Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CC0923

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Bobek, ippreżentati fit-23 ta’ Frar 2021.
    Van Ameyde España SA vs GES, Seguros y Reaseguros SA.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal Supremo.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur – Direttiva 2009/103/KE – Punti 1 u 2 tal-Artikolu 1 – L-ewwel, it-tieni u l-aħħar paragrafu tal-Artikolu 3 – Kunċett ta’ ‘vettura’ – Obbligu ta’ kopertura tad-danni materjali – Portata – Inċident tat-traffiku li jinvolvi vettura artikolata li l-elementi tagħha huma s-suġġett ta’ assigurazzjonijiet obbligatorji distinti – Danni kkawżati lis-semitrejler mill-vettura tal-irmonk li magħha dan kien konness meta seħħ dan l-inċident – Interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-kopertura ta’ dawn id-danni mill-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ dan it-trakter tat-triq.
    Kawża C-923/19.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:125

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    BOBEK

    ippreżentati fit‑23 ta’ Frar 2021 ( 1 )

    Kawża C‑923/19

    Van Ameyde España SA

    vs

    GES Seguros y Reaseguros SA

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja))

    (Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2009/103/KE – Assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili tal-vetturi bil-mutur – Kunċett ta’ “moviment ta’ vetturi” – Portata tal-obbligu li tittieħed assigurazzjoni obbligatorja – Inċident li jinvolvi vettura tal-irmonk u semitrejler assigurati minn assiguraturi differenti)

    I. Introduzzjoni

    1.

    Dannu għall-proprjetà kkawżat lil semitrejler li, fil-mument tal-inċident tat-traffiku, kien qiegħed jiġi operat bħala parti minn vettura artikolata, fejn l-inċident jidher li huwa t-tort tas-sewwieq tat-trakter, għandu jiġi kopert mill-assigurazzjoni obbligatorja tat-trakter, jew dik tas-semitrejler f’sitwazzjoni fejn it-trakter u s-semitrejler huma koperti minn kuntratti ta’ assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili separati ma’ assiguraturi differenti?

    2.

    B’dik il-mistoqsija, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tiżviluppa iktar il-ġurisprudenza (issa) diġa rikka tagħha dwar il-kunċett tal-“użu ta’ vetturi” li jinsab fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103/KE ( 2 ). Fil-passat, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kienet mistiedna tikkonferma jekk dak il-kunċett ikoprix, inter alia, “il-manuvra ta’ trattur fil-bitħa ta’ razzett sabiex jiddaħħal f’matmura t-trejler ta’ dan it-trattur” ( 3 ); “sitwazzjoni fejn trattur agrikolu kien involut f’inċident meta l-funzjoni prinċipali tiegħu, fil-mument meta seħħ dan l-inċident, ma kinitx li jservi bħala mezz ta’ trasport iżda li jiġġenera, bħala magna tax-xogħol, is-saħħa motriċi meħtieġa sabiex titħaddem il-pompa ta’ bexxiexa ta’ erbiċida” ( 4 ); “sitwazzjoni li fiha l-passiġġier ta’ vettura pparkjata f’parkeġġ, huwa u jiftaħ il-bieba ta’ din il-vettura, laqat u kkawża ħsara lill-vettura li kienet ipparkjata ħdejh” ( 5 ); jew “sitwazzjoni […] li fiha vettura pparkjata f’garaxx privat ta’ bini li tintuża konformement mal-funzjoni ta’ trasport tagħha tkun ħadet in-nar, u b’hekk tikkawża inċendju, li joriġina miċ-ċirkwit elettriku ta’ dik il-vettura, u jikkawża ħsara lil dak il-bini, […] anki jekk il-vettura msemmija ma tkunx instaqet għal iktar minn 24 siegħa qabel ma jkun seħħ l-inċendju” ( 6 ).

    3.

    Bħat-trakter li żvija mit-triq fil-kawża prinċipali, nibża’ li ċertu elementi tal-ġurisprudenza deskritta hawn fuq jidhru li b’xi mod iddevjaw mill-kamp tal-applikazzjoni proprju tad-Direttiva 2009/103. Is-suġġeriment tiegħi f’dawn il-konklużjonijiet huwa għalhekk li, l-ewwel, f’termini strutturali, ma huwiex ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinvolvi ruħha f’li effettivament tapplika d-dritt tal-Unjoni għall-każijiet konkreti permezz ta’ tali “ġurisprudenza fattwali”. It-tieni, fir-rigward tal-qafas leġiżlattiv speċifiku inkwistjoni, il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi”, kif ukoll kunċetti legali oħra indeterminati li jinsabu fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103, jikkonċernaw l-obbligu ġenerali li tittieħed assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili. L-għan u l-iskop tagħhom ma huwiex li jiddeċiedu dwar jekk inċident partikolari għandux jiġi kopert minn dik l-assigurazzjoni.

    II. Il-kuntest ġuridiku

    A.   Id-dritt tal-Unjoni

    4.

    L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/103 jistabbilixxi s-segwenti definizzjonijiet:

    “[…]

    1.

    ‘vettura’ tfisser kull vettura bil-mutur intiża għal vjaġġi fuq l-art u mmexxija minn qawwa mekkanika, imma li ma timxix fuq il-linji, u kull karru, kemm jekk agganċjat u kemm jekk le;

    2.

    ‘il-parti li tkun sofriet ħsara’ tfisser kull persuna intitolata għal kumpens fir-rigward ta’ telf jew korriment ikkawżati minn vetturi;

    […]”

    5.

    L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103, intitolat “Assigurazzjoni obbligatorja għall-vetturi”, jipprovdi s-segwenti:

    “Kull Stat Membru għandu, soġġett għall-Artikolu 5, jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jassigura li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu tkun koperta minn assigurazzjoni.

    Il-ħsara koperta u t-termini u l-kondizzjonijiet tal-kopertura għandhom ikunu determinati fuq il-bażi tal-miżuri msemmijin fl-ewwel paragrafu. […]

    L-assigurazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu għandha tkopri b’mod obbligatorju kemm il-ħsara lill-proprjetà kif ukoll id-danni personali.”

    6.

    L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2009/103, intitolat “Kategoriji speċjali ta’ vittmi”, jipprovdi:

    “1.   Mingħajr preġudizzju għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1), l-assigurazzjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 3 għandha tkopri r-responsabbiltà għal danni personali tal-passiġġieri kollha, minbarra x-xufier, ikkawżati mill-użu ta’ vettura.

    […]

    3.   L-assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 3 għandha tkopri danni personali u ħsara lill-proprjetà li jsofru dawk li jkunu mexjin, ċiklisti u dawk li jużaw it-triq mingħajr vettura bil-mutur li, b’konsegwenza ta’ inċident fejn vettura b’mutur tkun involuta, huma intitolati għal kumpens skont il-liġi ċivili nazzjonali.

    Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju kemm għar-responsabbiltà ċivili kif ukoll għall-ammont ta’ kumpens.”

    B.   Id-dritt nazzjonali

    7.

    Il-Ley sobre responsabilidad civil y seguro en la circulación de vehículos a motor (il-Liġi dwar ir-Responsabbiltà Ċivili u l-Assigurazzjoni għall-Użu ta’ Vetturi bil-Mutur, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Assigurazzjoni tal-Vetturi”) ġiet approvata permezz tad-Digriet Leġiżlattiv Irjali 8/2004 tad‑29 ta’ Ottubru 2004 ( 7 ). L-Artikolu 1 huwa intitolat “Responsabbiltà Ċivili” u jipprovdi s-segwenti:

    “1.   Fid-dawl tar-riskju ppreżentat mill-użu ta’ vetturi bil-mutur, sewwieqa tal-vetturi bil-mutur huma responsabbli għat-telf jew korriment tal-persuni jew ħsara lill-proprjetà minn tali użu.

    […]

    3.   Meta s-sid ma jkunx is-sewwieq, huwa jew hija jkunu responsabbli għat-telf jew korriment u ħsara lill-proprjetà kkawżata mis-sewwieq jekk huwa jew hija jkollhom rabta mas-sewwieq bis-saħħa ta’ kwalunkwe waħda mir-relazzjonijiet msemmija fl-Artikolu 1903 tal-Código Civil (il-Kodiċi Ċivili) u l-Artikolu 120(5) tal-Código Penal (il-Kodiċi Kriminali). Is-sid ma jkollux iktar tali responsabbiltà jekk huwa jew hija juru li eżerċitaw il-kura kollha mistennija minn bonus paterfamilia biex jevitaw it-telf jew korriment.”

    8.

    L-Artikolu 2 tal-Liġi dwar l-Assigurazzjoni tal-Vetturi, intitolat “Rekwiżit ta’ assigurazzjoni”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Sidien ta’ vetturi bil-mutur li huma normalment ibbażati ġewwa Spanja għandhom jieħdu u jżommu fis-seħħ kuntratt ta’ assigurazzjoni għal kull vettura li jkollhom. Il-kuntratt għandu jkopri r-responsabbiltà ċivili msemmija fl-Artikolu 1 sal-limiti stabbiliti għall-assigurazzjoni obbligatorja. […]”

    9.

