This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62018CJ0523
Judgment of the Court (Fifth Chamber) of 19 December 2019.#Engie Cartagena S.L. v Ministerio para la Transición Ecológica.#Request for a preliminary ruling from the Audiencia Nacional.#Reference for a preliminary ruling — Internal market in electricity — Common rules — Directive 2003/54/EC — Article 3(2) — Directive 2009/72/EC — Article 3(2) — Public service obligations — Meaning — National rules — Financing of energy efficiency plans — Designation of electricity generating undertakings — Mandatory contribution.#Case C-523/18.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-19 ta’ Diċembru 2019.
Engie Cartagena S.L. vs Ministerio para la Transición Ecológica.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Audiencia Nacional.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq intern tal-elettriku – Regoli komuni – Direttiva 2003/54/KE – Artikolu 3(2) – Direttiva 2009/72 – Artikolu 3(2) – Obbligi ta’ servizz pubbliku – Kunċett – Leġiżlazzjoni nazzjonali – Finanzjament tal-programmi ta’ effiċjenza tal-enerġija – Indikazzjoni ta’ produtturi tal-enerġija elettrika – Kontribuzzjoni obbligatorja.
Kawża C-523/18.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-19 ta’ Diċembru 2019.
Engie Cartagena S.L. vs Ministerio para la Transición Ecológica.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Audiencia Nacional.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq intern tal-elettriku – Regoli komuni – Direttiva 2003/54/KE – Artikolu 3(2) – Direttiva 2009/72 – Artikolu 3(2) – Obbligi ta’ servizz pubbliku – Kunċett – Leġiżlazzjoni nazzjonali – Finanzjament tal-programmi ta’ effiċjenza tal-enerġija – Indikazzjoni ta’ produtturi tal-enerġija elettrika – Kontribuzzjoni obbligatorja.
Kawża C-523/18.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:1129
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
19 ta’ Diċembru 2019 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq intern tal-elettriku – Regoli komuni – Direttiva 2003/54/KE – Artikolu 3(2) – Direttiva 2009/72 – Artikolu 3(2) – Obbligi ta’ servizz pubbliku – Kunċett – Leġiżlazzjoni nazzjonali – Finanzjament tal-programmi ta’ effiċjenza tal-enerġija – Indikazzjoni ta’ produtturi tal-enerġija elettrika – Kontribuzzjoni obbligatorja”
Fil-Kawża C‑523/18,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Lulju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Awwissu 2018, fil-proċedura
Engie Cartagena SL
vs
Ministerio para la Transición Ecológica, li kien il-Ministerio de Industria, Energía y Turismo,
fil-preżenza ta’:
Endesa Generación SA,
EDP España SAU,
Bizkaia Energía, SL,
Iberdrola Generación SAU,
Tarragona Power SL,
Bahia de Bizkaia Electricidad SL,
Viesgo Generación SL,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn E. Regan, President tal-Awla, I. Jarukaitis (Relatur), E. Juhász, M. Ilešič u C. Lycourgos, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: G. Hogan,
Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Ġunju 2019,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal Engie Cartagena SL, minn G. Martínez-Villaseñor u G. Rubio Hernández-Sampelayo, abogados, u A. Cano Lantero, procuradora, |
– |
għal Endesa Generación SA, minn J. J. Lavilla Rubira, abogado, |
– |
għal EDP España SAU, minn J. Expósito Blanco, abogada, |
– |
għal Bizkaia Energía SL, minn J. Abril Martínez, abogado, u J. Briones Méndez, procurador, |
– |
għal Iberdrola Generación SAU u Tarragona Power SL, minn J. Giménez Cervantes u F. Löwhagen, abogados, |
– |
għal Bahia de Bizkaia Electricidad SL, minn F. González Ruiz, abogada kif ukoll minn J. García Sanz u D. Sarmiento Ramírez-Escudero, abogados, |
– |
għall-Gvern Spanjol, minn A. Rubio González, bħala aġent, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn O. Beynet, I. Galindo Martín u E. Sanfrutos Cano, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Settembru 2019,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam ta’ l-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 211) u l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU 2009, L 211, p. 55). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Engie Cartagena SL u l-Ministerio para la Transición Ecológica, li kien il-Ministerio de Industria, Energía y Turismo (il-Ministeru għat-Tranżizzjoni Ekoloġika, li kien il-Ministeru għall-Industrija, għall-Enerġija u għat-Turiżmu, Spanja) dwar il-legalità tal-kontribuzzjoni li l-impriżi li jipproduċu l-enerġija elettrika għandhom iħallsu għall-finijiet tal-finanzjament tal-programm nazzjonali ta’ azzjoni fil-qasam tal-ekonomija u tal-effiċjenza tal-enerġija (iktar ’il quddiem il-“kontribuzzjoni obbligatorja”). |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Ir-Regolament (KEE) Nru 1191/69
3 |
