uniku ta’ WDFG, il-Qorti Ġenerali esponiet ir-raġunijiet għalfejn ir-Renju ta’ Spanja ma kienx wera li l-miżura kkontestata kienet tinnewtralizza l-effetti allegatament penalizzanti tal-iskema normali. |
145 |
Madankollu, b’mod supplimentari, hija kompliet l-analiżi tagħha abbażi tal-ipoteżi li din il-prova kienet ġiet ipprovduta (punti 190 sa 198 tas-sentenza appellata). Il-motivi tas-sentenza appellata msemmija fil-ħames parti tal-aggravju uniku ta’ WDFG għalhekk ma humiex l-uniċi li fuqhom hija bbażata l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, li tgħid li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta kkonstatat li r-Renju ta’ Spanja ma kienx iġġustifika d-distinzjoni introdotta mill-miżura kkontestata. |
146 |
Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ appell, aggravju dirett kontra motiv tas-sentenza appellata, li d-dispożittiv tagħha huwa adegwatament ibbażat fuq raġunijiet oħra fid-dritt, huwa ineffettiv u, għalhekk, għandu jiġi miċħud F’dan il-każ, anki jekk jitqies li l-ħames parti hija fondata, din, sa fejn ma hijiex ta’ natura li tinvalida s-sentenza appellata, għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva, peress li l-imsemmija konklużjoni tibqa’ bbażata fuq motivi oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2011, Anheuser-Busch vs Budějovický Budvar, C‑96/09 P, EU:C:2011:189, punt 211 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
147 |
Minn dan jirriżulta li l-ħames parti tal-aggravju uniku ta’ WDFG għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva. |
F. Fuq is-sitt parti tal-aggravju uniku ta’ WDFG, ibbażata fuq żball ta’ liġi fl-eżami tad-diviżibbiltà tal-miżura kkontestata skont il-perċentwali ta’ stħarriġ
1. L-argumenti tal-partijiet
148 |
WDFG tilmenta li l-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motiv tagħha bbażat fuq in-nuqqas ta’ distinzjoni, fl-analiżi tal-Kummissjoni, bejn l-akkwisti ta’ ishma minoritarji u l-akkwisti ta’ ishma maġġoritarji. WDFG tenfasizza, minn naħa, li t-tranżazzjonijiet kollha li hija wettqet fil-kuntest tal-miżura kkontestata wasslu għat-teħid tal-kontroll tal-kumpannija akkwistata u, min-naħa l-oħra, li r-Renju ta’ Spanja kien talab lill-Kummissjoni twettaq analiżi distinta taż-żewġ sitwazzjonijiet. Skont WDFG, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, jekk l-Istat Membru kkonċernat jitlob dan, il-Kummissjoni għandha twettaq analiżi distinta tal-miżura eżaminata. Fir-rigward tan-natura diviżibbli tal-miżura kkontestata, din tirriżulta mit-trattament proċedurali li l-Kummissjoni rriżervat għall-evalwazzjoni ta’ din il-miżura, li tat lok għal tliet deċiżjonijiet differenti. |
2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
149 |
Is-sitt parti tal-aggravju uniku ta’ WDFG tikkritika l-punti 206 sa 215 tas-sentenza appellata, li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk il-Kummissjoni kinitx obbligata tistabbilixxi distinzjoni bejn it-tranżazzjonijiet differenti li kienu jibbenefikaw mill-applikazzjoni tal-miżura kkontestata. |
150 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-motivi tas-sentenza appellata, esposti f’dawn il-punti, u li kienu intiżi sabiex jirrispondu għall-argument ta’ WDFG li jgħid li l-Kummissjoni kellha tagħmel distinzjoni bejn l-akkwisti ta’ ishma f’kumpanniji mhux residenti li jwasslu għal teħid ta’ kontroll u l-akkwisti l-oħra ta’ ishma għall-finijiet li tiddikjara li l-applikazzjoni tal-miżura kkontestata għall-ewwel każijiet ma kinitx twassal għall-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat, huma ta’ natura superfluwa. |
151 |
Fil-fatt, l-argument ta’ WDFG li jgħid li l-Kummissjoni kienet obbligata twettaq tali distinzjoni ġie miċħud, prinċipalment, fil-punt 205 tas-sentenza appellata, li fih il-Qorti Ġenerali essenzjalment qieset li l-inkoerenza li introduċiet il-miżura kkontestata fit-trattament fiskali tal-avvjament teżisti anki jekk din il-miżura kienet tibbenefika biss lill-akkwisti ta’ ishma maġġoritarji f’kumpanniji mhux residenti. |
