Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CO0269

    Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-5 ta’ Lulju 2018.
    Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie vs C u J u S vs Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-Raad van State.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32/UE – Artikolu 46(6) u (8) – Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali manifestament infondata – Dritt għal rimedju effettiv – Awtorizzazzjoni li persuna tibqa’ fit-territorju ta’ Stat Membru – Direttiva 2008/115/KE – Artikoli 2, 3 u 15 – Residenza irregolari – Detenzjoni.
    Kawża C-269/18 PPU.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:544

    DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    5 ta’ Lulju 2018 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32/UE – Artikolu 46(6) u (8) – Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali manifestament infondata – Dritt għal rimedju effettiv – Awtorizzazzjoni li persuna tibqa’ fit-territorju ta’ Stat Membru – Direttiva 2008/115/KE – Artikoli 2, 3 u 15 – Residenza irregolari – Detenzjoni”

    Fil-Kawża C‑269/18 PPU,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ April 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ April 2018, fil-proċedura

    Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie

    vs

    C,

    u

    J,

    S

    vs

    Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, C. G. Fernlund, J.‑C. Bonichot (Relatur), A. Arabadjiev u E. Regan, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: N. Wahl,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat it-talba tal-qorti tar-rinviju tad-19 ta’ April 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ April 2018, li tressaq ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari għall-proċedura b’urġenza, skont l-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

    wara li rat id-deċiżjoni tal-15 ta’ Mejju 2018 tal-Ewwel Awla li tilqa’ l-imsemmija talba,

    tagħti l-preżenti

    Digriet

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98), kif ukoll tal-Artikolu 46(6)(a), u tal-Artikolu 46(8) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tliet tilwimiet bejn, fil-każ tal-ewwel waħda, is-Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie (is-Segretarju tal-Istat għas-Sigurtà u għall-Ġustizzja, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem, is-“Segretarju tal-Istat”) u C, u fil-każ tat-tieni u t-tielet tilwima bejn, minn naħa, J u S u, min-naħa l-oħra, is-Segretarju tal-Istat, rigward il-legalità ta’ miżuri ta’ detenzjoni adottati kontra C, J u S wara li l-applikazzjonijiet tagħhom għal protezzjoni internazzjonali ġew miċħuda bħala manifestament infondati, fis-sens tal-Artikolu 32(2), u tal-Artikolu 46(6)(a) tad-Direttiva 2013/32.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    Id-Direttiva 2008/115

    3

    Il-premessi 9 u 12 tad-Direttiva 2008/115 jgħidu:

    “(9)

    Skond id-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE ta’ l-1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għall-proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar ta’ l-istatus ta’ rifuġjat [ĠU L 175M, p. 168], ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun applika għal asil fi Stat Membru ma għandux ikun meqjus bħala li qiegħed illegalment fit-territorju ta’ l-Istat Membru sakemm ma tidħolx fis-seħħ deċiżjoni negattiva fir-rigward ta’ l-applikazzjoni jew deċiżjoni li ttemm id-dritt ta’ soġġorn tiegħu jew tagħha biex ifittex asil.

    […]

    (12)

    Għandha tiġi indirizzata s-sitwazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, iżda li għadhom ma jistgħux jiġu mneħħija. […]”

    4

    L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2008/115 jipprevedi:

    “Din id-Direttiva tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru.”

    5

    L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

    “Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    […]

    2)

    ‘soġġorn illegali’ tfisser il-preżenza fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax, jew m’għadux jissodisfa l-kondizzjonijiet ta’ dħul kif stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jew kondizzjonijiet oħrajn għal dħul, soġġorn jew residenza f’dak l-Istat Membru;

    3)

    ‘ritorn’ tfisser il-proċess tat-tluq lura ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz - kemm jekk b’konformità volontarja ma’ obbligu ta’ ritorn kif ukoll jekk infurzat - għal:

    il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew tagħha, jew

    pajjiż ta’ transitu skond ftehim ta’ riamissjoni Komunitarja jew bilaterali jew arranġamenti oħra, jew

    pajjiż terz ieħor, li għalih iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat volontarjament jiddeċiedi li jirritorna u li fih hu jew hi ser jiġi aċċettat;

    4)

    ‘deċiżjoni ta’ ritorn’ tfisser deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju, li jgħid jew jiddikjara li s-soġġorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz hija illegali u li jimponi jew jiddikjara l-obbligu ta’ ritorn;

    […]”

    6

    L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Deċiżjoni ta’ ritorn”, jipprevedi:

    “1.   L-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment fit-territorju tagħhom, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 sa 5.

