Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018TO0630

Digriet tal-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Mejju 2019.
OP vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Għajnuna legali – Talba mressqa qabel il-preżentata ta’ rikors – Sitwazzjoni ekonomika – Insuffiċjenza tal-informazzjoni u tad-dokumenti ta’ sostenn – Ċaħda tat-talba.
Kawża T-630/18 AJ.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2019:365

 DIGRIET TAL-PRESIDENT
TAL-EWWEL AWLA TAL-QORTI ĠENERALI

23 ta’ Mejju 2019 ( *1 )

“Għajnuna legali – Talba mressqa qabel il-preżentata ta’ rikors – Sitwazzjoni ekonomika – Insuffiċjenza tal-informazzjoni u tad-dokumenti ta’ sostenn – Ċaħda tat-talba”

Fil-Kawża T‑630/18 AJ,

OP,

il-parti li ressqet it-talba,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn R. Lyal, L. Mantl u B. Conte, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għal għajnuna legali mressqa skont l-Artikolu 147 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali,

IL-PRESIDENT TAL-EWWEL AWLA TAL-QORTI ĠENERALI

tagħti l-preżenti

Digriet

It-talba u l-proċedura

1

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Ottubru 2018, il-parti li ressqet it-talba, OP, talbet li tingħata l-benefiċċju tal-għajnuna legali, b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 147 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, bil-għan li tippreżenta rikors intiż, minn naħa, li tiġi annullata d-deċiżjoni impliċita tal-Kummissjoni Ewropea li tiċħad talba għal aċċess għal dokumenti konnessi mal-miżuri amministrattivi adottati bejn l-iskrizzjoni fir-reġistru Ares (2015)2298835, tal-5 ta’ Ġunju 2015, u l-iskrizzjoni fir-reġistru Ares (2015)3272640, tal-5 ta’ Awwissu 2015, fir-rigward tal-parti li ressqet it-talba u l-ilment tagħha mressaq skont l-Artikolu 22 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 tad-19 ta’ Diċembru 2002 li jfassal l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li jridu jiġu fdati b’ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 235), u, min-naħa l-oħra, li tinkiseb miżura provviżorja li tordna lill-Kummissjoni tagħti l-aċċess għall-imsemmija dokumenti mingħajr dewmien.

2

Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Novembru 2018, il-Kummissjoni ġiet mistiedna tippreżenta l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha dwar it-talba għal għajnuna legali mressqa mill-parti li ressqet it-talba.

3

Fl-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Diċembru 2018, konformement mal-Artikolu 148(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni talbet li t-talba għal għajnuna legali tiġi miċħuda.

Id-dritt

4

Skont l-Artikolu 146(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura, l-għoti tal-għajnuna legali huwa suġġett għall-kundizzjoni doppja li, minn naħa, il-persuna li titlobha, minħabba s-sitwazzjoni ekonomika tagħha, ma tkunx tista’ tħallas, kompletament jew parzjalment, l-ispejjeż marbuta mal-assistenza u mar-rappreżentanza legali quddiem il-Qorti Ġenerali, u, min-naħa l-oħra, li l-kawża tagħha ma tkunx tidher manifestament inammissibbli jew manifestament infondata fid-dritt.

5

Fir-rigward tal-kundizzjoni marbuta mar-riżorsi, l-Artikolu 147(3) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li t-talba għal għajnuna legali għandha tinkludi l-informazzjoni u d-dokumenti ta’ sostenn kollha li permezz tagħhom tkun tista’ tiġi evalwata s-sitwazzjoni ekonomika tal-persuna li qed tressaqha, bħalma jista’ jkun ċertifikat maħruġ minn awtorità nazzjonali kompetenti li jattesta din is-sitwazzjoni ekonomika. Barra minn hekk, dan ir-rekwiżit huwa espress b’mod ċar fil-formola tat-talba għal għajnuna legali.

6

F’dan il-każ, l-att li permezz tiegħu l-persuna li ressqet it-talba għamlet it-talba tagħha għal għajnuna legali huwa kkostitwit minn diversi dokumenti, jiġifieri, ittra ta’ introduzzjoni bid-data tat-12 ta’ Ottubru 2018, fejn esponiet fil-qosor is-suġġett tat-talbiet tagħha. Ma’ din l-ittra hija annettiet, fl-Anness 1, sunt ta’ 20 paġna tas-suġġett tar-rikors għal annullament u tat-talba għal miżura provviżorja, li fir-rigward tagħhom qiegħda titlob li tibbenefika mill-għajnuna legali, flimkien ma’ dokumenti annessi, fl-Anness 2, il-formola ta’ talba għal għajnuna legali (iktar ’il quddiem il-“formola”), flimkien ma’ dokumenti annessi u, fl-Anness 3, talba għar-rikuża ta’ ċerti Membri tal-Qorti Ġenerali.