    L-Artikolu 5 tal-Liġi dwar l-Assigurazzjoni tal-Vetturi, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni u esklużjonijiet”, jipprovdi kif isegwi fil-paragrafu 2 tiegħu:

    “L-assigurazzjoni obbligatorja ma għandhiex tkopri dannu materjali lill-vettura assigurata, lill-oġġetti li jkunu qegħdin jiġu ttrasportati fiha jew lill-merkanzija li tkun tappartjeni lid-detentur tal-polza, lill-assigurat, lis-sid jew lis-sewwieq [tal-vettura], jew lill-konjuġi jew qraba tal-imsemmija persuni sat-tielet grad ta’ parentela jew affinità.”

    10.

    L-Artikolu 1(1) tar-Reglamento del seguro obligatorio de responsabilidad civil en la circulación de vehículos a motor (ir-Regolament dwar l-Assigurazzjoni għar-Responsabbiltà Ċivili Obbligatorja għall-Użu ta’ Vetturi bil-Mutur), approvat mid-Digriet Irjali 1507/2008 tat‑12 ta’ Settembru 2008 ( 8 ), jipprovdi dan li ġej:

    “Għall-finijiet tar-responsabbiltà ċivili għall-użu ta’ vetturi bil-mutur u r-rekwiżit ta’ assigurazzjoni, ‘vettura bil-mutur’ tfisser kwalunkwe vettura maħsuba għall-ivvjaġġar fuq l-art u li taħdem b’magna, inkluż mopeds, vetturi bi skopijiet speċjali, trejlers u semitrejlers […]”.

    11.

    Barra minn hekk, ir-Reglamento General de Vehículos (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Vetturi), approvat permezz tad-Digriet Irjali 2822/1998 tat‑23 ta’ Diċembru 1998 ( 9 ), jinkludi fl-Anness II, lista ta’ klassijiet u kategoriji ta’ vetturi u, fl-Artikolu 5 ta’ dak ir-regolament, jikklassifika trakkijiet li jirmonkaw u semitrejlers bħala vetturi indipendenti, anke jekk jistgħu jingħaqdu sabiex jifformaw vettura artikolata.

    12.

    Skont il-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), il-vetturi li jifformaw vettura artikolata huma responsabbli in solidum lejn it-terzi għad-dannu kkawżat minn dik il-vettura artikolata. L-Artikolu 19(2) tar-Regolament dwar l-Assigurazzjoni għar-Responsabbiltà Ċivili Obbligatorja għall-Użu ta’ Vetturi bil-Mutur Vetturi jkompli jiddetermina kif ir-responsabbiltà għandha tinqasam bejniethom:

    “Fejn iż-żewġ vetturi involuti jkunu trakk li jirmonka u t-trejler jew is-semitrejler imqabbad miegħu, jew żewġ trejlers jew semitrejlers, u ma jkunx possibbli li tiġi ddeterminata r-responsabbiltà individwali tagħhom, kull assiguratur għandu jikkontribwixxi għall-imsemmija responsabbiltà skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim bejn il-kumpanniji ta’ assigurazzjoni; fin-nuqqas ta’ dan, il-kontribuzzjonijiet tal-assiguraturi għandhom ikunu proporzjonati għall-ammont tal-primjum tal-assigurazzjoni annwali għal kull vettura elenkata fil-polza tal-assigurazzjoni li tkun ittieħdet.”

    III. Fatti, proċeduri nazzjonali u d-domandi preliminari

    13.

    Fit‑3 ta’ April 2014, seħħ inċident tat-traffiku meta vettura artikolata komposta minn trakter (jew trakk li jirmonka) ( 10 ), u semitrejler żvijat mit-triq u nqalbet. L-inċident kien it-tort tas-sewwieq peress li saq it-trakter mingħajr diliġenza.

    14.

    Fil-ħin tal-inċident, is-semitrejler kien mikri lil Primafrío SL. Kien kopert għall-ħsara lill-vettura taħt polza ta’ assigurazzjoni ma’ Ges, Seguros y Reaseguros, SA (iktar ’il quddiem “GES”). Il-kopertura għar-responsabbiltà ċivili lejn terzi kienet mogħtija minn Seguros Bilbao. Min-naħa l-oħra, it-trakk li jirmonka kien jappartjeni lill-kumpannija Portugiża Doctrans Transportes Rodoviarios de Mercadería Lda. Il-kopertura għar-responsabbiltà ċivili lejn terzi tat-trakk li jirmonka kienet mogħtija mill-kumpannija Portugiża Acoreana, rappreżentata ġewwa Spanja minn Van Ameyde España SA (iktar ’il quddiem “Van Ameyd” jew “ir-rikorrenti”).

    15.

    Wara l-inċident, GES ħallset lil Primafrío EUR 34 977.33 bħala kumpens għall-ħsara lis-semitrejler. Sussegwentement, fit‑13 ta’ Marzu 2015, GES bdiet il-proċeduri prinċipali billi ppreżentat rikors kontra l-assiguratur tat-trakk li jirmonka, Van Ameyde. B’dak ir-rikors, hija talbet li l-assiguratur jiġi ordnat iħallas lil GES is-somma ta’ EUR 34 977.33 flimkien mal-interessi legali. GES allegat illi t-trakter u s-semitrejler kienu vetturi separati li jappartjenu lil sidien differenti, kull waħda bl-assigurazzjoni obbligatorja tagħha. Għalhekk, is-semitrejler ma setax jiġi kkunsidrat bħala oġġett li qiegħed jiġi ttrasportat mit-trakter. Minflok, kien terz għall-finijiet tal-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili obbligatorja tat-trakter.

    16.

    B’deċiżjoni tal‑14 ta’ Lulju 2016, il-Juzgado de Primera Instancia n. 1 de La Palma del Condado (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 1, La Palma del Condado, Spanja) ċaħdet dik it-talba. Dik il-qorti kkunsidrat li ċ-ċirkustanzi tal-każ jaqgħu fi ħdan it-tieni waħda mill-esklużjonijiet tal-kopertura għall-assigurazzjoni tal-vetturi bil-mutur obbligatorja elenkati fl-Artikolu 5(2) tal-Liġi dwar l-Assigurazzjoni tal-Vetturi, jiġifieri ħsara għall-oġġetti ttrasportati mit-trakter. Is-semitrejler għandu jitqies “tgħabija jew oġġett li jkun qiegħed jiġi ttrasportat”.

    17.

    GES ippreżentat appell quddiem l-Audiencia Provincial de Huelva, sección 2.a (il-Qorti Provinċjali, Huelva, Sezzjoni 2, Spanja). Fit‑22 ta’ Diċembru 2016, dik il-qorti laqgħat l-appell kif ukoll it-talbiet kollha. Hija rrilevat, essenzjalment, li l-esklużjoni tal-kopertura inkwistjoni prevista fl-Artikolu 5(2) tal-Liġi dwar l-Assigurazzjoni tal-Vetturi tirreferi biss għal ħsara mġarrba mill-oġġetti li jkunu qegħdin jiġu ttrasportati ġewwa l-vettura assigurata iktar milli l-oġġetti li jkunu qegħdin jiġu ttrasportati mill-vettura assigurata. Is-semitrejler f’dan il-każ kien qiegħed jiġi ttrasportat “mill-”vettura assigurata. Kienet għalhekk vettura separata mit-trakter innifsu.

    18.

    Ir-rikkorrenti kkontestat dik id-deċiżjoni quddiem it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema). Ir-rikorrenti tisħaq illi kien hemm ksur tal-Artikolu 5(2) tal-Liġi dwar l-Assigurazzjoni tal-Vetturi. Skont dik id-dispożizzjoni, il-ħsara lis-semitrejler hija eskluża mill-kopertura obbligatorja tat-trakter.

    19.

    Skont il-qorti tar-rinviju, id-Direttiva 2009/103 ma tinkludix dispożizzjonijiet espressi relatati mal-mod kif ir-responsabbiltà għandha tiġi ddeterminata fil-każ ta’ inċident li jinvolvi vettura artikolata komposta minn vetturi separati. Barra minn hekk, il-liġi nazzjonali ma tiddeskrivix lanqas kif l-assiguraturi tal-vetturi varji, li jikkostitwixxu vettura artikolata, għandhom jallokaw ir-responsabbiltà meta ħsara mġarrba minn waħda mill-vetturi tkun kompletament tort tal-oħra.

    20.

    Peress li għandha dubji dwar l-interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 5 tal-Liġi dwar l-Assigurazzjoni tal-Vetturi u l-effett tagħha vis-à-vis l-applikazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “L-aħħar paragrafu tal-Artikolu 3 tad-[Direttiva 2009/103] moqri flimkien mal-Artikolu 1 tal-istess direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali (Artikolu 5(2) tal-[Liġi dwar ir-Responsabbiltà Ċivili u l-Assigurazzjoni għall-Użu ta’ Vetturi bil-Mutur]), li abbażi tagħha, f’każijiet bħal dawk tal-kawża prinċipali, jitqies li d-danni kkawżati lill-karru [lis-semitrejler] huma esklużi mill-kopertura tal-assigurazzjoni obbligatorja tal-vetturi fil-forma ta’ traktor jew ta’ trakk li jirmonkaw il-karrijiet għaliex il-karru huwa assimilat mal-merkanzija ttrasportata fuq il-vetturi fil-forma ta’ traktor jew ta’ trakk li jirmonkaw il-karrijiet, jew ukoll għaliex, għall-finijiet tad-danni materjali, il-karru jitqies bħala li jifforma vettura waħda mat-traktor jew mat-trakk li jirmonkawh?”

    21.

    Osservazzjonijiet bil-miktub ġew sottomessi mir-rikorrenti, mill-konvenuta, mill-Gvern Spanjol kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

    IV. Analiżi

    22.