    […]

    4.   L-Istati Membri jistgħu, f’kull ħin, jiddeċiedu li jagħtu permess ta’ residenza awtonomu jew awtorizzazzjoni oħra li toffri d-dritt ta’ soġġorn għal raġunijiet ta’ kompassjoni, dawk umanitarji jew għal raġunijiet oħrajn lil ċittadin minn pajjiż terz li jkun qiegħed illegalment fit-territorju tagħhom. F’dan il-każ m’għandha tinħareġ ebda deċiżjoni ta’ ritorn. Fejn deċiżjoni ta’ ritorn tkun diġà nħarġet, din għandha tiġi rtirata jew sospiża tul iż-żmien tal-validità tal-permess ta’ residenza jew ta’ awtorizzazzjoni oħra li toffri dritt ta’ soġġorn.

    […]

    6.   Din id-Direttiva m’għandhiex tipprekludi lill-Istati Membri milli jadottaw deċiżjoni dwar it-tmiem ta’ soġġorn legali flimkien ma’ deċiżjoni ta’ ritorn u/jew deċiżjoni dwar tneħħija u/jew projbizzjoni fuq id-dħul f’deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju wieħed kif previst fil-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom, mingħajr preġudizzju għas-salvagwardji proċedurali disponibbli taħt il-Kapitolu III u taħt dispożizzjonijiet rilevanti oħrajn ta’ liġi Komunitarja u nazzjonali.”

    7

    L-Artikolu 13(1) u (2) tal-istess direttiva jipprevedi:

    “1.   Iċ-ċittadin konċernat ta’ pajjiż terz għandu jingħata dritt għal rimedju effettiv li jappella kontra jew li jitlob reviżjoni tad-deċiżjonijiet relatati mar-ritorn, kif imsemmi fl-Artikolu 12(1) quddiem awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva kompetenti jew korp kompetenti magħmul minn membri imparzjali u li jgawdu minn salvagwardji ta’ indipendenza.

    2.   L-awtorità jew il-korp imsemmijin fil-paragrafu 1 hawn fuq għandhom ikollhom is-setgħa li jirrivedu deċiżjonijiet relatati mar-ritorn, kif imsemmi fl-Artikolu 12(1), inkluża l-possibbiltà li jiġi sospiż temporanjament l-infurzar tagħhom, dment li ma tkunx diġà applikabbli sospensjoni temporanja taħt il-leġislazzjoni nazzjonali.

    […]”

    8

    L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115 jipprevedi:

    “1.   Dment li ma jistgħux jiġu applikati b’mod effettiv miżuri oħrajn suffiċjenti iżda inqas koersivi fil-każ speċifiku, l-Istati Membri jistgħu biss iżommu f’detenzjoni ċittadin ta’ pajjiż terz, li hu suġġett għal proċeduri ta’ ritorn biex jitħejja r-ritorn u/jew jitwettaq il-proċess ta’ tneħħija, partikolarment meta:

    a)

    jkun hemm riskju ta’ ħarba jew

    b)

    iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat jevita jew ifixkel it-tħejjija tar-ritorn jew il-proċess ta’ tneħħija.

    Kwalunkwe detenzjoni għandha tkun għal perijodu kemm jista’ jkun qasir u għandha tinżamm biss sakemm l-arranġamenti ta’ tneħħija jkunu qed isiru u jitwettqu bid-diliġenza dovuta.

    […]

    5.   Id-detenzjoni għandha titkompla għal tul ta’ perijodu meħtieġ biex il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 jiġu sodisfatti u biex tiġi żgurata t-tneħħija b’suċċess. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi perijodu limitat ta’ detenzjoni, li ma jistax jeċċedi sitt xhur.

    6.   L-Istati Membri jistgħu ma jestendux il-perijodu msemmi fil-paragrafu 5 ħlief għal perijodu limitat li ma jeċċedix it-tnax-il xahar oħra skond il-liġi nazzjonali f’każijiet fejn minkejja l-isforzi raġonevoli kollha tagħhom l-operazzjoni ta’ tneħħija tista’ ddum minħabba:

    a)

    nuqqas ta’ kooperazzjoni miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat, jew

    b)

    dewmien fil-kisba tad-dokumentazzjoni neċessarja minn pajjiżi terzi.”

    Id-Direttiva 2013/32

    9

    L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2013/32 jipprevedi:

    “L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jiġu stabbiliti proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal- protezzjoni internazzjonali f’konformità mad-Direttiva 2011/95/UE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9)].”

