Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CC0255

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali G. Hogan, ippreżentati fit-30 ta’ April 2020.


    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:342

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    HOGAN

    ippreżentati fit-30 ta’ April 2020 ( 1 )

    Kawża C-255/19

    Secretary of State for the Home Department

    vs

    OA

    partijiet magħquda:

    Il-Kummissarju Għoli għar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHCR)

    (talba għal deċiżjoni preliminari mill-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) (il-Qorti Superjuri) (Awla tal-immigrazzjoni u l-ażil) (Ir-Renju Unit))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Id-Direttiva 2004/83/KE — Livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istatus ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali — Refuġjat — Artikolu 2(ċ) — Atturi ta’ protezzjoni — Artikolu 7 — Waqfien ta’ status ta’ refuġjat — Artikolu 11 — Bidla fiċ-ċirkustanzi — Artikolu 11(1)(e) — Possibbiltà li tintuża l-protezzjoni tal-pajjiż tan-nazzjonalità — Kriterji ta’ evalwazzjoni”

    I. Introduzzjoni

    1.

    Il-liġi moderna dwar ir-refuġjati taf il-bidu tagħha lill-Konvenzjoni ta’ Genève dwar l-istatus tar-refuġjati ( 2 ). L-Artikolu 1A(2) ta’ din il-konvenzjoni jipprovdi li t-terminu “refuġjat” japplika għal kull persuna li:

    “[…] minħabba f’biża’msejsa fuq ir-realtà li jista’ jiġi persegwitat għal raġunijiet ta’ razza, reliġjon, nazzjonalità, sħubija f’xi grupp soċjali jew fehma politika partikolari, ikun jinsab barra mill-pajjiż tan-nazzjonalità tiegħu u ma jkunx kapaċi jew, minħabba f’dik il-biża’, ma jkunx irid, jinqeda bil-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż; jew li, mingħajr ma jkollu nazzjonalità u filwaqt li jkun barra mill-pajjiż fejn soltu kien joqgħod […] ma jkunx kapaċi jew, minħabba f’dik il-biża’, ma jkunx irid jerġa’ lura fih […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    2.

    Fil-kuntest tad-domandi preċiżi magħmula mill-qorti tar-rinviju f’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, forsi jolqtok il-fatt li “l-kriterji għal status ta’ refuġjat stabbiliti fl-Artikolu 1A(2) tal-[Konvenzjoni ta’ Geneve] huma bbażati b’mod ċar fuq qafas ta’ Stat u nazzjonalità” [traduzzjoni libera] ( 3 ). Madankollu, din id-definizzjoni ftit li xejn hija ta’ sorpriża peress li l-protezzjoni internazzjonali ( 4 ) hija aspett tal-obbligi tal-Istat skont id-dritt internazzjonali, u fl-1951 Stati nazzjon biss kienu jitqiesu bħala l-atturi tal-Istat rilevanti fid-dritt internazzjonali.

    3.

    Madankollu, f’ċerti aspetti, kien hemm evoluzzjoni fil-ħsieb modern dwar kemm għandha tkun il-protezzjoni tal-Istat fir-rigward tar-refuġjati, mhux l-inqas dwar dak li għandu x’jaqsam mad-dritt tal-Unjoni Ewropea. Dan huwa rifless fl-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-kwalifika”) ( 5 ).

    4.

    L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva dwar il-kwalifika jipprovdi li l-protezzjoni tista’ tingħata jeww mill-Istat (Artikolu 7(1)(a)) jew minn “partijiet jew organizzazzjonijiet, inkluż organizzazzjonijiet internazzjonali, li jikkontrollaw l-Istat jew parti sostanzjali tat-territorju tal-Istat” (Artikolu 7(1)(b)).

    5.

    Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, inter alia, l-interpretazzjoni tajba tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva dwar il-kwalifika u, b’mod speċifiku, jekk l-eżistenza ta’ atturi privati, bħal netwerk ta’ klanns u familji li jagħtu protezzjoni, hijiex biżżejjed sabiex ikun issodisfatt ir-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni. Dan ir-rinviju, għalhekk, jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja opportunità tiddeċiedi dwar aspett importanti tad-Direttiva dwar il-kwalifika li fir-rigward tagħha hija kellha biss opportunità tqis f’kawża waħda preċedenti, u anki hemm b’mod każwali ( 6 ).

    6.

    Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari minnu nnifsu joriġina minn proċeduri quddiem l-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) (il-Qorti Superjuri (Awla tal-immigrazzjoni u l-ażil)) (ir-Renju Unit) (iktar ’il quddiem l-“Upper Tribunal”) bejn OA. u s-Secretary of State for the Home Department (is-Segretarju tal-Istat tad-Dipartiment tal-Intern) dwar il-waqfien tal-istatus tiegħu ta’ refuġjat.

    7.

    Il-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju jirrigwardaw, essenzjalment, il-waqfien ta’ status ta’ refuġjat, b’mod partikolari l-portata tat-terminu “protezzjoni tal-pajjiż ta’ nazzjonalità”, skont it-tifsira, inter alia, tal-Artikolu 2(ċ) u tal-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva dwar il-kwalifika, l-identifikazzjoni ta’ atturi ta’ protezzjoni għall-finijiet tal-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva u l-livell ta’ protezzjoni li għandu jkun ipprovdut skont l-Artikolu 7(2) tagħha.

    8.

    Il-qorti tar-rinviju ġibdet l-attenzjoni wkoll għall-possibbiltà tar-rilevanza f’dan il-kuntest li jkun hemm għajnuna finanzjarja għal persuna li tista’ tintbagħat lura lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħha. Għalhekk jeħtieġ li din il-kwistjoni tiġi eżaminata fil-kuntest tal-waqfien ta’ status ta’ refuġjat.

    9.

    Qabel ma jitqiesu dawn il-kwistjonijiet jeħtieġ, madankollu, li l-ewwel nett tiġi deskritta l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u mbagħad, wara, jiġu indikati d-dispożizzjonijiet legali rilevanti.

    I. Il-proċedura quddiem il-Qorti

    10.

    Id-domandi magħmula mill-Upper Tribunal kienu s-suġġett ta’ osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati mill-Gvern Franċiż, minn dak tar-Renju Unit u minn dak tal-Ungerija kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

    11.

    Ir-Renju Unit ħareġ mill-Unjoni Ewropea f’nofs il-lejl (CET) tal-31 ta’ Jannar 2020. Skont l-Artikolu 86(2) tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Ħruġ” ( 7 ), il-Qorti tal-Ġustizzja jkompli jkollha l-ġurisdizzjoni li tirrispondi talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Qrati u mit-tribunali tar-Renju Unit qabel tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni kif iddefinit fl-Artikolu 126 tal-imsemmi ftehim, li huwa, bħala prinċipju, fil-31 ta’ Diċembru 2020.

    12.

    Iktar minn hekk, skont l-Artikolu 89 tal-Ftehim ta’ Ħruġ, id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li ser tingħata f’data futura ser ikollha saħħa vinkolanti sħiħa filu fuq ir-Renju Unit.

    13.

    Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Marzu 2019. Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja għad għandha l-ġurisdizzjoni li tiddeċiedi dwar din it-talba għal deċiżjoni preliminari u l-Upper Tribunal jibqa’ marbut bid-deċiżjoni li tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn il-proċeduri.

    14.

    Fis-27 ta’ Frar 2020 inżammet seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li għaliha kienu preżenti rappreżentanti tal-Gvern tar-Renju Unit, ta’ dak ta’ Franza u tal-Kummissjoni.

    II. Il-kuntest ġuridiku

    A.   Id-dritt internazzjonali

    15.

    L-Artikolu 1(C)(5) tal-Konvenzjoni ta’ Genève jipprovdi li:

    “Din il-konvenzjoni ma tibqax tapplika fir-rigward ta’ kull persuna li taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet imsemmija fit- Taqsima A msemmija iktar ’il fuq:

    […]

    5. Jekk, minħabba li ċ-ċirkustanzi li bihom hija tkun ġiet irrikonoxxuta bħala refuġjat ikunu waqfu milli jeżistu, hija ma tkunx tista’ tkompli tirrifjuta milli tgawdi mill-protezzjoni tal-pajjiż ta’ nazzjonalità tagħha;

    Madankollu, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu ma japplikawx għal kull refuġjat imsemmi fil-paragrafu 1 tat-Taqsima A ta’ dan l-artikolu li jista’ jinvoka, sabiex ikompli jirrifjuta milli japprofitta mill-protezzjoni tal-pajjiż taċ-ċittadinanza tiegħu, raġunijiet imperattivi li jirriżultaw minn persekuzzjonijiet preċedenti.”

    [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    B.   Id-dritt tal-Unjoni

    16.

    Skont l-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) jipprovdi:

    “Id-dritt għall-asil għandu jkun garantit b’rispett għar-regoli tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tat-28 ta’ Lulju 1951 u l-Protokoll tal-31 ta’ Jannar 1967 dwar l-istatus ta’ refuġjati u skond it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea […]”.

    17.

    L-Artikolu 78(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprovdi:

    “1.   L-Unjoni għandha tiżviluppa politika komuni dwar l-asil, il-protezzjoni sussidjarja u l-protezzjoni temporanja bil-għan li toffri status xieraq lil kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jeħtieġ protezzjoni internazzjonali u bil-għan li tassigura l-ħarsien tal-prinċipju ta’ non-refoulement. Din il-politika trid tkun konformi mal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tat-28 ta’ Lulju 1951 u mal-Protokoll tal-31 ta’ Jannar 1967 dwar l-istatus tar-refuġjati, kif ukoll ma’ trattati oħra rilevanti.

    […]”

    1. Id-Direttiva dwar il-kwalifika

    18.

    Il-premessa 19 ta’ din id-direttiva tgħid:

    “Protezzjoni tista’ tiġi provvduta mhux biss mill-Istat imma wkoll minn partijiet jew organizzazzjonijiet, inklużi organizzazzjonijiet internazzjonali, li jilħqu l-kondizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, li jikkontrollaw reġjun jew erja akbar fit-territorju ta’ l-Istat.”

    19.

    L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jgħid li:

    “L-għan ta’ din id-Direttiva tal-Kunsill huwa li tippreskrivi livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija.”

    20.

    L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Id-definizzjonijiet”, jipprovdi li:

    “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

    […]

    (ċ)

    “refuġjat” ifisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz li, minħabba f’biża’ bir-raġun li jiġi persegwitat għar-raġunijiet ta’ razziżmu, reliġjon, nazzjonalita, opinjoni politika jew sħubija ta’ grupp soċjali partikolari, huwa barra mill-pajjiż ta’ nazzjonalita u ma jistax, jew minħabba f’din il-biża, ma jixtieqx japprofitta ruħu jew ruħha mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż, jew persuna mingħajr stat, li, minħabba li qiegħed barra mill-pajjiż tarresidenza abitwali ta’ qabel għall-istess raġunijiet kif imsemmija hawn fuq, ma jistax jew, minħabba f’din il-biża, ma jixtieqx jirritorna lejha, u li l-Artikolu 12 ma japplikax għalih;

    (d)

    ‘stat [status] ta’ refuġjat’ ifisser l-għarfien minn Stat Membru ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat bħala refuġjat;

    […]”

    21.

    L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Stima ta’ fatti u ċirkostanzi”, jipprovdi fil-paragrafi 3 u 4 tiegħu:

    “3.   L-istima ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali trid titwettaq fuq bażi individwali u tinkludi li jitqiesu:

    (a)

    il-fatti kollha rilevanti kif jirrelataw mal-pajjiż ta’ l-oriġin filħin tat-teħid ta’ deċiżjoni fuq l-applikazzjoni; inkluż liġijiet u regolamenti tal-pajjiż ta’ l-oriġini u l-manjiera li fiha jiġu applikati;

    […]

    (ċ)

    il-pożizzjoni individwali u ċ-ċirkostanzi personali ta’ l-applikant, inkluż fatturi bħal ma huma l-ambjent minn fejn ikun ġej, sess u eta, sabiex jiġi stmat jekk, fuq il-bażi taċċirkostanzi personali ta’ l-applikant, l-atti li għalihom l-applikant kien jew jista’ jiġi espost ikun jammonta għal persekuzzjoni jew periklu serju;

    […]

    4.   Il-fatt li applikant diġa kien suġġett għal persekuzzjoni jew periklu serju jew għal theddid dirett għal din il-persekuzzjoni jew dan il-perikolu, huwa indikazzjoni serja tal-biża bir-raġun ta’ persekuzzjoni jew ir-riskju veru li jsofri periklu serju, minbarra jekk ikun hemm raġunijiet tajbin li jista’jitqies li din il-persekuzzjoni jew periklu serju ma jiġix ripetut.”

    22.

    L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, dwar atturi ta’ persekuzzjoni jew periklu serju, jipprovdi:

    “Atturi ta’ persekuzzjoni jew periklu serju jinkludu:

    (a)

    l-Istat;

    (b)

    partijiet jew organizzazzjonijiet li jikkontrollaw l-Istat jew parti sostanzjali tat-territorju ta’ l-Istat;

    (ċ)

    atturi mhux ta’ l-Istat, jekk ikun jista’ jiġi muri li l-atturi msemmija f’(a) u (b), inkluż organizzazzjonijiet internazzjonali, ma jistgħux jew ma jixtiequx jipprovdu protezzjoni kontra persekuzzjoni jew periklu serju kif definit fl-Artikolu 7.”

    23.

    L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Atturi ta’ protezzjoni”, jgħid:

    “1.   Protezzjoni tista’ tiġi provvduta minn:

    (a)

    l-Istat; jew

    (b)

    partijiet jew organizzazzjonijiet, inkluż organizzazzjonijiet internazzjonali, li jikkontrollaw l-Istat jew parti sostanzjali tat-territorju ta’ l-Istat.

    2.   Protezzjoni hija ġeneralment provvduta meta l-atturi msemmija fil-paragrafu 1 jieħdu passi raġunevoli sabiex jipprevjenu l-persekuzzjoni jew isofru minn periklu serju, fost ħwejjeġ oħra, billi joperaw sistema legali effettiva għall-kxif, prosekuzzjoni u kastig ta’ atti li jikkostitwixxu persekuzzjoni jew periklu serju, u l-applikant għandu aċċess għal din il-protezzjoni.

    […]”

    24.