    Ninsab imħawwad. Mhux għaliex ma nifhimx li, jekk sewwieq ta’ trakter ma jsuqx b’diliġenza, hemm possibbiltà li huwa jew hija jiżvijaw mit-triq u l-vettura tinqaleb, u għalhekk jikkawżaw ħsara lill-proprjetà jew ħsara fiżika. Lanqas għaliex ma nifhimx il-kwistjoni legali sottostanti stabbilita b’ċarezza mill-qorti tar-rinviju: liema assiguratur għandu jħallas għall-ħsara lill-proprjetà kkawżata lis-semitrejler f’każ fejn dak is-semitrejler kien qiegħed jiġi operat bħala parti minn vettura artikolata, fejn it-tort li nqalbet il-vettura sħiħa mid-dehra huwa tas-sewwieq tat-trakter, u fejn kull wieħed mill-elementi tal-vettura artikolata għandu assiguratur differenti?

    23.

    Nifhem illi d-domanda mressqa hija ċertament inspirata mil-linja ta’ ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, għandi diffikultà nifhem kif eżattament id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni invokati, jew, bl-istess mod, kwalunkwe dispożizzjoni oħra tad-Direttiva 2009/103, jista’ jkollhom xi ħaġa utli x’jikkontribwixxu dwar il-kwistjonijiet imqajma mill-qorti tar-rinviju. Dik id-diffikultà hija r-riżultat ta’ żewġ fatturi fundamentali, iżda marbutin mill-qrib: il-portata xierqa ta’ dak l-istrument legali u r-rwol ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-deċiżjonijiet preliminari.

    24.

    Huwa ġust li jiġi ammess li, sa issa, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam mhux dejjem baqgħet ġewwa dawn il-konfini. Għalhekk ser nibda dawn il-konklużjonijiet b’dan l-aħħar punt, insemmi fil-qosor uħud mill-ġurisprudenza reċenti f’dan il-qasam u nuri kif, permezz tal-interpretazzjoni apparenti ta’ kunċetti legali indeterminati li jinsabu fid-Direttiva 2009/103, b’mod partikolari l-“użu ta’ vetturi”, l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja bdiet issir iktar u iktar fattwali (A). Imbagħad, ser niddeskrivi x’inhu, għall-inqas fil-fehma tiegħi, il-proprju kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103, li jikkonċerna l-obbligu ta’ assigurazzjoni, u mhux id-deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà f’każijiet individwali (B). Wara ser inpoġġi dawk l-osservazzjonijiet fil-kuntest kostituzzjonali iktar wiesa’, billi nfakkar li l-funzjoni ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja hija li tipprovdi, skont l-Artikolu 267 TFUE, interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (C). Ser nikkonkludi billi nissuġġerixxi li, fid-dawl ta’ dawk l-elementi kollha, id-dritt tal-Unjoni ma jirregolax il-kwistjoni speċifika quddiem il-qorti nazzjonali fil-proċeduri prinċipali (D).

    A.   L-“użu ta’ vetturi”

    25.

    Kien hemm numru ta’ każijiet li fihom dispożizzjonijiet varji tad-Direttiva 2009/103, jew pjuttost waħda mill-ħames predeċessuri tagħha ( 11 ), kienu s-suġġett ta’ interpretazzjoni matul is-snin. Madankollu, il-linja speċifika ta’ ġurisprudenza li tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-kunċett tal-“użu ta’ vetturi”, li tinsab fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 ( 12 ), għall-finijiet tad-determinazzjoni jekk manuvra jew l-użu ta’ vettura jistgħux jiġu inklużi taħt dak il-kunċett f’każ speċifiku sabiex wara tiġi deċiża r-responsabbiltà ta’ assiguratur partikolari, bdiet fl‑2014 bil-kawża Vnuk ( 13 ).

    26.

    D. Vnuk kien qiegħed jaħżen balal tal-ħuxlief fuq raff tal-matmura meta trakter, ma liem kien imqabbad trejler, irreversja ġol-bitħa u laqat is-sellum fuq liem kien qiegħed D. Vnuk. D. Vnuk waqa’. Minkejja li d-dritt nazzjonali f’dak il-każ kien jiddefinixxi l-portata tal-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili tal-vetturi bil-mutur obbligatorja inġenerali, il-qorti tar-rinviju kellha dubji minħabba l-kuntest speċifiku tas-sitwazzjoni, rigward jekk kinitx il-kumpannija tal-assigurazzjoni ta’ sid it-trakter li kellha tikkumpensa lil D. Vnuk. Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet għalhekk mistoqsija jekk il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” kellux jiġi interpretat bħala li “ma jkoprix iċ-ċirkustanzi ta’ [dak] il-każ, fejn il-persuna assigurata mill-konvenuta laqtet is-sellum tar-rikorrent bi tractor li kien qed jirmonka trailer filwaqt li kien qed jinħażen tiben f’raff, għaliex l-inċident ma seħħx fil-kuntest ta’ inċident tat-traffiku” ( 14 ).

    27.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li l-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” tkopri kwalunkwe użu ta’ vettura li huwa konsistenti mal-funzjoni normali ta’ dik il-vettura. Għalhekk, dak il-kunċett jista’ jkopri il-manuvra ta’ trakter fil-bitħa ta’ razzett sabiex idaħħal it-trejler imqabbad ma’ dak it-trakter ġo matmura, kif kien il-każ fil-proċeduri prinċipali, li kienet kwistjoni li l-qorti tar-rinviju kellha tiddetermina ( 15 ).

    28.

    Fil-kawża Rodrigues de Andrade ( 16 ), trakter agrikolu kien ipparkjat, bil-magna tiegħu mixgħula, sabiex il-ħaddiema agrikoli jużaw pompa tal-bexx bħala mod kif japplikaw l-erbiċida lid-dwieli fil-vinja tal-konjuġi Rodrigues de Andrade. Il-piż tat-trakter, il-vibrazzjonijiet prodotti mill-magna u x-xita qalila, ikkawżaw ċaqliq tal-art. Bħala konsegwenza, it-trakter waqa’ fl-artijiet ta taħtu u nqaleb, filwaqt li għaffeġ u qatel ħaddiem. Il-kwistjoni mqajma minn dan l-avveniment sfortunat kienet essenzjalment iffokata fuq id-determinazzjoni jekk il-kumpens dovut li kellu jitħallas lill-konjuġi tal-ħaddiem maqtul kellux isir mill-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili tat-trakter (l-assigurazzjoni tal-vettura) jew l-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili ta’ sid ir-razzett li tkopri r-responsabbiltà tagħha għall-inċidenti fuq ix-xogħol. Abbażi tas-sentenza Vnuk, il-qorti tar-rinviju staqsiet jekk l-obbligu li tittieħed assigurazzjoni japplikax biss f’każijiet meta l-vetturi jkunu qegħdin jiċċaqalqu, jew anki f’każijiet meta jkunu wieqfa iżda bil-magna mixgħula.

    29.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” ma huwiex limitat għall-użu fit-triq, fi kliem ieħor, għall-ivvjaġġar f’toroq pubbliċi. Iżda l-kunċett ikopri kwalunkwe użu tal-vettura li huwa konsistenti mal-funzjoni normali tagħha ( 17 ). Il-portata ta’ dak il-kunċett ukoll ma tiddependix fuq il-karatteristiċi tal-art fuq liem il-vettura tkun intużat ( 18 ), u jkopri kwalunkwe użu ta’ vettura bħala mezz ta’ trasport ( 19 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad ikkonkludiet li l-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” ma jkoprix sitwazzjoni li fiha trakter agrikolu jkun involut f’inċident meta l-funzjoni prinċipali tiegħu, fiż-żmien ta’ dak l-inċident, ma kienx li jservi bħala mezz ta’ trasport iżda li jiġġenera, bħala magna tax-xogħol, is-saħħa motriċi meħtieġa sabiex titħaddem il-pompa ta’ bexxiexa ta’ erbiċida ( 20 ).

    30.

    Il-kawża Núñez Torreiro ( 21 ) kienet tirrigwarda uffiċjal tal-armata Spanjola li kien qiegħed jieħu sehem f’eżerċizzji militari bil-lejl ġewwa terren ta’ prattika militari fi Spanja. Hu kien passiġġier f’vettura militari off-road b’roti “Anibal”, li kienet qiegħda tinsaq ġewwa żona għal vetturi bil-katina. Il-vettura nqalbet, u kkawżat lill-uffiċjal diversi ġrieħi. Il-qorti tar-rinviju staqsiet jekk dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jippermettu l-esklużjoni tar-responsabbiltà riżultanti mill-użu ta’ vetturi bil-mutur f’dik is-sitwazzjoni humiex kompatibbli mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103.

    31.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li l-vettura inkwistjoni kienet qiegħda tintuża, fil-ħin li nqalbet, ġewwa terren ta’ prattika militari u l-fatt li l-aċċess kien ipprojbit għall-vetturi kollha mhux militari ġewwa parti minn dik iż-żona li ma kinitx adatta għall-użu ta’ vetturi bir-roti, ma jaffettwax il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” ( 22 ). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li kien hemm ħtieġa li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 jiġi interpretat bħala li jipprekludi l-leġiżlazzjoni nazzjonali, li speċifikament tippermetti l-esklużjoni mill-kopertura ta’ assigurazzjoni obbligatorja ta’ danni li jirriżultaw mis-sewqan ta’ vetturi bil-mutur f’toroq jew f’terreni li ma humiex “adattati għall-użu ta’ vetturi bil-mutur”, bl-eċċezzjoni ta’ dawk it-toroq jew terreni li, minkejja li ma humiex adattati għal dan il-għan, madankollu “jintużaw ta’ spiss” ( 23 ).

