Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0043

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tal-11 ta’ Ġunju 2020.
Vodafone Portugal – Comunicações Pessoais SA vs Autoridade Tributária e Aduaneira.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 2(1)(ċ) – Kamp ta’ applikazzjoni – Tranżazzjonijiet taxxabbli – Provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas – Kumpens imħallas fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza, mill-klijenti, tal-perijodu minimu ta’ impenn kuntrattwali – Klassifikazzjoni.
Kawża C-43/19.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:465

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

11 ta’ Ġunju 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 2(1)(ċ) – Kamp ta’ applikazzjoni – Tranżazzjonijiet taxxabbli – Provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas – Kumpens imħallas fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza, mill-klijenti, tal-perijodu minimu ta’ impenn kuntrattwali – Klassifikazzjoni”

Fil-Kawża C‑43/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa) (il-Qorti tal-Arbitraġġ Fiskali (Ċentru ta’ Abritraġġ Amministrattiv), il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Jannar 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Jannar 2019, fil-proċedura

Vodafone Portugal – Comunicações Pessoais, SA

vs

Autoridade Tributária e Aduaneira,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn S. Rodin, President tal-Awla, D. Šváby u K. Jürimäe (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: M. Ferreira, amministratur prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ Jannar 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Vodafone Portugal – Comunicações Pessoais, SA, minn S. Fernandes de Almeida, J. Lobato Heitor u A. Costa, advogados,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, T. Larsen, R. Campos Laires u P. Barros da Costa, bħala aġenti,

għall-Gvern Irlandiż, minn J. Quaney u M. Browne, bħala aġenti, assistiti minn N. Travers, SC,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn Z. Lavery, bħala aġent, assistita minn E. Mitrophanous, barrister,

għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn L. Lozano Palacios u A. Caeiros, sussegwentement minn L. Lozano Palacios u I. Melo Sampaio, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1)(ċ) kif ukoll tal-Artikoli 9, 24, 72 u 73 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Vodafone Portugal – Comunicações Pessoais, SA (iktar ’il quddiem “Vodafone”) u l-Autoridade Tributária e Aduaneira (l-Awtorità tat-Taxxa u tad-Dwana, il-Portugall), dwar l-awtolikwidazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (TVA) fir-rigward tax-xahar ta’ Novembru 2016.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT jipprevedi li huma suġġetti għall-VAT “il-provvista ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”.

4

L-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li:

“1.   ‘Persuna taxxabbli’ għandha tfisser kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq fi kwalunkwe post kwalunkwe attività ekonomika, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.

Kwalunkwe attività ta’ produtturi, kummerċjanti jew persuni li jagħtu servizzi, inklużi attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet, għandhom jitqiesu bħala ‘attività ekonomika’. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skopijiet ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandha b’mod partikolari titqies bħala attività ekonomika.”

5

L-Artikolu 24 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.   ‘Provvista ta’ servizzi’ għandha tfisser kwalunkwe operazzjoni li ma tikkostitwix provvista ta’ merkanzija.

2.   ‘Servizzi ta’ telekomunikazzjoni’ għandha tfisser servizzi li għandhom x’jaqsmu mat-trasmissjoni, il-ħruġ jew id-dħul ta’ sinjali, kliem, figuri u ħsejjes jew tagħrif ta’ kull natura bil-fil, bir–radju, strumenti tal-vista jew b’sistemi oħra elettro-manjetiċi, inkluż it-trasferiment jew l-assenjazzjoni tad-dritt li tiġi użata l-kapaċità ta’ din it-trasmissjoni, dħul jew ħruġ, bl-inklużjoni tad-disposizzjoni ta’ aċċess għan-networks ta’ informazzjoni globali.”

6

L-Artikolu 64(1) tal-istess direttiva jipprovdi:

“Fejn din twassal għal dikjarazzjonijiet suċċessivi ta’ kont jew ħlasijiet suċċessivi, il-provvista ta’ merkanzija […] jew il-provvista ta’ servizzi għandhom jitqiesu bħala kompluti ma’ l-iskadenza tal-perijodi li għalihom jirrelataw dawn id–dikjarazzjonijiet ta’ kont jew ħlasijiet.”

7

L-Artikolu 72 tad-Direttiva dwar il-VAT huwa redatt kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, ‘valur tas-suq miftuħ’ għandha tfisser l-ammont sħiħ li, sabiex jakkwista l-merkanzija jew is-servizzi konċernati, klijent fl-istess stadju ta’ kummerċjalizzazzjoni bħal dak li fih iseħħ il-forniment ta’ merkanzija jew servizzi, ikollu jħallas, fil-mument ta’ dak il-forniment u taħt kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusta, lil fornitur mhux relatat miegħu fit-territorju ta’ l-Istat Membru li fih il-forniment ikun taxxabbli.

Fejn ma jista’ jiġi aċċertat l-ebda forniment ta’ merkanzija jew servizzi komparabbli, ‘valur tas-suq miftuħ’ għandha tfisser dan li ġej:

1)

fir-rigward ta’ merkanzija, ammont li ma jkunx inqas mill-prezz tax-xiri tal-merkanzija jew ta’ merkanzija simili jew, fin-nuqqas ta’ prezz tax-xiri, il-prezz tal-kost, determinat fil-mument tal-forniment;

2)

fir-rigward ta’ servizzi, ammont li ma jkunx inqas mill-ispiża sħiħa għall-persuna taxxabbli biex tforni s-servizz.”