    L-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva jipprovdi li:

    “1.   .Ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandu jieqaf milli jkun refuġjat, jekk huwa jew hija:

    […]

    (e)

    ma jistax aktar, minħabba li ċ-ċirkostanzi li f’konnessjoni magħhom huwa jew hija jkunu ġie magħrufa bħala refuġjat ikunu waqfu milli jeżistu, jkompli jirrifjuta milli japprofitta ruħu jew ruħha mill-protezzjoni tal-pajjiż ta’ nazzjonali[tà];

    […]

    2.   Fil-kunsiderazzjoni [tal-punti (e) tal-paragrafu 1], l-Istati Membri għandhom iqisu jekk il-bdil fiċ-ċirkostanzi huwiex ta’ natura sinifikanti u mhux temporanja li l-biża tar-refuġjat minn persekuzzjoni ma tistax tibqa’ titqies bħala bir-raġun.”

    C.   Id-dritt nazzjonali

    25.

    Id-Direttiva dwar il-kwalifika kienet trasposta fid-dritt tar-Renju Unit permezz tal-Immigration Rules ( 8 ) (ir-Regoli dwar l-Immigrazzjoni) u tar-Refugee or Person in Need of International Protection (Qualification) Regulations 2006 ( 9 ) (ir-Regoli tal-2006 dwar ir-Refuġjati u l-Persuni li Jeħtieġu Protezzjoni Internazzjonali (Kwalifiki)).

    26.

    Ir-Regoli dwar l-Immigrazzjoni rilevanti jipprovdu:

    “Revoka jew rifjut ta’ tiġdid ta’ għoti ta’ status ta’ refuġjat

    338A. L-għoti ta’ status ta’ refuġjat lil persuna skont il-paragrafu 334 għandu jiġi rrevokat jew ma jiġġeddidx jekk ikun japplika xi wieħed mill-paragrafi minn 339A sa 339AB. L-għoti ta’ status ta’ refuġjat lil persuna skont il-paragrafu 334 jista’ jiġi rrevokat jew ma jiġġeddidx jekk ikun japplika l-paragrafu 339AC.

    Il-Konvenzjoni dwar ir-Refuġjati tieqaf tapplika (waqfien)

    339A. Dan il-paragrafu japplika meta s-Segretarju tal-Istat ikun issodisfatt li wieħed jew iktar minn dan li ġej ikun japplika:

    […]

    (v) ma jkunux jistgħu iktar, minħabba li ċ-ċirkustanzi li b’rabta magħhom huma jkunu ġew irrikonoxxuti bħala refuġjati jkunu waqfu, ikomplu jirrifjutaw li jużaw il-protezzjoni tal-pajjiż tan-nazzjonalità;

    […]

    Meta jikkunsidra (v) u (vi) is-Segretarju tal-Istat għandu jqis jekk il-bdil fiċ-ċirkustanzi jkunx ta’ natura tant sinjifikattiv u mhux temporanju li l-biża’ tar-refuġjat minn persekuzzjoni ma jkunx għadu jista’ jitqies iktar bħala bir-raġun.”

    27.

    Ir-Regolament 4 tar-Regoli tal-2006 dwar ir-refuġjati u l-Persuni li Jeħtieġu Protezzjoni Internazzjonali jiddefinixxi “atturi ta’ protezzjoni” kif ġej:

    “(1)   Meta jiġi sabiex ikun deċiż jekk persuna tkunx refuġjata jew persuna eliġibbli għal protezzjoni umanitarja, protezzjoni minn persekuzzjoni jew perikolu serju tista’ tiġi pprovduta minn:

    (a)

    l-Istat; jew

    (b)

    kull parti jew organizzazzjoni inkluż kull organizzazzjoni internazzjonali, li jikkontrollaw l-Istat jew parti sostanzjali tat-territorju tal-Istat.

    (2)   Protezzjoni għandha titqies li ġeneralment tiġi pprovduta meta l-atturi msemmija fil-paragrafu 1(a) u (b) jieħdu passi raġonevoli sabiex jipprevjenu persekuzzjoni jew tbatija minn perikolu serju billi joperaw sistema legali effettiva għall-identifikazzjoni, il-prosekuzzjoni u s-sanzjoni ta’ atti li jikkostitwixxu persekuzzjoni jew perikolu serju, u meta l-persuna msemmija fil-paragrafu (1) ikollha aċċess għal tali protezzjoni.

    (3)   Meta jiġi sabiex jiddeċiedi jekk persuna tkunx refuġjata jew persuna eliġibbli għal protezzjoni umanitarja s-Segretarju tal-Istat jista’ jeżamina jekk organizzazzjoni internazzjonali tkunx tikkontrolla Stat jew parti sostanzjali tat-territorju tiegħu u tipprovdix protezzjoni kif deskritt fil-paragrafu (2).”

    II. Il-fatti fil-kawża prinċipali u t-talba għal deċiżjoni preliminari

    28.

    OA, huwa ċittadin Somalu li mar fir-Renju Unit fl-2003 b’visa bi dħul multiplu bħala l-konjugu ta’ dik li qabel kienet il-mara tiegħu li kienet ingħatat status ta’ refuġjat f’Ottubru 2001. Sussegwentement, OA ingħata status ta’ refuġjat bħala dipendenti ta’ martu dak iż-żmien. L-Upper Tribunal sabet li huwa kien membru ta’ klann minoritarju partikolari u li oriġinarjament huwa kien residenti fil-kapitali Mogadishu. Sabet ukoll li fil-bidu tas-snin disgħin kemm huwa, kif ukoll martu dak iż-żmien, kienu batew persekuzzjoni minn milizja partikolari u li t-tnejn kienu attakkati fiżikament u ġarrbu ġrieħi fi stadji varji matul is-snin disgħin. L-Upper Tribunal kompliet tgħid li kieku huwa kellu jintbagħat lura Mogadishu OA kien ikollu opportunitajiet ta’ impjieg, għalkemm dawn kienu jkunu limitati għal xogħol li kellu jkun aġġustat minħabba l-mobbiltà mnaqqsa tiegħu. Barra minn hekk, l-Upper Tribunal osserva li OA kellu xi membri tal-familja mill-qrib f’Mogadishu u li huwa seta’ jistrieħ fuqhom għal xi għajnuna finanzjarja. Ingħad li huwa seta’ jsib tali għajnuna mingħand oħtu (li, milli jidher, kienet l-aħħar magħrufa bħala bbażata f’Dubai (l-Emirati Għarab Magħquda) u minn membri msieħba tal-klann fir-Renju Unit ( 10 ).

    29.

    Fit-8 ta’ Lulju 2014 is-Segretarju tal-Istat tad-Dipartiment tal-Intern (iktar ’il quddiem l-“SSHD”) għarraf lil OA bl-intenzjoni tiegħu li jirrevoka l-istatus tiegħu ta’ refuġjat minħabba bidla fiċ-ċirkustanzi fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu.

    30.

    Fis-27 ta’ April 2016 is-SSHD ħareġ ordni ta’ deportazzjoni kontra OA Barra minn hekk, fis-27 ta’ Settembru 2016, l-SSHD irrevoka l-istatus ta’ refuġjat ta’ O. A skont l-Artikolu 1(C)(5) tal-Konvenzjoni ta’ Genève u eskludieh mill-protezzjoni umanitarja skont il-paragrafu 339D tar-Regoli dwar l-Immigrazzjoni. Fl-ittra mibgħuta minn OA fis-27 ta’ Settembru 2016, l-SSHD qalet li “baqagħlek is-sostenn mill-klann f’Mogadishu u l-ġurisprudenza ta’ gwida tal-pajjiż turi li s-sigurtà tiegħek ma tiddependix minn jekk tkunx tista’ tikseb għajnuna mill-klann ta’ maġġoranza.” L-SSHD iddeċida wkoll li r-ritorn ta’ OA fis-Somalja ma kienx jikser l-obbligi tar-Renju Unit skont l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).

    31.

    OA ppreżenta rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet. Fl-20 ta’ Lulju 2017, lir-rikors ta’ OA ġie miċħud mill-First-tier Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) (il-Qorti tal-Ewwel Istanza (Awla tal-Immigrazzjoni u tal-Ażil)) (ir-Renju Unit) (iktar ’il quddiem il-“First-Tier Tribunal”. L-Upper Tribunal annullat dik id-deċiżjoni minħabba żball materjali ta’ liġi, u bagħtet il-kawża lil membru ieħor tal-istess First-tier Tribunal. B’sentenza tat-30 ta’ Jannar 2018 il-First-tier Tribunal sabet li t-tneħħija ta’ OA lejn is-Somalja tkun qiegħda tikser l-Artikolu 3 tal-KEDB. Madankollu, l-appell ta’ OA abbażi ta’ motivi ta’ ażil ġie miċħud.

    32.

    Wara li l-SSHD ingħata permess jappella, fit-13 ta’ Novembru 2018, is-sentenza tal-First-tier Tribunal ġiet annullata mill-Upper Tribunal.

    33.

    Il-kwistjoni kollha issa qiegħda tinstema’ mill-ġdid quddiem l-Upper Tribunal.

    34.

    L-SSHD isostni li huwa kellu d-dritt, skont ir-Regoli dwar l-Immigrazzjoni u l-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva dwar il-kwalifika, u bl-applikazzjoni tal-gwida tal-pajjiż imsemmija fis-sentenzi tal-Upper Tribunal fil-kawża MOJ and others (return to Mogadishu) Somalia CG [2014] UKUT 00442 (IAC) (iktar ’il quddiem il-“kawża MOJ”), li jikkonkludi li kien hemm bidla fit-tul fiċ-ċirkustanzi fil-pajjiż tan-nazzjonalità ta’ O.A., jiġifieri li fejn huwa kien joqgħod f’Mogadishu ma kienx għad hemm persekuzzjoni ta’ klanns f’minoranza minn klanns ta’ maġġoranza, u kien hemm protezzjoni effettiva mill-Istat.

    35.

    OA jissottometti li minħabba li din kienet kawża ta’ waqfien, kien sinjifikattiv li l-opinjoni tas-SSHD kienet kontra l-evalwazzjoni mogħtija mill-Kummissarju Għoli għar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti (iktar ’il quddiem il-“UNHCR”) f’Ġunju 2014, li nnota, fir-rigward tal-kwistjoni jekk setgħetx tinkiseb il-protezzjoni tal-Istat, li s-sitwazzjoni ta’ sigurtà f’Mogadishu kienet tqajjem tħassib serju u li klanns f’minoranza jibqgħu fi żvantaġġ partikolari f’Mogadishu, fin-nofsinhar u fis-Somalja ċentrali. OA jiddikjara kemm li huwa għandu biża’ bir-raġun ta’ persekuzzjoni f’Mogadishu u li l-awtoritajiet statali f’Mogadishu ma jistgħux jipproteġuh minn tali perikolu serju. Huwa jissottometti wkoll li l-analiżi magħmula mill-Upper Tribunal fil-kawża MOJ kienet ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata dwar il-protezzjoni tal-Istat. Skont il-linji gwida tal-UNHCF dwar waqfien ( 11 ), protezzjoni tal-Istat kellha tingħata permezz tal-istruttura tal-Istat permezz ta’ azzjonijiet statali. Madankollu l-analiżi fil-kawża MOJ li ġeneralment kien hemm protezzjoni mill-Istat f’Mogadishu kienet parzjalment ibbażata fuq jekk kienx hemm sostenn u protezzjoni mill-familja u/jew minn membri msieħba fi klann. Fl-istess waqt, il-familja jew membri ta’ klann kienu atturi privati u mhux tal-Istat. Fl-evalwazzjoni ta’ jekk iċ-ċirkustanzi f’Mogadishu li kienu rrendew lir-rikorrent refuġjat (fl-2003) kinux inbidlu b’mod sinjifikattiv u fit-tul sabiex b’hekk ir-rikorrent ma setax iktar “ikompli jirrifjuta li juża l-protezzjoni tal-pajjiż ta’ nazzjonalità”, ma kienx legalment permissibbli li jitqiesu funzjonijiet protettivi mwettqa minn atturi mhux tal-Istat.

    36.

    L-Upper Tribunal qies li għas-soluzzjoni tal-proċeduri kienet meħtieġa interpretazzjoni tar-regoli nazzjonali li jimplementaw il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-kwalifika ta’ refuġjati, jiġifieri d-Direttiva dwar il-kwalifika.

    37.

    Permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Marzu 2019, l-Upper Tribunal (Londra, ir-Renju Unit) irrinvija d-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

    “(1)

    Il-“protezzjoni tal-pajjiż ta’ nazzjonalità” fis-sens tal-Artikolu 11(1)(e) u tal-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2004/83 għandha tinftiehem bħala protezzjoni tal-Istat?

    (2)

    Sabiex jiġi deċiż jekk teżistix biża’ fondata [bir-raġun] ta’ persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(e) [tad-Direttiva dwar il-kwalifika] u jekk teżistix protezzjoni minn tali persekuzzjoni skont l-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, it-“test tal-protezzjoni”, jew l-“eżami tal-protezzjoni”, għandu jiġi applikat għaż-żewġ kwistjonijiet u, jekk dan ikun il-każ, għandu jkun irregolat bl-istess kriterji f’kull każ?

    (3)

    Jekk titwarrab l-applikabbiltà ta’ protezzjoni minn atturi mhux statali taħt l-Artikolu 7(l)(b) [tad-Direttiva dwar il-kwalifika], u jekk jiġi preżunt li r-risposta għall-ewwel domanda hija fl-affermattiv, l-effettività jew id-disponibbiltà ta’ protezzjoni għandha tiġu evalwata biss b’riferiment għall-atti/funzjonijiet ta’ protezzjoni ta’ atturi statali jew jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni l-atti/funzjonijiet ta’ protezzjoni mwettqa minn atturi privati (soċjetà ċivili) bħall-familji jew klannijiet?

    (4)

    Il-kriterji li jirregolaw l-‘eżami tal-protezzjoni’ li għandu jitwettaq waqt l-analiżi tal-waqfien fil-kuntest tal-Artikolu 11(1)(e) [tad-Direttiva dwar il-kwalifika] huma (kif huwa preżunt fit-tieni u fit-tielet domanda) l-istess bħal dawk li għandhom jiġu applikati fil-kuntest tal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva?” ( 12 )

    III. Osservazzjonijiet preliminari

    38.

    Aktarx jidher mit-talba għal deċiżjoni preliminari li l-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju tirrigwarda l-waqfien tal-istatus ta’ refuġjat ta’ O. A, l-esklużjoni tiegħu mill-protezzjoni umanitarja skont il-paragrafu 339D tar-Regoli dwar l-Immigrazzjoni u jekk ir-ritorn tiegħu lejn is-Somalja jiksirx l-Artikolu 3 tal-KEDB ( 13 ) u, għalhekk, b’implikazzjoni l-Artikolu 4 u l-Artikolu 19(2) tal-Karta ( 14 ).