    32.

    Fil-kawża BTA Baltic Insurance Company ( 24 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistoqsija jekk il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” jkoprix ukoll sitwazzjoni fejn il-passiġġier ta’ vettura kien fetaħ il-bieba tiegħu ġewwa parkeġġ ta’ supermarket u kkawża ħsara lill-vettura pparkjata maġenbu.

    33.

    Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li l-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” ma huwiex limitat għas-sewqan tal-vettura, iżda jinkludi azzjonijiet li huma normalment ukoll mwettqa minn passiġġieri ( 25 ). L-att tal-ftuħ ta’ bieba ta’ vettura nnifsu jammonta għall-użu tal-vettura. Huwa għalhekk konsistenti mal-funzjoni tal-vettura bħala mezz ta’ trasport, sa fejn tippermetti t-tlugħ jew l-inżul tal-persuni mill-vettura jew it-tagħbija u l-ħatt ta’ oġġetti li għandhom jinġarru jew li jkunu għadhom kif ġew ittrasportati permezz ta’ din il-vettura ( 26 ). Barra minn hekk, il-fatt li vettura fil-ħin tal-inċident tkun wieqfa ma jipprekludix, waħdu, l-użu ta’ dik il-vettura, u lanqas ma jipprekludiha milli taqa’ taħt il-portata tal-funzjoni tagħha bħala mezz ta’ trasport ( 27 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ikkonkludiet li l-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” jkopri sitwazzjoni li fiha l-passiġġier ta’ vettura pparkjata ġewwa parkeġġ, bil-ftuħ tal-bieba ta’ dik il-vettura, barax u kkawża dannu lill-vettura pparkjata maġenbu ( 28 ).

    34.

    Fil-kawża Línea Directa Aseguradora ( 29 ), is-sid ta’ vettura ġdida pparkjaha f’parkeġġ privat. Meta xegħel il-magna l-għada, il-karozza ma ċċaqalqitx. Iktar tard dak il-lejl, iċ-ċirkwit elettriku tal-vettura kien il-kawża li din ħadet in-nar. In-nar ikkawża ħsara lill-bini li fih kienet ipparkjata. Il-kwistjoni li qamet quddiem il-qorti tar-rinviju kienet dwar jekk il-ħsara li saret lill-bini kellhiex tiġi koperta mill-polza tal-assigurazzjoni tal-karozza (responsabbiltà ċivili kkuntrattata minn sid il-vettura tal-karozza fir-rigward tal-użu tal-vetturi bil-mutur) jew mill-polza tal-assigurazzjoni tad-dar (responsabbiltà ċivili kkuntrattata minn sid il-bini).

    35.

    Fir-risposta, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li vettura hija xorta kkunsidrata li tkun qiegħda tintuża skont il-funzjoni tagħha bħala mezz ta’ trasport meta tiċċaqlaq u waqt li tkun ipparkjata bejn żewġ vjaġġi. B’hekk, meta wieħed jipparkja l-vettura f’garaxx privat, dan ukoll jikkostitwixxi użu ta’ vettura. Għalhekk, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni f’dawk il-proċeduri, li fiha vettura pparkjata f’garaxx privat ta’ bini, użata skont il-funzjoni tagħha bħala mezz ta’ trasport, tkun ħadet in-nar, u b’hekk tikkawża inċendju li joriġina miċ-ċirkwit elettriku ta’ dik il-vettura u kkawża ħsara lil dak il-bini, minkejja li dik il-vettura ma kinitx imċaqalqa għal iktar minn 24 siegħa qabel ma seħħ l-inċendju, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” msemmi f’dik id-dispożizzjoni ( 30 ).

    36.

    Il-kawża Bueno Ruiz and Zurich Insurance ( 31 ) kienet tinvolvi karozza fi stat tekniku apparentement ħażin. Kienet tqattar iż-żejt u likwidi oħrajn li jiżolqu fuq l-ispazju tal-parkeġġ ġewwa parkeġġ privat, fejn kienet abitwalment ipparkjata. Fid‑19 ta’ Settembru 2015, roqgħa kbira ta’ żejt inġabret fuq dak l-ispazju tal-parkeġġ, u xxerred maż-żona ta’ madwaru. Sid il-karrozza pparkjata fl-ispazju tal-parkeġġ ta’ ħdejha żelqet fuq iż-żejt meta ppruvat tirkeb ġol-karozza tagħha. Hi ressqet proċeduri kontra l-assiguratur tal-karozza li kienet tqattar kif ukoll sid il-karrozza personalment. B’riferiment għall-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-kwistjoni, iżda inċerta dwar sa fejn il-kunċett tal-“użu ta’ vetturi” jasal fil-fatt, u għalhekk b’dubji dwar min kienet il-parti responsabbli f’każ bħal dak (l-assiguratur, sid il-karrozza, jew potenzjalment il-maniġer tal-parkeġġ), il-qorti nazzjonali staqsiet jekk l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 jipprekludix interpretazzjoni fejn il-kopertura tal-assigurazzjoni obbligatorja tkun tinkludi d-danni kkawżati minn sitwazzjoni perikoluża maħluqa mit-tqattir ta’ likwidu minn vettura għal fuq l-ispazju tal-parkeġġ li fih tkun ipparkjata jew waqt li l-vettura tkun qiegħda tiġi pparkjata, ġewwa spazju tal-parkeġġ privat li jkun jinsab ġewwa kumpless ta’ akkomodazzjoni, fir-rigward ta’ terzi utenti ta’ dak il-kumpless ( 32 ).

    37.

    Fir-risposta, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret illi l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 għandu jiġi interpretat fis-sens li vettura hija użata skont il-funzjoni tagħha bħala mezz ta’ trasport meta tiċċaqlaq u wkoll, fil-prinċipju, filwaqt li tkun ipparkjata bejn żewġ vjaġġi. Il-fatt li l-inċident ġie kkawżat minn tqattir ta’ żejt li kien prodott mhux biss waqt li l-karozza kienet wieqfa, iżda mid-dehra wkoll meta kienet mixgħula u mċaqalqa, ma huwiex rilevanti. Il-moviment tal-karozza u l-parkeġġ tagħha ġewwa parkeġġ privat jikkostitwixxu użu ta’ dik il-vettura konsistenti mal-funzjoni tagħha bħala mezz ta’ trasport ( 33 ).

    38.

    L-eżempji stabbiliti iktar ’il fuq huma sempliċement selezzjoni illustrattiva ta’ każijiet deċiżi minn din il-Qorti tal-Ġustizzja matul dawn l-aħħar ftit snin fuq il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 ( 34 ). L-eżempji magħżula huma rimarkabbli fuq żewġ livelli. L-ewwel, fir-rigward tal-qasam speċifiku tal-liġi, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet it-terminu “użu ta’ vetturi”, imsemmi fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103, għalkemm f’kuntest kemxejn differenti u għal għan differenti, sabiex effettivament tiddeċiedi dwar jekk użu speċifiku fil-mument ta’ inċident għandux jiġi kopert mill-assigurazzjoni obbligatorja ta’ vettura (B). It-tieni, fuq livell iktar strutturali u sistematiku, il-Qorti tal-Ġustizzja bdiet toħroġ deċiżjonijiet fuq livell astratt li jista’ jitfa’ fid-dubju jekk dak li għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja kienx interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni, li għandha tiġi pprovduta minn din il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE, minflok l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għal każijiet konkreti, li għandu jkun ir-rwol tal-qrati nazzjonali (C).

    B.   Il-kamp ta’ applikazzjoni proprju tal-(Artikolu 3 tad-) Direttiva 2009/103

    39.

    Id-Direttiva 2009/103 hija forsi mhux l-iktar biċċa xogħol strutturalment komprensiva tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Dan huwa minħabba l-fatt li l-istrument għaqqad ħames direttivi preċedenti f’waħda. B’dan il-mod, id-direttiva kkonsolidata tibda direttament b’“definizzjonijiet” iktar milli tistabbilixxi, kif is-soltu jkun il-każ, is-suġġett tagħha, l-għan jew il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha f’Artikolu 1. Fost id-dispożizzjonijiet tal-ftuħ, id-direttiva l-ewwel tistabbilixxi l-obbligu ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi (Artikolu 3), li huwa mbagħad suppost li jippermetti lill-Istati Membri jastjenu milli jagħmlu kontrolli sistematiċi fuq tali assigurazzjoni bħala kundizzjoni għad-dħul fit-territorju tagħhom (Artikolu 4).

    40.

