Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018TJ0573

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tal-5 ta’ Frar 2020 (Estratti).
    Hickies, Inc. vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea.
    Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Applikazzjoni għal trade mark tridimensjonali tal-Unjoni Ewropea – Forma ta’ lazz ta’ żarbun – Raġuni assoluta għal rifjut – Assenza ta’ karattru distintiv – Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1001 – Protezzjoni ta’ dritt dwar disinn preċedenti – Provi ppreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali.
    Kawża T-573/18.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2020:32

     SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

    5 ta’ Frar 2020 ( *1 )

    “Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Applikazzjoni għal trade mark tridimensjonali tal-Unjoni Ewropea – Forma ta’ lazz ta’ żarbun – Raġuni assoluta għal rifjut – Nuqqas ta’ karattru distintiv – Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1001 – Protezzjoni ta’ dritt relatat ma’ disinn preċedenti – Provi ppreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali”

    Fil-Kawża T‑573/18,

    Hickies, Inc., stabbilita fi New York, New York (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn I. Fowler, solicitor, u S. Petivlasova, avukat,

    rikorrenti,

    vs

    L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn H. O’Neill, bħala aġent,

    konvenut,

    li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO, tat-28 ta’ Ġunju 2018 (Każ R 2693/2017‑5), dwar talba għar-reġistrazzjoni ta’ sinjal tridimensjonali kkostitwit mill-forma ta’ lazz ta’ żarbun bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea,

    IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

    komposta minn S. Papasavvas, li qiegħed jaġixxi bħala President, Z. Csehi u O. Spineanu‑Matei (Relatur), Imħallfin,

    Reġistratur: R. Ūkelytė, Amministratur,

    wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Settembru 2018,

    wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Diċembru 2018,

    wara li rat in-nomina ta’ mħallef ieħor sabiex tiġi kkompletata l-Awla wara l-impediment ta’ wieħed mill-membri tagħha,

    wara s-seduta tal-11 ta’ Settembru 2019,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza ( 1 )

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    1

    Fil-5 ta’ Lulju 2017, ir-rikorrenti, Hickies, Inc., ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat (issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)).

    2

    It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal tridimensjonali li ġej:

    Image

    3

    Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassi 26 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu mad-deskrizzjonijiet segwenti: “Lazzijiet għaż-żraben; ornamenti taż-żraben magħmulin mill-plastik; dekorazzjonijiet [tirqim] għaż-żraben; aċċessorji għall-ilbies, oġġetti tal-ħjata u oġġetti tessili għad-dekorazzjoni; ħoloq għaż-żraben; qafliet għaż-żraben; ganċijiet għaż-żraben; qafliet għaż-żraben”.

    4

    Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Lulju 2017, l-eżaminatriċi qajmet oġġezzjonijiet fir-rigward tal-possibbiltà li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tiġi rreġistrata għar-raġuni li hija nieqsa minn karattru distintiv.

    5

    Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Ottubru 2017, l-eżaminatriċi tal-UASI ċaħdet l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni abbażi tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 2017/1001.

    6

    Fid-19 ta’ Diċembru 2017, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-EUIPO, skont l-Artikoli 66 sa 71 tar-Regolament Nru 2017/1001, kontra d-deċiżjoni tal-eżaminatriċi.

    7

    Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Ġunju 2018 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO laqa’ parzjalment dan ir-rikors u annulla d-deċiżjoni tal-eżaminatriċi sa fejn hija kienet irrifjutat ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fir-rigward tal-“ħoloq għaż-żraben” u l-“ganċijiet għaż-żraben”, li jaqgħu taħt il-klassi 26.

    8

    Min-naħa l-oħra, il-Bord tal-Appell ċaħad ir-rikors għal-“lazzijiet għaż-żraben”, għall-“ornamenti taż-żraben magħmulin mill-plastik”, għad-“dekorazzjonijiet [tirqim] għaż-żraben”, għall-“aċċessorji għall-ilbies”, għall-“oġġetti tal-ħjata u oġġetti tessili għad-dekorazzjoni”, għall-“qafliet għaż-żraben” u għall-“qafliet għaż-żraben”, li jaqgħu taħt il-klassi 26, billi kkunsidrat li, fid-dawl ta’ dawn il-prodotti, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet nieqsa minn karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 2017/1001.

