Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0831

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-18 ta’ Ġunju 2020.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs RQ.
    Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) – Immunità ġudizzjarja – Deċiżjoni ta’ tneħħija – Att li jikkawża preġudizzju – Drittijiet tad-difiża.
    Kawża C-831/18 P.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:481

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    18 ta’ Ġunju 2020 ( *1 )

    “Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) –Immunità ġudizzjarja – Deċiżjoni ta’ tneħħija – Att li jikkawża preġudizzju – Drittijiet tad-difiża”

    Fil-Kawża C‑831/18 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fil‑21 ta’ Diċembru 2018

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J.-P. Keppenne u J. Baquero Cruz, bħala aġenti,

    appellanti,

    il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

    RQ, ex uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentat minn É. Boigelot, avocat,

    rikorrent fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn M. Vilaras (Relatur), President tal-Awla, S. Rodin, D. Šváby, K. Jürimäe u N. Piçarra, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

    Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑5 ta’ Settembru 2019,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tad‑19 ta’ Diċembru 2019,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑24 ta’ Ottubru 2018, RQ vs Il‑Kummissjoni (T‑29/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2018:717), li permezz tagħha hija annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 1449 final tat‑2 ta’ Marzu 2016 dwar talba għal tneħħija tal-immunità ġudizzjarja ta’ RQ (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

    Il-kuntest ġuridiku

    Il-Protokoll Nru 7

    2

    Skont l-Artikolu 11(a) tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2010, C 83, p. 266, iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 7”):

    “Fit-terrritorju ta’ kull Stat Membru u tkun xi tkun iċ-ċittadinanza tagħhom, uffiċjali u impjegati oħra ta’ l-Unjoni:

    a)

    mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tat-Trattati li għandhom x’jaqsmu, min-naħa l-waħda, mar-regoli dwar ir-responsabbiltà ta’ uffiċjali u impjegati oħra lejn l-Unjoni u, min-naħa l-oħra, mal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea fi kwistjonijiet bejn l-Unjoni u l-uffiċjali u impjegati oħra tagħha, ikollhom immunità minn proċedimenti legali fir-rigward ta’ atti magħmulin minnhom fil-kapaċità uffiċjali tagħhom, inklużi kliem li jkunu qalu jew kitbu. Ikomplu jgawdu din l-immunità wara li jkunu temmew il-kariga tagħhom;

    […]”

    3

    L-Artikolu 17 tal-Protokoll Nru 7 jipprevedi:

    “Privileġġi, immunitajiet u faċilitajiet jingħataw lill-uffiċjali u l-impjegati oħra ta’ l-Unjoni unikament fl-interessi ta’ l-Unjoni.

    Kull istituzzjoni ta’ l-Unjoni tkun meħtieġa li tirrinunzja għall-immunità mogħtija lil xi uffiċjal jew impjegat ieħor kull fejn dik l-istituzzjoni jidhrilha li r-rinunzja għal dik l-immunità ma tkunx kontra l-interessi ta’ l-Unjoni.”

    4

    Skont l-Artikolu 18 tal-Protokoll Nru 7:

    “L-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni għandhom, bl-għan li jiġi applikat dan il-Protokoll, jikkoperaw ma’ l-awtoritajiet responsabbli ta’ l-Istati Membri involuti”.

    Ir-Regolamenti tal-Persunal

    5

    L-Artikolu 23 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), jipprovdi:

    “Il-privileġġi u l-immunitajiet li jgawdu l-uffiċjali jingħataw biss fl-interessi tal-Unjoni. Suġġetti għall-Protokoll [Nru 7], l-uffiċjali m’għandhomx ikunu eżentati milli jwettqu l-obbligi privati tagħhom jew milli jħarsu l-liġijiet u r-regoli tal-pulizija fis-seħħ.

    Meta l-privileġġi u l-immunitajiet huma in kontestazzjoni, l-uffiċjal ikkonċernat għandu minnufih jinforma l-awtorità tal-ħatra.

    […]”

    6

    L-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jistipula:

    “Kull persuna li japplikaw għaliha dawn ir-Regolamenti tal-Persunal tista’ tibgħat ilment lill-awtorità tal-ħatra kontra att li taffettwah ħażin, kemm jekk l-imsemmi awtorità ħadet deċiżjoni, jew fejn naqset li tadotta miżura preskritta mir-Regolamenti tal-Persunal. L-ilment irid isir fi żmien tliet xhur […].

    […]

    L-awtorità għandha tavża l-persuna kkonċernata bid-deċiżjoni rraġunata tagħha fi żmien erbgħa xhur mid-data ta’ meta jsir l-ilment. Jekk fl-aħħar ta’ dak il-perjodu ma tasal l-ebda tweġiba għall-ilment, din titqies li tikkostitwixxi deċiżjoni taċita li ma taċċettahiex, li kontriha jista’ jsir appell taħt l-Artikolu 91.”

    Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża

    7

    Il-fatti li wasslu għall-kawża jinsabu fil-punti 1 sa 18 tas-sentenza appellata u, għall-ħtiġijiet ta’ din il-proċedura, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

    8

    Fl‑2012, ġie ppreżentat ilment mal-Kummissjoni minn produttur ta’ prodotti tat-tabakk, li kien jinkludi allegazzjonijiet gravi dwar l-involviment ta’ membru tal-Kummissjoni f’tentattivi ta’ korruzzjoni. L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), li RQ kien id-Direttur Ġenerali tiegħu, fetaħ investigazzjoni amministrattiva sabiex jipproċedi għall-verifiki u għall-kontrolli meħtieġa.

    9

    Abbażi tal-elementi miġbura matul l-ewwel fażi ta’ din l-investigazzjoni, l-OLAF qies li seta’ jkun opportun li xhud jintalab jagħmel konverżazzjoni telefonika, li tista’ tipproduċi provi addizzjonali, ma’ persuna allegatament involuta fit-tentattiv ta’ korruzzjoni allegat.

    10

    Din il-konverżazzjoni telefonika saret fit‑3 ta’ Lulju 2012. Ix-xhud għamel it-telefonata billi uża, bil-qbil u fil-preżenza ta’ RQ, mowbajl fil-bini tal-OLAF. Din il-konverżazzjoni telefonika ġiet irrekordjata mill-OLAF u rrappurtata fir-rapport finali tal-investigazzjoni tiegħu.

    11

    Wara l-għeluq ta’ din l-investigazzjoni amministrattiva, tressaq ilment kriminali quddiem qorti Belġjana, li fil-kuntest tiegħu kien invokat, b’mod partikolari, il-kap tas-smigħ illegali ta’ telefonati. Sabiex ikun jista’ jeżamina dan l-ilment, l-imħallef inkwirenti Belġjan kompetenti talab lill-Kummissjoni tneħħi l-immunità ta’ RQ, sabiex jinstema’ bħala imputat. Peress li l-Kummissjoni xtaqet spjegazzjonijiet iktar iddettaljati, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Federali Belġjan qasam magħha ċerti elementi tal-investigazzjoni mwettqa mill-OLAF li setgħu jitqiesu bħala indikazzjonijiet ta’ interċettazzjoni telefonika illegali kriminalment sanzjonabbli.

    12

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li, fit‑2 ta’ Marzu 2016, il-Kummissjoni laqgħet it-talba tal-qorti Belġjana u adottat id-deċiżjoni kontenzjuża li, permezz tagħha, konformement mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Protokoll Nru 7, hija neħħiet l-immunità ġudizzjarja ta’ RQ fir-rigward tal-allegazzjonijiet fattwali dwar is-smigħ ta’ konverżazzjoni telefonika.

    13

    Mill-motivi tad-deċiżjoni kontenzjuża jsegwi li l-Kummissjoni qieset li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kienu pprovdewlha indikazzjonijiet ċari u preċiżi ħafna, li kienu jippermettulha tqis li l-allegazzjonijiet magħmula kontra RQ kienu jiġġustifikaw li jkompli jiġi investigat u li, għaldaqstant, ikun kuntrarju għall-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali mal-awtoritajiet nazzjonali jekk tirrifjuta li tneħħi l-immunità tiegħu.