    39.

    Id-domandi li, madankollu, kienu rrinvijati mill-Upper Tribunal huma relatati biss mal-kwistjoni tal-waqfien ta’ status ta’ refuġjat u mhux mal-kwistjoni separata ta’ jekk OA jistax isib lilu nnifsu espost għal faqar qalil jekk jintbagħat lura s-Somalja, biex b’hekk potenzjalment jinkisru garanziji tal-Artikolu 3 KEDB u, b’estensjoni, tal-Artikolu 4 u tal-Artikolu 19(2) tal-Karta.

    40.

    Għalhekk għandu jiġi rrilevat li aktarx hemm għadd ta’ konstatazzjonijiet ta’ fatt fit-talba għal deċiżjoni preliminari li ma humiex direttament rilevanti għall-waqfien ta’ status ta’ refuġjat u għad-domandi speċifiċi magħmula. Dawn il-konstatazzjonijiet l-oħra ta’ fatt aktarx jidhru li huma relatati mal-kwistjonijiet l-oħra quddiem il-qorti tar-rinviju ( 15 ). Nipproponi, għalhekk, li nipprova nidentifika l-fatti rilevanti għad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja minn dawk li ma humiex.

    41.

    Qabel ma nqis il-kwistjonijiet speċifiċi dwar il-waqfien ta’ status ta’ refuġjat, jistgħu wkoll ikunu f’waqthom xi osservazzjonijiet preliminari oħra. L-ewwel nett, kif osservaw kemm l-Avukat Ġenerali Mazák ( 16 ), kif ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-2 ta’ Marzu 2010 fil-kawża Salahadin Abdulla et (C‑175/08, C‑176/08, C‑178/08 u C‑179/08, EU:C:2010:105, punt 52), huwa ċar mill-premessi 3, 16 u 17 tad-Direttiva 2004/83 li l-Konvenzjoni ta’ Genève tibqa’ “[i]l-cornerstone tar-reġim legali internazzjonali għall-protezzjoni ta’ refuġjati”. Barra minn hekk, id-Direttiva dwar il-kwalifika kienet adottata sabiex “[tgħin] lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri sabiex japplikaw din il-konvenzjoni abbażi ta’ kunċetti u kriterji komuni.” ( 17 )

    42.

    It-tieni nett, fejn il-kliem tad-Direttiva dwar il-kwalifika jitbiegħed minn dak tal-Konvenzjoni ta’ Genève, dawn id-dispożizzjonijiet tad-direttiva għandhom, madankollu, jiġu interpretati bl-iktar mod qrib mal-għanijiet li fuqhom hija bbażata l-Konvenzjoni ta’ Genève stess. Wara kollox, l-Artikolu 78(1) TFUE jipprovdi li l-politika komuni tal-Unjoni dwar l-ażil u l-protezzjoni sussidjarja għandhom ikunu konformi mal-Konvenzjoni ta’ Genève, u l-Artikolu 18 tal-Karta jipprovdi li d-dritt għall-ażil “għandu jkun garantit b’rispett għar-regoli tal-Konvenzjoni ta’ Genève”. Dan, min-naħa tiegħu, jimplika li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried li kull miżura leġiżlattiva, bħad-Direttiva dwar il-kwalifika, għandha tkun kemm jista’ jkun konformi kemm mal-kelma kif ukoll mal-ispirtu tal-Konvenzjoni ta’ Genève.

    43.

    It-tielet nett, kif jidher mill-premessa 10 tad-Direttiva dwar il-kwalifika, id-direttiva stess għandha tiġi interpretata b’mod li jitħarsu l-prinċipji fundamentali rikonoxxuti mill-Karta ( 18 ), inklużi r-rekwiżiti tal-Artikolu 1 tal-Karta li jipprovdi għar-rispett u għall-protezzjoni tad-dinjità tal-bniedem ( 19 ).

    IV. Analiżi tad-domandi magħmula

    A.   Fuq l-ewwel domanda: it-tifsira tal-kunċett ta’ protezzjoni tal-“pajjiż ta’ nazzjonalità” skont l-Artikolu 2(ċ) u l-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva dwar il-kwalifika

    44.

    L-ewwel domanda tirrigwarda t-tifsira tal-kunċett ta’ “protezzjoni” tal-“pajjiż ta’ nazzjonalità”, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(ċ) u mill-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva dwar il-kwalifika ( 20 ). Essenzjalment, il-kwistjoni hija jekk dawn ir-riferimenti għandhomx jinftehmu bħala li jirreferu għal protezzjoni mill-Istat ( 21 ).

    45.

    Min-naħa tiegħi naħseb li huwa ċar kemm mill-kliem stess, kif ukoll mill-kuntest ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li, bla ħsara għal eċċezzjoni importanti waħda, ir-riferiment għall-“protezzjoni tal-pajjiż ta’ nazzjonalità” huwa riferiment għall-protezzjoni tal-Istat ( 22 ) min-naħa tal-pajjiż tan-nazzjonalità tal-applikant, f’dan il-każ, is-Somalja.

    46.

    F’kull każ, huwa ċar mis-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2010, fil-kawża Salahadin Abdulla et (C‑175/08, C‑176/08, C‑178/08 u C‑179/08, EU:C:2010:105) li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jinftehmu b’dan il-mod. Għalhekk, pereżempju, fil-punti 57 sa 59 ta’ dik is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li refuġjat huwa ċittadin ta’ pajjiż terz li, “minħabba ċirkustanzi eżistenti fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, jikkonfronta l-biża’ fondata ta’ fuq persekuzzjoni eżerċitata fuqu ta’ mill-inqas għal waħda mir-raġunijiet elenkati fid-Direttiva jew fil-Konvenzjoni ta’ Genève. Fil-fatt, dawn iċ-ċirkustanzi juru li l-pajjiż terz ma jipproteġix iċ-ċittadin tiegħu minn atti ta’ persekuzzjoni. Huma r-raġuni għaliex huwa impossibbli għall-persuna kkonċernata, jew għar-rifjut iġġustifikat tagħha, li tapprofitta ruħha mill-‘protezzjoni” tal-pajjiż ta’ oriġini tagħha fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva, jiġifieri fis-sens tal-kapaċità ta’ dan il-pajjiż li jipprevjeni jew li jissanzjona atti ta’ persekuzzjoni.” ( 23 )

    47.

    Biex inkun għidt kollox irrid inżid, madankollu, li huwa neċessarjament impliċitu fid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(1)(b) u tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva dwar il-kwalifika li f’ċerti okkażjonijiet, atturi oħra barra l-Istat, bħal partijiet jew organizzazzjonijiet, jistgħu jagħtu protezzjoni meqjusa bħala ekwivalenti għal protezzjoni tal-Istat minflok l-Istat meta jitħarsu kriterji iebsin. Nipproponi li nelabora iktar dwar dan il-punt meta neżamina t-tielet domanda.

    B.   Fuq it-tieni domanda: Test ta’ protezzjoni — l-interazzjoni bejn l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva dwar il-kwalifika (definizzjoni ta’ “refuġjat” — biża’ bir-raġun ta’ persekuzzjoni) u l-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-kwalifika (id-disponibbiltà ta’ protezzjoni)

    48.

    It-tieni domanda tal-Upper Tribunal tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(ċ) u tal-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-kwalifika fil-kuntest tal-waqfien ta’ status ta’ refuġjat skont l-Artikolu 11(1)(e) ta’ din id-direttiva. Ir-risposta għal din id-domanda għandha tkun fid-dawl tal-fatt li OA, li qed jaffaċċja l-possibbiltà tal-waqfien tal-istatus tiegħu ta’ refuġjat fir-Renju Unit, jallega biża’ ta’ persekuzzjoni minn atturi mhux tal-Istat ( 24 ) u n-nuqqas ta’ protezzjoni effettiva tal-Istat fil-pajjiż ta’ nazzjonalità tiegħu.

    49.

    Essenzjalment il-qorti nazzjonali tistaqsi jekk id-disponibbiltà ta’ protezzjoni kontra persekuzzjoni, skont it-tifsira tal-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-kwalifika, tkunx evalwata biss meta jiġi eżaminat jekk ikunx hemm biża’ fondat ta’ persekuzzjoni skont l-Artikolu 2(ċ) tad-direttiva jew jekk tali “investigazzjoni dwar protezzjoni” issirx ukoll meta jiġi eżaminat jekk ikunx hemm protezzjoni kontra tali persekuzzjoni. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk il-kriterji dwar jekk ikunx hemm tali protezzjoni jkunux l-istess fiż-żewġ każijiet.

    50.

    Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jidher ċar li din id-domanda saret minħabba deċiżjonijiet diverġenti mill-qrati tar-Renju Unit dwar il-kunċett ta’ “protezzjoni” li jinsab fl-Artikolu 1A(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève u, għalhekk, b’implikazzjoni fl-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva dwar il-kwalifika ( 25 ).

    51.

    Skont wieħed mill-approċċi, ibbażat fuq is-sentenza tal-Court of Appeal (England & Wales) (il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales)), AG and Others vs Secretary of State for the Home Department [2006] EWCA Civ 1342, l-investigazzjoni dwar “protezzjoni” hemm lok li titwettaq biss “fl-istadju meta jitqies jekk ikunx hemm riskju reali ta’ perikolu serju”.

    52.

    Skont it-tieni approċċ, li ssemma fil-qosor minn Lord Hope of Craighead fil-kawża Horvath vs Secretary of State for the Home Department [2000] UKHL 37, [2001] 1 Appeal Cases 489, l-investigazzjoni dwar protezzjoni hemm lok li titwettaq f’żewġ punti differenti. Fil-kawża Horvath [2000] UKHL 37, [2001] 1 Appeals Cases 489, huwa qal li, “meta l-allegazzjoni tkun ta’ persekuzzjoni minn atturi mhux tal-Istat, jekk il-protezzjoni statali tkunx biżżejjed tkun rilevanti sabiex jitqies jekk ikunux tħarsu kull wieħed miż-żewġ testijiet — it-test ta’ ‘biża’ u t-test ta’ ‘protezzjoni’. Il-punt tat-tluq veru, ladarba l-qorti tkun issodisfatta li r-rikorrent ikollu biża’ ġenwin u bir-raġun ta’ vjolenza serja jew trattament ħażin għal raġuni tal-Konvenzjoni, huwa li jitqies jekk dak li r-rikorrent jibża’ minnu tkunx ‘persekuzzjoni’ skont it-tifsira tal-Konvenzjoni. F’dak l-istadju l-kwistjoni jekk l-Istat ikunx jista’ u jridx jagħti protezzjoni issir direttament il-qofol permezz ta’ approċċ olistiku għad-definizzjoni li hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ surroga […]” ( 26 )

    53.

    Il-qorti tar-rinviju nnotat li l-House of Lords, fil-kawża Horvath v Secretary of State for the Home Department [2000] UKHL 37, irrilevat li, sakemm il-protezzjoni ma titqisx bħala parti interdipendenti tal-kunċett ta’ persekuzzjoni, ikun possibbli li persuni jikkwalifikaw bħala refuġjati sempliċement billi juru biża’ bir-raġun ta’ perikolu serju, anki jekk ikunu protetti b’mod sħiħ kontriha. Dan jikser il-prinċipju ta’ surroga ( 27 ).

    54.

    Wieħed jista’, fil-fehma tiegħi, aktarx jikkumplika żżejjed analiżi li finalment tirrigwarda kunċett wieħed li, għaldaqstant, japplika kriterji identiċi fil-kuntest tal-applikazzjoni kemm tal-Artikolu 2(ċ) kif ukoll tal-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-kwalifika u, tabilħaqq, imbagħad, tal-Artikolu 11(1)(e) ta’ din id-direttiva ( 28 ).

    55.

    Fl-eżami ta’ kull applikazzjoni għal status ta’ refuġjat, id-domanda għandha dejjem tkun jekk applikant ikunx stabbilixxa biża’ bir-raġun ta’ persekuzzjoni skont l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva dwar il-kwalifika. L-użu tal-frażi biża’ “bir-raġun” fid-definizzjoni ta’ “refuġjat” tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva dwar il-kwalifika jitlob, inter alia, analiżi dwar jekk il-kundizzjonijiet fil-pajjiż ta’ nazzjonalità jew ta’ oriġini tal-applikant ikunux tali li oġġettivament jiġġustifikaw il-biża’ tal-applikant minn persekuzzjoni.

    56.

    Dan it-test neċessarjament jitlob, fil-fehma tiegħi, eżami oġġettiv dwar jekk ikunx hemm jew le protezzjoni fil-pajjiż ta’ nazzjonalità tal-applikant minn atturi ta’ protezzjoni, kif iddefiniti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-kwalifika, kontra persekuzzjoni ( 29 ) u jekk l-applikant ikollux aċċess għal dik il-protezzjoni ( 30 ).

    57.

    Għalhekk, essenzjalment naqbel mal-osservazzjoni tal-Kummissjoni ( 31 ) li status ta’ refuġjat għandu jiġi ddeterminat b’riferiment għal test ta’ protezzjoni wieħed li jkun jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-kwalifika. Madankollu nenfasizza li għandu jkun hemm protezzjoni fil-pajjiż ta’ nazzjonalità kontra l-atturi kollha ta’ persekuzzjoni, skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-kwalifika ( 32 ).

    58.

    Għalkemm ma teżistix, strettament, definizzjoni formali ta’ “protezzjoni” fl-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar il-kwalifika, protezzjoni hija fil-fatt deskritta fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva dwar il-kwalifika. Dan iseħħ meta l-atturi ta’ protezzjoni msemmija fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva dwar il-kwalifika, jieħdu “passi raġonevoli biex jipprevjenu persekuzzjoni […],billi joperaw sistema legali effettiva għall-kxif, il-prosekuzzjoni u l-kastig ta’ atti li jikkostitwixxu persekuzzjoni […] ( 33 )” u meta l-applikant “ikoll[u] aċċess għal tali protezzjoni.” ( 34 )

    59.

    B’hekk, il-ħtieġa li jibqa’ jkun hemm protezzjoni internazzjonali (status ta’ refuġjat) f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija ddeterminata, fost ħwejjwġ oħra, mill-ħila jew xort’oħra ta’ attur ta’ protezzjoni li jieħu passi raġonevoli sabiex ma jħallix ikun hemm il-persekuzzjoni tal-applikant minn atturi mhux tal-Istat billi, fost ħwejjeħ oħra, jopera sistema legali effettiva għall-kxif, il-prosekuzzjoni u l-kastig ta’ atti minn, fost l-oħrajn, atturi mhux tal-Istat ( 35 ).