L-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69 tas-26 ta’ Ġunju 1969 dwar azzjoni mill-Istati Membri dwar l-obbligi inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku fit-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 19), kien jipprovdi li, permezz ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, “tfisser obbligi li l-impriża tat-trasport partikolari, jekk ikollha tqis l-interessi kummerċjali tagħha biss, ma tinkarigax ruħha minnhom jew ma tinkarigax ruħha bl-istess mod jew taħt l-istess kondizzjonijiet.” |
Ir-Regolament (KEE) Nru 3577/92
4 |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92 tas-7 ta’ Diċembru 1992 li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 10), jipprevedi fil-punt 4 tal-Artikolu 2 tiegħu: “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
[…]” |
Id-direttivi dwar is-suq intern fil-qasam tal-elettriku
5 |
L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2003/54 jipprevedi: “F’kunsiderazzjoni sħiħa lejn id-disposizzjonijiet relevanti tat-Trattat, b’mod partikolari l-Artikolu 86 miġjub fih, l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq impriżi li jkunu qed jaħdmu fis-settur ta’ l-elettriku, u fl-interess ekonomiku ġenerali, l-obbligi tas-servizz pubbliku li jistgħu jkunu marbuta mas-sigurtà, inkluża s-sigurtà tal-provvista, ir-regolarità, il-kwalità u l-prezz tal-provvisti u l-protezzjoni ta’ l-ambjent, inklużi l-effiċjenza ta’ l-enerġija u l-protezzjoni tal-klima. Tali obbligi għandhom ikunu definiti b’mod ċar, trasparenti, mhux diskriminatorji, verifikabbli u għandhom jiggarantixxu l-ugwaljanza tal-aċċess lill-impriżi tal-elettriku Komunitarji għall-konsumaturi nazzjonali. B’rabta mas-sigurtà tal-provvista, l-effiċjenza ta’ l-enerġija/amministrazzjoni ta’ xiri u bejgħ u għat-twettiq ta’ l-għanijiet ambjentali, kif hemm imfisser f’dan il-paragrafu, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu l-implimentazzjoni ta’ ppjanar għal żmien twil, waqt li tkun kunsidrata l-possibilità li terzi partijiet jistgħu jitolbu li jkollhom aċċess għas-sistema.” |
6 |
Id-Direttiva 2009/72 ħassret id-Direttiva 2003/54 b’effett mit-3 ta’ Marzu 2011. |
7 |
Skont il-premessa 50 tad-Direttiva 2009/72: “Ir-rekwiżiti tas-servizz pubbliku, inkluż fir-rigward tas-servizz universali, u l-istandards komuni minimi li jitnisslu minnhom, jeħtieġ li jissaħħu aktar biex jiġi żgurat li l-konsumaturi kollha, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli, ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-kompetizzjoni u minn prezzijiet ġusti. Ir-rekwiżiti tas-servizz pubbliku għandhom jiġu definiti fuq bażi nazzjonali, filwaqt li jkunu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi nazzjonali; Il-liġi tal-[Unjoni] għandha, madanakollu, tkun rispettata mill-Istati Membri. Iċ-ċittadini tal-UE u, fejn l-Istati Membri jqisu xieraq, l-impriżi ż-żgħar, għandhom ikunu jistgħu igawdu l-obbligi tas-servizz pubbliku, b’mod partikulari fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista u fir-rigward ta’ prezzijiet raġonevoli. […]” |
8 |
L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72, li essenzjalment jirriproduċi l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2003/54, huwa fformulat kif ġej: “B’konsiderazzjoni sħiħa għad-dispożizzjonijiet relevanti tat-Trattat, b’mod partikolari l-Artikolu 86 tiegħu, l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq impriżi li jkunu qed jaħdmu fis-settur tal-elettriku, u fl-interess ekonomiku ġenerali, l-obbligi tas-servizz pubbliku li jistgħu jkunu marbuta mas-sigurtà, inkluża s-sigurtà tal-provvista, ir-regolarità, il-kwalità u l-prezz tal-provvisti u l-protezzjoni ambjentali, inklużi l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, ill-enerġija minn sorsi li jiġġeddu u l-protezzjoni tal-klima. Tali obbligi għandhom ikunu definiti b’mod ċar, trasparenti, mhux diskriminatorji, verifikabbli u għandhom jiggarantixxu l-ugwaljanza tal-aċċess lill-impriżi tal-elettriku tal-Unjoni għall-konsumaturi nazzjonali. Fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija/il-ġestjoni tad-domanda kif ukoll il-kisba tal-għanijiet ambjentali u tal-għanijiet fir-rigward tal-enerġija minn sorsi li jiġġeddu, kif imsemmi f’dan il-paragrafu, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu l-implimentazzjoni ta’ ppjanar għal perjodu fit-tul, meta titqies il-possibilità li terzi persuni jitolbu aċċess għas-sistema.” |
Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007
9 |
L-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (ĠU 2007, L 315, p. 1), jipprevedi b’mod partikolari fil-paragrfu 1 tiegħu: “L-iskop ta’ dan ir-Regolament huwa li jiddefinixxi il-mod kif, skond ir-regoli tal-liġi [tal-Unjoni], l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jaġixxu fil-qasam tat-trasport pubbliku ta’ passiġġieri biex jiggarantixxu l-forniment ta’ servizzi ta’ interess ġenerali li huma fost l-affarijiet l-oħra iktar numerużi, iktar sikuri, ta’ kwalità għola jew ta’ prezz orħos minn dawk li l-forza tas-suq waħedha tista’ tippermetti. Għal dan il-għan, dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li taħthom l-awtoritajiet kompetenti, meta jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku jew jikkonkludu kuntratti għal servizz pubbliku, jikkumpensaw lill-operaturi ta’ servizz pubbliku għall-ispejjeż li jkunu għamlu u/jew jagħtu drittijiet esklussivi bi tpattija għall-operat ta’ obbligi tat-trasport pubbliku.” |
