Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CN0120

    Kawża C-120/18: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Audiencia Nacional (Spanja) fit-13 ta’ Frar 2018 – Orange España S.A.U. vs Tribunal Económico-Administrativo Central (TEAC)

    ĠU C 161, 7.5.2018, p. 35–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    7.5.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 161/35


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Audiencia Nacional (Spanja) fit-13 ta’ Frar 2018 – Orange España S.A.U. vs Tribunal Económico-Administrativo Central (TEAC)

    (Kawża C-120/18)

    (2018/C 161/39)

    Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

    Qorti tar-rinviju

    Audiencia Nacional, Sala de lo Contencioso-Administrativo

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: Orange España S.A.U.

    Konvenut: Tribunal Económico-Administrativo Central (TEAC)

    Domandi preliminari

    1)

    L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (1) jista’ jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jista’ jimponi fuq l-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet kontribuzzjoni finanzjarja annwali bħal dik prevista fl-Artikolu 5 tal-Ley 8/2009, de 28 de agosto, de financiación de la Corporación de Radio y Televisión Española (Liġi Nru 8/2009, tat-28 ta’ Awwissu 2009, dwar il-finanzjament tal-RTVE), sabiex jipparteċipaw fil-finanzjament tal-Corporación de Radio y Televisión Española, fid-dawl tal-effett pożittiv tal-leġiżlazzjoni l-ġdida applikabbli għas-settur televiżiv u awdjoviżiv fuq is-settur tat-telekomunikazzjonijiet, b’mod partikolari minħabba l-amplifikazzjoni tas-servizzi ta’ broadband fiss u mobbli u t-tneħħija tar-riklami u ta’ kontenut bi ħlas jew bil-ħtieġa li jinkiseb aċċess meta jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi li ġejjin:

    l-effett pożittiv, dirett jew indirett, fuq dawn l-impriżi la ġie ġġustifikat mil-leġiżlazzjoni l-ġdida u lanqas ma ntwera fis-sena finazjarja kkonċernata,

    din il-kontribuzzjoni ġiet stabbilita għal 0.9 % tad-dħul gross tal-operat iffatturat matul is-sena korrispondenti, u la hija kkalkolata fuq id-dħul li jirriżulta mill-provvista ta’ servizzi awdjoviżivi jew mir-reklamar, la fuq iż-żieda li rriżultat minn dawn tal-aħħar u lanqas fuq il-profitti ġġenerati mill-attività. Barra minn dan, din il-kontribuzzjoni tikkostitwixxi taxxa prevista fl-Artikolu 5 tal-Liġi Nru 8/2009, fil-verżjoni inizjali tagħha, u tista’ ma tkunx iġġustifikata fir-rigward tas-servizz awdjoviżiv inkwistjoni, sa fejn din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi l-bażi għaċ-ċaħda ta’ waħda mit-talbiet tar-rikorrenti għal irkupru ta’ pagament mhux dovut u għal korrezzjoni tal-awtolikwidazzjonijiet permezz tad-deċiżjoni kkontestata fir-rikors amministrattiv odjern?

    2)

    Il-kontribuzzjoni imposta fuq l-impriżi ta’ telekomunikazzjonijiet li joperaw fi Spanja u li għandhom kopertura ġeografika li tmur lil hinn minn dik ta’ komunità awtonoma hija propozjonata fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2002/20/KE, fid-dawl tal-metodi tal-kalkolu stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-Liġi Nru 8/2009, imsemmija iktar ’il fuq?

    3)

    Il-kontribuzzjoni imposta mill-Artikolu 5 u 6 tal-Ley 8/2009, de 28 de agosto, de financiación de la Corporación de Radio y Televisión Española (Liġi Nru 8/2009, tat-28 ta’ Awwissu 2009, dwar il-finanzjament tal-RTVE) hija trasparenti fis-sens tal-Artikolu 6(1) u tal-Anness tad-Direttiva 2002/20/KE jekk ma hijiex magħrufa l-attività konkreta mwettqa mill-[Corporación de Radio y Televisión Española] bħala servizz universali jew servizz pubbliku?


    (1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 337.


    Top