8

L-Artikolu 73 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Fir-rigward tal-provvista ta’ merkanzija jew servizzi, minbarra kif imsemmi fl-Artikoli 74 sa 77, l-ammont taxxabbli għandu jinkludi dak kollu li jikkostitwixxi ħlas miksub jew li għandu jinkiseb mill-fornitur, għall-provvista, mill-konsumatur jew parti terza, inklużi s-sussidji marbuta direttament mal-prezz tal-provvista.”

Id-dritt Portugiż

Il-Kodiċi tal-VAT

9

Skont l-Artikolu 1(1)(a) tal-Código do Imposto sobre o Valor Acrescentado (Il‑Kodiċi tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-VAT”), huma suġġetti għall-VAT il-kunsinni ta’ oġġetti u l-provvisti ta’ servizzi mwettqa fit-territorju nazzjonali, bi ħlas, minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali.

10

L-Artikolu 4(1) tal-Kodiċi tal-VAT jipprevedi li huma meqjusa bħala provvisti ta’ servizzi t-tranżazzjonijiet imwettqa bi ħlas li la jikkostitwixxu kunsinni, la akkwisti intra-Komunitarji, u lanqas importazzjonijiet ta’ oġġetti.

11

L-Artikolu 16(6)(a) tal-Kodiċi tal-VAT jipprovdi:

“Fl-ammont taxxabbli msemmi fil-paragrafu ta’ qabel dan ma għandhom jiġu inklużi l-elementi li ġejjin:

a)

l-interessi għall-ħlas iddifferit tal-korrispettiv u s-somom riċevuti bħala kumbens ikkonstatat b’mod ġudizzjarju, għan-nuqqas ta’ osservanza totali jew parzjali ta’ obbligi”.

Il-Liġi dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi

12

Il-lei n.o 5/2004, das comunicações electrónicas (il-Liġi Nru 5/2004, dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi), tal-10 ta’ Frar 2004 (Diário da República I, Serje I-A, Nru 34, tal-10 ta’ Frar 2004), kif emendata bil-lei n.o 15/2016 (il-Liġi Nru 15/2016), tas-17 ta’ Ġunju 2016 (Diário da República, l-Ewwel Serje, Nru 115, tas-17 ta’ Ġunju 2016) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi”), fl-Artikolu 47(1) u (2)(c) tagħha tipprovdi:

“1.   L-impriżi li joffru netwerks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku huma obbligati jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, kif ukoll ta’ kull min juri l-intenzjoni li jikkonkludi kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi pprovduti minnhom, informazzjoni adegwata, trasparenti, paragunabbli u aġġornata dwar it-termini u l-kundizzjonijiet abitwali fil-qasam tal-aċċess u tal-użu tas-servizzi li huma jipprovdu lill-utenti finali u lill-konsumaturi, u dan filwaqt li jippreċiżaw fid-dettall il-prezzijiet tagħhom u oneri oħra, kif ukoll, jekk ikun il-każ, dawk relatati max-xoljiment tal-kuntratti.

2.   Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-paragrafu ta’ qabel dan, dawn l-impriżi għandhom jippubblikaw […] l-informazzjoni li ġejja, liema informazzjoni għandha wkoll tiġi pprovduta minn qabel lil kull min ikollu l-intenzjoni jikkonkludi kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi magħhom:

[…]

c)

il-prezzijiet normali, billi jiġu ppreċiżati l-ammonti dovuti għal kull waħda mill-provvisti ta’ servizzi u l-kontenut ta’ kull element tal-prezz, li jkunu jkopru b’mod partikolari:

i)

l-oneri marbuta mal-attivazzjoni tas-servizz u għall-aċċess, għall-użu u għall-ġestjoni (handling);

ii)

l-informazzjoni ddettaljata dwar l-iskonti normali applikati u s-sistemi tariffarji speċjali jew speċifiċi, u l-oneri addizzjonali eventwali;

iii)

l-ispejjeż marbuta ma’ tagħmir terminali mikri jew li tiegħu il-klijent isir proprjetarju;

iv)

l-oneri li jirriżultaw mix-xoljiment tal-kuntratt, inkluż ir-restituzzjoni ta’ tagħmir jew penali għax-xoljiment antiċipat fuq l-inizjattiva tal-abbonati”.

13

L-Artikolu 48 tal-Liġi dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi jipprovdi:

“1.   Bla ħsara għal-leġiżlazzjoni applikabbli għall-protezzjoni tal-konsumatur, fir-rigward tal-offerta ta’ netwerks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi jew ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku għandu jiġi konkluż kuntratt li b’mod obbligatorju għandu jinkludi, b’mod ċar, eżawrjenti u aċċessibbli faċilment, l-elementi li ġejjin:

[...]

g)

it-tul tal-kuntratt, il-kundizzjonijiet ta’ tiġdid, ta’ sospensjoni u ta’ interruzzjoni tas-servizzi u l-kundizzjonijiet ta’ tiġdid, ta’ sospensjoni u ta’ xoljiment tal-kuntratt;

[...]