10 |
Taħt it-titolu “Definizzjonijiet”, l-Artikolu 2(e) ta’ dan ir-regolament jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
|
Ir-Regolament (UE) 2017/352
11 |
L-Artikolu 2(14) tar-Regolament (UE) 2017/352 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2017 li jistabbilixxi qafas għall-forniment tas-servizzi portwarji u regoli komuni dwar it-trasparenza finanzjarja tal-portijiet (ĠU 2017, L 57, p. 1), jiddefinixxi l-“obbligi ta’ servizz pubbliku” għall-finijiet ta’ dan ir-regolament bħala “rekwiżit definit jew determinat sabiex tiġi ggarantita l-provvista ta’ servizzi tal-portijiet jew ta’ attivitajiet ta’ interess ġenerali li operatur, jekk jikkunsidra l-interess kummerċjali tiegħu, ma jiżgurax jew ma jiżgurax, bl-istess mod, jew taħt l-istess kundizzjonijiet.” |
Id-dritt Spanjol
Id-Digriet-Liġi 14/2010
12 |
Ir-raba’ premessa tar-Real Decreto-ley 14/2010, por el que se establecen medidas urgentes para la corrección del déficit tarifario del sector eléctrico (id-Digriet-Liġi Rjali 14/2010 li jistabbilixxi Miżuri Urġenti għall-Korrezzjoni tad-Defiċit Tariffarju fis-Settur tal-Elettriku) tat-23 ta’ Diċembru 2010 (iktar ’il quddiem id-“Digriet Liġi 14/2010”) (BOE Nru 312, tal-24 ta’ Diċembru 2010, p. 106386), jipprevedi: “It-tieni nett, sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż attribwibbli lit-tariffa, l-impriżi produttriċi taħt is-sistema ordinarja għandhom jiffinanzjaw il-pjan ta’ azzjoni 2008-2012, adottat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri tat-8 ta’ Lulju 2005 li timplimenta l-miżuri previsti mid-dokument ‘Strateġija ta’ ekonomija u effiċjenza tal-enerġija fi Spanja għall-perijodu 2004-2012’. Barra minn hekk, il-perċentwali tal-kontribuzzjoni minn kull waħda mill-impriżi għall-finanzjamanet tiegħu huma fissi, bil-konsegwenza li d-dispożizzjonijiet tal-Ley de Presupuestos Generales del Estado de 2011 (l-Att dwar il-Baġit Ġenerali tal-Istat għas-sena 2011) kellhom jiġu emendati.” |
13 |
Skont it-tielet dispożizzjoni addizzjonali tad-Digriet-Liġi Rjali 14/2010 intitolata “Finanzjament ta’ programmi tal-ekonomija u ta’ effiċjenza tal-enerġija għas-snin 2011, 2012 u 2013”:
|
Il-pjan ta’ azzjoni 2008–2012
14 |
Is-sinteżi tal-pjan ta’ azzjoni 2008–2012, adottat b’deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri tat-8 ta’ Lulju 2005, jipprevedi: “[I]l-politiki ta’ ekonomija u ta’ effiċjenza tal-enerġija huma vejikolu ta’ progress tal-kumpannija, peress li:huma jikkontribwixxu għall-benesseri soċjali; huma jikkostitwixxu element ta’ responsabbiltà soċjali; għandhom jorjentaw l-attivitajiet umani lejn żvilupp sostenibbli; jistabbilixxu qafas ġdid għall-iżvilupp tal-kompetittività tal-impriżi; u, fil-qosor, jissodisfaw il-prinċipju ta’ solidarjetà bejn iċ-ċittadini u l-popli. Dawn il-prinċipji gwida għandhom jiġu tradotti fi pjani, bħal dak espost f’dan id-dokument, li l-linji gwida tagħhom għandhom ikunu intiżi li jilħqu l-għanijiet strateġiċi li ġejjin:
|
15 |
Minn din is-sinteżi jirriżulta li, parallellament ma’ dawn l-istrateġiji nazzjonali, “l-[Unjoni] stabbilixxiet politiki li jmorru fl-istess direzzjoni. Dan huwa konformi mad-Direttiva [2006/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2006 dwar effiċjenza fl-użu finali ta’ l-enerġija u dwar servizzi ta’ enerġija u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/76/KEE (ĠU 2006, L 114, p. 64)]”. |
16 |
F’din is-sinteżi hemm indikat ukoll li, mill-aspett ekonomiku, il-pjan ta’ azzjoni 2008–2012 jeħtieġ riżorsi finanzjarji kbar ħafna sabiex l-inċentivazzjoni għall-ekonomija u għall-effiċjenza tal-enerġija tipproduċi effett veru ta’ imbuttatura tal-investimenti privati, li jirriżultaw li huma ekonomikament vijabbli fil-parti l-kbira tal-każijiet, iżda li jeżiġu deċiżjoni ta’ investiment ta’ fondi li d-disponibbiltà tagħhom hija dejjem limitata. Il-fondi pubbliċi neċessarji għall-implimentazzjoni tal-pjan għandhom oriġini tripla: (i) il-fondi allokati għal pjan mill-amministrazzjoni Spanjola, permezz tal-Instituto para la Diversificación y Ahorro de la Energía (IDAE) (l-Istitut tad-diversifikazzjoni u tal-ekonomiji tal-enerġija), li ssuċċeda lis-Centro de Estudios de la Energía (iċ-Ċentru ta’ Studji dwar l-Enerġija) u korpi ekwivalenti tal-komunitajiet awtonomi; (ii) ir-riżorsi li ġejjin mill-fondi strutturali bħalma huma l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), u (iii) il-fondi investiti mill-ġdid tas-setturi tal-elettriku u tal-gass “bil-għan li jiffavorixxu t-titjib fl-effiċjenza f’dawn is-setturi.” |
Id-Digriet ikkontestat u l-IDAE
17 |