    10

    L-Artikolu 31(8) tad-Direttiva 2013/32 huwa fformulat kif ġej:

    “L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li proċedura ta’ eżami konformi mal-prinċipji u l-garanziji bażiċi tal-Kapitolu II tiġi mgħaġġla u/jew titmexxa fil-fruntiera jew fiż-żoni ta’ transitu taħt l-Artikolu 43 jekk:

    a)

    l-applikant, fil-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu/tagħha u fil-preżentazzjoni tal-fatti, qajjem biss kwistjonijiet li mhumiex relevanti għall-eżami dwar jekk huwa/hija jikkwalifikax/tikkwalifikax jew le bħala benefiċjarju/benefiċjarja ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95]; jew

    b)

    l-applikant ikun ġej minn pajjiż ta’ oriġini bla periklu skont it-tifsira ta’ din id-Direttiva jew

    c)

    l-applikant inganna lill-awtoritajiet billi ppreżenta informazzjoni jew dokumenti foloz jew billi żamm għalih informazzjoni jew dokumenti relevanti fir-rigward tal-identità u/jew tan-nazzjonalità tiegħu li setgħu kellhom impatt negattiv fuq id-deċiżjoni; jew

    d)

    probabbilment, b’malafede, l-applikant iddistruġġa jew iddispona minn dokument tal-identità jew tal-ivvjaġġar li seta’ għen sabiex tiġi stabbilita l-identità jew in-nazzjonalità tiegħu; jew

    e)

    l-applikant ikun għamel rappreżentazzjonijiet li b’mod ċar kienu inkonsistenti u kontradittorji li jkunu foloz jew manifestament improbabbli jew insuffiċjenti li jikkontradixxu informazzjoni vverfikata kif xieraq dwar il-pajjiż ta’ oriġini, li konsegwentement jwasslu biex it-talba tiegħu/tagħha ma tkunx tidher konvinċenti fir-rigward tad- jekk huwa/hija jikkwalifikaw/tikkwalifikax bħala benefiċjarju/benefiċjarja ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95]; jew

    f)

    l-applikant ikun ippreżenta applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali li mhix ammissibbli f’konformità mal-Artikolu 40(5); jew

    g)

    l-applikant ikun qiegħed jippreżenta applikazzjoni biss sabiex jittardja jew ifixkel l-infurzar ta’ deċiżjoni preċedenti jew imminenti li tirriżulta fl-espulsjoni tiegħu/tagħha; jew

    h)

    l-applikant daħal fit-territorju tal-Istat Membru illegalment jew tawwal is-soġġorn tiegħu illegalment u, mingħajr raġuni valida, ma ppreżentax ruħu lill-awtoritajiet jew ma ppreżentax applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali malajr kemm jista’ jkun, minħabba ċ-ċirkustanzi tal-dħul tiegħu; jew

    i)

    l-applikant jirrifjuta li jikkonforma mal-obbligu li jittieħdulu l-marki tas-swaba’ f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-istabbiliment tal-Eurodac għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida u għal talbiet għal tqabbil mad-dejta tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-Europol u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi [(ĠU 2013, L 180, p. 1)]; jew

    j)

    l-applikant jista’, għal raġunijiet serji, jiġi kkunsidrat bħala periklu għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku tal-Istat Membru, jew l-applikant ġie espuls bil-forza għal raġunijiet serji ta’ sigurtà pubblika jew ordni pubbliku taħt il-liġi nazzjonali.”

    11

    L-Artikolu 32 tad-Direttiva 2013/32 jipprevedi:

    “1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 27, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni bħala bla bażi biss jekk l-awtorità determinanti tkun stabbilixxiet li l-applikant ma jikkwalifikax għall-protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95].

    2.   F’każijiet ta’ applikazzjonijiet bla bażi li fihom tapplika kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi elenkati fl-Artikolu 31[(8)] l-Istati Membri jistgħu wkoll jikkunsidraw applikazzjoni bħala manifestament bla bażi jekk tkun definita hekk fil-liġi nazzjonali.”

    12

    Skont l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32:

    “[…]

    5.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 6, l-Istati Membri għandhom jippermettu lill-applikanti li jibqgħu fit-territorju tagħhom sakemm jiskadi ż-żmien li fih ikollhom id-dritt għal rimedju effettiv jew, meta tali dritt ġie eżerċitat fil-limitu ta’ żmien, sa meta joħroġ ir-riżultat tar-rimedju.

    6.   Fil-każ li tittieħed deċiżjoni:

    a)

    li tikkunsidra applikazzjoni bħala manifestament bla bażi taħt l-Artikolu 32(2) jew bla bażi wara eżami f’konformità mal- Artikolu 31(8), ħlief każijiet fejn dawn id-deċiżjonijiet ikunu bbażati fuq iċ-ċirkustanzi msemmija fil-punt (h) tal-Artikolu 31(8)(h);

    […]

    qorti jew tribunal għandu jkollu s-setgħa li jiddeċiedi jekk l-applikant jistax jibqa’ jew le fit-territorju tal-Istat Membru, jew fuq talba tal-applikant jew billi jiddeċiedi ex officio, jekk tali deċiżjoni tirriżulta fit-terminazzjoni tad-dritt tal-applikant li jibqa’ fl-Istat Membru u fejn, f’każijiet bħal dawn, id-dritt ta’ rimanenza fl-Istat Membru sa meta joħroġ ir-riżultat tar-rimedju ma tkunx prevista fil-liġi nazzjonali.