2.   L-informazzjoni dwar it-tul tal-kuntratti, inklużi l-kundizzjonijiet tat-tiġdid tagħhom u tax-xoljiment tagħhom, għandha tkun ċara, li wieħed ikun jista’ jinduna biha, imqiegħda għad-dispożizzjoni fuq mezz li jservi għal żmien twil, u għandha tinkludi l-indikazzjonijiet li ġejjin:

a)

l-eventwali perijodu ta’ fedeltà tal-klijent, li l-eżistenza tiegħu tiddependi mill-għoti ta’ kwalunkwe vantaġġ lill-konsumatur, identifikat u kkwantifikat, assoċjat mas-sussidjar tat-tagħmir terminali, mal-installazzjoni u mal-attivazzjoni tas-servizz jew ma’ kundizzjonijiet promozzjonali oħra;

b)

l-ispejjeż eventwali marbuta mal-portabbiltà ta’ numri u identifikaturi oħra,

c)

l-ispejjeż eventwali li jirriżultaw mix-xoljiment antiċipat tal-kuntratt matul il-perijodu ta’ fedeltà, fuq l-inizjattiva tal-abbonat, b’mod partikolari wara l-irkupru ta’ spejjeż assoċjati mas-sussidjar tat-tagħmir terminali, mal-installazzjoni u mal-attivazzjoni tas-servizz jew ma’ kundizzjonijiet promozzjonali oħra.

[...]

4.   L-impriżi li joffru netwerks u/jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi ma jistgħux jopponu għat-terminazzjoni tal-kuntratti fuq l-inizjattiva tal-abbonati, għar-raġuni li jeżisti perijodu ta’ fedeltà, u lanqas ma jistgħu jirrikjedu l-ħlas ta’ xi oneri għall-ksur ta’ perijodu ta’ fedeltà jekk huma ma jkollhomx il-prova tal-manifestazzjoni tar-rieda tal-konsumatur, imsemmija fil-punt ta’ qabel dan.

[…]

11.   Matul il-perijodu ta’ fedeltà, l-ammonti li l-abbonat ikollu jħallas meta jxolji l-kuntratt ma jistgħux jeċċedu l-ispejjeż sostnuti mill-fornitur waqt l-installazzjoni tas-servizz, u l-ġbir ta’ kwalunkwe somma bħala indennizz jew kumpens huwa pprojbit.

12.   L-ammonti ffatturati għax-xoljiment antiċipat tal-kuntratt li jkollu perijodu ta’ fedeltà, fuq l-inizjattiva tal-abbonat, għandhom ikunu proporzjonali għall-vantaġġ li jkun ingħatalu u li jkun ġie identifikat u kkwantifikat fil-kuntratt konkluż u għaldaqstant ma jistgħux awtomatikament jikkorrispondu għat-total tal-valur tal-provvisti li jkun fadal jingħataw fid-data tax-xoljiment.

13.   Għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu ta’ qabel dan, fil-każ ta’ sussidjar tat-tagħmir terminali, l-ammonti ffatturati għandhom jiġu kkalkolati skont il-leġiżlazzjoni applikabbli u, fil-każijiet l-oħra, dawn ma jistgħux jeċċedu l-valur tal-vantaġġ mogħti li, b’mod prorata għat-tul stabbilit tal-kuntratt, ikun fadal jiġi rkuprat mill-impriża li tipprovdi s-servizz fid-data tad-dħul fis-seħħ tax-xoljiment antiċipat.”

14

L-Artikolu 52-A tal-Liġi dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, intitolat “Sospensjoni u tmiem tas-servizz ipprovdut lill-konsumaturi abbonati”, jipprovdi:

“1.   Fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi lil abbonati li huma konsumaturi, l-impriżi li joffru netwerks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku, fl-assenza ta’ ħlas tal-ammonti msemmija fuq il-fattura, għandhom jibagħtu avviż lill-konsumatur fejn ituh terminu addizzjonali għall-ħlas ta’ 30 jum taħt piena ta’ sospensjoni tas-servizz u, eventwalment, ta’ xoljiment awtomatiku tal-kuntratt, skont il-paragrafi (3) u (7) rispettivament.

[…]

3.   L-impriżi li joffru netwerks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku għandhom b’mod obbligatorju, fi żmien għaxart’ijiem mill-iskadenza tat-terminu addizzjonali previst fil-paragrafu 1, jissospendu s-servizz għal perijodu ta’ 30 jum jekk, ladarba dan it-terminu addizzjonali jintemm, il-konsumatur ma jkunx għadu ħallas jew ma jkunx ikkonkluda ftehim ta’ ħlas bil-miktub mal-impriża, bil-għan li jirregolarizza s-somom dovuti.

[…]

7.   Mal-iskadenza tal-perijodu ta’ 30 jum ta’ sospensjoni, jekk il-konsumatur ma jkunx ħallas l-ammonti kollha dovuti jew jekk ma jkun ikkonkluda ebda ftehim ta’ ħlas bil-miktub, il-kuntratt jitqies bħala xolt awtomatikament.

8.   Ix-xoljiment previst fil-paragrafu ta’ qabel dan iseħħ bla ħsara għall-ġbir ta’ somma bħala indennizz jew bħala kumpens għax-xoljiment tal-kuntratt waqt il-perijodu ta’ fedeltà, skont u fil-limiti tad-dispożizzjonijiet tad-decreto‑lei n.o 56/2010 [(Digriet-Liġi Nru 56/2010), tal-1 ta’ Ġunju 2010 (Diário da República, l-Ewwel Serje, Nru 106, tal-1 ta’ Ġunju 2010)].

9.   In-nuqqas ta’ ħlas ta’ xi waħda mill-provvisti previsti fil-ftehim ta’ ħlas iwassal b’mod obbligatorju għax-xoljiment tal-kuntratt, wara li l-konsumatur ikun ġie avżat b’dan bil-miktub fit-terminu previst fl-Artikolu 52(5), u d-dispożizzjonijiet applikabbli jkunu dawk li jinsabu fil-paragrafu ta’ qabel dan.