    60.

    Jekk, għal kwalunkwe raġuni, atturi ta’ protezzjoni jonqsu jew mod ieħor ma jkunux jistgħu jieħdu tali miżuri raġonevoli sabiex ma jħallux issir il-persekuzzjoni tal-applikant, allura l-applikant ikun, bħala prinċipju, intitolat għal status ta’ refuġjat ( 36 ).

    61.

    Għalhekk inqis li sabiex ikun aċċertat jekk persuna jkollhiex biża’ bir-raġun minn persekuzzjoni skont l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva dwar il-kwalifika minn atturi mhux tal-Istat, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni d-disponibbiltà ta’ “protezzjoni” kif deskritta fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva dwar il-kwalifika minn atturi ta’ protezzjoni. Għandha ssir l-istess analiżi fir-rigward tal-waqfien ta’ status ta’ refuġjat skont l-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva dwar il-kwalifika.

    C.   Fuq it-tielet domanda: l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ protezzjoni mill-“Istat” tal-Artikolu 7(1)(a) tad-Direttiva dwar il-kwalifika – Inklużjoni ta’ atti protettivi minn klanns/familji

    62.

    Il-kwistjoni li tqajmet mit-tielet domanda hija l-qofol ta’ dan ir-rinviju. Hija din: jekk “protezzjoni tal-pajjiż ta’ nazzjonali[tà]” skont it-tifsira tal-Artikolu 11(1)(e) u tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva dwar il-kwalifika tirreferi għal protezzjoni mill-Istat skont l-Artikolu 7(1)(a) tad-Direttiva dwar il-kwalifika, tista’ protezzjoni bħal din tinkludi wkoll atti jew funzjonijiet protettivi mwettqa minn persuni purament privati, bħal familji u/jew klanns li jkunu jistgħu joffru protezzjoni lill-applikant?

    63.

    Il-konstatazzjonijiet ta’ fatt magħmula mill-Upper Tribunal jassumu ċerta rilevanza f’dan il-kuntest. L-Upper Tribunal irrileva li fir-rigward tal-“kundizzjonijiet tal-pajjiż f’Mogadishu, iż-żewġ partijiet kienu sodisfatti jistrieħu fuq il-konstatazzjonijiet magħmula mill-Upper Tribunal fil-kawża MOJ” ( 37 ). Il-konstatazzjonijiet rilevanti fil-kawża MOJ kienu, inter alia, kif ġej:

    “(ii)

    Ġeneralment persuna li tkun ‘pajżan ordinarju’ (jiġifieri ma jkollhiex x’taqsam mal-forzi tas-sigurtà); kull aspett ta’ gvern jew amministrazzjoni uffiċjali jew kull NGO jew organizzazzjoni internazzjonali) malli tmur lura Mogadishu wara perijodu ta’ assenza ma tiffaċċjax riskju reali ta’ persekuzzjoni jew riskju ta’ dannu tali li jkun jeħtiġilha protezzjoni skont l-Artikolu 3 tal-KEDB jew l-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva dwar il-kwalifika […]

    (vii)

    Persuna li tmur lura Mogadishu wara perijodu ta’ assenza tfittex il-familja nukleari tagħha, jekk hija jkollha waħda tgħix fil-belt, għal għajnuna sabiex terġa’ tistabbilixxi lilha nnifisha u tikseb għajxien. Minkejja li min imur lura jista’ wkoll ifittex għajnuna mingħand il-membri tal-klann tiegħu li ma jkunux jiġu minnu mill-qrib, tali għajnuna aktarx li tkun tista’ tiġi biss minn membri ta’ klanns f’maġġoranza, peress li klanns f’minoranza ftit ikollhom x’joffru.

    (viii)

    Is-sinjifikat tas-sħubija fi klanns f’Mogadishu nbidel. Klanns illum jipprovdu, potenzjalment, mekkaniżmi ta’ għajnuna soċjali u jgħinu sabiex wieħed jikseb għajxien, u jaqdu inqas il-funzjoni ta’ protezzjoni minn qabel. Ma hemmx milizji ta’ klanns f’Mogadishu, ebda vjolenza minn klanns u ebda trattament diskriminatorju abbażi ta’ klanns, anki għall-membri ta’ klanns f’minoranza.

    […]

    (xi)

    Għalhekk, ikunu biss dawk mingħajr klann jew sostenn familjari li ma jirċevux ħlasijiet minn barra l-pajjiż u li ma jkunux jistgħu jipprospettaw li jiksbu aċċess għal għajxien malli jmorru lura li jkollhom iħabbtu wiċċhom mal-possibbiltà li jgħixu f’ċirkustanzi inqas minn dawk aċċettabbli f’termini ta’ protezzjoni umanitarja.

    (xii)

    Il-provi juru b’mod ċar li ma humiex biss dawk li joriġinaw minn Mogadishu li llum jistgħu ġeneralment imorru lura sabiex jgħixu fil-belt mingħajr ma jkunu suġġetti għal riskju previst fl-Artikolu 15(ċ) jew jaffaċċjaw riskju reali ta’ destituzzjoni. Għall-kuntrarju, rilokazzjoni f’Mogadishu għal persuna ta’ klann ta’ minoranza li ma jkollha ebda rabta preċedenti mal-belt, mingħajr aċċess għal fondi u ebda forma oħra ta’ klann, ta’ għajnuna familjari jew soċjali, x’aktarx ma hijiex realistika, peress li meta ma jkunx hemm mezzi sabiex wieħed jistabbilixxi daru u xi forma ta’ sostenn finanzjarju kontinwu, ikun hemm riskju reali li ma jkun hemm ebda alternattiva ħlief li wieħed jgħix f’akkomodazzjoni ta’ malajr f’kamp IDP fejn ikun hemm possibbiltà reali li wieħed ikollu jgħix f’kundizzjonijiet ta’ standards umanitarji inferjuri inaċċettabbli.” ( 38 )

    64.

    Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari l-Upper Tribunal irrilevat li s-sentenza ta’ qabel fil-kawża MOJ kienet tippreżumi li “għalkemm il-protezzjoni rilevanti għandha tkun ta’ natura statali, l-eżami tal-effikaċja ta’ din il-protezzjoni jeħtieġ teħid inkunsiderazzjoni tal-funzjonijiet ta’ protezzjoni f’tifsira wiesgħa sabiex jiġu inklużi dawk imwettqa minn familji u klanns.” Metodu simili jidher li huwa adottat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“QEDB”) fil-kawża RH vs L-Isvezja (Rikors nru 4601/01), tal-10 ta’ Settembru 2015, punt 73 [ ( 39 )] dwar il-kunċett ta’ protezzjoni kontra trattament ħażin imsemmi fl-Artikolu 3 tal-KEDB. Għaldaqstant, hemm nuqqas ta’ ċarezza dwar it-tifsira tal-kelma ‘protezzjoni’ tal-Artikolu 11(1)(e) u tal-Artikolu 2([c]) tad-Direttiva dwar il-kwalifika” ( 40 ).

    65.

    Filwaqt li mmur lura issa għall-fatti ta’ din il-kawża, kif diġà osservajt, l-Upper Tribunal ikkonstatat ukoll li O. A kellu xi qraba f’Mogadishu u li seta’ jistrieħ fuqhom għal xi għajnuna finanzjarja. Huwa seta’ wkoll jitlob din l-għajnuna mingħand oħtu (li jidher li toqgħod fl-Emirati Għarab Magħquda) u mingħand membri msieħba tal-klann fir-Renju Unit.

    66.

    Jidher impliċitu fit-talba għal deċiżjoni preliminari — minkejja li ma hemmx konstatazzjoni espliċita f’dan is-sens — li l-Upper Tribunal ikkunsidrat li d-disponibbiltà ta’ struttura ta’ għajnuna tal-klann jew tal-familja kellha tipprovdi lil O. A bi struttura ta’ għajnuna li tammonta għal forma alternattiva ta’ protezzjoni, għalkemm jidher li din kienet tkun permezz ta’ sostenn finanzjarju u sostenn ieħor prattiku, milli sostenn intiż sabiex jipproteġi s-sigurtà personali tiegħu stess.

    67.

    F’dan il-kuntest il-kwistjoni verament issarraf f’jekk l-allegata disponibbiltà ta’ dan is-sostenn finanzjarju u sostenn ieħor prattiku minn persuni privati tissodisfax, għall-inqas parzjalment, ir-rekwiżiti tal-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-kwalifika f’dak li jkollu x’jaqsam ma’ kull investigazzjoni dwar protezzjoni. Fil-fehma tiegħi huwa ċar, kemm mill-kliem kif ukoll mill-kuntest ġenerali tal-Artikolu 7, li dan ma huwiex il-każ.

    68.

    L-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva dwar il-kwalifika jgħid li protezzjoni tista’ tingħata jew mill-Istat jew minn “partijiet jew organizzazzjonijiet, inkluż organizzazzjonijiet internazzjonali, li jikkontrollaw l-Istat jew parti sostanzjali tat-territorju ta’ l-Istat.”

    69.

    Għalhekk huwa ċar mill-kliem tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva dwar il-kwalifika li l-partijiet jew l-organizzazzjonijiet inkwistjoni għandhom jikkontrollaw l-Istat jew parti sostanzjali ta’ dak l-Istat. L-Artikolu 7(2) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika jitlob ukoll li dawn il-partijiet jew l-organizzazzjonijiet għandhom ukoll jieħdu miżuri raġonevoli sabiex jipprovdu protezzjoni minn persekuzzjoni jew dannu serju billi “joperaw sistema legali effettiva għall-kxif, prosekuzzjoni u kastig ta’ atti li jikkostitwixxu persekuzzjoni jew periklu serju.”

    70.

    Dan kollu jfisser li dawn il-partijiet jew l-organizzazzjonijiet għandhom ifittxu li jeżerċitaw jew li jikkopjaw is-sovranità tal-Istat (jew xi ħaġa simili) fir-rigward tal-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant peress li dan huwa dak li neċessarjament ifisser u jimplika r-riferiment għal “li jikkontrollaw l-Istat” tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva dwar il-kwalifika. B’mod speċifiku dawk il-partijiet jew organizzazzjonijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jipprovdu sistema ta’ għassa mill-pulizija u ġustizzja bbażata fuq id-dinjità tal-bniedem u l-istat tad-dritt sabiex tinqabad mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali Mazák fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Salahadin Abdulla et (C‑175/08, C‑176/08, C‑178/08 u C‑179/08, EU:C:2009:551), dawn ir-rekwiżiti leġiżlattivi “jipprevedu l-preżenza ta’ attur ta’ protezzjoni li għandu l-awtorità, l-istruttura organizzativa u l-mezzi, inter alia, sabiex iżomm livell minimu ta’ ordni pubbliku fil-pajjiż taċ-ċittadinanza tar-refuġjat.” ( 41 )

    71.

    Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu u fis-seduta tas-27 ta’ Frar 2020 il-Gvern Franċiż irrefera għal sentenza ewlenija tal-Cour nationale du droit d’asile (iċ-CNDA) tat-3 ta’ Mejju 2016, Nru 15033525. Fil-punt 4 ta’ dik is-sentenza ċ-CNDA ddeċidiet li, “meta jkun stabbilit li ma jkunx hemm protezzjoni tal-Istat, ċerti awtoritajiet oħra, iddefiniti b’mod eżawrenti fl-Artikolu L. 713–2 (tal-Kodiċi ta’ Dħul u Residenza ta’ Ċittadini Barranin u d-Dritt ta’ Ażil) ( 42 ) jistgħu joffru protezzjoni li dak l-Istat ma jkunx jista’ jagħti fit-territorju tiegħu stess; fost dawk l-awtoritajiet, l-organizzazzjonijiet li jikkontrollaw parti sostanzjali tat-territorju ta’ Stat huma dawk li jkollhom strutturi istituzzjonali stabbli li jippermettulhom jeżerċitaw kontroll ċivili u armat esklużiv u kontinwu fuq it-territorju delimitat li fih l-Istat ma jkunx għadu jaqdi l-obbligi jew jeżerċita l-awtorità tas-sovranità tiegħu; ladarba dawn l-elementi kostituttivi jkunu tħarsu, u bil-kundizzjoni li din l-organizzazzjoni ma twettaqx hija stess il-persekuzzjoni allegata, għandu jiġi ddeterminat jekk il-protezzjoni ta’ sostituzzjoni offruta minn din l-organizzazzjoni tkunx, għall-persuna konċernata, aċċessibbli, effettiva u mhux temporanja.” ( 43 )

    72.

    Fil-fehma tiegħi jkun diffiċli tittejjeb din is-silta tas-sentenza taċ-CNDA li fi ftit kliem tiġbor il-qofol tal-Artikolu 7(1)(b). Min-naħa tiegħi nqis li tirrappreżenta korrettament il-pożizzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kif tinsab fl-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-kwalifika u, tabilħaqq, l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li diġà ngħatat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2010, Salahadin Abdulla et (C‑175/08, C‑176/08, C‑178/08 u C‑179/08, EU:C:2010:105).

    73.

    F’dak li jirrigwarda din il-kawża, fil-fehma tiegħi, ma huwiex neċessarju li wieħed ikun iktar speċifiku minn dan għaliex tabilħaqq ma hemm xejn fit-talba għal deċiżjoni preliminari li jissuġġerixxi li jew l-istruttura ta’ sostenn familjari jew is-sistema ta’ klann fis-Somalja, u b’mod iktar speċifiku f’Mogadishu, jistgħu anki remotament iħarsu dan ir-rekwiżit, għalkemm finalment din hija kwistjoni li għandha tiġi vverifikata mill-qorti nazzjonali.

    74.

    Madankollu, anki jekk il-konstatazzjonijiet ġenerali preċedenti tal-Upper Tribunal fil-kawża MOJ (li kienu adottati mill-Upper Tribunal għall-finijiet ta’ din il-kawża) u l-konstatazzjonijiet speċifiċi fir-rigward ta’ OA f’din il-kawża jitqiesu fuq l-ogħla livell tagħhom, il-provi juru biss li s-sistema ta’ klann f’Mogadishu toffri struttura ta’ sostenn soċjali informali — għalkemm mingħajr dubju importanti. Kif irrilevat l-Upper Tribunal, OA seta’ wkoll raġonevolment jistrieħ fuq membri tal-familja (u forsi wkoll fuq il-klann tiegħu) għal xi għajnuna finanzjarja fil-każ li huwa kellu jintbagħat lura hemmhekk. Dawn il-konstatazzjonijiet jisiltu r-risposti li ġejjin.