152 |
Issa, hekk kif tfakkar fil-punt 146 ta’ din is-sentenza, fil-kuntest ta’ appell, aggravju dirett kontra motiv eżawrjenti tas-sentenza appellata, li d-dispożittiv tagħha huwa adegwatament ibbażat fuq raġunijiet oħra fid-dritt, huwa ineffettiv u għalhekk għandu jiġi miċħud. |
153 |
Fi kwalunkwe każ, l-argument ta’ WDFG żviluppat fil-kuntest tas-sitt parti tal-aggravju uniku tagħha huwa infondat. |
154 |
F’dan ir-rigward, huwa minnu li, fid-deċiżjoni li hija tadotta wara l-eżami tagħha, il-Kummissjoni għandha l-possibbiltà, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, li tagħmel distinzjoni bejn il-benefiċjarji tal-iskema ta’ għajnuna nnotifikata, fid-dawl ta’ ċerti karatteristiċi li għandhom jew tal-kundizzjonijiet li jissodisfaw. Min-naħa l-oħra, kif irrilevat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 206 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li tistabbilixxi, fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata, kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-miżura kkontestata li setgħu jippermettulha, f’ċerti każijiet, li ma tadottax il-klassifikazzjoni bħala għajnuna. Fil-fatt, tali kwistjoni taqa’ taħt id-djalogu bejn l-awtoritajiet Spanjoli u l-Kummissjoni, fil-kuntest tan-notifika tal-iskema inkwistjoni, li kellha sseħħ qabel l-implimentazzjoni tagħha. |
155 |
F’dan il-każ, fil-kuntest tar-rikors tagħha fl-ewwel istanza, WDFG ilmentat li l-Kummissjoni, essenzjalment, naqset milli tagħmel distinzjoni bejn l-akkwisti ta’ ishma f’kumpanniji mhux residenti li jwasslu għal teħid ta’ kontroll, u l-akkwisti l-oħra ta’ ishma, sabiex tiddikjara li l-applikazzjoni tal-miżura kkontestata għal dawk tal-ewwel ma kinitx twassal għall-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 212 tas-sentenza appellata, fakkret li, fir-rigward tal-ġustifikazzjoni tad-differenzazzjoni mwettqa mill-miżura inkwistjoni, huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jistabbilixxi din il-ġustifikazzjoni kif ukoll jadatta l-kontenut jew il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ din il-miżura jekk jirriżulta li din hija biss parzjalment iġġustifikata. Issa, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta, fil-punt 214 tas-sentenza appellata, ikkonkludiet li, anki jekk jitqies li l-eżami, mill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-proċedura formali, tal-każ tal-akkwisti ta’ ishma maġġoritarji kien is-suġġett ta’ diskussjonijiet speċifiċi bejn il-Kummissjoni u r-Renju ta’ Spanja abbażi ta’ talbiet dokumentati ppreżentati minnu, l-ilment ta’ WDFG kellu, fi kwalunkwe każ, jiġi miċħud fiċ-ċirkustanzi tal-każ. |
156 |
Għaldaqstant, is-sitt parti tal-aggravju uniku ta’ WDFG għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva u, fi kwalunkwe każ, infondata. |
157 |
Peress li ebda waħda mill-partijiet tal-aggravju uniku mqajjem mill-appellanti insostenn tal-appell rispettiv tagħhom ma ntlaqgħet, hemm lok li dawn tal-aħħar jiġu miċħuda fl-intier tagħhom. |
V. Fuq l-ispejjeż
158 |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-imsemmija regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. |
159 |
F’dan il-każ, peress li l-appellanti tilfu, hemm lok li huma jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż relatati ma’ dan l-appell u mal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, kif mitlub mill-Kummissjoni. |
160 |
Konformement mal-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, l-Istati Membri li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Konsegwentement, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, intervenjenti fil-kuntest tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u li pparteċipat fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.