Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018TN0025

    Kawża T-25/18: Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Jannar 2018 – PAN Europe vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 104, 19.3.2018, p. 47–48 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.3.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 104/47


    Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Jannar 2018 – PAN Europe vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-25/18)

    (2018/C 104/60)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrent: Pesticide Action Network Europe (PAN Europe) (Brussell, il-Belġju) (rappreżentant: B. Kloostra, avukat)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 7604 final tad-9 ta’ Novembru 2017, li parzjalment tirrifjuta li tagħti lir-rikorrent aċċess għal dokument relatati mal-abbozzar ta’ regolamenti ta’ delega dwar kriterji xjentifiċi għall-evalwazzjoni ta’ sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni, billi adottat id-deċiżjoni kkontestata, aġixxiet bi ksur tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 u applikat b’mod żbaljat dan is-subparagrafu. (1)

    Il-Kummissjoni aġixxiet bi ksur tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 u applikat b’mod żbaljat dan is-subparagrafu peress li għamlet użu minnu fir-rigward ta’ informazzjoni minn proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet li ntemm.

    Il-Kummissjoni aġixxiet bi ksur tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) 1049/2001 għaliex la interpretat u lanqas applikat il-motiv ta’ rifjut b’mod restrittiv biżżejjed u ma wrietx li l-iżvelar serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni, billi adottat id-deċiżjoni kkontestata, aġixxiet bi ksur tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 (2) u tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament 1049/2001.

    Il-Kummissjoni aġixxiet bi ksur tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 u tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament 1049/2001 billi ma eżaminatx b’mod speċifiku u individwalment id-dokumenti msemmija fit-talba għal aċċess u billi ma ġġustifikatx għal kull dokument speċifiku għal liema raġuni dan ma għandux jiġi żvelat billi ma interpretatx il-motiv ta’ rifjut tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 b’mod restrittiv biżżejjed; barra minn hekk, il-Kummissjoni aġixxiet bi ksur tad-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq għaliex il-Kummissjoni ma wettqitx bilanċ bejn l-interess speċifiku tal-protezzjoni tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet mal-interessi ġenerali tal-iżvelar ta’ informazzjoni ambjentali u billi ma tatx biżżejjed raġunijiet għar-rifjut.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni, b’mod żbaljat, ma ħaditx kont tal-fatt li hemm interess pubbliku prevalenti fl-iżvelar tal-informazzjoni mitluba.

    Minħabba l-bidla kbira politika matul il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-bidla kbira fl-abbozz tal-kriterji xjentifiċi li ġew stabbiliti matul dan il-proċess, hemm interess pubbliku prevalenti fl-iżvelar tal-informazzjoni mitluba.


    (1)  Regolament (KE) 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).

    (2)  Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU 2006 L 264, p. 13).


    Top