Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CN0489

    Kawża C-489/18: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Budapest Környéki Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (l-Ungerija) fis-26 ta’ Lulju 2018 – Farmland Kft. vs Földművelésügyi Miniszter

    ĠU C 381, 22.10.2018, p. 6–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    22.10.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 381/6


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Budapest Környéki Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (l-Ungerija) fis-26 ta’ Lulju 2018 – Farmland Kft. vs Földművelésügyi Miniszter

    (Kawża C-489/18)

    (2018/C 381/08)

    Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

    Qorti tar-rinviju

    Budapest Környéki Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: Farmland Kft.

    Konvenut: Földművelésügyi Miniszter

    Domandi preliminari

    1)

    Il-leġiżlazzjoni stabbilita fid-digriet tal-Ministru għall-Agrikoltura u għall-Iżvilupp Rurali Nru 22/2010 tas-16 ta’ Marzu, fid-digriet tal-Ministru għall-Agrikoltura u għall-Iżvilupp Rurali Nru 34/2010 tad-9 ta’ April, fid-digriet tal-Ministru għall-Iżvilupp Rurali Nru 25/2011 tas-7 ta’ April u fid-digriet tal-Ministru għall-Iżvilupp Rurali Nru 22/2011 tal-25 ta’ Marzu, hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni li jindika li l-applikazzjoni għall-għajnuna għal bidwi tista’ tiġi biss miċħuda fuq il-bażi tal-kriterji kollha flimkien li huma relatati mal-kunċett ta’ “utent leġittimu tal-art”, li huwa rregolat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, u fl-assenza tal-hekk imsejjaħ “ċertifikat tal-użu tal-art”, li jirriżulta minn dawn il-kriterji, anki jekk il-produttur tal-Unjoni jissodisfa l-kriterji l-oħra relatati mal-applikazzjoni għall-għajnuna u, b’mod partikolari, jista’ jipproduċi l-prova li s-superfiċji ddikjarati huma għad-dispożizzjoni tiegħu, jiġifieri li jiġġestixxi u jagħmel użu minnhom?

    2)

    Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, id-dritt tal-Unjoni jeħtieġ li l-aġenzija tal-ħlas tal-Istat Membru, meta tevalwa l-applikazzjoni għall-għajnuna, tikkunsidra provi oħra relatati mar-rekwiżit li “[għandu jkun] disponibbli” msemmi fl-Artikolu 124 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009? (1)

    3)

    Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, x’konsegwenzi legali għandha, jiġifieri kif għandha tiġi interpretata jew evalwata fl-applikazzjoni unika d-“dikjarazzjoni mill-bidwi li huwa konxju mill-kundizzjonijiet marbuta mal-iskemi ta’ għajnuna konċernati”, meħtieġa mill-Artikolu 12(1)(e) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009 (2), fir-rigward ta’ dispożizzjoni restrittiva speċifika tal-Istat Membru bħall-kriterji kollha flimkien li huma relatati mal-“utent leġittimu tal-art”?

    4)

    Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, x’konsegwenzi legali għandu, jiġifieri kif għandu jiġi interpretat jew evalwat fl-applikazzjoni unika obbligu, impost mill-Istat Membru, li jagħti dikjarazzjoni dwar il-konformità mal-kriterji kollha flimkien li huma relatati mal-kunċett ta’ “utent leġittimu tal-art”, jiġifieri, dwar il-konformità mar-rekwiżiti amministrattivi relatati ma’ dik id-dispożizzjoni restrittiva speċifika tal-Istat Membru?


    (1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad-19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU 2009, L 30, p. 16, rettifika fil-ĠU 2010, L 43, p. 7).

    (2)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-kundizzjonalità, il-modulazzjoni u s-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, skont l-iskemi ta’ appoġġ għall-bdiewa previsti għal dak ir-Regolament, kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-kundizzjonalità skont l-iskema ta’ appoġġ prevista għas-settur tal-inbid (ĠU 2009, L 316, p. 65 u rettifika fil-ĠU 2013, L 246, p. 3).


    Top