    14

    Id-deċiżjoni kontenzjuża ġiet ikkomunikata lil RQ fil‑11 ta’ Marzu 2016. Konformement mal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa ressaq ilment kontriha, li ġie miċħud mill-Awtorità tal-Ħatra fil‑5 ta’ Ottubru 2016.

    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

    15

    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑17 ta’ Jannar 2017, RQ ippreżenta rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża u tad-deċiżjoni tal‑5 ta’ Ottubru 2016.

    16

    Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kontenzjuża.

    17

    Preliminarjament, fil-punt 45 ta’ dik is-sentenza, hija ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tar-rikors imqajma mill-Kummissjoni, ibbażata fuq l-allegazzjoni li, peress li d-deċiżjonijiet ta’ tneħħija tal-immunità tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal tal-Unjoni ma jbiddlux is-sitwazzjoni legali tagħhom, id-deċiżjoni kontenzjuża ma tikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju.

    18

    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali b’mod partikolari rrilevat, fil-punt 37 tal-imsemmija sentenza, li “[i]l-fatt li l-privileġġi u l-immunitajiet [ikkonċernati mill-Protokoll Nru 7] huma previsti fl-interess pubbliku tal-Unjoni jiġġustifika s-setgħa mogħtija lill-istituzzjonijiet sabiex ineħħu, jekk ikun il-każ, l-immunità, iżda ma jfissirx li dawn il-privileġġi u l-immunitajiet huma mogħtija esklużivament lill-Unjoni u mhux ukoll lill-uffiċjali tagħha, lill-aġenti l-oħra tagħha u lill-Membri tal-Parlament. Għaldaqstant, il-Protokoll [Nru 7] joħloq dritt suġġettiv għall-benefiċċju tal-persuni previsti, li r-rispett tiegħu huwa ggarantit mid-dritt li jiġi ppreżentat rikors skont it-Trattat”.

    19

    Fil-punt 38 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żiedet li “deċiżjoni ta’ tneħħija tal-immunità ta’ uffiċjal jew membru tal-persunal tbiddel is-sitwazzjoni legali tiegħu, bis-sempliċi effett tat-tneħħija ta’ din il-protezzjoni, billi tistabbilixxi mill-ġdid l-istatus tiegħu ta’ persuna suġġetta għad-dritt komuni tal-Istati Membri u billi b’hekk tesponih, mingħajr ma tkun neċessarja xi regola intermedjarja, għal miżuri, b’mod partikolari ta’ detenzjoni u ta’ proċeduri legali, stabbiliti minn dan id-dritt komuni”.

    20

    Fuq il-mertu tat-tilwima, il-Qorti Ġenerali eżaminat fl-ewwel lok il-ħames motiv tar-rikors ta’ RQ, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża. Dan il-motiv kien jinkludi tliet partijiet dwar, l-ewwel wieħed, il-ksur tad-dritt għal smigħ, it-tieni wieħed, il-ksur tal-osservanza tal-preżunzjoni ta’ innoċenza u tal-obbligu ta’ imparzjalità u, it-tielet wieħed, il-ksur tad-dmir ta’ diliġenza. Għar-raġunijiet esposti fil-punti 52 sa 76 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ewwel parti ta’ dan il-motiv u, konsegwentement, annullat id-deċiżjoni kontenzjuża, mingħajr ma eżaminat il-partijiet l-oħrajn tal-imsemmi motiv jew il-motivi l-oħrajn tar-rikors.

    21

    Fil-punt 52 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret il-ġurisprudenza stabbilita skont liema “ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, u b’mod partikolari d-dritt għas-smigħ, f’kull proċedura miftuħa kontra persuna u li tista’ twassal għal att li jikkawżalha preġudizzju, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi ggarantit anki fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-proċeduri inkwistjoni.” Hija ppreċiżat, fil-punti 55 u 56 ta’ din is-sentenza, li, skont ġurisprudenza daqstant stabbilita, id-drittijiet fundamentali, bħar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, jistgħu jinvolvu restrizzjonijiet, sakemm dawn ikunu previsti mil-liġi, josservaw il-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali inkwistjoni, effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali mfittxija mill-miżura inkwistjoni u ma jikkostitwixxux, fid-dawl tal-għan imfittex, interferenza sproporzjonata u intollerabbli.

    22

    Fil-punt 57 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali, wara li rrilevat li kien paċifiku bejn il-partijiet li RQ ma kienx instema’ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, indikat li kellu jiġi vverifikat jekk ir-restrizzjoni tad-dritt għal smigħ inkwistjoni f’din il-kawża kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet ippreċitati.

    23

    Wara li esponiet, fil-punt 58 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet iġġustifikat din ir-restrizzjoni tad-dritt għal smigħ bil-ħtieġa li tosserva s-sigriet tal-investigazzjoni mmexxija mill-awtoritajiet Belġjani, bħalma jeżiġi d-dritt Belġjan invokat minn dawn l-awtoritajiet tal-aħħar, il-Qorti Ġenerali, filwaqt li kkonstatat li d-dritt Belġjan kien jistabbilixxi s-sigriet istruttorju, qieset, fil-punt 63 ta’ dik is-sentenza, li n-nuqqas ta’ smigħ minn qabel tal-persuna kkonċernata jista’, bħala prinċipju, ikun iġġustifikat oġġettivament mis-sigriet istruttorju, konformement mal-Artikolu 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

    24

    Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk in-nuqqas ta’ smigħ ta’ RQ kienx neċessarju u proporzjonat għas-salvagwardja tas-sigriet istruttorju u għall-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura kriminali. Hija enfasizzat, fil-punti 66 u 67 tas-sentenza appellata, li, jekk awtorità nazzjonali tipprekludi l-komunikazzjoni lill-persuna kkonċernata tal-motivi preċiżi u kompleti li jikkostitwixxu l-bażi tat-talba għat-tneħħija tal-immunità, billi tinvoka raġunijiet li jaqgħu taħt is-sigriet istruttorju, il-Kummissjoni għandha, f’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali, konformement mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, timplimenta miżuri li jippermettu l-ibbilanċjar bejn, minn naħa, ir-rispett tad-dritt għal smigħ tal-persuna kkonċernata qabel l-adozzjoni ta’ att li jikkawżalha preġudizzju u, min-naħa l-oħra, il-kunsiderazzjonijiet leġittimi relatati mas-sigriet istruttorju.

    25

    Fil-punt 69 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li mill-proċess li hija kellha ma kienx jirriżulta li l-Kummissjoni kienet wettqet tali bbilanċjar fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża. F’dan ir-rigward, hija bbażat ruħha fuq tliet elementi invokati fil-punti 70 sa 72 ta’ dik is-sentenza. Għaldaqstant, l-ewwel nett, hija rrilevat li l-Kummissjoni ma kinitx staqsiet lill-awtoritajiet nazzjonali għall-motivi li għalihom is-smigħ minn qabel tar-rikorrent f’dik il-kawża kien jinvolvi riskji għall-osservanza tas-sigriet istruttorju. It-tieni, hija indikat li l-awtoritajiet Belġjani ma kienu rrappurtaw l-ebda riskju reali li l-persuna kkonċernata tippreġudika l-iżvilupp tajjeb tal-investigazzjoni, li jista’ jiġġustifika l-assenza ta’ komunikazzjoni lilha tat-talba għat-tneħħija ta’ immunità li tikkonċernaha. It-tielet, hija enfasizzat li kien hemm lakuni fit-tweġibiet tal-awtoritajiet Belġjani għat-talba tal-Kummissjoni li RQ jinstema’ fit-talbiet tagħhom għat-tneħħija ta’ immunità u kkonstatat li, fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma kinitx staqsiethom fuq il-possibbiltà li jistabbilixxu verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ dawn it-talbiet, li jistgħu jiġu kkomunikati lil RQ.