    75.

    L-ewwel nett, id-disponibbiltà ta’ din l-għajnuna finanzjarja ma hijiex direttament rilevanti fil-kuntest tal-waqfien ta’ status ta’ refuġjat. Kif diġà indikajt, dan ikun, madankollu, rilevanti għall-kwistjoni kompletament distinta dwar jekk id-deportazzjoni lejn is-Somalja ta’ persuna li qabel kienet refuġjata tesponix lil din il-persuna għal riskju reali ta’ faqar materjali estrem u qalil, u għalhekk bi ksur tal-garanziji dwar trattament inuman jew degradanti previsti fl-Artikolu 3 KEDB u, b’estensjoni, fl-Artikolu 4 tal-Karta. Din, nissuġġerixxi, hija l-ispjegazzjoni vera ta’ deċiżjonijiet, bħal RH vs L-Isvezja ( 44 ) li l-Upper Tribunal għamlet riferiment għaliha, li d-dettalji tagħha ser inqis dalwaqt.

    76.

    It-tieni nett, ma hemm assolutament xejn hawn f’dawn il-konstatazzjonijiet ta’ fatt li jissuġġerixxi li din is-sistema ta’ għajnuna ta’ klann u mill-familja tikkontrolla s-Somalja jew xi parti mit-territorju ta’ dak l-Istat bil-mod kif maħsub fl-Artikolu 7(1)(b). Lanqas ma huwa ssuġġerit li dawn l-atturi privati jfittxu li jħaddmu sistema kważi tal-pulizija u tal-ġustizzja bbażata fuq id-dinjità tal-bniedem u l-istat tad-dritt jew anki li jippruvaw joffru tali sistema ta’ pulizija u ta’ ġustizzja.

    77.

    Kunsiderazzjoni oħra hawnhekk hija li l-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika jitbiegħed mill-kliem stess tal-Konvenzjoni ta’ Genève sa fejn jipprevedi li l-protezzjoni tista’ tingħata minn atturi mhux tal-Istat, inklużi organizzazzjonijiet internazzjonali. Filwaqt li l-ġie argumentat bil-qawwi ħafna li f’dan ir-rigward l-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva dwar il-kwalifika huwa fil-fatt inkonsistenti ma’ dak li tgħid il-Konvenzjoni ta’ Genève ( 45 ), forsi jkun biżżejjed jingħad għall-finijiet ta’ din il-kawża li b’dan il-mod il-leġiżlatur tal-Unjoni probabbilment kien qiegħed ifittex li jieħu inkunsiderazzjoni l-esperjenza attwali sa mid-dħul fis-seħħ ta’ din il-konvenzjoni ħafna għexiren ta’ snin ilu fit-22 ta’ April 1954. Dan jinkludi intervent umanitarju min-Nazzjonijiet Uniti, intervent f’ċerti Stati b’forzi militari multinazzjonali u l-fenomenu ta’ Stati “falluti”, fejn l-apparat ġenerali tal-Istat tradizzjonali jkun sempliċement waqaf jeżisti b’kull mod li jagħmel sens. Dawn l-iżviluppi ma jidhirx li kienu mistennija minn min abbozza l-Konvenzjoni ta’ Genève fejn l-eżistenza ta’ protezzjoni kienet imsejjsa fuq apparat li jiffunzjona tal-Istat.

    78.

    Għar-raġunijiet kollha li għadni kif semmejt, jidhirli li għandu jiġi preżunt li anki meta tbiegħed mill-kliem infushom tal-Konvenzjoni ta’ Genève b’dan il-mod il-leġiżlatur tal-Unjoni ried li l-għanijiet bażiċi tal-Konvenzjoni ta’ Genève kellhom, madankollu, jitħarsu. Isegwi, għalhekk, li l-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva dwar il-kwalifika għandu jkun interpretat fid-dawl ta’ dan il-prinċipju bażiku. Il-protezzjoni prevista mill-Konvenzjoni ta’ Genève hija fundamentalment, fil-qofol tagħha, il-protezzjoni tradizzjonali offruta minn Stat, jiġifieri sistema legali u ta’ għassa mill-pulizija bbażata fuq l-istat tad-dritt.

    79.

    Dan kollu jsaħħaħ il-konklużjoni li l-protezzjoni mhux tal-Istat prevista mill-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva dwar il-kwalifika ma hijiex sempliċement il-protezzjoni li tista’ tkun offruta minn partijiet purament privati — bħal, pereżempju, dik minn ditta privata ta’ sigurtà li tgħasses kumpless sekluż ( 46 ) – iżda pjuttost hija dik offruta minn atturi mhux tal-Istat li jikkontrollaw l-Istat kollu jew parti sostanzjali mit-territorju ta’ Stat u li wkoll ikunu fittxew li jirriproduċu funzjonijiet tradizzjonali tal-Istat billi jipprovdu jew isostnu sistema legali u ta’ għassa mill-pulizija li tiffunzjona bbażata fuq l-istat tad-dritt. Fi kliem ieħor, l-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva dwar il-kwalifika għandu, għalhekk, jitqies essenzjalment bħala dispożizzjioni supplimentari u eċċezzjonali li tqis l-esperjenza kontemporanja li diġà tkellimt dwarha fejn, eċċezzjonalment, il-pajjiż ta’ nazzjonalità jkun ikkontrollat kompletament jew parzjalment minn atturi mhux tal-Istat li essenzjalment ifittxu li jirriproduċu s-sistemi legali u ta’ għassa mill-pulizija tal-apparat tradizzjonali tal-Istat.

    1. Id-deċiżjoni tal-QEDB fil-kawża R.H. vs L-Isvezja

    80.

    Sabiex wasalt għal din il-konklużjoni ma nsejtx is-sentenza mogħtija mill-QEDB fil-kawża RH vs L-Isvezja ( 47 ) li l-Upper Tribunal għamlet riferiment għaliha u li l-partijiet ukoll irreferew għaliha fis-seduta. Kif dik is-sentenza stess tirrikonoxxi, din kienet tassew sentenza bbażata fuq il-fatti ta’ dak il-każ partikolari. F’dik is-sentenza l-QEDB eżaminat it-talbiet ta’ rikorrenti li sostniet li d-drittijiet tagħha li jirriżultaw mill-Artikolu 3 KEDB kienu jinkisru jekk hija kellha tintbagħat lura lejn Mogadishu. Il-QEDB iddeċidiet li d-deportazzjoni ta’ R. H., li l-applikazzjoni tagħha għall-ażil kienet preċedentement ġiet miċħuda, lejn is-Somalja (u, speċifikatament lejn Mogadishu) ma kinitx tikser il-projbizzjoni kontra t-tortura jew it-trattament inuman jew degradanti tal-Artikolu 3 KEDB ( 48 ).

    81.

    Dwar dan ir-rikorrenti sostniet li, jekk l-ordni ta’ espulsjoni kontriha tkun eżegwita, hija kien ikollha tiffaċċja riskju reali li jew tinqatel miz-zijiet irġiel tagħha minħabba li hija kienet irrifjutat tagħti l-kunsens tagħha għal żwieġ furzat qabel ma ħarbet mis-Somalja jew li kienet tkun imġiegħla għal darb’oħra tiżżewweġ kontra r-rieda tagħha malli tmur lura. Hija qalet ukoll li s-sitwazzjoni ġenerali fis-Somalja kienet ħarxa ħafna għan-nisa, b’mod partikolari għal dawk li ma kellhomx sistema ta’ protezzjoni maskili. Konsegwentement, hija kienet tieħu r-riskju li tgħix waħedha f’kamp tar-refuġjati li kien jesponiha għal perikolu serju ( 49 ). Il-QEDB l-ewwel ikkonstatat li ma kien hemm xejn x’juri li s-sitwazzjoni f’Mogadishu kienet tali li tqiegħed lil kull min ikun fil-belt f’riskju reali ta’ trattament kontra l-Artikolu 3 KEDB. Imbagħad il-QEDB eżaminat iċ-ċirkustanzi personali tar-rikorrenti malli tmur lura. It-talba tagħha kienet miċħuda abbażi tal-fatti, bil-Qorti tgħid:

    “73.   Kollox ma’ kollox, il-Qorti tqis li hemm inkonsistenzi sinjifikattivi fis-sottomissjonijiet tar-rikorrenti. Dak li tgħid dwar l-esperjenzi personali tagħha u l-perikli li tiffaċċja malli tmur lura ma sarux b’mod plawsibbli. Għaldaqstant, ma hemmx bażi sabiex jiġi kkonstatat li hija kienet ser tmur lura Mogadishu bħala mara waħedha bir-riskji li tali sitwazzjoni ġġib magħha. B’rabta ma’ dan il-Qorti tirrileva li r-rikorrenti kienet mgħarrfa bil-mewt ta’ missierha fl-2010 u ta’ ommha fl-2011, li kien juri li hija kienet żammet kuntatti f’Mogadishu. Barra minn hekk, hija għandha l-familja tgħix fil-belt, inkluż ħuha u zijiet. Għalhekk, hija għandha titqies li għandha aċċess kemm għal sostenn tal-familja kif ukoll għal sistema ta’ protezzjoni maskili. Barra minn hekk, ma ntweriex li r-rikorrenti jkollha tirrikorri tgħix f’kamp għal refuġjati u IDPs.

    74.   Konsegwentement, filwaqt li hija konxja tas-sitwazzjoni diffiċli tan-nisa fis-Somalja, inkluż f’Mogadishu, il-Qorti ma tistax tikkonstata, f’dan il-każ partikolari, li r-rikorrenti għandha ssib ma’ wiċċha riskju reali ta’ trattament li jmur kontra l-Artikolu 3 [KEDB] jekk tintbagħat lura lejn dik il-belt. Għalhekk, id-deportazzjoni tagħha lejn Mogadishu ma twassalx għal ksur ta’ din id-dispożizzjoni.”

    82.

    Għalkemm huwa minnu li l-fatt li kien hemm struttura ta’ sostenn mill-familja kien element li sa ċertu punt influwenza l-konklużjonijiet tal-Qorti li r-rikorrenti ma kinitx ser tiffaċċja riskju ta’ trattament li jmur kontra l-Artikolu 3 KEDB jekk tintbagħat lura lejn Mogadishu, ma jistax jingħad li, partikolarment, f’dan ir-rigward, is-sentenza fil-kawża R. H. vs L-Isvezja artikulat prinċipju usa’. Dan jirriżulta wkoll b’mod ċar mill-fatt li l-qorti sabet li d-dikjarazzjonijiet tagħha ma kinux ta’ min joqgħod fuqhom ( 50 ). Donnu jidher li l-provi dwar rabtiet familjari u għajnuna prattika f’Mogadishu u fi bnadi oħra li ssemmew mill-QEDB kienu intiżi sabiex jixħtu dubju dwar kemm kienu minnhom id-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti.

    83.

    Anki li kieku kien mod ieħor, għandu jitfakkar li t-test ta’ protezzjoni previst mill-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva dwar il-kwalifika huwa wieħed kompletament differenti mit-test li jipprojbixxi li persuna tintbagħat lejn Stat fejn ikun hemm riskju serju ta’ trattament inuman jew degradanti skont l-Artikolu 3 KEDB jew, wara kollox, għall-finijiet tal-Artikolu 4 u tal-Artikolu 19(2) tal-Karta. Konsegwentement, ma naħsibx li s-sentenza hija ta’ għajnuna kbira f’dak li jirrigwarda d-domandi speċifiċi magħmula mill-qorti tar-rinviju dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva dwar il-kwalifika.

    84.

    Għalhekk inqis li, skont l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva dwar il-kwalifika, tista’ tingħata “protezzjoni” mill-Istat jew, alternattivament, minn atturi mhux tal-Istat li jikkontrollaw l-Istat kollu jew parti sostanzjali minnu u li jkunu wkoll ippruvaw jirriproduċu funzjonijiet statali tradizzjonali billi jipprovdu jew isostnu sistema legali u ta’ għassa mill-pulizija bbażata fuq l-istat tad-dritt. Is-sempliċi għajnuna finanzjarja u/jew materjali mogħtija minn atturi mhux tal-Istat tkun inferjuri mil-livell ta’ protezzjoni previst mill-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-kwalifika.

    D.   Fuq ir-raba’ domanda: L-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva dwar il-kwalifika

    85.

    L-aħħar domanda hija dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva dwar il-kwalifika li jittratta l-waqfien ta’ status ta’ refuġjat u, b’mod speċifiku, dwar jekk ir-riferiment fl-Artikolu 11(1)(e) għall-“protezzjoni tal-pajjiż ta’ nazzjonali[tà]” jimplikax li kull investigazzjoni dwar in-natura tal-protezzjoni disponibbli f’dak il-pajjiż fil-kuntest ta’ deċiżjoni ta’ waqfien tkun, essenzjalment, l-istess sa fejn jirrigwarda l-għoti ta’ tali status previst fl-Artikolu 7.

    86.

    L-Artikolu 11(1) huwa dwar iċ-ċirkustanzi li fihom ċittadin ta’ pajjiż terz ma jibqax refuġjat. F’partijiet rilevanti jgħid dan li ġej:

    “Ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr għandu jieqaf milli jkun refuġjat, jekk huwa jew hija:

    […]

    (e)

    ma jistax aktar, minħabba li ċ-ċirkostanzi li f’konnessjoni magħhom huwa jew hija jkunu ġie magħrufa bħala refuġjat ikunu waqfu milli jeżistu, jkompli jirrifjuta milli japprofitta ruħu jew ruħha mill-protezzjoni tal-pajjiż ta’ nazzjonali[tà] […]”

    87.

    Dwar dan, l-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva dwar il-kwalifika jirriproduċi kważi testwalment id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1C(5) tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Din l-aħħar dispożizzjoni tipprovdi wkoll il-kundizzjonijiet li għandhom jitħarsu malli jintemm jew jitwaqqaf status ta’ refuġjat.

    “Din il-konvenzjoni ma tibqax tapplika fir-rigward ta’ kull persuna li taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet imsemmija fis-Sezzjoni A msemmija iktar ’il fuq:

    […]

    (5)   Jekk, minħabba li ċ-ċirkustanzi li bihom hija tkun ġiet irrikonoxxuta bħala refuġjat ikunu waqfu milli jeżistu, hija ma tkunx tista’ tkompli tirrifjuta milli tgawdi mill-protezzjoni tal-pajjiż ta’ nazzjonalità tagħha

    […]”

    88.