    [omissis]

    Id-dritt

    [omissis]

    Fuq il-mertu

    20

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed, ibbażat, essenzjalment, fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 2017/1001.

    [omissis]

    40

    Ir-rikorrenti tallega, fl-ewwel lok, li, kuntrarjament għall-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma turix sistema ta’ għeluq għaż-żraben klassika, iżda tip ta’ sistema ta’ għeluq totalment ġdida u differenti b’mod sinjifikattiv min-normi u mid-drawwiet tas-settur taż-żraben. Hija tallega, fit-tieni lok, li l-Bord tal-Appell jidher li naqas milli josserva li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet intiża mhux biss sabiex tinkiseb il-protezzjoni għal-lazzijiet taż-żraben, iżda wkoll għall-prodotti l-oħra ċċitati fil-punt 8 iktar ’il fuq.

    41

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kif indika essenzjalment il-Bord tal-Appell, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija trade mark tridimensjonali, li hija ppreżentata fil-forma ta’ rabta, li hija rrappreżentata, f’erba’ eżempji, minn angoli differenti. F’wieħed mit-truf tal-imsemmija rabta hemm ħolqa li fiha tista’ tiddaħħal il-buttuna mqiegħda fit-tarf l-ieħor tagħha, u dan sabiex tinqafel l-imsemmija rabta. Fl-ewwel illustrazzjoni, ir-rabta hija rrappreżentata bħala maqfula u l-kombinazzjoni bejn il-ħolqa u l-buttuna mdaħħla fiha tikkostitwixxi forma ovali konvessa. Fit-tliet eżempji segwenti, ir-rabta hija rrappreżentata bħala miftuħa, murija minn fuq, minn taħt u mill-ġenb (punt 19 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, l-istess bħall-Bord tal-Appell (punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata), għandu jiġi rrilevat li t-tip ta’ materjal li jikkonsisti minnu l-lazz ma jirriżultax mill-illustrazzjoni tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

    Fuq il-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fid-dawl tal-lazzijiet taż-żraben

    [omissis]

    48

    Fit-tieni lok, insostenn tal-affermazzjoni tagħha li tgħid li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija differenti b’mod sinjifikattiv min-norma u mid-drawwiet tas-settur ikkonċernat, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell semma numru ta’ links tal-internet li huma irrilevanti.

    [omissis]

    54

    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li, fi kwalunkwe każ, kemm l-eżempji ċċitati mill-eżaminatriċi, riprodotti mill-Bord tal-Appell fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll dawk imsemmija biss mill-Bord tal-Appell ma jippermettux li jiġi stabbilit li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija nieqsa mill-karattru distintiv meħtieġ. Sabiex tikkontradixxi dawn l-eżempji, din tallega li l-prodotti kkonċernati huma imitazzjonijiet.

    [omissis]

    56

    L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-ebda wieħed mis-siti internet iċċitati mill-eżaminatriċi ma huwa sit ta’ proprjetarji ta’ trade marks. Dawn huma pjattaformi ta’ bejgħ online, fejn xi wħud minn dawn is-siti huma partikolarment magħrufa li jservu bħala għodda ta’ bejgħ għall-falsarji. Għandu jitqies li l-fatt li din tista’ tkun pjattaforma ta’ bejgħ online ma jnaqqas bl-ebda mod il-valur probatorju tal-provi mressqa mill-eżaminatriċi intiżi li juri l-eżistenza fis-suq tal-Unjoni ta’ forom simili għal dik li tikkostitwixxi t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Barra minn hekk, anki jekk jitqies li xi wħud minn dawn is-siti jistgħu jintużaw għall-bejgħ ta’ prodotti ffalsifikati, din l-eventwalità waħedha ma tipprovax li l-prodotti li għalihom jirreferu l-links iċċitati mill-eżaminatriċi, ikkunsidrati mill-Bord tal-Appell, huma prodotti ffalsifikati. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali ma hijiex kompetenti sabiex tiddeċiedi fuq l-allegata falsifikazzjoni.

    [omissis]

    60

    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti tinvoka l-karattru ġdid tal-prodott li l-forma tiegħu tikkorrispondi għal dik li tikkostitwixxi t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. F’dan ir-rigward, hija ssostni li hija kreatriċi ta’ tendenzi u tinvoka l-introduzzjoni tal-idea tal-imsemmi prodott fuq il-livell dinji fl-2012 u mbagħad ta’ dak tal-prodott innifsu fl-Unjoni fl-2014.