    […]

    8.   L-Istati Membri għandhom jippermettu lill-applikant jibqa’ fit-territorju sa meta joħroġ ir-riżultat tal-proċedura kemm jekk l-applikant jista’ jibqa’ fit-territorju u kemm jekk le, kif stipulat fil-paragrafi 6 u 7.

    […]”

    Id-dritt Olandiż

    13

    L-Artikolu 8 tal-Vreemdelingenwet 2000 (il-Liġi tas-sena 2000 dwar il-barranin) jipprevedi:

    “L-applikant huwa f’residenza regolari fil-Pajjiżi l-Baxxi biss:

    […]

    h.

    jekk, sakemm tingħata deċiżjoni fuq dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni jew appell, din il-liġi, dispożizzjoni adottata skont din il-liġi jew deċiżjoni ġudizzjarja tipprovdi li ma hemmx lok li l-applikant jitkeċċa sakemm ma jkunx hemm deċiżjoni dwar id-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni jew l-appell;

    […]”

    14

    L-Artikolu 59(1) ta’ din il-liġi huwa fformulat kif ġej:

    “1.   Jekk l-interess tal-ordni pubbliku jew tas-sigurtà nazzjonali jeżiġuh, is-Segretarju tal-Istat jista’ jqiegħed f’detenzjoni, għall-finijiet tat-tkeċċija tiegħu, l-applikant li:

    a.

    ma huwiex f’residenza regolari;

    b.

    huwa f’residenza regolari skont l-Artikolu 8(f), (g) u (h), mingħajr ma huwa applikant fis-sens tal-Artikoli 59a u 59b;

    […]”

    15

    Skont l-Artikolu 59(5) tal-Liġi tas-sena 2000 dwar il-barranin, id-detenzjoni ma taqbiżx is-sitt xhur mingħajr ħsara għall-paragrafu 4.

    16

    L-Artikolu 59(6) tal-Liġi tas-sena 2000 dwar il-barranin jipprevedi li, b’deroga mill-paragrafu 5 u mingħajr ħsara għall-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, id-detenzjoni skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-istess artikolu tista’ tiġi estiża b’mhux iktar minn tnax-il xahar supplimentari fejn, minkejja l-isforzi raġonevoli kollha, l-operazzjoni ta’ tkeċċija tista’ ddum minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-barrani fit-tkeċċija tiegħu jew minħabba l-assenza tad-dokumenti meħtieġa għal dan il-għan mistennija minn pajjiżi terzi.

    17

    L-Artikolu 59b ta’ din il-liġi jipprevedi:

    “1.   L-applikant li huwa residenti b’mod regolari skont l-Artikolu 8(f)(g) jew (h), sa fejn jirrigwarda applikazzjoni għal ħruġ ta’ permess ta’ residenza fis-sens tal-Artikolu 28, jista’ jiġi detenut mis-Segretarju tal-Istat, jekk:

    a.

    id-detenzjoni tkun neċessarja sabiex tiġi stabbilita l-identità jew in-nazzjonalità tal-applikant;

    b.

    id-detenzjoni tkun neċessarja sabiex tinġabar id-data neċessarja għall-evalwazzjoni ta’ applikazzjoni għal permess ta’ residenza temporanja fis-sens tal-Artikolu 28, b’mod partikolari jekk ikun hemm riskju ta’ tneħħija ta’ dokumenti;

    c.

    l-applikant:

    jitqiegħed f’detenzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ritorn taħt id-Direttiva ritorn;

    diġà kellu l-possibbiltà li jaċċedi għall-proċedura ta’ ażil, u

    jeżistu motivi raġonevoli sabiex wieħed jemmen li l-applikant ippreżenta l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali biss sabiex idewwem jew jipprekludi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn; jew

    d.

    l-applikant jikkostitwixxi theddida għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku fis-sens tal-Artikolu 8(3)(e) tad-Direttiva [2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96)].

    […]”

    18

    L-Artikolu 82 tal-istess liġi jipprevedi:

    “1.   L-effett ta’ deċiżjoni rigward permess ta’ residenza huwa sospiż sal-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors jew, jekk rikors jiġi ppreżentat, sakemm dan jiġi deċiż.

    2.   Il-paragrafu 1 ma japplikax jekk:

    […]

    c.

    l-applikazzjoni tiġi miċħuda bħala manifestament infondata skont l-Artikolu 30b, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 30b(1)(h);

    […]

    6.   Regoli iktar iddettaljati jistgħu jiġu stabbiliti permezz jew bis-saħħa ta’ miżura ġenerali ta’ amministrazzjoni f’dak li jirrigwarda d-dritt ta’ residenza jew le fil-Pajjiżi l-Baxxi sakemm tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal miżuri provviżorji.”