    Huwa ċar mill-kliem tal-Konvenzjoni ta’ Genève u – b’mod kritiku, għall-finijiet ta’ dan il-każ – tad-Direttiva dwar il-kwalifika, li kemm l-għoti kif ukoll il-waqfien ta’ status ta’ refuġjat jiddependu mill-kwistjoni ta’ neċessità. Hekk kif applikant li jista’ jindika biża bir-raġun ta’ persekuzzjoni huwa intitolat għal status ta’ refuġjat, l-oppost huwa wkoll il-każ. Jekk iċ-ċirkustanzi li jagħtu lok għall-ħtieġa ta’ protezzjoni internazzjonali u l-għoti ta’ status ta’ refuġjat inbidlu biżżejjed b’tali mod li l-protezzjoni internazzjonali ma tkunx għadha meħtieġa, allura, bħala prinċipju, l-istatus ta’ refuġjat ikun jista’ jitwaqqaf ( 51 ).

    89.

    Kif jipprovdi l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva dwar il-kwalifika, il-bidla fiċ-ċirkustanzi għandha, ċertament, tkun ta’ “natura sinifikanti u mhux temporanja” u, kif il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat fil-punt 73 tas-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2010, fil-kawża Salahadin Abdulla et (C‑175/08, C‑176/08, C‑178/08 u C‑179/08, EU:C:2010:105), dan ifisser, imbagħad, li dan iseħħ biss “meta l-fatturi li abbażi tagħhom il-beżgħat tar-refuġjat li jiġi ppersegwitat jistgħu jitqiesu li ġew eliminati b’mod dewmieni”. Dan kollu jfisser li l-Istati Membri għandhom jittrattaw il-kwistjoni ta’ waqfien ta’ status ta’ refuġjat b’ċerta kawtela, billi jagħtu, meta jkun meħtieġ, lill-persuna li jkollha status ta’ refuġjat il-benefiċċju tad-dubju. Madankollu, meta, fi kliem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-riskji ta’ persekuzzjoni jkunu jistgħu jitqiesu li jkunu “ġew eliminati b’mod dewmieni”, imbagħad l-istatus ta’ refuġjat jista’ jiġi rrevokat.

    90.

    Madankollu, jibqa’ l-punt bażiku: il-protezzjoni internazzjonali tingħata u titwaqqaf, essenzjalment, b’mod simetriku. Huwa preċiżament dan il-punt li jirriżulta b’mod ċar mill-punti 65 sa 70 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Marzu 2010, Salahadin Abdulla et (C‑175/08, C‑176/08, C‑178/08 u C‑179/08, EU:C:2010:105), li huma fformulati kif ġej:

    “L-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva, l-istess bħall-Artikolu 1C(5) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, jipprovdi t-telf tal-kwalità ta’ refuġjat meta ċ-ċirkustanzi li f’konnesjoni magħhom ikunu ngħataw din il-kwalità jkunu waqfu milli jeżistu jew, fi kliem ieħor, meta l-kundizzjonijiet tal-għoti tal-istatus ta’ refuġjat ma għadhomx sodisfatti.

    Meta jipprovdi li l-imsemmija ċirkustanzi ‘jkunu waqfu milli jeżistu’, iċ-ċittadin ‘ma jistax aktar […] jkompli jirrifjuta milli japprofitta ruħu jew ruħha mill-protezzjoni tal-pajjiż ta’ nazzjonali[tà]’, l-imsemmija dispożizzjoni tistabbilixxi, permezz tal-formulazzjoni tagħha, rabta kawżali bejn il-bdil fiċ-ċirkustanzi u l-impossibbiltà għall-persuna kkonċernata li tkompli ssostni r-rifjut tagħha u għaldaqstant iżżomm l-istatus ta’ refuġjat tagħha, peress li l-biża oriġinarja tagħha li tiġi ppersegwitata ma tirriżultax li għadha fondata.

    Meta jipprovdi li ċ-ċittadin ‘ma jistax aktar […] jkompli jirrifjuta’ milli japprofitta ruħu jew ruħha mill-protezzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini, [l-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva] jimplika li l-“protezzjoni”inkwistjoni hija l-istess bħal dik li sa dak il-mument kienet nieqsa, jiġifieri dik kontra l-atti ta’ persekuzzjoni msemmija fid-Direttiva.

    B’dan il-mod iċ-ċirkustanzi li juru l-inkapaċità jew, bil-kuntrarju, il-kapaċità tal-pajjiż ta’ oriġini li jiżgura protezzjoni kontra atti ta’ persekuzzjoni jikkostitwixxu element deċiżiv tal-evalwazzjoni li jwassal għall-għoti jew, skont il-każ, b’mod simetriku, għall-waqfien tal-istatus ta’ refuġjat.

    Konsegwentement, l-istatus ta’ refuġjat jieqaf mill-mument li ċ-ċittadin ikkonċernat jirriżulta li ma għadux espost, fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, għal ċirkustanzi li juru l-inkapaċità tal-imsemmi pajjiż li jiżguralu protezzjoni kontra atti ta’ persekuzzjoni li huma eżerċitati fuqu minħabba waħda mir-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva. Tali waqfien jinvolvi għaldaqstant li l-bdil fiċ-ċirkustanzi rrimedja għall-kawżi li waslu għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat.

    Sabiex jaslu għall-konklużjoni li l-biża’ tar-refuġjat li jiġi ppersegwitat ma għadhiex fondata, l-awtoritajiet kompetenti, fid-dawl tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva, għandhom jivverifikaw, fir-rigward tas-sitwazzjoni individwali tar-refuġjat, li l-attur jew l-atturi li joffru protezzjoni tal-pajjiż terz inkwistjoni jieħdu passi raġonevoli sabiex jipprevjenu l-persekuzzjoni, li għaldaqstant għandhom, b’mod partikolari, sistema legali effettiva għall-kxif, prosekuzzjoni u kastig ta’ atti li jikkostitwixxu persekuzzjoni u li ċ-ċittadin ikkonċernat, fil-każ ta’ waqfien tal-istatus tiegħu ta’ refuġjat, ikollu aċċess għal din il-protezzjoni.” ( 52 )

    91.

    Isegwi, imbagħad, li n-natura tal-investigazzjoni dwar protezzjoni fiż-żewġ każijiet ( 53 ) hija essenzalment l-istess. Status ta’ refuġjat jingħata meta ma jkunx hemm din il-protezzjoni u, b’mod korrispondenti, il-ħtieġa ta’ status ta’ refuġjat tieqaf meta ċ-ċirkustanzi fil-pajjiż ta’ nazzjonalità jkunu nbidlu permanentement ( 54 ) b’mod li attwalment ikun hemm livelli adegwati ta’ protezzjoni fil-pajjiż ta’ nazzjonalità tal-applikanti u li huma jew hija jkollhom aċċess għaliha.

    V. Konklużjoni

    92.

    Għalhekk nipproponi li għandhom jingħataw ir-risposti li ġejjin għad-domandi magħmula mill-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) London (il-Qorti Superjuri (Awla tal-immigrazzjoni u l-ażil) ta’ Londra):

    Il-kunċett ta’ “protezzjoni” tal-“pajjiż ta’ nazzjonalità” previst fl-Artikolu 2(ċ) u fl-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat [istatus] ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (“id-Direttiva dwar il-kwalifika”) jirreferi primarjament għall-protezzjoni tal-Istat minn-naħa tal-pajjiż ta’ nazzjonalità tal-applikant. Madankollu, huwa neċessarjament impliċitu fid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(1)(b) u (2) tad-Direttiva 2004/83 li f’ċerti każijiet, atturi oħra barra l-Istat, bħal partijiet jew organizzazzjonijiet, jistgħu jagħtu protezzjoni meqjusa bħala ekwivalenti għal protezzjoni mill-Istat minflok l-Istat fejn dawn l-atturi mhux tal-Istat jikkontrollaw totalment jew parzjalment l-Istat u jkunu ppruvaw ukoll jirriproduċu funzjonijiet statali tradizzjonali billi jipprovdu jew isostnu sistema legali u ta’ għassa mill-pulizija li tiffunzjona bbażata fuq l-istat tad-dritt. Is-sempliċi għajnuna finanzjarja u/jew materjali mogħtija minn atturi mhux tal-Istat tkun inferjuri mill-livell ta’ protezzjoni prevista mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/83.

    Sabiex ikun aċċertat jekk persuna jkollhiex biża’ bir-raġun minn persekuzzjoni skont l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2004/83 minn atturi mhux tal-Istat, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni d-disponibbiltà ta’ “protezzjoni” kif deskritta fl-Artikolu 7(2) ta’ din id-direttiva, minn atturi ta’ protezzjoni. Għandha ssir l-istess analiżi fir-rigward tal-waqfien ta’ status ta’ refuġjat skont l-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83.

    It-terminu “protezzjoni tal-pajjiż ta’ nazzjonali[tà]” tal-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83jimplika li kull investigazzjoni dwar in-natura tal-protezzjon disponibbli f’dak il-pajjiż fil-kuntest ta’ deċiżjoni ta’ waqfien tkun l-istess bħal dik prevista fl-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva. Sabiex jaslu għall-konklużjoni li l-biża’ ta’ refuġjat li jkun ippersegwitat ma jkunx għadu bir-raġun l-awtoritajiet kompetenti, b’riferiment għall-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2004/83, għandhom jivverifikaw, meqjusa s-sitwazzjoni individwali tar-refuġjat, li l-attur jew l-atturi ta’ protezzjoni tal-pajjiż terz inkwistjoni jkunu ħadu miżuri raġonevoli sabiex ma jħallux ikun hemm il-persekuzzjoni, li huma, għalhekk, joperaw, inter alia, sistema legali effettiva għall-kxif, il-prosekuzzjoni u l-kastig ta’ atti li jikkostitwixxu persekuzzjoni u li ċ-ċittadin ikkonċernat ikollu aċċess għal tali protezzjoni jekk huwa jew hija ma jibqgħux ikollhom status ta’ refuġjat.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) Il-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati ffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 u li daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545, 1954). Kellha bħala supplement il-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati tal-31 ta’ Jannar 1967 li daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Ottubru 1967, (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”).

    ( 3 ) O’Sullivan M, “Acting the Part: Can Non-State Entities Provide Protection Under International Refugee Law?”, International Journal of Refugee Law, vol. 24, Oxford University Press, 2012, punt 89.

    ( 4 ) L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat [istatus] ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-kwalifika”) tipprevedi li l-protezzjoni internazzjonali tfisser ir-refuġjat u l-protezzjoni sussidjarja kif iddefiniti fiha. Il-Konvenzjoni ta’ Genéve tirreferi biss għar-refuġjati u l-istatus korrispondenti tagħhom.

    ( 5 ) Hija neċessarja kjarifika. Inċidentalment id-Direttiva dwar il-kwalifika kienet tħassret b’effett mill-21 ta’ Diċembru 2013 bid-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011 L 337, p. 9). Il-premessa 50 tad-Direttiva 2011/95 tgħid li “B’konformità mal-Artikoli 1, 2 u l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda rigward l-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-TUE u t-TFUE, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, ir-Renju Unit u l-Irlanda mhumiex qed jieħdu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u mhumiex marbuta biha jew soġġetti għall-applikazzjoni tagħha.” Madankollu, il-premessa 38 tad-Direttiva dwar il-kwalifika tgħid li “[b]i qbil ma’ l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tarRenju Unit u l-Irlanda, annessat mat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, ir-Renju Unit għarraf, permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Jannar 2002, ix-xewqa tiegħu li jieħu parti fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva”. Dan kollu sabiex jingħad li d-Direttiva dwar il-kwalifika kompliet tapplika għar-Renju Unit minkejja l-fatt li kienet tħassret u kienet ġiet issostitwita mid-Direttiva 2011/95 sa fejn għandha x’taqsam il-maġġoranza tal-Istati Membri.

    ( 6 ) Sentenza tat-2 ta’ Marzu 2010fil-kawża Salahadin Abdulla et (C‑175/08, C‑176/08, C‑178/08 u C‑179/08, EU:C:2010:105). Din kienet kawża ta’ waqfien fejn ir-rikorrenti kienu preċedentement ingħataw status ta’ refuġjat mill-Ġermanja minħabba li kienu batew persekuzzjoni fl-Iraq matul ir-reġim ta’ Saddam Hussein. Wara l-waqgħa ta’ dak ir-reġim bħala riżultat tal-invażjoni mmexxija mill-Istati Uniti tal-Amerka, l-awtoritajiet Ġermaniżi riedu jirrevokaw l-istatus tagħhom ta’ refuġjati. Filwaqt li, għalhekk, il-kawża kienet tirrigwarda prinċipalment l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva dwar il-kwalifika dwar waqfien, il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, irrilevat en passant (fil-punt 75) li l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva ma kienx jipprekludi “li l-protezzjoni tista’ tiġi żgurata minn organizzazzjonijiet internazzjonali, inkluż permezz tal-preżenza ta’ forza multinazzjonali fuq it-territorju tal-pajjiż terz.”

    ( 7 ) ĠU 2020, L 29, p. 1.

    ( 8 ) Tinsab fi https://www.gov.uk/guidance/immigration-rules/immigration-rules-part-11-asylum.

    ( 9 ) S.I. 2006/2525.

    ( 10 ) Ara l-punt 29 tat-talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qort tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-22 ta’ Marzu 2019 li fih l-Upper Tribunal niżżel l-evalwazzjoni tiegħu tal-fatti kontestati.

    ( 11 ) Ara l-linji gwida dwar Protezzjoni Internazzjonali: Waqfien ta’ Status ta’ Refuġjat skont l-Artikolu 1C(5) u (6) tal-Konvenzjoni tal-1951 dwar l-Istatus tar-Refuġjati (il-Klawżoli ta’ “Ċirkustanzi ta’ Waqfien”), HCR/GIP/03/03, 10 ta’ Frar 2003, punt 15, p. 5.

    ( 12 ) Il-Gvern Franċiż iqis li l-ewwel u t-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju fihom żball tipografiku, peress li, minflok ir-riferiment għall-Artikolu 2(e) tad-Direttiva dwar il-kwalifika, li jiddefinixxi l-espressjoni “persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja”, ir-riferiment kellu, minflok, ikun għall-Artikolu 2(c) ta’ din id-direttiva, li jiddefinixxi l-kelma “refuġjat”. Jiena naqbel. L-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar il-kwalifika, li huwa s-suġġett tal-ewwel domanda, u l-eżistenza ta’ “biża’ fondat [bir-raġun] ta’ persekuzzjoni”, imsemmi fit-tieni domanda, jikkonċernaw biss refuġjati. Barra minn hekk, O. A. kien ingħata status ta’ refuġjat fir-Renju Unit fl-2003 minflok protezzjoni sussidjarja. Għalhekk, il-każ fil-kawża prinċipali huwa dwar it-waqfien ta’ status ta’ refuġjat skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar il-kwalifika iktar milli dwar il-waqfien ta’ protezzjoni sussidjarja skont l-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva. Għalhekk inqis li l-ewwel u t-tieni domanda tal-Upper Tribunal huma relatati fil-fatt mal-Artikolu 2(c) ta’ din id-direttiva. Għalhekk nipproponi li nillimita l-konklużjonijiet tiegħi għal interpretazzjoni tar-regoli tal-Unjoni applikabbli għal refuġjati, distintament minn dawk relatati ma’ protezzjoni sussidjarja.