Skont it-tielet dispożizzjoni addizzjonali tad-Digriet Liġi Nru 14/2010, il-leġiżlatur nazzjonali adotta l-Orden IET/75/2014, por la que se regulan las transferencias de fondos, con cargo a las empresas productoras de energía eléctrica, de la cuenta específica de la Comisión Nacional de los Mercados y la Competencia al Instituto para la Diversificación y Ahorro de la Energía, en el año 2013, para la ejecución de las medidas del Plan de Acción de Ahorro y Eficiencia Energética 2011-2020, y los criterios para la ejecución de las medidas contempladas en dicho plan (id-Digriet IET/75/2014, li jirregola t-trasferimenti ta’ fondi, pagabbli mill-impriżi li jiġġeneraw l-elettriku, mill-kont speċifiku tal-Kummissjoni Nazzjonali tas-Swieq u tal-Kompetizzjoni tal-Istitut għad-Diversifikazzjoni u għall-Iffrankar tal-Enerġija għall-2013 għall-implimentazzjoni tal-miżuri skont il-pjan ta’ azzjoni 2011-2020 ta’ ekonomija u effiċjenza tal-enerġija, u l-kriterji għall-implimentazzjoni tal-miżuri stabbiliti f’dan il-pjan) tas-27 ta’ Jannar 2014 (BOE Nru 25 tad-29 ta’ Jannar 2014, p. 5875) (iktar ’il quddiem id-“Digriet ikkontestat”). |
18 |
L-Artikolu 1(1) tad-digriet kontenzjuż jippreċiża li dan għandu bħala għan li jiddefinixxi l-proċedura ta’ trasferiment bejn il-kont speċifiku tal-Comisión Nacional de los Mercados y la Competencia (il-Kummissjoni Nazzjonali tas-swieq u tal-kompetizzjoni) u l-IDAE f’dak li jirrigwarda l-fondi koperti mit-tielet dispożizzjoni addizzjonali tad-Digriet-Liġi 14/2010. |
19 |
L-IDAE huwa ffinanzjat b’mod partikolari mill-kontribuzzjonijiet ekonomiċi magħmula mill-impriżi suġġetti għal din l-aħħar dispożizzjoni, u huwa fil-kuntest ta’ dan l-istitut li huma parzjalment implimentati l-pjani ta’ azzjoni u ta’ effikaċja adottati mill-Gvern. L-IDAE ġie stabbilit permezz tal-wieħed u għoxrin dispożizzjoni addizzjonali tal-Ley 46/1985, de Presupuestos Generales del Estado para 1986 (il-Liġi 46/1985, dwar il-Baġit Ġenerali tal-Istat) tas-27 ta’ Diċembru 1985 (BOE Nru 311, tat-28 ta’ Diċembru 1985, p. 40637), bħala entità rregolata mid-dritt pubbliku, għall-finijiet tal-ġestjoni u l-iżvilupp tal-politika ta’ ekonomija, ta’ konservazzjoni u ta’ diversifikazzjoni tal-enerġija. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
20 |
Fil-31 ta’ Jannar 2014, GDF Suez Cartagena Energía SL, li saret Engie Cartagena, ippreżentat rikors quddiem l-Audiencia nacional (il-Qorti Nazzjonali, Spanja) intiż għall-annullament tad-digriet kontenzjuż, minħabba illegalità, u għall-għoti ta’ kumpens li jikkorrispondi għas-somom imħallsa abbażi ta’ dan id-digriet. Engie Cartagena tikkontesta, b’mod partikolari, is-somma li hija għandha tieħu fil-konfront tagħha fil-kuntest tal-finanzjament tal-pjan ta’ azzjoni 2008–2012 iddeterminat abbażi tad-Digriet-Liġi 14/2010. |
21 |
Engie Cartagena ssostni, b’mod partikolari, li l-kriterji u l-prinċipji stabbiliti permezz tas-sentenzi tal-20 ta’ April 2010, Federutility et (C‑265/08, EU:C:2010:205) kif ukoll tas-7 ta’ Settembru 2016, ANODE (C‑121/15, EU:C:2016:637), li għandhom jirregolaw l-implimentazzjoni ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku, ma humiex issodisfatti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni. |
22 |
L-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali) tirrileva li, bl-introduzzjoni tal-kontribuzzjoni obbligatorja prevista fit-tielet dispożizzjoni addizzjonali tad-Digriet-Liġi 14/2010, li permezz tagħha ġiet adottata d-Digriet ikkontestat, il-leġiżlatur nazzjonali xtaq inaqqas id-defiċit tat-tariffi tas-settur tal-elettriku, billi jevita li l-finanzjament ta’ din l-ispiża jiġi imputat fuq is-sistema elettrika kollha. Fil-fatt, skont il-premessi tiegħu, “l-għan ta’ dan id-digriet leġiżlattiv huwa li jirrimedja, b’mod urġenti, id-defiċit tariffarju fis-settur tal-elettriku.” Mil-lat fattwali, id-Digriet-Liġi 14/2010 u, b’mod iktar partikolari, din it-tielet dispożizzjoni addizzjonali, kienu fost diversi dispożizzjonijiet li l-leġiżlatur nazzjonali adotta fil-qasam tal-korrezzjoni tad-defiċit tariffarju fis-settur tal-elettriku. |
23 |
Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-konformità ta’ din il-kontribuzzjoni obbligatorja mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72, u tistaqsi, b’mod partikolari, dwar il-kwistjoni jekk l-imsemmija kontribuzzjoni obbligatorja tikkostitwixxix obbligu ta’ servizz pubbliku impost mill-Istat b’mod trasparenti u nondiskriminatorju u li jiggarantixxi aċċess ugwali għall-konsumaturi. |
24 |
Skont l-imsemmija qorti, minn dan l-Artikolu 3(2) jirriżulta li, fl-interess ekonomiku ġenerali, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu obbligi ta’ servizz pubbliku li jistgħu, b’mod partikolari, jirrigwardaw il-protezzjoni tal-ambjent, inkluża l-effiċjenza tal-enerġija, l-enerġija prodotta minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u l-protezzjoni tal-klima, skont id-Direttiva 2004/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 fuq il-promozzjoni ta’ koġenerazzjoni bbażata fuq id-domanda għal sħana utli fis-suq intern tal-enerġija, li temenda d-Direttiva 92/42/KEE (ĠU 2004, L 52, p. 50) kif ukoll id-Direttiva 2006/32, li fil-kuntest tagħhom ġew adottati l-pjani ta’ ekonomija u ta’ effiċjenza tal-enerġija għas-snin 2011 sa 2013 kif ukoll id-Digriet-Liġi 14/2010. |
25 |