    Id-Direttiva 2009/103 mbagħad tkompli biex tipprovdi għal numru ta’ regoli oħra dwar diversi kwistjonijiet fil-kapitoli individwali tagħha. Dawk il-kapitoli fil-parti l-kbira jirriflettu d-direttivi preċedenti u issa huma mħassra ( 35 ): Minn naħa, hemm dispożizzjonijiet relatati mal-portata tal-assigurazzjoni obbligatorja tal-vetturi, eżenzjonijiet mill-obbligu ta’ assigurazzjoni, u l-protezzjoni mgħotija lil terzi u lil vittmi. Min-naħa l-oħra, il-maġġoranza tad-dispożizzjonijiet l-oħra jikkonċernaw kwistjonijiet istituzzjonali u proċedurali: it-twaqqif tal-korpi nazzjonali ta’ kumpens, l-irbit tas-sistema tal-Unjoni mas-sistema tal-karta l-ħadra u n-network tal-uffiċċji nazzjonali tal-assiguraturi, l-istabbiliment taċ-ċentri ta’ informazzjoni, u proċeduri għal kooperazzjoni u proċeduri ta’ pagament fost dawk il-korpi ( 36 ).

    41.

    Madankollu, iż-żewġ dispożizzjonijiet (sostantivi) prinċipali tad-Direttiva 2009/103, jiġifieri l-Artikoli 3 u 4, moqrija fid-dawl tal-premessa 2 tagħha, b’ċertu mod jistabbilixxu l-għan ġenerali ta’ dak l-istrument: l-aċċertar ta’ livell għoli ta’ protezzjoni għal vittmi ta’ inċidenti tal-vetturi bil-mutur u (b’hekk) il-promozzjoni tal-moviment liberu fi ħdan l-Unjoni. Fi kliem ieħor, sabiex tirrikjedi li Stati Membri jastjenu milli jwettqu kontrolli sistematiċi dwar assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili vis-à-vis vetturi deħlin fit-territorju tagħhom minn Stati Membri oħra ( 37 ), ġie kkunsidrat essenzjali li jiġi aċċertat livell għoli ta’ protezzjoni għal vittmi potenzjali ta’ inċidenti ta’ traffiku ( 38 ).

    42.

    Għalhekk, li għandu jiġi armonizzat fl-Istati Membri taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 ta’ dik id-direttiva huwa l-obbligu li tittieħed assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-vetturi normalment ibbażati fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru. Għal dak il-għan, id-direttiva tipprovdi definizzjoni komuni dwar x’inhi “vettura” fl-Artikolu 1(1), tiddeskrivi xi jfisser “territorju” fl-Artikolu 1(4), u tistabbilixxi istanzi li fihom Stat Membru jista’ jidderoga mill-obbligu ta’ assigurazzjoni fl-Artikolu 5 għal ċertu kategoriji ta’ vetturi. Barra minn hekk, id-direttiva tistabbilixxi id-dokumentazzjoni xierqa meħtieġa fl-Artikolu 8, filwaqt li finalment tgħaqqad il-portata tad-dmir ta’ assigurazzjoni skont l-Artikolu 3 mas-sistema ta’ kumpens mill-korp nazzjonali ta’ kumpens fl-Artikolu 10. Hemm ukoll dispożizzjonijiet fuq l-ammonti minimi li għandhom jiġu koperti mill-assigurazzjoni obbligatorja (Artikolu 9), kategoriji speċjali ta’ vittmi (Artikolu 12), klawżoli ta’ esklużjoni f’kuntratti ta’ assigurazzjoni (Artikolu 13), u primjum uniku u l-kopertura tagħhom (Artikolu 14).

    43.

    Għalhekk, jirriżulta mill-għan u l-istruttura tad-direttiva li dak li suppost kellu jiġi armonizzat, b’mod pjuttost minimalist ( 39 ), huwa l-obbligu li tittieħed assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward l-użu tal-vetturi. F’dak ir-rigward, ma kienx, u għadu ma huwiex, l-għan ta’ din id-direttiva li tibda tarmonizza l-mod kif ir-responsabbiltà f’każijiet individwali ta’ inċidenti ta’ vetturi bil-mutur ser tkun imqassma.

    44.

    Madankollu, nirrikonoxxi li ż-żewġ kwistjonijiet huma, b’ċertu mod, interkonnessi, Wara kollox, ġeneralment ikun f’każ individwali, li ta’ spiss ikun jinvolvi l-kwistjoni tat-tqassim tar-responsabbiltà ċivili f’dak il-każ, li domandi iktar wiesgħa u strutturali rigward jekk kienx hemm obbligu ta’ assigurazzjoni fl-ewwel lok, jew jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew poloz tal-assigurazzjoni inġenerali jikkonformawx ma’ rekwiżiti oħra tad-direttiva, jistgħu jqumu. Madankollu, dawn xorta huma żewġ kwistjonijiet distinti. L-obbligu li tittieħed assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi huwa iktar wiesa’ u ġenerali. Għandu jiġi stabbilit ex ante, ikun ibbażat fuq kriterji ġenerali u objettivi, u jkun relattivament stabbli matul iż-żmien. Jekk iċ-ċirkustanzi eżatti li fihom vettura tkun ikkawżat ħsara, u l-funzjoni jew ir-rwol li kellha f’dak il-mument preċiż, jistgħux jiġu koperti minn polza tal-assigurazzjoni partikolari jew le hija deċiżjoni ex post dwar ir-responsabbiltà għal inċident partikolari ( 40 ).

    45.

    Il-każijiet stabbiliti fis-sezzjoni preċedenti jipprovdu eżempju tajjeb f’dan ir-rigward. F’dawk il-każijiet, il-mistoqsija li kellha tiġi mwieġba ma kinitx jekk il-vettura li kkawżat l-inċident kinitx taħt obbligu li tkun assigurata. Jidher illi f’dawk il-każijiet kollha, il-vettura kienet fil-fatt asssigurata, u għalhekk l-obbligu stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 kien issodisfatt. Minflok, il-kwistjoni proprja kienet jekk il-ħsara kkawżata kellhiex tkun ikkumpensata mill-assigurazzjoni obbligatorja tal-vettura fir-rigward tal-inċident speċifiku u t-tip ta’ attività li kienet qiegħda titwettaq f’dak il-mument, jew jekk kumpens għal dik il-ħsara kellux ikun ipprovdut minn assigurazzjoni oħra jew bħala kwistjoni ta’ responsabbiltà personali tal-persuna li kkawżat il-ħsara.

    46.

    Madankollu, dik it-tip ta’ deċiżjoni ma hijiex irregolata mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103. Fi kliem ieħor l-obbligu taħt l-Artikolu 3 ta’ dik id-direttiva huwa ssodisfatt ladarba jkun hemm assigurazzjoni u għalhekk network ta’ sigurtà għal vittmi. Sakemm l-istandards espressi, minimi u ġenerali stabbiliti f’dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva 2009/103 jkunu ġew osservati, min eżattament huwa responsabbli li jipprovdi kumpens f’każ individwali għal ħsara kkawżata, u kif, ma hijiex kwistjoni rregolata minn dik id-direttiva.

    47.

    Dik hija, fil-fehma tiegħi, il-portata proprja tal-obbligu stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103. Għalhekk, il-kwistjonijiet li għandhom potenzjalment jiġu diskussi taħt dik l-intestatura, u fil-fatt b’mod partikolari meta jiġi interpretat il-kunċett ta’ “użu” (ta’ vetturi), “territorju” (ta’ Stat Membru), “normalment ibbażati” (f’dak it-territorju), jew il-portata minima u l-kopertura tar-“responsabbiltà ċivili” inkluża f’dik id-dispożizzjoni, huma dawk konnessi mal-portata u l-estent tad-dmir li tittieħed assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili inġenerali. Ma huwiex jekk, fil-“kuntest partikolari” ta’ inċident partikolari, l-użu ta’ vettura f’kuntesti speċifiċi fattwali għandu jew ma għandux jiġi kopert minn ċertu assigurazzjoni ta’ vettura. Dik ma hijiex biss kwistjoni li tikkonċerna l-applikazzjoni tal-liġi, kwistjoni li ser indur għaliha fit-taqsima li jmiss, iżda ugwalment (jew fuq kollox) ma hijiex kwistjoni rregolata mid-Direttiva 2009/103.

    48.

    Fil-qosor, kunċetti indeterminati tad-dritt tal-Unjoni, minkejja li jistgħu jkunu awtonomi, ma għandhomx jiġu applikati barra l-kuntest proprju tagħhom, kif stabbiliti fit-test, fl-istruttura u fl-għan. Il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi”, li jinsab fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103, huwa biss element tad-dmir ġenerali tal-Istati Membri li jaċċertaw li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu tal-vetturi normalment ibbażati fit-territorji tagħhom tkun koperta mill-assigurazzjoni. La dik id-dispożizzjoni u lanqas terminu wieħed a fortiori waħdu mittieħed barra mill-kuntest ta’ dik id-dispożizzjoni meħuda kollha kemm hi, ma suppost jipprovdu gwida armonizzata biex tiġi deċiża r-responsabbiltà għal inċidenti individwali, partikolarment mhux ladarba l-obbligu awtomatiku li tittieħed assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili skont dik id-dispożizzjoni jkun ġie ssodisfatt, u ma jkun hemm l-ebda kunflitt ċar ma’ kwalunkwe waħda mid-dispożizzjonijiet espressi l-oħra tad-Direttiva 2009/103.

    C.   Interpretazzjoni kontra applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni

    49.

    Hemm kwistjoni oħra li hija konnessa mal-punt preċedenti u huwa tajjeb li titfakkar. Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha l-kompetenza tagħti deċiżjonijiet preliminari li jikkonċernaw l-interpretazzjoni tat-Trattati, jew il-validità jew interpretazzjoni ta’ atti ta’ istituzzjonijiet, korpi, jew organi tal-Unjoni. B’kuntrast, l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, kemm jekk biex isegwu l-gwida maħruġa minn din il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE, jew naturalment u fil-maġġoranza l-kbira tal-każijiet mingħajrha, hija primarjament il-kompitu tal-qrati nazzjonali.