    19

    Skont l-Artikolu 7.3 tal-Vreemdelingenbesluit 2000 (id-Digriet tas-sena 2000 dwar il-barranin):

    “1.   Jekk talba għal miżuri provviżorji titressaq sabiex jiġi evitat li t-tkeċċija sseħħ qabel ma jiġi deċiż dwar rikors ippreżentat kontra deċiżjoni adottata fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal permess ta’ residenza fis-sens tal-Artikolu 28 tal-[Liġi tas-sena 2000 dwar il-barranin], l-applikant huwa awtorizzat jirrisjedi fil-pajjiż sakemm tingħata d-deċiżjoni fuq din it-talba.

    […]”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    20

    It-tilwima fil-kawża prinċipali tikkonċerna tliet ċittadini ta’ pajjiżi terzi, jiġifieri C, J u S, li l-applikazzjonijiet tagħhom għal protezzjoni internazzjonali ġew miċħuda mis-Segretarju tal-Istat bħala manifestament infondati fis-sens tal-Artikolu 32(2) tad-Direttiva 2013/32 u li, sussegwentement, tqiegħdu f’detenzjoni sabiex jitħejja r-ritorn tagħhom, skont l-Artikolu 59(1)(a) tal-Liġi tas-sena 2000 dwar il-barranin, li jittrasponi l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/115.

    21

    Mill-proċess fid-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rikors ippreżentat kontra deċiżjoni li tiċħad bħala manifestament infondata applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz ma għandux effett ta’ sospensjoni. Madankollu, dan jista’ jindirizza ruħu quddiem il-qorti sabiex jiġi awtorizzat jibqa’ fit-territorju Olandiż sal-eżitu tar-rikors fuq il-mertu u jista’ jibqa’ f’dan it-territorju sakemm tingħata deċiżjoni dwar din it-talba għal miżuri provviżorji.

    22

    L-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn C fit-23 ta’ Novembru 2011 ġiet miċħuda fil-11 ta’ April 2017. C tqiegħed f’detenzjoni fit-13 ta’ April ta’ wara. Wara li l-ewwel qorti kkonstatat li din il-miżura ta’ detenzjoni kienet ibbażata fuq bażi legali skorretta, is-Segretarju tal-Istat appella quddiem ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi).

    23

    Fil-31 ta’ Lulju 2017, ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Zwolle (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti fi Zwolle, il-Pajjiżi l-Baxxi) ċaħdet it-talba għal miżuri provviżorji mressqa minn C, li tneħħa fil-15 ta’ Awwissu 2017.

    24

    L-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn J fit-13 ta’ Settembru 2017 ġiet miċħuda fl-24 ta’ Ottubru 2017. Fl-istess jum, J tqiegħed f’detenzjoni. Wara li l-legalità ta’ din il-miżura ġiet ikkonfermata fl-ewwel istanza, J appella quddiem ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat).

    25

    Fid-29 ta’ Marzu 2018, ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Rotterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Rotterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) laqgħet ir-rikors ta’ J kontra ż-żamma tat-tqegħid f’detenzjoni. Din il-qorti osservat, f’dan ir-rigward, li, fit-12 ta’ Marzu 2018, J kien ilu jinsab f’detenzjoni sitt xhur mingħajr interruzzjoni u li s-Segretarju tal-Istat ma kienx wettaq ibbilanċjar tal-interessi sabiex iżomm id-detenzjoni.

    26

    L-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn S fis-17 ta’ Ġunju 2017 ġiet miċħuda fis-6 ta’ Novembru 2017. Fis-6 ta’ Diċembru 2017, S tqiegħed f’detenzjoni. Wara li l-ewwel qorti kkonfermat il-legalità ta’ din il-miżura, S appella quddiem ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat).

    27

    B’risposta għal domanda għal kjarifiki indirizzata lill-qorti tar-rinviju skont l-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, din il-qorti informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li, b’deċiżjoni tal-14 ta’ Diċembru 2017, l-Imħallef għal miżuri provviżorji tar-rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi) kien ċaħad it-talba għal miżuri provviżorji magħmula minn S. Għaldaqstant, “ma kienx hemm lok li jitneħħa t-tqegħid [tiegħu] f’detenzjoni”.

    28

    Ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) josserva li C, J u S tqiegħdu f’detenzjoni abbażi tal-Artikolu 59(1)(a) tal-Liġi tas-sena 2000 dwar il-barranin, li jittrasponi l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/115, u li, sabiex din il-bażi legali setgħet tiġi applikata validament, kien meħtieġ li l-persuni kkonċernati jkunu f’residenza irregolari, fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115.

    29

    Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tosserva li, skont id-dritt Olandiż, il-persuna li tippreżenta rikors kontra deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni tagħha għal protezzjoni internazzjonali bħala manifestament infondata tinsab f’residenza irregolari, ladarba, skont l-Artikolu 82(2)(c) tal-Liġi tas-sena 2000 dwar il-barranin, li jittrasponi l-Artikolu 46(6)(a) tad-Direttiva 2013/32, rikors kontra tali deċiżjoni ma għandux effett ta’ sospensjoni awtomatiku.