7

Preliminarjament, fir-rigward tal-formola, għandu jiġi kkonstatat li din ma mtlietx b’mod sħiħ mill-persuna li ressqet it-talba. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li din tal-aħħar ma mliet ebda waħda mill-partijiet fit-tliet kolonni tat-tabella dwar ir-“riżorsi”, li tinsab fil-parti tal-formola dwar is-“sitwazzjoni ekonomika tal-persuna li tressaq it-talba” (iktar ’il quddiem it-“tabella ‘riżorsi’”). Jitfakkar li dawn it-tliet kolonni jikkonċernaw, rispettivament, ir-riżorsi tal-persuna li tressaq it-talba, tal-konjuġi tagħha jew tal-persuna li tikkoabita magħha u ta’ persuna oħra li tgħix abitwalment fl-istess dar (minuri jew persuna dipendenti) tagħha.

8

Huwa minnu li, skont l-Artikolu 147(2) tar-Regoli tal-Proċedura, it-talba għal għajnuna legali għandha titressaq fuq il-formola, kif ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u li talba għal għajnuna legali li ma titressaqx permezz tal-formola ma tiġix ikkunsidrata. Barra minn hekk, il-persuna li tressaq it-talba hija mistiedna, fl-aħħar tal-formola, tiffirma u tindika d-data tat-talba tagħha filwaqt li “[t]iddikjara, fuq l-unur [tagħha], li l-informazzjoni pprovduta f’din it-talba għal għajnuna legali hija eżatta”. Għaldaqstant, fil-każ ta’ formola mimlija b’mod li ma huwiex komplet, bħal f’dan il-każ, it-talba għal għajnuna legali tista’ tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

9

Madankollu, minn tal-inqas fir-rigward tar-riżorsi tal-persuna li ressqet it-talba stess, mid-“dikjarazzjoni komplementari taħt ġurament dwar l-ispejjeż u r-riżorsi [tal-persuna li ressqet it-talba] sabiex tieħu ħsieb il-bżonnijiet tal-ħajja ta’ kulum tagħha”, bid-data tat-12 ta’ Ottubru 2018 u mehmuża bħala l-Anness 5 mal-formola (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni komplementari”) jirriżulta li l-persuna li ressqet it-talba tallega li ma għandha ebda dħul u tikkomunika diversi elementi ta’ informazzjoni dwar is-sitwazzjoni ekonomika tagħha u dwar il-kundizzjonijiet li fihom hija tieħu ħsieb il-bżonnijiet tagħha. Għandu jiġi kkonstatat li dawn l-elementi jikkoinċidu parzjalment mal-informazzjoni li huwa mitlub li tiġi indikata fl-ewwel kolonna tat-tabella “riżorsi”.

10

Għaldaqstant, għandu jitqies li, fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika tagħha, fir-rigward tar-riżorsi tagħha stess, il-persuna li ressqet it-talba qiegħda ssostni li ma għandha ebda dħul personali u li, konformement mal-istruzzjoni mogħtija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 tal-formola, fid-dikjarazzjoni komplementari hija tipprova tispjega kif tieħu ħsieb il-bżonnijiet tagħha.