    50.

    Tassew, l-applikazzjoni tal-liġi tista’ tinkludi ċertu elementi relatati mal-interpretazzjoni tagħha. Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni tal-liġi ma tistax issir b’mod astratt, bl-ebda rigward għaċ-ċirkustanzi ta’ każ individwali jew ta’ każijiet individwali, meta tiġi evalwata s-solidalità tal-interpretazzjoni proposta. Għalhekk, huwa impossibbli li jingħad, b’mod astratt u inġenerali, eżattament fejn l-interpretazzjoni tal-liġi tieqaf u l-applikazzjoni tal-liġi tibda (u viċe versa).

    51.

    Madankollu, nissuġġerixxi li dan il-każ u l-każijiet diskussi fit-Taqsima A ta’ dawn il-konklużjonijiet jipprovdu eżempju tajjeb u konkret dwar meta l-intervent ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkunx neċessarju, ċertament mhux fuq tali livell ta’ dettall fattwali mogħti preċedentement.

    52.

    L-ewwel u qabel kollox, fid-dawl tal-osservazzjonijiet magħmula fit-Taqsima B ta’ dawn il-konklużjonijiet, kwalunkwe ħtieġa ta’ interpretazzjoni ta’ kunċett legali indeterminat previst fid-dritt tal-Unjoni, inkluż il-kunċett tal-“użu ta’ vetturi” li jinsab fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103, huwa naturalment iddelimitat mit-test, kuntest u għan tad-dispożizzjoni inkwistjoni. Fil-fatt ma hemm l-ebda ħtieġa li jiġi interpretat il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” sabiex jiġi deċiż jekk ir-responsabbiltà ta’ assiguratur partikolari kinitx skattata fil-kuntest ta’ inċident speċifiku.

    53.

    It-tieni nett, anki kieku wieħed kellu jassumi li l-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” kellu jipprovdi wkoll għas-soluzzjoni ta’ każijiet ta’ responsabbiltà individwali u kien użat biex jiddetermina jekk, f’mument partikolari, l-użu speċifiku kien użu normali ta’ vettura, hemm biss sa ċertu livell (jew sa ċertu punt fil-livell ta’ astratt) kwalunkwe regola leġiżlattiva (normattiva) tista’ tmur fid-dawl tal-varjetà infinita ta’ xenarji fattwali possibbli. F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà qalet f’numru ta’ okkażjonijiet li l-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” jinkludi kwalunkwe użu normali tal-vettura li huwa konsistenti mal-funzjoni tagħha bħala mezz ta’ trasport ( 41 ). Jekk tali definizzjoni hijiex wisq wiesgħa, wisq stretta, jew forsi ċirkolari, u kif eżattament għandha tiġi rfinata, tista’ ċertament tiġi diskussa. Madankollu, sakemm tali diskussjoni rigward il-portata ta’ kunċett tad-dritt tal-Unjoni tkun espressament u ċarament mibdija b’talba għal deċiżjoni preliminari, huwa diffiċli li wieħed jara kif konferma oħra ta’ sitwazzjoni speċifika inkwistjoni fil-fatt tammonta għal “użu ta’ vetturi” ieħor tikkontribwixxi biex taċċerta interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni madwar l-Unjoni, prevista mill-awturi tat-Trattati.

    54.

    Jista’ ċertament jiġi ssuġġerit li kwalunkwe dikjarazzjoni ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja ser taċċerta xi livell ta’ interpretazzjoni uniformi u applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni madwar l-Unjoni. Dak huwa ċertament korrett. Fil-fatt, wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Línea Directa Aseguradora pereżempju, għandu jiġi ttamat li kull sitwazzjoni “li fiha vettura pparkjata f’garaxx privat ta’ bini li tintuża konformement mal-funzjoni ta’ trasport tagħha tkun ħadet in-nar, u b’hekk tikkawża inċendju, li joriġina miċ-ċirkwit elettriku ta’ dik il-vettura, u jikkawża ħsara lil dak il-bini, taqa’ taħt il-kunċett ta’ ‘użu ta’ vetturi’ imsemmi f’dik id-dispożizzjoni, anki jekk il-vettura msemmija ma tkunx instaqet għal iktar minn 24 siegħa qabel ma jkun seħħ l-inċendju”, ( 42 ) ser tiġi ttrattata uniformement madwar l-Unjoni.

    55.

    Madankollu, wieħed jista’ jistaqsi raġonevolament jekk dan huwiex it-tip u l-livell ta’ interpretazzjoni uniformi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkonċerna ruħha bih skont l-Artikolu 267 TFUE. Dan ifakkar kemxejn it-teħid ta’ deċiżjonijiet każistiċi stretti li qorti ċivili nazzjonali tal-ewwel istanza tkun involuta fih. Barra minn hekk, kif uriet l-esperjenza, tali“ġurisprudenza fattwali” ma tistax ma tistedinx mistoqsijiet addizzjonali u iktar ħtieġa ta’ distinzjonijiet ( 43 ): x’kien jiġri kieku l-vettura kienet ipparkjata fi triq pubblika u mhux f’garaxx privat? X’kien jiġri kieku l-karozza ma kinitx imċaqalqa għal perijodu kunsiderevolment itwal, b’hekk tkun, fil-fatt, stazzjonarja? X’kien jiġri kieku n-nar ma oriġinax fiċ-ċirkwit elettriku tal-vettura iżda xi mkien ieħor ( 44 )?

    56.

    It-tielet nett, ir-rwol prinċipali tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkun l-artikolazzjoni jew l-irfinar tal-premissa maior normattiva u legali li toħroġ mid-dritt tal-Unjoni, li għandha tiġi applikata mill-qrati nazzjonali. Il-preżentazzjoni tal-fatti tal-każ individwali, il-premissa minor, u l-konklużjoni rigward l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni f’dak il-każ partikolari, huwa l-kompitu tal-qrati nazzjonali.

    57.

    Naturalment, skont l-Artikolu 267 TFUE, qorti nazzjonali jew tribunal jistgħu dejjem jagħmlu talba għal deċiżjoni preliminari. Madankollu, bħala regola ġenerali, fir-rigward ta’ kwistjonijiet diġà interpretati, id-domanda għandha tirrelata sew mal-irfinar potenzjali tal-premissa maior ibbażata fuq id-dritt tal-Unjoni li għandha tiġi applikata fil-proċeeduri prinċipali (il-kjarifika, ir-restrezzjoni, l-espansjoni, l-għoti ta’ eċċezzjoni eċċ.). Konferma oħra li l-istess, premissa maior artikolata preċedentement tapplika għal sett ta’ fatti oħra, mingħajr bl-ebda mod ma tistieden ir-rikunsiderazzjoni tal-eżistenti premissa maior, hija kwistjoni ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, kompitu fdat lil qrati nazzjonali.

    58.

    Huwa ġust li nammettu li dawk il-konfini ideali jiċċajpru ftit meta elementi fattwali stretti jsiru parti mill-premissa maior iddefinita mid-dritt tal-Unjoni. F’tali każijiet, qorti tar-rinviju tista’ fil-fatt tkun kompletament korretta meta taċċerta jekk elementi fattwali ġodda u differenti humiex fil-fatt parti mir-regola legali li l-Qorti tal-Ġustizzja xtaqet tifformola ( 45 ).

    59.

    Sabiex jiġi identifikat il-livell xieraq ta’ astratt, jidher kruċjali li jiġu aċċettati żewġ elementi bħala l-punt ta’ tluq: trażżin ġudizzjarju u aċċettazzjoni lejn xi livell ta’ diversità permissibbli. Ċertament, l-imperattiv ta’ uniformità u l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni madwar l-Unjoni kollha dejjem okkupa post ċentrali fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, u pjuttost b’mod naturali, huwa importanti li ssir diskriminazzjoni f’dak ir-rigward bejn il-kwistjonijiet li fil-fatt jgħoddu għal dak il-għan u dawk li le, partikolarment fid-dawl tal-riżorsi ġudizzjarji limitati (mid-definizzjoni) tal-qrati tal-Unjoni.

    60.

    Pereżempju, wieħed jista’ jimmaġina sitwazzjoni li fiha passiġġier ta’ taxi, meta jmur biex jinżel mit-taxi mis-sit ta’ wara, wara li kien ittrasportat fiha, jiftaħ il-bieba ta’ wara mingħajr ma jħares sew qabel u jigref karozza li tkun għaddejja proprju dak il-ħin. Dak jammonta għal “użu ta’ vettura” skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103? Il-kumpens tal-ħsara għall-proprjetà għandha titħallas mill-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili tat-taxi, u mhux mill-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili tal-karozza li kienet għaddejja? Jew, għandu jkun il-passiġġier tat-taxi li għandu jkun responsabbli personalment peress li ma ħarisx sew qabel ma fetaħ il-bieba?

    61.