10.   In-nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu mill-impriża li toffri netwerks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku, b’mod partikolari l-fatt li tkompli toffri s-servizz bi ksur tal-paragrafu 3 jew toħroġ fatturi wara d-data li fiha għandu jiġi sospiż is-servizz, iwassal għall-assenza ta’ eżiġibbiltà, mingħand il-konsumatur, tas-somom dovuti għall-provvista tas-servizz u r-responsabbiltà [tal-impriża] għall-ħlas tal-ispejjeż proċedurali fir-rigward tal-irkupru tad-debitu.

11.   Il-paragrafu ta’ qabel dan ma huwiex għall-ħruġ ta’ fatturi, wara s-sospensjoni tal-provvista tas-servizz, li jikkonċernaw servizzi effettivament ipprovduti qabel is-sospensjoni jew korrispettivi li huma legalment previsti fil-każ ta’ xoljiment antiċipat tal-kuntratt.

[…]”

Id-Digriet Liġi Nru 56/2010

15

Skont l-Artikolu 1 tad-Digriet Liġi Nru 56/2010:

“Dan ir-regolament jistabbilixxi limiti għall-ġbir ta’ somom għall-provvista tas-servizz ta’ żblukkar ta’ tagħmir intiż għall-aċċess għal servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi kif ukoll għax-xoljiment tal-kuntratt matul il-perijodu ta’ fedeltà, filwaqt li jiggarantixxi d-drittijiet tal-utenti għall-komunikazzjonijiet elettroniċi u jiffavorixxi kompetizzjoni aħjar f’dan is-settur”.

16

L-Artikolu 2(2) u (3) ta’ dan id-digriet liġi jipprevedi dan li ġej:

“2.   Matul il-perijodu ta’ fedeltà, huwa pprojbit li, fir-rigward tax-xoljiment tal-kuntratt u tal-iżblukkar tat-tagħmir, jinġabar kwalunkwe korrispettiv ta’ ammont ta’ iktar minn:

a)

100 % tal-valur tat-tagħmir fid-data tal-akkwist tiegħu jew ta’ meta jkun tqiegħed fil-pussess, mingħajr skont, tnaqqis jew sussidju, matul l-ewwel sitt xhur ta’ dan il-perijodu, wara tnaqqis tal-ammont diġà mħallas mill-abbonat kif ukoll ta’ kwalunkwe pretensjoni li l-konsumatur jista’ jkollu fir-rigward tal-operatur ta’ komunikazzjonijiet mobbli;

b)

80 % tal-valur tat-tagħmir fid-data tal-akkwist tiegħu jew ta’ meta jkun daħal fil-pussess, mingħajr skont, tnaqqis jew sussidju, wara l-ewwel sitt xhur ta’ dan il-perijodu, wara tnaqqis tal-ammont diġà mħallas mill-abbonat kif ukoll ta’ kwalunkwe pretensjoni li l-konsumatur jista’ jkollu fir-rigward tal-operatur ta’ komunikazzjonijiet mobbli;

c)

50 % tal-valur tat-tagħmir fid-data tal-akkwist tiegħu jew ta’ meta jkun tqiegħed fil-pussess, mingħajr ebda skont, tnaqqis jew sussidju, matul l-ewwel sena tal-perijodu ta’ fedeltà, wara tnaqqis tal-ammont diġà mħallas mill-abbonat kif ukoll ta’ kwalunkwe pretensjoni li l-konsumatur jista’ jkollu fir-rigward tal-operatur ta’ komunikazzjonijiet mobbli.

3.   Huwa pprojbit li jinġabar kwlunkwe korrispettiv superjuri għal dak imsemmi fil-paragrafu ta’ qabel dan, bħala indennizz jew kumpens għax-xoljiment tal-kuntratt matul il-perijodu ta’ fedeltà.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17

Vodafone, kumpannija stabbilita f’Lisbona (il-Portugall), għandha bħala għan tal-attività tagħha l-provvista ta’ servizzi fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, ta-telefonija fissa u tal-aċċess għall-Internet mingħajr fili.

18

Fil-kuntest tal-attività tagħha, Vodafone tikkonkludi mal-klijenti tagħha kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi, fejn uħud fosthom jipprevedu klawżoli promozzjonali speċjali suġġetti għal kundizzjonijiet ta’ fedeltà ta’ dawn il-klijenti għal perijodu minimu stabbilit minn qabel (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ fedeltà”). Permezz ta’ dawn il-klawżoli, il-klijenti jintrabtu li jżommu relazzjoni kuntrattwali ma’ Vodafone kif ukoll li jużaw l-oġġetti u servizzi pprovduti minnha għal tali perijodu, bħala korrispettiv ta’ kundizzjonijiet kummerċjali vantaġġużi, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-prezz li għandu jitħallas għas-servizzi li l-klijenti jkunu abbonaw għalihom.

19

Il-perijodu ta’ fedeltà jista’ jvarja skont dawn is-servizzi. Huwa għandu l-għan li jippermetti lil Vodafone tirkupra parti mill-investiment tagħha ralatat mat-tagħmir u mal-infrastrutturi, kif ukoll ma’ spejjeż oħra bħalma huma dawk marbuta mal-attivazzjoni tas-servizz u mal-vantaġġi speċjali mogħtija lill-klijenti. In-nuqqas ta’ osservanza mill-klijenti tal-perijodu ta’ fedeltà għal raġunijiet attribwibbli lil dawn il-klijenti jwassal għall-ħlas, mill-imsemmija klijenti, tal-ammonti previsti bil-kunratti. Dawn l-ammonti huma intiżi li jiskoraġġixxu n-nuqqas ta’ osservanza tal-perijodu ta’ fedeltà mill-istess klijenti.