    ( 13 ) Skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, sa fejn id-drittijiet iggarantiti bl-Artikolu 4 tagħha jikkorrispondu ma’ dawk iggarantiti bl-Artikolu 3 tal-KEDB, it-tifsira u l-iskop ta’ dawk id-drittijiet ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Artikolu 3 tal-KEDB. Ara s-sentenza tal-24 ta’ April 2018, MP (Protezzjoni sussidjarja ta’ persuna preċedentement vittma ta’ tortura) (C‑353/16, EU:C:2018:276, punt 37).

    ( 14 ) L-Artikolu 19(2) tal-Karta jipprovdi li ebda persuna ma għandha tintbagħat lura lejn Stat fejn ikun hemm riskju serju li hija tkun suġġetta għal trattament inuman jew degradanti.

    ( 15 ) Il-qorti tar-rinviju ma semmietx il-possibbiltà li O. A. jista’ jibbenefika minn protezzjoni sussidjarja fil-każ ta’ waqfien tal-istatus ta’ refuġjat tiegħu. F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, fis-sentenza tagħha tat-2 ta’ Marzu 2010, Salahadin Abdulla et (C‑175/08, C‑176/08, C‑178/08 u C‑179/08, EU:C:2010:105, punt 80), li, “[f]is-sistema tad-Direttiva, il-waqfien eventwali tal-istatus ta’ refuġjat iseħħ bla ħsara għad-dritt tal-persuna kkonċernata li titlob l-għoti tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja, meta l-elementi neċessarji, imsemmija fl-Artikolu 4 tad-Direttiva, inġabru kollha sabiex jiġi stabbilit li l-kundizzjonijiet proprji sabiex tkun ġustifikata tali protezzjoni, stabbilita fl-Artikolu 15 tad-Direttiva, huma sodisfatti.” L-Artikolu 2(e) tad-Direttiva dwar il-kwalifika jipprovdi li f’dawk il-każijiet fejn l-applikant ma jikkwalifikax bħala refuġjat iżda fejn, madankollu, ikun hemm raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li l-persuna konċernata tiffaċċja, jekk tintbagħat lura fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha, “riskju veru li [s]sofri periklu serju” u din il-persuna “ma tistax, jew, minħabba f”dan ir-riskju, ma tixtieqx tapprofitta ruħha mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż”, allura din il-persuna tkun intitolata għal protezzjoni sussidjarja. “Riskju veru li jsofri periklu serju” huwa ddefinit fl-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva bħala (a) piena kapitali jew eżekuzzjoni; (b) tortura jew trattament inuman jew degradanti jew kastig ta’ applikant fil-pajjiż tal-oriġini; jew (ċ) theddida serja u individwali għall-ħajja ta’ pajżan jew għall-persuna minħabba fi vjolenza indiskriminatorja f’sitwazzjonijiet ta’ konflitt armat internazzjonali jew intern. Kif jimplika l-isem, il-kunċett ta’ protezzjoni sussidjarja jkopri l-każijiet ta’ dawk l-applikanti li ma jiffaċċjawx persekuzzjoni bħala tali, iżda li, filwaqt li ma jkunux eliġibbli għal status ta’ refuġjat, xorta waħda jiffaċċjaw riskju sostanzjali ta’ dannu serju jekk jintbagħtu lura lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom u li ma jkunux jistgħu jkollhom il-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż. Ara, pereżempju, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2014 fil-kawża N. (C‑604/12, EU:C:2014:302, punti 29 u 30). L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar il-kwalifika jipprovdi li ċittadin ta’ pajjiż terz “għandha tieqaf milli tkun eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja meta ċ-ċirkostanzi li wasslu għall-għoti ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja jkunu waqfu milli jeżistu jew ikunu nbiddlu sat-tali punt li l-protezzjoni ma tkunx għadha meħtieġa.” Applikant jista’ jiġi eskluż minn protezzjoni sussidjarja skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar il-kwalifika meta jkun hemm “raġunijiet serja[i]” sabiex jitqies, inter alia, li l-applikant ikun ikkommetta delitt serju jew li huwa “jikkostitwixxi periklu għall-Komunità jew għas-sigurtà ta’ l-Istat Membru li fih [huwa jkun] preżenti”.

    ( 16 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mazák fil-kawża Salahadin Abdulla et (C‑175/08, C‑176/08, C‑178/08 u C‑179/08, EU:C:2009:551, punt 43).

    ( 17 ) Ara l-punt 52 tas-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2010, fil-kawża Salahadin Abdulla et (C‑175/08, C‑176/08, C‑178/08 u C‑179/08, EU:C:2010:105).

    ( 18 ) Ara s-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2010, Salahadin Abdulla et (C‑175/08, C‑176/08, C‑178/08 u C‑179/08, EU:C:2010:105, punt 54).

    ( 19 ) L-Artikolu 1 tal-Karta jipprovdi li “d-dinjità tal-bniedem hija invjolabbli”.

    ( 20 ) Filwaqt li l-Artikolu 11(1)(e) tad-Dirattiva dwar il-kwalifika fil-fatt juża l-kliem “protezzjoni tal-pajjiż ta’ nazzjonalità”, mid-definizzjoni ta’ refuġjat fl-Artikolu 2(ċ) ta’ din id-direttiva huwa ċar li f’din l-aħħar dispożizzjoni inkwistjoni hemm persuna li, f’ċerti ċirkustanzi speċifiċi ma tkunx tista’ jew ma tkunx trid tuża “l-protezzjoni tal-pajjiż ta’nazzjonalità”.

    ( 21 ) Dwar dan, filwaqt li “il-pajjiż ta’ oriġini” huwa ddefinit fl-Artikolu 2(k) tad-Direttiva dwar il-kwalifika, din id-direttiva ma tiddefinixxix il-kelma “Stat” jew “protezzjoni tal-Istat” fid-definizzjonijiet tal-Artikolu 2 tagħha. Madankollu, l-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-kwalifika għandu deskrizzjoni ċara tal-livell uniku ta’ protezzjoni meħtieġa mill-Istat u minn atturi oħra ta’ protezzjoni. Ser niżviluppa iktar dan il-punt f’dawn il-konklużjonijiet.

    ( 22 ) Dan huwa ċar mill-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-kwalifika. Filwaqt li permezz ta’ din l-eċċezzjoni atturi oħra ta’ protezzjoni jistgħu jkunu aċċettati minflok l-Istat, huma għandhom, fil-fatt, jipprovdu l-istess livell ta’ protezzjoni bħall-Istat. Dan huwa ċar mill-istandard uniku ta’ protezzjoni deskritt fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva dwar il-kwalifika. L-unika “konċessjoni” dwar dan fir-rigward ta’ atturi mhux tal-Istat imsemmija fl-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva dwar il-kwalifika hija l-firxa ġeografika tal-protezzjoni. Din tista’ tkun limitata għal “parti sostanzjali tat-territorju tal-Istat”.

    ( 23 ) Enfasi miżjuda.

    ( 24 ) Ma hemmx allegazzjoni fid-dokumentazzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li O. A. kien ippersegwitat mill-Istat Somalu.

    ( 25 ) Il-Gvern tar-Renju Unit iqis li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun fl-affermattiv. Huwa jgħid li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-portata tal-protezzjoni disponibbli huwa meħtieġ, bl-istess mod, fi tliet stadji. L-ewwel nett, meta jiġi evalwat jekk ikunx hemm biża’ bir-raġun ta’ persekuzzjoni, u, jekk fil-fatt ikun hemm protezzjoni f’dan l-istadju minn atturi mhux tal-Istat, dan għandu jitqies bħala parti miċ-ċirkustanzi ġenerali tal-każ tal-applikant. Id-disponibbiltà ta’ tali protezzjoni tfisser li l-applikant ma jkunx jista’ juri biża’ bir-raġun ta’ persekuzzjoni. It-tieni nett, meta l-biża’ ta’ persekuzzjoni jinqala’ fir-rigward ta’ atturi mhux tal-Istat, ikun jeħtieġ jitqies jekk jew l-Istat jew atturi mhux tal-Istat ikunux jistgħu jipprovdu protezzjoni effettiva. It-tielet nett, jeħtieġ jitqies jekk l-applikant ma jkunx irid jew ma jkunx jista’ juża “l-protezzjoni tal-pajjiż ta’ nazzjonalità”. Dak il-gvern qal li t-tieni u t-tielet stadju identifikati iktar ’il fuq jikkostitwixxu żewġ partijiet tal-istess evalwazzjoni. Tabilħaqq, il-proċess ta’ evalwazzjoni kollu tat-tliet stadji identifikati għandu jsir b’mod olistiku. Il-punt ewlieni huwa li l-mod tal-evalwazzjoni tal-protezzjoni minn atturi mhux tal-Istat ikun l-istess f’kull stadju. Il-Gvern Franċiż qal li fil-punt 70 tas-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2010 fil-kawża Salahadin Abdulla et (C‑175/08, C‑176/08, C‑178/08 u C‑179/08, EU:C:2010:105), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex jaslu għall-konklużjoni li l-biża’ tar-refuġjat li jkun ippersegwitat ma jkunx iktar bir-raġun, l-awtoritajiet kompetenti, b’riferiment għall-Artikolu 7(2) tad-Direttiva dwar il-kwalifika, għandhom jivverifikaw, billi jqisu s-sitwazzjoni individwali tar-refuġjat, li l-attur jew l-atturi ta’ protezzjoni tal-pajjiż terz ikunu ħadu miżuri raġonevoli sabiex jipprevjenu l-persekuzzjoni u li, għalhekk, huma joperaw, inter alia, sistema legali effettiva għall-kxif, il-prosekuzzjoni u l-kastig ta’ atti li jikkostitwixxu persekuzzjoni u li ċ-ċittadin ikkonċernat ikollu aċċess għal din il-protezzjoni jekk ma jibqax ikollu status ta’ refuġjat. Iktar u iktar, din l-evalwazzjoni tkun meħtieġa meta għandu jiġi aċċertat jekk ikunx hemm biża’ bir-raġun ta’ persekuzzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva. Il-Gvern Ungeriż iqis li fil-kuntest tal-eżami tal-kundizzjoni relatata ma’ biża’ bir-raġun, ma hijiex biss rilevanti l-protezzjoni minn atturi tal-Istat u minn organizzazzjoni li tikkontrolla parti sinjifikattiva mit-territorju tal-Istat. L-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji mitluba jiddeċiedu dwar kwistjonijiet ta’ ażil għandhom jeżaminaw, fir-rigward tal-kundizzjoni relatat ma’ biża’ bir-raġun, jekk l-protezzjoni disponibbli tkunx suffiċjentement effiċjenti, indipendentement minn jekk tingħatax minn atturi tal-Istat jew minn atturi mhux tal-Istat.

    ( 26 ) Lord Hope of Craighead qal fil-kawża Horvath vs Secretary of State for the Home Department [2000] UKHL 37, li “jidhirli li l-għan tal-Konvenzjoni, li huwa ta’ importanza suprema għas-soluzzjoni tal-problemi mqajma minn dan il-każ, huwa dak li jinsab fil-prinċipju ta’ surroga. L-għan ġenerali tal-Konvenzjoni huwa li l-persuna li ma tkunx għad għandha l-benefiċċju ta’ protezzjoni kontra l-persekuzzjoni għal raġuni skont il-konvenzjoni fil-pajjiż tagħha stess iddur fuq il-komunità internazzjonali għall-protezzjoni.” Kif irrileva Lord Keith of Kinkel fil-kawża Reg. vs Secretary of State for the Home Department, Ex parte Sivakumaran [1988] Appeal Cases 958, 992H-993A, l-għan ġenerali [tal-Konvenzjoni] huwa li “tingħata protezzjoni u trattament ġust lil dawk li għalihom la hemm il-waħda u lanqas l-ieħor.”

    ( 27 ) Barra minn dan il-qorti tar-rinviju qalet li jekk l-analiżi fis-sentenza tal-Qorti tal-Appell fil-kawża AG et vs Secretary of State for the Home Department [2006] EWCA Civ 1342 kienet korretta, “iż-żewġ testijiet ta’ protezzjoni li għandhom isiru skont l-element ta’ ‘biża’ bir-raġun ta’ persekuzzjoni’ tad-definizzjoni ta’ refuġjat ma jkunux żewġ aspetti ta’ evalwazzjoni ‘olistika’, iżda jkunu japplikaw żewġ settijiet ta’ kriterji differenti: wieħed test purament fattwali jew funzjonali u l-ieħor (li jittratta l-protezzjoni bħala terminu ta’ arti li jkun jirrigwarda biss l-apparat tal-Istat) li jiffoka biss fuq l-atti tal-atturi tal-Istat. Filwaqt li huwa konsistenti ma’ approċċ olistiku li l-livell ta’ protezzjoni tal-Istat jista’ jkun indirettament fattur sabiex jiġi deċiż jekk persuna jkollhiex biża’ bir-raġun […], ikun diffiċli tifhem għaliex in-natura ta’ dan it-test — jekk hijiex waħda fattwali jew funzjonali jew waħda formalistika jew taħlita tat-tnejn — għandha tkun differenti minn waħda għal oħra, b’mod partikolari minħabba li t-tnejn huma marbutin flimkien.” Fiż-żewġ applikazzjonijiet il-protezzjoni għandu ċertament ikollha l-istess kwalitajiet ta’ effettività u (milli jidher anki) aċċessibbiltà u ta’ nuqqas ta’ limitazzjonijiet ratione temporis” (ara l-punt 48 tat-talba għal deċiżjoni preliminari tat-22 ta’ Marzu 2019).