Fi Spanja, dawn il-miżuri jinsabu fil-pjan ta’ azzjoni 2011–2020 fil-qasam tal-ekonomija u tal-effiċjenza enerġetika, li l-ġestjoni tiegħu hija ċċentralizzata mill-IDAE, li huwa korp pubbliku. Għall-finijiet ta’ dan il-pjan ta’ azzjoni, qegħdin jiġu stabbiliti l-għoti u t-trasferiment ekonomiku previsti mit-tielet dispożizzjoni addizzjonali tad-Digriet-Liġi 14/2010, mar-rekwiżit ta’ benefiċċju patrimonjali li huwa bbażat fuq il-ħdax‑il impriża msemmija mil-liġi li stabbilixxiet il-kontribuzzjoni obbligatorja. Dan it-trasferiment ekonomiku għandu l-għan li jissodisfa l-għanijiet tal-IDAE. |
26 |
Din il-qorti tindika li t-tielet dispożizzjoni addizzjonali tad-Digriet-Liġi 14/2010 timponi li l-finanzjament huwa bbażat, issa, fuq ċerti impriżi tas-settur, minflok ma jipprevedi tqassim ġenerali fuq is-sistema jew finanzjament permezz tal-baġit, li jimplika li l-Istat Membru kkonċernat jeżiġi u jimponi fuq dawn l-impriżi obbligu ta’ servizz pubbliku, skont id-Direttivi 2003/54 u 2009/72. Għalhekk, f’għajnejn l-imsemmija qorti, meta l-finanzjament tal-pjani ta’ effikaċja jgħaddi minn finanzjament ġenerali għas-spejjeż tas-sistema, għall-finanzjament ta’ produtturi ta’ enerġija ddeterminati, impost b’mod vinkolanti minn liġi, dan ir-rekwiżit ta’ finanzjament jikkostitwixxi obbligu ta’ servizz pubbliku, sa fejn jirrigwarda deċiżjoni ta’ natura ekonomika u finanzjarja, li l-għan u l-finalità diretta tagħha huma, madankollu, it-teħid ta’ miżuri li huma kollha marbuta mal-protezzjoni tal-ambjent, inkluż mal-effiċjenza tal-enerġija u mal-protezzjoni tal-klima. |
27 |
Issa, l-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali) tqis li, kuntrarjament għar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72, id-Digriet-Liġi 14/2010 ma jagħmel ebda preċiżazzjoni la dwar il-kriterju applikat għall-iffissar tal-ammonti tal-kontribuzzjoni obbligatorja, u lanqas fuq il-motivazzjoni tat-tqassim tal-perċentwali, u lanqas fuq il-kwistjoni jekk il-volum u l-importanza ta’ dawn l-impriżi fis-settur kinux determinanti u, fl-affermattiv, dwar in-natura tal-kriterji użati sabiex tiġi ddeterminata din l-importanza. |
28 |
B’hekk, it-tielet dispożizzjoni addizzjonali tad-Digriet-Liġi 14/2010 tistabbilixxi obbligu ta’ servizz pubbliku mingħajr ma tagħti ebda indikazzjoni jew ġustifikazzjoni oħra għajr dik relatata mat-tnaqqis leġittimu tad-defiċit tariffarju, li jista’ jirriżulta kuntrarju għall-prinċipji li jirriżultaw mid-Direttivi 2003/54 u 2009/72 f’dak li jirrigwarda r-rekwiżiti ta’ servizz pubbliku fis-settur tal-elettriku. Għaldaqstant, jekk din il-miżura tikkostitwixxi obbligu ta’ servizz pubbliku, hija tista’, kif tkun ġiet introdotta, timplika diskriminazzjoni bejn l-impriżi fir-rigward tad-drittijiet u l-obbligi tagħhom, li ma hijiex iġġustifikata b’mod suffiċjenti u li, barra minn hekk, ma tirrispettax il-prinċipji li japplikaw għal dan it-tip ta’ obbligi fis-settur tal-elettriku. |
29 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali, Spanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
30 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72 għandux jiġi interpretat fis-sens li kontribuzzjoni finanzjarja, imposta fuq ċerti impriżi li jipproduċu enerġija elettrika għall-finijiet tal-finanzjament ta’ pjani ta’ ekonomija u ta’ effiċjenza enerġetika ġestita minn awtorità pubblika, tikkostitwixxi obbligu ta’ servizz pubbliku li jaqa’ taħt din id-dispożizzjoni. |
31 |
B’mod preliminari, għandu jiġi rrilevat l-ewwel nett, li, fil-kuntest ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tirreferi wkoll għall-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2003/54. Dan premess, sa fejn, minn naħa, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, fid-data tar-rikors ippreżentat minn Engie Cartagena quddiem il-qorti tar-rinviju kontra d-Digriet ikkontestat, id-Direttiva 2009/72 kienet applikabbli u li, min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni ma kinitx suġġetta għal tibdil sostanzjali wara l-adozzjoni ta’ din l-aħħar direttiva, ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għal din id-domanda tirrigwarda biss l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72. |
32 |
Fit-tieni lok, fid-dawl tad-dibattiti li seħħew waqt is-seduta dwar in-natura eventwalment fiskali tal-kontribuzzjoni obbligatorja, għandu jiġi rrilevat li l-elementi li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari ma jippermettux lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina b’ċertezza jekk din il-kontribuzzjoni obbligatorja għandhiex tali natura. Madankollu, għandu jitfakkar li, għalkemm il-qorti tar-rinviju qieset, fid-dawl tal-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali applikabbli, li dan huwa effettivament il-każ, id-Direttiva 2009/72, inkluż l-Artikolu 3(2) tagħha, ma tapplikax għal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi l-imsemmija kontribuzzjoni obbligatorja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2019, UNESA et, C‑80/18 sa C‑83/18, EU:C:2019:934, punt 56). |
33 |