20

Wara l-emenda mwettqa bil-Liġi Nru 15/2016, Vodafone, sa mix-xahar ta’ Awwissu 2016, b’applikazzjoni tal-Artikolu 48 tal-Liġi dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, stabbilixxiet l-ammont li għandu jitħallas fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-perijodu ta’ fedeltà mill-klijenti, u dan billi bbażat ruħha fuq il-kalkolu tal-vantaġġi mogħtija lil dawn il-klijenti skont il-kuntrati konklużi magħhom u li għalihom, fid-data tax-xoljiment ta’ dawn il-kuntratti, Vodafone kienet għadha ma rċevietx kumpens għad-dannu. Fil-fatt, konformement mad-dritt nazzjonali, l-ammont li għandu jitħallas fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-perijodu ta’ fedeltà huwa kkalkolat, b’mod prorata għall-parti tal-perijodu ta’ fedeltà li għaddiet, abbażi tal-vantaġġi mogħtija lill-klijent bis-saħħa tal-kuntratt, liema vantaġġi huma identifikati u kkwantifikati fih. Dan l-ammont ma jistax jeċċedi l-ispejjeż li Vodafone sostniet għall-installazzjoni tas-servizz.

21

F’dak li jikkonċerna x-xahar ta’ Novembru 2016, Vodafone wettqet l-awtolikwidazzjoni tal-VAT abbażi tal-ammont riċevuti fir-rigward tan-nuqqas ta’ osservanza tal-perijodu ta’ fedeltà (iktar ’il quddiem l-“ammonti inkwistjoni fil-kawża prinċipali”). Sussegwentement, fit-13 ta’ Ottubru 2017, hija ppreżentat appell amministrattiv kontra l-att ta’ awtolikwidazzjoni ta’ din it-taxxa, inkwantu din il-kumpannija kienet tqis li l-ammonti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kinux suġġetti għall-VAT.

22

Peress li dan l-ilment ġie miċħud mill-Awtorità tat-Taxxa u tad-Dwana permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Jannar 2018, Vodafone għaldaqstant adixxiet il-qorti tar-rinviju, jiġifieri t-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa) (il-Qorti tal-Arbitraġġ Fiskali (Ċentru ta’ Abritraġġ Amministrattiv), il-Portugall), b’talba intiża sabiex tiġi kkonstatata l-illegalità tal-awtolikwidazzjoni tal-VAT relatata mal-ammonti inkwistjoni fil-kawża prinċipali għax-xahar ta’ Novembru 2016.

23

Il-proċedura quddiem din il-qorti ġiet sospiża bi stennija ta’ għeluq il-kawża li wasslet għas-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2018, MEO – Serviços de Comunicações e Multimédia (C‑295/17, EU:C:2018:942), u tkompliet fit-28 ta’ Novembru 2018.

24

It-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa) ((il-Qorti tal-Arbitraġġ Fiskali (Ċentru ta’ Abritraġġ Amministrattiv)) qabelxejn tindika li x-xoljiment antiċipat tal-kuntratti jirrappreżenta dannu ekonomiku għal Vodafone, fatt dan li jidher b’mod evidenti meta dan ix-xoljiment iseħħ fil-bidu tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt u meta dan l-operatur ikun ta vantaġġi promozzjonali lill-klijent. Skont il-qorti tar-rinviju, hemm lok li wieħed jippreżupponi l-eżistenza ta’ dannu fir-rigward tal-imsemmi operatur. Barra minn hekk, mill-Artikolu 48(2)(c) u mill-Artikolu 52-A(8) tal-Liġi dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi jirriżulta li x-xoljiment tal-kuntratt matul il-perijodu ta’ fedeltà jiġġustifika korrispettiv bħala kumpens, sabiex “jiġu rkuprati l-ispejjeż assoċjati mas-sussidjar tat-tagħmir terminali, mal-installazzjoni u mal-attivazzjoni tas-servizz jew ma’ kundizzjonijiet promozzjonali oħra”. Għaldaqstant, din il-qorti tippreżupponi li Vodafone issostni dawn l-ispejjeż u li l-ammonti inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom l-għan li jirkupraw dawn l-ispejjeż.

25

Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju tqis li huwa stabbilit il-fatt li l-perijodu ta’ fedeltà, bħala kundizzjoni sabiex il-klijent ikollu aċċess għal kundizzjonijiet kummerċjali vantaġġużi, huwa essenzjali sabiex jippermetti lil Vodafone tirkupra parti mill-investiment tagħha marbut mal-infrastrutturi globali (netwerks, tagħmir u installazzjonijiet), għat-tfittxija tal-klijenti (kampanji kummerċjali u marketing kif ukoll il-ħlas ta’ kummissjonijiet lil entitajiet imsieħba), għall-attivazzjoni tas-servizz abbonat, għall-vantaġġi mogħtija bħala skonti jew bħala servizzi bla ħlas jew għall-ispejjeż neċessarji għall-installazzjoni u għax-xiri tat-tagħmir.

26

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ħtieġa tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, b’teħid kont tas-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2018, MEO – Serviços de Comunicações e Multimédia (C‑295/17, EU:C:2018:942), il-qorti tar-rinviju tindika, minn naħa, li l-ammonti inkwistjoni fil-kawża prinċipali u dawk inkwistjoni fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza huma kkalkolati b’mod differenti.