    26

    Barra minn hekk, fil-punt 76 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li ma jistax jiġi totalment eskluż li d-deċiżjoni kontenzjuża seta’ kellha kontenut differenti li kieku d-dritt għal smigħ ta’ RQ kien ġie rrispettat, peress li dan kien ikun jista’ jagħti b’mod utli l-perspettiva tiegħu dwar it-tneħħija tal-immunità tiegħu u, b’mod iktar partikolari, dwar l-interess tal-Unjoni u l-preżervazzjoni tal-indipendenza neċessarja tiegħu bħala uffiċjal li jservi fir-rwol ta’ direttur ġenerali tal-OLAF.

    It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    27

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza appellata;

    tiddeċiedi definittivament fuq it-tilwima billi tiċħad ir-rikors ta’ RQ u tikkundannah għall-ispejjeż tal-proċedura kemm quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll fil-kuntest ta’ din il-proċedura, u

    sussidjarjament, jekk it-tilwima ma hijiex fi stat li tiġi deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja, tibgħat il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din terġa’ tiddeċiedi fuq ir-rikors.

    28

    RQ jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiċħad l-appell kollu kemm hu bħala manifestament inammissibbli u, għall-inqas, infondat u

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti fl-ewwel istanza.

    Fuq l-appell

    29

    Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tinvoka tliet aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali meta ddeċidiet li d-deċiżjoni kontenzjuża tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju. It-tieni aggravju, imqajjem sussidjarjament, jirrigwarda l-iżball ta’ liġi tal-Qorti Ġenerali fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta kif ukoll tal-Artikolu 4(3) TUE. It-tielet motiv, imqajjem b’mod iktar sussidjarju, jirrigwarda żball ta’ liġi tal-Qorti Ġenerali fil-klassifikazzjoni ta’ “l-aġir” tal-Kummissjoni.

    Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali meta hija kklassifikat id-deċiżjoni kontenzjuża bħala “att li jikkawża preġudizzju”

    L-argumenti tal-partijiet

    30

    Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni targumenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li d-deċiżjonijiet ta’ tneħħija ta’ immunità, bħad-deċiżjoni kontenzjuża, jikkawżaw preġudizzju lill-uffiċjali tal-Unjoni u jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors quddiem il-qrati tal-Unjoni.

    31

    Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni targumenta li l-Qorti Ġenerali kienet żbaljata meta qieset li setgħet tibbaża ruħha fuq ġurisprudenza stabbilita, minkejja li din il-kwistjoni qatt ma kienet inġiebet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    32

    B’mod iktar partikolari, il-Kummissjoni targumenta, minn naħa, li, fis-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 1960, Humblet vs État belge (6/60‑IMM, EU:C:1960:48), il-Qorti tal-Ġustizzja ma tatx deċiżjoni dwar il-kwistjoni ta’ jekk deċiżjoni ta’ tneħħija ta’ immunità hijiex att li jikkawża preġudizzju jew le, sa fejn hija bbażat ir-raġunament tagħha fuq l-Artikolu 16 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-KEFA. Issa, din id-dispożizzjoni ma għandhiex dispożizzjoni ekwivalenti fil-Protokoll Nru 7.

    33

    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tas-sentenzi tal‑15 ta’ Ottubru 2008, Mote vs Il‑Parlament (T‑345/05, EU:T:2008:440), u tas‑17 ta’ Jannar 2013, Gollnisch vs Il‑Parlament (T‑346/11 u T‑347/11, EU:T:2013:23), dik l-istituzzjoni tenfasizza li dawn kienu jirrigwardaw membri tal-Parlament Ewropew u mhux uffiċjali tal-Unjoni. Issa, l-immunità tal-membri tal-Parlament ma hijiex tal-istess natura u ma għandhiex l-istess portata bħall-immunità tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal oħrajn tal-Unjoni.

    34

    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tqis li mill-formulazzjoni, mill-kuntest u mill-għan tal-Artikolu 17 tal-Protokoll Nru 7 jirriżulta li d-deċiżjoni ta’ tneħħija tal-immunità ta’ uffiċjal ma tikkawżalux preġudizzju, peress li din ma tbiddilx is-sitwazzjoni legali tal-uffiċjal ikkonċernat, iżda sempliċement dik tal-Unjoni u tal-Istat Membru li jitlob it-tneħħija.

    35

    Fil-fatt, minn dan l-artikolu, li huwa kkonfermat kemm bid-digriet tat‑13 ta’ Lulju 1990, Zwartveld et (C‑2/88-IMM, EU:C:1990:315, punt 19), kif ukoll mill-Artikolu 343 TFUE, isegwi li l-protezzjoni tal-immunità ġudizzjarja tingħata lill-Unjoni nfisha u li din għandha titneħħa bħala regola ġenerali, ħlief jekk dan ikun kuntrarju għall-interessi tal-Unjoni. Bl-istess mod, l-Artikolu 23 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-unika dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal li tagħmel riferiment għall-privileġġi u l-immunitajiet tal-uffiċjali, tikkonferma, bħalma jsegwi mill-formulazzjoni stess tagħha, li dawn il-privileġġi u immunitajiet “jingħataw biss fl-interessi tal-Unjoni”.

    36

    Barra minn hekk, l-għan tal-Artikolu 17 tal-Protokoll Nru 7 jikkonsisti fil-protezzjoni tal-Unjoni nfisha f’każijiet estremi li fihom it-twettiq tal-kompiti tagħha jitpoġġa f’perikolu bl-azzjoni tal-qrati nazzjonali.

    37

    Għalhekk, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ddeċidiet li l-Protokoll Nru 7 joħloq drittijiet suġġettivi favur il-persuni msemmija. Fil-konfront tal-uffiċjal ikkonċernat, id-deċiżjoni ta’ tneħħija tal-immunità ġudizzjarja tiegħu għandha titqies bħala att preparatorju, li sempliċement ineħħi ostakolu proċedurali għat-tkomplija normali ta’ proċedura ġudizzjarja nazzjonali. Hija biss id-deċiżjoni kriminali nazzjonali definittiva li tista’, fil-każ ta’ kundanna, verament ikollha effett fuq il-pożizzjoni legali ta’ dan l-uffiċjal. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-proċedura nazzjonali, l-imsemmi uffiċjal dejjem jista’ jikkontesta l-validità tad-deċiżjoni ta’ tneħħija ta’ immunità u l-qorti nazzjonali tkun obbligata, fil-każ ta’ dubju, li tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Kummissjoni tqis li tali deċiżjoni hija analoga għal deċiżjoni tal-OLAF li tiftaħ investigazzjoni fil-konfront ta’ uffiċjal jew li tittrażmetti, wara investigazzjoni, ir-rapport finali tiegħu lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali. Skont ġurisprudenza stabbilita, tali atti għandhom natura preparatorja u ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament.

    38

    Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-motiv tal-Qorti Ġenerali, li jinsab fil-punt 38 tas-sentenza appellata, skont liema deċiżjoni ta’ tneħħija tal-immunità ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal tbiddel is-sitwazzjoni legali tiegħu bis-sempliċi effett tat-tneħħija tal-protezzjoni, li huwa kien igawdi minnha skont l-Artikolu 11 tal-Protokoll Nru 7, mill-investigazzjonijiet mnehdija mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, jirriżulta minn ħsieb żbaljat tal-immunità mifhuma bħala dritt suġġettiv.