11

Prinċipalment, fir-rigward tal-eżami tas-sitwazzjoni ekonomika tal-persuna li ressqet it-talba, kif jirriżulta mill-Artikolu 147(3) tar-Regoli tal-Proċedura, l-informazzjoni u d-dokumenti ta’ sostenn ippreżentati flimkien mat-talba għal għajnuna legali għandhom jippermettu li jiġi evalwat jekk, fid-dawl tal-imsemmija sitwazzjoni, il-persuna li tressaq it-talba tkunx tista’ tħallas, kompletament jew parzjalment, l-ispejjeż marbuta mal-assistenza u mar-rappreżentanza legali quddiem il-Qorti Ġenerali. Tali evalwazzjoni teħtieġ, neċessarjament, li l-persuna li tressaq it-talba tipproduċi informazzjoni u dokumenti b’data suffiċjentement qrib tad-data li fiha titressaq it-talba, sabiex jiġu evalwati b’mod oġġettiv il-kapaċitajiet finanzjarji tal-persuna li tressaq it-talba sabiex tagħmel tajjeb għall-imsemmija spejjeż. Huwa għalhekk li, fit-titolu tal-parti “riżorsi” tal-formola, huwa indikat b’mod partikolari li “[j]ekk, meta tressaq it-talba tiegħek, ir-riżorsi tiegħek ma jkunux inbidlu mis-sena li għaddiet, ir-riżorsi meħuda inkunsiderazzjoni ser ikunu dawk li inti ddikjarajt lill-awtoritajiet nazzjonali għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru tas-sena li għaddiet” u li, “[j]ekk is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħek inbidlet, ser jittieħdu inkunsiderazzjoni r-riżorsi attwali tiegħek, b’effett mill-1 ta’ Jannar ta’ din is-sena sad-data tat-talba tiegħek”.

12

Issa, f’dan il-każ, l-ewwel nett, il-persuna ressqet it-talba tallega “li d-dokument [ta’ talba għal għajnuna legali] huwa komplet peress li fuq il-bażi ta’ elementi u ta’ dokumenti identiċi [ngħatat] l-għajnuna legali fil-Kawżi [kunfidenzjali] ( 1 ) u T‑478/16 AJ”. Hija għalhekk tehmeż mat-talba tagħha, fl-Anness 1, dokument ta’ sostenn tad-dħul tal-2015 u, fl-Anness 2, ittra mid-Deutscher Akademischer Austauschdienst (id-Dipartiment ta’ Skambji Universitarji Ġermaniż) li tikkonferma li hija kienet tirċievi stipendju sal-31 ta’ Jannar 2016. Għalkemm, kif qieset il-Qorti Ġenerali, fir-rigward tal-perijodu inkwistjoni u tad-data li fiha tressqu t-talbiet għal għajnuna legali fil-kawżi magħluqa permezz tad-digrieti [kunfidenzjali] u tas-16 ta’ Frar 2017, OP vs Il-Kummissjoni (T‑478/16 AJ, mhux ippubblikat), dawn id-dokumenti setgħu kienu rilevanti sabiex jiġu evalwati l-kapaċitajiet finanzjarji tal-persuna li ressqet it-talba f’dak iż-żmien, dan ma jistax ikun il-każ hawnhekk. Fil-fatt, it-talba għal għajnuna legali tressqet f’Ottubru 2018, jiġifieri kważi tliet snin wara r-redazzjoni tal-imsemmija dokumenti. Issa, kif jirriżulta espliċitament mill-istruzzjonijiet mogħtija fil-parti “riżorsi” tal-formola mfakkra fil-punt 11 iktar ’il fuq, il-persuna li ressqet it-talba kellha tipproduċi elementi ta’ informazzjoni dwar ir-riżorsi tagħha fl-2017, jekk mhux ukoll fl-2018 (iktar ’il quddiem il-“perijodu rilevanti”).

13

It-tieni nett, la l-estratt ta’ kontijiet bankarji, li kellha l-persuna li ressqet it-talba fil-bank Sparda-Bank Baden-Württemberg eG, bid-data tat-22 ta’ Ġunju 2017, la l-ittra li hija bagħtet fis-26 ta’ Ġunju 2017 lill-imsemmi bank sabiex tikkontesta l-għeluq tal-kont tagħha, la d-deċiżjoni tas-Sozialgericht Köln (il-Qorti Soċjali ta’ Köln, il-Ġermanja), tad-9 ta’ Frar 2018 dwar l-għoti ta’ għajnuna legali, la d-dokument li juri r-rimbors ta’ spejjeż tas-17 ta’ Lulju 2017, mill-Amtsgericht Esslingen (il-Qorti Distrettwali ta’ Esslingen, il-Ġermanja), la d-dokument li juri talba għall-irkupru ta’ kreditu tal-Land Baden-Württemberg (il-Ġermanja) kontra l-persuna li ressqet it-talba ta’ Ġunju 2017, la d-dokument li juri li attendiet għal seminar bejn id-19 u t-23 ta’ April 2015, u lanqas iċ-ċertifikat ta’ ħin ta’ xogħol tal-persuna li ressqet it-talba mal-Università ta’ Tübingen (il-Ġermanja) bejn id-19 u l-25 ta’ April 2015, mehmuża fl-Annessi 3, 4, u 5a sa 5d tal-formula, ma jippermettu li jiġu ddeterminati r-riżorsi tal-persuna li ressqet it-talba, matul il-perijodu rilevanti, sabiex tiġi evalwata s-sitwazzjoni ekonomika tagħha, u għalhekk sabiex tiġi evalwata l-kapaċità tagħha li tħallas l-ispejjeż tal-kawża.