    30

    Huwa minnu li skont l-Artikolu 7.3(1) tad-Digriet tas-sena 2000 dwar il-barranin, li jittrasponi l-Artikolu 46(8) tad-Direttiva 2013/32, ċittadin ta’ pajjiż terz li l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali ġiet miċħuda bħala manifestament infondata jista’ jitlob miżuri provviżorji intiżi sabiex jippermettulu jibqa’ fit-territorju. F’dan il-każ, id-dritt Olandiż jawtorizzah jibqa’ fit-territorju sakemm tingħata deċiżjoni fuq din it-talba. Madankollu, ir-residenza tiegħu tista’ titqies bħala regolari biss wara d-deċiżjoni tal-Imħallef għal miżuri provviżorji li tilqa’ t-talba għal miżuri provviżorji.

    31

    Skont il-qorti tar-rinviju, ma huwiex eskluż li dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali interpretati b’dan il-mod imorru kontra d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari kontra l-Artikolu 46(6) u (8) tad-Direttiva 2013/32, moqri fid-dawl tal-Artikolu 46(5) ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Gnandi (C‑181/16, EU:C:2017:467), ippreżentati fil-15 ta’ Ġunju 2017, l-Avukat Ġenerali Mengozzi qies li mill-punti 44 sa 49 tas-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Arslan (C‑534/11, EU:C:2013:343), jirriżulta li “ċittadin ta’ pajjiż terz applikant għall-ażil ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li qiegħed irregolarment fit-territorju tal-Istat Membru fejn huwa ppreżenta l-applikazzjoni sakemm id-dritt li jibqa’ fuq dan it-territorju – fl-istennija li tintemm il-proċedura li tirrigwarda lil din l-applikazzjoni – huwa rrikonoxxut lilu, kemm jekk dan jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni jew mid-dritt nazzjonali”.

    32

    Għalhekk, sabiex jiġi stabbilit jekk, fil-kawżi mressqa quddiemu, il-miżuri ta’ detenzjoni ġewx adottati legalment, għandu, skont ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat), jiġi stabbilit jekk awtorizzazzjoni li persuna tibqa’ mogħtija minn Stat Membru skont l-Artikolu 46(8) tad-Direttiva 2013/32 tipprekludix li r-residenza tal-persuna kkonċernata titqies bħala irregolari sakemm ma tkunx ingħatat deċiżjoni fuq it-talba tagħha għal miżuri provviżorji.

    33

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Fil-każ fejn awtorità responsabbi mid-determinazzjoni ċaħdet applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala manifestament infondata fis-sens tal-Artikolu 46(6)(a) tad-Direttiva [2013/32] u li skont id-dritt nazzjonali, ir-rikors ġudizzjarju kontra din id-deċiżjoni ta’ ċaħda ma għandux effett sospensiv awtomatiku, l-Artikolu 46(8) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretatat fis-sens li s-sempliċi fatt li titressaq talba għal miżuri provviżorji għandu bħala konsegwenza li l-applikant ma jibqax iktar residenti illegali fit-territorju tal-Istat Membru kkunsidrat, fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva [2008/115] u jaqa’, għal din ir-raġuni, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva [2013/33]?

    2)

    Huwa importanti, għar-risposta għall-ewwel domanda, li d-dritt nazzjonali – fid-dawl tal-prinċipju ta’ non-refoulement – ma jipprevedix li l-applikant jitneħħa qabel ma qorti, fuq talba, tkun iddeċidiet li ma jistax ikun hemm aspettattiva ta’ deċiżjoni tal-appell kontra d-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ protezzjoni internazzjonali?”

    Fuq il-proċedura b’urġenza

    34

    Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    35

    Insostenn tat-talba tagħha, din il-qorti ssostni li S bħalissa huwa mqiegħed f’detenzjoni. Hija tosserva, f’dan ir-rigward, li jekk tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari fis-sens li, wara t-tressiq tat-talba tiegħu għal miżuri provviżorji, S kien jinsab f’residenza regolari fit-territorju Olandiż, il-miżura ta’ detenzjoni, prevista fl-Artikolu 59(1)(a) tal-Liġi tas-sena 2000 dwar il-barranin, tkun ġiet adottata b’mod żbaljat.

    36

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li din it-talba għal deċiżjoni preliminari, li tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttivi 2008/115 u 2013/32, tqajjem domandi li jaqgħu taħt it-tielet parti, Titolu V, tat-Trattat FUE. Għaldaqstant hija tista’ tiġi suġġetta għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

    37

    Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li, fid-data tal-eżami tat-talba intiża sabiex dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari, S kien f’detenzjoni u li s-soluzzjoni għat-tilwima fil-kawża prinċipali jista’ jkollha l-konsegwenza li ttemm immedjatament it-tneħħija ta’ libertà li huwa kien is-suġġett tagħha.