    39

    RQ iqis li l-ewwel aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. Skont hu, il-Kummissjoni tirrepeti l-istess argumenti bħal dawk imqajma fl-ewwel istanza u għalhekk, fir-realtà, trid tikseb sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, li ma jaqax fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    40

    Sussidjarjament, RQ iqis li l-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta kklassifikat id-deċiżjoni kontenzjuża bħala att li jikkawża preġudizzju.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    41

    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet ta’ RQ, l-ewwel aggravju huwa ammissibbli.

    42

    Fil-fatt, meta appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-punti ta’ liġi eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jiġu diskussi mill-ġdid fil-kuntest ta’ appell. Fil-fatt, li kieku appellant ma setax jibbaża l-appell tiegħu fuq motivi u argumenti li jkunu diġà ntużaw quddiem il-Qorti Ġenerali, il-proċedura tal-appell tkun imċaħħda minn parti mis-sens tagħha (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2016, Mallis et vs Il‑Kummissjoni u l-BĊE, C‑105/15 P sa C‑109/15 P, EU:C:2016:702, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    43

    Issa, permezz tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkontesta l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, li wassalha tqis, kuntrarjament għall-argumenti żviluppati mill-Kummissjoni quddiemha, li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju lil RQ, li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament.

    44

    Fir-rigward tal-eżami fuq il-mertu tal-ewwel aggravju tal-Kummissjoni, għandu jitfakkar li huma biss l-atti jew il-miżuri li jipproduċu effetti ġuridiċi vinkolanti b’mod li jaffettwaw l-interessi tal-appellant direttament u immedjatament billi jimmodifikaw, b’mod sinjifikattiv, is-sitwazzjoni legali tiegħu, li jikkawżaw preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2006, Il‑Kummissjoni vs Fernández Gómez, C‑417/05 P, EU:C:2006:582, punt 42; ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Jannar 1987, Stroghili vs Il‑Qorti tal-Awdituri, 204/85, EU:C:1987:21, punti 69, kif ukoll tal‑14 ta’ Frar 1989, Bossi vs Il‑Kummissjoni, 346/87, EU:C:1989:59, punt 23).

    45

    Issa, bħalma rrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 38 tas-sentenza appellata, deċiżjoni ta’ tneħħija tal-immunità ta’ uffiċjal, bħad-deċiżjoni kontenzjuża, tbiddel is-sitwazzjoni legali ta’ dan l-uffiċjal, bis-sempliċi effett tat-tneħħija tal-protezzjoni mogħtija lill-imsemmi uffiċjal permezz tal-immunità ġudizzjarja prevista fl-Artikolu 11(a) tal-Protokoll Nru 7, billi tistabbilixxi mill-ġdid, fil-konfront tiegħu, l-istatus ta’ persuna suġġetta għad-dritt komuni tal-Istati Membri u billi tesponih, mingħajr ma tkun neċessarja xi miżura intermedjarja, għal miżuri, b’mod partikolari ta’ detenzjoni u ta’ proċeduri legali, stabbiliti minn dan id-dritt komuni.

    46

    Għaldaqstant, sa fejn l-immunità ġudizzjarja ta’ uffiċjal tal-Unjoni mogħtija mill-Artikolu 11(a) tal-Protokoll Nru 7 titneħħa permezz ta’ deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tal-istituzzjoni tiegħu, li tbiddel, għalhekk, is-sitwazzjoni legali tiegħu, il-Kummissjoni targumenta b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx tadotta soluzzjoni analoga għal dik mogħtija fis-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2008, Mote vs Il‑Parlament (T‑345/05, EU:T:2008:440).

    47

    Ċertament, il-privileġġi u l-immunitajiet, irrikonoxxuti lill-Unjoni permezz tal-Protokoll Nru 7, għandhom natura funzjonali sa fejn dawn huma intiżi li jiġi evitat li jkun hemm ostakolu għall-funzjonament u għall-indipendenza tal-Unjoni, li jimplika, b’mod partikolari, li l-privileġġi, l-immunitajiet u l-faċilitajiet mogħtija lill-uffiċjali u lill-membri tal-persunal l-oħrajn tal-Unjoni jingħataw biss fl-interess ta’ din tal-aħħar (digriet tat‑13 ta’ Lulju 1990, Zwartveld et, C‑2/88‑IMM, EU:C:1990:315, punti 1920).

    48

    Xorta jibqa’ l-fatt li deċiżjoni ta’ tneħħija tal-immunità ta’ uffiċjal tal-Unjoni tbiddel b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni ta’ dan l-uffiċjal billi ċċaħħdu mill-benefiċċju ta’ din l-immunità u, konsegwentement, tikkostitwixxi att li jikkawżalu preġudizzju.

    49

    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 44 ta’ din is-sentenza jirriżulta li miżura hija kklassifikata bħala “att li jikkawża preġudizzju” lil uffiċjal mhux biss meta din tikser jew taffettwa dritt suġġettiv mogħti lilu iżda, b’mod iktar ġenerali, meta din tbiddel b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tiegħu.

    50

    Minn dan isegwi li l-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 11(a) tal-Protokoll Nru 7 joħloqx “dritt suġġettiv […] tal-persuni previsti”, bħalma rrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 37 tas-sentenza appellata, ma għandux rilevanza għall-klassifikazzjoni bħala att li jikkawża preġudizzju ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija tal-immunità ta’ uffiċjal. L-istess japplika għall-kwistjoni tal-interpretazzjoni mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 42 tas-sentenza appellata, tas-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 1960, Humblet vs État belge (6/60‑IMM, EU:C:1960:48).

    51

    Għandu wkoll jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni, skont liema deċiżjoni ta’ tneħħija tal-immunità ta’ uffiċjal għandha tiġi kklassifikata bħala “att preparatorju”, sa fejn, bħalma rrilevat, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 61 tal-konklużjonijiet tagħha, il-bidla tas-sitwazzjoni legali tal-persuna kkonċernata tirriżulta mill-adozzjoni ta’ deċiżjoni bħad-deċiżjoni kontenzjuża. Din ittemm il-proċedura dwar it-tneħħija tal-immunità tal-uffiċjal ikkonċernat, mingħajr ma tkun prevista l-adozzjoni ta’ att sussegwenti tal-istituzzjoni li dan l-uffiċjal jagħmel parti minnha u li huwa jkun f’pożizzjoni li jikkontesta.

    52

    Il-motiv stipulat fil-punt 38 tas-sentenza appellata, li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali qieset li deċiżjoni ta’ tneħħija tal-immunità ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal tal-Unjoni tbiddel is-sitwazzjoni legali tiegħu, huwa biżżejjed sabiex jiġġustifika l-klassifikazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża bħala “att li jikkawża preġudizzju”, fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

    53

    Konsegwentement, il-punti 37 u 42 tas-sentenza appellata għandhom jitqiesu bħala li jistipulaw motivi superfluwi, b’tali mod li l-parti tal-argument tal-Kummissjoni li tirrigwardahom għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta, C‑496/99 P, EU:C:2004:236, punt 68, u tad‑29 ta’ Novembru 2012, Ir-Renju Unit vs Il‑Kummissjoni, C‑416/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2012:761, punt 45).

    54

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta kif ukoll tal-Artikolu 4(3) TUE

    L-argumenti tal-partijiet

    55

    Permezz tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni targumenta li l-Qorti Ġenerali, billi ddeċidiet, fil-punti 66 u 67 tas-sentenza appellata, li hija kellha twettaq ibbilanċjar bejn, minn naħa, id-dritt għal smigħ tal-uffiċjal ikkonċernat u, min-naħa l-oħra, is-sigriet istruttorju, interpretat id-dritt għal smigħ b’mod żbaljat. Essenzjalment hija targumenta li l-interpretazzjoni wiesgħa tad-dritt għal smigħ li ngħatat mill-Qorti Ġenerali “twassal għal interferenza sistematika inġustifikata tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-ġurisdizzjonijiet rispettivi tal-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membri”.