27

Min-naħa l-oħra, fis-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2018, MEO – Serviços de Comunicações e Multimédia (C‑295/17, EU:C:2018:942), il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li tat importanza lill-fatt li, f’dik il-kawża, l-ammont imħallas għan-nuqqas ta’ osservanza tal-perijodu ta’ fedeltà kien jikkorrispondi mal-ammont li l-operatur ikkonċernat kien se jirċievi matul il-kumplament ta’ dan il-perijodu li kieku l-kuntratt ma ġiex xolt. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tqis li huwa neċessarju li ssir talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiġi ddeterminat jekk il-fatt li l-ammonti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jikkoinċidux mal-ammonti li kienu jitħallsu matul il-kumplament tal-perijodu ta’ fedeltà fl-assenza ta’ xoljiment tal-kuntratt huwiex rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk l-ammonti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxux ir-remunerazzjoni ta’ provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas suġġetta għall-VAT fis-sens tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa) (il-Qorti tal-Arbitraġġ Fiskali (Ċentru ta’ Arbitraġġ Amministrattiv)) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikoli 2(1)(c), 9, 24, 72 u 73 tad-[Direttiva dwar il-VAT], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jkun hemm provvista ta’ servizzi suġġetta għall-VAT fil-każijiet fejn operatur ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jiġbor mill-ex klijenti tiegħu (li lilhom kien ta vantaġġi promozzjonali bħall-offerta tal-ispejjeż ta’ installazzjoni, attivazzjoni tas-servizz, portabbiltà, tagħmir jew kundizzjonijiet tariffarji speċjali, bħala korrispettiv għall-impenn minn dawn tal-aħħar għal perijodu ta’ fedeltà, iżda li ma osservawx għal raġuni attribwibbli lilhom), ammont li, b’impożizzjoni legali, ma jistax jeċċedi l-ispejjeż li l-fornitur inkorra bl-installazzjoni tal-operazzjoni u li għandu jkun proporzjonali għall-vantaġġ li ngħata lill-klijent u li ġie identifikat u kkwantifikat bħala tali fil-kuntratt iffirmat, fejn konsegwentement is-somma tal-valur tas-servizzi mħallsa ma setgħetx tiġi awtomatikament ikkorrisposta mad-data ta’ waqfien tas-servizz?

2)

Fid-dawl tar-regoli indikati, il-fatt li l-klassifikazzjoni tal-imsemmija ammonti bħala korrispettiv ta’ provvista ta’ servizzi tirrikjedi li dawn jintalbu wara li l-kuntratti jiġu tterminati jipprekludi tali klassifikazzjoni, meta l-operatur ma jkunx ipprovdielhom servizz u ma jkunx jeżisti att ta’ konsum konkret wara li l-kuntratti jkunu ġew xolti?

3)

Fid-dawl tar-regoli indikati, il-klassifikazzjoni tal-imsemmi ammont bħala korrispettiv ta’ provvista ta’ servizzi għandha tiġi eskluża minħabba l-fatt li l-operatur u l-ex klijenti tiegħu, minħabba dispożizzjoni legali espliċita, kellhom preċedentement jiddefinixxu fl-ambitu ta’ kuntratt ta’ sottoskrizzjoni, il-formola ta’ kalkolu tal-ammont li suppost huwa dovut mill-ex klijenti, fil-każ li dawn ma kellhomx jaderixxu għall-perijodu ta’ fedeltà stipulat fil-kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi?

4)

Fid-dawl tar-regoli indikati, il-klassifikazzjoni tal-imsemmi ammont bħala korrispettiv ta’ provvista ta’ servizzi fil-każijiet fejn l-ammont inkwistjoni ma jikkorrispondix mal-ammont li l-operatur suppost irċieva fil-kumplament tal-imsemmi perijodu ta’ fedeltà għandha tiġi eskluża fil-każ fejn ma jkunx ġie vverifikat li l-imsemmi kuntratt ikun ġie xolt?”

Fuq id-domandi preliminari

29

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT għandux jiġi interpretat fis-sens li ammonti riċevuti minn operatur ekonomiku fil-każ ta’ xoljiment antiċipat, għal raġunijiet proprji tal-klijent, ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi li jipprevedi l-osservanza ta’ perijodu ta’ fedeltà b’korrispettiv għall-għoti ta’ kundizzjonijiet kummerċjali vantaġġużi lil dan il-klijent, għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu r-remunerazzjoni ta’ provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

30

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT, li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT, huma suġġetti għal din it-taxxa l-provvisti ta’ servizzi mwettqa bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali.

31

Provvista ta’ servizzi tkun imwettqa “bi ħlas”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, biss jekk bejn il-fornitur u l-benefiċjarju teżisti relazzjoni legali li fil-kuntest tagħha jiġu skambjati provvisti reċiproċi, fejn il-ħlas riċevut mill-fornitur ikun jikkostitwixxi l-korrispettiv effettiv ta’ servizz individwalizzabbli pprovdut lill-benefiċjarju. Dan ikun il-każ meta tkun teżisti rabta diretta bejn is-servizz mogħti u l-korrispettiv riċevut (sentenza tat-22 ta’ Novembru 2018, MEO – Serviços de Comunicações e Multimédia, C‑295/17, EU:C:2018:942, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