    38

    Min-naħa l-oħra, peress li C tneħħa mit-territorju Olandiż u J ma għadux f’detenzjoni, il-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari ma hijiex iġġustifikata fil-każijiet tagħhom.

    39

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq u, fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ S, l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-15 ta’ Mejju 2018, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju sabiex dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

    Fuq id-domandi preliminari

    40

    Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura, meta domanda magħmula b’mod preliminari tkun identika għal domanda li dwarha l-Qorti tal-Ġustizzja tkun diġà ddeċidiet, meta r-risposta għal tali domanda tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew meta r-risposta għad-domanda preliminari magħmula ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

    41

    Din id-dispożizzjoni għandha tiġi applikata fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

    42

    Il-qorti tar-rinviju, li bdiet mill-prinċipju li tista’ titqiegħed f’detenzjoni biss persuna li tinsab f’residenza irregolari fit-territorju nazzjonali, tistaqsi dwar jekk id-Direttiva 2008/115 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li ċittadin ta’ pajjiż terz li ppreżenta rikors kontra d-deċiżjoni li permezz tagħha l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali ġiet miċħuda bħala manifestament infondata għandux jitqies bħala f’residenza regolari fit-territorju, ladarba, skont l-Artikolu 46(8) tad-Direttiva 2013/32, huwa għandu jiġi awtorizzat jibqa’ f’dan it-territorju sal-eżitu tal-proċedura li permezz tagħha għandu jiġi deċiż jekk huwiex ammess, jew le, jibqa’ fl-imsemmi territorju sa l-eżitu tar-rikors fuq il-mertu. Jekk tingħata risposta fl-affermattiv, id-Direttiva 2008/115 tipprekludi, f’dak il-każ, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tqis li tali persuna hija f’residenza irregolari u tippermetti konsegwentement it-tqegħid tagħha f’detenzjoni.

    43

    Bid-domandi preliminari tagħha, din il-qorti tistaqsi, għaldaqstant, essenzjalment, jekk id-Direttivi 2008/115 u 2013/32 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu li ċittadin ta’ pajjiż terz, li l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali ġiet miċħuda, fl-ewwel istanza mill-awtorità amministrattiva kompetenti, bħala manifestament infondata, jitqiegħed f’detenzjoni, sabiex jitneħħa, ladarba, skont l-Artikolu 46(6) u (8) tad-Direttiva 2013/32, huwa legalment awtorizzat jibqa’ fit-territorju nazzjonali sakemm tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors tiegħu rigward id-dritt li jibqa’ f’dan it-territorju fl-istennija tal-eżitu tar-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni li ċaħdet l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali.

    44

    Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2008/115, din id-direttiva tapplika għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz f’residenza irregolari fit-territorju ta’ Stat Membru. Skont l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu, fil-prinċipju, deċiżjoni ta’ ritorn kontra ċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment fit-territorju tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi,C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 37).

    45

    Mid-definizzjoni tar-“residenza irregolari” li tinsab fil-punt 2 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, jirriżulta li ċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi li jkunu preżenti fit-territorju ta’ Stat Membru mingħajr ma jissodisfaw il-kundizzjonijiet għal dħul, għal soġġorn jew għal residenza f’dan ikunu jinsabu, b’dan is-sempliċi fatt, f’residenza irregolari (sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi, C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 39).

    46

    Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, fil-punti 47 u 49 tas-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Arslan (C‑534/11, EU:C:2013:343), li awtorizzazzjoni li wieħed jibqa’ fit-territorju għall-finijiet tal-eżerċizzju effettiv ta’ rikors kontra ċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tipprekludi l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115 għaċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li ppreżenta din l-applikazzjoni sal-eżitu tar-rikors kontra ċ-ċaħda ta’ din (sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi, C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 43).

    47

    Madankollu, minn din is-sentenza ma jistax jiġi dedott li tali awtorizzazzjoni li persuna tibqa’ tipprojbixxi l-kunsiderazzjoni li, miċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, u bla ħsara għall-eżistenza ta’ dritt jew ta’ permess ta’ residenza, ir-residenza tal-persuna kkonċernata ssir irregolari, fis-sens tad-Direttiva 2008/115. Bil-kontra, sakemm ma jkunx ingħatalu dritt jew permess ta’ residenza kif previst fl-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2008/115, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jinsab f’residenza irregolari, fis-sens tad-Direttiva 2008/115, miċ-ċaħda tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali fl-ewwel istanza mill-awtorità responsabbli, u dan indipendentement mill-eżistenza ta’ awtorizzazzjoni li l-persuna tibqa’ sa l-eżitu tar-rikors kontra din iċ-ċaħda (sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi, C‑181/16, EU:C:2018:465, punti 44 u 59).