    56

    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza li huwa b’mod eċċezzjonali li hija wettqet skambji mal-awtoritajiet nazzjonali dwar RQ, fid-dawl tal-funzjoni ta’ direttur ġenerali tal-OLAF li huwa kien jokkupa meta saret it-talba għal tneħħija ta’ immunità. Hija tenfasizza li, “fil-prattika normali tagħha”, hija ma twettaq ebda skambju mal-awtoritajiet nazzjonali jew mal-uffiċjal ikkonċernat, sabiex tosserva l-kundizzjoni ta’ kunfidenzjalità stretta, marbuta mas-sigriet istruttorju. L-ibbilanċjar tal-interessi inkwistjoni, rikjest mis-sentenza appellata, jikkontesta l-prattika stabbilita tal-istituzzjonijiet u korpi kollha tal-Unjoni.

    57

    Barra minn hekk hija targumenta li l-Qorti Ġenerali, minkejja li teżiġi tali bbilanċjar, ma tippreċiżax il-konsegwenzi ta’ dan, b’mod partikolari meta l-istituzzjoni kkonċernata tqis li l-interess għal smigħ tal-uffiċjal inkwistjoni jipprevali fuq is-sigriet istruttorju. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma tippreċiżax jekk l-istituzzjoni kkonċernata setgħetx, bi ksur tad-dritt nazzjonali, tiddeċiedi li tisma’ lill-persuna kkonċernata jew jekk hija kellhiex tirrifjuta li tneħħi l-immunità għal dan il-motiv.

    58

    Il-Kummissjoni żżid li r-rekwiżit ta’ bbilanċjar tal-interessi, kif msemmi fil-punti 66 u 67 tas-sentenza appellata, jikser il-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka u ta’ kooperazzjoni legali. Quddiem l-oppożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali għat-talba tal-Kummissjoni li tisma’ lill-uffiċjal ikkonċernat, din tal-aħħar ma tistax tikkontrolla jew tissostitwixxi l-evalwazzjoni rispettiva tagħha għal dik tal-awtoritajiet nazzjonali fuq kwistjoni ta’ dritt kriminali nazzjonali. Dan l-argument huwa kkorroborat mid-digriet tat‑13 ta’ Lulju 1990, Zwartveld et (C‑2/88‑IMM, EU:C:1990:315, punt 18).

    59

    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tinvoka l-assenza ta’ utilità ta’ smigħ minn qabel tal-uffiċjal ikkonċernat, peress li l-istituzzjoni għandha tneħħi l-immunità tiegħu, ħlief meta dan ikun kuntrarju għall-interessi tal-Unjoni biss. Issa, l-uffiċjal ma jistax jiddetermina jew jinfluwenza l-interessi tal-Unjoni fid-dawl tas-sitwazzjoni individwali tiegħu.

    60

    RQ jeċċepixxi, prinċipalment, l-inammissibbiltà tat-tieni aggravju, għar-raġuni li, permezz tiegħu, il-Kummissjoni sempliċement tirrepeti l-motivi mqajma fl-ewwel istanza.

    61

    Sussidjarjament, RQ jargumenta li dan il-motiv ma huwiex fondat.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    62

    Għall-istess motivi bħal dawk sostnuti fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tat-tieni aggravju, imqajma minn RQ, għandha tiġi miċħuda.

    63

    Fil-fatt, permezz tat-tieni aggravju, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali, essenzjalment, li wettqet żball ta’ liġi, sa fejn hija ddeċidiet, fil-punti 66 u 67 tas-sentenza appellata, li hija kellha twettaq ibbilanċjar bejn, minn naħa, id-dritt għal smigħ tal-uffiċjal ikkonċernat minn talba għat-tneħħija tal-immunità tiegħu għall-finijiet ta’ investigazzjoni kriminali u, min-naħa l-oħra, is-sigriet istruttorju kriminali. F’tali kuntest, il-Kummissjoni tista’ tqajjem quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja argumenti li hija kienet diġà qajmet quddiem il-Qorti Ġenerali u li ġew miċħuda minn din tal-aħħar.

    64

    Fir-rigward tal-eżami fuq il-mertu tat-tieni aggravju, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, M., C‑277/11, EU:C:2012:744, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    65

    Fir-rigward b’mod iktar partikolari tad-dritt għal smigħ f’kull proċedura, dan jagħmel parti integrali mill-imsemmi prinċipju fundamentali u llum huwa stabbilit mhux biss fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, li jiggarantixxu r-rispett tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll tad-dritt għal smigħ xieraq fil-kuntest ta’ kull proċedura ġudizzjarja, iżda wkoll fl-Artikolu 41 tagħha, li jiżgura d-dritt għal amministrazzjoni tajba (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, M., C‑277/11, EU:C:2012:744, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    66

    Fil-fatt, il-paragrafu 2 tal-imsemmi Artikolu 41 jipprevedi li dan id-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi b’mod partikolari d-dritt ta’ kull persuna li tinstema’, qabel ma tittieħed miżura individwali kontriha li tolqotha b’mod ħażin.

    67

    Bħalma jirriżulta mill-formulazzjoni tagħha stess, din id-dispożizzjoni hija ta’ applikazzjoni ġenerali. Minn dan isegwi li d-dritt għal smigħ għandu jiġi rrispettat f’kull proċedura li tista’ twassal għal att li jikkawża preġudizzju, anki meta l-leġiżlazzjoni applikabbli ma tipprevedix espressament tali formalità. Barra minn hekk, l-imsemmi dritt jiżgura lil kull persuna l-possibbiltà li tagħti, b’mod utli u effettiv, il-perspettiva tagħha matul il-proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li tista’ taffettwa l-interessi tagħha b’mod ħażin (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, M., C‑277/11, EU:C:2012:744, punti 84 sa 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    68

    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma kinitx żbaljata meta, wara li kkonstatat ġustament li d-deċiżjoni kontenzjuża tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju lill-uffiċjal ikkonċernat, bħalma jirriżulta mir-rifjut tal-ewwel aggravju tal-appell, iddeċidiet, fil-punti 52 sa 54 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet obbligata, qabel tadotta deċiżjoni ta’ tneħħija tal-immunità ta’ dan l-uffiċjal, li tisimgħu.

    69

    Ċertament, bħalma tfakkar fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, l-immunità tal-uffiċjali u l-membri tal-persunal tal-Unjoni li tirriżulta mill-Protokoll Nru 7 għandha natura funzjonali u sservi esklużivament sabiex tipproteġi l-interessi tal-Unjoni, billi tevita li jkun hemm ostakolu għall-fuzjonament tagħha u għall-indipendenza tagħha.

    70

    Madankollu, minkejja li din iċ-ċirkustanza tista’ twassal sabiex tillimita l-argumenti li l-uffiċjal ikkonċernat jista’ validament iqajjem sabiex jikkonvinċi lill-istituzzjoni li jagħmel parti minnha sabiex ma tneħħix l-immunità tiegħu, din ma tistax, kuntrarjament għal dak li targumenta l-Kummissjoni, tiġġustifika l-fatt li dan l-uffiċjal ma jinstemax qabel ma titneħħa l-immunità tiegħu. Tali deċiżjoni tkun tikser direttament il-ġurisprudenza stabbilita, imfakkra fil-punt 67 ta’ din is-sentenza.

    71

    Wara li dan ġie mfakkar, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-Artikolu 52(1) tal-Karta jaċċetta limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet stabbiliti minnha, inkluż id-dritt għal smigħ stabbilit fl-Artikolu 41 tagħha. L-Artikolu 52(1) tal-Karta jeżiġi madankollu li kull limitazzjoni tkun prevista mil-liġi u tirrispetta l-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali inkwistjoni. Dan jeħtieġ, barra minn hekk, li, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tali limitazzjoni tkun neċessarja u tissodisfa effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni.

