This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62018CN0290
Case C-290/18: Action brought on 26 April 2018 — European Commission v Portuguese Republic
Kawża C-290/18: Rikors ippreżentat fis-26 ta’ April 2018 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Portugiża
Kawża C-290/18: Rikors ippreżentat fis-26 ta’ April 2018 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Portugiża
ĠU C 249, 16.7.2018, p. 14–15
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Kawża C-290/18: Rikors ippreżentat fis-26 ta’ April 2018 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Portugiża
Rikors ippreżentat fis-26 ta’ April 2018 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Portugiża
(Kawża C-290/18)
2018/C 249/20Lingwa tal-kawża: il-PortugiżPartijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: P. Costa de Oliveira u C. Hermes, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika Portugiża
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
— |
tiddikjara li, billi ma indikatx 7 siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bioġeografiku Atlantiku rrikonoxxuti bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/813/KE ( 1 ) tas-7 ta’ Diċembru 2004 u 54 sit ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bioġeografiku Mediterranju rrikonoxxuti bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/613/KE ( 2 ) tad-19 ta’ Lulju 2006, bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni, malajr kemm jista’ jkun u sa mhux iktar tard minn sitt snin, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha bis-saħħa tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 92/43/KEE ( 3 ) dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa; |
— |
tiddikjara li, billi ma adottatx il-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji li jissodisfaw ir-rekwiżiti ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitat naturali tal-Anness I tad-Direttiva 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, u tal-ispeċi tal-Anness II preżenti fis-7 siti tar-reġjun bioġeografiku Atlantiku rrikonoxxuti bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/813/KE tas-7 ta’ Diċembru 2004, u fl-54 sit ta’ importanza Komunitarja tar-reġjun bioġeografiku Mediterranju rrikonoxxuti bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/613/KE tad-19 ta’ Lulju 2006, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha bis-saħħa tal-Artikolu 6(1) tal-istess direttiva. |
— |
tikkundanna lir-Repubblika Portugiża għall-ispejjeż. |
Motivi u argumenti prinċipali
Skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, ir-Repubblika Portugiża kellha tindika bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni, 7 siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bioġeografiku Atlantiku, irrikonoxxuti bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/813/KE tas-7 ta’ Diċembru 2004 u 54 sit ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bioġeografiku Mediterranju, irrikonoxxuti bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/613/KE tad-19 ta’ Lulju 2006, sa mhux iktar tard minn sitt snin mid-data ta’ adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet. Dan it-terminu ddekorra fis-7 ta’ Diċembru 2010 u fid-19 ta’ Lulju 2012 rispettivament. Issa, ir-Repubblika Portugiża ma pproċedietx sabiex tindika s-siti ta’ importanza Komunitarja bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni.
L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 92/43/KEE jirrikjedi li l-Istati Membri jiffissaw, fir-rigward taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, il-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji, li jkunu jistgħu eventwalment jinvolvu pjanijiet ta’ ġestjoni adegwati, speċifiċi jew integrati fi pjanijiet oħra ta’ ġestjoni, u l-miżuri ta’ regolamentazzjoni, amministrattivi u kuntrattwali adegwati li jissodisfaw ir-rekwiżiti ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitat naturali tal-Anness I u tal-ispeċi tal-Anness II preżenti fis-siti.
Il-Kummissjoni tqis li l-miżuri adottati mir-Repubblika Portugiża, b’mod speċifiku, il-Pjan Settorjali tan-Netwerk Natura 2000, kif ukoll miżuri oħra li għalihom isir riferiment mill-awtoritajiet Portugiżi, ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ekoloġiċi speċifiċi tat-tipi ta’ habitat naturali tal-Anness I u tal-ispeċi elenkati fl-Anness II tad-Direttiva u, konsegwentement, ma jistgħux jitqiesu bħala “miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva.
( 1 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Diċembru 2004 li tadotta, skond id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, l-elenku ta’ siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bioġeografiku Atlantiku (ĠU 2005, L 269M, p. 150).
( 2 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Lulju 2006 li tadotta, skond id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, l-elenku ta’ siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku Meditteranju (ĠU 2007, L 142M, p. 64).
( 3 ) Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102).