Wara li saru dawn ir-rimarki preliminari, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72 jipprovdi li b’kunsiderazzjoni sħiħa għad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat KE, b’mod partikolari tal-Artikolu 86 [li sar l-Artikolu 106 TFUE], l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq impriżi li jkunu qegħdin jaħdmu fis-settur tal-elettriku, u fl-interess ekonomiku ġenerali, l-obbligi tas-servizz pubbliku li jistgħu jkunu marbuta mas-sigurtà, inkluża s-sigurtà tal-provvista, ir-regolarità, il-kwalità u l-prezz tal-provvisti u l-protezzjoni ambjentali. Dawn l-obbligi għandhom ikunu ddefiniti b’mod ċar, ikunu trasparenti, mhux diskriminatorji, verifikabbli u għandhom jiggarantixxu l-ugwaljanza tal-aċċess lill-impriżi tal-elettriku tal-Unjoni għall-konsumaturi nazzjonali. |
34 |
Fir-rigward tal-kunċett ta’ “obbligi ta’ servizz pubbliku”, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72 ma jagħmel ebda riferiment għad-drittijiet nazzjonali għal dak li jirrigwarda t-tifsira li għandha tingħata lil dan il-kunċett, din id-dispożizzjoni għandha titqies, għall-finijiet ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, bħala li fiha kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fit-territorju ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Frar 2008, Tele2 Telecommunication, C‑426/05, EU:C:2008:103, punt 26, u tat-9 ta’ Novembru 2016, Wathelet, C‑149/15, EU:C:2016:840, punt 29). |
35 |
Ċertament, skont il-premessa 50 tad-Direttiva 2009/72 jirriżulta li l-obbligi ta’ servizz pubbliku għandhom jiġu ddefiniti fil-livell nazzjonali, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkustanzi nazzjonali, bid-dritt tal-Unjoni li għandu, madankollu, jiġi rrispettat mill-Istati Membri. Madankollu, dawn it-termini jirreferu biss għall-possibbiltà li għandhom l-Istati Membri li jiddeċiedu, abbażi tad-dritt nazzjonali tagħhom, li jimponu jew le obbligi ta’ servizz pubbliku lil ċerti impriżi, kif ukoll li jiddeterminaw il-kontenut ta’ dawn l-obbligi, dment li dawn ikunu kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. |
36 |
Għalhekk, ir-riferiment għad-drittijiet tal-Istati Membri, li jinsab fl-imsemmija premessa, jikkonċerna biss l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “obbligi ta’ servizz pubbliku”. |
37 |
Għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-imsemmi kunċett, għandu, fl-ewwel lok, jiġi rrilevat li għalkemm, la l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72 u lanqas ebda dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva ma jinkludux definizzjoni tal-kunċett ta’ “obbligi ta’ servizz pubbliku”, huwa possibbli, madankollu, li mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jiġu estratti elementi li jikkostitwixxu dan il-kunċett, fis-sens tal-imsemmija direttiva. |
38 |
Fil-fatt, minn naħa, jista’ jiġi dedott mill-fatt li, skont it-termini tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72, l-Istati Membri jistgħu jimponu, fl-interess ekonomiku ġenerali, obbligi ta’ servizz pubbliku “għall-impriżi li jkunu qed jaħdmu fis-settur tal-elettriku”, li dawn l-obbligi għandhom ikunu tali li jwasslu lil dawn l-impriżi stess jikkontribwixxu sabiex jintlaħaq l-għan ta’ interess ekonomiku ġenerali ddeterminat mill-Istat Membru kkonċernat. |
39 |
Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72 jagħmel riferiment espliċitu għall-Artikolu 86 KE (li sar l-Artikolu 106 TFUE), fis-sens li l-Istati Membri għandhom, b’mod partikolari, jieħdu inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ din id-dispożizzjoni tat-Trattat meta dawn jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tad-Direttiva 2009/72. |
40 |
Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 106(2) TFUE ifittex li jirrikonċilja l-interess tal-Istati Membri li jużaw ċerti impriżi bħala strument ta’ politika ekonomika jew soċjali mal-interess tal-Unjoni għall-osservanza tar-regoli dwar il-kompetizzjoni u għall-ħarsien tal-unità tas-suq komuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 1999, Albany, C‑67/96, EU:C:1999:430 punt 103, kif ukoll tas-7 ta’ Settembru 2016, ANODE, C‑121/15, EU:C:2016:637, punt 43). |
41 |
Din il-ġurisprudenza tikkostitwixxi għalhekk konferma tal-fatt li l-impriżi kkonċernati għandhom ikunu fl-obbligu li jaġixxu huma stess sabiex jilħqu l-għan ta’ interess ekonomiku ġenerali mfittex. |
42 |
Barra minn hekk, mir-riferiment għall-Artikolu 106 TFUE, magħmul fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72, jirriżulta li l-obbligi ta’ servizz pubbliku, li din id-dispożizzjoni tal-aħħar tawtorizza, jidderogaw mir-regoli tal-kompetizzjoni. Jidher għalhekk li, kif tindika l-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, obbligu ta’ servizz pubbliku, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, jikkostitwixxi intervent pubbliku fil-funzjonament tas-suq, sabiex jintlaħaq għan ta’ interess ekonomiku ġenerali, li jobbliga lill-impriżi fis-settur tal-elettriku li jaġixxu fis-suq abbażi ta’ kriterji imposti mill-awtoritajiet pubbliċi. |
43 |