14

It-tielet nett, fid-dikjarazzjoni komplementari, fl-ewwel lok, il-persuna li ressqet it-talba tindika li hija teżerċita attivitajiet bħala lecturer anzjan mal-Land Baden-Württemberg, mingħajr madankollu ma rċeviet ebda korrispettiv finanzjarju mill‑2015 minħabba tilwim, li għadu pendenti, bejnha u l-Università ta’ Tübingen, u, barra minn hekk, attivitajiet fuq bażi volontarja jew bħala kelliema mistiedna f’konferenzi organizzati minn korpi internazzjonali, li ma jagħtu lok għal ebda remunerazzjoni. Fit-tieni lok, hija tispeċifika li l-bżonnijiet tagħha huma koperti mir-rimbors tal-ispejjeż li hija sostniet fil-kuntest ta’ proċeduri kontenzjużi. Fl-aħħar lok, hija ssostni li ma għandha ebda kont bankarju u li ma hemmx dikjarazzjoni fiskali marbuta mal-perijodu rilevanti, minħabba l-ispejjeż kontenzjużi li għandha taffronta.

15

Dawn l-elementi ta’ informazzjoni kkomunikati fid-dikjarazzjoni komplementari huma ta’ natura partikolarment lakonika, jekk mhux ukoll ambivalenti.

16

Fil-fatt, l-ewwel nett, fir-rigward tal-affermazzjonijiet dwar ir-riżorsi miksuba mir-rimbors ta’ spejjeż, għandu jiġi kkonstatat li dawn huma bbażati fuq avvenimenti ta’ darba marbuta ma’ proċeduri kontenzjużi, b’tali mod li ma jippermettux li jinftiehem kif il-persuna li ressqet it-talba jirnexxielha, fl-assenza ta’ dħul, tieħu ħsieb l-iktar bżonnijiet elementari ta’ kuljum tagħha, jiġifieri, b’mod partikolari, l-ikel, il-ħwejjeġ u l-akkomodazzjoni. Kif il-persuna li ressqet it-talba tirrikonoxxi hija stess fid-dikjarazzjoni komplementari, dawn it-tip ta’ prestazzjonijiet finanzjarji ma jistgħux jitqiesu bħala riżorsi li jistgħu jippermettu lil persuna tieħu ħsieb il-bżonnijiet ta’ kuljum tagħha.

17

Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li r-rimbors ta’ spejjeż li hija tallega li sostniet fil-kuntest ta’ proċeduri kontenzjużi huwa neċessarjament, min-natura tiegħu, u fi kwalunkwe każ parzjalment, il-korrispettiv ta’ spiża li hija jew persuna oħra kienu neċessarjament għamlu qabel. Issa, il-persuna li ressqet it-talba ma tipproduċi ebda dokument li jippermetti li tiġi kkonstatata l-bażi li fuqha twettaq ir-rimbors u lanqas il-kundizzjonijiet li fihom saret tali spiża, u lanqas ma tispeċifika kif saret din l-ispiża. Fl-assenza ta’ dħul, kif qiegħda ssostni, hija ma setgħetx tidħol f’tali spejjeż minn qabel.

18

It-tieni nett, fir-rigward tal-affermazzjoni li tinsab fid-dikjarazzjoni komplementari, fis-sens li l-persuna li ressqet it-talba ma hijiex f’pożizzjoni li tipproduċi dikjarazzjoni fiskali relatata mal-perijodu rilevanti, minħabba l-ispejjeż kontenzjużi li kellha taffronta u li telenka fl-imsemmija dikjarazzjoni, din l-affermazzjoni ma tistax tiġi aċċettata għall-finijiet tal-eżami ta’ din it-talba. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ tali spejjeż li, f’dan il-każ, huma s-suġġett ta’ kontestazzjoni quddiem il-qorti nazzjonali, ma tistax tiġġustifika l-fatt li ma ġiet stabbilita ebda dikjarazzjoni fiskali jew, fi kwalunkwe każ u minn tal-inqas, minkejja l-istruzzjonijiet espliċiti tal-formola, ma tistax tiġġustifika l-fatt li ma ġiex prodott ċertifikat maħruġ minn awtorità nazzjonali kompetenti li jindika s-sitwazzjoni ekonomika attwali tagħha.