    [omissis]

    62

    Fi kwalunkwe każ, għandu jitqies li, anki jekk jitqies li n-novità tal-prodott li l-forma tiegħu tikkorrispondi għal dik li tikkostitwixxi t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, hekk kif hija invokata mir-rikorrenti, hija stabbilita, dan il-fatt ma jimplikax neċessarjament li l-imsemmija trade mark hija distintiva.

    63

    Fil-fatt, minn naħa, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, is-sinjali li huma użati komunement għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati jitqiesu li ma humiex kapaċi li jippermettu li tiġi identifikata l-oriġini tal-imsemmija prodotti jew servizzi. Madankollu, din l-affermazzjoni ma tistax tiġi interpretata a contrario sabiex jiġi konkluż li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha karattru distintiv meta din ma tantx tintuża għall-prodotti u s-servizzi inkwistjoni. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea ma hijiex ibbażata fuq l-oriġinalità jew l-assenza ta’ użu tal-imsemmija trade mark fil-qasam li taħtu jaqgħu l-prodotti u s-servizzi kkonċernati (ara s-sentenza tat-12 ta’ Frar 2015, Vita Phone vs UASI (LIFEDATA), T‑318/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:96, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    64

    Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li l-ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali invokat mir-rikorrenti, f’dan il-każ id-dritt fuq żewġ disinni tal-Unjoni Ewropea, minħabba l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti li għandhom forma simili għal dik tal-prodott tar-rikorrenti li l-forma tiegħu tikkorrispondi għal dik li tikkostitwixxi t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, ma għandux effett fuq l-analiżi tal-karattru distintiv intrinsiku tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, kif speċifika l-Bord tal-Appell (punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-protezzjoni ta’ dritt relatat ma’ disinn ma timplikax fil-fatt il-karattru distintiv tal-forma kkonċernata, peress li l-kriterji ta’ eżami ta’ dawn iż-żewġ drittijiet huma fundamentalment differenti. Il-protezzjoni ta’ dritt relatat ma’ disinn tirrigwarda d-dehra ta’ prodott li jispikka mill-patrimonju eżistenti u huwa bbażat fuq in-natura ġdida tal-imsemmi disinn, jiġifieri n-nuqqas ta’ żvelar lill-pubbliku ta’ disinn identiku, kif ukoll fuq il-karattru individwali tiegħu. Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ trade mark, għalkemm il-forma li tikkostitwixxi t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha neċessarjament tkun differenti b’mod sinjifikattiv min-norma jew mid-drawwiet tas-settur ikkonċernat sabiex din tkun tista’ tippreżenta karattru distintiv, is-sempliċi novità tal-imsemmija forma ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li teżisti tali natura, peress li l-kriterju determinanti huwa l-kapaċità tal-imsemmija forma li tissodisfa l-funzjoni ta’ indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali.

    65

    Kien ukoll b’mod ġust li l-Bord tal-Appell imminimizza l-importanza tal-premjijiet għad-disinni invokati mir-rikorrenti. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, il-fatt li prodotti għandhom disinn ta’ kwalità ma jimplikax neċessarjament li trade mark magħmula mill-forma tridimensjonali ta’ dawn il-prodotti tippermetti ab initio li l-imsemmija prodotti jiġu distinti minn dawk ta’ impriżi oħra, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 2017/1001 (ara s-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2007, Neumann vs UASI (Forma ta’ ras tal-mikrofonu), T‑358/04, EU:T:2007:263, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, hekk kif isostni l-EUIPO, l-esperti li jattribwixxu dawn il-premjijiet jistgħu jintalbu sabiex jikkonċentraw fuq differenzi żgħar, filwaqt li l-pubbliku rilevanti, li għandu attenzjoni medja f’dan il-każ, ma jagħmilx eżami analitiku tal-forma inkwistjoni.

    [omissis]

     

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

    taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Ir-rikors huwa miċħud.

     

    2)

    Hickies, Inc. hija kkundannata għall-ispejjeż.

     

    Papasavvas

    Csehi

    Spineanu‑Matei

    Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-5 ta’ Frar 2020.

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    ( 1 ) Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.

    Top