F’dak li jikkonċerna r-rabta diretta bejn is-servizz ipprovdut lill-benefiċjarju u l-korrispettiv effettiv riċevut, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-korrispettiv tal-prezz imħallas waqt l-iffirmar ta’ kuntratt dwar il-provvista ta’ servizz jikkonsisti mid-dritt li l-klijent jislet minn dan il-kuntratt sabiex jibbenefika mill-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw minn dan il-kuntratt, indipendentement minn jekk il-klijent jimplimentax dan id-dritt. B’hekk, il-fornitur ta’ servizzi jwettaq din il-provvista meta din il-provvista tqiegħed lill-klijent f’pożizzjoni li jibbenefika minnha b’tali mod li l-eżistenza tar-rabta diretta msemmija iktar ’il fuq ma tiġix affettwata mill-fatt li l-klijent ma jagħmilx użu mill-imsemmi dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2018, MEO – Serviços de Comunicações e Multimédia, C‑295/17, EU:C:2018:942, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li ammont stabbilit minn qabel riċevut minn operatur ekonomiku fil-każ ta’ xoljiment antiċipat mill-klijent tiegħu, jew għal raġuni attribwibbli lil dan tal-aħħar, ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi li jipprevedi perijodu minimu ta’ impenn, liema ammont jikkorrispondi għas-somma li dan l-operatur kien jirċievi matul il-kumplament ta’ dan il-perijodu fl-assenza ta’ tali xoljiment, għandu jitqies bħala r-remunerazzjoni ta’ provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas u suġġetta, bħala tali, għall-VAT, minkejja li dan ix-xoljiment jimplika d-diżattivazzjoni tal-prodotti u s-servizzi previsti minn dan il-kuntratt qabel it-tmiem tal-perijodu minimu ta’ impenn miftiehem (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2018, MEO – Serviços de Comunicações e Multimédia, C‑295/17, EU:C:2018:942, punti 12, 4557, kif ukoll tat-3 ta’ Lulju 2019, UniCredit Leasing, C‑242/18, EU:C:2019:558, punt 70).

34

F’dan il-każ għandu jiġi rrilevat li, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, l-ammonti inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma kkalkolati skont formula ddefinita b’mod kuntrattwali, b’osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fid-dritt nazzjonali. Minn dawn l-indikazzjonijiet jirriżulta li dawn l-ammonti ma jistgħux jeċċedu l-ispejjeż sostnuti mill-fornitur tas-servizzi fil-kuntest tal-operat ta’ dawn is-servizzi u għandhom ikunu proporzjonali għall-vantaġġ mogħti lill-klijent li, bħala tali, ġie ddefinit u kkwantifikat fil-kuntratt konkluż ma’ dan il-fornitur. B’hekk, l-imsemmija ammonti la jikkorrispondu awtomatikament għall-valur tal-provvisti li jkun fadal fid-data tax-xoljiment tal-kuntratt u lanqas għall-ammonti li l-fornitur kien jirċievi matul il-kumplament tal-perijodu ta’ fedeltà fl-assenza ta’ tali xoljiment.

35

L-ewwel nett, għandu jitqies li fiċ-ċirkustanzi esposti fil-punt ta’ qabel dan, il-korrispettiv tal-ammont imħallas mill-klijent lil Vodafone jikkonsisti fid-dritt tal-klijent li jibbenefika mill-eżekuzzjoni, imwettqa minn dal-operatur, tal-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi, anki jekk il-klijent ma jixtieqx jew ma jistax jimplimenta dan id-dritt għal raġuni attribwibbli lilu (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2018, MEO – Serviços de Comunicações e Multimédia, C‑295/17, EU:C:2018:942, punt 45).

36

Fil-fatt, f’dawn iċ-ċirkustanzi, Vodafone tqiegħed lill-klijent f’pożizzjoni li jibbenefika mill-provvista ta’ servizzi, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, u l-waqfien ta’ din il-provvista ma hijiex attribwibbli lilha.

37

Minn naħa, Vodafone timpenja ruħha li tipprovdi lill-klijenti tagħha l-provvisti ta’ servizzi miftiehmin fil-kuntratti konklużi magħhom u bil-kundizzjonijiet stipulati f’dawn il-kuntratti. Min-naħa l-oħra, dawn il-klijenti jimpenjaw ruħhom li jħallsu l-pagamenti mensili previsti milll-imsemmija kuntratti kif ukoll, jekk ikun il-każ, l-ammonti dovuti fil-każ li l-istess kuntratti kellhom jiġu xolti qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ fedeltà għal raġunijiet attribwibbli lilhom infushom.

38

F’dan il-kuntest, hekk kif il-qorti tar-rinviju tippreċiża, dawn l-ammonti jikkorrispondu għall-irkupru ta’ parti mill-ispejjeż assoċjati mal-provvista tas-servizzi li dan l-operatur ipprovdielhom u li dawn il-klijenti impenjaw ruħhom li jirrimborsaw fil-każ ta’ tali xoljiment.

39

Għaldaqstant, l-imsemmija ammonti għandhom jitqiesu li jirrappreżentaw parti mill-prezz tas-servizz li l-fornitur impenja ruħu li jipprovdi lill-klijenti, liema parti mill-prezz tiddaħħal mill-ġdid fil-prezz tal-pagamenti mensili fil-każ li l-perijodu ta’ fedeltà ma jkunx osservat minn dawn il-klijenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-istess ammonti għandhom għan analogu għal dak tal-pagamenti mensili li fil-prinċipju kienu jkunu dovuti li kieku l-klijenti ma bbenefikawx mill-vantaġġi kummerċjali li għalihom kienet meħtieġa l-osservanza tal-perijodu ta’ fedeltà.

40

Għaldaqstant, għandu jitqies li, mill-perspettiva tar-realtà ekonomika, li tikkostitwixxi kriterju fundamentali għall-applikazzjoni tas-sistema komuni tal-VAT, l-ammont dovut b’riżultat tax-xoljiment antiċipat tal-kuntratt huwa intiż li jiżgura lill-operatur remunerazzjoni kuntrattwali minima għall-provvista mwettqa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2018, MEO – Serviços de Comunicações e Multimédia, C‑295/17, EU:C:2018:942, punt 61).