19

Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li l-persuna li ressqet it-talba ma speċifikatx, kif madankollu teħtieġ b’mod espliċitu t-tabella “riżorsi”, jekk tirċevix xi tip ta’ allowance, manteniment jew pensjoni, kif lanqas ma speċifikat x’jistgħu jkunu r-riżorsi ta’ eventwali konjuġi jew persuna li tikkoabita magħha jew ta’ eventwali persuna dipendenti oħra li tgħix abitwalment fl-istess dar.

20

Għal finijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi osservat li mill-proċess tal-kawża jirriżulta li kważi d-dokumenti kollha redatti mill-persuna li ressqet it-talba fl‑2017 u fl-2018, inklużi l-ittra ta’ introduzzjoni, l-Annessi 1 u 3 ma’ din l-ittra, id-dokumenti kkomunikati fl-Annessi 3, 5 u 6 tat-talba, kif ukoll dokumenti, bħalma huma ittri jew ittri elettroniċi, mehmuża fl-Annessi A, B, G u H, insostenn tas-sunt ikkomunikat fl-Anness 1 tat-talba, jindikaw b’mod espliċitu, b’mod partikolari fil-parti ta’ fuq ta’ wħud mill-imsemmija dokumenti jew fid-deskrizzjoni tal-kwalitajiet u tad-dettalji tal-firmatarju, jiġifieri l-persuna li ressqet it-talba, li, minn tal-inqas mill-2018, din tal-aħħar jidher li teżerċita attività fi ħdan id-Dipartiment tal-Fiżika u tal-Astronomija tal-Università tal-Istat ta’ Rutgers, fi New Jersey (l-Istati Uniti tal-Amerika), li l-indirizz postali tiegħu huwa 136 Frelinghuysen Road, Piscataway, NJ 08854-8019. Barra minn hekk, id-dettalji għal kuntatt li hija tindika fl-Anness G imsemmi iktar ’il fuq jinkludu numru ta’ telefon ċellulari fl-Istati Uniti.

21

Fid-dawl ta’ din il-konstatazzjoni magħmula għal finijiet ta’ kompletezza, li tgħodd ukoll minn tal-inqas għas-sena 2018, fl-assenza ta’ kwalunkwe spjegazzjoni min-naħa tal-persuna li ressqet it-talba, huwa permess li wieħed ikollu dubju dwar ir-realtà tal-eżerċizzju, minn din tal-aħħar, ta’ attività regolari fi ħdan l-Università tal-Istat ta’ Rutgers. F’dan ir-rigward, hija kellha fi kwalunkwe każ tispeċifika l-kundizzjonijiet materjali u finanzjarji li fihom hija teżerċita din l-attività u, konformement mal-istruzzjonijiet li jinsabu fil-parti “riżorsi” tal-formola, hija kellha tipproduċi informazzjoni u provi dwar ir-riżorsi attwali tagħha, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2018, marbuta mal-eżerċizzju ta’ din l-attività.

22

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li ma huwiex possibbli li jiġu identifikati liema riżorsi jippermettu lill-persuna li ressqet it-talba, matul il-perijodu rilevanti, tieħu ħsieb il-bżonnijiet tagħha.

23

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi konkluż li l-persuna li ressqet it-talba ma stabbilixxietx, b’mod suffiċjenti fil-liġi, li, minħabba s-sitwazzjoni ekonomika tgħha, hija ma setgħetx tħallas, kompletament jew parzjalment, l-ispejjeż marbuta mal-assistenza u mar-rappreżentanza legali quddiem il-Qorti Ġenerali.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 146(1) tar-Regoli tal-Proċedura ma hijiex issodisfatta, din it-talba għal għajnuna legali għandha tiġi miċħuda, mingħajr ma huwa meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-azzjoni ppjanata tidhirx li hija manifestament inammissibbli jew manifestament infondata fid-dritt.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-PRESIDENT TAL-EWWEL AWLA TAL-QORTI ĠENERALI

tordna:

 

It-talba għal għajnuna legali fil-Kawża T‑630/18 AJ hija miċħuda.

 

Magħmul fil-Lussemburgu, fit-23 ta’ Mejju 2019.

Reġistratur

E. Coulon

Il-President

I. Pelikánová


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

( 1 ) Data kunfidenzjali mhux żvelata.

Top