    Ma nistax nara kif diversità potenzjali madwar il-qrati ċivili tal-Unjoni rigward kif tali każ għandu jiġi solvut – sakemm jista’ jkun hemm każ identiku f’dak ir-rigward fid-dawl tal-varjazzjonijiet fattwali mhux eżawrjenti u sfumaturi li jistgħu jiġġustifikaw riżultati differenti – għandha tkun xi ħaġa li din il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkonċerna ruħha biha. Tali każ, sakemm inċidentalment ma jiftaħx kwistjoni iktar wiesgħa ta’ inkompatibbiltà normattiva ta’ dritt nazzjonali jew prattika ma’ kwalunkwe dispożizzjoni oħra espressa tad-dritt tal-Unjoni, propjament jappartjeni għar-renju tal-applikazzjoni tad-dritt. Barra minn hekk, tali livell ta’ uniformità f’termini ta’ omoġeneità f’riżultati ta’ każijiet individwali huwa, nazzarda ngħid, mit. Fil-fatt, tali uniformità lanqas biss tintlaħaq f’sistemi ġudizzjarji nazzjonali li huma ċċentralizzati ħafna li, b’kuntrast għar-rwol ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ deċiżjonijiet preliminari, iwettqu reviżjoni estensiva tad-deċiżjonijiet tal-qrati inferjuri rigward l-applikazzjoni korretta tal-liġi f’każijiet individwali.

    62.

    Wara kollox, hemm u dejjem ser ikun hemm xi livell ta’ diversità fl-applikazzjoni nazzjonali tad-dritt tal-Unjoni, anki f’oqsma armonizzati. Dan mhux biss huwa permissibbli, iżda raġonevoli u naturali. Il-Qorti tal-Ġustizzja, li jkollha quddiemha talba għal deċiżjoni preliminari rigward l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni skont l-Artikolu 267 TFUE, tkun mitluba tistabbilixxi l-parametri ta’ dik id-diversità billi tipprovdi interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni, inkluż il-kunċetti legali indeterminati li jeżistu fih. Madankollu, dik l-interpretazzjoni għandha tibqa’ fuq livell xieraq tal-astratt. Fi kliem ieħor, il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE huwa li tiżgura interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni, filwaqt li timmira lejn il-livell ta’ regoli legali applikabbli u mhux lejn il-livell tar-riżultat ta’ kull każ. Loġikament dak jimplika li anki filwaqt illi jkun hemm livell raġonevoli ta’ uniformità ta’ regoli legali, jista’ jkun hemm diversità fir-rigward ta’ riżultati konkreti.

    D.   Il-każ preżenti

    63.

    Għar-raġunijiet stabbiliti fiż-żewġ taqsimiet preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, essenzjalment naqbel mal-argument priċipali mressaq mill-Gvern Spanjol u s-sottomissjonijiet tal-Kummissjoni: l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 ma jipprekludi l-ebda waħda mill-interpretazzjonijiet (nazzjonali opposti) tal-Artikolu 5(2) tal-Liġi dwar l-Assigurazzjoni tal-Vetturi, sempliċement għaliex id-deċiżjoni dwar jekk, fiċ-ċirkustanzi ta’ każ individwali, il-ħsara kkawżata lis-semitrejler operat bħala parti minn vettura artikolata hux ser tkun koperta mill-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili tat-trakter, jew potenzjalment mill-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili tas-semitrejler, ma hijiex irregolata mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni invokati.

    64.

    Minkejja dan, nemmen li huwa xieraq li nżid tliet punti speċifiċi għal dan il-każ bħala konklużjoni.

    65.

    L-ewwel nett, il-fatt li l-Artikolu 5(2) tal-Liġi dwar l-Assigurazzjoni tal-Vetturi hija d-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali invokata mill-qorti tar-rinviju fid-domanda tagħha, li fil-fatt tirregola l-“Kamp ta’ applikazzjoni u esklużjonijiet” mill-assigurazzjoni obbligatorja (inġenerali), huwa ta’ ftit rilevanza meta mqiegħed fil-kuntest tal-każ fil-proċeduri prinċipali. Kif enfasizzat mill-Gvern Spanjol, id-dritt nazzjonali jinkludi dispożizzjoni speċifika dwar it-tqassim tar-responsabbiltà fir-rigward tal-elementi individwali ta’ vettura artikolata fil-każ ta’ kolliżjoni, jiġifieri l-Artikolu 19 tar-Regolament dwar l-Assigurazzjoni għar-Responsabbiltà Ċivili Obbligatorja għall-Użu ta’ Vetturi bil-Mutur ( 46 ). Madankollu, dik id-dispożizzjoni tirregola biss it-tqassim tar-responsabbiltà f’każijiet ta’ ħsara kkawżata lil terzi. Għalhekk, dubji u diverġenzi interpretattivi f’każijiet individwali qamu fuq livell nazzjonali fir-rigward ta’ sitwazzjoni oħra li ma hijiex prevista f’dik il-leġiżlazzjoni nazzjonali (derivata): kieku l-ħsara ma hijiex ikkawżata lil terz iżda lil element tal-vettura artikolata minn ieħor?

    66.

    Madankollu, dak sempliċement jenfasizza l-fatt li d-dubji interpretattivi mqajma mill-qorti tar-rinviju, mid-dehra sostnuti mir-riżultati differenti konklużi fi qrati nazzjonali reġjonali, jirrelata mal-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali. Ma nistax nara kif kwalunkwe ħaġa li tinsab fl-Artikolu 1 jew fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 tista’ tassisti lill-qorti tar-rinviju biex tistabbilixxi dik il-kwistjoni tad-dritt nazzjonali.

    67.

    It-tieni nett, ma huwiex ċar kif dik il-konklużjoni tista’ tinbidel bir-riferiment magħmul għall-aħħar paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 fid-domanda sottomessa mill-qorti tar-rinviju. Dik id-dispożizzjoni taqra: “L-assigurazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu għandha tkopri b’mod obbligatorju kemm il-ħsara lill-proprjetà kif ukoll id-danni personali”. Bħall-Kummissjoni, jien ma narax (u l-qorti tar-rinviju ma tispjegax) kif il-kopertura tal-ħsara lill-proprjetà tista’ b’xi mod tkun kompromessa jew limitata minn xi waħda mill-interpretazzjonijiet possibbli tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni. Sa fejn qiegħed nifhem, il-possibbiltà li jiġi rkuprat id-dannu f’każijiet bħal dak preżenti teżisti biċ-ċar. L-obbligu li tittieħed assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 jidher issodisfatt. Barra minn hekk, ma huwiex issuġġerit li dik il-kopertura ma hijiex, f’termini ġenerali, sodisfaċenti fid-dawl ta’ kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta’ dik id-direttiva. Il-kwistjoni hija min ser ikun finalment obbligat iħallas dak il-kont, jekk hux l-assiguratur tat-trakter jew l-assiguratur tas-semitrejler.

    68.

    It-tielet nett, l-istess huwa minnu jekk l-attenzjoni kellha tmur mill-Artikolu 3 għall-Artikolu 1 tad-direttiva, u għad-definizzjonijiet ta’ x’inhi “vettura” u min jista’ jkun “il-parti li tkun sofriet ħsara” li jinsabu fih, kif id-domanda tal-qorti tar-rinviju timplika. Fil-fatt, fis-sottomissjonijiet tagħhom, il-Kummissjoni daħlet f’tali diskussjoni, filwaqt li staqsiet jekk semitrejler, jew forsi iktar is-sid ta’ tali semitrejler, jistax possibbilment ikun “il-parti li tkun sofriet ħsara” fis-sens tat-tifsira tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2009/103. Dawk ir-riflessjonijiet wasslu lill-Kummissjoni biex tissuġġerixxi li semitrejler iddanneġġjat ma huwiex forsi t-tip ta’ vittma li d-direttiva kontinwament fittxet li tipproteġi ( 47 ), għalhekk terġa’ tistaqsi kif tali esklużjoni, li lanqas ma hija espressament ipprovduta fid-dritt nazzjonali ( 48 ) tista’ tikkomprometti l-portata tal-kopertura għall-ħsara lill-proprjetà meħtieġa taħt l-aħħar paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103.

    69.

    Jien obbligat lejn il-Kummissjoni għal din ir-riflessjoni. Tgħin biex tenfasizza f’termini reali l-punt ġenerali diġà magħmul iktar ’il fuq ( 49 ): tali kwistjonijiet u kunsiderazzjonijiet jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni proprja tad-Direttiva 2009/103. Dak huwa pprovat min-nuqqas ta’ qbil loġiku (kważi stramb) li jiġi żvelat meta wieħed jipprova jdaħħal sitwazzjoni li tinsab barra qafas legiżlattiv ġewwa dak il-qafas. Il-kunċett u l-loġika eżistenti sempliċement ma jipprovdux għal dan u għalhekk kompletament ma japplikawx għal dik is-sitwazzjoni ( 50 ).

    70.

    Fil-qosor, sakemm l-għan prinċipali tad-Direttiva 2009/103 huwa ssodisfatt, jiġifieri li f’konformità mal-obbligu stabbilit fl-Artikolu 3 ta’ dik id-direttiva, Stat Membru jipprovdi għad-dmir li tittieħed assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi, u b’hekk jipproteġu vittmi potenzjali ta’ inċidenti tat-traffiku u konsegwentement jinkoraġixxi moviment liberu madwar l-Unjoni, il-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ dak l-obbligu, u a fortiori l-okkorrenza ta’ dik ir-responsabbiltà f’każijiet individwali ta’ inċidenti tal-vetturi bil-mutur, tibqa’ kwistjoni ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew, a fortiori, tad-dritt nazzjonali, fdata lill-qrati nazzjonali.

    V. Konklużjoni

    71.

    Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb id-domada preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) bil-mod segwenti:

    La l-aħħar paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà, u lanqas l-Artikolu 1(1) jew (2) ta’ dik id-direttiva, ma jipprovdu regoli li jirregolaw il-kwistjoni ta’ jekk id-dritt nazzjonali għandux jittratta ħsara lill-proprjetà kkawżata lil semitrejler, filwaqt li kien qiegħed jiġi operat bħala parti minn vettura artikolata ma’ trakter, bħala inċident li għandu jiġi kopert mill-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili meħuda għal dak it-trakter. Il-kwistjoni għandha, flimkien ma’ kwistjonijiet oħra li ma humiex speċifikament irregolati mid-Direttiva 2009/103, tiġi rregolata mid-dritt nazzjonali u deċiża mill-qrati nazzjonali.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU 2009, L 263, p. 11).

    ( 3 ) Sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, Vnuk (C‑162/13, EU:C:2014:2146, punt 59 u d-dispożittiv).

    ( 4 ) Sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2017, Rodrigues de Andrade (C‑514/16, EU:C:2017:908, punt 42 u d-dispożittiv).

    ( 5 ) Sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2018, BTA Baltic Insurance Company (C‑648/17, EU:C:2018:917, punt 48 u d-dispożittiv).

    ( 6 ) Sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2019, Línea Directa Aseguradora (C‑100/18, EU:C:2019:517, punt 48 u d-dispożittiv).

    ( 7 ) BOE Nru 267 tal‑5 ta’ Novembru 2004, p. 36662.

    ( 8 ) BOE Nru 222 tat‑13 ta’ Settembru 2008, p. 37487.

    ( 9 ) BOE Nru 22 tas‑26 ta’ Jannar 1999.

    ( 10 ) Tul dawn il-konklużjonijiet, nuża t-termini “trakter” u “trakk li jirmonka” bl-istess tifsira, b’riferiment għall-istess tip ta’ apparat. Nagħraf illi fid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi għal “traktor jew trakk li jirmonka”. Madankollu, peress li ma ġiex issuġġerit jew spjegat x’għandha tkun id-differenza, jekk hemm differenza, bejn dawn iż-żewġ termini, ser nassumi li jfissru l-istess.

    ( 11 ) Għal-lista tal-ħames direttivi li nkorporat, ikkonsolidat, u rrevokat id-Direttiva 2009/103, ara l-Artikolu 29 u l-Anness I tad-Direttiva 2009/103. Ara wkoll l-Anness II, li jinkludi tabella ta’ korrelazzjoni dwar dispożizzjonijiet individwali.

    ( 12 ) Jew qabel fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE tal‑24 ta’ April 1971 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar ta’ l-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 10).

    ( 13 ) Sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, Vnuk (C‑162/13, EU:C:2014:2146) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Vnuk”.

    ( 14 ) Ibid., punt 25.

    ( 15 ) Ibid., punt 59 u d-dispożittiv.

    ( 16 ) Sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2017, Rodrigues de Andrade (C‑514/16, EU:C:2017:908).

    ( 17 ) Ibid., punt 34.

    ( 18 ) Ibid., punt 35.

    ( 19 ) Ibid., punt 38.

    ( 20 ) Ibid., punt 42 u d-dispożittiv.

    ( 21 ) Sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Núñez Torreiro (C‑334/16, EU:C:2017:1007).

    ( 22 ) Ibid., punt 34.

    ( 23 ) Ibid., punt 36.

    ( 24 ) Sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2018, BTA Baltic Insurance Company (C‑648/17, EU:C:2018:917).

    ( 25 ) Ibid., punt 45.

    ( 26 ) Ibid., punt 36.

    ( 27 ) Ibid., punt 38.

    ( 28 ) Ibid., punt 48 u d-dispożittiv.

    ( 29 ) Sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2019, Línea Directa Aseguradora (C‑100/18, EU:C:2019:517).

    ( 30 ) Ibid., punt 48 u d-dispożittiv.

    ( 31 ) Digriet tal‑11 ta’ Diċembru 2019, Bueno Ruiz and Zurich Insurance (C‑431/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:1082).

    ( 32 ) Ibid., punti 16 sa 26.

    ( 33 ) Ibid., punti 40 sa 43.

    ( 34 ) Ara wkoll, pereżempju, is-sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2017, Neto de Sousa (C‑506/16, EU:C:2017:642); tal‑4 ta’ Settembru 2018, Juliana (C‑80/17, EU:C:2018:661); jekk il-konklużjonijiet reċenti tiegħi fil-kawża Ubezpieczeniowy Fundusz Gwarancyjny (C‑383/19, EU:C:2020:1003) li hija preżentement pendenti.

    ( 35 ) Ara t-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II tad-Direttiva 2009/103.

    ( 36 ) Ara wkoll, dwar l-interazzjoni kumplessa bejn is-sistema tal-Unjoni u s-sistema tal-karta l-ħadra, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Lietuvos Respublikos transporto priemonių draudikų biuras (C‑587/15, EU:C:2017:234, punti 32 sa 53).

    ( 37 ) Ara l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2009/103. Ara wkoll is-sentenzi tal‑4 ta’ Settembru 2014, Vnuk (C‑162/13, EU:C:2014:2146, punt 49), jew tal‑20 ta’ Ġunju 2019, Línea Directa Aseguradora (C‑100/18, EU:C:2019:517, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 38 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja kemm-il darba enfasizzat li l-għan li jiġi pprovdut livell għoli ta’ protezzjoni għal vittmi tal-inċidenti tal-vetturi bil-mutur meta jiġu interpretati d-direttivi – ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, Juliana (C‑80/17, EU:C:2018:661, punt 47), jew, iktar reċenti, id-digriet tal‑11 ta’ Diċembru 2019, Bueno Ruiz and Zurich Insurance (C‑431/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:1082, punti 33 sa 34).

    ( 39 ) Għal ġurisprudenza li tenfasizza d-dimensjoni tal-armonizzazzjoni minima tad-direttivi preċedenti u preżenti dwar l-assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ diversi elementi mhux espressament koperti mid-direttivi, ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑23 ta’ Ottubru 2012, Marques Almeida (C‑300/10, EU:C:2012:656, punt 29); tal‑21 ta’ Jannar 2016, ERGO Insurance and Gjensidige Baltic (C‑359/14 u C‑475/14, EU:C:2016:40, punt 40); jew tal‑14 ta’ Settembru 2017, Delgado Mendes (C‑503/16, EU:C:2017:681, punt 47).

    ( 40 ) Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, Juliana (C‑80/17, EU:C:2018:661, punt 39). Għal diskussjoni ddettaljata, ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Ubezpieczeniowy Fundusz Gwarancyjny (C‑383/19, EU:C:2020:1003, punti 3948).

    ( 41 ) Ara diġà fis-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, Vnuk (C‑162/13, EU:C:2014:2146, punt 59), sussegwentement repetuta fis-sentenzi l-oħra kollha deskritti iktar ’il fuq fit-Taqsima A ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 42 ) Sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2019, Línea Directa Aseguradora (C‑100/18, EU:C:2019:517, punt 48 u d-dispożittiv).

    ( 43 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Wiener SI (C‑338/95, EU:C:1997:352, punt 50), fejn b’mod għaqli jinnota li “risposti ddettaljati għal domandi verament speċifiċi mhux dejjem ser jippromwovu tali applikazzjoni uniformi. Tali risposti jistgħu jipprovokaw iktar domandi” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    ( 44 ) Ara d-digriet tal‑11 ta’ Diċembru 2019, Bueno Ruiz u Zurich Insurance (C‑431/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:1082, punt 44).

    ( 45 ) Ara, fuq dan il-punt, fir-rigward ta’ kwistjoni li tappartjeni għall-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103, jiġifieri meta jintemm id-dmir li tittieħed assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili skont dik id-dispożizzjoni, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Ubezpieczeniowy Fundusz Gwarancyjny (C‑383/19, EU:C:2020:1003).

    ( 46 ) Iċċitata iktar ’il fuq, fil-punt 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 47 ) Il-Kummissjoni indikat il-premessi 21 u 22 tad-Direttiva 2009/103 f’dan ir-rigward, filwaqt li tindika li l-iktar vittmi possibbli ta’ inċidenti tat-traffiku (intiżi li jiġu protetti minn din id-direttiva) huma fil-fatt persuni fiżiċi, kemm passiġġieri, persuni għaddejjin bil-mixi, ċiklisti, jew kwalunkwe utenti oħra tat-triq, iżda mhux vetturi per se.

    ( 48 ) Għal darba oħra, sabiex naslu għal konklużjoni li l-Artikolu 5(2) tal-Liġi dwar l-Assigurazzjoni tal-Vetturi, f’każ bħalma huwa dak fil-proċeduri prinċipali, jeskludi l-ħsara lis-semitrejler li għandha tiġi koperta mill-polza ta’ assigurazzjoni tat-trakter, wieħed għandu jinterpreta dik id-dispożizzjoni nazzjonali l-ewwel. Ara iktar ’il fuq, punt 9 u punti 16 sa 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li jiddeskrivu l-interpretazzjonijiet opposti ta’ dik id-dispożizzjoni nazzjonali.

    ( 49 ) Ara iktar ’il fuq, punti 39 sa 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 50 ) Għal eżempju ieħor reċenti tal-istess fenomenu, ara, pereżempju, is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2020, J & S Service (C‑620/19, EU:C:2020:1011).

    Top