    ( 28 ) Ara l-punt 67 tas-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2010 fil-kawża Salahadin Abdulla et (C‑175/08, C‑176/08, C‑178/08 u C‑179/08, EU:C:2010:105), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja qalet li “[m]eta jipprovdi li ċ-ċittadin ‘ma jistax aktar […] jkompli jirrifjuta’ milli japprofitta ruħu jew ruħha mill-protezzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini, [l-Artikolu 11(1)(e) tad-direttiva] jimplika li l-‘protezzjoni’ inkwistjoni hija l-istess bħal dik li sa dak il-mument kienet nieqsa, jiġifieri dik kontra l-atti ta’ persekuzzjoni msemmija fid-Direttiva.”

    ( 29 ) Minn “[a]tturi ta’ persekuzzjoni jew periklu serju” kif iddefuniti mill-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-kwalifika.

    ( 30 ) Ara b’analoġija l-punti 56 sa 59 tas-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2010, fil-kawża Salahadin Abdulla et (C‑175/08, C‑176/08, C‑178/08 u C‑179/08, EU:C:2010:105), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja qalet li, “skont l-Artikolu2(ċ) tad-Direttiva, ir-refuġjat huwa. b’mod partikolari, ċittadin ta’ pajjiż terz li jinsab barra mill-pajjiż tan-nazzjonalità tiegħu ‘minħabba f’biża’ bir-raġun (fondata) li jiġi persegwitat’ […] u li ma jistax jew, ‘minħabba f’din il-biża’, ma jixtieqx japprofitta ruħu mill-‘protezzjoni’ ta’ dan il-pajjiż. Iċ-ċittadin ikkonċernat għandu għaldaqstant, minħabba ċirkustanzi eżistenti fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, jikkonfronta l-biża’ fondata ta’ fuq persekuzzjoni eżerċitata fuqu ta’ mill-inqas għal waħda mir-raġunijiet elenkati fid-Direttiva jew fil-Konvenzjoni ta’ Genève. Fil-fatt, dawn iċ-ċirkustanzi juru li l-pajjiż terz ma jipproteġix iċ-ċittadin tiegħu minn atti ta’ persekuzzjoni. Huma r-raġuni għaliex huwa impossibbli għall-persuna kkonċernata, jew għar-rifjut iġġustifikat tagħha, li tapprofitta ruħha mill-‘protezzjoni’ tal-pajjiż ta’ oriġini tagħha fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva, jiġifieri fis-sens tal-kapaċità ta’ dan il-pajjiż li jipprevjeni jew li jissanzjona atti ta’ persekuzzjoni.” Enfasi miżjuda.

    ( 31 ) Il-Kummissjoni qalet li “jitqies li l-effett li d-definizzjoni ta’ ‘refuġjat’ prevista fl-Artikolu 2(ċ) tad-direttiva tinqasam f’żewġ elementi u jiġi applikat test ta’ protezzjoni għall-ewwel element li huwa separat — u iktar restrittiv — mit-test ta’ protezzjoni previst fl-Artikolu 7, la huwa bbażat fuq il-kliem u lanqas fl-iskema tad-direttiva. Tabilħaqq, l-iżvilupp tat-test fil-qrati tar-Rernju Unit kien sar qabel ma daħlet fis-seħħ id-Direttiva dwar il-kwalifika. Barra minn hekk, metodu bħal dan essenzjalment jevadi l-applikazzjoni tal-Artikolu 7 tad-direttiva. Billi wieħed “igeddes” test ta’ protezzjoni iktar limitat flimkien mad-ddeterminazzjoni ta’ jekk il-biża’ ta’ applikant ikunx bir-raġun, u sussegwentement dan it-test jintuża bħala bażi biex tkun iffifjuta investigazzjoni addizzjonali dwar protezzjoni li tkun tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 7 tad-Direttiva, Stat Membru jkun essenzjalment qiegħed ixejjen l-effikaċja ta’ din id-dispożizzjoni.”

    ( 32 ) Skont l-Artikolu 6(ċ) tad-Direttiva dwar il-kwalifika, atturi ta’ persekuzzjoni jinkludu “atturi mhux ta’ l-Istat, jekk ikun jista’ jiġi muri li [l-Istat] u [partijiet jew organizzazzjonijiet li jikkontrollaw l-Istat jew parti sostanazjali tat-territorju tal-Istat], inkluż organizzazzjonijiet internazzjonali, ma jistgħux jew ma jixtiqux jipprovdu protezzjoni kontra persekuzzjoni jew periklu serju kif definit fl-Artikolu 7”. Enfasi miżjuda.

    ( 33 ) Fis-seduta tas-27 ta’ Frar 2020 il-Gvern tar-Renju Unit issottometta li l-użu tal-kelma “ġeneralment” tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva dwar il-kwalifika jservi sabiex jindika li l-kriterji stabbiliti f’din id-dispożizzjoni ma humiex eżawrjenti jew saħansitra indikattivi iżda, minflok, jikkostitwixxu biss eżempji speċifiċi enumerati ta’ x’jimplika l-kunċett ta’ “protezzjoni”. Ma naqbilx. Inqis li l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika huma standards minimi u neċessarji sabiex ikun hemm il-livell meħtieġ ta’ protezzjoni. Barra minn hekk, dan jirriżulta b’mod ċar ħafna mill-kliem tal-punti 70 u 71 tas-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2010, fil-kawża Salahadin Abdulla et (C‑175/08, C‑176/08, C‑178/08 u C‑179/08, EU:C:2010:105).

    ( 34 ) Ara l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva dwar il-kawlifika.

    ( 35 ) Fil-fehma tiegħi, mhux biss għandhom jittieħdu “passi raġonevoli”, huma għandhom ukoll ikunu raġonevolment effettivi fl-objettiv tagħhom.

    ( 36 ) Ara l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva dwar il-kwalifika. Jekk min-naħa l-oħra l-applikant ma jiffaċċjax persekuzzjoni iżda, madankollu, jiffaċċja r-riskju ta’ “perikolu serju” kif iddefinit fl-Artikolu 15, imbagħad huwa jkun, bħala prinċipju, intitolat għal protezzjoni sussidjarja.

    ( 37 ) Ara l-punt 21 tat-talba għal deċiżjoni preliminari tat-22 ta’ Marzu 2019. Ma huwiex għal din il-Qorti tal-Ġustizzja li tiddubita mill-konstatazzjonijiet ta’ fatt li fuqhom straħet il-qorti tar-rinviju u, tabilħaqq, mhux ikkontestati mill-partijiet fil-proċeduri quddiemha. Jekk, madankollu, il-konstatazzjonijiet ta’ fatt dwar is-sitwazzjoni f’Mogadishu huma bbażati esklużivament fuq is-sentenza fil-kawża MOJ, allura jkollu jingħad li hemm partijiet ta’ din is-sentenza li jistgħu minnhom innifishom jissuġġerixxu li applikant bħal O. A. ma għandux biża’ bir-raġun dwar ir-ritorn possibbli lejn is-Somalja u li din il-kawża, sa fejn tqajjem kwistjonijiet ta’ għajnuna finanzjarja, eċċ., hija fil-vertià kawża li tqajjem kwistjonijiet ta’ trattament inuman u degradanti fil-kuntest ta’ espożizzjoni potenzjali għal faqar materjali estrem u qalil iktar milli għall-waqfien ta’ status ta’ refuġjat bħala tali. Irrid nerġa nisħaq, madankollu, li l-Qorti tal-Ġustizzja la għandha tissindika l-konstatazzjonijiet ta’ fatt tal-qorti tar-rinviju u, wara kollox, lanqas id-domandi speċifiċi li hija għamlet. Wieħed jista’ wkoll jenfasizza l-fatt li s-sentenza fil-kawża MOJ kienet ingħatat fl-2014 u jista’ jkun leġittimu li wieħed jistaqsi jekk il-konstatazzjonijiet tagħha għadhomx rilevanti għalkollox illum sitt snin wara. Irrid nirrileva wkoll li fis-seduta tal-27 ta’ Frar 2020 il-Gvern Franċiż qal li kellu evalwazzjoni differenti ħafna tas-sitwazzjoni fis-Somalja. Madankollu, dawn il-kwistjonijiet, fl-aħħar mill-aħħar, huma affarijiet li għandhom jinqatgħu mill-qorti tar-rinviju.

    ( 38 ) Ara l-punt 38 tat-talba għal deċiżjoni preliminari tat-22 ta’ Marzu 2019.

    ( 39 ) QEDB, kawża RH vs L-Isvezja tal-10 ta’ Settembru 2015, CE:ECHR:2015:0910JUD000460114, § 73.

    ( 40 ) Ara l-punt 49 tat-talba għal deċiżjoni preliminari tat-22 ta’ Marzu 2019.

    ( 41 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mazák fil-kawża Salahadin Abdulla et (C-175/08, C‑176/08, C‑178/08 u C‑179/08, EU:C:2009:551, punt 54).

    ( 42 ) Il-paragrafi 2 u 3 tal-imsemmi artikolu jittrasponu d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-kwalifika.

    ( 43 ) Enfasi miżjuda.

    ( 44 ) QEDB, 10 ta’ Settembru 2015, RH vs L-Isvezja, CE:ECHR:2015:0910JUD00460114.

    ( 45 ) O’Sullivan M, “Acting the Part: Can Non-State Entities Provide Protection Under International Refugee Law?”, International Journal of Refugee Law, vol. 24, Oxford University Press, 2012, 98 – 108.

    ( 46 ) Ir-riferiment tal-Gvern tar-Renju Unit, għall-punt 249 tas-sentenza tal-QEDB tat-28 ta’ Novembru 2011 fil-kawża Sufi and Elmi v United Kingdom (CE:ECHR:2011:0628JUD000831907), ma huwiex, naħseb, rilevanti direttament. F’dik il-kawża l-QEDB qieset li l-possibbiltà li ċerti individwi li kellhom konnessjonijiet eċċezzjonalment tajbin ma’ “atturi setgħana” f’Mogadishu jistgħu jiksbu protezzjoni u jgħixu siguri fil-belt aktarx kienet rari, minħabba li dawk biss b’konnessjonijiet fl-ogħla livell ikunu f’qagħda li jkollhom tali protezzjoni. Hija rrilevat ukoll li r-rikorrent li kien ilu li telaq mis-Somalja għal xi żmien x’aktarx ma kellux il-kuntatti neċessarji li jtuh protezzjoni jekk imur lura. Dik il-qorti, għalhekk, ikkonkludiet li l-vjolenza f’Mogadishu hija ta’ tali livell ta’ intensità li kulħadd fil-belt, possibbilment ħlief għal dawk li għandhom konnessjonijiet tajba ma’ “atturi setgħana”, ikunu f’riskju reali ta’ trattament ipprojbit mill-Artikolu 3 KEDB. Il-Gvern tar-Renju Unit irrikonoxxa huwa stess, fis-seduta tas-27 ta’ Frar 2020, li O. A. kien ilu ħamsa u għoxrin sena ma jmur lejn is-Somalja u li bl-ebda mod ma hemm is-suġġeriment li huwa kien jinsab f’din il-kategorija privileġġata ta’ persuni. F’kull każ, kif diġà nnotajt, it-test tal-Artikolu 3 KEDB huwa wieħed separat u distint mill-kwistjoni ta’ jekk wieħed ikunx intitolat għal status ta’ refuġjat skont il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 7 tad-direttiva.

    ( 47 ) QEDB, 10 ta’ Settembru 2015, RH vs L-Isvezja, CE:ECHR:2015:0910JUD00460114.

    ( 48 ) Fil-punt 56 tas-sentenza tat-10 ta’ Settembru 2015, fil-kawża RH vs L-Isvezja (CE:ECHR:2015:0910JUD00460114), il-QEDB qalet li “l-espulsjoni minn Stat Kontraenti tista’ tagħti lok għal kwistjoni skont l-Artikolu 3 u, għalhekk, tkun tinvolvi r-responsabbiltà ta’ dak l-Istat skont il-[KEDB], meta jintwera li jkun hemm raġunijiet serji biex wieħed jemmen li l-persuna konċernata, jekk tiġi ddeportata, tiffaċċja riskju reali li tkun suġġetta, fil-pajjiż li jilqagħha, trattament kuntrarju għall-Artikolu 3. F’każ bħal dan, l-Artikolu 3 jimplika obbligu li l-persuna inkwistjoni ma tiġix iddeportata lejn dak il-pajjiż (Tarakhel vs L-Isvizzera [GC], no. 29217/12, § 93, ECHR 2014, b’riferimenti oħra).” Fil-punt 57 tal-istess sentenza l-QEDB qalet li “minħabba n-natura assoluta tad-dritt iggarantit, l-Artikolu 3 tal-[KEDB] jista’ japplika wkoll meta l-periklu jirriżulta minn persuni jew gruppi ta’ persuni li ma jkunux uffiċjali pubbliċi. Madankollu, għandu jintwera li r-riskju jkun reali u li l-awtoritajiet tal-Istat destinatarju ma jkunux jistgħu jevitaw ir-riskju billi jipprovdu protezzjoni xierqa.”

    ( 49 ) Il-QEDB l-ewwel eżaminat is-sitwazzjoni f’Mogadishu u sabet li ma kienx hemm x’juri li s-sitwazzjoni kienet ta’ natura tali li kienet tqiegħed lil kulħadd hemmhekk fil-belt f’riskju reali ta’ trattament kuntrarju għall-Artikolu 3. Għalhekk, il-QEDB eżaminat il-qagħda personali tar-rikorrenti.

    ( 50 ) Ara l-punt 72 fejn il-QEDB qalet li kellha dubji serji dwar kemm kienu minnhom id-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti.

    ( 51 ) Kif il-Court of Appeal (England & Wales) (il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales)) ġabret fil-qosor il-kwistjoni, għandu “sempliċement ikun hemm ħtieġa ta’ simmetrija bejn l-għoti u l-waqfien ta’ status ta’ refuġjat.” Ara l-kawża Secretary of State for the Home Department vs MA (Somalia) [2018] EWCA Civ 994, [2019] 1 Weekly Law Reports 241, punt 47, per Arden L.J.

    ( 52 ) Fil-punti 65 sa 70 tas-sentenza. Enfasi miżjuda.

    ( 53 ) Skont l-Artikolu 7 u l-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva dwar il-kwalifika.

    ( 54 ) Fil-punt 73 tas-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2010, Salahadin Abdulla et (C‑175/08, C‑176/08, C‑178/08 u C‑179/08, EU:C:2010:105) il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li “Il-bdil fiċ-ċirkustanzi għandu natura ‘sinjifikanti u mhux temporanja’ fis-sens tal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva, meta l-fatturi li abbażi tagħhom il-beżgħat tar-refuġjat li jiġi ppersegwitat jistgħu jitqiesu li ġew eliminati b’mod dewmieni.”

    Top