    72

    F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 61 tas-sentenza appellata, li d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali Belġjan jistabbilixxu l-prinċipju tas-sigriet istruttorju, filwaqt li jippreċiżaw li eċċezzjonijiet għall-imsemmi prinċipju huma previsti mil-liġi.

    73

    Barra minn hekk, fil-punt 59 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, fl-Istati Membri fejn huwa previst, is-sigriet istruttorju huwa prinċipju ta’ ordni pubbliku li huwa intiż mhux biss li jipproteġi l-investigazzjonijiet, biex jiġu evitati ftehimiet frawdolenti kif ukoll it-tentattivi ta’ ħabi ta’ provi u ta’ indizji, iżda wkoll li jipproteġi lill-persuni ssuspettati jew akkużati li jkunu għadhom ma nstabux ħatja.

    74

    Fid-dawl ta’ dawn il-punti, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 63 tas-sentenza appellata, li n-nuqqas ta’ smigħ minn qabel ta’ uffiċjal kopert minn talba għat-tneħħija tal-immunità tiegħu għall-investigazzjoni kriminali li tikkonċernah “jista’, fil-prinċipju, ikun iġġustifikat […] mis-sigriet istruttorju, skont l-Artikolu 52 tal-Karta”, sa fejn, bħalma l-Qorti Ġenerali rrilevat fil-punt 65 ta’ dik is-sentenza, “bħala regola ġenerali, il-fatt li l-persuna kkonċernata ma tinstemax qabel titneħħa l-immunità tagħha jista’ jiżgura s-sigriet istruttorju”.

    75

    Matul l-analiżi tan-natura proporzjonata u neċessarja ta’ tali miżura, il-Qorti Ġenerali enfasizzat, fil-punt 66 tal-imsemmija sentenza, li, meta, “f’każijiet debitament iġġustifikati, awtorità nazzjonali tipprekludi l-komunikazzjoni lill-persuna kkonċernata ta’ motivi preċiżi u kompleti li jikkostitwixxu l-bażi tat-talba għat-tneħħija tal-immunità, billi tinvoka raġunijiet koperti bis-sigriet istruttorju, il-Kummissjoni għandha, f’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali, […] timplimenta miżuri għar-rikonċiljazzjoni, minn naħa, tal-kunsiderazzjonijiet leġittimi tas-sigriet istruttorju u, min-naħa l-oħra, tan-neċessità li jiġi ggarantit b’mod suffiċjenti lill-individwu r-rispett tad-drittijiet fundamentali tiegħu, bħad-dritt għal smigħ”.

    76

    Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 67 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kellha tibbilanċja r-rispett tad-dritt għal smigħ tal-uffiċjal kopert mit-talba għal tneħħija ta’ immunità u l-kunsiderazzjonijiet invokati mill-awtoritajiet nazzjonali, b’mod li tiġi żgurata kemm il-protezzjoni tad-drittijiet tal-uffiċjal ikkonċernat u l-interessi tal-Unjoni, konformement mal-Protokoll Nru 7, kif ukoll l-iżvolġiment effikaċi u mingħajr xkiel tal-proċeduri kriminali nazzjonali.

    77

    Kuntrarjament għal dak li targumenta l-Kummissjoni, dawn il-motivi tal-Qorti Ġenerali ma humiex ivvizzjati bi żball ta’ liġi.

    78

    Minkejja li, bħalma jirriżulta mis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma eskludietx il-possibbiltà li istituzzjoni tadotta deċiżjoni ta’ tneħħija tal-immunità mingħajr ma tisma’ lill-persuna kkonċernata, xorta jibqa’ l-fatt li tali possibbiltà għandha tkun irriżervata għal każijiet eċċezzjonali, debitament iġġustifikati.

    79

    Fil-fatt, ma jistax jiġi preżunt li kull investigazzjoni kriminali timplika sistematikament riskju ta’ tentattivi ta’ ħabi ta’ provi u ta’ indizji mill-persuni inkwistjoni, jew ftehimiet frawdolenti bejniethom, li jiġġustifikaw li ma jiġux informati minn qabel dwar l-eżistenza ta’ investigazzjoni li tikkonċernahom.

    80

    Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali qieset ġustament, fil-punt 66 tas-sentenza appellata, li, qabel jiġi konkluż li hemm każ eċċezzjonali, li jiġġustifika li titneħħa l-immunità tal-persuna koperta mingħajr ma tinstema’ minn qabel, il-Kummissjoni għandha, b’osservanza tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali mal-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati, timplimenta miżuri li jippermettu, fl-istess waqt, li jiġi rrispettat id-dritt għal smigħ tal-persuna kkonċernata, mingħajr ma jiġu pperikolati l-interessi li s-sigriet istruttorju huwa intiż li jipproteġi.

    81

    Kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, l-obbligu li jsir tali bbilanċjar ma jiksirx il-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka u ta’ kooperazzjoni leali bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali.

    82

    Fil-fatt, l-ibbilanċjar invokat fil-punt 66 tas-sentenza appellata jippermetti lill-Kummissjoni tosserva kemm ir-rekwiżiti proċedurali li jistgħu jiġu imposti fuq l-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati, kif ukoll, sa fejn possibbli, id-dritt għal smigħ tal-persuna kkonċernata. F’każijiet eċċezzjonali, dan jippermetti wkoll lill-Kummissjoni tiġġustifika l-impossibbiltà li tisma’ lill-persuna kkonċernata qabel it-tneħħija tal-immunità tagħha, fid-dawl tal-interessi li tali smigħ ikun jipperikola.

    83

    Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni, espost fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, skont liema l-Qorti Ġenerali naqset milli tippreċiża x’għandha tkun it-tweġiba għal talba għat-tneħħija tal-immunità fil-każ li l-ibbilanċjar imsemmi fil-punt 67 tas-sentenza appellata jwassal lill-Kummissjoni sabiex tqis li d-dritt għal smigħ tal-persuna kkonċernata jipprevali fuq is-sigriet istruttorju, huwa biżżejjed jiġi rrilevat li, wara li qieset li l-ibbilanċjar rikjest, f’dak il-każ, ma kienx sar, il-Qorti Ġenerali ma kellhiex għalfejn tagħti deċiżjoni fuq din l-ipoteżi.

    84

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud.

    Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata mill-Qorti Ġenerali tal-proċedura segwita mill-Kummissjoni fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża

    L-argumenti tal-partijiet

    85

    Permezz tat-tielet aggravju tagħha, il-Kummissjoni targumenta li l-Qorti Ġenerali, billi evalwat b’mod żbaljat il-proċedura segwita mill-Kummissjoni fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, wettqet żball ta’ liġi sa fejn hija qieset li l-Kummissjoni ma kinitx osservat l-ibbilanċjar tal-interessi inkwistjoni, kif rikjest fil-punt 66 u 67 tas-sentenza appellata.

    86

    B’mod partikolari, il-Kummissjoni tqis li, jekk jitqies li r-rekwiżit ta’ tali bbilanċjar huwa fondat, kellu jitqies li f’dan il-każ hija kienet, fi kwalunkwe każ, wettqet il-kontroll meħtieġ. Hija targumenta li hija adottat id-deċiżjoni kontenzjuża biss wara li għamlet diversi skambji mal-awtoritajiet Belġjani, kisbet spjegazzjonijiet iddettaljati min-naħa tal-Prosekutur Belġjan, eżaminat fuq il-post il-proċess tal-proċedura kriminali u, fl-aħħar nett, ikkonsultat espert fid-dritt kriminali Belġjan.

    87

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali li pprevediet, fil-punt 71 tas-sentenza appellata, rekwiżiti sproporzjonati meta mqabbla mal-miżuri li l-Kummissjoni kien imissha tqis sabiex tirrispetta d-dritt ta’ RQ għal smigħ. Dawn il-miżuri jwasslu sistematikament għal interferenza indebita min-naħa tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-funzjonament tal-ġustizzja kriminali nazzjonali.