Din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “obbligu ta’ servizz pubbliku” hija kkorroborata mid-definizzjonijiet ta’ dan il-kunċett li jinsabu f’atti oħra tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, fl-assenza ta’ definizzjoni ta’ dan il-kunċett fid-Direttiva 2009/72, u peress li dan huwa kunċett użat mil-leġiżlatur tal-Unjoni f’diversi atti tad-dritt sekondarju, b’mod partikolari, fil-kuntest tal-oqsma ta’ kompetenza msemmija fl-Artikolu 4 TFUE, bħall-enerġija jew it-trasport, tali atti, minbarra d-Direttiva 2009/72, jikkostitwixxu referenzi utli għall-finijiet ta’ interpretazzjoni tal-istess kunċett, fis-sens ta’ din id-direttiva. |
44 |
Issa, f’dan ir-rigward, hekk kif fakkar l-Avukat Ġenerali, fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tiegħu, jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikolu 2(e) tar-Regolament Nru 1370/2007, li ħassar ir-Regolament Nru 1191/69, u mill-Artikolu 2(4) tar-Regolament Nru 3577/92, dwar il-qasam tat-trasport, kif ukoll tal-Artikolu 2(14) tar-Regolament 2017/352, dwar il-provvista ta’ servizzi tal-portijiet, li l-kunċett ta’ “obbligi ta’ servizz pubbliku” adottat mil-leġiżlatur tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti huwa intiż, essenzjalment, għall-obbligi imposti mill-awtoritajiet pubbliċi fuq operatur li ma jassumix dawn l-obbligi jew li ma jassumihomx fl-istess miżura jew taħt l-istess kundizzjonijiet li kieku ħa inkunsiderazzjoni biss l-interess kummerċjali tiegħu. |
45 |
Minn dan isegwi li, fir-rigward kemm tal-formulazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72 kif ukoll tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “obbligi ta’ servizz pubbliku” kif inhi mogħtija b’mod konverġenti fil-kuntest ta’ dawn l-atti adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni f’oqsma differenti minn dak tas-suq tal-elettriku, dan il-kunċett, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72, jikkorrispondi għal miżuri ta’ intervent pubbliku fil-funzjonament ta’ dan is-suq, li jimponu fuq impriżi tas-settur tal-elettriku, għall-finijiet tat-tfittxija ta’ interess ekonomiku ġenerali, li jaġixxi fuq l-imsemmi suq fuq il-bażi ta’ kriterji imposti mill-awtoritajiet pubbliċi. Il-libertà ta’ dawn l-impriżi li jaġixxu fis-suq tal-elettriku hija b’hekk limitata, fis-sens li, fid-dawl tal-interess kummerċjali tagħhom biss, dawn l-impriżi ma pprovdewx ċerti beni jew servizzi, jew ma kinux ipprovdiethom bl-istess mod jew taħt l-istess kundizzjonijiet. |
46 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li din id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “obbligi ta’ servizz pubbliku” taqbel mas-sistema stabbilita mid-Direttiva 2009/72. |
47 |
Fil-fatt, mill-istruttura ġenerali tagħha jirriżulta li din id-direttiva għandha l-għan li twettaq suq intern tal-gass naturali kompletament u effettivament miftuħ u kompetittiv fejn il-konsumaturi kollha jistgħu jagħżlu liberament il-fornituri tagħhom u fejn il-fornituri kollha jistgħu jipprovdu liberament il-prodotti tagħhom lill-klijenti tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Novembru 2018, Solvay Chimica Italia et, C‑262/17, C‑263/17 u C‑273/17, EU:C:2018:961, punti 36 u 55, kif ukoll tas-17 ta’ Ottubru 2019, Elektrorazpredelenie Yug, C‑31/18, EU:C:2019:868, punt 39). |
48 |
Madankollu, f’dan il-kuntest, id-Direttiva 2009/72 tippermetti lill-Istati Membri, bla ħsara għall-kundizzjonijiet li hija tindika, li jimponu, fl-interess ekonomiku ġenerali, obbligi ta’ servizz pubbliku, li jippreġudikaw il-libertà tal-operaturi kkonċernati li jaġixxu fis-suq inkwistjoni u b’hekk jaffettwaw il-proċess kompetittiv miftuħ f’dan is-suq. Huwa preċiżament minħabba li l-obbligi ta’ servizz pubbliku huma ta’ natura li jikkostitwixxu restrizzjonijiet għat-twettiq ta’ suq intern tal-elettriku kompletament u effettivament miftuħ u kompetittiv, li l-leġiżlatur tal-Unjoni impona fuq l-Istati Membri kundizzjonijiet li dawn tal-aħħar għandhom josservaw meta jissuġġettaw dawn l-operaturi għal tali obbligi. Fil-fatt, skont l-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, l-obbligi inkwistjoni għandhom ikunu ddefiniti b’mod ċar, trasparenti, nondiskriminatorji u verifikabbli u għandhom jiggarantixxu lill-impriżi tal-elettriku tal-Unjoni aċċess ugwali għall-konsumaturi nazzjonali. |
49 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk il-kontribuzzjoni obbligatorja taqax taħt il-kunċett ta’ “obbligi ta’ servizz pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72. |
50 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat, li skont il-qorti tar-rinviju, bl-introduzzjoni tal-kontribuzzjoni obbligatorja prevista fit-tielet dispożizzjoni addizzjonali tad-Digriet-Liġi 14/2010, li permezz tagħha ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, il-leġiżlatur nazzjonali xtaq inaqqas id-defiċit tat-tariffi tas-settur tal-elettriku, billi jevita li l-finanzjament ta’ din l-ispiża jiġi imputat fuq is-sistema elettrika kollha u għaldaqstant fuq il-konsumaturi. Din il-qorti tippreċiża li d-dħul li jirriżulta minn din il-kontribuzzjoni huwa użat għall-finanzjament tal-programmi ta’ azzjoni amministrati mill-IDAE, li, fil-fehma ta’ Engie Cartagena u tal-kumpanniji intervenjenti fil-kawża prinċipali, jikkonferma li l-għan segwit mill-kontribuzzjoni obbligatorja huwa l-protezzjoni tal-ambjent u l-ksib ta’ ffrankar tal-enerġija. |