41

Konsegwentement, kif il-Gvern Portugiż u l-Gvern Irlandiż u kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea jsostnu fl-osservazzjonijiet tagħhom, fis-sitwazzjoni fejn dawn il-klijenti ma josservawx l-imsemmi perijodu ta’ fedeltà, il-provvista ta’ servizzi għandha titqies bħala li twettqet, u dan peress li l-imsemmija klijenti huma mqiegħda f’pożizzjoni li jibbenefikaw minn dawn is-servizzi.

42

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ammonti inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jitqiesu li jagħmlu parti mill-ħlas riċevut minn dan l-operatur għall-imsemmija servizzi. F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li, bid-differenza tal-ammonti li kienu inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2018, MEO – Serviços de Comunicações e Multimédia (C‑295/17, EU:C:2018:942), l-ammonti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jippermettux lil Vodafone tikseb l-istess dħul li kienet tikseb li kieku l-klijent ma kienx xolja l-kuntratt b’mod prematur.

43

It-tieni nett, fir-rigward tal-kundizzjoni li tirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, li tistipula li s-somom imħallsa għandhom jikkostitwixxu l-korrispettiv effettiv ta’ servizz identifikabbli, għandu jiġi rrilevat li kemm is-servizz li għandu jiġi pprovdut kif ukoll il-korrispettiv tad-dritt li wieħed jibbenefika minn dan is-servizz huma stabbiliti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt bejn Vodafone u l-klijenti tagħha. B’mod partikolari, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-korrispettiv tas-servizz huwa ddeterminat skont kriterji stabbiliti sew, li jippreċiżaw kemm il-pagamenti mensili kif ukoll il-mod li bih għandu jiġi kkalkolat l-ammont għax-xoljiment antiċipat.

44

Għaldaqstant, il-korrispettiv imħallas mill-klijent ma huwiex volontarju jew aleatorju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Marzu 1994, Tolsma, C‑16/93, EU:C:1994:80, punt 19), u lanqas ma huwa diffiċli biex tikkwantifikah u inċert (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, Baštová, C‑432/15, EU:C:2016:855, punt 35).

45

Kuntrarjament għal dak li ssostni Vodafone, dan l-ammont lanqas ma jassimila ruħu ma’ ħlas impost bil-liġi, fis-sens tas-sentenza tat-8 ta’ Marzu 1988, Apple and Pear Development Council (102/86, EU:C:1988:120), jew huwa intiż li jikkumpensa l-operatur b’riżultat tax-xoljiment tal-kuntratt mill-klijent, fis-sens tas-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Société thermale d’Eugénie-les-Bains (C‑277/05, EU:C:2007:440).

46

Fil-fatt, minn naħa, għalkemm il-kalkolu tal-imsemmi ammont huwa rregolat minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolamentari, madankollu huwa paċifiku li l-ħlas tal-istess ammont iseħħ fil-kuntest ta’ relazzjoni legali kkaratterizzata minn skambju ta’ provvisti reċiproċi bejn il-fornitur ta’ servizzi u l-klijent tiegħu, u li, f’dan il-kuntest, dan il-ħlas jikkostitwixxi obbligu kuntrattwali għal dan tal-aħħar.

47

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-argument ta’ Vodafone li l-ammont dovut għan-nuqqas ta’ osservanza tal-perijodu ta’ fedeltà jixbah lil kumpens għad-dannu sostnut minnha, fl-ewwel lok għandu jiġi rrilevat li dan l-argument jikkontrasta mar-realtà tad-dritt nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, inkwantu, skont dan id-dritt, bla ħsara għall-verifiki tal-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward, fil-każ ta’ xoljiment antiċipat tal-kuntratt l-operatur ma huwiex f’pożizzjoni li jitlob mingħand il-klijent somom bħala indennizz jew kumpens.

48

Fit-tieni lok, l-imsemmi argument lanqas ma huwa ta’ natura li jirnexxi fir-rigward tar-realtà ekonomika tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

49

Fil-fatt, fil-kuntest ta’ approċċ ekonomiku, l-operatur jiddetermina l-prezz tas-servizz tiegħu u tal-pagamenti mensili, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż ta’ dan is-servizz u tat-tul minimu ta’ impenn kuntrattwali. Hekk kif ġie rrilevat fil-punt 39 tas-sentenza preżenti, l-ammont dovut fil-każ ta’ xoljiment antiċipat għandu jitqies bħala li jagħmel parti integrali mill-prezz li l-klijent impenja ruħu li jħallas għall-eżekuzzjoni, mill-fornitur, tal-obbligi kunrattwali tiegħu.

50

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha ta’ hawn fuq, hemm lok li r-risposta għad-domandi preliminari magħmula tkun li l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li ammonti riċevuti minn operatur ekonomiku fil-każ ta’ xoljiment antiċipat, għal raġunijiet proprji tal-klijent, ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi li jipprevedi l-osservanza ta’ perijodu ta’ fedeltà bħala korrispettiv tal-għoti ta’ kundizzjonijiet kummerċjali vantaġġużi lil dan il-klijent, għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu r-remunerazzjoni ta’ provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq l-ispejjeż

51

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li ammonti riċevuti minn operatur ekonomiku fil-każ ta’ xoljiment antiċipat, għal raġunijiet proprji tal-klijent, ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi li jipprevedi l-osservanza ta’ perijodu ta’ fedeltà bħala korrispettiv tal-għoti ta’ kundizzjonijiet kummerċjali vantaġġużi lil dan il-klijent, għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu r-remunerazzjoni ta’ provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.

Top