    88

    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tikkontesta l-motiv, li jinsab fil-punt 76 tas-sentenza appellata, skont liema ma huwiex totalment eskluż li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kien ikollha kontenut differenti li kieku RQ kien f’pożizzjoni li, b’mod utli, jagħti l-perspettiva tiegħu dwar l-interess tal-Unjoni u dwar il-protezzjoni tal-indipendenza neċessarja tiegħu bħala Direttur Ġenerali tal-OLAF. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, minn naħa, il-kwalità ta’ Direttur Ġenerali tal-OLAF ta’ RQ ma kinitx rilevanti sa fejn RQ kien ippreżenta r-rikors tiegħu personalment u, min-naħa l-oħra, il-pożizzjoni tal-uffiċjal ikkonċernat ma tistax tiddetermina jew tinfluwenza l-evalwazzjoni tal-interess tal-Unjoni, li taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-istituzzjonijiet.

    89

    RQ iqis li dan l-aggravju jirrigwarda evalwazzjonijiet fattwali tal-Qorti Ġenerali u, għaldaqstant, għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. Sussidjarjament, RQ jargumenta li dan l-aggravju ma huwiex fondat.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    90

    L-argumenti mqajma mill-Kummissjoni insostenn tat-tielet aggravju tal-appell għandhom, essenzjalment, żewġ partijiet.

    91

    Permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, il-Kummissjoni targumenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 74 tas-sentenza appellata, li n-nuqqas ta’ smigħ ta’ RQ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża kien imur lil hinn minn dak li kien neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan li jikkonsisti f’li jiġi żgurat is-sigriet istruttorju u, konsegwentement, ma kienx jirrispetta l-kontenut essenzjali tad-dritt għal smigħ, stabbilit fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta.

    92

    Għandu jiġi rrilevat li, permezz ta’ dawn l-argumenti, il-Kummissjoni ma tikkontestax l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti Ġenerali, iżda l-klassifikazzjoni legali ta’ dawn tal-aħħar. B’mod partikolari, hija targumenta li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 74 tas-sentenza appellata, qieset b’mod żbaljat, abbażi tal-fajl li hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha, li hija kienet kisret id-dritt għal smigħ ta’ RQ, u b’dan il-mod wettqet żball ta’ liġi.

    93

    Konsegwentement, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet ta’ RQ, l-ewwel parti tat-tielet aggravju hija ammissibbli. Fil-fatt, meta l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha kompetenza sabiex teżerċita stħarriġ fuq il-klassifikazzjoni legali ta’ dawn il-fatti u fuq il-konsegwenzi ta’ dritt li jkunu ġew misluta minnha mill-Qorti Ġenerali (sentenza tas‑6 ta’ April 2006, General Motors vs Il‑Kummissjoni, C‑551/03 P, EU:C:2006:229, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    94

    Fir-rigward tal-eżami fuq il-mertu ta’ din l-ewwel parti, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 69 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet f’dan il-każ ibbilanċjar konformi ma’ dak imsemmi fil-punti 67 u 68 ta’ din is-sentenza.

    95

    Hija bbażat l-evalwazzjoni tagħha fuq il-konstatazzjonijiet esposti fil-punti 70 sa 72 tas-sentenza appellata, skont liema, l-ewwel nett, il-Kummissjoni ma talbitx lill-awtoritajiet kompetenti Belġjani jindikaw il-motivi li għalihom smigħ ta’ RQ, qabel l-eventwali tneħħija tal-immunità tiegħu, kien jinvolvi riskji għall-osservanza tas-sigriet istruttorju jew jistabbilixxu verżjoni mhux kunfidenzjali tat-talba tagħhom għal tneħħija ta’ immunità, li tista’ jiġi kkomunikata lil RQ. It-tieni, l-imsemmija awtoritajiet ma invokaw ebda ċirkustanza, bħal riskju li RQ jaħrab jew li jeqred xi provi, li tista’ tiġġustifika l-assenza ta’ komunikazzjoni tat-talba għat-tneħħija tal-immunità tiegħu. Fl-aħħar nett, it-tielet, it-tweġibiet tal-awtoritajiet Belġjani għat-talbiet tal-Kummissjoni kellhom lakuni u ma kinux jippermettu li jinftiehem ir-rifjut tagħhom li l-Kummissjoni tisma’ lil RQ dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità tiegħu.

    96

    Fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet ta’ natura fattwali, li ma jistgħux jiġi kkontestati fl-istadju tal-appell ħlief fil-każ ta’ żnaturament tal-fatti u tal-provi, bl-ebda mod allegat mill-Kummissjoni f’dan il-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2010, Trubowest Handel u Makarov vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑419/08 P, EU:C:2010:147, punti 3031 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), il-Qorti Ġenerali setgħet, fil-punt 74 tas-sentenza appellata, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tiddeċiedi li l-fatt li r-rikorrent f’dik il-kawża ma nstemax qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża kien imur lil hinn minn dak li kien neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u, għaldaqstant, kien jikser id-dritt għal smigħ stabbilit fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta.

    97

    F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ma tistax tilmenta li l-Qorti Ġenerali injorat il-fatt li hija kienet għamlet skambji mal-awtoritajiet kompetenti Belġjani. Fil-fatt, dawn ittieħdu inkunsiderazzjoni minnha li madankollu qieset, fil-kuntest tal-evalwazzjoni sovrana tagħha tal-fatti, li, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, l-ispjegazzjonijiet miksuba minn din tal-aħħar wara dawn l-iskambji kellhom lakuni u ma kinux iddettaljati biżżejjed.

    98

    Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma tistax tieħu vantaġġ, sabiex tikkontesta l-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, mill-fatt li hija kienet eżaminat fuq il-post il-proċess tal-proċedura kriminali u kienet ikkonsultat espert fid-dritt kriminali Belġjan. Issa, jekk jitqies li dawn huma ppruvati, tali fatti ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, ikunu biżżejjed sabiex juru li d-dritt għal smigħ ta’ RQ ġie rrispettat. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma tallegax li hija kienet invokat quddiem il-Qorti Ġenerali punti li jirriżultaw mill-eżami tal-proċess tal-proċedura kriminali nazzjonali jew mill-konsultazzjoni tal-espert Belġjan u setgħu jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ smigħ minn qabel ta’ RQ.

    99

    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni lanqas ma tista’ tieħu vantaġġ mill-argument, espost fil-punt 87 ta’ din is-sentenza, skont liema, essenzjalment, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 71 tas-sentenza appellata, imponiet rekwiżiti sproporzjonati sabiex titneħħa l-immunità ta’ uffiċjal mingħajr ma jinstema’ minn qabel, sa fejn dawn setgħu jwasslu għal interferenza tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-funzjonament tal-ġustizzja kriminali ta’ Stat Membru.

    100

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 71 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, anki jekk semmiet bħala eżempju diversi ċirkustanzi li fihom jista’ jiġi maħsub biex titneħħa l-immunità ta’ uffiċjal mingħajr ma jinstema’ minn qabel, essenzjalment ikkonstatat li, fil-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, l-awtoritajiet Belġjani ma kinux ipproduċew provi suffiċjenti sabiex tiġi ġġustifikata tali proċedura.

    101

    Issa, ma jistax jitqies li l-obbligu impost fuq il-Kummissjoni li tikseb mill-awtoritajiet nazzjonali li jipprovdulha provi suffiċjenti sabiex jiġi ġġustifikat ksur gravi għad-dritt għal smigħ, bħal dawk invokati mill-Qorti Ġenerali bħala eżempji, huwa sproporzjonat. Dan huwa inqas u inqas meta, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, il-produzzjoni ta’ tali provi ma twassalx, min-natura tagħha, għal interferenza fil-proċedura tal-Istat Membru kkonċernat, li, bħall-Kummissjoni, għandu l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) TUE, skont liema l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, f’rispett reċiproku sħiħ, jgħinu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li joħorġu mit-Trattati.