51 |
Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, peress li l-imsemmija kontribuzzjoni obbligatorja ma timponi ebda rekwiżit fuq l-impriżi kkonċernati li jillimita l-libertà tagħhom li jaġixxu fis-suq tal-elettriku, tali kontribuzzjoni ma tistax taqa’ taħt il-kunċett ta’ “obbligi ta’ servizz pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72. B’mod partikolari, permezz tal-impożizzjoni ta’ din il-kontribuzzjoni, dawn l-impriżi bl-ebda mod ma huma mitluba jipprovdu ċerti beni jew servizzi li huma ma kinux jipprovdu, jew li huma ma kinux ipprovdew fl-istess miżura jew fl-istess kundizzjonijiet, jekk huma kienu ħadu inkunsiderazzjoni biss l-interess kummerċjali tagħhom. |
52 |
Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li s-sempliċi fatt li d-dħul mill-kontribuzzjoni obbligatorja jiġi ttrasferit lil fond amministrat mill-IDAE, li huwa responsabbli għall-implimentazzjoni tal-miżuri tal-programm ta’ azzjoni fil-qasam tal-ekonomija u tal-effiċjenza tal-enerġija, ma jimplikax madankollu li l-operaturi suġġetti għall-obbligu ta’ ħlas ta’ din il-kontribuzzjoni jiġu inkarigati minn “obbligu ta’ servizz pubbliku”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni. |
53 |
Fil-fatt, din iċ-ċirkustanza tikkonċerna biss id-destinazzjoni finali tad-dħul mill-kontribuzzjoni obbligatorja, li ma huwiex biżżejjed sabiex jitqies li l-ħlas ta’ din il-kontribuzzjoni jikkostitwixxi obbligu ta’ servizz pubbliku, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, kif iddefinit fil-punt 45 ta’ din is-sentenza. Il-fatt li l-IDAE għandu, eventwalment, għan ta’ interess ekonomiku ġenerali ma huwiex fih innifsu rilevanti, peress li t-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk obbligu ta’ servizz pubbliku huwa impost, mhux fuq dan l-istitut, iżda, għall-kuntrarju, fuq impriżi li jipproduċu enerġija elettrika. |
54 |
Barra minn hekk, l-aċċettazzjoni tal-pożizzjoni sostnuta minn Engie Cartagena u l-kumpanniji intervenjenti fil-kawża prinċipali tippreżupponi li kull obbligu ta’ kontribuzzjoni finanzjarja, previst minn leġiżlazzjoni nazzjonali, impost fuq operaturi fis-suq tal-elettriku jikkostitwixxi, fir-rigward mis-sempliċi destinazzjoni tal-prodott finali ta’ din il-kontribuzzjoni, “obbligu ta’ servizz pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72, li jmur manifestament lil hinn mill-portata ta’ dan il-kunċett kif ġie użat mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni. |
55 |
Bl-istess mod, iċ-ċirkustanza, irrilevata mill-qorti tar-rinviju, li l-programmi ta’ azzjoni fil-qasam tal-ekonomija u tal-effiċjenza tal-enerġija kienu iffinanzjati qabel filwaqt li jitqiesu li huma spiża fuq is-sistema elettrika kollha u għalhekk, fl-aħħar lok, fuq il-konsumaturi finali, u mhux fuq ċerti produtturi tal-enerġija elettrika, kif ukoll f’dan il-każ, ma humiex ta’ natura li jikkontestaw il-konklużjoni li tinsab fil-punt 51 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, din iċ-ċirkustanza tikkonċerna l-persuni suġġetti għal obbligu ta’ kontribuzzjoni għall-finanzjament ta’ dawn il-programmi, li, kif sostniet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ma jidhirx, bħala prinċipju, li jista’ jaffettwa n-natura tal-imsemmi obbligu. |
56 |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet ta’ Engie Cartagena u tal-kumpanniji intervenjenti fil-kawża prinċipali, il-kontribuzzjoni obbligatorja hija differenti mill-obbligi nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi tal-20 ta’ April 2010, Federutility et (C‑265/08, EU:C:2010:205), tal-21 ta’ Diċembru 2011, ENEL (C‑242/10, EU:C:2011:861), kif ukoll tas-7 ta’ Settembru 2016, ANODE (C‑121/15, EU:C:2016:637). Fil-fatt, il-kawżi li wasslu għal dawn is-sentenzi kienu jikkonċernaw miżuri nazzjonali li jimponu, rispettivament, rekwiżiti fuq il-“prezzijiet ta’ referenza” għall-provvista tal-gass naturali, fuq il-formulazzjoni ta’ offerti ta’ provvista ta’ elettriku u fuq it-tariffi rregolati ta’ bejgħ ta’ gass naturali. Dawn il-miżuri kollha jiddeterminaw għalhekk modalitajiet ta’ provvista ta’ oġġetti jew ta’ servizzi mill-impriżi kkonċernati. |
57 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72 għandu jiġi interpretat fis-sens li kontribuzzjoni finanzjarja imposta fuq ċerti impriżi li jipproduċu enerġija elettrika għall-finijiet tal-finanzjament ta’ pjani ta’ ekonomija u ta’ effiċjenza enerġetika ġestita minn awtorità pubblika ma tikkostitwixxix obbligu ta’ servizz pubbliku li jaqa’ taħt din id-dispożizzjoni. |
58 |
Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda. |
Fuq l-ispejjeż
59 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li kontribuzzjoni finanzjarja imposta fuq ċerti impriżi li jipproduċu enerġija elettrika għall-finijiet tal-finanzjament ta’ pjani ta’ ekonomija u ta’ effiċjenza enerġetika ġestita minn awtorità pubblika ma tikkostitwixxix obbligu ta’ servizz pubbliku li jaqa’ taħt din id-dispożizzjoni. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.