    48

    B’dan il-mod, miċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jew b’mod kumulattiv ma’ din fl-istess att amministrattiv, deċiżjoni ta’ ritorn tista’, fil-prinċipju, tiġi adottata kontra l-persuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi, C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 59).

    49

    Fid-dawl ta’ dan, għandu jiġi enfasizzat li l-Istati Membri għandhom jagħmlu mod li kull deċiżjoni ta’ ritorn tosserva l-garanziji proċedurali stabbiliti fil-Kapitolu III tad-Direttiva 2008/115 kif ukoll id-dispożizzjonijiet rilevanti l-oħra tad-dritt tal-Unjoni u tad-dritt nazzjonali. Tali obbligu huwa previst b’mod espliċitu fl-Artikolu 6(6) ta’ din id-direttiva fil-każ fejn id-deċiżjoni ta’ ritorn tiġi adottata fl-istess ħin li fih tiġi miċħuda l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-ewwel istanza mill-awtorità responsabbli. Hija għandha tapplika wkoll f’sitwazzjoni fejn id-deċiżjoni ta’ ritorn tkun ittieħdet immedjatament wara ċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, f’att ta’ natura amministrattiva separat u minn awtorità differenti (sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi, C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 60).

    50

    F’dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-effettività sħiħa tar-rikors kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, u dan jitlob, b’mod partikolari, is-sospensjoni tal-effetti kollha tad-deċiżjoni ta’ ritorn matul il-perijodu li fih jista’ jiġi ppreżentat dan ir-rikors u, jekk tali rikors jiġi ppreżentat, sal-eżitu ta’ dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi, C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 61).

    51

    F’dan ir-rigward, id-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv jimplika li l-effetti legali kollha tad-deċiżjoni ta’ ritorn jiġu sospiżi, u dan għandu, b’mod partikolari, bħala konsegwenza li l-persuna kkonċernata ma tistax titqiegħed f’detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115 sakemm huwa awtorizzat jibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi, C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 62).

    52

    L-istess jgħodd għal ċittadin ta’ pajjiż terz li l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali ġiet miċħuda bħala manifestament infondata, skont l-Artikolu 32(2) tad-Direttiva 2013/32.

    53

    Huwa minnu li mill-Artikolu 46(5) u (6) tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li, f’dan il-każ, il-persuna kkonċernata ma għandhiex ipso jure d-dritt li tibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat sa l-eżitu tar-rikors tagħha. Madankollu, skont ir-rekwiżiti tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 46(6) ta’ din id-direttiva, dan għandu jkun jista’ jressaq każ quddiem qorti li tiddeċiedi jekk huwa jistax jibqa’ f’dan it-territorju sakemm ir-rikors tiegħu jiġi deċiż fuq il-mertu. L-Artikolu 46(8) tal-istess direttiva jipprevedi li, sa l-eżitu ta’ din il-proċedura intiża sabiex jiġi deċiż jekk il-persuna kkonċernata tistax tibqa’, l-Istat Membru kkonċernat għandu jagħtiha l-awtorizzazzjoni li tibqa’ fit-territorju tiegħu.

    54

    Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li ċittadin ta’ pajjiż terz li l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali ġiet miċħuda bħala manifestament infondata ma jistax jitqiegħed f’detenzjoni skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115 matul il-perijodu li fih jista’ jiġi ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda. Jekk tali rikors jiġi ppreżentat, il-persuna kkonċernata lanqas ma tista’ tkun suġġetta għal miżura ta’ detenzjoni abbażi ta’ dan l-artikolu sakemm hija awtorizzata tibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, skont l-Artikolu 46(8) tad-Direttiva 2013/32.

    55

    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li d-Direttivi 2008/115 u 2013/32 għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu li ċittadin ta’ pajjiż terz, li l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali ġiet miċħuda, fl-ewwel istanza mill-awtorità amministrattiva kompetenti, bħala manifestament infondata, jitqiegħed f’detenzjoni, sabiex jitneħħa, meta, skont l-Artikolu 46(6) u (8) tad-Direttiva 2013/32, huwa legalment awtorizzat jibqa’ fit-territorju nazzjonali sakemm tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors tiegħu rigward id-dritt li jibqa’ f’dan it-territorju fl-istennija tal-eżitu tar-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni li ċaħdet l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali.

    Fuq l-ispejjeż

    56

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, u d-Direttiva 2013/32/UE Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu li ċittadin ta’ pajjiż terz, li l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali ġiet miċħuda, fl-ewwel istanza mill-awtorità amministrattiva kompetenti, bħala manifestament infondata, jitqiegħed f’detenzjoni, sabiex jitneħħa, meta, skont l-Artikolu 46(6) u (8) tad-Direttiva 2013/32, huwa legalment awtorizzat jibqa’ fit-territorju nazzjonali sakemm tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors tiegħu rigward id-dritt li jibqa’ f’dan it-territorju fl-istennija tal-eżitu tar-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni li ċaħdet l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Top