    102

    Konsegwentement, l-ewwel parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

    103

    Fir-rigward tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, għandu jiġi rrilevat qabelxejn li, permezz tagħha, il-Kummissjoni ma tikkontestax l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti Ġenerali, iżda targumenta li din, essenzjalment, wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 76 tas-sentenza appellata, li ma jistax jiġi eskluż li, li kieku RQ kien f’pożizzjoni li jagħti l-perspettiva tiegħu dwar it-tneħħija tal-immunità tiegħu, id-deċiżjoni kontenzjuża kien ikollha kontenut differenti.

    104

    Għaldaqstant, għall-istess motivi bħal dawk indikati għall-ewwel parti tat-tielet aggravju, it-tieni parti ta’ dan l-aggravju hija ammissibbli.

    105

    Fir-rigward tal-eżami fuq il-mertu ta’ din it-tieni parti, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ksur tad-drittijiet tad-difiża, b’mod partikolari tad-dritt għal smigħ, jimplika l-annullament tad-deċiżjoni meħuda fi tmiem il-proċedura amministrattiva inkwistjoni biss jekk, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, din il-proċedura seta’ kellha riżultat differenti (sentenzi tat‑3 ta’ Lulju 2014, Kamino International Logistics u Datema Hellmann Worldwide Logistics, C‑129/13 u C‑130/13, EU:C:2014:2041, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑14 ta’ Ġunju 2018, Makhlouf vs Il‑Kunsill, C‑458/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:441, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    106

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li ma jistax jiġi impost fuq rikorrent li jinvoka l-ksur tad-drittijiet tad-difiża tiegħu li juri li d-deċiżjoni tal-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata kien ikollha kontenut differenti, iżda biss li tali ipoteżi ma hijiex totalment eskluża (sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2009, Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il‑Kunsill, C‑141/08 P, EU:C:2009:598, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    107

    L-evalwazzjoni ta’ din il-kwistjoni għandha, barra minn hekk, issir skont iċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ liġi speċifiċi ta’ kull każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2013, G. u R., C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533, punt 40).

    108

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, bħalma jistipulaw l-Artikolu 17 tal-Protokoll Nru 7 u l-Artikolu 23 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-privileġġi u l-immunitajiet li jgawdu minnhom l-uffiċjali u l-membri tal-persunal tal-Unjoni jingħataw esklużivament fl-interess ta’ din tal-aħħar.

    109

    Issa, l-għan tal-immunità mogħtija lil uffiċjal tal-Unjoni, bħalma jirriżulta minn dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat l-effett ta’ eventwali ksur tad-dritt għal smigħ fuq il-legalità ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija ta’ din l-immunità.

    110

    Barra minn hekk huwa f’dan is-sens li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem irrilevat ukoll, f’sentenza dwar l-immunità parlamentari, li huwa fid-dawl tar-rekwiżiti ta’ protezzjoni tal-għan istituzzjonali ta’ tali immunità li għandu jiġi evalwat l-effett tal-implimentazzjoni tagħha fuq id-drittijiet tal-persuna kkonċernata (Qorti EDB, 3 ta’ Diċembru 2009, Kart vs It‑Turkija, CE:ECHR:2009:1203JUD000891705, punt 95).

    111

    Minn dan isegwi li kunsiderazzjonijiet marbuta mas-sitwazzjoni personali tal-uffiċjal ikkonċernat b’talba għal tneħħija ta’ immunità, kunsiderazzjonijiet li dan l-uffiċjal ikun fl-aħjar pożizzjoni li jqajjem li kieku nstema’ dwar din it-talba, huma nieqsa minn rilevanza għall-azzjoni li għandha tittieħed dwar l-imsemmija talba. F’dan ir-rigward, huma importanti biss kunsiderazzjonijiet marbuta mal-interess tas-servizz.

    112

    Għaldaqstant, uffiċjal li jkun għamel rikors kontra deċiżjoni ta’ tneħħija tal-immunità tiegħu ma jistax sempliċement jinvoka, b’mod astratt, il-ksur tad-dritt għal smigħ insostenn tat-talba tiegħu għall-annullament ta’ tali deċiżjoni. Huwa l-kompitu tiegħu li juri li ma huwiex totalment eskluż li d-deċiżjoni tal-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata kien ikollha kontenut differenti, li kieku huwa seta’ jqajjem argumenti u elementi dwar l-interess tas-servizz.

    113

    Issa, mis-sentenza appellata ma jirriżultax li l-Qorti Ġenerali vverifikat li RQ qajjem argumenti intiżi li juru dan.

    114

    Fil-fatt, mill-qari tal-proċess tal-ewwel istanza, trażmess lill-Qorti tal-Ġustizzja konformement mal-Artikolu 167(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li l-Qorti Ġenerali sempliċement irrepetiet, fil-punt 76 tas-sentenza appellata, kważi bl-istess kliem, affermazzjoni vaga li tinsab fir-rikors ta’ RQ, dwar l-argumenti li huwa kien ikun jista’ jippreżenta li kieku kien instema’ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.

    115

    Minbarra din l-affermazzjoni, RQ ma ta, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, ebda indikazzjoni dwar l-interess tas-servizz li jista’ jiġġustifika ż-żamma tal-immunità tiegħu, li huwa kien ikun jista’ jargumenta li kieku huwa kien instema’ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.

    116

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali, billi ddeċidiet li l-ksur tad-dritt għal smigħ ta’ RQ kien jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, minkejja li dan tal-aħħar ma kienx wera li ma kienx totalment eskluż li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kien ikollha kontenut differenti, li kieku huwa kien f’pożizzjoni li jeżerċita d-dritt għal smigħ tiegħu, wettqet żball ta’ liġi.

    117

    Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tielet aggravju għandha tintlaqa’ u s-sentenza appellata għandha tiġi annullata.

    Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

    118

    Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fil-każ li tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ jew taqta’ l-kawża definittivament hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tista’ tibgħatha lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha.

    119

    F’dan il-każ, it-tilwima hija fi stat li tiġi deċiża, sa fejn jirrigwarda l-ewwel parti tal-ħames motiv tar-rikors ta’ RQ, ibbażata fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ.

    120

    Fil-fatt, mill-motivi esposti fil-kuntest tat-tieni u tat-tielet aggravju tal-appell jirriżulta li, minkejja li l-Kummissjoni ma rrispettatx id-dritt ta’ RQ għal smigħ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, tali ksur ma jistax jiġġustifika l-annullament ta’ din id-deċiżjoni, fin-nuqqas ta’ RQ li juri li ma kienx totalment eskluż li, fl-assenza ta’ dan il-ksur, l-imsemmija deċiżjoni kien ikollha kontenut differenti.

    121

    Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ħames motiv tar-rikors ta’ RQ, ibbażata fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ, għandha tiġi miċħuda.

    122

    Għall-kumplament, it-tilwima ma hijiex fi stat li tiġi deċiża, peress li l-motivi u l-ilmenti l-oħrajn invokati minn RQ insostenn tar-rikors tiegħu ma ġewx eżaminati mill-Qorti Ġenerali.

    123

    Għaldaqstant, il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali.

    Fuq l-ispejjeż

    124

    Peress li l-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ispejjeż relatati ma’ dan l-appell għandhom jiġu rriżervati.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑24 ta’ Ottubru 2018, RQ vs Il‑Kummissjoni (T‑29/17, EU:T:2018:717), hija annullata.

     

    2)

    L-ewwel parti tal-ħames motiv tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi miċħuda.

     

    3)

    Il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabiex din tiddeċiedi fuq l-ewwel sar-raba’ motiv tar-rikors kif ukoll fuq it-tieni u t-tielet parti tal-ħames motiv tar-rikors.

     

    4)

    L-ispejjeż huma rriżervati.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Top